Language of document : ECLI:EU:C:2017:767

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Ottubru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 76/207/KEE – Ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess – Kompetizzjoni għal dħul fil-kulleġġ tal-pulizija ta’ Stat Membru – Leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru li timponi fuq il-kandidati kollha rekwiżit ta’ tul minimu għall-ammissjoni f’din il-kompetizzjoni”

Fil-Kawża C‑409/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (kunsill tal-istat, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Lulju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Lulju 2016, fil-proċedura

Ypourgos Esoterikon,

Ypourgos Ethnikis paideias kai Thriskevmaton

vs

Maria-Eleni Kalliri

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, C. G. Fernlund, J.-C. Bonichot, S. Rodin u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. E. Kalliri, minn P. Aggelakis, dikigoros,

–        għall-Gvern Grieg, minn K. Georgiadis u D. Katopodis kif ukoll minn E. Zisi, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Patakia u C. Valero, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad‑9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187), kif emendata bid-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 255, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 76/207”), kif ukoll id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ypourgos Esoterikon (ministru tal-intern, il-Greċja) u Ypourgos Ethnikis paideias kai Thriskevmaton (ministru tal-edukazzjoni nazzjonali u l-affarijiet reliġjużi, il-Greċja), u Maria-Eleni Kalliri dwar rikors għal annullament ippreżentat minn din tal-aħħar kontra atti amministrattivi adottati abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ammissjoni tal-kandidati ta’ kompetizzjoni għal dħul fil-kulleġġ tal-pulizija Griega għal rekwiżit ta’ tul minimu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 76/207 jipprevedi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li jdaħħal fis-seħħ fl-Istati Membri l-prinċipju tat-trattament ugwali ghall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjieg, inkluża l-promozzjoni, u taħriġ professjonali u għal dak li għandu x’jaqsam ma’ kondizzjonijiet tax-xogħol u, skond il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, sigurtà soċjali. Minn issa ’l quddiem dan il-prinċipju jissejjaħ ‘il-prinċipju tat-trattament ugwali’.”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jistipula:

“1.      Għall-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet li ġejjin, il-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser li m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni tkun xi tkun fuq bażi ta’ sess sew direttament kif ukoll indirettament b’referenza b’mod partikolari għall-i status konjugali jew tal-familja.

2.      Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, it-tifsiriet li ġejjin għandhom jgħoddu:

–        diskriminazzjoni diretta: meta persuna waħda hija ttrattata anqas favorevolment fuq bażi ta’ sess minn oħra hija, kienet jew tista’ tiġi ttrattata f’sitwazzjoni paragunabbli,

–        diskriminazzjoni indiretta: meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentament newtrali tista’ tqiegħed persuni ta’ sess minnhom fi żvantaġġ partikolari meta pparagunati ma persuni tas-sess l-ieħor, kemm-il darba dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika ma tkunx ġustifikata b’mod oġġettiv minn mira leġittima, u l-mezzi biex jtintlaħaq din il-mira ma jkunux xierqa u meħtieġa,

[…]”

5        L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq il-bażi ta’ sess fis-setturi pubbliċi jew privati, inklużi korpi pubbliċi, fir-rigward ta’:

(a)      kondizzjonijiet għal aċċess għall-impjieg, għal xogħol għal rasu jew għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, tkun xi tkun il-fergħa ta’ attività u l-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

[…]”

 Id-dritt Grieg

6        Konformement mal-Artikolu 1(2)(a) tal-Liġi Nru 2226/1994 dwar l-ammissjoni, it-taħriġ u t-taħriġ kontinwu fi ħdan il-kulleġġi tal-akkademja tal-pulizija u tat-taqsima tal-uffiċjali kadetti tal-akkademja tat-tifi tan-nar (FEK A’ 122), kif emendat mill-Artikolu 12(1) tal-Liġi Nru 2713/1999 (FEK A’ 89), u sussegwentement mill-Artikolu 20 tal-Liġi Nru 3103/2003 (FEK A’ 23), l-irġiel u n-nisa huma ammessi f’dawn il-kulleġġi. Skont din id-dispożizzjoni, ir-rekwiżiti applikabbli għall-kandidati u l-eżamijiet ta’ preselezzjoni li huma suġġetti għalihom huma l-istess għaż-żewġ sessi.

7        L-Artikolu 2(1)(f) tad-Digriet Presidenzjali Nru 4/1995 dwar l-ammissjoni fil-kulleġġi għall-uffiċjali u aġenti tal-pulizija permezz tas-sistema ta’ eżamijiet ġenerali (FEK A’ 1), kif emendat bl-Artikolu 1(1) tad-Digriet Presidenzjali Nru 90/2003 (FEK A’ 82), jipprevedi li l-kandidati ċivili, irġiel u nisa, għall-kulleġġi tal-uffiċjali u aġenti tal-akkademja tal-pulizija għandu jkollhom tul ta’ mill-inqas 1.70 m mingħajr żarbun.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8        Konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Presidenzjali Nru 4/1995, kif emendati b’dawk tad-Digriet Presidenzjali Nru 90/2003, b’deċiżjoni tal-kap tal-pulizija Griega, ġie ppublikat avviż ta’ kompetizzjoni dwar l-iskrizzjoni, għas-sena akkademika 2007-2008, fil-kulleġġi ta’ uffiċjali u aġenti tal-pulizija Griega.

9        Skont id-dispożizzjoni II.6 ta’ dan l-avviż ta’ kompetizzjoni, il-kandidati għal din il-kompetizzjoni kellu jkollhom tul ta’ mill-inqas 1.70 m, mingħajr żarbun.

10      M. E. Kalliri ssottomettiet applikazzjoni għal parteċipazzjoni fl-imsemmija kompetizzjoni, flimkien mad-dokumenti ġustifikattivi meħtieġa, fl-għassa tal-pulizija ta’ Vrachati (il-Greċja), li rritornatilha dawn id-dokumenti għar-raġuni li hija ma kellhiex it-tul minimu ta’ 1.70 m meħtieġ mill-Artikolu 2(1)(f) tad-Digriet Presidenzjali Nru 4/1995, kif emendat bl-Artikolu 1(1) tad-Digriet Presidenzjali Nru 90/2003, peress li hija kellha tul ta’ 1.68 m biss.

11      Abbażi ta’ dan l-att ta’ ritorn mill-għassa tal-pulizija ta’ Vrachati, l-amministrazzjoni rrifjutat li tippermetti lil M. E. Kalliri tipparteċipa fil-kompetizzjoni inkwistjoni.

12      M. E. Kalliri kkontestat dan ir-rifjut quddiem id-Dioikitiko Efeteio Athinon (qorti amministrattiva tal-appell ta’ Ateni, il-Greċja), li laqgħet ir-rikors tagħha billi ddeċidiet li l-Artikolu 2(1)(f) tad-Digriet Presidenzjali Nru 4/1995, kif emendat bl-Artikolu 1(1) tad-Digriet Presidenzjali Nru 90/2003, huwa kuntrarju għall-prinċipju kostituzzjonali tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u annullat dawn id-dispożizzjonijiet.

13      Il-ministru tal-intern u l-ministru tal-edukazzjoni nazzjonali u l-affarijiet reliġjużi appellaw minn din id-deċiżjoni tad-Dioikitiko Efeteio Athinon (qorti amministrattiva tal-appell ta’ Ateni) quddiem il-qorti tar-rinviju.

14      Huwa f’dan il-kuntest li s-Symvoulio tis Epikrateias (kunsill tal-istat, il-Greċja) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 1(1) tad-Digriet Presidenzjali 90/2003, li emenda l-Artikolu 2(1) tad-Digriet Presidenzjali 4/1995 u li permezz tiegħu l-kandidati ċivili għall-Iskejjel għal Uffiċjali u għal Aġenti tal-Pulizija tal-Akkademja tal-Pulizija għandhom, fost rekwiżiti oħra, ‘ikollhom tul (irġiel u nisa) tal-inqas ta’ 1 metru u 70 ċentimetru’, huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 76/207, 2002/73 u 2006/54 li jipprojbixxu kwalunkwe diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess f’dak li jikkonċerna l-aċċess għax-xogħol, għat-taħriġ u għall-promozzjoni professjonali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur pubbliku (ħlief jekk tali trattament fil-fatt differenti jkun dovut għal fatturi oġġettivament iġġustifikati u li ma huma relatati ma ebda diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, u ma jkunx imur lil hinn minn dak li huwa adegwat u neċessarju għall-finijiet li jintlaħaq l-għan ta’ tali miżura)?”

 Fuq id-domanda preliminari

15      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 76/207 u 2006/54 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-ammissjoni tal-kandidati ta’ kompetizzjoni għal dħul fil-kulleġġ tal-pulizija ta’ dan l-Istat Membru, irrispettivament mis-sess tagħhom, għal rekwiżit ta’ tul minimu ta’ 1.70 m.

16      Għandu qabelxejn jiġi ddeterminat jekk il-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

17      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din il-kawża tirrigwarda atti amministrattivi adottati matul is-sena 2007, wara li M. A. Kalliri ssottomettiet applikazzjoni għall-ammissjoni fil-kompetizzjoni għal dħul fil-kulleġġi tal-uffiċjali u aġenti tal-pulizija Griega għas-sena akkademika 2007-2008.

18      Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2006/54, it-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha skada fil‑15 ta’ Awwissu 2008.

19      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 34(1) ta’ din id-direttiva, id-Direttiva 76/207 tħassret b’effett mill‑15 ta’ Awwissu 2009.

20      Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet applikabbli, ratione temporis, għall-fatti tal-kawża prinċipali, ma humiex dawk tad-Direttiva 2006/54, iżda dawk tad-Direttiva 76/207.

21      Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 76/207, din hija intiża għall-implementazzjoni, fl-Istati Membri, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-aċċess għall-impjieg, inkluża l-promozzjoni, u għat-taħriġ professjonali.

22      L-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmija direttiva jipprojbixxi kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess fis-settur pubbliku jew privat, inklużi l-organi pubbliċi, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg, għall-attivitajiet mhux remunerati jew għax-xogħol, inklużi l-kriterji ta’ selezzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ.

23      Minn dan isegwi li d-Direttiva 76/207 hija applikabbli għal persuna li tkun qiegħda tfittex li taċċessa impjieg, inkluż fir-rigward tal-kriterji ta’ selezzjoni u tal-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ għal dan l-impjieg (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Kratzer, C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 34).

24      Dan huwa l-każ ta’ persuna li, bħal M. E. Kalliri, tapplika sabiex tipparteċipa f’kompetizzjoni għal dħul f’kulleġġ tal-pulizija ta’ Stat Membru.

25      Billi tipprevedi li l-persuni ta’ tul inqas minn 1.70 m ma jistgħux jiġu ammessi fil-kompetizzjoni għal dħul fil-kulleġġ tal-pulizija Griega, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taffettwa l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ ta’ dawn il-ħaddiema u għandha, għalhekk, titqies li tistabbilixxi regoli fil-qasam ta’ aċċess għall-impjieg fis-settur pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 76/207 (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 30, u tal‑15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo, C‑258/15, EU:C:2016:873, punt 25).

26      Minn dan jirriżulta li kawża bħal dik pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 76/207.

27      Għandu, għaldaqstant, jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloqx diskriminazzjoni pprojbita minn din id-direttiva.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din il-leġiżlazzjoni tittratta b’mod identiku, irrispettivament mis-sess tagħhom, il-persuni li japplikaw għall-kompetizzjoni għad-dħul fil-kulleġġ tal-pulizija.

29      Konsegwentement, l-imsemmija leġiżlazzjoni ma toħloqx diskriminazzjoni diretta, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207.

30      Madankollu, tali leġiżlazzjoni tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, fis-sens tat-tieni inċiż ta’ dan l-Artikolu 2(2).

31      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikun hemm diskriminazzjoni indiretta meta l-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali, minkejja li tkun ifformulata b’mod newtrali, fil-fatt tkun tiżvantaġġa numru ħafna ikbar ta’ nisa milli ta’ rġiel (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 1997, Kording, C‑100/95, EU:C:1997:453, punt 16, u tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Riežniece, C‑7/12, EU:C:2013:410, punt 39).

32      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju kkonstatat hija stess fid-deċiżjoni tagħha li numru ħafna ogħla ta’ nisa milli ta’ rġiel għandhom tul ta’ inqas minn 1.70 m, b’mod li, skont din il-leġiżlazzjoni, dawn ikunu żvantaġġati iktar meta mqabbla ma’ dawn tal-aħħar fir-rigward tal-ammissjoni għall-kompetizzjoni għal dħul fil-kulleġġi tal-uffiċjali u aġenti tal-pulizija Griega. Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloq diskriminazzjoni indiretta.

33      Madankollu, mit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207 jirriżulta li tali leġiżlazzjoni ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta ipprojbita minn din id-direttiva jekk hija oġġettivament iġġustifikata b’għan leġittimu u jekk il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u meħtieġa.

34      Minkejja li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk tali ġustifikazzjoni teżistix, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, li tkun ġiet mitluba tagħti lill-qorti nazzjonali risposti utli, li hija madankollu kompetenti li tagħti indikazzjonijiet ta’ natura li jippermettu lil dik il-qorti tagħti deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2005, Nikoloudi, C‑196/02, EU:C:2005:141, punti 48 u 49).

35      F’dan il-każ, il-Gvern Grieg jargumenta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-għan li tippermetti t-twettiq effettiv tal-funzjoni tal-pulizija Griega u li r-rekwiżit ta’ ċerti abbiltajiet fiżiċi partikolari, bħat-tul fiżiku minimu, jikkostitwixxi kundizzjoni meħtieġa u xierqa sabiex jintlaħaq dan l-għan.

36      Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-interess li jiġu żgurati n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tas-servizzi tal-pulizija jikkostitwixxi għan leġittimu [ara, fir-rigward tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas‑27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), li l-istruttura, id-dispożizzjonijiet u l-għan tagħha huma paragunabbli ħafna għal dawk tad-Direttiva 76/207, is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, C-416/13, EU:C:2014:2371, punt 44, u tal‑15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo, C‑258/15, EU:C:2016:873, punt 38].

37      Għandu, madankollu, jiġi vverifikat jekk rekwiżit ta’ tul fiżiku minimu, bħal dak previst mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwiex xieraq sabiex jiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni u jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq.

38      F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-pulizija marbuta mal-protezzjoni ta’ persuni u ta’ beni, mal-arrest u mas-sorveljanza ta’ min iwettaq atti kriminali, kif ukoll mar-rondi għal skopijiet preventivi jistgħu jeżiġu l-użu tal-forza fiżika u jeħtieġu ċerta abbiltà fiżika partikolari, xorta jibqa’ l-fatt li ċerti funzjonijiet tal-pulizija, bħall-għajnuna liċ-ċittadini jew il-kontroll tat-traffiku, ma jidhirx li jeħtieġu impenn fiżiku sinjifikattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, C‑416/13, EU:C:2014:2371, punti 39 u 40).

39      Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-funzjonijiet kollha eżerċitati mill-pulizija Griega jeħtieġu abbiltà fiżika partikolari, ma jidhirx li tali abbiltà hija neċessarjament marbuta mal-fatt li persuna tkun ta’ tul fiżiku minimu u li l-persuni ta’ tul iqsar huma, min-natura tagħhom, nieqsa minn tali abbiltà.

40      F’dan il-kuntest, jista’ b’mod partikolari jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, sas-sena 2003, il-leġiżlazzjoni Griega kienet teżiġi, għall-finijiet tal-ammissjoni għall-kompetizzjoni għal dħul fil-kulleġġi tal-uffiċjali u aġenti tal-pulizija Griega, tul minimu differenti għall-irġiel u għan-nisa, peress li, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, it-tul minimu meħtieġ kien ta’ 1.65 m, minflok ta’ 1.70 m għall-irġiel.

41      Il-fatti invokati minn M. E. Kalliri li, fir-rigward tal-forzi armati, tal-pulizija portwarja u tal-gwardja tal-kosta Griegi, tul minimu differenti huwa meħtieġ għall-irġiel u għan-nisa u li, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, it-tul minimu huwa ta’ 1.60 m, jidhru li huma rilevanti wkoll.

42      Fi kwalunkwe każ, l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jintlaħaq ukoll b’miżuri inqas żvantaġġużi għall-persuni tas-sess femminili, bħal preselezzjoni tal-kandidati għall-kompetizzjoni għal dħul fil-kulleġġi tal-uffiċjali u tal-aġenti tal-pulizija bbażata fuq testijiet speċifiċi li jippermettu li jiġu vverifikati l-kapaċitajiet fiżiċi tagħhom.

43      Minn dan jirriżulta li, bla ħsara għall-verifiki li huma responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju, l-imsemmija leġiżlazzjoni ma hijiex iġġustifikata.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 76/207 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-ammissjoni tal-kandidati għall-kompetizzjoni għal dħul fil-kulleġġ tal-pulizija ta’ dan l-Istat Membru, irrispettivament mis-sess tagħhom, għal rekwiżit ta’ tul minimu ta’ 1.70 m, peress li din il-leġiżlazzjoni tiżvantaġġa numru ħafna ogħla ta’ persuni ta’ sess femminil meta mqabbla ma’ persuni ta’ sess maskil u peress li l-imsemmija leġiżlazzjoni la tidher li hija xierqa u lanqas meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu mfittex minnha, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

45      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol, kif emendata bid-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat23 ta’ Settembru 2002, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-ammissjoni tal-kandidati għall-kompetizzjoni għal dħul fil-kulleġġ tal-pulizija ta’ dan l-Istat Membru, irrispettivament mis-sess tagħhom, għal rekwiżit ta’ tul minimu ta’ 1.70 m, peress li din il-leġiżlazzjoni tiżvantaġġa numru ħafna ogħla ta’ persuni ta’ sess femminil meta mqabbla ma’ persuni ta’ sess maskil u li l-imsemmija leġiżlazzjoni la tidher li hija xierqa u lanqas meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu mfittex minnha, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.