Language of document : ECLI:EU:C:2018:193

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

20 ta’ Marzu 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/6/KE – Manipulazzjoni tas-suq – Sanzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sanzjoni amministrattiva u sanzjoni kriminali għall-istess fatti – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Natura kriminali tas-sanzjoni amministrattiva – Eżistenza tal-istess ksur – Artikolu 52(1) – Limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C‑537/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Settembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Ottubru 2016, fil-proċedura

Garlsson Real Estate SA, fi stralċ,

Stefano Ricucci,

Magiste International SA

vs

Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (Consob),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, T. von Danwitz (Relatur), A. Rosas u E. Levits, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑30 ta’ Mejju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Garlsson Real Estate SA, fi stralċ, S. Ricucci kif ukoll Magiste International SA, minn M. Canfora, avvocato,

–        għall-Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (Consob), minn A. Valente, S. Providenti u P. Palmisano, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Galluzzo u minn P. Gentili, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u D. Klebs, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Di Bucci, R. Troosters u T. Scharf, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Settembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), moqri fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Garlsson Real Estate SA, fi stralċ, Stefano Ricucci u Magiste International SA u, min-naħa l-oħra, il-Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Kumpanniji u l-Borża, l-Italja) (iktar ’il quddiem “Consob”), dwar il-legalità ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja li ġiet imposta fuqhom minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni dwar l-aġir ta’ manipulazzjoni tas-suq.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-KEDB

3        L-Artikolu 4 tal-Protokoll 7 tal-KEDB, intitolat “Id-dritt li persuna ma tiġix ipproċessata jew ikkastigata darbtejn”, jipprovdi:

“1.      Ħadd ma jista’ jkun ipproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni tal-istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġà ġie finalment liberat jew misjub ħati skont il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat.

2.      Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma għandhomx iżommu milli l-każ jerġa’ jinfetaħ skont il-liġi u l-proċedura penali tal-Istat inkwistjoni, jekk ikun hemm provi ta’ xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati, jew inkella jekk ikun ħemm xi vizzju fondamentali fil-proċedimenti ta’ qabel, li jista’ jkollhom effett fuq kif jiżvolġi l-każ.

3.      Ebda deroga minn dan l-artikolu ma għandha ssir taħt l-artikolu 15 tal-Konvenzjoni.”

 Id-dritt tal-Unjoni

4        Konformement mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 367), l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu lil kull persuna milli tinvolvi ruħha f’manipulazzjoni tas-suq. L-aġir li jikkostitwixxi manipulazzjoni tas-suq huwa ddeterminat fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva.

5        Skont l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva:

“Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ Stati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali, Stati Membri għandhom jassiguraw, in konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, li l-miżuri amministrattivi approprjati jistgħu jittieħdu jew sanzjonijiet amministrattivi jiġu imposti kontra l-persuni responsabbli meta ma jkunx hemm konformità mad-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li dawn il-miżuri huma effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

 Id-dritt Taljan

6        L-Artikolu 185 tad-decreto legislativo n. 58 – Testo unico delle disposizioni in materia di intermediazione finanziaria, ai sensi degli articoli 8 e 21 della legge 6 febbraio 1996, n. 52 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 58 dwar test uniku ta’ dispożizzjonijiet dwar l-intermedjazzjoni finanzjarja, fis-sens tal-Artikoli 8 u 21 tal-Liġi tas‑6 ta’ Frar 1996, Nru 52), tal‑24 ta’ Frar 1998 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 71, tas‑26 ta’ Marzu 1998), kif emendat bil-legge n. 62 – Disposizioni per l’adempimento di obblighi derivanti dall’appartenenza dell’Italia alle Comunità europee. Legge comunitaria 2004 (il-Liġi Nru 62, dwar dispożizzjonijiet maħsuba sabiex jimplementaw l-obbligi li joħorġu mis-sħubija tal-Italja mal-Komunità Ewropea, id-dritt Komunitarju tal-2004), tat‑18 ta’ April 2005 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 76, tas‑27 ta’ April 2005) (iktar ’il quddiem it-“TUF”), intitolat “Manipulazzjoni tas-suq”, jipprovdi:

“1.      Min ixerred aħbarijiet foloz jew iwettaq operazzjonijiet simulati jew juża mezzi oħra, speċifikament, sabiex jikkawża bidla sinjifikanti fil-prezz ta’ strumenti finanzjarji għandu jiġi punit bi priġunerija bejn sena u 6 snin u multa ta’ bejn għoxrin elf u ħames miljun Euro.

2.      L-imħallef jista’ jżid il-multa sat-tripplu tal-ammont tagħha jew sa ammont superjuri ugwali għal għaxar darbiet iktar mill-prodott jew il-benefiċċju miksub mir-reat, meta l-multa tkun insuffiċjenti, minkejja li jkun ġie applikat l-ammont massimu, fid-dawl tal-gravità tal-aġir li jikkostitwixxi ksur, il-kwalitajiet personali tat-trasgressur jew l-ammont tal-prodott jew tal-benefiċċju miksub.”

7        L-Artikolu 187b tat-TUF, intitolat “Manipulazzjoni tas-suq”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Mingħajr preġudizzju għas-sanzjonijiet kriminali, jekk l-att jikkostitwixxi reat, għandu jiġi punit b’sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ bejn għoxrin elf u ħames miljun Euro kull min, permezz ta’ mezz ta’ komunikazzjoni, inkluż l-internet jew kull mezz ieħor, ixerred informazzjoni, xnigħat, aħbarijiet foloz jew qarrieqa li jipprovdu jew jistgħu jipprovdu indikazzjonijiet foloz jew qarrieqa rigward l-istrumenti finanzjarji.”

[…]

3.      Bla ħsara għas-sanzjonijiet kriminali meta l-fatt ikun kriminali, l-istess sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw għal kull persuna li twettaq:

[…]

c)      transazzjonijiet jew ordnijiet ta’ bejgħ li jużaw strateġemmi jew kwalunkwe tip ieħor ta’ qerq jew ta’ kontravenzjoni:

[…]

5.      Is-sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji previsti fil-paragrafi preċedenti għandhom jiżdiedu sa tliet darbiet [l-ammont previst] jew ammont superjuri ta’ għaxar darbiet il-prodott jew il-profitt miksub mill-ksur meta, fid-dawl tad-dannu kkawżat mill-fatti, tal-kwalità tat-trasgressur jew tal-ammont tal-prodott jew tal-profitt miksub b’dan il-mod, jew minħabba effetti prodotti fis-suq, is-sanzjonijiet ikunu insuffiċjenti, anki jekk jiġi applikat l-ammont massimu.

[…]”

8        L-Artikolu 187i tat-TUF, intitolat “Relazzjonijiet mal-ġudikatura”, jistipula:

“1.      Meta jkollu għarfien ta’ xi wieħed mill-ksur previsti mill-Kapitolu II, l-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jinforma mingħajr dewmien lill-President tal-[Consob] dwar dan.

2.      Il-President tal-[Consob] għandu jibgħat lill-Uffiċċju tal-Prosekutur, permezz ta’ rapport motivat, id-dokumentazzjoni miġbura fl-eżerċizzju tal-attività ta’ verifika malli jinstabu elementi li jippuntaw lejn l-eżistenza ta’ ksur. L-atti għandhom jintbagħtu lill-Uffiċċju tal-Prosekutur l-iktar tard fl-aħħar tal-attività ta’ determinazzjoni tal-ksur imsemmi fid-dispożizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III ta’ dan it-titolu.

3.      Il-[Consob] u l-awtorità ġudizzjarja għandhom jikkoperaw bejniethom, inkluż permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni, bl-għan li jiffaċilitaw id-determinazzjoni tal-ksur imsemmi f’dan it-titolu, inkluż meta dan il-ksur ma jkunx jikkostitwixxi reat. […]”

9        L-Artikolu 187k(1) tat-TUF, intitolat “Relazzjonijiet bejn il-proċedura kriminali u l-proċedura amministrattiva u dik ta’ oppożizzjoni”, jipprovdi:

“Il-proċedura amministrattiva ta’ determinazzjoni u l-proċedura ta’ oppożizzjoni […] ma jistgħux jiġu sospiżi minħabba l-fatt li jkun hemm proċeduri kriminali pendenti li s-suġġett tagħhom ikunu l-istess fatti jew fatti li d-determinazzjoni tagħhom tiddependi fuq id-deċiżjoni korrispondenti.”

10      Konformement mal-Artikolu 187l tat-TUF, intitolat “Eżekuzzjoni tal-pieni pekunjarji u tas-sanzjonijiet pekunjarji fil-proċess kriminali”:

“Meta tkun ingħatat sanzjoni amministrattiva pekunjarja […] għall-istess att lit-trasgressur jew lill-persuna ġuridika […] il-ħlas tal-piena pekunjarja u tas-sanzjoni pekunjarja li jirriżultaw mir-reat għandu jkun limitat għall-parti li taqbeż dak miġbur mill-awtorità amministrattiva.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Settembru 2007, il-Consob imponiet sanzjoni amministrattiva pekunjarja fl-ammont ta’ EUR 10.2 miljun fuq S. Ricucci kif ukoll fuq Magiste International u fuq Garlsson Real Estate, responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ din is-somma.

12      Skont dik id-deċiżjoni, S. Ricucci, matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għamel xi manipulazzjonijiet intiżi li jattiraw l-attenzjoni fuq it-titoli ta’ RCS MediaGroup SpA u, permezz ta’ dan, juża l-prezz ta’ dawn it-titoli għal finijiet personali. Il-Consob qieset li dan l-aġir kellu bħala konsegwenza evoluzzjoni mhux normali tal-imsemmija titoli u li dan kien, sussegwentement, jikkostitwixxi manipulazzjoni tas-suq fis-sens tal-Artiklu 187b(3)(c) tat-TUF.

13      Is-sanzjoni amministrattiva pekunjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet ikkontestata minn S. Ricucci kif ukoll minn Magiste International u Garlsson Real Estate quddiem il-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma, l-Italja). Permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Jannar 2009, dik il-qorti laqgħet ir-rikors parzjalment billi naqqset l-imsemmija sanzjoni amministrattiva pekunjarja għal EUR 5 miljun. Il-partijiet kollha għall-kawża prinċipali appellaw fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja).

14      L-aġir deskritt fil-punt 12 ta’ din is-sentenza ta lok ukoll għal proċeduri kriminali kontra S. Ricucci, li fihom ġie kkundannat, permezz ta’ sentenza tat-Tribunale di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma, l-Italja) tal‑10 ta’ Diċembru 2008, skont il-proċedura nnegozjata, għal piena ta’ priġunerija ta’ erba’ snin u sitt xhur abbażi tal-Artikolu 185 tat-TUF. Din il-piena sussegwentement ġiet imnaqqsa għal tliet snin, u sussegwentement imħassra grazzi għal maħfra. L-imsemmija sentenza saret definittiva.

15      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tindika li, fl-ordinament ġuridiku Taljan, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma japplikax għar-relazzjonijiet bejn sanzjonijiet kriminali u sanzjonijiet amministrattivi.

16      Din il-qorti għandha madankollu xi dubji dwar il-kompatibbiltà, wara s-sentenza tat-Tribunale di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma) tal‑10 ta’ Diċembru 2008, tal-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 50 tal-Karta, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB.

17      Fil-fatt, skont l-imsemmija qorti, filwaqt li din is-sentenza hija assimilata, fl-ordinament ġuridiku Taljan, ma’ sentenza kriminali ta’ kundanna, is-sanzjoni amministrattiva pekunjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali imposta skont l-Artikolu 187b tat-TUF hija ta’ natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ Marzu 2014, Grande Stevens et vs L-Italja (CE:ECHR:2014:0304JUD001864010). Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-aġir ikkritikat ta’ S. Ricucci fil-kuntest ta’ din il-proċedura amministrattiva huwa l-istess bħal dak li abbażi tiegħu ġiet imposta s-sanzjoni kriminali fuqu.

18      Peress li qieset li l-applikazzjoni tal-Artikolu 187b tat-TUF fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali tqajjem kwistjonijiet dwar il-kostituzzjonalità ta’ din id-dispożizzjoni, il-qorti tar-rinviju staqsiet lill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja).

19      Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2016, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) iddikjarat il-kwistjoni ta’ kostituzzjonalità inammissibbli, għar-raġuni li l-qorti tar-rinviju ma kinitx iċċarat, preliminarjament, ir-relazzjonijiet bejn il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-QEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u dan l-istess prinċipju kif inhu applikabbli fil-kuntest tal-abbuż tas-suq skont id-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, huwiex direttament applikabbli għas-sistema interna ta’ Stat Membru.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 50 tal-[Karta], interpretat fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-[KEDB], tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, jipprekludi l-possibbiltà li titmexxa proċedura amministrattiva dwar fatti (aġir illegali li jikkonsisti f’manipulazzjoni tas-suq) li fir-rigward tagħhom l-istess persuna ngħatat kundanna kriminali definittiva?

2)      Il-qorti nazzjonali tista’ tapplika direttament il-prinċipji tal-Unjoni fir-rigward tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, abbażi tal-Artikolu 50 tal-[Karta], interpretat fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-[KEDB], tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

21      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 50 tal-Karta, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li titmexxa proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja      kontra persuna minħabba aġir illegali li jikkonsisti f’manipulazzjoni tas-suq li fir-rigward ta’ dan l-aġir din il-persuna diġà ngħatat kundanna kriminali definittiva.

22      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6, moqri flimkien mal-Artikolu 5 tagħha, l-Istati Membri għandhom jimponu, mingħajr preġudizzju għad-dritt tagħhom li jimponu sanzjonijiet kriminali, miżuri jew sanzjonijiet amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-konfront tal-persuni responsabbli għal manipulazzjoni tas-suq.

23      Skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Artikolu 187b tat-TUF ġie adottat sabiex jittrasponi fid-dritt Taljan dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/6. Għalhekk, il-proċedura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali u s-sanzjoni amministrattiva pekunjarja prevista f’dan l-Artikolu 187b imposta fuq S. Ricucci jikkostitwixxu implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Għaldaqstant, dawn għandhom b’mod partikolari jirrispettaw id-dritt fundamentali li persuna ma tiġix iġġudikata jew mogħtija piena darbtejn għall-istess ksur, iggarantit mill-Artikolu 50 tagħha.

24      Barra minn hekk, minkejja li, bħalma jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-KEDB jiffurmaw parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali u minkejja li l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi li d-drittijiet inklużi f’din tal-aħħar, li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, għandhom jingħataw l-istess sens u l-istess portata mogħtija lilhom mill-imsemmija konvenzjoni, din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, sa fejn l-Unjoni Ewropea ma adixxietx għaliha, strument ġuridiku formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 44, kif ukoll tal‑15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.

25      Skont l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 52 tal-Karta, il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu huwa intiż sabiex jiżgura l-koerenza meħtieġa bejn il-Karta u l-KEDB, “mingħajr ma dan jaffetwa b’mod negattiv l-awtonomija tal-liġi ta’ l-Unjoni u dik tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea” (sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 47, u tal‑14 ta’ Settembru 2017, K., C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26      Għaldaqstant, l-eżami tad-domanda magħmula għandu jitwettaq fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 50 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Orsi u Baldetti, C‑217/15 u C‑350/15, EU:C:2017:264, punt 15 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27      L-Artikolu 50 tal-Karta jipprovdi li “[l]-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.” Għaldaqstant, il-prinċipju tan-ne bis in idem jipprekludi kumulu kemm ta’ proċeduri kif ukoll ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali fis-sens ta’ dan l-artikolu għall-istess fatti u kontra l-istess persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 34).

 Fuq in-natura kriminali tal-proċeduri u tas-sanzjonijiet

28      F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tan-natura kriminali ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali hemm lok jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tliet kriterji huma rilevanti. L-ewwel kriterju huwa dak dwar il-klassifikazzjoni legali tal-ksur fid-dritt nazzjonali, it-tieni wieħed huwa dak dwar in-natura stess tal-ksur u t-tielet wieħed huwa dwar il-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Bonda, C‑489/10, EU:C:2012:319, punt 37, u tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 35).

29      Filwaqt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, jekk il-proċeduri u s-sanzjonijiet kriminali u amministrattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’ madankollu tagħti indikazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lil dik il-qorti fl-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi, C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      F’dan il-każ, għandu qabelxejn jiġi speċifikat li l-klassifikazzjoni kriminali, fid-dawl tal-kriterji mfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, tal-proċeduri kriminali u tal-piena ta’ priġunerija, imsemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, li S. Ricucci kien suġġett għalihom, ma hijiex ikkontestata. Il-kwistjoni tqum, min-naħa l-oħra, dwar jekk is-sanzjoni amministrattiva pekunjarja u l-proċedura amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex ta’ natura penali, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, jew le.

31      F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-ewwel kriterju mfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, mill-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt nazzjonali jikklassifika l-proċedura li wasslet sabiex tiġi imposta din is-sanzjoni tal-aħħar bħala proċedura amministrattiva.

32      Madankollu, l-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta ma hijiex limitata biss għall-azzjonijiet u s-sanzjonijiet li huma kklassifikati bħala “kriminali” mid-dritt nazzjonali iżda testendi – indipendentement minn tali klassifikazzjoni – għal proċeduri u għal sanzjonijiet li għandhom jitqiesu li huma ta’ natura kriminali abbażi taż-żewġ kriterji l-oħrajn imsemmija fl-imsemmi punt 28.

33      Fir-rigward tat-tieni kriterju, dwar in-natura nfisha tal-ksur, dan jimplika li għandu jiġi vverifikat jekk is-sanzjoni inkwistjoni għandhiex, b’mod partikolari, għan repressiv (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Bonda, C‑489/10, EU:C:2012:319, punt 39). Minn dan isegwi li sanzjoni li għandha għan repressiv hija ta’ natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, u li l-fatt biss li hija għandha wkoll għan preventiv ma huwiex ta’ natura li jneħħilha l-klassifikazzjoni tagħha ta’ sanzjoni kriminali. Fil-fatt, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa fin-natura nfisha tas-sanzjonijiet kriminali li dawn ikunu intiżi kemm għar-repressjoni kif ukoll għall-prevenzjoni ta’ aġir illegali. Min-naħa l-oħra, miżura li sempliċement tirrepara d-dannu kkawżat mill-ksur ikkonċernat ma għandhiex natura kriminali.

34      F’dan il-każ, l-Artikolu 187b tat-TUF jipprevedi li kwalunkwe persuna li tkun wettqet manipulazzjoni tas-suq għandha tiġi punita b’sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ bejn għoxrin elf u ħames miljun Euro, u din is-sanzjoni tista’, f’ċerti ċirkustanzi, bħalma jirriżulta mill-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, tiżdied sa tliet darbiet l-ammont tagħha jew ammont ugwali għal għaxar darbiet il-prodott jew il-profitt miksub mill-ksur. Barra minn hekk, il-Gvern Taljan speċifika, fis-sottomissjonijiet mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-applikazzjoni ta’ din is-sanzjoni dejjem iġġib magħha l-konfiska tal-prodott jew tal-profitt miksub minħabba l-ksur u tal-oġġetti użati sabiex jitwettaq. Jidher għaldaqstant li l-imsemmija sanzjoni ma għandhiex l-għan sempliċement li tirrepara d-dannu kkawżat mill-ksur iżda li din għandha wkoll għan repressiv – li jikkorrispondi barra minn hekk għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju – u għandha, għaldaqstant, natura kriminali.

35      F’dak li jirrigwarda t-tielet kriterju, għandu jiġi rrilevat li s-sanzjoni amministrattiva pekunjarja li tista’ tilħaq ammont li jmur sa għaxar darbiet il-prodott jew il-profitt miksub minn manipulazzjoni tas-suq għandha grad għoli ta’ severità li jista’ jsostni l-analiżi li din is-sanzjoni hija ta’ natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, fatt li hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 Fuq l-eżistenza tal-istess ksur

36      Mill-kliem stess tal-Artikolu 50 tal-Karta jirriżulta li dan jipprojbixxi l-ipproċessar jew l-ikkundannar tal-istess persuna iktar minn darba għall-istess ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Orsi u Baldetti, C‑217/15 u C‑350/15, EU:C:2017:264, punt 18). Bħalma tindika l-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, id-diversi proċeduri u sanzjonijiet ta’ natura kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwardaw l-istess persuna, jiġifieri S. Ricucci.

37      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-istess ksur huwa dak tal-identiċità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta’ ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti inseparabbilment marbuta bejniethom li wasslu sabiex il-persuna kkonċernata tinħeles jew tiġi kkundannata b’mod definittiv (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2007, Kraaijenbrink, C‑367/05, EU:C:2007:444, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello, C‑261/09, EU:C:2010:683, punti 39 u 40). Għaldaqstant, l-Artikolu 50 tal-Karta jipprekludi li jiġu imposti, għal fatti identiċi, diversi sanzjonijiet ta’ natura kriminali wara proċeduri differenti mnehdija għal dan l-għan.

38      Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni ġuridika, fid-dritt nazzjonali, tal-fatti u l-interess ġuridiku protett ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-istess ksur, sa fejn il-portata tal-protezzjoni mogħtija fl-Artikolu 50 tal-Karta ma tistax tvarja minn Stat Membru għall-ieħor.

39      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li huwa l-istess aġir, li jikkonsisti f’manipulazzjonijiet intiżi li jattiraw l-attenzjoni tal-pubbliku fuq it-titoli ta’ RCS MediaGroup, li S. Ricucci ġie akkużat bih, kemm fil-proċeduri kriminali li wasslu għall-kundanna kriminali definittiva tiegħu, kif ukoll fil-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

40      Minkejja li, bħalma targumenta l-Consob fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni kriminali wara proċeduri kriminali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, teħtieġ, b’differenza għall-imsemmija sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali, element suġġettiv, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanza li l-impożizzjoni tal-imsemmija sanzjoni kriminali tiddependi minn element kostituttiv addizzjonali meta mqabbla mas-sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali ma hijiex, fiha nfisha, ta’ natura li timmina l-identiċità tal-fatti materjali kkonċernati. Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, is-sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali u l-proċeduri kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għaldaqstant donnhom għandhom bħala suġġett l-istess ksur.

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti li tinbeda proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta kontra persuna, bħal S. Ricucci, għal aġir illegali li jikkonsisti f’manipulazzjoni tas-suq li għalih diġà ġiet imposta kundanna kriminali definittiva fil-konfront tiegħu. Issa, tali kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet jikkostitwixxi limitazzjoni tad-dritt fundamentali ggarantit minn dan l-Artikolu 50.

 Fuq il-ġustifikazzjoni tal-limitazzjoni tad-dritt iggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta

42      Għandu jitfakkar li, fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Mejju 2014, Spasic (C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punti 55 u 56), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li limitazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem iggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta tista’ tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 52(1) tagħha.

43      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rrikonoxxuti minn din għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Skont it-tieni sentenza tal-imsemmi paragrafu, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet u għal dawn il-libertajiet biss jekk tali limitazzjonijiet ikunu neċessarji u jekk effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

44      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-possibbiltà ta’ kumulu ta’ proċeduri u sanzjonijiet kriminali kif ukoll ta’ proċeduri u sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali hija prevista mil-liġi.

45      Barra minn hekk, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tosserva l-kontenut essenzjali tal-Artikolu 50 tal-Karta, sa fejn din tippermetti tali kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet biss suġġett għal kundizzjonijiet restrittivi, li jiżguraw għaldaqstant li d-dritt iggarantit f’dan l-Artikolu 50 ma jkunx imminat bħala tali.

46      F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-limitazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem li tirriżulta minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax għan ta’ interess ġenerali, mill-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-leġiżlazzjoni hija intiża li tipproteġi l-integrità tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni u l-fiduċja tal-pubbliku fl-istrumenti finanzjarji. Fid-dawl tal-importanza li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħti, sabiex jintlaħaq dan l-għan, għall-ġlieda kontra ksur tal-projbizzjoni ta’ manipulazzjoni tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdonck, C‑45/08, EU:C:2009:806, punti 37 u 42), kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali jista’ jkun iġġustifikat meta dawn il-proċeduri u dawn is-sanzjonijiet ifittxu, sabiex jintlaħaq tali għan, għanijiet komplementari li jirrigwardaw, skont il-każ, aspetti differenti tal-istess aġir li jikkostitwixxi ksur ikkonċernat, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

47      F’dan ir-rigward, fil-qasam tal-ksur relatat mal-manipulazzjoni tas-suq, jidher leġittimu li Stat Membru jkun irid, minn naħa, jiddisswadi u jikkastiga kull ksur ta’ obbligu, kemm jekk ikun intenzjonali jew le, dwar il-projbizzjoni ta’ manipulazzjoni tas-suq u billi jimponi sanzjonijiet amministrattivi stabbiliti, skont il-każ, f’rata fissa u, min-naħa l-oħra, jiddisswadi u jikkastiga ksur ta’ obbligi gravi ta’ tali projbizzjoni, li huwa partikolarment ta’ ħsara għas-soċjetà u li jiġġustifika l-adozzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali iktar severi.

48      Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dan jeżiġi li l-kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandux jaqbeż il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija minn din il-leġiżlazzjoni, u huwa mifhum li, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tintuża dik li hija l-inqas restrittiva u li l-inkonvenjenti kkawżati minnha ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Frar 2010, Müller Fleisch, C‑562/08, EU:C:2010:93, punt 43; tad‑9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 86, kif ukoll tad‑19 ta’ Ottubru 2016, EL-EM-2001, C‑501/14, EU:C:2016:777, punti 37 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’dan ir-rigward, hemm lok jitfakkar li, skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/6, moqri flimkien mal-Artikolu 5 tagħha, l-Istati Membri għandhom libertà fl-għażla tas-sanzjonijiet applikabbli fil-konfront ta’ persuni responsabbli għal manipulazzjoni tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdonck, C‑45/08, EU:C:2009:806, punti 71 u 72). Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam, l-Istati Membri għaldaqstant jistgħu jipprevedu kemm sistema li fiha ksur tal-projbizzjoni ta’ manipulazzjoni tas-suq jista’ jkun is-suġġett ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet darba biss, kif ukoll sistema li tawtorizza kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-proporzjonalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi ddubitata minħabba l-fatt biss li l-Istat Membru kkonċernat għażel li jipprevedi l-possibbiltà ta’ tali kumulu u dan, taħt piena li dan l-Istat Membru titneħħielu din il-libertà ta’ għażla.

50      Wara li dan ġie ppreċiżat, għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi tali possibbiltà ta’ kumulu hija xierqa sabiex tilħaq l-għan imsemmi fil-punt 46 ta’ din is-sentenza.

51      Fir-rigward tan-natura strettament neċessarja tagħha, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha, qabelxejn, tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jippermettu lill-parti f’kawża tipprevedi liema atti u ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet.

52      F’dan il-każ, bħalma jirriżulta mill-elementi li jinsabu fil-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari l-Artikolu 187b tat-TUF, jipprevedi l-kundizzjonijiet li fihom it-tixrid ta’ indikazzjonijiet foloz u t-twettiq ta’ operazzjonijiet simulati, li jistgħu jipprovdu informazzjoni falza jew qarrieqa rigward l-istrumenti finanzjarji, jistgħu jagħtu lok għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali. Konformement ma’ dan l-Artikolu 187b u fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 185 tat-TUF, tali aġir jista’ wkoll, meta effettivament jista’ jikkawża bidla sinjifikanti fil-prezz tal-istrumenti finanzjarji, ikun is-suġġett ta’ piena ta’ priġunerija u ta’ multa kriminali.

53      Jidher għaldaqstant, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi, b’mod ċar u preċiż, f’liema ċirkustanzi manipulazzjoni tas-suq tista’ tkun is-suġġett ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali.

54      Sussegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tiżgura li l-piżijiet li jirriżultaw, għall-persuni kkonċernati, minn tali kumulu jkunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fil-punt 46 ta’ din is-sentenza.

55      Fir-rigward, minn naħa, ta’ kumulu ta’ proċeduri ta’ natura kriminali li, bħalma jirriżulta mill-elementi li jinsabu fil-proċess, huma mmexxija b’mod indipendenti, ir-rekwiżit imfakkar fil-punt preċedenti jimplika l-eżistenza ta’ regoli li jiżguraw koordinazzjoni intiża li tnaqqas għal dak li huwa strettament neċessarju l-piż addizzjonali li tali kumulu jġib miegħu għall-persuni kkonċernati.

56      Min-naħa l-oħra, il-kumulu ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali għandu jkollu miegħu regoli li jippermettu li jiġi żgurat li s-severità tas-sanzjonijiet imposti kollha tikkorrispondi mal-gravità tal-ksur ikkonċernat, liema rekwiżit jirriżulta mhux biss mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, iżda wkoll mill-prinċipju ta’ proporzjonalità ta’ pieni stipulat fl-Artikolu 49(3) tagħha. Dawn ir-regoli għandhom jipprevedu l-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti, fil-każ ta’ impożizzjoni tat-tieni sanzjoni, li jiżguraw li s-severità tas-sanzjonijiet imposti kollha ma teċċedix il-gravità tal-ksur ikkonstatat.

57      F’dan il-każ, ċertament, l-obbligu ta’ kooperazzjoni u ta’ koordinazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-Consob previst fl-Artikolu 187i tat-TUF jista’ jnaqqas il-piż li jirriżulta, għall-persuna kkonċernata, mill-kumulu ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali u minn proċedura kriminali minħabba aġir illegali li jikkostitwixxi manipulazzjoni tas-suq. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, fil-każ li tkun ingħatat kundanna kriminali skont l-Artikolu 185 tat-TUF fl-aħħar tal-proċedura kriminali, it-tkomplija tal-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali teċċedi dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, sa fejn din il-kundanna kriminali hija ta’ natura li tiskoraġġixxi l-ksur imwettaq b’mod effettiv, proporzjonat u dissważiv.

58      F’dan ir-rigward, mill-elementi li jinsabu fil-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u li huma mqassra fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-manipulazzjoni tas-suq li tista’ tkun is-suġġett ta’ kundanna kriminali skont l-Artikolu 185 tat-TUF għandha tkun ta’ ċerta gravità u li l-ksur li jista’ jiġi impost skont din id-dispożizzjoni jġib miegħu piena ta’ priġunerija kif ukoll multa kriminali skont skala li tikkorrispondi ma’ dik prevista għas-sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali msemmija fl-Artikolu 187b tat-TUF.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-fatt li titkompla proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali skont dan l-Artikolu 187b ikun jeċċedi dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, sa fejn il-kundanna kriminali mogħtija b’mod definittiv hija, fid-dawl tad-dannu kkawżat lis-soċjetà mill-ksur imwettaq, ta’ natura li tiskoraġġixxi dan il-ksur b’mod effettiv, proporzjonat u dissważiv, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

60      Għandu jiżdied, fir-rigward tal-kumulu ta’ sanzjonijiet awtorizzat mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li din donnha hija limitata li tipprevedi fl-Artikolu 187l tat-TUF li, meta, għall-istess fatti, multa kriminali […] u sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali […] ikunu ġew imposti, il-ġbir tal-ewwel waħda jkun limitat għall-parti li teċċedi l-ammont tat-tieni waħda. Issa, sa fejn dan l-Artikolu 187l donnu jkopri biss il-kumulu ta’ pieni pekunjarji u mhux il-kumulu ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali u ta’ piena ta’ priġunerija, jidher li l-imsemmi artikolu ma jiggarantixxix li s-severità tas-sanzjonijiet imposti kollha tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju meta mqabbel mal-gravità tal-ksur ikkonċernat.

61      Għaldaqstant, jidher li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tawtorizza, wara kundanna kriminali li saret definittiva, fil-kundizzjonijiet identifikati fil-punt preċedenti, it-tkomplija ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali tmur lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, fatt li madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

62      Din il-konklużjoni ma hijiex imminata miċ-ċirkustanza li l-piena mogħtija b’mod definittiv skont l-Artikolu 185 tat-TUF tista’, skont il-każ, titħassar iktar tard grazzi għal maħfra, bħalma jidher li kien il-każ fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, mill-Artikolu 50 tal-Karta jirriżulta li l-protezzjoni mogħtija mill-prinċipju ta’ ne bis in idem għandha tkun ta’ benefiċċju għall-persuni li jkunu diġà nstabu mhux ħatja jew ikkundannati b’sentenza li saret res judicata, inklużi, konsegwentement, dawk li ġiet imposta fuqhom, permezz ta’ tali sentenza, sanzjoni kriminali li sussegwentement tħassret grazzi għal maħfra. Għaldaqstant, tali ċirkustanza ma għandhiex rilevanza sabiex tiġi evalwata n-natura strettament neċessarja ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

63      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 50 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li titkompla proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali kontra persuna minħabba aġir illegali li jikkostitwixxi manipulazzjoni tas-suq li għalih diġà ngħatat kundanna kriminali definittiva fil-konfront tiegħu, sa fejn din il-kundanna hija, fid-dawl tad-dannu kkawżat lis-soċjetà mill-ksur imwettaq, ta’ natura li tiskoraġġixxi dan il-ksur b’mod effettiv, proporzjonat u dissważiv.

 Fuq it-tieni domanda

64      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem iggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta jagħtix lill-individwi dritt direttament applikabbli fil-kuntest ta’ tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

65      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li jimponu obbligi speċifiċi u inkundizzjonati, li ma jeħtieġu, għall-applikazzjoni tagħhom, ebda intervent ulterjuri mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew nazzjonali, joħolqu direttament drittijiet għall-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 1969, Brachfeld u Chougol Diamond, 2/69 u 3/69, EU:C:1969:30, punti 22 u 23, kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2001, Banks, C‑390/98, EU:C:2001:456, punt 91).

66      Issa, id-dritt li l-imsemmi Artikolu 50 jagħti lill-individwi ma huwa suġġett, skont il-kliem stess tiegħu, għall-ebda kundizzjoni u għaldaqstant huwa direttament applikabbli fil-kuntest ta’ tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

67      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet l-effett dirett tal-Artikolu 50 tal-Karta meta kkonfermat, fil-punt 45 tas-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105), li, matul l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt intern mad-drittijiet iggarantiti mill-Karta, il-qorti nazzjonali li għandha l-obbligu li tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawn ir-regoli u billi ma tapplikax, fejn huwa neċessarju, fuq awtorità tagħha stess, kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki sussegwenti, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra.

68      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ ne bis in idem iggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta jagħti lill-individwi dritt direttament applikabbli fil-kuntest ta’ tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-ispejjeż

69      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza t-tkomplija ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali kontra persuna minħabba aġir illegali li jikkostitwixxi manipulazzjoni tas-suq li għalih diġà ngħatat kundanna kriminali definittiva fil-konfront tiegħu, sa fejn din il-kundanna hija, fid-dawl tad-dannu kkawżat lis-soċjetà mill-ksur imwettaq, ta’ natura li tiskoraġġixxi dan il-ksur b’mod effettiv, proporzjonat u dissważiv.

2)      Il-prinċipju ta’ ne bis in idem iggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jagħti lill-individwi dritt direttament applikabbli fil-kuntest ta’ tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.