Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Veneto (l-Italja) fis-27 ta’ Ġunju 2018 – Italy Emergenza Cooperativa Sociale, Associazione Volontaria di Pubblica Assistenza “Croce Verde” vs Ulss 5 Polesana Rovigo, Regione del Veneto
(Kawża C-424/18)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Tribunale Amministrativo Regionale per il Veneto
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Italy Emergenza Cooperativa Sociale, Associazione Volontaria di Pubblica Assistenza “Croce Verde”
Konvenuti: Ulss 5 Polesana Rovigo, Regione del Veneto
Domandi preliminari
L-Artikolu 10(h) u l-premessa 28 tad-Direttiva 2014/24/UE 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li
a) s-servizzi tal-ambulanzi li għalihom hija obbligatorja l-preżenza abbord ta’ sewwieq li jista’ jagħti s-sokkors u ta’ mill-inqas persuna li tista’ tagħti s-sokkors li għandha l-kwalifiki u l-kompetenzi pprovati mill-attendenza ta’ taħriġ u mill-fatt li għaddiet eżami fil-qasam tas-sokkors, u
b) s-servizzi tat-trasport previsti fil-kuntest tal-livelli essenzjali ta’ assistenza (LEA) mogħtija permezz ta’ vetturi tas-sokkors jaqgħu taħt l-esklużjoni msemmija minn din id-dispożizzjoni jew, bil-kontra, taħt is-servizzi msemmija fl-Artikoli 74 sa 77 tad-direttiva ċċitata;
id-Direttiva 2014/24/UE għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, anki fl-assenza ta’ emerġenza,
a) is-servizzi tal-ambulanzi li għalihom hija obbligatorja l-preżenza abbord ta’ sewwieq li jista’ jagħti s-sokkors u ta’ mill-inqas persuna li tista’ tagħti s-sokkors li għandha l-kwalifiki u l-kompetenzi pprovati mill-attendenza ta’ taħriġ u mill-fatt li għaddiet eżami fil-qasam tas-sokkors, u
b) s-servizzi tat-trasport previsti fil-kuntest tal-livelli essenzjali ta’ assistenza (LEA) mogħtija permezz ta’ vetturi tas-sokkors huma assenjati, b’mod prijoritarju, lil assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat permezz ta’ ftehim dirett?
____________
1 Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, Rettifika
ĠU 2015, L 275, 20.10.2015, p. 68).