Language of document : ECLI:EU:C:2010:183

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

Trstenjak

ippreżentati fl-14 ta’ April 2010 (1)

Kawża C‑271/08

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja





“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 226 KE – Kuntratti pubbliċi – Għoti ta’ kuntratti għal servizzi li jikkonċernaw il-pensjoni professjonali supplimentari tal-impjegati tas-Servizz Pubbliku Komunali – Ftehim qafas – Direttiva 92/50/KEE – Direttiva 2004/18/KE – Deċiżjoni minn qabel meħuda permezz ta’ ftehim kollettiv favur ċerti korpi ta’ assigurazzjoni – Libertà tan-negozjati kollettivi – Dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi – Relazzjoni bejn drittijiet fundamentali u libertajiet fundamentali”

Werrej

I –   Introduzzjoni

II – Il-kuntest ġuridiku

A –   Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

1.     Direttiva 92/50

2.     Direttiva 2004/18

B –   Id-dritt nazzjonali

1.     Liġi dwar it-titjib tal-iskema ta’ pensjoni professjonali supplimentari

2.     Ftehim kollettiv dwar il-konverżjoni tar-remunerazzjoni għall-impjegati tas-Servizz Pubbliku Komunali

III – Il-fatti

IV – Il-proċedura prekontenzjuża

V –   Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

VI – L-argumenti prinċipali tal-partijiet

VII – Analiżi ġuridika

A –   Applikabbiltà tad-Direttivi 92/50 u 2004/18 għall-ftehim qafas ibbażati fuq ftehim kollettiv

1.     Fuq il-kwistjoni dwar jekk il-ftehim kollettivi humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt primarju, u jekk din l-esklużjoni hijiex trasponibbli għal-libertajiet fundamentali

a)     Il-ftehim kollettivi ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt primarju

b)     Ma teżisti ebda koinċidenza ta’ prinċipju bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt primarju tal-kompetizzjoni u dak tal-libertŕ ta’ stabbiliment u tal-libertŕ li jiġu pprovduti servizzi

2.     Fuq l-effett limitat tal-libertajiet fundamentali fuq terzi

3.     Il-klassifikazzjoni tad-dritt għan-negozjati kollettivi u għal-libertà tan-negozjati kollettivi fost id-drittijiet soċjali fundamentali, u r-relazzjoni bejn dawn id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet fundamentali

4.     Konklużjoni provviżorja

B –   Il-kompatibbiltà tal-ftehim qafas inkwistjoni mad-Direttivi 92/50 u 2004/18

1.     Il-kwalifika tal-ibliet bħala awtoritajiet kontraenti

2.     Il-kwalifika tal-ftehim qafas bħala kuntratti b’titolu oneruż li jaqgħu taħt id-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi

a)     Riflessjonijiet fuq l-obbligu tal-motivazzjoni u fuq l-oneru tal-prova

b)     L-applikabbiltà tad-Direttivi 92/50 u 2004/18 rigward il-ftehim qafas

c)     Il-ftehim qafas huma kuntratti b’titolu oneruż

d)     In-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-esklużjoni li tikkonċerna l-kuntratti ta’ impjieg

e)     L-ammont tal-limiti tad-Direttivi 92/50 u 2004/18

i)     Id-determinazzjoni tal-limiti applikabbli

ii)   In-nuqqas ta’ provi li l-ftehim qafas jeċċedu l-limitu applikabbli

3.     Konklużjoni provviżorja

C –   Sussidjarjament: riżoluzzjoni ta’ kunflitt bejn id-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, minn naħa, u d-dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi u d-dritt fundamentali tal-libertŕ tan-negozjati kollettivi, min-naħa l-oħra

1.     Ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti bejn il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet fundamentali: is-sentenzi Viking Line u Laval un Parteneri

2.     L-importanza ugwali tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet fundamentali, u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti abbażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

3.     Ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt bejn id-Direttivi 92/50 u 2004/18 minn naħa, u d-dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi u d-dritt funamentali tal-libertŕ tan-negozjati kollettivi, min-naħa l-oħra

4.     Konklużjoni provviżorja

VIII – Sinteżi

IX – Konklużjoni


I –    Introduzzjoni

1.        Din il-kawża tirrigwarda rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummisjoni abbażi tal-Artikolu 226 KE, li permezz tiegħu l-Kummissjoni qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha tikkonstata li, peress li ċertu numru ta’ bliet kbar Ġermaniżi kkonkludew ftehim qafas dwar l-iskemi ta’ pensjoni professjonali supplimentari direttament ma’ korpi li jipprovdu skemi ta’ pensjoni magħżula permezz ta’ ftehim kollettiv, mingħajr ma pproċedew għal sejħa għal offerti fuq livell Ewropew, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt, sal-31 ta’ Jannar 2006, id-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (2), u mill-1 ta’ Frar 2006, id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (3).

2.        Il-fiżjonomija ta’ din il-kawża hija dovuta, essenzjalment, għall-għażla tattika min-naħa tal-Kummissjoni, li ma tibdiex proċedura ffokalizzata, pereżempju, fuq l-għoti ta’ kuntratti kkontestat ta’ ċerti bliet kbar meqjusa individwalment, iżda li tikkontesta globalment il-prassi ta’ għoti tal-kuntratti segwita mill-ibliet kollha ta’ ċertu daqs. Minħabba l-għażla ta’ din il-proċedura, il-kwistjonijiet tal-produzzjoni tal-prova, mill-perspettiva tal-oneru tal-prova u tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Kummissjoni, ta’ bilfors jiksbu importanza kruċjali.

3.        Din il-proċedura tqajjem ukoll numru ta’ kwistjonijiet ġuridiċi. Bla ebda dubju, l-iktar waħda kumplessa hija dik tar-relazzjoni bejn id-dritt għan-negozjati kollettivi u l-libertà tan-negozjati kollettivi, minn naħa, u d-Direttivi 92/50 u 2004/18 li jimplementaw il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, min-naħa l-oħra. Il-fatt li l-ksur invokat tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jista’ jiġi attribwit, fl-aħħar mill-aħħar, lid-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettivi tal-ibliet ikkonċernati, tabilħaqq iqajjem il-kwistjoni tal-eżistenza, u tar-riperkussjonijiet, ta’ kunflitt bejn l-obbligi bbażati fuq il-libertajiet fundamentali, minn naħa, u d-dritt għan-negozjati kollettivi u l-libertà tan-negozjati kollettivi min-naħa l-oħra.

4.        Kif insostni f’dawn il-konklużjonijiet, id-dritt għan-negozjati kollettivi u l-libertà tan-negozjati kollettivi għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u, għaldaqstant, bħala drittijiet soċjali fundamentali. Jekk hemm lok li jiġi konkluż formalment li kien hemm nuqqas ta’ osservanza tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, allura għandu jiġi ddeterminat b’liema mod l-obbligu li jiġu osservati d-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jista’ jsir kompatibbli mad-dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi u mad-dritt fundamentali tal-libertà tan-negozjati kollettivi.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

1.      Direttiva 92/50

5.        Skont l-Artikolu 1(a)(viii) tad-Direttiva 92/50, il-kuntratti tal-impjieg ma jikkostitwixxux kuntratti pubbliċi għal servizzi.

6.        Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50, il-kuntratti li għandhom bħala għan is-servizzi elenkati fl-Anness I(A) għandhom jingħataw skont id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI.

7.        It-Titolu III tad-Direttiva 92/50 jirrigwarda l-għażla ta’ proċeduri ta’ għoti u r-regoli applikabbli għall-proċeduri tal-għoti tal-kuntratti, it-Titolu IV jinkludi r-regoli komuni fil-qasam tekniku, it-Titolu V r-regoli komuni ta’ reklamar, u t-Titolu VI r-regoli komuni dwar il-parteċipazzjoni, il-kriterji ta’ għażla kwalitattiva u l-kriterji għall-għoti tal-kuntratt.

8.        L-Anness I(A) għad-Direttiva 92/50 jaqsam is-servizzi fis-sens tal-Artikolu 8 f’16-il kategorija. Il-Kategorija 6 tkopri s-“servizzi finanzjarji”, b’mod partikolari s-“[s]ervizzi ta’ assigurazzjoni” u s-“[s]ervizzi ta’ bankar [bankarji] u investiment”.

2.      Direttiva 2004/18

9.        Skont l-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2004/18, l-imsemmija direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi għal servizzi li jikkonċernaw kuntratti ta’ xogħol.

10.      Skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/18, il-kuntratti li għandhom bħala l-għan tagħhom servizzi elenkati fl-Anness II(A) għandhom jingħataw skont l-Artikoli 23 sa 55. Dawn l-artikoli jistabbilixxu r-regoli dwar l-ispeċifikazzjonijiet u d-dokumenti tal-kuntratt (Artikoli 23 sa 27), it-tipi differenti ta’ proċeduri (Artikoli 28 sa 34), ir-regoli dwar reklamar u trasparenza (Artikoli 35 sa 43), u t-tmexxija tal-proċedura (Artikoli 44 sa 55).

11.      L-Anness II A għad-Direttiva 2004/18 jaqsam is-servizzi f’16-il kategorija. Is-sitt kategorija tkopri s-“servizzi finanzjarji”, b’mod partikolari s-“[s]ervizzi ta’ assigurazzjoni” u s-“[s]ervizzi ta’ bankar [bankarji] u investiment”.

B –    Id-dritt nazzjonali

1.      Liġi dwar it-titjib tal-iskema ta’ pensjoni professjonali supplimentari

12.      L-Artikolu 1 tal-Liġi dwar it-titjib tal-iskema ta’ pensjoni professjonali supplimentari, tad-19 ta’ Diċembru 1974 (Gesetz zur Verbesserung der betrieblichen Altersversorgung, iktar ’il quddiem il-“BetrAVG”) (4), jipprovdi:

“L-approvazzjoni ta’ min iħaddem għall-pensjoni professjonali supplimentari

1.      Meta min iħaddem jagħti lil impjegat l-approvazzjoni tiegħu għall-benefiċċji ta’ pensjoni tax-xjuħija, tal-invalidità jew tas-superstiti abbażi tar-relazzjoni tax-xogħol (pensjoni professjonali supplimentari), għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi. L-implementazzjoni tal-pensjoni professjonali supplimentari tista’ tiġi żgurata direttament minn min iħaddem jew permezz ta’ wieħed mill-korpi ta’ assigurazzjoni li jissemmew fl-Artikolu 1b(2) sa (4). Min iħaddem għandu jwieġeb għall-implementazzjoni tal-benefiċċji li jkun approva anki jekk huwa ma jiżgurax direttament l-implementazzjoni tagħhom.

2.      L-iskema ta’ pensjoni supplimentari tirriżulta wkoll meta:

[…]

(3)      id-drittijiet futuri għal remunerazzjoni jiġu kkonvertiti fi dritt tal-istess valur għal benefiċċji ta’ pensjoni (konverżjoni tar-remunerazzjoni) jew

[…]”

13.      L-Artikolu 1a tal-BetrAVG jipprovdi, b’mod partikolari:

“Dritt għall-pensjoni professjonali supplimentari bil-konverżjoni tar-remunerazzjoni

1.      L-impjegati jistgħu jitolbu lil min iħaddimhom sabiex id-drittijiet futuri għal remunerazzjoni tagħhom jiġu allokati, sa 4 % tal-limitu applikabbli tal-kontribuzzjoni għall-iskema ġenerali tal-assigurazzjoni tax-xjuħija, lill-pensjoni professjonali supplimentari tagħhom bil-konverżjoni tar-remunerazzjoni tagħhom. L-implementazzjoni ta’ dan id-dritt tal-impjegat hija prevista bi ftehim. Jekk min iħaddem jaċċetta l-implementazzjoni ta’ dan id-dritt permezz ta’ tipi differenti ta’ fondi ta’ pensjoni (Artikolu 1b(3)), l-implementazzjoni għandha tiġi żgurata b’dan il-mod; f’każ kuntrarju, l-impjegat jista’ jeżiġi li min iħaddmu jikkuntratta għalih assigurazzjoni diretta (Artikolu 1b(2)). […]”

14.      L-Artikolu 17 tal-BetrAVG jipprovdi:

“Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae u l-klawżola tal-ftuħ tal-ftehim

[…]

3.      Jistgħu jsiru derogi mill-Artikoli 1a, 2 sa 5, 16, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 18a, l-Artikoli 27 u 28 ta’ din il-liġi fil-ftehim kollettivi.[…]

[…]

5.      Sa fejn id-drittijiet għal remunerazzjoni jkunu bbażati fuq ftehim kollettiv, jista’ jkun hemm konverżjoni tar-remunerazzjoni għal dawn id-drittijiet biss sakemm dan ikun previst jew awtorizzat permezz ta’ ftehim kollettiv.”

2.      Ftehim kollettiv dwar il-konverżjoni tar-remunerazzjoni għall-impjegati tas-Servizz Pubbliku Komunali

15.      L-Artikolu 2 tal-Ftehim Kollettiv dwar il-konverżjoni tar-remunerazzjoni għall-impjegati tas-Servizz Pubbliku Komunali, tat-18 ta’ Frar 2003, (Tarifvertrag zur Entgeltumwandlung für Arbeitnehmer/-innen im kommunalen öffentlichen Dienst, iktar ’il quddiem it-“TV-EUmw/VKA”) huwa redatt kif ġej:

“Prinċipju tal-konverżjoni tar-remunerazzjoni

Dan il-ftehim kollettiv, flimkien mar-regoli tal-ftehim kollettiv dwar il-pensjoni professjonali supplimentari (l-ATV/ATV-K), jipprovdi l-prinċipji tal-konverżjoni tal-partijiet kontraenti tar-remunerazzjoni għall-finijiet tal-iskema tal-pensjoni professjonali supplimentari.”

16.      L-Artikolu 5 tat-TV-EUmw/VKA jipprovdi:

“Implementazzjoni tad-dritt għall-konverżjoni tar-remunerazzjoni

1. L-impjegat għandu jsostni f’terminu utli d-dritt tiegħu għall-konverżjoni tar-remunerazzjoni billi jippreżenta talba bil-miktub lil min iħaddmu. L-impjegat għandu jkun marbut bil-ftehim dwar il-konverżjoni tar-remunerazzjoni konkluż ma’ min ħaddmu għal terminu minimu ta’ sena.

[…]”

17.      L-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA jipprovdi:

“Metodi ta’ implementazzjoni

Il-konverżjoni tas-salarju fil-kuntest tal-metodi ta’ implementazzjoni previsti mil-Liġi dwar it-titjib tal-iskema tal-pensjoni professjonali supplimentari għandha ssir ma’ korpi pubbliċi tas-sigurtà soċjali supplimentari, bla ħsara għat-tieni u għat-tielet sentenzi. Min iħaddem jista’ wkoll, fil-kuntest tal-pensjoni professjonali supplimentari msemmija fl-ewwel sentenza, jiddetermina l-metodi ta’ implementazzjoni ssuġġeriti mill-grupp finanzjarju tal-banek ta’ tfaddil jew mill-kumpanniji tal-assigurazzjoni komunali. Jekk ikun neċessarju, jistgħu jiġu adottati dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-ewwel u mit-tieni sentenzi permezz ta’ ftehim kollettiv fuq livell distrettwali.”

III – Il-fatti

18.      Fil-kuntest tal-isforzi li għamlet ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tiffavorixxi l-iżvilupp ta’ pensjoni professjonali supplimentari b’kapitalizzazzjoni għall-impjegati, il-BetrAVG tinvolvi b’mod partikolari leġiżlazzjoni dwar il-konverżjoni tar-remunerazzjoni. Din il-konverżjoni tar-remunerazzjoni essenzjalment tfisser li parti mill-paga futura tal-impjegati, jekk huma jkunu jixtiequ, tista’ tintuża għall-pensjoni professjonali supplimentari tagħhom, billi d-drittijiet futuri tagħhom għar-remunerazzjoni jiġu kkonvertiti fi dritt bl-istess valur għal benefiċċji ta’ pensjoni supplimentari.

19.      Jekk l-Artikolu 1a tal-BetrAVG jistipula, b’mod ġenerali, li l-impjegati għandhom dritt għal pensjoni professjonali supplimentari bil-konverżjoni tar-remunerazzjoni fil-limiti stabbiliti mil-liġi, l-Artikolu 17(5) tal-BetrAVG jistabbilixxi eċċezzjoni kbira għal dan il-prinċipju. Skont l-imsemmi Artikolu 17(5), il-konverżjoni tar-remunerazzjoni ma tistax issir, għad-drittijiet għal remunerazzjoni li huma bbażati fuq ftehim kollettiv, sakemm dan ma jkunx ġie previst jew awtorizzat permezz ta’ ftehim kollettiv.

20.      F’dan il-kuntest, il-Federazzjoni tas-Sindakati tal-Entitajiet Komunali li Jħaddmu (Vereinigung der kommunalen Arbeitgeberverbände, iktar ’il quddiem il-“VKA”) u s-Sindakat tas-Settur tas-Servizzi ver.di - Vereinte Dienstleistungsgewerkschaft eV - fit-18 ta’ Frar 2003, ikkonkludew it-TV-EUmw/VKA, li jagħti lill-impjegati tas-servizz pubbliku komunali dritt għall-konverżjoni tar-remunerazzjoni. Fl-istess ħin, it-TV-EUmw/VKA jirregola ċerti metodi ta’ din il-konverżjoni tar-remunerazzjoni b’mod differenti mill-BetrAVG. Il-VKA kkonkludiet ma’ sindakat ieħor, dbb Tarifunion, ftehim kollettiv li għandu l-istess kontenut.

21.      Bil-kontra tal-BetrAVG, it-TV-EUmw/VKA jistabbilixxi espliċitament ma’ liema korpi ta’ assigurazzjoni għandha tiġi implementata l-pensjoni professjonali supplimentari bil-konverżjoni tar-remunerazzjoni. L-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA jipprovdi, b’mod partikolari, li l-konverżjoni tar-remunerazzjoni, bħala prinċipju, għandha ssir ma’ korpi pubbliċi ta’ assigurazzjoni supplimentari. Madankollu, minbarra l-prinċipju hekk stabbilit, l-entitajiet komunali li jħaddmu jistgħu jagħżlu wkoll, abbażi tal-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA, kooperazzjoni mal-grupp finanzjarju tal-banek ta’ tfaddil jew mal-assiguraturi komunali. Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA jipprovdi espressament il-possibbiltà li jiġu adottati dispożizzjonijiet ta’ deroga permezz ta’ ftehim kollettiv fuq il-livell distrettwali.

22.      Minħabba d-deċiżjoni minn qabel meħuda fit-TV-EUmw/VKA li jiġu ffavoriti ċerti korpi ta’ assigurazzjoni li magħhom għandha tiġi implementata l-konverżjoni tar-remunerazzjoni, din il-konverżjoni tar-remunerazzjoni ġeneralment issir, f’termini sempliċi, f’żewġ stadji. Biex il-konverżjoni tar-remunerazzjoni għall-impjegati differenti tas-servizz pubbliku komunali tkun tista’ ssir, l-entitajiet komunali li jħaddmu jikkonkludu, fl-ewwel stadju, ftehim qafas ma’ korp jew korpi ta’ assigurazzjoni magħżula bil-ftehim kollettiv. Dawn il-ftehim qafas jindikaw tipikament f’liema kundizzjonijiet l-impjegati komunali jistgħu, fit-tieni stadju, jagħżlu l-konverżjoni tar-remunerazzjoni.

IV – Il-proċedura prekontenzjuża

23.      Wara li lment ġibed l-attenzjoni tagħha fuq it-TV-EUmw/VKA, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, b’ittra tat-12 ta’ Ottubru 2005 li, minħabba l-għotja diretta, min-naħa tal-amministrazzjonijiet jew tal-impriżi muniċipali, tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni relatati mal-pensjoni professjonali supplimentari lill-korpi u lill-impriżi msemmija fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA, mingħajr sejħiet għall-offerti Komunitarji, hija setgħet kisret id-dispożizzjonijiet kemm tal-Artikolu 8 kif ukoll tat-Titoli III sa VI tad-Direttiva 92/50 u, fi kwalunkwe każ, il-prinċipji tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbiliti fl-Artikoli 43 KE u 49 KE, u b’mod partikolari l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sottostanti dawn il-prinċipji. Hija stiednet lill-Gvern Ġermaniż sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, abbażi tal-Artikolu 226 KE, f’terminu ta’ xahrejn.

24.      Fir-risposta tagħha tad-29 ta’ Marzu 2006, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostniet li l-korpi komunali ma jistgħux jiġu kkunsidrati mill-aspett operattiv, fil-kuntest tal-impenji sottoskritti permezz ta’ ftehim kollettiv fil-kapaċità tagħhom ta’ entitajiet li jħaddmu, bħala awtoritajiet kontraenti fis-sens tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi. Hija qalet ukoll li l-iskema ta’ konverżjoni tar-remunerazzjoni u tas-sigurtà soċjali, li tirriżulta mill-ftehim kollettiv u mill-kuntratt ta’ impjieg individwali, ma hijiex kuntratt pubbliku. Barra minn hekk, l-iskema kkontestata mill-Kummissjoni tibbenefika mill-protezzjoni tal-libertà tan-negozjati kollettivi.

25.      B’ittra tal-4 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja l-opinjoni motivata abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 226 KE. Sabiex tikkunsidra l-bidliet li saru matul iż-żmien fid-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/18, il-Kummissjoni temmet l-argument tagħha billi ppreċiżat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bl-aġir inkwistjoni, kienet kisret, sal-31 ta’ Jannar 2006, id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 92/50 u, mill-1 ta’ Frar 2006, id-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 2004/18. Barra minn hekk, hawnhekk il-Kummissjoni kienet qed tara ksur tal-prinċipji tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, stabbiliti fl-Artikoli 43 KE u 49 KE, u b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sottostanti dawn il-prinċipji.

26.      B’risposta għall-opinjoni motivata, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostniet mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha f’ittra tal-15 ta’ Novembru 2006. Barra minn hekk, hija enfasizzat li l-ftehim ta’ implementazzjoni li ġew konklużi mal-korpi ta’ assigurazzjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati separatament. Dawn il-ftehim fil-fatt jagħmlu parti mid-dritt tax-xogħol, jew huma suġġetti għad-dritt tax-xogħol. Issa, skont l-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2004/18, il-kuntratti ta’ impjieg huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat ukoll rapport ta’ perizja tal-Prof Koenig u tas-Sur Pfromm rigward l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, fejn dawn l-awturi jaslu għall-konklużjoni li, fil-każijiet inkwistjoni, meta tiġi kkunsidrata l-libertà tan-negozjati kollettivi, ma jistax ikun hemm l-obbligu li jiġi ppubblikat avviż ta’ kuntratt u li, fi kwalunkwe każ, dan il-qasam ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni kemm ratione personae kif ukoll ratione materiae tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Ġie spjegat ukoll li l-limiti stipulati f’dawn id-direttivi ma ntlaħqux fil-każijiet individwali.

27.      Sabiex jiġi stabbilit jekk l-esklużjoni tar-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, f’dan il-każ, kinitx oġġettivament iġġustifikata u idonea sabiex jintlaħaq l-għan tal-politika soċjali previst bil-konverżjoni tar-remunerazzjoni, il-Kummissjoni għalhekk għamlet numru ta’ domandi lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Skont il-Kummissjoni, ir-risposta tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tal-1 ta’ Marzu 2007 ma kinitx konvinċenti u b’hekk hija ddeċidiet li tippreżenta rikors.

V –    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

28.      Permezz ta’ rikors irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

–        tikkonstata li, peress li ċerti amministrazzjonijiet komunali u impriżi muniċipali li jimpjegaw iktar minn 1 218-il ħaddiem kienu kkonkludew kuntratti għall-għoti ta’ servizzi rigward skemi ta’ pensjoni professjonali supplimentari mingħajr ma għamlu sejħiet għal offerti fuq il-livell Ewropew, billi taw direttament dawn il-kuntratti lill-korpi u lill-impriżi elenkati fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret, sal-31 ta’ Jannar 2006, id-dispożizzjonijiet kemm tal-Artikolu 8 kif ukoll tat-Titoli III sa VI tad-Direttiva 92/50 u, mill-1 ta’ Frar 2006, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 flimkien ma’ dawk tal-Artikoli 23 sa 55 tad-Direttiva 2004/18, u

–        tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

29.      Fir-risposta tagħha li ġiet ippreżentata fis-16 ta’ Settembru 2008, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30.      Fir-replika tagħha, ippreżentata fis-27 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni llimitat ir-rikors tagħha. F’dan ir-rigward, hija b’mod partikolari talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha tikkonstata li, peress li ċerti amministrazzjonijiet komunali u impriżi muniċipali li matul is-snin 2004‑2005 kienu jimpjegaw iktar minn 2 044 ħaddiem, li matul is-snin 2006‑2007 kienu jimpjegaw iktar minn 1 827 ħaddiem, u għall-kuntratti mogħtija mill-2008 ’l quddiem, kienu jimpjegaw iktar minn 1 783 ħaddiem, kienu kkonkludew kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi relatati mal-iskema ta’ pensjoni professjonali supplimentari mingħajr ma għamlu sejħiet għall-offerti fuq livell Ewropew, billi taw dawn il-kuntratti direttament lill-korpi u lill-impriżi elenkati fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret, sal-31 ta’ Jannar 2006, id-dispożizzjonijiet kemm tal-Artikolu 8 kif ukoll tat-Titoli III sa VI tad-Direttiva 92/50 u, mill-1 ta’ Frar 2006, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 23 sa 55 tad-Direttiva 2004/18.

31.      Fil-kontroreplika tagħha tat-12 ta’ Diċembru 2008, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mill-ġdid talbet biex ir-rikors jinċaħad.

32.      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Diċembru 2008, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Huma ppreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom fl-14 u fil-15 ta’ April 2009 rispettivament filwaqt li l-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawn in-noti ta’ intervent fit-30 ta’ Ġunju 2009.

33.      Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar-Renju tad-Danimarka u tar-Renju tal-Isvezja ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom waqt is-seduta tat-12 ta’ Jannar 2010.

VI – L-argumenti prinċipali tal-partijiet

34.      Essenzjalment, il-Kummissjoni tikkontesta l-kompatibbiltà mad-Direttivi 92/50 u 2004/18 tad-deċiżjoni preċedenti meħuda fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA favur ċerti korpi ta’ assigurazzjoni. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li din il-klawżola tal-ftehim kollettiv, li tillimita l-għażla magħmula mill-entitajiet komunali li jħaddmu tal-korpi ta’ assigurazzjoni li magħhom kellha tiġi implementata l-konverżjoni tar-remunerazzjoni, tmur kontra d-direttivi. Għaldaqstant, l-għoti tal-kuntratti differenti bilfors jimplika ksur ta’ dawn id-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi peress li l-limiti applikabbli nqabżu.

35.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qed tieħu bħala punt ta’ tluq il-fehma li d-Direttivi 92/50 u 2004/18 għandhom japplikaw fir-rigward tal-ftehim qafas li l-entitajiet komunali li jħaddmu jikkonkludu mal-korpi ta’ assigurazzjoni magħżula. B’mod konkret, dawn il-ftehim qafas għandhom jiġu kkunsidrati bħala kuntratti pubbliċi għal servizzi fis-sens tad-Direttivi 92/50 u 2004/18, li l-valur kuntrattwali tagħhom jaqbeż il-limiti rilevanti, għal numru kbir ta’ bliet prinċipali Ġermaniżi. L-għoti ta’ dawn il-kuntratti għal servizzi għalhekk għandu jsir fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi.

36.      Skont il-Kummissjoni, din l-evalwazzjoni lanqas ma tiġi affettwata mill-fatt li d-deċiżjoni preċedenti favur ċerti korpi ta’ assigurazzjoni ġiet innegozjata permezz ta’ ftehim kollettiv bejn il-VKA u s-sindakati. Id-dritt Komunitarju fil-fatt ma jinvolvi ebda restrizzjoni ġenerali bbażata fuq il-libertà tan-negozjati kollettivi. Barra minn hekk, l-obbligu li ssir sejħa għal offerti ma tirrigwardax il-kwistjoni tal-organizzazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg effettiva tal-uffiċjali komunali differenti.

37.      Fl-ewwel lok, il-Gvern Ġermaniż invoka kontra r-rikors tal-Kummissjoni l-argument li jgħid li d-dritt Komunitarju tal-kuntratti pubbliċi ma huwiex applikabbli f’każ ta’ din ix-xorta. Huwa fil-fatt determinat li d-deċiżjoni tal-għażla kkontestata mill-Kummissjoni ttieħdet mill-imsieħba soċjali, u għalhekk għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-libertà tan-negozjati kollettivi. Minn din l-evalwazzjoni jirriżulta li d-deċiżjoni preċedenti li qed tiġi kkontestata favur ċerti korpi ta’ assigurazzjoni, li hija inkluża fil-ftehim kollettiv ikkontesat f’dan il-każ, u t-teħid ta’ din id-deċiżjoni fil-ftehim qafas differenti ma jaqgħux tabilħaqq taħt id-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. F’dan ir-rigward, il-Ġvern Ġermaniż qed jitlob sabiex tiġi applikata b’analoġija l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Albany (5) u Van der Woude (6). Barra minn hekk, l-applikazzjoni tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi twassal b’mod ċar sabiex l-entitajiet pubbliċi li jħaddmu u l-impjegati tagħhom jitqiegħdu fi żvantaġġ fil-konfront tal-entitajiet privati li jħaddmu u l-impjegati tagħhom, peress li tal-ewwel jiċċaħħdu mill-possibbiltà li jagħżlu l-korpi ta’ assigurazzjoni permezz ta’ ftehim kollettiv.

38.      Mill-aspett tal-fatti, il-Gvern Ġermaniż jenfasizza, f’dan il-kuntest, li d-dritt tal-impjegati tas-servizz pubbliku komunali għall-konverżjoni tar-remunerazzjoni u l-metodi tagħha huma bbażati fuq il-ftehim kollettiv. F’dan ir-rigward, huwa josserva, b’mod partikolari, li skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1a(1) tal-BetrAVG, l-impjegati, fil-konfront ta’ min iħaddimhom, għandhom legalment dritt għall-konverżjoni tar-remunerazzjoni li ma tkunx ibbażata fuq il-ftehim kollettiv. L-għażla tal-korp ta’ assigurazzjoni għall-implementazzjoni tal-konverżjoni tar-remunerazzjoni – mitluba mill-impjegat – bażikament tappartjeni għal min iħaddem. Madankollu, fir-rigward tar-remunerazzjoni prevista mill-ftehim kollettiv, tista’ ssir konverżjoni biss, skont l-Artikolu 17(5) tal-BetrAVG, jekk u sa fejn din tkun prevista jew awtorizzata mill-ftehim kollettiv. Peress li din il-possibbiltà hija prevista fit-TV-EUmw/VKA, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-qasam tal-konverżjoni tar-remunerazzjoni taqa’ biss taħt il-ftehim kollettiv.

39.      Skont il-Gvern Ġermaniż, il-partijiet għall-ftehim kollettiv għamlu użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 17(3) tal-BetrAVG li jidderogaw minn diversi dispożizzjonijiet tal-BetrAVG. Id-deċiżjoni preċedenti kkontestata mill-Kummissjoni, li fiha jintgħażlu ċerti korpi ta’ assigurazzjoni li magħhom għandha tiġi implementata l-konverżjoni tar-remunerazzjoni, f’dan il-kuntest tikkostitwixxi limitu għall-possibbiltà tal-għażla ta’ min iħaddem abbażi tal-Artikolu 1a(1) tal-BetrAVG. B’hekk, min iħaddem qed jiċċaħħad mis-setgħa tiegħu li jagħżel soluzzjoni miftiehma b’mod konġunt mill-partijiet għall-ftehim kollettiv. L-interessi tal-ħaddiema diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni meta saret l-għażla tal-korpi ta’ assigurazzjoni.

40.      Skont il-Gvern Ġermaniż, anki jekk id-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi kienu, bħala prinċipju, applikabbli għal każ bħal dak inkwistjoni, il-ftehim qafas ikkontestati mill-Kummissjoni bilfors jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttivi 92/50 u 2004/18.

41.      Meta jiġi kkunsidrat il-fatt li l-klawżoli tal-ftehim kollettiv iċaħħdu lill-entitajiet komunali li jħaddmu mis-setgħa deċiżjonali rigward l-għażla tal-korpi ta’ assigurazzjoni, ikun kontra l-istruttura tat-test li dawn l-entitajiet li jħaddmu jiġu kkunsidrati bħala awtoritajiet kontraenti fis-sens tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Barra minn hekk, il-ftehim qafas konklużi mill-entitajiet komunali li jħaddmu mal-korpi ta’ assigurazzjoni fihom infushom ma jistabbilixxux relazzjoni ta’ assigurazzjoni, iżda jiffissaw biss il-kundizzjonijiet li fihom il-ħaddiema jistgħu jikkonkludu l-kuntratti individwali ta’ assigurazzjoni mal-korpi ta’ assigurazzjoni. Inġenerali, min iħaddem jikkonkludi wkoll diversi ftehim qafas ta’ dan it-tip ma’ korpi ta’ assigurazzjoni differenti. Barra minn hekk, dawn il-ftehim qafas ma humiex kuntratti b’titolu oneruż, id-deroga abbażi tal-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2004/18 tkopri l-ftehim qafas, u l-Kummissjoni bbażat ruħha, biex tikkalkula l-ammont tal-kuntratt tal-ftehim individwali, fuq premessi żbaljati.

42.      Ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja jsostnu t-talbiet tal-Ġermanja sabiex ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jinċaħad.

43.      B’mod partikolari, ir-Renju tad-Danimarka jikkunsidra li l-iskema Daniża tal-pensjoni professjonali supplimentari tkun mhedda li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tasal għall-konklużjoni li l-kuntratti ta’ ċertu ammont li l-entitajiet li jħaddmu tas-settur pubbliku u s-sindakati jikkonkludu dwar l-allokazzjoni tal-fondi għall-finijiet tas-sigurtà soċjali tal-pensjoni tal-impjegati tas-settur pubbliku għandhom ikunu s-suġġett ta’ sejħa għall-offerti.

44.      Fl-osservazzjonijiet tagħhom, kemm ir-Renju tad-Danimarka kif ukoll ir-Renju tal-Isvezja jsostnu li s-sentenzi Albany u Van der Woude, iċċitati iktar ’il fuq huma applikabbli. Anki jekk il-punt tat-tluq għandu jkun il-prinċipju tal-applikabbiltà tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal fatti bħal dawk f’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet kuntrattwali dwar il-pensjoni professjonali supplimentari jirriżultaw direttament mill-ftehim kollettiv. Barra minn hekk, intlaħaq biss ftehim dwar liema korp ta’ assigurazzjoni għandu jamministra l-fondi tal-pensjoni. Madankollu l-kontribuzzjoni hija biss tal-impjegat, b’mod li dan ma jistax ikun kuntratt fuq il-provvista ta’ servizz lill-entitajiet li jħaddmu tas-settur pubbliku. Barra minn hekk, huwa rilevanti l-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2004/18, li jipprovdi li l-imsemmija direttiva ma hijiex applikabbli fir-rigward tal-kuntratti ta’ impjieg.

VII – Analiżi ġuridika

A –    Applikabbiltà tad-Direttivi 92/50 u 2004/18 għall-ftehim qafas ibbażati fuq ftehim kollettiv

45.      L-ewwel domanda ta’ prinċipju li għandha titwieġeb f’din il-kawża hija dik dwar jekk id-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jistgħux jiġu applikati għall-ftehim qafas li huma bbażati fuq ftehim kollettiv.

46.      F’dan il-kuntest, il-kwistjoni kontenzjuża hija, b’mod partikolari, jekk il-ftehim qafas inkwistjoni jistgħux jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li jikkonċernaw il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

47.      Peress li d-Direttivi 92/50 u 2004/18 ġew adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar il-kompetenzi tal-kapitoli tat-Trattat KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, in-nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ dawn il-libertajiet fundamentali fir-rigward tal-ftehim qafas inkwistjoni fil-fatt ikollha l-konsegwenza – fil-kuntest ta’ interpretazzjoni tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi konformi mad-dritt primarju – li dawn il-ftehim qafas bilfors ikunu esklużi wkoll mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

48.      L-argumenti li ġew invokati kontra l-applikabbiltà tal-libertajiet fundamentali fir-rigward tal-ftehim qafas inkwistjoni jistgħu jissarrfu fi tliet argumenti.

49.      Il-punt ta’ tluq tal-ewwel argument huwa l-idea li l-ftehim kollettivi – u għaldaqstant anki l-ftehim qafas li jkunu bbażati fuq il-ftehim kollettivi – huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt primarju. Din l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tista’ tiġi trasposta għal-libertajiet fundamentali, b’tali mod li l-ftehim qafas li jkunu bbażati fuq ftehim kollettiv huma wkoll esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali.

50.      It-tieni argument li, żgur, ma ġiex sistematikament segwit mill-Gvern Ġermaniż, iżda li jidher f’uħud mill-kummenti tiegħu bħala idea fundamentali, huwa bbażat fuq il-prinċipju tan-nuqqas ta’ effett tal-libertajiet fundamentali fuq terzi. B’mod partikolari f’dan il-kuntest, meta tiġi kkunsidrata l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema għall-konklużjoni tal-ftehim kollettiv, tqum il-kwistjoni dwar jekk applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali għall-ftehim qafas li jkunu bbażati fuq ftehim kollettiv tmurx kontra l-prinċipju tan-nuqqas ta’ effett tal-libertajiet fundamentali fuq terzi.

51.      It-tielet argument, invokat sussidjarjament, huwa bbażat fuq id-definizzjoni tal-libertà tan-negozjati kollettivi bħala dritt soċjali fundamentali, u fuq ir-rabta bejn id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet fundamentali. F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja b’mod partikolari ssostni li l-ftehim qafas li jkunu bbażati fuq ftehim kollettiv jaqgħu taħt il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b’tali mod li dawn ma jistgħux jiġu evalwati iktar fir-rigward tal-libertajiet fundamentali.

52.      Issa biħsiebni neżamina t-tliet argumenti.

1.      Fuq il-kwistjoni dwar jekk il-ftehim kollettivi humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt primarju, u jekk din l-esklużjoni hijiex trasponibbli għal-libertajiet fundamentali

53.      Il-punt ta’ tluq – żbaljat – ta’ dan l-ewwel argument hija l-ipoteżi li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettivi ma humiex, bħala prinċipju, suġġetti għar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt primarju, u li l-eċċezzjonijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt primarju huma direttament trasponibbli għal-libertajiet fundamentali. Għaldaqstant, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

a)      Il-ftehim kollettivi ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt primarju

54.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat deċiżjoni rigward l-applikabbiltà tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt primarju għall-ftehim kollettivi u għad-dispożizzjonijiet li huma bbażati fuq ftehim kollettiv fi tliet sentenzi li stabbilixxew prinċipju tal-21 ta’ Settembru 1999 fil-kawżi Albany (7), Brentjens’ (8) u Drijvende Bokken (9).

55.      Dawn il-kawżi kienu jirrigwardaw il-kompatibbiltà ta’ skema nazzjonali ta’ pensjoni professjonali mar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt primarju. Il-kwistjoni ċentrali kienet jekk il-fatt li r-reġistrazzjoni obbligatorja fi skema ta’ pensjoni professjonali li ġiet stabbilita fuq l-inizjattiva tar-rappreżentanti ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema ta’ settur ekonomiku għall-impriżi kollha ta’ dan is-settur setgħetx tikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet kemm tal-Artikolu 10 KE kif ukoll tal-Artikolu 81 KE, jew tal-Artikolu 86(1) KE u tal-Artikolu 82 KE. F’dan il-kuntest, għandu jiġi ddeterminat jekk anki, u f’liema kundizzjonijiet, ftehim kollettiv bejn min iħaddem u l-ħaddiema ta’ settur partikolari, li jistabbilixxi skema ta’ pensjoni professjonali għal dak is-settur, jistax jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE.

56.      Sabiex ikunu ċċarati r-relazzjonijiet bejn ir-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat u d-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettivi, il-Qorti tal-Ġustizzja qabel xejn fakkret l-għanijiet tal-politika fil-qasam soċjali u tal-ħarsien soċjali stabbiliti fl-Artikoli 2 KE u 3(1)(j) KE (10) u f’dan il-kuntest enfasizzat li d-dritt tal-assoċjazzjoni, l-istess bħall-ftehim kollettivi, huma espressament ikkunsidrati fid-dritt primarju u fil-ftehim fuq il-politika soċjali (11).

57.      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ċerti effetti restrittivi tal-kompetizzjoni huma inerenti għall-ftehim kollettivi konklużi bejn organizzazzjonjiet li jirrappreżentaw lil min iħaddem u lill-ħaddiema. Madankollu, l-għanijiet ta’ politika soċjali mfittxa minn dawn il-ftehim jiġu serjament kompromessi li kieku l-imsieħba soċjali kellhom ikunu suġġetti għall-Artikolu 81(1) tat-Trattat fit-tfittxija komuni għal miżuri intiżi sabiex itejbu l-kundizzjonijiet ta’ impjieg u tax-xogħol (12). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn dan, li minn interpretazzjoni utli u koerenti tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, ikkunsidrati flimkien, jirriżulta li ftehim konklużi fil-kuntest ta’ negozjati kollettivi bejn imsieħba soċjali fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet għandhom jitqiesu, minħabba n-natura u s-suġġett tagħhom, li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 81(1) KE (13).

58.      F’dawn is-sentenzi, b’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ftehim kollettivi – u konsegwentement anki l-liġijiet u d-deċiżjonijiet li jkunu bbażati fuq ftehim kollettivi – huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE jekk jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet: li l-ftehim ikun konkluż 1) fil-kuntest ta’ negozjati kollettivi (14) u 2) bil-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ impjieg u tax-xogħol (15).

59.      Peress li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ ftehim li huma bbażati fuq ftehim kollettivi ma hijiex xi ħaġa awtomatika, iżda għandha tkun evalwata każ b’każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dawn is-sentenzi, ma eskludietx lill-ftehim kollettivi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt primarju. Bil-kontra, hija kkonstatat, meta rreferiet għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-ftehim kollettivi tad-dritt tax-xogħol fid-dritt Komunitarju primarju, u għaldaqstant fil-kuntest ta’ interpretazzjoni sistemika tat-Trattat, l-eżistenza ta’ limitu inerenti għall-Artikolu 81 KE għal dak li jirrigwarda l-ftehim kollettivi li jkollhom kontenut partikolari (16).

60.      Din l-evalwazzjoni ma ġietx affettwata mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, kemm fis-sentenzi tagħha Albany, Brentjens’ u Drijvende Bokken kif ukoll fis-sentenza sussegwenti tagħha Van der Woude (17), uriet l-ikbar retiċenza sabiex teżamina jekk il-ftehim kollettivi ġewx konklużi sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ impjieg u tax-xogħol. Huwa minnu li, f’dawn is-sentenzi kien ikun aħjar ukoll li kieku sar eżami iktar dettaljat tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettivi inkwistjoni sabiex fil-każijiet li effettivament jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jitneħħa kwalunkwe suspett ta’ abbuż tal-ispazji tal-libertà li tħallew lill-imħsieba soċjali mid-dritt tal-kompetizzjoni (18). Għaldaqstant, fil-kuntest tal-analiżi ġuridika sistemika u globali ta’ dawn is-sentenzi, hija sempliċement ħadet ħsieb li tikkonstata li huma biss il-ftehim kollettivi li għandhom kontenut partikolari li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE (19).

61.      F’dan il-kuntest, l-Avukat Ġenerali Fennelly ġustament osserva, fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kawża Van der Woude, li l-portata tal-“eċċezzjoni Albany”, bħala eċċezzjoni għall-kamp ġenerali ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, għandha tiġi interpetata b’mod restrittiv. Il-ftehim kollettivi li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni b’hekk jistgħu jiġu kkontestati minħabba li l-ftehim ikkonċernat ma jkollux għan awtentikament soċjali għaliex ir-restrizzjonijiet li jirriżultaw minnu jmorru lil hinn minn dak li jkun neċessarju biex jintlaħaq l-imsemmi għan (20). Dan evidentement jimplika eżami fuq il-mertu tal-kwistjoni dwar jekk il-ftehim kollettivi, jew id-dispożizzjonijiet differenti tagħhom, ġewx tabilħaqq konklużi sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol.

62.      Mill-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, nikkonkludi li fis-sentenzi tagħha Albany, Brentjens’ u Drijvende Bokken, il-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxiet ebda eċċezzjoni ġenerali għar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt primarju għall-ftehim kollettivi. Dawn is-sentenzi għandhom jiġu interpretati fis-sens li stabbilixxew limitu għall-Artikolu 81 KE inerenti fid-dritt primarju fir-rigward tal-ftehim kollettivi li jkollhom kontenut partikolari.

b)      Ma teżisti ebda koinċidenza ta’ prinċipju bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt primarju tal-kompetizzjoni u dak tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

63.      Il-punt ta’ tluq tal-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja huwa l-prinċipju li r-restrizzjonijiet u l-eċċezzjonijiet applikabbli fid-dritt tal-kompetizzjoni huma bażikament trasponibbli għal-libertajiet fundamentali. F’dan il-kuntest, hija tissuġġerixxi b’mod partikolari lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-evalwazzjonijiet u l-prinċipji li jinsabu fis-sentenzi Albany, Brentjens’ u Drijvende Bokken għandhom jiġu kkunsidrati b’analoġija – u b’hekk mingħajr verifika fir-rigward tal-karatteristiċi partikolari tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment – fil-każ inkwistjoni.

64.      Fil-fehma tiegħi, dan l-argument tal-Gvern Ġermaniż ma jistax jintlaqa’.

65.      Anki jekk id-dispożizzjonijiet applikabbli, kemm fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll fil-qasam tal-kompetizzjoni libera, jieħdu inkunsiderazzjoni l-għan tat-twettiq tas-suq intern, il-fatt li ftehim jew attività jkun eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni ma jfissirx bilfors li huwa wkoll eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-moviment liberu (21).

66.      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza li fil-preżent hija stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra wkoll li ftehim jew attività tista’, filwaqt li taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu, tkun eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni, u viċe versa (22).

67.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mhux bilfors li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni u dak tal-libertajiet fundamentali jikkoinċidu. Konsegwentement, il-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettivi intiżi għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg u tax-xogħol ma jaqgħux, skont it-termini tas-sentenzi Albany, Brentjens’ u Drijvende Bokken, taħt l-Artikolu 81 KE, ma jfissirx bilfors li l-imsemmija dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettivi lanqas ma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

68.      Għandu jingħad ukoll, sussidjarjament, li, anki jekk ir-relazzjoni bejn il-libertà tan-negozjati kollettivi u d-dritt primarju tal-kompetizzjoni, minn naħa, u l-libertà tan-negozjati kollettivi u l-libertajiet fundamentali, min-naħa l-oħra, għandha tiġi organizzata b’mod analogu, dan ma jfissirx li r-regoli inklużi fis-sentenzi Albany, Brentjens’ u Drijvende Bokken jistgħu sempliċement jiġu trasposti f’din il-kawża. Bil-kontra, ir-regoli u l-evalwazzjonijiet inklużi f’dawn is-sentenzi fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni għandhom jiġu mistħarrġa billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rikonoxximent tal-libertà tan-negozjati kollettivi bħala dritt fundamentali (23) (24).

2.      Fuq l-effett limitat tal-libertajiet fundamentali fuq terzi

69.      L-applikabbiltà tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment fil-qasam tan-negozjati kollettivi lanqas ma hija kkonfutata mill-argument ikkonċepit f’dan il-każ min-nuqqas ta’ effett ta’ dawn il-libertajiet fundamentali fuq terzi.

70.      Skont dan l-argument, il-ftehim qafas inkwistjoni f’din il-kawża fl-aħħar mill-aħħar huma bbażati fuq ftehim kollettiv li ġie nnegozjat bejn l-entitajiet li jħaddmu tas-settur pubbliku u r-rappreżentanti tal-ħaddiema. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ effett tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment fuq terzi, il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-ftehim kollettivi bażikament tipprekludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali rigward il-ftehim kollettivi u l-ftehim li jirriżultaw minn dawn il-ftehim kollettivi, li ġew konklużi għall-implementazzjoni tagħhom.

71.      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkontestat l-argument li t-TV-EUmw/VKA ġie konkluż bejn il-VKA, minn naħa, u s-sindakati, min-naħa l-oħra. Peress li l-entitajiet komunali li jħaddmu, u għaldaqstant, bl-istess mod, fil-kwalità tagħhom bħala korpi tal-Istat obbligati li jirrispettaw il-libertajiet fundamentali, kienu partijiet għall-konklużjoni tal-ftehim kollettiv, din setgħet, l-iktar, tkun kwistjoni ta’ effett indirett tal-libertajiet fundamentali fuq terzi, b’detriment għas-sindakati li kienu wkoll partijiet għat-tfassil tal-ftehim kollettiv.

72.      Barra minn hekk, f’dan il-kuntest għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikoli 39 KE, 43 KE u 49 KE ma jirregolawx biss l-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, iżda japplikaw ukoll għal-liġijiet ta’ natura oħra intiżi sabiex jirregolaw, b’mod kollettiv, ix-xogħol li għalih tingħata paga, ix-xogħol indipendenti u l-provvista ta’ servizzi (25).

73.      Id-deċiżjoni li b’hekk tiġi inkluża l-leġiżlazzjoni kollettiva tax-xogħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali hija ġġustifikata mill-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet tax-xogħol fid-diversi Stati Membri huma rregolati, xi drabi permezz ta’ dispożizzjonijiet ta’ natura leġiżlattiva jew regolatorja, u drabi oħra permezz ta’ ftehim kollettivi u atti oħra konklużi jew adottati minn individwi. Għalhekk, esklużjoni tal-leġiżlazzjoni kollettiva tax-xogħol mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali b’hekk, probabbilment tista’ wkoll toħloq inugwaljanzi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-obbligi bbażati fuq waħda mil-libertajiet fundamentali tad-dritt primarju (26).

74.      Minn din l-analiżi nikkonkludi li l-prinċipju tan-nuqqas ta’ effett tal-libertajiet fundamentali fuq terzi ma jipprovdi l-ebda argument kontra l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward tal-ftehim qafas li huma bbażati fuq il-ftehim kollettiv inkwistjoni f’din il-kawża.

3.      Il-klassifikazzjoni tad-dritt għan-negozjati kollettivi u għal-libertà tan-negozjati kollettivi fost id-drittijiet soċjali fundamentali, u r-relazzjoni bejn dawn id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet fundamentali

75.      L-argument li jgħid li l-organizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati tas-servizzi komunali fit-TV-EUmw/VKA taqa’ taħt id-dritt fundamentali tal-libertà tan-negozjati kollettivi, b’tali mod li l-kontenut ta’ dan il-ftehim kollettiv u tal-ftehim li jirriżultaw minnu ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi lanqas ma huwa konvinċenti.

76.      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali huma parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiggarantixxi r-rispett tagħhom (27). Biex tiddefinixxi dawn id-drittijiet fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja tispira ruħha mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u mill-indikazzjonijiet ipprovduti mit-trattati internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li għalihom l-Istati Membri kkooperaw jew aderixxew.

77.      Id-dritt għan-negozjati kollettivi huwa rikonoxxut kemm mill-istrumenti internazzjonali differenti li għalihom l-Istati Membri kkoperaw jew aderixxew, bħall-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit-18 ta’ Ottubru 1961 (28), li inċidentalment tissemma espressament fl-Artikolu 136 KE, kif ukoll mill-istrumenti mfassla mill-imsemmija Stati Membri fuq il-livell Komunitarju jew fil-kuntest tal-Unjoni, bħall-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, adottata waqt is-sessjoni tal-Kunsill Ewropew, fid-9 ta’ Diċembru 1989, fi Strasbourg, li wkoll tissemma fl-Artikolu 136 KE (29), u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (30).

78.      F’dan il-kuntest, id-dritt għan-negozjati kollettivi u l-libertà tan-negozjati kollettivi li timplika dan id-dritt għandhom bla ebda dubju jiġu rrikonoxxuti anki bħala drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (31).

79.      Barra minn hekk, it-Trattat ta’ Lisbona – li ma huwiex applikabbli ratione temporis għal dan il-każ – saħħaħ l-inkorporazzjoni tad-dritt għan-negozjati kollettivi fid-dritt primarju peress li stabbilixxa, fl-Artikolu 6 TUE, in-natura vinkolanti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Minn din ir-referenza ġenerali għall-Karta, id-dritt għan-negozjati kollettivi previst fl-Artikolu 28 tal-Karta issa ġie espliċitament riprodott fid-dritt primarju (32).

80.      Madankollu, wieħed ma jistax jiddeduċi awtomatikament mir-rikonoxximent, bħala drittijiet fundamentali, tad-dritt għan-negozjati kollettivi u tal-libertà tan-negozjati kollettivi li tirriżulta minnu, li l-ftehim kollettivi li ġew konklużi bl-applikazzjoni ta’ dawn id-drittijiet fundamentali, kif ukoll il-ftehim li jirriżultaw minnhom, huma awtomatikament esklużi, minħabba l-kontenut tagħhom, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali.

81.      F’każ ta’ kunflitt bejn dritt fundamentali u libertà fundamentali, fil-fatt għandu jiġi ammess il-prinċipju li ż-żewġ kunċetti ġuridiċi jinsabu fuq l-istess livell ta’ importanza. Dan it-trattament ugwali jfisser, minn naħa, li l-libertajiet fundamentali jistgħu jiġu ristretti fl-interess tad-drittijiet fundamentali. Madankollu jimplika wkoll, min-naħa l-oħra, li l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali jista’ jiġġustifika restrizzjoni tad-drittijiet fundamentali (33).

82.      Il-fatt li d-dritt għan-negozjati kollettivi u l-libertà tan-negozjati kollettivi għandhom in-natura ta’ drittijiet fundamentali għaldaqstant ma jeskludix la l-ftehim kollettivi konklużi fl-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet u lanqas il-ftehim li jirriżultaw minnhom, konklużi b’implementazzjoni ta’ dawn il-ftehim kollettivi awtomatikament u għalkollox mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

83.      Minn dan jirriżulta awtomatikament li l-argument li jgħid li kemm il-ftehim kollettivi nnegozjati fl-eżerċizzju tad-dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi u tad-dritt fundamentali tal-libertà tan-negozjati kollettivi kif ukoll il-ftehim li jirriżultaw minnhom jaqgħu awtomatikament barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi – u tad-dritt sekondarju li jirriżulta minnhom – ma jistax jintlaqa’.

84.      Bil-kontra, meta jirriżulta kunflitt bejn dawn il-libertajiet fundamentali, minn naħa, u dawn id-drittijiet fundamentali, min-naħa l-oħra, għandu jiġi mistħarreġ jekk il-libertajiet fundamentali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, jistgħux jiġġustifikaw restrizzjoni tad-dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi u tad-dritt fundamentali tal-libertà tan-negozjati kollettivi jew, bil-maqlub, jekk dawn id-drittijiet fundamentali jirrikjedux li l-validità ta’ dawn il-libertajiet fundamentali u tad-dritt sekondarju bbażat fuqhom għandhiex tiġi llimitata.

4.      Konklużjoni provviżorja

85.      L-analiżi preċedenti twassalni biex naħseb li l-ftehim qafas li huma bbażati fuq il-ftehim kollettiv jaqgħu, bħala prinċipju, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Konsegwentement, il-ftehim qafas inkwistjoni f’din il-kawża wkoll jaqgħu, bħala prinċipju, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi bbażati fuq dawn il-libertajiet fundamentali, sa fejn, evidentement, il-kundizzjonijiet previsti għall-applikazzjoni tagħhom jiġu sodisfatti.

86.      Għalkemm għandu jiġi stabbilit li ftehim qafas li huwa bbażat fuq ftehim kollettiv kiser id-Direttiva 92/50 jew id-Direttiva 2004/18, għandha madankollu tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni partikolari tad-dritt għan-negozjati kollettivi u tal-libertà tan-negozjati kollettivi bħala drittijiet soċjali fundamentali. F’dan ir-rigward għandu jiġi eżaminat, mill-fatti reali tal-kawża, jekk in-nuqqas ta’ osservanza tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi huwiex dovut għall-eżerċizzju tad-dritt soċjali fundamentali għan-negozjati kollettivi u għal-libertà tan-negozjati kollettivi u, jekk ir-risposta tkun fl-affermattiv, jekk restrizzjoni tal-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet soċjali fundamentali għandhiex tiġi kkunsidrata bħala ġġustifikata mill-obbligi imposti mid-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi fid-dawl tal-libertajiet fundamentali.

87.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hawnhekk, qabel kollox, biħsiebni neżamina jekk il-ftehim qafas li huma bbażati fuq il-ftehim kollettiv inkwistjoni f’din il-kawża humiex kompatibbli mad-Direttivi 92/50 u 2004/18. Sussegwentement biħsiebni neżamina kif għandu jissolva kunflitt bejn l-obbligi li jirriżultaw mid-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, minn naħa, u l-eżerċizzju liberu tad-dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi u tad-dritt fundamentali tal-libertà tan-negozjati kollettivi, min-naħa l-oħra.

B –    Il-kompatibbiltà tal-ftehim qafas inkwistjoni mad-Direttivi 92/50 u 2004/18

88.      Il-Kummissjoni tinvoka ksur tad-Direttivi 92/50 u 2004/18, li jikkonsisti fil-fatt li numru kbir ta’ amministrazzjonijiet u ta’ impriżi komunali taw kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi fuq l-iskema professjonali tal-pensjoni tax-xjuħija tal-impjegati tagħhom direttament mal-korpi msemmija fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA, mingħajr sejħiet għal offerti Komunitarji.

89.      Il-kuntratti pubbliċi għal servizzi fis-sens tad-Direttivi 92/50 u 2004/18 huma kuntratti għal interess pekunjarju li ġew konklużi bil-miktub bejn awtorità kontraenti u operatur ekonomiku, li kienu jikkonċernaw prinċipalment il-provvista ta’ servizzi.

90.      Il-kwistjoni kontenzjuża f’dan il-każ hija, b’mod partikolari dik dwar jekk il-komuni aġixxewx, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tal-opzjonijiet imposti mill-ftehim kollettiv, bħala awtoritajiet kontraenti fis-sens tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Barra minn hekk hemm ukoll il-kwistjoni dwar jekk il-ftehim li ġew konklużi bejn il-komuni u l-korpi ta’ assigurazzjoni jistgħux jiġu kkunsidrati bħala kuntratti għal interess pekunjarju, li jikkonċernaw il-provvista ta’ servizzi u li jaqbżu l-limiti applikabbli.

91.      Issa biħsiebni nanalizza dawn iż-żewġ kwistjonijiet prinċipali.

1.      Il-kwalifika tal-ibliet bħala awtoritajiet kontraenti

92.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiċħad il-kwalifika tal-muniċipalitajiet ikkonċernati bħala awtoritajiet kontraenti fis-sens tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, bl-argument li kulma għamlu dawn l-ibliet, bl-għażla tal-korpi ta’ assigurazzjoni, kien li jittrasponu r-regoli tal-ftehim kollettiv u b’hekk ma ħadux deċiżjoni “tagħhom”. Din lanqas ma hija għotja ta’ kuntratt pubbliku favur awtorità pubblika, peress li l-konverżjoni tar-remunerazzjoni, fir-rigward tal-konsegwenzi ġuridiċi u l-effetti ekonomiċi tagħha, taqa’ taħt l-isfera tal-ħaddiem.

93.      B’dan l-argument, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja essenzjalment qed titlob interpretazzjoni funzjonali tal-kunċett ta’ awtorità kontraenti, bil-għan li tnaqqas, b’interpretazzjoni restrittiva ta’ dan il-kriterju, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi f’każijiet bħal dan. Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

94.      Qabel xejn, għandu jitfakkar li d-direttivi fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ġew adottati fil-kuntest tal-kisba tas-suq intern, li fih għandu jiġi żgurat il-moviment liberu u r-restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni għandhom jiġu eliminati (34). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li wieħed mill-għanijiet prinċipali tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi huwa l-ftuħ tal-kuntratti pubbliċi għall-kompetizzjoni l-iktar wiesgħa fl-Istati Membri kollha (35).

95.      Jekk huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “awtorità kontraenti” għandu jingħata interpretazzjoni, mhux formali, iżda funzjonali (36), għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li din il-ġurisprudenza tixhed li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tagħmel kull sforz sabiex tneħħi kull tqassim f’kompartimenti tal-kuntratti pubbliċi nazzjonali magħluqa u biex tiftaħhom għas-suq komuni, skont l-għanijiet ifformulati fil-premessi għad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi (37).

96.      L-għan li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja bl-interpretazzjoni funzjonali tagħha tal-kunċett ta’ awtorità kontraenti għalhekk huwa dak li twettaq tabilħaqq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. B’dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat b’mod wiesa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi inkwistjoni f’din il-kawża, u f’dan ir-rigward huwa immaterjali, għall-finijiet tal-kwalifika ta’ korp nazzjonali bħala awtorità kontraenti (funzjonali) fis-sens tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi, jekk din il-kwalità tkunx marbuta jew le, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, ma’ karatteristiċi istituzzjonali partikolari (38).

97.      Il-ġurisprudenza dwar il-kunċett “funzjonali” ta’ awtorità kontraenti għaldaqstant taqdi l-għan ġenerali tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, jiġifieri permezz tal-koordinament fuq livell Komunitarju tal-proċeduri ta’ għoti tal-kuntratti pubbliċi, tal-abolizzjoni tal-ostakli għall-moviment liberu tas-servizzi u tal-merkanzija u, għaldaqstant ukoll il-protezzjoni tal-interessi tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stat Membru li jixtiequ joffru oġġetti jew servizzi lill-awtoritajiet kontraenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor (39). Dan ifisser li b’hekk jiġi eskluż ir-riskju li tingħata preferenza lill-appaltaturi jew lill-kandidati nazzjonali fi kwalunkwe għoti ta’ kuntratt li jsir mill-awtoritajiet kontraenti u l-possibbiltà li korp iffinanzjat jew ikkontrollat mill-Istat, mill-awtoritajiet territorjali, jew korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika jitħalla jiġi ggwidat minn kunsiderazzjonijiet oħrajn li ma humiex ta’ xejra ekonomika (40).

98.      Anki jekk l-interpretazzjoni funzjonali tal-kunċett ta’ awtorità kontraenti hekk mifhum jista’ jwassal għal estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi inkwistjoni f’din il-kawża, hija tista’ twassal ukoll, f’ċerti każijiet eċċezzjonali, għan-nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ dawn id-direttivi għal kuntratti, anki jekk ikunu ġew formalment konklużi minn awtorità kontraenti u li l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ applikazzjoni tad-direttiva rigward il-kuntratti pubbliċi jidher li jkunu ġew sodisfatti.

99.      Eżempju evidenti ta’ dan tagħtih is-sentenza Mannesmann Anlagenbau Austria, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li kuntratt li għandu jingħata minn awtorità kontraenti, li bħala prinċipju jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, jitlef in-natura tiegħu ta’ kuntratt pubbliku meta jiġi stabbilit li, mill-bidu nett, il-proġett li għandu jitwettaq kien jaqa’, kollu kemm hu, taħt l-għan soċjali ta’ impriża mhux suġġetta għad-dritt tal-kuntratti pubbliċi, u li l-kuntratti għal xogħlijiet relatati ma’ dan il-proġett ingħataw mill-awtorità kontraenti f’isem din l-impriża (41).

100. Il-kriterju ta’ nuqqas ta’ applikabbiltà tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi applikat fis-sentenza Mannesmann Anlagenbau Austria għalhekk ifisser li għandu jiġi stabbilit li d-deċiżjoni li jingħata l-kuntratt ittieħdet minn parti privata li tagħti l-ordnijiet, f’isimha stess, filwaqt li din tbati l-ispejjeż kollha. Peress li, f’każ ta’ din ix-xorta, l-awtorità kontraenti, ċertament, tagħti formalment il-kuntratt, iżda la tieħu u lanqas tiggwida d-deċiżjonijiet wara dan il-kuntratt, ir-riskju li din l-awtorità kontraenti tagħti l-preferenza, fl-għotja tal-kuntratt, lill-offerenti jew lill-kandidati nazzjonali, jew li tiġi ggwidata minn kunsiderazzjonijiet oħra li ma jkunux ta’ xejra ekonomika, huwa eskluż (42).

101. Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, wieħed ma jistax jaqbel mal-argument invokat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jiġifieri li l-komuni jikkuntentaw irwieħhom, għall-għażla tal-korpi ta’ assigurazzjoni, li jittrasponu d-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv, u konsegwentement ma jaġixxux bħala awtoritajiet kontraenti.

102. Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-ftehim kollettiv ġie konkluż bejn il-VKA u s-sindakati. Il-VKA, li tgħaqqad l-amministrazzjonijiet u l-impriżi komunali tal-Ġermanja, aġixxiet f’dak il-każ bħala rappreżentanta tal-interessi tal-entitajiet komunali li jħaddmu fil-qasam tal-politika tal-iffissar tal-prezzijiet u tad-dritt tax-xogħol. Dan bilfors jimplika li l-entitajiet komunali li jħaddmu kienu, għall-inqas indirettament, assoċjati mad-determinazzjoni tal-pożizzjonijiet li l-VKA sussegwentement ipprovat timponi fil-kuntest tan-negozjati kollettivi mas-sindakati, u li fl-aħħar mill-aħħar huma wkoll il-bażi tal-ftehim miksub fil-ftehim kollettiv. F’dan il-kuntest, l-entitajiet komunali li jħaddmu setgħu eżerċitaw influwenza għall-inqas indiretta fuq l-għażla minn qabel li saret favur ċerti korpi ta’ assigurazzjoni fit-TV-EUmw/VKA.

103. Meta jiġi kkunsidrat il-fatt li l-entitajiet komunali li jħaddmu setgħu eżerċitaw influwenza għall-inqas indiretta fuq in-negozjati kollettivi, u b’hekk anki fuq ir-riżultati miksuba fit-TV-EUmw/VKA, wieħed ma jistax jikkontesta n-natura tagħhom ta’ awtorità kontraenti fis-sens tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi b’referenza għar-regoli u għall-obbligi imposti mill-ftehim kollettiv.

104. Barra minn hekk, l-argument li l-komuni, f’din il-kawża, ma għandhomx jiġu kkunsidrati, mill-aspett funzjonali, bħala awtoritajiet kontraenti fis-sens tad-direttivi rigward il-kuntratti pubbliċi peress li l-konverżjoni tar-remunerazzjoni taqa’, fir-rigward tal-effetti legali u ekonomiċi tagħha, fl-isfera tal-ħaddiem, ma huwiex konvinċenti.

105. Anki li kieku huwa minnu li l-entitajiet komunali li jħaddmu ma jissussidjaw bl-ebda mod il-kostituzzjoni tal-pensjoni professjonali permezz tal-konverżjoni tar-remunerazzjoni, din il-konstatazzjoni ma hijiex suffiċjenti fiha nnifisha biex tneħħi lill-ftehim konklużi mill-entitajiet komunali li jħaddmu mal-korpi ta’ assigurazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

106. Ir-riskju li l-awtoritajiet kontraenti jiffavorixxu lill-impriżi u lill-offerenti nazzjonali, ċertament, jista’ jitnaqqas meta l-għotja tal-kuntratt mill-awtorità kontraenti tkun ir-riżultat ta’ negozjati bejn l-entità komunali li tħaddem u ħaddiem wieħed jew iktar, u li dawn il-ħaddiema jbatu waħidhom il-konsegwenzi ekonomiċi tal-kuntratt mogħti. F’każ ta’ din ix-xorta, il-ħaddiema ġeneralment ikollhom interess partikolari sabiex jiksbu r-riżultat li mill-aspett ekonomiku jkun l-iktar vantaġġjuż possibbli. Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan ikunx fih innifsu suffiċjenti biex jiġi eskluż ir-riskju li l-impriżi nazzjonali jiġu ffavoriti wara n-negozjati, huwa suffiċjenti, sabiex tingħata deċiżjoni rigward dan il-każ, li jiġi kkonstatat li min-naħa tal-ħaddiema n-negozjati kollettivi tmexxew mis-sindakati. Anki jekk dawn is-sindakati jirrappreżentaw lill-ħaddiema u għalhekk jistgħu iservu bħala kontropiż għat-tendenza naturali tal-awtoritajiet kontraenti li jiffavorixxu lill-impriżi nazzjonali (43), is-sindakati ma jbatux personalment il-konsegwenzi finanzjarji tal-konverżjonijiet tar-remunerazzjoni mitluba mill-impjegati komunali. Minħabba dan is-sempliċi fatt, il-parteċipazzjoni tas-sindakati fin-negozjati li wasslu għall-konklużjoni tat-TV-EUmw/VKA ma hijiex suffiċjenti biex tneħħi l-opzjonijiet magħżula mill-awtoritajiet kontraenti, abbażi tal-ftehim kollettiv, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

107. Minn din l-analiżi nikkonkludi li l-komuni li kkonkludew, għall-implementazzjoni tat-TV-EUmw/VKA, kuntratti ma’ korp ta’ assigurazzjoni wieħed jew iktar li jissemmew fih, aġixxew bħala awtoritajiet kontraenti fis-sens tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

2.      Il-kwalifika tal-ftehim qafas bħala kuntratti b’titolu oneruż li jaqgħu taħt id-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi

a)      Riflessjonijiet fuq l-obbligu tal-motivazzjoni u fuq l-oneru tal-prova

108. Il-Gvern Ġermaniż jopponi numru ta’ argumenti għall-kwalifika tal-ftehim qafas konklużi bejn il-komuni u l-korpi ta’ assigurazzjoni bħala kuntratti b’titolu oneruż li jaqgħu taħt id-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Huwa jenfasizza b’mod partikolari li l-ftehim qafas jistabbilixxu sempliċement il-kundizzjonijiet li fihom il-ħaddiema jistgħu sussegwentement jiffirmaw kuntratti ta’ assigurazzjoni individwali mal-korpi ta’ assigurazzjoni. Il-Gvern Ġermaniż jenfasizza wkoll li l-korrispettiv finanzjarju jitħallas, mhux mill-komuni, iżda mill-ħaddiema. Fin-nuqqas ta’ relazzjoni ta’ skambju ekonomiku bejn il-korpi ta’ assigurazzjoni u l-komuni, il-ftehim qafas ma huwiex kuntratt b’titolu oneruż. U anki li kieku kien b’titolu oneruż, il-Kummissjoni ma pprovdietx il-prova li l-limiti rilevanti ntlaħqu. Barra minn hekk, id-deroga prevista fl-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2004/18 għall-kuntratti ta’ xogħol tkopri l-ftehim qafas inkwistjoni f’din il-kawża.

109. Barra minn hekk, huwa iktar diffiċli f’dan il-każ li jiġu analizzati u li tingħata deċiżjoni rigward dawn l-argumenti meta l-Qorti tal-Ġustizzja ngħatat informazzjoni konkreta ftit wisq rigward il-ftehim qafas li ġew effettivament konklużi mill-komuni differenti. F’dan ir-rigward, jirriżulta li l-approċċ segwit mill-Kummissjoni fil-qasam tal-produzzjoni tal-prova huwa partikolarment negattiv. Fil-fatt, fil-formulazzjoni tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ħadet ħsieb li tikkontesta b’mod globali, abbażi ta’ informazzjoni statistika, il-prassi tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi tal-ibliet Ġermaniżi kollha ta’ ċertu daqs.

110. L-ebda ftehim qafas li ġie konkluż minn dawn l-ibliet ma ġie anness mar-rikors. Il-Kummissjoni b’hekk ikkuntentat ruħha li tipproduċi bħala prova xi paġni ta’ informazzjoni ġenerali, xi informazzjoni indirizzata lill-membri u xi mudelli ta’ talbiet ta’ korpi ta’ assigurazzjoni differenti.

111. Minħabba f’hekk, f’din il-kawża ma jistax jinftiehem liema mill-ftehim qafas inkwistjoni ġew konklużi f’liema data. B’hekk, ma huwiex magħruf jekk dawn il-ftehim qafas għandhomx jiġu evalwati fid-dawl tad-Direttiva 92/50 jew tad-Direttiva 2004/18. Fil-fatt huwa dejjem l-istat tad-dritt fid-data tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-kuntratti pubbliċi li huwa rilevanti (44). Peress li din id-data ma tistax tiġi stabbilita, fin-nuqqas ta’ informazzjoni iktar eżatta rigward il-konklużjoni tal-ftehim qafas inkwistjoni, f’din il-kawża jista’ jiġi kkonstatat ksur tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi biss jekk dan il-ksur kien tabilħaqq kemm tad-Direttiva 92/50 kif ukoll tad-Direttiva 2004/18.

112. Madankollu hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi wkoll b’mod konkret l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat. Il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet (45).

113. F’dan il-kuntest, għandha tkun il-Kummissjoni li tipprovdi biżżejjed provi li juru li kien hemm ksur. Meta dan ikun il-każ, għandu jkun l-Istat Membru li jikkontesta b’mod sostanzjali u fid-dettall id-data ppreżentata u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (46).

114. Fid-dawl ta’ dawn il-punti ta’ riflessjoni, issa biħsiebni neżamina l-argumenti tal-Kummissjoni u l-kontroargumenti invokati mill-Gvern Ġermaniż.

b)      L-applikabbiltà tad-Direttivi 92/50 u 2004/18 rigward il-ftehim qafas

115. Anki jekk assolutament l-ebda wieħed mill-ftehim qafas inkwistjoni li ġie konkluż bejn belt u korp ta’ assigurazzjoni ma ġie ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa paċifiku bejn il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni li dawn il-ftehim qafas ġew konklużi minn bliet Ġermaniżi. Madankollu, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-konklużjoni tal-ftehim ma tistax tiġi kkunsidrata bħala għotja ta’ kuntratti pubbliċi, billi r-relazzjoni kuntrattwali li taqa’ taħt id-dritt tal-kuntratti pubbliċi tirriżulta biss meta l-impjegat jaderixxi individwalment mal-konverżjoni tar-remunerazzjoni.

116. Permezz ta’ dan l-argument, il-Gvern Ġermaniż jibbaża ruħu fuq l-idea li l-proċedura ta’ konverżjoni tar-remunerazzjoni hija mqassma f’diversi stadji. Din il-proċedura hija kkaratterizzata b’mod partikolari mill-fatt li l-entitajiet komunali li jħaddmu jikkonkludu, fl-ewwel stadju, ftehim qafas ma’ korp jew korpi ta’ assigurazzjoni, li huma jkunu għażlu skont l-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA. Dawn il-ftehim qafas tipikament jindikaw b’liema kundizzjonijiet l-impjegati komunali jistgħu jagħżlu, fit-tieni stadju, il-konverżjoni tar-remunerazzjoni.

117. Sa fejn il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione personae jiġu sodisfatti, il-ftehim qafas jikkostitwixxu, skont kemm id-Direttiva 92/50 kif ukoll id-Direttiva 2004/18, kuntratti li għandhom ikun suġġetti għal sejħa għall-offerti.

118. Id-Direttiva 92/50 ma tirregolax espressament il-konklużjoni tal-ftehim qafas. Madankollu, għandu jiġi osservat li, fis-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (47), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-Direttiva tal-Kunsill 77/62/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1976, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti kienet applikabbli għall-ftehim qafas (48). Fid-dawl ta’ din is-sentenza, jista’ jiġi ammess li l-ftehim qafas jaqgħu wkoll, bħala prinċipju, taħt id-Direttiva 92/50. Fid-Direttiva 2004/18, il-konklużjoni tal-ftehim qafas hija espressament prevista u rregolata fl-Artikolu 32.

119. Għalkemm il-ftehim qafas jaqgħu fil-prinċipju taħt id-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (49) kif ukoll il-leġiżlatur Komunitarju, meta fformula dan il-prinċipju fid-Direttiva 2004/18, għamlu referenza l-ewwel nett għal ftehim qafas li jistabbilixxu t-termini li għandhom jirregolaw il-ftehim sussegwenti bejn l-awtorità kontraenti u l-operaturi ekonomiċi kkonċernati (50). Min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, huma kkonċernati ftehim qafas li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ konverżjoni sussegwenti tar-remunerazzjoni mill-impjegati tal-awtoritajiet kontraenti.

120. Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 92/50 u d-Direttiva 2004/18 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jkopru wkoll il-ftehim qafas inkwistjoni, minkejja l-fatt li dawn jistabbilixxu, fil-mertu, it-termini li jirregolaw il-kuntratti tal-assigurazzjoni li jistgħu jiġu ffirmati mill-impjegati komunali.

121. Fil-fehma tiegħi, din id-domanda, fil-kuntest partikolari ta’ din il-kawża, għandha tingħata risposta fl-affermattiv.

122. Il-punt deċiżiv f’dan ir-rigward huwa li l-proċedura ta’ konverżjoni tar-remunerazzjoni hija organizzata b’tali mod li l-ftehim qafas, mhux biss jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom l-impjegati komunali għandhom possibbiltà ta’ konverżjoni tar-remunerazzjoni, iżda jiddeterminaw fl-istess ħin ma’ min l-impjegati komunali jistgħu jagħmlu l-imsemmija konverżjoni tar-remunerazzjoni.

123. Kif diġà osservajt, il-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi u l-ftuħ għall-usa’ kompetizzjoni possibbli fl-Istati Membri kollha huma l-għanijiet prinċipali tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju tal-kuntratti pubbliċi (51). F’dan il-kuntest, dan jikkonsisti fl-esklużjoni tar-riskju li tingħata preferenza lill-offerenti jew lill-kandidati nazzjonali fi kwalunkwe għotja ta’ kuntratt li ssir mill-awtoritajiet kontraenti u l-possibbiltà li korp iffinanzjat jew ikkontrollat mill-Istat, mill-awtoritajiet territorjali, jew korpi oħra rregolati mid-dritt pubbliku jiġi ggwidat minn kunsiderazzjonijiet oħrajn li ma humiex ta’ xejra ekonomika (52).

124. Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, il-punt deċiżiv tal-analiżi tal-ftehim qafas inkwistjoni huwa li l-entità komunali li tħaddem tiddeċiedi, meta tikkonkludi l-ftehim qafas, ma’ liema korp ta’ assigurazzjoni l-impjegati tagħha jistgħu, fit-tieni stadju, jimplementaw il-konverżjoni tar-remunerazzjoni. Id-deċiżjoni tal-għażla favur operatur ekonomiku wieħed jew iktar, li hija rilevanti fir-rigward tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi, b’hekk tittieħed bil-konklużjoni tal-ftehim qafas bejn l-entità komunali li tħaddem u l-korp ta’ assigurazzjoni kkonċernat.

125. Minn dak li ngħad iktar ’il fuq nikkonkludi li r-riskju li awtorità kontraenti tiffavorixxi lill-offerenti jew lill-kandidati nazzjonali fil-konklużjoni tal-ftehim qafas inkwistjoni jidher b’mod ċar. Billi l-impjegati komunali huma marbuta bid-deċiżjoni meħuda mill-entitajiet komunali li jħaddmuhom favur korp ta’ assigurazzjoni, huma jistgħu jiddeċiedu biss jekk, abbażi tal-ftehim qafas, jiffirmawx kuntratt ta’ assigurazzjoni, iżda mhux ma’ min. Din l-aħħar deċiżjoni ttieħdet mill-entitajiet komunali li jħaddmu fil-konklużjoni tal-ftehim qafas, b’tali mod li dawn il-ftehim qafas għandhom ukoll, fil-kuntest konkret ta’ din il-kawża, jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 u tad-Direttiva 2004/18.

126. Fl-aħħar nett, il-Ġermanja ssostni, sussidjarjament, kontra l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/18 rigward il-ftehim qafas inkwistjoni, li l-limitu ta’ erba’ snin, previst fl-Artikolu 32(2) tal-imsemmija direttiva, tat-terminu tal-ftehim qafas suġġetti għall-iskema tal-kuntratti pubbliċi ma huwiex adattat għall-kostituzzjoni tal-iskemi kollettivi tal-assigurazzjoni. Madankollu, fi kwalunkwe każ, din l-oġġezzjoni għanda tinċaħad bħala infondata peress li dan it-terminu massimu ta’ erba’ snin ma japplikax, skont din id-dispożizzjoni, meta dan ma jkunx kompatibbli mal-għan tal-ftehim qafas.

c)      Il-ftehim qafas huma kuntratti b’titolu oneruż

127. Skont il-fehma tal-Gvern Ġermaniż, il-konverżjoni tar-remunerazzjoni hija fl-aħħar mill-aħħar iffinanzjata biss mill-ħaddiem. Huwa jsostni, f’dan il-kuntest, li l-ftehim qafas li ġew konklużi mill-entitajiet li jħaddmu tas-Settur Pubbliku Komunali ma humiex ta’ natura oneruża fis-sens tad-Direttivi 92/50 u 2004/18.

128. Indipendentement mill-kwisjoni dwar kif fil-prattika ġie organizzat it-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet jew tal-primjums bil-konverżjoni tar-remunerazzjoni fil-kuntest tal-iskema ta’ pensjoni professjonali, ġie stabbilit li, f’dan il-proċess, intużaw fl-aħħar mill-aħħar drittijiet futuri għar-remunerazzjoni tal-ħaddiem għall-finijiet tal-pensjoni professjonali tiegħu. Għaldaqstant, mill-aspett ekonomiku, huwa l-ħaddiem, u mhux l-awtorità kontraenti, li qed ibati l-ispejjeż tal-iskema supplimentari tal-pensjoni professjonali (53). Mill-perspettiva tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi, għalhekk wieħed għandu jibbaża ruħu fuq sistema ta’ ħlasijiet minn terzi, fejn ma hijiex l-awtorità kontraenti, iżda huwa l-impjegat komunali kkonċernat, li jipprovdi benefiċċju ekonomiku lill-korp ta’ assigurazzjoni, u li min-naħa tiegħu jikseb drittijiet b’valur ekwivalenti għal benefiċċji ta’ pensjoni.

129. Fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-benefiċċju pekunjarju fl-aħħar mill-aħħar jingħata, mhux mill-awtoritajiet kontraenti, iżda mill-impjegati komunali, mhux bilfors jipprekludi li l-ftehim qafas li ġew konklużi mill-awtoritajiet kontraenti jkunu kkunsidrati bħala kuntratti b’titolu oneruż.

130. L-eżiġenza tan-natura oneruża għandha tippermetti li mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jkunu esklużi l-kuntratti li ma għandhomx x’jaqsmu mal-ħajja ekonomika, bħal pereżempju, l-għoti ta’ servizzi b’mod volontarju (54). Jekk, bil-kontra, jiġi stabbilit li kuntratt ingħata b’għan ekonomiku, fil-prinċipju dan jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju tal-kuntratti pubbliċi.

131. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet li huwa immaterjali, għall-klassifikazzjoni bħala kuntratt pubbliku fis-sens tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, jekk l-awtorità kontraenti tużax jew le riżorsi pubbliċi biex tħallas lill-appaltatur (55).

132. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fis-sentenza tagħha Carbotermo u Consorzio Alisei, b’risposta għad-domanda dwar liema huma l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex ikun hemm għotja interna li ma taqax taħt id-dritt Komunitarju tal-kuntratti pubbliċi, li huwa immaterjali, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-attività ta’ impriża hijiex prinċipalment iddedikata lill-awtorità kontraenti, li wieħed ikun jaf min qed iħallas lill-impriża kkonċernata, jekk hijiex awtorità kontraenti jew terzi (56). Peress li skont din il-linja tal-ġurisprudenza, il-ħlasijiet li jsiru minn terzi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biex tkun iġġustifikata l-applikazzjoni ta’ deroga għad-dritt tal-kuntratti pubbliċi, dan iktar u iktar għandu jkun jista’ jiġġustifika l-applikabbiltà tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi bħala tali (57).

133. Għar-raġunijiet li spjegajt iktar ’il fuq, nikkonkludi li s-servizz mogħti mill-impjegati komunali fil-kuntest tal-konverżjoni tar-remunerazzjoni huwa suffiċjenti biex jikklassifika lill-ftehim qafas konklużi mill-awtoritajiet kontraenti mal-korpi ta’ assigurazzjoni differenti bħala kuntratti b’titolu oneruż fis-sens tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi (58). Għalhekk ma huwiex indispensabbli li l-awtoritajiet kontraenti jbatu, fl-aħħar mill-aħħar, huma stess il-piż ekonomiku tas-servizz pekunjarju.

d)      In-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-esklużjoni li tikkonċerna l-kuntratti ta’ impjieg

134. Skont l-Artikolu 1(a)(viii) tad-Direttiva 92/50, il-kuntratti tal-impjieg ma humiex ikkunsidrati bħala kuntratti pubbliċi għal servizzi. L-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2004/18 jipprevedi, b’mod analogu, li l-imsemmija direttiva ma tapplikax fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi għal servizzi li jikkonċernaw il-kuntratti ta’ impjieg.

135. Il-Gvern Ġermaniż huwa tal-fehma li dawn l-esklużjonijiet ikopru l-ftehim qafas inkwistjoni f’din il-kawża. Dawn il-ftehim qafas fil-fatt huma bbażati fuq relazzjoni ta’ impjieg, b’tali mod li l-għan tagħhom jirriżulta mill-kuntratt ta’ xogħol.

136. Dan l-argument ma huwiex konvinċenti.

137. Permezz tal-Artikolu 1(a)(viii) tad-Direttiva 92/50 u l-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2004/18, il-leġiżlatur Komunitarju wera li l-provvista ta’ servizzi tista’ taqa’ taħt id-dritt Komunitarju tal-kuntratti pubbliċi biss jekk tingħata abbażi ta’ kuntratt. Jekk, bil-kontra, is-servizzi jingħataw b’implementazzjoni ta’ kuntratt ta’ impjieg, dawn ma jistgħux jaqgħu taħt id-dritt tal-kuntratti pubbliċi (59).

138. Din l-esklużjoni espliċita tal-kuntratti ta’ impjieg mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi tista’ titfisser mill-fatt li l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ impjieg jagħti lok għal relazzjoni ġuridika ferm iktar stretta mill-konklużjoni ta’ kuntratt għal servizz liberu. F’dan il-kuntest, ir-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi ma jistgħux iwaqqfu lil min iħaddem milli jikkunsidraw, fit-teħid tad-deċiżjoni tagħhom, elementi u impressjonijiet suġġettivi (60).

139. Anki jekk id-definizzjoni tal-kunċett ta’ ħaddiem – u konsegwentement anki dik ta’ kuntratt ta’ xogħol – fid-dritt Komunitarju ma hijiex univoka iżda tvarja skont il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi inkwistjoni (61), wieħed jista’, fil-fehma tiegħi, jirreferi, biex jiddefinixxi l-kuntratt ta’ impjieg fis-sens tad-Direttivi 92/50 u 2004/18, għall-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 39 KE (62). Skont din il-ġurisprudenza, biex ikun hemm relazzjoni ta’ xogħol, għandu jkun hemm persuna li twettaq matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li b’korrispettiv għalihom hija tirċievi remunerazzjoni (63).

140. F’dan il-kuntest, ftehim bejn persuna li tagħti l-ordnijiet u fornitur ta’ servizz jista’ jiġi kkunsidrat bħala kuntratt ta’ impjieg fis-sens tad-Direttivi 92/50 u 2004/18 biss jekk il-fornitur tas-servizzi jimpenja ruħu li jwettaq matul ċertu żmien, favur il-persuna li tagħti l-ordnijiet u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li b’korrispettiv għalihom jirċievi remunerazzjoni.

141. Ma hemm l-ebda dubju li, fir-rigward tal-ftehim qafas inkwistjoni f’din il-kawża, ma għandniex x’naqsmu ma’ każ ta’ din ix-xorta. Għaldaqstant jista’ jiġi faċilment ikkonstatat li f’dan il-każ, l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(a)(viii) tad-Direttiva 92/50 u fl-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2004/18 għall-kuntratti ta’ impjieg ma tapplikax.

e)      L-ammont tal-limiti tad-Direttivi 92/50 u 2004/18

i)      Id-determinazzjoni tal-limiti applikabbli

142. Kemm id-Direttiva 92/50 kif ukoll id-Direttiva 2004/18 japplikaw biss għal kuntratti pubbliċi għal servizzi li l-valur ikkalkolat tagħhom, minbarra t-taxxa fuq il-valur miżjud, huwa ogħla mil-limiti stabbiliti f’dawn id-direttivi.

143. Billi dawn il-limiti jiġu kkalkolati mill-ġdid b’mod regolari, qabel kollox għandu jiġi ddeterminat liema limitu għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-ftehim qafas inkwistjoni. Għal dan il-għan, għandu jiġi ddeterminat il-limitu li kien japplika fiż-żmien meta saru n-negozjati tal-ftehim (64).

144. Il-proċess ma jinkludi ebda informazzjoni dwar id-data meta l-entitajiet komunali differenti li jħaddmu taw bidu għan-negozjati mal-korpi ta’ assigurazzjoni differenti, u lanqas dwar id-data meta l-ftehim qafas ġew konklużi. Meta jiġi kkunsidrat li t-TV-EUmw/VKA daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2003 u li għalhekk kien possibbli li sa mill-ewwel semestru tal-2003 tiġi nnegozjata l-konklużjoni tal-ftehim qafas skont dan il-ftehim kollettiv (65), il-limiti kollha li kienu fis-seħħ bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u l-4 ta’ Settembru 2006 (il-jum meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata) jistgħu jiġu kkunsidrati f’dan il-każ. Dawn il-limiti huma kif ġej:

1)       il-limitu stabbilit fl-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 92/50 kif emendata bid-Direttiva 97/52/KE tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew, tat-13 ta’ Ottubru 1997, li temenda d-Direttivi 92/50/KEE, 93/36/KEE u 93/37/KEE dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti fis-servizz pubbliku, kuntratti ta’ provvisti pubbliċi u kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi rispettivament [kuntratti pubbliċi għal servizzi, kuntratti pubbliċi għal provvisti u kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet rispettivament] (66): Ecu 200 000 SDR;

2)       il-limitu stabbilit fl-Artikolu 7(b) tad-Direttiva 2004/18: EUR 249 000;

3)       il-limitu stabbilit fl-Artikolu 7(b) tad-Direttiva 2004/18, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1874/2004, tat-28 ta’ Ottubru 2004, li jbiddel id-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-limiti ta’ applikazzjoni tagħhom fil-qasam tal-proċeduri [tal]-għoti tal-kuntratti (67): EUR 236 000;

4)       il-limitu stabbilit fl-Artikolu 7(b) tad-Direttiva 2004/18, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2083/2005, tad-19 ta’ Diċembru 2005, li jemenda d-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward [tal]-ammonti minimi ta’ applikazzjoni għall-proċeduri għal għoti ta’ kuntratti (68): EUR 211 000.

145. Il-Kummissjoni ppruvat, fir-rikors tagħha, teludi l-problema tad-determinazzjoni tal-limiti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni billi bbażat ruħha fuq id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ xahrejn mogħti fl-opinjoni motivata. Billi l-opinjoni motivata kienet waslet għand ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-4 ta’ Lulju 2006, kellu jiġu applikat il-limitu ta’ EUR 211 000 fis-seħħ fl-4 ta’ Settembru 2006 (69).

146. Dan l-argument tal-Kummissjoni ma jsib ebda sostenn fid-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u bl-ebda mod ma jieħu inkunsiderazzjoni l-istess kontenut tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi. Għalhekk wieħed ma jistax jaqbel miegħu (70). F’każ bħal dak inkwistjoni, il-limitu applikabbli għandu jiġi ddeterminat skont id-data tan-negozjar tal-kuntratt (71).

147. Peress li din id-data ma tistax tiġi stabbilita hawnhekk, biex ikun iddeterminat jekk il-ftehim qafas inkwistjoni jilħqux il-limitu applikabbli, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq l-ogħla limitu li kien fis-seħħ matul il-perijodu kkunsidrat, jiġifieri EUR 249 000.

ii)    In-nuqqas ta’ provi li l-ftehim qafas jeċċedu l-limitu applikabbli

148. Il-ftehim qafas inkwistjoni huma kkaratterizzati mill-fatt li, meta saru n-negozjati dwar il-konklużjoni tagħhom, kien impossibbli li jiġi ddeterminat kemm-il impjegat komunali fl-aħħar mill-aħħar kien se jagħżel liema metodi ta’ konverżjoni tar-remunerazzjoni. Id-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, f’każ ta’ din ix-xorta, jipprevedu li l-valur totali ta’ dawn il-ftehim qafas għandu jiġi kkalkolat abbażi ta’ stima tal-valur tal-kuntratt mistenni meta ġie nnegozjat (72).

149. Fir-rigward tal-kuntratti għal servizzi li ma jindikawx prezz totali u li għandhom terminu indeterminat jew ikbar minn 48 xahar, l-Artikolu 9(8)(b) tad-Direttiva 2004/18 jipprevedi wkoll limitu għall-perijodu li għandu jiġi kkunsidrat għall-kalkolu tal-prezz totali. Skont l-imsemmija dispożizzjoni, fil-każ ta’ dawn il-kuntratti, il-valur totali għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-valur ta’ kull xahar immultiplikat bi 48. Dan il-limitu sa erba’ snin jinstab ukoll fl-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 92/50, li jista’ wkoll jiġi applikat fir-rigward tal-ftehim qafas (73).

150. Għaldaqstant, peress li skont id-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, il-valur totali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għal ftehim qafas li ma jindikax prezz totali għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ stima ex ante, il-Kummissjoni essenzjalment ibbażat il-kalkoli tagħha f’din il-kawża fuq statistiċi dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati komunali fil-konverżjoni tar-remunerazzjoni matul is-sena 2006. Billi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma offrietx alternattiva reali għal dan il-metodu ta’ kalkolu a posteriori, il-punt ta’ tluq għandu jkun il-prinċipju li t-tendenza tal-impjegati tas-settur pubbliku li jagħmlu użu mill-konverżjoni tar-remunerazzjoni fl-2006 kienet tikkorrispondi għall-istimi. Konsegwentement, il-parteċipazzjoni tal-impjegati tas-settur pubbliku fl-iskema tal-konverżjoni tar-remunerazzjoni matul l-2006 kienet bażi valida biex jiġi stabbilit jekk il-ftehim qafas inkwistjoni kinux jilħqu l-limitu jew le.

151. Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-prova tan-nuqqas allegat. Fid-dawl tal-argument li żviluppajt preċedentement, il-Kummissjoni għaldaqstant hija obbligata, f’din il-kawża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li tipprova li jista’ jkun ammess, abbażi tal-informazzjoni disponibbli dwar il-konverżjoni tar-remunerazzjoni matul is-sena 2006, li l-valur totali ta’ kull wieħed mill-ftehim qafas inkwistjoni kien jaqbeż il-limitu ta’ EUR 249 000.

152. Fil-fehma tiegħi, f’dan il-każ il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tipprova din l-affermazzjoni.

153. Sabiex jiġi stabbilit liema entitajiet komunali li jħaddmu kkonkludew ftehim qafas li jaqbżu l-limitu ta’ applikazzjoni tal-iskema tal-kuntratti pubbliċi ma’ korpi ta’ assigurazzjoni, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq data statistika differenti li magħha tinkludi numru ta’ preżunzjonijiet.

154. Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ppreżumiet li l-ibliet il-kbar Ġermaniżi kollha kienu kkonkludew ftehim qafas għal terminu indeterminat ma’ korp ta’ assigurazzjoni. Barra minn hekk, minn studju tal-korp ta’ TNS Infratest anness mar-rikors (74) irriżulta li, f’Diċembru 2006, 2.3 % tal-impjegati tas-settur pubbliku għamlu użu mill-konverżjoni tar-remunerazzjoni, u li l-ammont ta’ kull xahar ikkonvertit fl-2006 kien ta’ madwar EUR 158 fix-xahar.

155. Il-Kummissjoni sussegwentement ibbażat ruħha fuq din id-data statistika sabiex tikkalkola, skont l-Artikolu 9(8) tad-Direttiva 2004/18, il-valur ta’ kull kuntratt ta’ assigurazzjoni ffirmat minn impjegat komunali fil-kuntest ta’ ftehim qafas konkluż minn min iħaddmu, kif ġej: EUR 158 x 48 xahar = EUR 7 584. Minn dan irriżulta li kull ftehim qafas li jwassal għall-iffirmar ta’ mill-inqas ta’ 28 kuntratt tal-assigurazzjoni individwali kellu valur ta’ mill-inqas EUR 212 352 u għaldaqstant kien jaqbeż il-limitu – imfassal mill-Kummissjoni – ta’ EUR 211 000.

156. Biex jiġi ddeterminat f’liema bliet mill-inqas 28 impjegat komunali talbu jew kellhom jitolbu l-konverżjoni tar-remunerazzjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ir-rata ta’ parteċipazzjoni, diġà msemmija, ta’ 2.3 % tal-impjegati komunali fil-proċedura ta’ konverżjoni tar-remunerazzjoni, flimkien ma’ studju xjentifiku ieħor, din id-darba rigward ir-relazzjoni bejn in-numru ta’ abitanti tal-ibliet u tal-komuni u n-numru ta’ impjegati komunali (75). Il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod partikolari minn dan l-aħħar studju li, għall-perijodu 2000/2001, kien hemm 17.8 impjegat komunali għal kull 1 000 abitant. Din iċ-ċifra twassal biex jiġi stmat li, fl-2006, in-numru ta’ impjegati komunali kien ilaħħaq is-16 għal kull 1 000 abitant. Min-naħa tagħha, din iċ-ċifra tippermetti li wieħed jiddeduċi li, għall-perijodu 2006/2007, kull belt Ġermaniża b’iktar minn 76 125 abitant ikkonkludiet ftehim qafas li kien jaqbeż il-limitu – aċċettat mill-Kummissjoni – ta’ EUR 211 000.

157. Sabiex ikunu identifikati l-ibliet li kisru tabilħaqq id-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, il-Kummissjoni pproduċiet lista tal-ibliet prinċipali tal-Ġermanja bin-numru ta’ abitanti tagħhom u fir-rikors tagħha kkalkolat li l-mija u għaxart ibliet prinċipali kellhom iktar minn 76 125 abitant u kienu b’hekk ikkonkludew il-ftehim qafas inkwistjoni bi ksur tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi.

158. Billi fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ċaħdet bħala żbaljati ċerti argumenti insostenn, bħar-rata ta’ parteċipazzjoni ta’ 2.3 % tal-impjegati komunali fil-proċedura ta’ konverżjoni tar-remunerazzjoni kif ukoll l-ammont ikkonvertit medju ta’ EUR 158, in-numru ta’ 16-il impjegat komunali għal kull 1 000 abitant, l-argument li l-entitajiet komunali li jħaddmu kienu kkonkludew ftehim qafas ma’ korp ta’ assigurazzjoni wieħed, u l-idea li l-ibliet il-kbar Ġermaniżi kollha kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-TV-EUmw/VKA, il-Kummissjoni biddlet xi ftit il-kalkoli tagħha.

159. Permezz ta’ rapport ta’ perizja legali tal-25 ta’ Novembru 2005 (76), il-Kummissjoni naqqset l-ammont medju kkonvertit, fir-replika tagħha, għal EUR 106.77 fix-xahar, u n-numru medju ta’ impjegati komunali minn 16 għal 15 għal kull 1 000 abitant. Barra minn hekk, il-Kummissjoni eskludiet il-belt ta’ Berlin mill-kalkoli tagħha. Madankollu hija żammet mal-kalkolu ta’ rata ta’ parteċipazzjoni ta’ 2.3 % tal-impjegati komunali fil-proċedura ta’ konverżjoni tar-remunerazzjoni, u ċaħdet ukoll, bħala negliġibbli, l-oġġezzjoni li l-entitajiet komunali li jħaddmu kkonkludew ftehim qafas ma’ diversi korpi ta’ assigurazzjoni.

160. Fid-dawl ta’ din id-data bażika ġdida, il-Kummissjoni kkalkolat mill-ġdid li l-ibliet Ġermaniżi b’iktar minn 136 267 abitant matul il-perijodu 2004/2005, b’iktar minn 121 800 abitant matul il-perijodu 2006/2007 u b’iktar minn 118 867 abitant matul il-perijodu 2008/2009 kkonkludew ftehim qafas li jaqbżu l-limiti applikabbli rispettivament għal dawn il-perijodi.

161. Sabiex jiġu identifikati l-ibliet li kisru tabilħaqq id-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, il-Kummissjoni reġgħet irreferiet għal-lista tal-ibliet prinċipali tal-Ġermanja, għalkemm din id-darba eskludiet lil Berlin. L-iżgħar belt – skont in-numru ta’ abitanti – li taqbeż il-limitu, matul il-perijodu 2004/2005, kienet Darmstadt b’141 257 abitant. Matul il-perijodu 2006/2007, l-iżgħar belt li taqbeż il-limitu kienet Ingolstadt b’122 167 abitant u matul il-perijodu 2008/2009, kienet Bottrop b’118 975 abitant.

162. Fil-kontroreplika tiegħu, il-Gvern Ġermaniż għal darb’oħra enfasizza, b’risposta għal dawn il-kalkoli l-ġodda, li bosta entitajiet li jħaddmu kkonkludew ftehim qafas ma’ diversi korpi ta’ assigurazzjoni. Barra minn hekk, in-numru medju ta’ 15-il impjegat komunali għal 1 000 abitant li ppreżentat il-Kummissjoni ma kienx rilevanti f’dan il-każ għaliex dan in-numru ta’ impjegati kien jinkludi l-uffiċjali li jaħdmu għall-komuni, li ma jaqgħux preċiżament taħt id-dispożizzjonijiet tat-TV-EUmw/VKA. Kienu biss 85.6 % tal-aġenti li jaħdmu għall-komuni li setgħu jagħmlu l-konverżjoni tar-remunerazzjoni, b’tali mod li n-numru medju ta’ aġenti statistikament rilevanti ma setax kien iktar minn 12.84 impjegat komunali għal kull 1 000 abitant. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja reġgħet ikkontestat ir-rata ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ konverżjoni tar-remunerazzjoni li kien stmat li tlaħħaq 2.3 % tal-impjegati komunali u l-ammont medju kkonvertit għal kull xahar li kien stmat li jlaħħaq EUR 106.77, u hija ppreżentat, billi pproduċiet dokumenti reċenti, li l-proporzjon ta’ impjegati komunali li fl-2006 għamlu l-konverżjoni tar-remunerazzjoni kien ta’ 2.04 %, bl-ammont medju ta’ konverżjoni tar-remunerazzjoni għal kull xahar ikun ta’ EUR 89.92 (77).

163. Abbażi ta’ din l-informazzjoni li tinsab fil-kontroreplika, wieħed jista’ jikkalkola – abbażi tal-metodu segwit mill-Kummissjoni – li l-ibliet Ġermaniżi b’iktar minn 217 610 abitant setgħu jikkonkludu ftehim qafas b’valur stmat ta’ iktar minn EUR 249 000. Mil-lista tal-ibliet prinċipali tal-Ġermanja wieħed jista’ jiddeduċi – skont ir-raġunament li segwiet il-Kummissjoni – li 33 belt (78) setgħu kisru d-Direttivi 92/50 u 2004/18 meta kkonkludew ftehim qafas dwar il-konverżjoni tar-remunerazzjoni.

164. Madankollu, din il-konklużjoni timplika li kull waħda minn dawn it-33 belt ikkonkludiet ftehim qafas ma’ korp ta’ assigurazzjoni. Issa l-Gvern Ġermaniż ikkontesta din it-teżi sa mill-istadju tal-proċedura prekontenzjuża, u din baqgħet kontenjuża waqt il-fażi sussegwenti tal-proċedura.

165. L-inċertezza li tirriżulta minn dan hija mimlija konsegwenzi. Fil-fatt, la d-Direttiva 92/50 u lanqas id-Direttiva 2004/18 ma jipprojbixxu lill-awtoritajiet kontraenti milli jaqsmu l-kwantità ta’ servizzi li jkunu s-suġġett ta’ kuntratt. Xissjoni ta’ din ix-xorta tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra dawn id-direttivi biss jekk din tkun saret bil-għan li l-pjan ta’ akkwist jitneħħa mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttivi (79). Għalhekk, huwa pprojbit biss li kuntratt wieħed jinqasam b’mod artifiċjali. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tikkontrolla din il-projbizzjoni b’mod pjuttost strett (80), madankollu tali ħsieb frawdolenti ma jistax jiġi sempliċement preżunt. Kull każ individwali ta’ għoti ta’ kuntratt maqsum għandu jiġi evalwat skont il-kuntest u l-karatteristiċi partikolari tiegħu, u għandu jiġi partikolarment mistħarreġ, f’dan ir-rigward, jekk motivi serji jixhdux favur jew kontra x-xissjoni inkwistjoni f’din il-kawża.

166. F’dan il-kuntest, mill-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni stess iddikjarat, fil-lista ta’ domandi li hija għamlet lill-Gvern Ġermaniż fit-30 ta’ Jannar 2007 (81), li hija setgħet tiddeduċi mir-risposti preċedenti tar-Repubblika Federali li l-entitajiet komunali li jħaddmu taw kuntratti pubbliċi lil gruppi differenti ta’ assiguraturi. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni staqsiet b’mod partikolari, fil-lista ta’ domandi tagħha, jekk, normalment, kinux jiġu konklużi ftehim ta’ qafas bejn min iħaddem u l-fornitur tas-servizzi għall-ħaddiema kollha, jew jekk bil-kontra kienx jiġi konkluż kuntratt individwali għal kull ħaddiem. Hija staqsiet ukoll lill-Gvern Ġermaniż jekk kienx hemm entitajiet li jħaddmu li kienu kkonkludew kuntratti ma’ diversi fornituri ta’ servizzi differenti.

167. Fir-risposta tagħha tal-1 ta’ Marzu 2007, ir-Repubblika Federali ppreċiżat li l-implementazzjoni tal-konverżjoni tar-remunerazzjoni kienet issir b’mod differenti skont il-każ; kien jiġri li jiġi konkluż kuntratt individwali għal kull ħaddiem, li jiġu konklużi kuntratti qafas bejn min iħaddem u offerent wieħed jew iktar. Il-ftehim kollettiv fil-fatt ma jobbligax lil min iħaddem jagħżel formula ta’ implementazzjoni waħda jew oħra mit-tlieta offruti. Min iħaddem jista’ wkoll jipproponi formuli differenti lill-impjegati tiegħu. Fil-prattika, ma hijiex xi ħaġa rari li min iħaddem jikkonkludi ftehim qafas ma’ iktar minn offerent wieħed (82).

168. Minkejja din ir-riposta li turi b’mod ċar li l-implementazzjoni tal-konverżjoni tar-remunerazzjoni mill-entitajiet komunali li jħaddmu tista’ tvarja b’mod kunsiderevoli, il-Kummissjoni ppreżentat rikors mingħajr ma għamlet iktar domandi. L-andament tal-proċedura kontenzjuża ma ppermettiex li jiġi ċċarat jekk xi bliet Ġermaniżi u, jekk dan huwa minnu, liema, kienu kkonkludew ftehim qafas ma’ diversi korpi ta’ assigurazzjoni. Bl-istess mod, id-domanda dwar jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali li fihom kienu jinsabu tabilħaqq l-ibliet ikkonċernati u l-impjegati tagħhom, motivi serji fuq il-mertu kinux jixhdu favur, jew pjuttost kontra, il-konklużjoni ta’ diversi ftehim qafas ma’ korpi ta’ assigurazzjoni differenti, baqgħet mingħajr risposta.

169. Sabiex jiġi ddeterminat jekk f’din il-kawża ġiex stabbilit li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqsitx milli twettaq obbligu, huwa importanti fl-aħħar mill-aħħar li jiġi kkonstatat min huwa responsabbli mill-inċertezza li tirrenja fuq il-punt dwar jekk l-ibliet prinċipali tal-Ġermanja, minbarra Berlin, ikkonkludewx ftehim qafas ma’ diversi korpi ta’ assigurazzjoni, u għal liema raġunijiet. Jekk din l-inċertezza kienet dovuta għal produzzjoni difettuża tal-prova min-naħa tal-Kummissjoni, hija ma ssodisfatx l-obbligu tagħha f’dan il-qasam, u r-rikors għandu jinċaħad billi mhux suffiċjentement motivat. Jekk din l-inċertezza hija dovuta għal nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex il-fatti jiġu stabbiliti b’mod leġittimu, bil-kontra hemm lok li jiġi deċiż li r-rikors huwa suffiċjentement motivat, u konsegwentement fondat ukoll.

170. Meta jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, din l-inċertezza, fil-fehma tiegħi, għandha tiġi kkunsidrata bħala r-riżultat ta’ produzzjoni difettuża tal-prova min-naħa tal-Kummissjoni.

171. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni oriġinarjament kellha l-għan li, permezz tar-rikors tagħha twassal sabiex jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minħabba li l-mija u għaxart ibliet prinċipali Ġermaniżi kkonkludew direttament ftehim qafas dwar il-konverżjoni tar-remunerazzjoni mal-korpi u mal-impriżi msemmija fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-Direttivi 92/50 u 2004/18. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkontestat dawn il-konklużjonijiet, sa mill-istadju tal-proċedura prekontenzjuża, billi sostniet li hija prattika komuni li l-ibliet u l-komuni jikkonkludu ftehim qafas ma’ diversi korpi ta’ assigurazzjoni, f’liema każ għandu jiġi kkalkolat b’mod differenti jekk il-limiti ntlaħqux. Madankollu l-Kummissjoni injorat din l-osservazzjoni, u ppreżentat rikors mingħajr ma talbet kjarifiki supplementari mingħand ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

172. Fid-dawl tal-kumplessità ta’ din il-kawża, li tqajjem numru kbir ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt, wieħed ma jistax jikkritika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talli ma ressqitx fuq inizjattiva tagħha, jew fil-fażi tal-proċedura prekontezjuża jew matul il-proċedura kontenzjuża, lista tal-ftehim qafas kollha li ġew konklużi mill-ibliet prinċipali Ġermaniżi, u talli ma semmietx ir-raġunijiet għal dan. Fil-fatt, minħabba l-għadd ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt li tqajmu f’din il-kawża, li fiha l-Kummissjoni kkontestat il-prattika tal-għoti tal-kuntratti ta’ iktar minn 100 belt Ġermaniża fil-Länder kollha, il-Gvern Ġermaniż qabel kollox kellu, matul il-proċedura prekontenzjuża, jikkonstata b’mod ġenerali n-nuqqasijiet fil-preżentazzjonijiet tal-fatti mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni missha ħatfet l-okkażjoni offruta lilha minn dawn l-indikazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż sabiex tikkompleta n-nuqqasijiet fl-espożizzjoni tal-fatti billi tagħmel domandi speċifiċi. Minflok dan, il-Kummissjoni ippreżentat rikors qabel il-waqt, b’tali mod li l-Gvern Ġermaniż qabel kollox kien imġiegħel, fil-proċedura kontenzjuża, jirrispondi fid-dettall, mill-aspett fattwali, għad-data statistika mressqa mill-Kummissjoni. Hemmhekk għal darb’oħra, ma narax fuq liema bażi wieħed jista’ jattribwixxi lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ngħatatx kjarifiki suffiċjenti fuq il-kwistjoni dwar jekk, u għal liema raġunijiet, l-ibliet inkwistjoni f’din il-kawża kkonkludew ftehim qafas ma’ diversi korpi ta’ assigurazzjoni.

173. Fil-qosor, b’hekk għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ressqitx il-prova li l-valur ikkalkolat tal-ftehim qafas inkwistjoni laħaq il-limitu li jiddetermina l-applikazzjoni tad-Direttivi 92/50 u 2004/18. Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni ma huwiex suffiċjentement motivat, u għalhekk għandu jinċaħad peress li infondat.

3.      Konklużjoni provviżorja

174. Abbażi tal-argument li spjegajt iktar ’il fuq, nikkonkludi li l-Kummissjoni ma ressqitx il-prova li minħabba l-fatt li l-amministrazzjonijiet u l-impriżi komunali taw direttament kuntratti għal servizzi rigward l-iskema ta’ pensjoni professjonali mal-korpi u mal-impriżi msemmija fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-Direttiva 92/50 u d-Direttiva 2004/18.

C –    Sussidjarjament: riżoluzzjoni ta’ kunflitt bejn id-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, minn naħa, u d-dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi u d-dritt fundamentali tal-libertà tan-negozjati kollettivi, min-naħa l-oħra

175. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra, bil-kontra tal-konklużjoni li wasalt għaliha iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni pprovdiet il-prova li amministrazzjoni jew impriża komunali waħda jew iktar taw, bi ksur tad-Direttivi 92/50 u 2004/18, kuntratti għal servizzi rigward l-iskema tal-pensjoni professjonali mal-korpi u mal-impriżi msemmija fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA, għandu jiġi eżaminat għal darb’oħra jekk din l-inkompatibbiltà tal-ftehim qafas inkwistjoni mad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għandhiex tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra d-dritt Komunitarju fid-dawl tad-dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi u tad-dritt fundamentali tal-libertà tan-negozjati kollettivi.

176. Qabel kollox għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-għażla minn qabel favur ċerti korpi ta’ assigurazzjoni li magħhom għandha ssir il-konverżjoni tar-remunerazzjoni saret b’mod restrittiv fit-TV-EUmw/VKA. Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi ftehim kollettiv, il-konverżjoni tar-remunerazzjoni fil-prinċipju tista’ ssir biss ma’ fondi pubbliċi tal-pensjoni supplimentari, ma’ banek ta’ tfaddil jew ma’ assiguraturi komunali. Fid-dawl ta’ dawn ir-regoli tal-ftehim kollettiv, l-amministrazzjonijiet komunali huma tant ristretti rigward l-għażla finali tagħhom tal-korpi ta’ assigurazzjoni li ma jistgħux iktar jippubblikaw liberament sejħa għall-offerta għal ftehim qafas dwar il-konverżjoni tar-remunerazzjoni mingħajr ma jiksru biha stess il-ftehim kollettiv.

177. Għaldaqstant jeżisti kunflitt bejn id-dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi u d-dritt fundamentali tal-libertà tan-negozjati kollettivi, minn naħa, u d-Direttivi 92/50 u 2004/18, min-naħa l-oħra. Peress li dawn id-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jikkonkretizzaw il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, dan il-kunflitt qabel kollox għandu jiġi solvut, mill-perspettiva tad-dritt primarju, billi jiġi analizzat bħala kunflitt bejn id-dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi u d-dritt fundamentali tal-libertà tan-negozjati kollettivi, minn naħa, u l-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, min-naħa l-oħra. Ir-riżoluzzjoni ta’ dan il-kunflitt miksuba fuq il-livell tad-dritt primarju sussegwentement għandha tiġi trasposta fuq il-livell tad-dritt sekondarju, permezz ta’ interpretazzjoni tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi li tkun konformi mad-dritt primarju.

178. F’dan il-kuntest, biħsiebni qabel kollox niddiskuti l-kwistjoni dwar fuq liema kriterji u liema prinċipji għandu jiġi solvut kunflitt bejn il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet fundamentali. Minn dawn il-kriterji u prinċipji, sussegwentement biħsiebni niddiskuti b’liema mod kunflitt bejn il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, minn naħa, u d-dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi u d-dritt fundamentali tal-libertà tan-negozjati kollettivi, min-naħa l-oħra, għandu jiġi solvut f’dan il-każ. Dan l-eżami jippermetti sussegwentement li jiġi kkonstatat jekk l-inkompatibbiltà tal-ftehim qafas inkwistjoni mad-Direttivi 92/50 u 2004/18 tippermettix jew le li jiġi konkluż, filwaqt li jiġi rrispettat l-obbligu li dawn id-direttivi jiġu intepretati b’mod konformi mad-dritt primarju, li kien hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont id-direttivi.

1.      Ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti bejn il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet fundamentali: is-sentenzi Viking Line u Laval un Parteneri

179. Fil-ġurisprudenza l-iktar reċenti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha t-tendenza li ssolvi l-kunflitti bejn l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet fundamentali billi tinvoka l-motivi ġustifikattivi “miktubin” inklużi fit-Trattat, kif ukoll il-prinċipji “mhux miktubin” rikonoxxuti mill-ġurisprudenza li jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali.

180. Is-sentenza Viking Line (83) f’dan ir-rigward hija eżemplari. F’din il-kawża għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari kellha tagħti deċiżjoni dwar il-validità ta’ restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment li tirriżulta mill-miżuri kollettivi li ħadu xi sindakati fil-konfront ta’ impriża privata. Qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, f’dan ir-rigward li, jekk id-dritt li titmexxa azzjoni kollettiva, li jinkludi d-dritt ta’ strajk, għandu jiġi rrikonoxxut bħala dritt fundamentali (84), azzjonijiet bħal dawk inkwistjoni għandhom madankollu jiġu kkunsidrati formalment bħala restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment (85). Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat il-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni ta’ din ir-restrizzjoni. Qabel kollox hija invokat, bħala ġustifikazzjoni, ir-“raġunijiet imperattivi – mhux miktuba – ta’ interess ġenerali”, li skonthom restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi aċċettata biss jekk ikollha għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat u tkun ġustifikabbli permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bil-kundizzjoni, barra minn hekk, f’każ bħal dan, li din ir-restrizzjoni tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan segwit u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (86). Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-protezzjoni tal-ħaddiema hija fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali diġà rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja (87), iżda ppreċiżat li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-għanijiet segwiti permezz tal-azzjonijiet kollettivi jikkonċernawx il-protezzjoni tal-ħaddiema (88). Li kieku dan kellu jkun il-każ, il-qorti tar-rinviju jkollha tivverifika ulterjorment jekk il-miżuri kollettivi kinux adattati sabiex jiggarantixxu l-kisba tal-għan segwit u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-kisba ta’ dan il-għan (89).

181. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet ukoll, fil-kuntest tal-eżami tal-ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, għall-missjonijiet u għall-għanijiet tal-politika soċjali tal-Komunità (90), fl-aħħar mill-aħħar hija ma stħarrġitx jekk l-eżerċizzju tad-dritt soċjali fundamentali li jitmexxew azzjonijiet kollettivi jistax, bħala tali, u fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġġustifika restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment. Hija sempliċement ħadet inkunsiderazzjoni d-dritt soċjali fundamentali li titmexxa azzjoni kollettiva fil-kuntest tal-mudell tradizzjonali ta’ evalwazzjoni tal-motiv ġustifikattiv mhux miktub ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali” (91). B’mod partikolari hija bbażat ruħha fuq il-prinċipju inerenti għal dan id-dritt fundamentali tal-protezzjoni tal-ħaddiema, li diġà ġie rrikonoxxut preċedentement, skont ġurisprudenza stabbilita, bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (92).

182. Il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet mudell ta’ evalwazzjoni simili fis-sentenza tagħha Laval un Parteneri (93) fejn, qabel kollox, hija rrikonoxxiet id-dritt li titmexxa azzjoni kollettiva bħala dritt fundamentali iżda, meta sussegwentement eżaminat jekk il-ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tqajjem fil-kuntest tal-azzjoni kollettiva kienx iġġustifikat, hija reġgħet ibbażat ruħha fuq il-protezzjoni tal-ħaddiema bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

2.      L-importanza ugwali tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet fundamentali, u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti abbażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

183. Il-prinċipju applikat fis-sentenzi Viking Line u Laval un Parteneri, jiġifieri li d-drittijiet soċjali fundamentali Komunitarji ma jistgħux, bħala tali, jiġġustifikaw ir-restrizzjoni ta’ libertà fundamentali – fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – b’tali mod li jkun hemm dejjem lok li jiġi stabbilit motiv ġustifikattiv miktub jew mhux miktub inerenti għal dan id-dritt fundamentali, jista’ joħloq tensjonijiet mal-prinċipju tal-importanza ugwali tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet fundamentali.

184. Tali mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni jissuġġerixxi tabilħaqq li teżisti relazzjoni ġerarkika bejn il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet fundamentali, fejn id-drittijiet fundamentali għandhom inqas importanza mil-libertajiet fundamentali (94), u b’hekk jistgħu jirrestrinġu lil-libertajiet fundamentali biss permezz ta’ motiv ġustifikattiv miktub jew mhux miktub (95).

185. F’dan il-kuntest għandu jiġi kkunsidrat ukoll li l-motiv ġustifikattiv mhux miktub tar-“raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali” ma jistax jintuża sabiex jiġġustifika restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali applikati b’mod diskriminatorju (96). Għaldaqstant, jekk l-eżerċizzju ta’ dritt Komunitarju fundamentali jwassal għal restrizzjoni ta’ libertà fundamentali li tiġi applikata b’mod diskriminatorju, għandha tiġi mistħarrġa, skont il-mudell ta’ evalwazzjoni applikat fis-sentenzi Viking Line u Laval un Parteneri, il-preżenza ta’ wieħed mill-motivi espressament previsti mit-Trattat biex jiġu ġġustifikati restrizzjonjiet għal-libertà fundamentali affettwata. Din ir-restrizzjoni addizzjonali tal-possibbiltajiet li tiġi ġġustifikata restrizzjoni tal-libertajiet fundamentali tikkonferma b’mod iktar sinjifikattiv l-eżistenza ta’ relazzjoni ġerarkika bejn id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet fundamentali.

186. Fil-fehma tiegħi, ma teżistix tali relazzjoni ġerarkika bejn il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet fundamentali (97).

187. Ir-relazzjoni bejn il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet fundamentali hija kkaratterizzata wkoll minn konverġenza kbira, kemm mill-aspett tal-istruttura kif ukoll mill-aspett tal-kontenut tagħhom. B’hekk, pereżempju, il-kontenut tal-garanziji żgurati mil-libertajiet fundamentali jista’ jiġi fformulat f’termini ta’ drittijiet fundamentali, b’mod partikolari bl-għajnuna tad-drittijiet fundamentali li jipproteġu l-attività ekonomika. Fid-dawl ta’ din il-konverġenza, huwa wkoll żbaljat li jkun hemm sforz sabiex jinbena kunflitt jew relazzjoni ġerarkija ta’ prinċipju bejn id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet fundamentali (98).

188. Peress li, f’każ reali, l-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali jirrestrinġi libertà fundamentali, b’hekk għandha ssir tiftixa għal konċiljazzjoni idonea bejn iż-żewġ pożizzjonijiet ġuridiċi (99). F’dan ir-rigward hemm lok, minn naħa, li l-punt ta’ tluq ikun il-prinċipju li l-konkretizzazzjoni ta’ libertà fundamentali tikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jistabbilixxi ċerti limiti għal dritt fundamentali. Madankollu, bil-kontra, il-konkretizzazzjoni ta’ dritt fundamentali għandha wkoll tiġi rrikonoxxuta bħala għan leġittimu li jista’ jirrestrinġi libertà fundamentali.

189. Biex tiġi ddefinita eżattament il-linja ta’ demarkazzjoni bejn il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet fundamentali, il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu importanza ewlenija. Fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità, wieħed għandu b’mod partikolari jibbaża ruħu fuq mudell ta’ evalwazzjoni bi tliet livelli, li bl-għajnuna tiegħu għandhom jiġu mistħarrġa 1) in-natura approprjata tal-miżura inkwistjoni, 2) in-neċessità tagħha u 3) in-natura mhux sproporzjonata tagħha (100).

190. Il-konċiljazzjoni idonea bejn dritt fundamentali u libertà fundamentali f’każ ta’ kunflitt fil-fatt hija żgurata biss jekk ir-restrizzjoni ta’ libertà fundamentali minn dritt fundamentali ma tistax tmur lil hinn minn dak li huwa idoneju, neċessarju u proporzjonat għall-finijiet tat-twettiq tad-dritt fundamentali. Min-naħa l-oħra, ir-restrizzjoni ta’ dritt fundamentali minn libertà fundamentali lanqas ma tista’ tmur lil hinn minn dak li huwa idoneju, neċessarju u proporzjonat għall-finijiet tat-twettiq tal-libertà fundamentali (101).

191. Fid-dawl tal-konverġenza kbira li hemm bejn il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet fundamentali, din l-analiżi biss ibbażata fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità tista’ twassal, f’każ ta’ kunflitt, għal soluzzjoni li tiggarantixxi l-aħjar effett utli għad-drittijiet fundamentali u għal-libertajiet fundamentali.

192. Fi tmiem din l-analiżi, nikkonkludi li r-restrizzjoni ta’ libertà fundamentali għandha tiġi kkunsidrata bħala ġġustifikata jekk din ir-restrizzjoni tkun ipproduċiet ruħha fl-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali Komunitarju, u jekk din tkun idonea, neċessarja u proporzjonata għall-finijiet tat-twettiq tal-interessi protetti minn dan id-dritt fundamentali. Min-naħa l-oħra, ir-restrizzjoni ta’ dritt fundamentali għandha, hija wkoll, tiġi kkunsidrata bħala ġġustifikata jekk din ir-restrizzjoni tkun ġiet deċiża fl-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali, u jekk din kienet idonea, neċessarja u proporzjonata għall-finijiet tat-twettiq tal-interessi protetti minn din il-libertà fundamentali.

193. Barra minn hekk, il-konferma ta’ dan l-approċċ ikkaratterizzat mill-importanza ugwali tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet fundamentali, fejn il-kunflitti bejn l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali u l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali jiġu solvuti abbażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma tirrappreżentax direzzjoni għalkollox ġdida tal-ġurisprudenza. Din l-analiżi tirrappreżenta pjuttost ritorn għall-valuri diġà aċċettati fis-sentenza Schmidberger (102). Barra minn hekk, is-sentenza Rüffert (103) turi l-ewwel sinjali tan-neċessità li l-linja tal-ġurisprudenza segwita fis-sentenzi Viking Line u Laval un Parteneri tiġi kkwalifikata.

194. Fis-sentenza Schmidberger, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet b’mod partikolari tagħti deċiżjoni preliminari dwar jekk restrizzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija minħabba imblokkar tat-triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorway’) ta’ Brenner għal 30 siegħa setgħetx tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-fatt li dan l-imblokk sar fl-eżerċizzju leġittimu tad-dritt fundamentali għal-libertà ta’ espressjoni u tad-dritt fundamentali li jsiru protesti paċifiċi. Biex jiġi solvut dan il-kunflitt bejn id-drittijiet fundamentali inkwistjoni u l-moviment liberu tal-merkanzija, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment ivverifikat jekk ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-kummerċ intra-Komunitarju bl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali kinux proporzjonati fir-rigward tal-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet fundamentali (104). Min-naħa l-oħra, hija vverifikat ukoll jekk applikazzjoni stretta tal-moviment liberu tal-merkanzija għandhiex twassal għal preġudizzju sproporzjonat għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali (105). Iż-żewġ domandi għandhom jingħataw risposta fl-affermattiv, għaliex ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni, fl-aħħar mill-aħħar, għandha tiġi kkunsidrata bħala ġġustifikata.

195. L-idea ċentrali tas-sentenza Schmidberger, għalhekk, kienet l-importanza ugwali bejn id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet fundamentali f’kunflitt ma’ xulxin, li fl-aħħar mill-aħħar ġew ibbilanċjati permezz ta’ eżami, mill-perspettiva tal-proporzjonalità, tar-restrizzjonijiet reċiproċi inkwistjoni.

196. Fl-aħħar nett wieħed ma jistax ma jgħid xejn, f’dan ir-rigward, dwar is-sentenza Rüffert (106), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari tat deċiżjoni preliminari rigward il-kompatibbiltà tal-liġi tal-Land ta’ Niedersachsen fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi mal-Artikolu 49 KE.

197. Qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat f’dan ir-rigward li r-regoli stabbiliti f’din il-liġi, li jipprovdu li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħżlu bħala appaltaturi ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet biss lill-impriżi li, meta jagħmlu l-offerti tagħhom, jintrabtu bil-miktub li, bħala korrispettiv għall-prestazzjoni tas-servizzi kkonċernati, iħallsu lill-impjegati tagħhom mill-inqas ir-remunerazzjoni stabbilita fil-ftehim kollettiv applikabbli fil-post fejn jiġu pprovduti l-imsemmija servizzi, anki jekk l-imsemmi ftehim ma jkunx jista’ jiġi kkwalifikat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali, jikkostitwixxu restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 49 KE. Meta eżaminat jekk din ir-restrizzjoni setgħetx tiġi kkunsidrata ġġustifikata, il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement ivverifikat tliet motivi ġustifikattivi “mhux miktuba”. Hija b’mod partikolari stħarrġet jekk ir-restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata 1) bl-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema, 2) bl-għan previst biex jiżgura l-protezzjoni tal-organizzazzjoni awtonoma tal-ħajja professjonali mis-sindakati, jew 3) bl-għan tal-bilanċ finanzjarju tas-sistemi tas-sigurtà soċjali.

198. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod definittiv, ikkunsidrat li r-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma kinitx iġġustifikata, jidhirli li huwa fuq kollox l-eżami ta’ ġustifikazzjoni fir-rigward tal-“protezzjoni ta’ l-organizzazzjoni awtonoma tal-ħajja professjonali mit-trade unions” li għandu importanza kbira. Fil-fatt, filwaqt li “l-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema” u “l-għan tal-bilanċ finanzjarju tas-sistemi tas-sigurtà soċjali” jirreferu għal żewġ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti minn ġurisprudenza stabbilita (107), il-Qorti tal-Ġustizzja, meta eżaminat il-“protezzjoni ta’ l-organizzazzjoni awtonoma tal-ħajja professjonali mit-trade unions”, għall-inqas b’mod impliċitu, evokat il-possibbiltà li d-dritt soċjali fundamentali tal-libertà ta’ assoċjazzjoni jista’ jiġġustifika bħala tali restrizzjoni tal-libertajiet fundamentali.

199. Minn dan kollu nikkonkludi li r-restrizzjoni ta’ libertà fundamentali hija ġġustifikata meta din ir-restrizzjoni sseħħ fl-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali, u jekk din kienet idonea, neċessarja u proporzjonata għall-finijiet tat-twettiq tal-interessi fundamentali protetti minn dan id-dritt fundamentali. Min-naħa l-oħra, ir-restrizzjoni ta’ dritt fundamentali hija ġġustifikata meta din ir-restrizzjoni sseħħ fl-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali, u jekk din kienet idonea, neċessarja u proporzjonata għall-finijiet tat-twettiq tal-interessi protetti minn din il-libertà fundamentali.

3.      Ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt bejn id-Direttivi 92/50 u 2004/18 minn naħa, u d-dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi u d-dritt funamentali tal-libertà tan-negozjati kollettivi, min-naħa l-oħra

200. Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tasal għall-konklużjoni li amministrazzjoni jew impriża komunali waħda jew iktar tat direttament kuntratti għall-għoti ta’ servizzi rigward l-iskema tal-pensjoni professjonali mal-korpi u mal-impriżi msemmija fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA bi ksur tad-Direttivi 92/50 jew 2004/18, ikun ġie stabbilit li d-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jipprekludu formalment il-mod li bih id-dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi u d-dritt fundamentali tal-libertà tan-negozjati kollettivi kienu tabilħaqq eżerċitati. F’dan ir-rigward, id-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jippreġudikaw dawn id-drittijiet soċjali fundamentali billi l-imsieħba soċjali ma jkunux jistgħu iktar jeżerċitaw b’mod liberu dawn id-drittijiet fundamentali soċjali iżda jkunu obbligati – mill-aspett tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi – isegwu ċerti regoli.

201. Il-kunflitt li għaldaqstant inħoloq bejn id-Direttivi 92/50 u 2004/18 u dawn id-drittijiet soċjali għandu jissolva, fl-ewwel lok, billi jiġi eżaminat, fuq il-livell tad-dritt primarju, jekk il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi jippermettux tali restrizzjoni ta’ dawn id-drittijiet soċjali fundamentali. Jekk din id-domanda tingħata risposta fl-affermattiv, xejn ma jipprekludi l-konstatazzjoni li l-ftehim qafas inkwistjoni jippreġudikaw id-Direttivi 92/50 u 2004/18, li jikkonkretizzaw il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Jekk, min-naħa l-oħra, din id-domanda tingħata risposta fin-negattiv, permezz ta’ interpretazzjoni ta’ dawn id-direttivi li tkun konformi mad-dritt primarju, għandu jiġi kkonstatat li l-ftehim qafas inkwistjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 92/50 u 2004/18.

202. Għall-finijiet tal-eżami dwar jekk il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi jippermettux restrizzjoni tad-dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi u tal-libertà tan-negozjati kollettivi li jikkorrispondu għad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, fil-prinċipju għandu jiġi vverifikat jekk tali restrizzjoni hijiex idonea, neċessarja u proporzjonata biex jintlaħqu l-għanijiet tal-libertajiet fundamentali.

203. Madankollu f’din il-kawża, il-Gvern Ġermaniż fuq kollox invoka argumenti li jistgħu jiġġustifikaw ir-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi mid-drittijiet soċjali fundamentali.

204. L-eżami tad-domanda dwar jekk il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi jistgħux jiġġustifikaw restrizzjoni tad-dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi u tal-libertà tan-negozjati kollettivi b’mod definittiv jikkostitwixxi l-maqlub tal-eżami tad-domanda dwar jekk dawn id-drittijiet soċjali fundamentali jistgħux jiġġustifikaw restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Billi din l-aħħar opzjoni ta’ analiżi tiffaċilita diskussjoni fid-dettall tal-argumenti invokati mill-Gvern Ġermaniż, iktar ’il quddiem biħsiebni neżamina jekk huwiex idoneju, neċessarju u proporzjonat, biex jintlaħqu l-għanijiet tad-dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi u tad-dritt fundamentali tal-libertà tan-negozjati kollettivi, li jiġu ristretti l-libertajiet fundamentali skont it-termini kkontestati mill-Kummissjoni.

205. Skont in-natura tagħhom, id-dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi u d-dritt fundamentali tal-libertà tan-negozjati kollettivi għandhom jiggarantixxu li min iħaddem jew l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, minn naħa, u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, min-naħa l-oħra, ikunu jistgħu, fil-kuntest ta’ negozjati liberi u b’mod għalkollox indipendenti – filwaqt li josservaw ċerti regoli u ċerti limiti – jinnegozjaw, imbagħad jittraduċu f’forma idonea, il-kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-ħaddiema (108).

206. Fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tikkostitwixxi d-deċiżjoni minn qabel meħuda favur ċerti korpi ta’ assigurazzjoni fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA b’hekk għandha tiġi kkunsidrata bħala ġġustifikata mid-dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi u mid-dritt fundamentali tal-libertà tan-negozjati kollettivi, jekk din l-għażla minn qabel tal-korpi ta’ assigurazzjoni kienet idonea u neċessarja sabiex ikun hemm negozjati liberi u indipendenti fuq il-kundizzjonijiet ta’ impjieg għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ ftehim kollettiv, u jekk il-ksur tal-libertajiet fundamentali ma kienx sproporzjonat b’relazzjoni għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet.

207. Miżura tkun idonea sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan invokat biss jekk tissodisfa verament intenzjoni sabiex dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (109).

208. Fid-dawl tal-fatt li l-prinċipju tal-konċentrazzjoni tal-konverżjoni tar-remunerazzjoni fuq numru limitat ta’ korpi ta’ assigurazzjoni ġie inkluż fit-TV-EUmw/VKA, għandu jiġi preżunt li dan il-prinċipju jikkostitwixxi parti mill-kompromess li ntlaħaq fil-kuntest tan-negozjati liberi u indipendenti bejn ir-rappreżentanti ta’ min iħaddem u dawk tal-ħaddiema. Fi kwalunkwe każ, il-proċess ma fih ebda informazzjoni li permezz tagħha tista’ tintlaħaq konklużjoni oħra. F’dan il-kuntest, id-deċiżjoni minn qabel li ttieħdet favur ċerti korpi ta’ assigurazzjoni fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura idonea għat-twettiq tal-interessi protetti mid-dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi u mid-dritt fundamentali tal-libertà tan-negozjati kollettivi.

209. Miżura tkun neċessarja meta jirriżulta li tkun, fost diversi miżuri adattati għat-twettiq tal-għanijiet segwiti, dik l-inqas oneruża għall-interess jew għad-dritt ikkonċernat (110).

210. Fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ dan il-każ, stħarriġ tan-neċessità tad-deċiżjoni minn qabel meħuda fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA favur ċerti korpi ta’ assigurazzjoni jippreżumi loġikament li jkun hemm verifika jekk ikunx ukoll possibbli li jintlaħaq kunsens dwar dispożizzjonijiet oħra minħabba l-implementazzjoni tal-konverżjoni tar-remunerazzjoni fil-kuntest tan-negozjati kollettivi. Fil-fatt, huwa biss jekk seta’ wkoll jinstab kunsens bejn l-imsieħba soċjali rigward dispożizzjonijiet oħra iktar konformi mad-dritt Komunitarju li d-deċiżjoni minn qabel favur ċerti korpi ta’ assigurazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża tista’ tiġi ċċensurata għaliex ma tkunx neċessarja.

211. Biex tirrispondi għad-domanda dwar jekk l-imsieħba soċjali setgħux jilħqu kunsens rigward dispożizzjonijiet oħra għall-implementazzjoni tal-konverżjoni tar-remunerazzjoni, fil-kuntest ta’ negozjati liberi u indipendenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tosserva l-ikbar kawtela. Anki jekk, biex issolvi kunflitt bejn il-libertajiet fundamentali, minn naħa, u d-dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi u d-dritt fundamentali tal-libertà tan-negozjati kollettivi, min-naħa l-oħra, tista’ tintalab tagħti deċiżjoni – bħal f’din il-kawża – dwar il-kontenut tal-ftehim kollettivi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha sa fejn ikun possibbli tikkunsidra, għaldaqstant, il-marġni ta’ diskrezzjoni u d-deċiżjoni tal-imsieħba soċjali (111).

212. Biex tiġi vverifikata n-neċessità tal-miżura inkwistjoni, l-istħarriġ għalhekk għandu jkun illimitat għall-konstatazzjoni dwar jekk kinux possibbli dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni iktar konformi mad-dritt Komunitarju, u jekk l-imsieħba soċjali setgħux manifestament jilħqu kunsens dwar dawn id-dispożizzjonijiet sa fejn l-ebda raġuni fuq il-mertu ma kienet tipprekludi l-adozzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet. Jekk dawn id-domandi jingħataw risposta fl-affermattiv, id-deċiżjoni minn qabel inkwistjoni f’din il-kawża adottata fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA favur ċerti korpi ta’ assigurazzjoni għandha tkun iċċensurata bħala mhix neċessarja, u konsegwentement bħala sproporzjonata.

213. Fil-fehma tiegħi, kien faċilment possibbli li l-ftehim jiġu organizzati fid-dawl tal-implementazzjoni tal-konverżjoni tar-remunerazzjoni b’mod li jkun konformi mad-dritt Komunitarju.

214. F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni ma kienx dirett kontra l-prinċipju tal-konverżjoni tar-remunerazzjoni bħala tali, iżda biss kontra l-fatt li l-ftehim kollettiv jimponi lill-entitajiet komunali li jħaddmu l-għażla ta’ korpi ta’ assigurazzjoni li jimplementaw il-konverżjoni tar-remunerazzjoni, minkejja li dawn l-entitajiet li jħaddmu – bil-ftuħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi – huma obbligati minn dawn id-direttivi, bħala awtoritajiet kontraenti, li joħorġu sejħiet għall-offerti.

215. Bħala alternattiva iktar konformi mad-dritt Komunitarju, wieħed seta’ jipprevedi, f’dan il-kuntest, leġiżlazzjoni li tipprovdi li l-konverżjoni tar-remunerazzjoni kellha tiġi implementata, fil-kuntest tal-metodi ta’ implementazzjoni previsti mill-BetrAVG, ma’ korp jew korpi ta’ assigurazzjoni li għandhom jingħażlu mill-entitajiet komunali li jħaddmu skont il-prinċipju ta’ trasparenza stabbilit mid-dritt primarju (112) jew – ladarba l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tagħhom jiġu sodisfatti – skont id-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

216. Id-domanda dwar jekk f’din il-kawża tressqux raġunijiet fuq il-mertu li jixhdu kontra tali ftehim kollettiv ta’ implementazzjoni tal-konverżjoni tar-remunerazzjoni iktar konformi mad-dritt Komunitarju, fil-fehma tiegħi, għandha tingħata risposta fin-negattiv.

217. Sabiex jiġġustifika d-deċiżjoni minn qabel meħuda fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA favur ċerti korpi ta’ assigurazzjoni, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-għażla tal-korp ta’ assigurazzjoni msejjaħ sabiex jimplementa l-konverżjoni tar-remunerazzjoni li ma tibbażax ruħa fuq il-ftehim kollettiv, skont il-BetrAVG, għandha tkun ta’ min iħaddem. B’deroga, l-Artikolu 17(5) tal-BetrAVG jimponi l-metodi ta’ konverżjoni tar-remunerazzjoni previsti minn ftehim kollettiv, li jippermettu b’mod partikolari lill-ħaddiema li jkollhom influwenza ikbar fuq l-organizzazzjoni tal-iskema supplimentari tal-pensjoni professjonali tagħhom. Barra minn hekk, l-Artikolu 17(3) tal-BetrAVG jagħti b’mod partikolari lill-imsieħba soċjali l-possibbiltà li jagħżlu bi qbil bejniethom il-korp ta’ assigurazzjoni sabiex tiġi implementata l-konverżjoni tar-remunerazzjoni prevista mill-ftehim kollettiv, u dan huwa dak li ġara fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA. Din id-deċiżjoni komuni minn qabel favur ċerti korpi ta’ assigurazzjoni, minn naħa, tiffavorixxi l-interess tal-ħaddiema li l-konverżjoni tar-remunerazzjoni tiġi implementata b’mod trasparenti, u min-naħa l-oħra, tiffavorixxi l-interess ta’ min iħaddem li l-iskema ta’ pensjoni twassal għal inqas spejjeż ta’ ġestjoni. Fi ftit kliem, jekk din id-deċiżjoni tkun tiddependi mill-kompetenza tal-partijiet għall-ftehim kollettiv, ikun qed jingħata kontribut sabiex din il-forma ta’ skema supplimentari ta’ pensjoni professjonali ssir popolari u tinfirex bl-usa’ mod possibbli.

218. Il-Gvern Ġermaniż isostni wkoll li, skont id-dikjarazzjonijiet tal-partijiet għall-ftehim kollettiv, il-limitu tan-numru ta’ assiguraturi, fosthom li min iħaddem għandu jagħmel l-għażla tiegħu għall-konverżjoni tar-remunerazzjoni, għandha żżid it-trasparenza u l-popolarità tal-iskema ta’ pensjoni professjonali supplimentari. Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA jirrappreżenta inqas problemi għal kull min iħaddem: ma għadux iktar assolutament neċessarju li jsir paragun bejn il-korpi ta’ assigurazzjoni. L-entità komunali individwali li tħaddem tista’ wkoll tippreżumi li l-partijiet għall-ftehim kollettiv ma għażlux korp ta’ assigurazzjoni b’mod arbitrarju, u li ġeneralment huma għandhom perspettiva aħjar tas-sitwazzjoni kollha tal-kuntratt. Il-ħaddiema, min-naħa tagħhom, jistgħu jkunu żguri li s-sindakati jsostnu suffiċjentement l-interessi tagħhom fl-għażla tal-korp ta’ assigurazzjoni. B’hekk, l-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA jipproteġi wkoll lill-ħaddiema minn għażla unilaterali “ħażina” tal-korp ta’ assigurazzjoni minn min iħaddem.

219. Barra minn hekk, biex jiġġustifika d-deċiżjoni meħuda fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA favur korpi pubbliċi ta’ assigurazzjoni supplimentari, tal-grupp finanzjarju tal-banek ta’ tfaddil u tal-assiguraturi komunali, il-Gvern Ġermaniż isostni li din l-għażla saret għal motivi idoneji bħal dawk ta’ esperjenzi pożittivi, kunfidenza partikolari u inqas spejjeż ta’ ġestjoni minħabba l-istruttura partikolari ta’ dawn il-korpi ta’ assigurazzjoni. L-interess ta’ min iħaddem li jillimita r-riskju li jkollu jagħti kont ta’ għemilu f’każ ta’ falliment ta’ korp ukoll lagħab il-parti tiegħu f’din id-deċiżjoni.

220. Fid-dawl ta’ din l-espożizzjoni, l-argumenti materjali invokati mill-Gvern Ġermaniż biex jiġġustifika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA jistgħu jitqiegħdu f’erba’ kategoriji, jiġifieri 1) it-trasparenza tal-għażla tal-korpi ta’ assigurazzjoni, 2) il-livell ogħla ta’ popolarità fost il-ħaddiema, minħabba li r-rappreżentanti tal-ħaddiema pparteċipaw fid-deċiżjoni minn qabel favur ċerti korpi ta’ assigurazzjoni, 3) l-għarfien aħjar tas-settur mill-partijiet għan-negozjati kollettivi, u 4) il-karatteristiċi partikolari tal-korpi ta’ assigurazzjoni aċċettati.

221. Madankollu, dawn l-argumenti fl-ebda każ ma jistgħu jiġu invokati bħala raġunijiet fuq il-mertu kontra l-adozzjoni bi ftehim kollettiv ta’ dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni konformi mad-dritt Komunitarju, li abbażi tagħhom l-entitajiet komunali differenti li jħaddmu għandhom jagħżlu l-korpi ta’ assigurazzjoni skont il-prinċipju ta’ trasparenza tad-dritt primarju jew – jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom – skont id-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

222. L-argument tat-trasparenza tal-għażla tal-korpi ta’ assigurazzjoni ma tixhedx kontra, iżda pjuttost favur, obbligu tal-entitajiet komunali li jħaddmu li jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli tad-dritt Komunitarju. L-obbligu ta’ trasparenza impost mid-dritt primarju, kif ukoll id-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, għandhom eżattament l-għan li jistabbilixxu trasparenza suffiċjenti fl-għażla tal-korpi ta’ assigurazzjoni li magħhom għandha tiġi implementata l-konverżjoni tar-remunerazzjoni.

223. L-argument tal-livell ogħla ta’ popolarità fost il-ħaddiema minħabba li r-rappreżentanti tal-ħaddiema pparteċipaw fid-deċiżjoni minn qabel favur ċerti korpi ta’ assigurazzjoni lanqas ma jipprovdi raġunijiet fil-mertu kontra dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni konformi mad-dritt Komunitarju. L-obbligu li jiġi kkunsidrat il-prinċipju ta’ trasparenza tad-dritt Komunitarju u tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi fil-fatt iwassal għal kompetizzjoni iktar intensiva fuq il-livell Komunitarju bejn il-korpi ta’ assigurazzjoni, u dan jagħti garanzija partikolari li fl-aħħar mill-aħħar lill-ħaddiema qed tiġi proposta l-offerta l-iktar vantaġġjuża għall-implementazzjoni tal-konverżjoni tar-remunerazzjoni. Ma narax kif dan iwassal għal tnaqqis fil-popolarità tal-iskema fost il-ħaddiema (113).

224. It-tielet argument prinċipali tal-Gvern Ġermaniż huwa relatat mal-entitajiet komunali li jħaddmu, li għalihom id-deċiżjoni finali favur korp jew korpi ta’ assigurazzjoni kienet iffaċilitata minħabba l-għażla minn qabel li saret fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA, billi dawn l-entitajiet li jħaddmu fl-istess ħin jistgħu jafdaw fl-għarfien li l-imsieħba soċjali għandhom dwar il-qasam.

225. Anki jekk l-għażla minn qabel li saret fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA tevita tabilħaqq li l-entitajiet komunali li jħaddmu jagħmlu sejħa għall-offerti separata, dan ma huwiex argument ammissibbli kontra obbligu li jiġi rispettat l-obbligu ta’ trasparenza tad-dritt primarju u tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Anki jekk, minħabba dan l-obbligu li jiġi rrispettat id-dritt Komunitarju, l-entitajiet li jħaddmu kienu inqas lesti li jistabbilixxu dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-konverżjoni tar-remunerazzjoni permezz tal-ftehim kollettiv – liema fatt ma huwiex sostnut mill-Gvern Ġermaniż – dan ma jistax jiġi invokat bħala raġuni fuq il-mertu kontra l-istabbiliment ta’ dan l-obbligu mill-ftehim kollettiv. Tali argument tabilħaqq ikollu bħala riżultat li jippermetti li l-entitajiet komunali li jħaddmu jabbużaw mil-libertà tan-negozjati kollettivi biex jaħarbu mir-regoli vinkolanti tad-dritt Komunitarju.

226. Fl-aħħar nett, permezz tar-raba’ argument prinċipali tiegħu, il-Gvern Ġermaniż qed jinvoka l-karatteristiċi partikolari tal-korpi ta’ assigurazzjoni aċċettati. B’mod partikolari, kellhom rwol favur l-għażla ta’ dawn il-korpi ta’ assigurazzjoni ċerti esperjenzi pożittivi magħhom, il-kunfidenza partikolari li rriżultat minn dan, it-tnaqqis fl-ispejjeż ta’ ġestjoni minħabba l-istruttura partikolari tagħhom u r-riskju mnaqqas ta’ falliment. Madankollu, il-Gvern Ġermaniż bl-ebda mod ma mmotiva dawn l-allegazzjonijiet, tant li dawn, għal din ir-raġuni biss, għandhom jinċaħdu bħala infondati (114).

227. Minn din l-analiżi nikkonkludi li r-restrizzjoni tan-numru ta’ korpi ta’ assigurazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA ma kinitx neċessarja sabiex jiġu permessi negozjati liberi u indipendenti bejn l-imsieħba soċjali dwar il-kundizzjonijiet ta’ impjieg sabiex jiġi konkluż ftehim kollettiv.

228. Barra minn hekk, id-deċiżjoni minn qabel meħuda mill-imsieħba soċjali favur ċerti korpi ta’ assigurazzjoni fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA twassal ukoll, fil-fehma tiegħi, għal restrizzjoni sproporzjonata tal-libertajiet fundamentali.

229. Fil-kuntest tal-eżami tan-natura proporzjonata tal-miżura inkwistjoni, għandu jiġi kkunsidrat b’mod partikolari, f’dan il-każ, li r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni ma kienx dirett kontra l-prinċipju tal-konverżjoni tar-remunerazzjoni bħala tali, iżda biss kontra l-fatt li l-ftehim kollettiv jimponi lill-entitajiet komunali li jħaddmu l-għażla tal-korpi ta’ assigurazzjoni li jimplementaw il-konverżjoni tar-remunerazzjoni, minkejja li dawn l-entitajiet li jħaddmu huma obbligati, bħala awtoritajiet kontraenti, li jikkonformaw irwieħhom mal-obbligi li jirriżultaw mil-libertà ta’ stabbiliment u mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

230. Għaldaqstant, din il-kawża ma tirrigwardax id-deċiżjoni ta’ prinċipju meħuda fil-ftehim kollettiv li tiġi permessa l-konverżjoni tar-remunerazzjoni, iżda pjuttost tirrigwarda l-kwistjoni teknika – mill-aspett tad-dritt tal-ftehim kollettiv – dwar kif għandhom jintgħażlu l-korpi ta’ assigurazzjoni li għandhom jimplementaw il-konverżjoni tar-remunerazzjoni. Madankollu, permezz tad-deċiżjoni minn qabel meħuda fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA, il-partijiet għall-ftehim kollettiv ippruvaw jirregolaw din il-kwistjoni pjuttost teknika billi ħallew għalkollox fil-ġenb l-obbligi li jirriżultaw mil-libertà ta’ stabbiliment u mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

231. Fid-dawl tal-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA għandhom, minn naħa, jiġu kkunsidrati bħala metodi tekniċi ta’ implementazzjoni, li ma jikkonċernawx il-kundizzjonijiet ta’ impjieg ħlief marġinalment, iżda li, min-naħa l-oħra, huma intiżi li jħallu totalment fil-ġenb l-obbligi li jirriżultaw mil-libertà ta’ stabbiliment u mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ir-restrizzjoni tal-libertajiet fundamentali li tikkostitwixxi l-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA għandha tiġi ddefinita bħala sproporzjonata (115).

232. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-għażla minn qabel tal-korpi ta’ assigurazzjoni li saret fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA la kienet neċessarja u lanqas proporzjonata sabiex jintlaħqu l-għanijiet protetti mid-dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi u mid-dritt fundamentali tal-libertà tan-negozjati kollettivi.

233. Minn din l-analiżi nikkonkludi li d-dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi u d-dritt fundamentali tal-libertà tan-negozjati kollettivi ma jistgħux jiġġustifikaw ir-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tikkostitwixxi d-deċiżjoni minn qabel meħuda mill-imsieħba soċjali fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA favur ċerti korpi ta’ assigurazzjoni, minħabba nuqqas ta’ proporzjonalità. Dawn id-drittijiet fundamentali għaldaqstant lanqas ma jipprekludu l-konstatazzjoni li l-ftehim qafas inkwistjoni, li ġew konklużi b’implementazzjoni ta’ dan il-ftehim kollettiv, jistgħu jiksru d-Direttiva 92/50 jew id-Direttiva 2004/18.

4.      Konklużjoni provviżorja

234. Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha, fil-konfront tal-pożizzjoni li qed tiġi difiża hawnhekk, tasal għall-konklużjoni li amministrazzjoni jew impriża komunali waħda jew iktar ikkonkludew, bi ksur tad-Direttiva 92/50 jew tad-Direttiva 2004/18, ftehim qafas dwar il-konverżjoni tar-remunerazzjoni ma’ korp wieħed jew iktar u ma’ impriża waħda jew iktar imsemmija fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA, għandu jiġi ammess, fid-dawl tal-argument żviluppat iktar ’il fuq, li d-dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi u d-dritt fundamentali tal-libertà tan-negozjati kollettivi ma jipprekludux il-konstatazzjoni ta’ tali ksur ta’ dawn id-direttivi, minħabba nuqqas ta’ proporzjonalità.

VIII – Sinteżi

235. Fil-qosor, nikkonkludi li l-muniċipalitajiet Ġermaniżi kellhom l-obbligu, meta kkonkludew il-ftehim qafas inkwistjoni fir-rigward tal-iskema supplimentari ta’ pensjoni professjonali tal-impjegati tagħhom, li josservaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/50 u tad-Direttiva 2004/18, sa fejn ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione personae ta’ dawn id-direttivi. Madankollu, għandha tkun il-Kummissjoni li tipprova li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi kien miftuħ, mingħajr ma hija tista’ tibbaża ruħha f’dan ir-rigward fuq preżunzjonijiet.

236. Il-punt determinati sabiex tingħata deċiżjoni dwar din il-kawża huwa, fl-aħħar mill-aħħar, li l-Kummissjoni bbażat il-kalkoli tagħha fir-rigward tal-valur tal-ftehim qafas differenti u dwar jekk inqabżux il-limiti li jiddeterminaw l-applikazzjoni tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi fuq il-preżunzjoni li kull belt ta’ ċertu daqs kienet ikkonkludiet kuntratt qafas wieħed. Billi l-Gvern Ġermaniż ċaħad din il-preżunzjoni sa mill-fażi tal-proċedura prekontenzjuża bħala waħda li ma hijiex eżatta, filwaqt li, f’dan il-kuntest, ma jistax jiġi kkritikat talli ma kkooperax biex jiġu stabbiliti l-fatti b’mod sħiħ, ir-rikors tal-Kummissjoni, fl-aħħar mill-aħħar, ma huwiex motivat b’mod suffiċjenti, u għalhekk għandu jinċaħad bħala infondat.

IX – Konklużjoni

237. Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)         tiċħad ir-rikors, u

2)         tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, ħlief għall-ispejjeż tar-Renju tad-Danimarka u tar-Renju tal-Isvezja. Ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322.


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132.


4 – BGBl. I p. 3610, kif emendata l-aħħar bl-Artikolu 5 tal-Liġi tal-21 ta’ Diċembru 2008 (BGBl. I, p. 2940).


5 – Sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999 (C‑67/96, Ġabra p. I‑5751).


6 – Sentenza tal-21 ta’ Settembru 2000 (C‑222/98, Ġabra p. I‑7111).


7 – Iċċitata iktar ’il fuq (nota 5).


8 – C‑115/97 sa C‑117/97, Ġabra p. I‑6025.


9 – C‑219/97, Ġabra p. I‑6121.


10 – Sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Albany (nota 5), punt 54; Brentjens’ (nota 8), punt 51; u Drijvende Bokken (nota 9), punt 41.


11 – Sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Albany (nota 5), punt 51; Brentjens’ (nota 8), punt 56; u Drijvende Bokken (nota 9), punt 46.


12 – Sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Albany (nota 5), punt 59; Brentjens’ (nota 8), punt 56; u Drijvende Bokken (nota 9), punt 46.


13 – Sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Albany (nota 5), punt 60; Brentjens’ (nota 8), punt 57; u Drijvende Bokken (nota 9), punt 47.


14 – Ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et (C‑180/98 sa C‑184/98, Ġabra p. I‑6451, punti 67 et seq.), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-esklużjoni tal-ftehim kollettivi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE ma tistax tiġi estiża għal ftehim li, ċertament huwa intiż sabiex jiggarantixxi ċertu livell ta’ pensjoni lill-membri kollha ta’ professjoni u, għaldaqstant, li jtejjeb waħda mill-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn il-membri, jiġifieri r-remunerazzjoni tagħhom, iżda li ma ġiex konkluż fil-kuntest ta’ negozjati kollettivi bejn l-imsieħba soċjali.


15 – Espliċitament ikkonfermat bis-sentenza Van der Woude, iċċitata iktar ’il fuq (nota 6) punti 22 et seq.


16 – F’dan is-sens: Aicher u Schumacher, fi Grabitz u Hilf, Das Recht der Europäischen Union, Vol. II, Art. 81 EGV, punt 28, l-40 aġġornament, Ottubru 2009.


17 – Iċċitata iktar ’il fuq (nota 6).


18 – Mill-bqija, l-Avukat Ġenerali Jacobs kien espressament irrakkomanda dan l-istħarriġ tal-għan tal-ftehim kollettivi, fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fit-28 ta’ Jannar 1999 fil-kawżi magħquda Albany (iċċitata fin-nota 5), Brentjens’ (iċċitata fin-nota 8) u Drijvende Bokken (iċċitata fin-nota 9) (punti 190 et seq. tal-konklużjonijiet) sabiex jiġi evitat li n-negozjati kollettivi jintużaw għal ftehim bejn min iħaddem li jistgħu jaffetwaw lil terzi jew lil kuntratti terzi billi jirrestrinġu b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni. Għaldaqstant, il-konklużjoni tan-negozjati kollettivi ma taqax taħt ir-regoli tal-kompetizzjoni biss jekk 1) il-ftehim ġie adottat fil-kuntest formali ta’ negozjati kollettivi, u 2) in bona fide bejn l-imsieħba soċjali. L-Avukat Ġenerali Jacobs barra minn hekk issuġġerixxa, bħala t-tielet kriterju, li l-ftehim kollettivi kkonċernati jirrigwardaw oqsma li essenzjalment huma l-istess tan-negozjati kollettivi, bħas-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u li ma jaffettwawx direttament lil terzi jew lil kuntratti barranin għall-imsemmija ftehim.


19 – F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat b’mod partikolari li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja rrinunzjat sa ċertu punt milli teżamina d-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettivi kkonċernati fuq il-mertu, dan għamlitu sabiex iktar ’il quddiem tkun tista’ teżamina aħjar il-kwistjoni dwar jekk il-fondi tal-pensjoni magħżula mill-partijiet għall-ftehim kinux jikkostitwixxu impriżi fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Billi finalment il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi Albany, Brentjens’ u Drijvende Bokken, ikkonkludiet li dawn il-fondi kienu jikkostitwixxu impriżi, hija tat lok għall-possibbiltà ta’ eżami awtonomu tal-effetti restrittivi li jistgħu jirriżultaw mill-fondi kkonċernati. Ir-restrizzjoni tal-validità tad-dritt tal-kompetizzjoni b’relazzjoni għall-ftehim kollettivi inkwistjoni, fl-aħħar mill-aħħar, tqiegħdet f’perspettiva.


20 – punt 32 tal-konklużjonijiet (sentenza ċċitata nota 6),.


21 – Fl-istess sens, l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fit-23 ta’ Mejju 2007 fil-kawża International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, hekk imsejħa “Viking Line”, C‑438/05, Ġabra p. I‑10779).


22 – Sentenzi Viking Line, iċċitata iktar ’il fuq (nota 21), punt 53; u tat-18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni (C‑519/04 P, Ġabra p. I‑6991, punti 31 sa 34).


23 – Ara l-punti 75 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24 – F’dan ir-rigward, ara wkoll T. Novitz, “Taking collective action”, Competition Law Insight 2008, Vol. 7 ir-raba’ edizzjoni, p. 10, li jikkunsidra li n-nuqqas ta’ applikazzjoni, fis-sentenza Viking Line (iċċitata fin-nota 22) tad-deroga ammessa fis-sentenza Albany tispjega ruħha eżattament bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrikonoxxi d-dritt li jiġu implementati l-miżuri kollettivi bħala dritt soċjali fundamentali. L. Azoulai, “The Court of justice and the social market economy: the emergence of an ideal and the conditions for its realization”, CMLR 2008, p. 1335, b’mod partikolari, p. 1347 et seq., jara wkoll differenza fundamentali fir-relazzjoni bejn il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet fundamentali skont is-sentenza Albany u skont is-sentenza Viking Line.


25 – Sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch (36/74, Ġabra p. 1405, punt 17); tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 82); tas-6 ta’ Ġunju 2000, Angonese (C‑281/98, Ġabra p. I‑4139, punt 31), u Viking Line, iċċitata iktar ’il fuq (nota 22), punt 33. Ara, f’dan ir-rigward, A. Junker, “Europa und das deutsche Tarifrecht – Was bewirkt der EuGH”, ZfA 2009, p. 281, b’mod partikolari p. 282 et seq.


26 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Viking Line (nota 22), punt 34; Angonese (nota 25), punt 33; Bosman (nota 25), punt 84; u Walrave (nota 25), punt 19.


27 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger (C‑112/00, Ġabra p. I‑5659, punt 71) u tal-14 ta’ Ottubru 2004, Omega (C‑36/02, Ġabra p. I‑9609, punt 33).


28 – L-Artikolu 6 tal-Karta Soċjali Ewropea, ripetut b’mod litterali fl-Artikolu 6 tal-Karta Soċjali Ewropea konkluża fit-3 ta’ Mejju 1996 fi Strasbourg, jorbot lill-partijiet kontraenti, bil-għan li jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt tan-negozjati kollettivi, b’mod partikolari li jiffavorixxu l-konsultazzjoni fuq livell ugwali bejn il-ħaddiema u min iħaddem u li jippromwovu, meta dan ikun neċessarju u utli, l-istabbiliment ta’ proċeduri ta’ negozjati volontarji bejn min iħaddem jew l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, minn naħa, u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, min-naħa l-oħra, sabiex il-kundizzjonijiet ta’ impjieg ikunu rregolati bi ftehim kollettivi.


29 – Skont il-punt 12 tal-Karta Komunitarja tad-Drittjiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, min iħaddem jew l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, minn naħa, u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, min-naħa l-oħra, għandhom id-dritt, fil-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjonijiet u mill-prattiki nazzjonali, li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehim kollettivi.


30 – Skont l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-ħaddiema u dawk li jħaddmu, jew l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, għandhom, skont id-dritt Komunitarju u l-liġijiet u l-prattiki nazzjonali, id-dritt li jinnegozjaw u li jikkonkludu ftehim kollettivi fil-livelli xierqa u, fil-każ ta’ kunflitti ta’ interess, li jieħdu azzjoni kollettiva, inkluż l-istrajk, sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom.


31 – F’dan ir-rigward, ara sempliċement is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri (C‑341/05, Ġabra p. I‑11767, punti 90 et seq.); u Viking Line iċċitata iktar ’il fuq (nota 21), punti 43 u 44), fejn id-dritt li titmexxa azzjoni kollettiva, marbut mill-qrib mad-dritt għan-negozjati kollettivi, ġie rrikonoxxut bħala dritt fundamentali, minħabba r-rikonoxximent tiegħu fil-Karta Soċjali Ewropea, fil-Konvenzjoni Nru 87 dwar il-libertà sindakali u l-protezzjoni tad-dritt sindakali, kif ukoll fil-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


32 – F’dan ir-rigward, ara sempliċement J. Schwarze, “Der Reformvertrag von Lissabon – Wesentliche Elemente des Reformvertrags”, EuR 2009 (suppliment 1), p. 9, b’mod partikolari p. 17, li ġustament jenfasizza li l-fatt li l-Artikolu 6 TUE jinkludi biss referenza ġenerali għall-Karta huwa ġuridikament irrilevanti u ma jistax jintuża bħala argument kontra l-introduzzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fid-dritt primarju. Il-Protokoll Nru 30 dwar l-applikazzjoni tal-Karta dwar id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit madankollu jistabbilixxi skema ta’ derogi għall-Polonja u għar-Renju Unit.


33 – Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tikkostitwixxi interess leġittimu tali li jiġġustifika, bħala prinċipju, restrizzjoni tal-obbligi imposti minn waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mid-dritt primarju: ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Laval un Partneri (nota 31), punt 93; Viking Line (nota 22), punt 45; Omega (nota 27), punt 35; u Schmidberger (nota 27), punt 74. Madankollu, dan ma jfissirx li l-atti li għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkonsistu fl-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali jaqgħu awtomatikament barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali. Bil-kontra, l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandu jsir, sa fejn ikun possibbli, f’konformità mad-drittijiet u mal-libertajiet protetti mit-Trattat, billi kull kunflitt bejn id-drittijiet fundamentali u l-obbligi li jkunu bbażati fuq il-libertajiet fundamentali għandu jissolva billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi konkreti tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet fundamentali affettwati, abbażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ara l-punti 183 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34 – Sentenzi tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑412/04, Ġabra p. I‑619, punt 2) u tad-19 ta’ Mejju 2009, Assitur (C-538/07, Ġabra p. I‑4219, punt 25).


35 – Sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2009, CoNISMa (C‑305/08, Ġabra p. I‑12129, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36 – Sentenzi tal-20 ta’ Settembru 1988, Beentjes (31/87, Ġabra p. 4635, punt 11); tal-1 ta’ Frar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑237/99, Ġabra p. I‑939, punt 43); u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Bayerischer Rundfunk et (C‑337/06, Ġabra p. I‑11173, punt 37).


37 – Ara F. Marx, u H. Prieß, f’Jestaedt, Kemper, Marx u Prieß, Das Recht der Auftragsvergabe, Neuwied 1999, p. 16 u 17.


38 – Ara sempliċement is-sentenza Beentjes iċċitata iktar ’il fuq (nota 36), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-Direttiva tal-Kunsill 71/305/KEE, tas-26 ta’ Lulju 1971, dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 185, p. 5) kienet applikabbli għall-għoti tal-kuntratti pubbliċi minn korp li ma kienx jagħmel formalment parti mill-amministrazzjoni tal-Istat bħall-“kummissjoni lokali tal-organizzazzjoni mill-ġdid tal-artijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


39 – Ara s-sentenzi Bayerischer Rundfunk et iċċitata iktar ’il fuq (nota 36), punt 38; Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (nota 36), punt 41; u tat-3 ta’ Ottubru 2000, University of Cambridge (C‑380/98, Ġabra p. I‑8035, punt 16).


40 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bayerischer Rundfunk et (nota 36), punt 36; Il-Kummissjoni vs Franza (nota 36), punt 42; u University of Cambridge (nota 39), punt 17.


41 – Sentenza tal-15 ta’ Jannar 1998, (C‑44/96, Ġabra p. I‑73, punti 42 et seq.). F’dan ir-rigward, ara wkoll C. Bovis, “Case C‑44/96, Mannesmann Anlagenbau Austria AG”, CMLR 1999 p. 205, b’mod partikolari p. 212.


42 – Meta awtorità kontraenti tkun trid teżerċita hija stess, bħala fornitriċi ta’ servizzi, attività ekonomika indipendenti suġġetta għall-kompetizzjoni u tqiegħed lilha nnifisha f’dan il-kuntest f’pożizzjoni kompetittiva fil-konfront ta’ operaturi ekonomiċi privati, min-naħa l-oħra ma huwiex eskluż li d-deċiżjoni tagħha li tissottokuntratta parti minn dawn l-attivitajiet lil klijent partikolari hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet oħra li ma humiex ta’ xejra ekonomika. F’każijiet ta’ din ix-xorta, id-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għandhom japplikaw mingħajr restrizzjoni. Ara s-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑126/03, Ġabra p. I‑11197, punti 16 et seq.).


43 – F’dan ir-rigward, ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenrali Léger ippreżentati fis-16 ta’ Settembru 1997 fil-kawża Mannesmann Anlagenbau Austria et, iċċitata iktar ’il fuq (nota 41).


44 – A. Egger, Europäisches Vergaberecht, Baden-Baden 2008, punt 416. Ara wkoll is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑337/98, Ġabra p. I‑8377, punti 37 et seq.).


45 – Sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑401/06, Ġabra p. I‑10609, punt 27); tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑438/07, Ġabra p. I‑9517, punt 49); u tad-29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑246/08, Ġabra p. I‑10605, punt 52).


46 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (272/86, Ġabra p. 4875, punt 21).


47 – C‑79/94, Ġabra p. I‑1071.


48 – ĠU L 13, p. 1.


49 – Sentenza tal-4 ta’ Mejju 1995, iċċitata iktar ’il fuq, (nota 47).


50 – Fl-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2004/18 il-ftehim qafas huwa ddefinit bħala “ftehim bejn wieħed jew aktar mill-awtoritajiet kuntrattwali [kontraenti] u wieħed jew aktar mill-operaturi ekonomiċi, fejn l-għan huwa li jiġu stabbiliti t-termini li jirregolaw l-kuntratti li jiġu mogħtija f’ċertu perjodu stabbilit, b’mod partikolari fir-rigward tal-prezz u, fejn huma xierqa, il-kwantità prevvista.” Anki jekk din id-diċitura ġenerali ma’ tindikax direttament li l-ftehim qafas normalment jippreċiżaw il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-kuntratti futuri mill-awtoritajiet kontraenti, mill-Premessa 11 jirriżulta b’mod ċar li dan kien il-kunċett bażiku tal-leġiżlatur Komunitarju.


51 – Ara l-punt 94 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


52 – Ara l-punt 97 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


53 – Ara, f’dan ir-rigward, H. Meyer, M. Janko, u L. Hinrichs, “Arbeitgeberseitige Gestaltungsmöglichkeiten bei der Entgeltumwandlung”, DB 2009, p. 1533, li jenfasizzaw li l-karatteristika essenzjali tal-konverżjoni tar-remunerazzjoni hija l-finanzjament tagħha mill-ħaddiema.


54 – Ara M. Dreher, f’U. Immenga u E.J. Mestmäcker, Wettbewerbsrecht, Vol. 2, München, ir-raba’ edizzjoni 2007, Artikolu 99, punti 20 u 21. B’hekk qed tiġi trasposta fid-dritt Komunitarju tal-kuntratti pubbliċi kundizzjoni espressament imsemmija fl-Artikolu 50 KE fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iżda li, fl-aħħar mill-aħħar, jirriżulta wkoll li hija l-bażi tal-libertajiet fundamentali l-oħra kollha.


55 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, (nota 42), punt 20.


56 – Sentenza tal-11 ta’ Mejju 2006 (C‑340/04, Ġabra p. I‑4137, punti 63 et seq.).


57 – F’dan is-sens, M. Dreher, loc. cit. (nota 54), Artikolu 99, punt 21.


58 – Bl-istess mod J. Schmidt, “Betriebliche Altersvorsorge im öffentlichen Dienst durch private Versicherungsunternehmen”, VersR. 2007, p. 760, b’mod partikolari p. 765, li jindika ġustament li, f’każ ta’ konverżjoni tar-remunerazzjoni, l-interpretazzjoni teleoloġika tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi tixhed favur l-applikazzjoni tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi. Dan l-awtur, barra minn hekk, jalludi għall-possibbiltà li n-natura oneruża tiġi attribwita għall-fatt li min iħaddem jintroduċi lill-impjegati tiegħu bħala persuni assigurati lill-korp ta’ assigurazzjoni.


59 – F’dan ir-rigward, ara b’mod partikolari, it-tmien premessa tad-Direttiva 92/50.


60 – G. Jochum, fi Grabitz u Hilf, Das Recht der Europäischen Union, Vol. IV, B 7, punt 53 (suppliment 40, Ottubru 2009).


61 – Sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala (C‑85/96, Ġabra p. I‑2691, punt 31); tas-7 ta’ Ġunju 2005, Dodl u Oberhollenzer (C‑543/03, Ġabra p. I‑5049, punt 27); u tas-16 ta’ Lulju 2009, Von Chamier-Glisczinski (C‑208/07, Ġabra p. I‑6095, punt 68).


62 – Bl-istess mod, fl-aħħar nett, G. Jochum loc. cit. (nota 60), punt 53; M. Dreher loc. cit. (nota 54), Artikolu 100, punt 25; M. Bungenberg f’U. Loewenheim, K. Meessen, u A. Riesenkampff, Kartellrecht. Vol. 2 – GWB, München 2006, Artikolu 100, punt 20; u J. Schmidt loc. cit. (nota 58), p. 766.


63 – Ara s-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1986, Lawrie-Blum (66/85, Ġabra p. 2121, punt 17); tal-11 ta’ Settembru 2008, Petersen (C‑228/07, Ġabra p. I‑6989, punt 45); u Von Chamier-Glisczinski, iċċitata iktar ’il fuq (nota 61), punt 69.


64 – Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2004/18, li jgħid li l-istima tal-valur tal-kuntratt għandha tkun valida fil-mument meta l-avviż tal-kuntratt jintbgħat, kif inhu pprovdut fl-Artikolu 35(2), jew, f’każijiet fejn dan it-tip ta’ avviż ma huwiex mitlub, fil-mument li l-awtorità kontraenti tibda l-proċedura biex jingħata l-kuntratt.


65 – Minn stħarriġ li sar fit-18 ta’ Novembru 2008 fost il-fondi komunali dwar il-konverżjoni tar-remunerazzjoni mill-Arbeitsgemeinschaft Kommunale und Kirchliche Altersversorgung e.V. (AKA – Grupp ta’ ħidma tal-assigurazzjoni tax-xjuħija tal-komuni u tal-knejjes), li l-Gvern Ġermaniż ippreżenta r-riżultati tiegħu fl-Anness 2 għall-kontroreplika tiegħu, jirriżulta li l-perċentwal medju tal-impjegati komunali li għamlu l-konverżjoni tar-remunerazzjoni fl-2003 kien ta’ 0.61 % b’ammont medju fix-xahar ta’ konverżjoni tar-remunerazzjoni ta’ EUR 61.28. Minn dan għandu jiġi dedott li l-entitajiet komunali li jħaddmu fl-2003 kienu diġà kkonkludew diversi ftehim qafas mal-korpi ta’ assigurazzjoni.


66 –      ĠU L 328, p. 1.


67 –      ĠU L 326, p. 17.


68 –      ĠU L 333, p. 28.


69 – Punt 34 tar-rikors tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ġunju 2008.


70 – Fir-replika tagħha tas-27 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni donnha abbandunat dan l-argument bla ebda spjegazzjoni ulterjuri. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni fil-fatt ifformulat mill-ġdid u rrestrinġiet ir-rikors tagħha billi bbażat ruħha fuq limitu ta’ EUR 236 000 għall-perijodu 2004/2005, ta’ EUR 211 000 għall-perijodu 2006/2007 u ta’ EUR 206 000 għall-perijodu 2007/08. Meta sarulha xi domandi f’dan ir-rigward waqt is-seduta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-limitu għandu jiġi ddeterminat skont id-data tal-kuntratt inkwistjoni.


71 – Ara l-punt 143 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


72 – Ara l-Artikolu 9(2) u (9) tad-Direttiva 2004/18. Fir-rigward tad-Direttiva 92/50, ara S. Haak, “Abschluss von Rahmenvereinbarungen”, f’R. Pitschas, u J. Ziekow (Ed.) Vergaberecht im Wandel, Berlin 2006, p. 99, b’mod partikolari p. 102.


73 – Ara S. Haak, iċċitat iktar ’il fuq (nota 72), p. 103.


74 – Studju tal-korp tal-istudji statistiċi TNS Infratest Sozialforschung ikkummissjonat mill-Ministeru Federali tax-Xogħol u tal-Affarijiet Soċjali tat-22 ta’ Ġunju 2007, bl-isem “Situation und Entwicklung der betrieblichen Altersversorgung in Privatwirtschaft und öffentlichem Dienst 2001-2006. Endbericht mit Tabellen”, ippreżentat mill-Kummissjoni fl-Anness A‑11 għar-rikors tagħha.


75 – S. Kuhlmann, “Kommunen zwischen Staat und Markt: Lokalmodelle und –reformen im internationalen Vergleich”, Deutsche Zeitschrift für Kommunalwissenschaft, Themenheft II/2006 “Kommunalpolitik und Kommunalverwaltung”, ippreżentat mill-Kummissjoni fl-Anness A‑12 għar-rikors tagħha.


76 – Rapport ta’ perizja legali dwar l-Artikolu 6 tat-Tarifvertrag zur Entgeltumwandlung für Arbeitnehmer/-innen im kommunalen öffentlichen Dienst (TV-EUmw/VKA) tal-25 ta’ Novembru 2005, fir-rigward tad-dritt Komunitarju tal-kuntratti pubbliċi, redatt mill-Prof. Koenig fuq talba tal-Arbeitsgemeinschaft Kommunale und Kirchliche Altersversorgung (AKA) eV., München, ippreżentat mill-Kummissjoni fl-Anness C‑1 għar-replika tagħha.


77 – Il-perċentwal u l-ammont medju stabbiliti abbażi ta’ stħarriġ li sar fost il-fondi komunali supplimentari dwar il-konverżjoni tar-remunerazzjoni fit-18 ta’ Novembru 2008 mill-Arbeitsgemeinschaft Kommunale und Kirchliche Altersversorgung (AKA) eV., ippreżentat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-Anness 2 għall-kontroreplika tagħha.


78 – Skont il-lista tal-ibliet prinċipali tal-Ġermanja ppreżentata mill-Kummissjoni f’anness għar-rikors tagħha, fl-2006, 34 belt kellhom iktar minn 217 610 abitant. Madankollu, il-partijiet qablu biex il-belt prinċipali tal-Ġermanja, Berlin, tkun eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-TV-EUmw/VKA.


79 – Ara l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 92/50 u l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2004/18.


80 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑16/98, Ġabra p. I‑8315).


81 – Ittra tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Jannar 2007, ippreżentata fl-Anness A‑5 għar-rikors.


82 – Komunikazzjoni tal-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tal-1 ta’ Marzu 2007 (p. 9), ippreżentata fl-Anness A‑6 għar-rikors tal-Kummissjoni. F’din il-komunikazzjoni, il-Gvern Ġermaniż kien enfasizza wkoll, fil-kuntest tar-risposta għad-domanda dwar liema kriterji kienu ntużaw biex jintgħażlu l-korpi ta’ assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA (p. 8), li l-għażla kienet tirrigwarda korpi ta’ assigurazzjoni “sa fejn min iħaddem ma jiftaħx ir-rimedji kollha ta’ implementazzjoni lill-ħaddiema tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali], skont il-kapaċità tal-offerent.


83 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq, (nota 21).


84 – Ibidem, punti 42 et seq.


85 – Ibidem, punti 68 et seq.


86 – Ibidem, punt 75.


87 – Ibidem, punt 77.


88 – Ibidem, punt 80.


89 – Ibidem, punt 84.


90 – Ibidem, punti 77 et seq.


91 – F’dan ir-rigward ara l-kritika ta’ S. Thomas, “La jurisprudence de la Cour de justice et du Tribunal de première instance. Chronique des arrêts. Arrêt ‚Viking”, Revue du droit de l’Union européenne 2008, p. 193, b’mod partikolari p. 199. F’dan ir-rigward, ara wkoll A.C.L. Davies, “One Step Forward, Two Steps Back? The Viking and Laval Cases in the ECJ”, Industrial Law Journal 2008, p. 126, 141 et seq.; A. Bücker, “Die Rosella-Entscheidung des EuGH zu gewerkschaftlichen Maßnahmen gegen Standortverlagerungen: der Vorhang zu u viele Fragen offen”, NZA 2008, p. 212, b’mod partikolari p. 215 et seq.


92 – F’dan ir-rigward, ara s-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1999, Arblade et (C‑369/96 u C‑376/96, Ġabra p. I‑8453, punt 36); u tal-25 ta’ Ottubru 2001, Finalarte et (C‑49/98, C‑50/98, C‑52/98 sa C‑54/98 u C‑68/98 sa C‑71/98, Ġabra p. I‑7831, punt 33). Dwar ir-rikonoxximent tal-protezzjoni tal-ħaddiema bħala motiv ta’ interess ġenerali, ara wkoll E. Eichenhofer, “Dienstleistungsfreiheit und Arbeitnehmerschutz”, JZ 2007, p. 425, speċjalment p. 427 u 428.


93 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (nota 31).


94 – Ara, f’dan il-kuntest, R. Rebhahn, “Grundfreiheit vor Arbeitskampf – der Fall Viking”, ZESAR 2008, p. 109, b’mod partikolari p. 115, li, fl-analiżi tiegħu tas-sentenzi Viking Line u Laval un Parteneri jasal għall-konklużjoni li għall-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertajiet fundamentali kienu, għall-inqas fil-prattika, iktar importanti mid-drittijiet fundamentali. Ara C. Vigneau, “Encadrement par la Cour de l’action collective au regard du Traité de Rome”, La Semaine Juridique – éd. gén. 2008, II 10060, p. 33, b’mod partikolari p. 34 u 35, li jgħid li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet f’dawn is-sentenzi d-dritt għal azzjonijiet kollettivi bħala “dritt ‘fundamentali’ tat-tieni livell”. B. Zwanziger, “Arbeitskampf- und Tarifrecht nach den EuGH-Entscheidungen ‘Laval’ und ‘Viking’”, DB 2008, p. 294, b’mod partikolari p. 295, jikkunsidra li, b’paragun mal-proċess ta’ bbilanċjar segwit fis-sentenza Schmidberger, iċċitata iktar ’il fuq (nota 27) bejn id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet fundamentali, is-sentenzi Viking Line u Laval u Parteneri juru ċaqliq miċ-ċentru tal-gravità favur il-libertajiet fundamentali.


95 – Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, id-duttrina tenfasizza li skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li l-Artikoli 39 KE, 43 KE u 49 KE jkopru anki leġiżlazzjonijiet ta’ natura oħra maħsuba sabiex jirregolaw kollettivament xogħol bil-paga, ix-xogħol indipendenti u l-provvista ta’ servizzi (ara f’dan ir-rigward il-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet), is-sindakati u assoċjazzjonijiet u korpi oħrajn mhux tal-Istat issa jistgħu wkoll, f’ċerti kundizzjonijiet, jiġu akkużati bi ksur tal-libertajiet fundamentali, minkejja li l-ġurisprudenza dwar il-motivi ġustifikattivi miktuba u mhux miktuba ġiet żviluppata, fl-ewwel lok, fil-kuntest tal-ksur tal-libertajiet fundamentali mill-Istati Membri. Din hija r-raġuni għaliex ġeneralment, għal dawn l-assoċjazzjonijiet mhux tal-Istat, huwa diffiċli li jipprovaw li kien hemm ġustifikazzjoni; ara A.C.L. Davies., loc. cit. (nota 91, p. 2). Dan jista’ jiġi kkunsidrat bħala evoluzzjoni asimetrika tad-dritt Komunitarju.


96 – Ikkonfermat, fl-aħħar lok, bis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑153/08, Ġabra p. I‑9735, punt 36).


97 – Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi ppreżentati fis-26 ta’ Ottubru 2006 fil-kawżi Gestoras Pro Amnistía et vs Il-Kunsill (sentenza tas-27 ta’ Frar 2007, C‑354/04 P, Ġabra p. I‑1579) u Segi et vs Il-Kunsill (sentenza tas-27 ta’ Frar 2007, C‑355/04 P, (C‑355/04 P, Ġabra p. I‑1657) kif ukoll punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħu tat-23 ta’ Mejju 2007 fil-kawża Laval un Partneri, iċċitata iktar ’il fuq (nota 31).


98 – V. Skouris, “Das Verhältnis von Grundfreiheiten und Grundrechten im europäischen Gemeinschaftsrecht”, DÖV 2006, p. 89, b’mod partikolari p. 93 et seq. Ara wkoll S. Prechal, u S.A. De Vries, “Viking/Laval en de grondslagen van het internemarktrecht”, S.E.W. 2008, p. 425, b’mod partikolari p. 434 et seq, li josservaw li kunflitt bejn id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet fundamentali ta’ spiss jista’ jiġi interpretat bħala kunflitt bejn żewġ drittijiet fundamentali.


99 – Ara fost l-oħrajn H.W. Rengeling, u P. Szczekalla, Grundrechte in der Europäischen Union, Köln 2004, punt 1008, li jenfasizzaw, fir-rigward tad-dritt għall-azzjonijiet kollettivi, issa rikonoxxut bħala dritt fundamentali Komunitarju, li huwa marbut ferm mill-qrib mad-dritt fundamentali tal-libertà tan-negozjati kollettivi, li l-kunflitti eventwali bejn il-libertajiet fundamentali u dan id-dritt għall-azzjonijiet kollettivi għandhom jiġu solvuti permezz tal-konċiljazzjoni.


100 – Rigward dan il-kriterju triplu ta’ evalwazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ara l-konklużjonijiet tiegħi tal-21 ta’ Jannar 2010 fil-kawża Agrana Zucker (C‑365/08, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).


101 – Din l-evalwazzjoni tikkorrispondi għall-prinċipji inklużi fl-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni. Skont din id-dispożizzjoni, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.


102 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (nota 27).


103 – Sentenza tat-3 ta’ April 2008 (C‑346/06, Ġabra p. I‑1989).


104 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (nota 27), punti 82 et seq.


105 – Ibidem punti 89 et seq.


106 – Iċċitata iktar ’il fuq (nota 103).


107 – Dwar ir-rikonoxximent tal-protezzjoni tal-ħaddiema bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota 92. Dwar ir-rikonoxximent tal-bilanċ finanzjarju tas-sistemi tal-assigurazzjoni soċjali bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, ara s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts (C‑372/04, Ġabra p. I‑4325, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).


108 – F’dan ir-rigward, ara b’mod partikolari, il-kliem tal-Artikolu 6 tal-Karta Soċjali Ewropea, tal-Artikolu 6 tal-Karta Soċjali Ewropea kif emendata, tal-punt 12 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, u tal-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.


109 – Ara s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2009, Presidente del Consiglio dei Ministri (C‑169/08, Ġabra p. I‑10821, punt 42).


110 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder (265/87, Ġabra p. 2237, punt 21).


111 – Madanakollu, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ anki fuq il-mertu l-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li huwa inkorporat fl-Artikolu 39 KE u fir-Regolament tal-Kunsill (KKE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15). Dan l-istħarriġ tal-ftehim kollettivi fuq il-mertu huwa espressament previst fl-Artikolu 7(4) tal-imsemmi regolament. Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 1998, Schöning-Kougebetopoulou (C‑15/96, Ġabra p. I‑47); tal-24 ta’ Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑35/97, Ġabra p. I‑5325); u tas-16 ta’ Settembru 2004, Merida (C‑400/02, Ġabra p. I‑8471).


112 – L-obbligu tat-trasparenza impost mid-dritt primarju jobbliga, skont ġurisprudenza stabbilita, li l-appaltaturi potenzjali jiġu ggarantiti livell xieraq ta’ pubbliċità. Madankollu dan mhux bilfors jinvolvi obbligu li tiġi ppubblikata sejħa għal offerti; ara s-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2005, Coname (C‑231/03, Ġabra p. I‑7287, punt 21); u tat-13 ta’ Novembru 2008, Coditel Brabant (C‑324/07, Ġabra p. I‑8457, punt 25).


113 – Ara wkoll P. Hanau, “Tarifvertragliche Beschränkungen der Entgeltumwandlung”, DB 2004, p. 2266, b’mod partikolari p. 2268, li jistaqsi b’mod partikolarment rilevanti dwar it-tnaqqis kuntrattwali tal-għadd ta’ korpi ta’ assigurazzjoni fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA bl-għajnuna tal-prinċipju tad-dispożizzjoni l-iktar favorevoli, li tagħmel parti mid-dritt Ġermaniż tan-negozjati kollettivi. Skont Hanau, ikun sempliċement assurd li wieħed jemmen li huwa possibbli li bi ftehim kollettiv titwaqqaf il-konklużjoni mill-entitajiet komunali li jħaddmu tal-ftehim ta’ konverżjoni tar-remunerazzjoni l-iktar favorevoli, u dan indipendentement mill-fatt li d-dispożizzjonijiet alternattivi jkunu iktar favorevoli mill-perspettiva tal-benefiċċji diretti ta’ min iħaddem jew tal-benefiċċji tal-korp ta’ assigurazzjoni. L-għan tal-ftehim kollettiv tabilħaqq huwa li jipproteġi lill-ħaddiema.


114 – F’dan il-kuntest, wieħed ma jistax jittraskura li ilħna awtorevoli fid-duttrina Ġermaniża qamu sabiex jesprimu opinjonijiet pjuttost kritiċi dwar l-għażla minn qabel tal-korpi ta’ assigurazzjoni stabbilita fl-Artikolu 6 tat-TV-EUmw/VKA. Ara b’mod partikolari P. Hanau, iċċitat iktar ’il fuq (nota 113), p. 2269, li jikkunsidra li r-restrizzjonijiet kuntrattwali rigward il-korpi ta’ assigurazzjoni awtorizzati biex jimplementaw il-konverżjoni fit-TV-EUmw/VKA donnhom li jaqdu biss l-interessi tal-korpi ta’ assigurazzjoni u mhux dawk tal-ħaddiema.


115 – F’dan ir-rigward, ara D. Jarass, EU-Grundrechte, München 2005, p. 344, li jgħid li r-restrizzjonijiet għad-dritt tan-negozjati kollettivi u għall-azzjonijiet kollettivi huma partikolarment possibbli fl-oqsma fejn in-negozjati kollettivi ma jirrigwardawx il-kundizzjonijiet ta’ impjieg.