Language of document : ECLI:EU:C:2013:217

Kawża C‑85/11

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

L-Irlanda

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Tassazzjoni — Direttiva 2006/112/KE — Artikoli 9 u 11 — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li persuni mhux taxxabbli jiġu inklużi fi grupp ta’ persuni li jistgħu jitqiesu li huma persuna taxxabbli waħda suġġetta għall-VAT”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-9 ta’ April 2013

Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Persuni taxxabbli — Kunċett — Possibbiltà għall-Istati Membri li jqisu persuni li jkunu marbuta mill-qrib ma’ xulxin li huma persuna taxxabbli waħda — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-inklużjoni ta’ persuni mhux taxxabbli fi grupp ta’ persuni li jistgħu jitqiesu li huma persuna taxxabbli waħda — Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Assenza

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 11)

L-Istat Membru li jawtorizza l-inklużjoni ta’ persuni mhux suġġetti fi grupp ta’ persuni li jistgħu jitqiesu li huma persuna taxxabbli waħda suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud, ma jonqosx milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.

Mill-kliem “persuna taxxabbli waħedha” ma jistax jiġi dedott li l-Artikolu 11 tad-Direttiva huwa unikament intiż sabiex jippermetti li diversi persuni taxxabbli jiġu ttrattati bħala entità waħda, peress li dan il-kliem ma jirrigwardax kundizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu iżda r-riżultat tiegħu, li jikkonsisti f’li diversi persuni jitqiesu li huma persuna taxxabbli waħda. Il-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu lanqas ma tippermetti li jiġi kkunsidrat li dan jirrappreżenta eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tipprovdi li kull persuna taxxabbli għandha tiġi ttrattata bħala entità distinta, b’tali mod li dan l-artikolu għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, u lanqas li l-kunċett ta’ grupp jimplika li l-persuni li jifformaw parti minnu jkunu kollha jappartjenu għall-istess kategorija, peress li t-terminu “grupp” ma huwiex inkluż fih.

F’dak li jirrigwarda, barra minn hekk, l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 11 tad-Direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jippermetti li l-Istati Membri ma jorbtux sistematikament il-kwalità ta’ persuna taxxabbli mal-kunċett ta’ indipendenza purament legali, sewwa jekk biex ikun hemm simplifikazzjoni amministrattiva, sewwa jekk biex jiġu evitati ċerti abbużi bħal, pereżempju, il-qsim ta’ impriża bejn diversi persuni taxxabbli bl-għan li jibbenefikaw minn sistema speċifika. Issa, il-possibbiltà, mogħtija lill-Istati Membri, li jqisu persuna taxxabbli waħda grupp ta’ persuni li jinkludi persuna jew persuni li ma jistax ikollhom, individwalment, il-kwalità ta’ persuna taxxabbli, ma jidhirx li tmur kontra l-imsemmija għanijiet. Bil-kontra ta’ dan, ma jistax jiġi eskluż li l-preżenza, fi ħdan il-grupp tal-VAT, ta’ tali persuni tikkontribwixxi għal simplifikazzjoni amministrattiva kemm għall-imsemmi grupp kif ukoll għall-amministrazzjoni fiskali u tippermetti li jiġu evitati ċerti abbużi, peress li l-imsemmija preżenza tista’ saħansitra tkun indispensabbli għal dawn l-għanijiet jekk hija biss tistabbilixxi r-rabta stretta li għandha tkun teżisti, fuq il-livell finanzjarju, ekonomiku u organizzattiv, bejn il-persuni li jifformaw dan l-istess grupp sabiex dawn jitqiesu li huma persuna taxxabbli waħda.

(ara l-punti 40, 47, 48)