Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud (ir-Repubblika Ċeka) fid-19 ta’ Ġunju 2018 – AURES Holdings, a.s. vs Odvolací finanční ředitelství

(Kawża C-405/18)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Qorti tar-rinviju

Nejvyšší správní soud

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: AURES Holdings, a.s.

Konvenut: Odvolací finanční ředitelství

Domandi preliminari

Jista’ l-kunċett ta’ libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE1 jinftiehem li jkopri trasferiment sempliċi tal-amministrazzjoni ta’ kumpannija minn Stat Membru għal Stat Membru ieħor?

Jekk dan huwa l-każ, liġi nazzjonali li ma tippermettix li entità minn Stat Membru ieħor, meta din tkun qed tittrasferixxi l-post tal-kummerċ jew is-sede ta’ amministrazzjoni lir-Repubblika Ċeka, tinvoka telf għal skop ta’ taxxa sostnut f’dak l-Istat Membru l-ieħor, tmur kontra l-Artikolu 49, l-Artikolu 52 u l-Artikolu 54 TFUE?

____________

1 ĠU 2012 C 326, p. 47.