Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (l-Italja) fit-22 ta’ Ġunju 2018 – Iccrea Banca SpA Istituto Centrale del Credito Cooperativo vs Banca d’Italia

(Kawża C-414/18)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Iccrea Banca SpA Istituto Centrale del Credito Cooperativo

Konvenuta: Banca d’Italia

Domandi preliminari

Sabiex isir il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-Artikolu 5(1) b’mod partikolari s-subparagrafi (a) u (f) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 1 , interpretat fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti f’dak ir-regolament, fid-Direttiva 2014/59/UE 2 , fir-Regolament (UE) Nru 2014/806 3 , fl-Artikolu 120 TFUE, kif ukoll tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipju ta’ projbizzjoni tat-taxxa doppja, jipprekludi li s-sistema prevista għall-obbligazzjonijiet fi ħdan grupp tapplika wkoll fil-każ ta’ grupp “de facto” jew, fi kwalunkwe każ, fil-każ tal-interkonnessjonijiet bejn istituzzjoni u banek oħra eżistenti fl-istess sistema?

It-trattament favorevoli previst fl-imsemmi Artikolu 5 għall-obbligazzjonijiet ippreferuti jista’ għall-kuntrarju, fid-dawl tal-prinċipji msemmija hawn fuq, jiġi applikat ukoll b’analoġija għall-obbligazzjonijiet ta’ bank imsejħa tat-“tieni livell” fil-konfront ta’ banek oħra fis-sistema (ta’ kreditu kooperattiv)? Jew din il-kwalità – jiġifieri li tkun entità li taħdem konkretament, inkluż fil-konfront tal-BĊE u s-swieq finanzjarji, bħala istituzzjoni ċentrali fi ħdan numru ta’ banek żgħar interkonnessi u integrati – għandha fi kwalunkwe każ twassal, skont il-kuntest ġuridiku applikabbli, għal forma ta’ korrezzjoni fil-preżentazzjoni ta’ data finanzjarja mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali għall-istituzzjonijiet Komunitarji u fl-iffissar tal-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjoni lill-fond ta’ riżoluzzjoni abbażi tal-obbligazzjonijiet effettivi tagħha u tal-profil ta’ riskju konkret tagħha?

____________

1 Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).

2 Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 180).

3 Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).