Language of document : ECLI:EU:C:2018:387

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fil-5 ta’ Ġunju 2018 (1)

Kawża C167/17

Volkmar Klohn

vs

An Bord Pleanála

fil-preżenza ta’

Sligo County Council,

Maloney and Matthews Animal Collections Ltd

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda))

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Evalwazzjoni tal-impatt — Aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ — Rekwiżit li proċedura ta’ stħarriġ ma tiswiex tant li tkun projbittiva — Kunċett ta’ ‘ma tiswiex tant li tkun projbittiva’ — Prinċipju ġenerali tal-liġi — Applikazzjoni ratione temporis — Effett dirett — res judicata — Konsegwenzi għal deċiżjoni li tordna l-ispejjeż li saret definittiva”






I.      Introduzzjoni

1.        Fl-24 ta’ Ġunju 2004, Volkmar Klohn talab awtorizzazzjoni sabiex jikkontesta quddiem il-qrati Irlandiżi deċiżjoni tal-An Bórd Pleanála (il-Bord tal-Appell tal-Ippjanar, l-Irlanda, iktar ’il quddiem “il-Bord”) li ta permess ta’ żvilupp għall-bini ta’ faċilità għal spezzjoni tal-annimali mejta viċin ir-razzett tiegħu. Huwa ngħata awtorizzazzjoni sabiex jibda ġudizzjarji proċeduri ta’ stħarriġ fil-31 ta’ Lulju 2007. Madankollu, it-talba tiegħu ġiet imbagħad miċħuda fuq il-mertu f’April u ngħatat deċiżjoni li kkundannatu għall-ispejjeż f’Mejju 2008. F’Ġunju 2010, it-Taxing Master (l-Uffiċjal għall-Intaxxar tal-Ispejjeż) ħa deċiżjoni li ntaxxat dawk l-ispejjeż fl-ammont ta’ madwar EUR 86 000.

2.        V. Klohn ikkontesta d-deċiżjoni tat-Taxing Master (l-Uffiċjal għall-Intaxxar tal-Ispejjeż) minħabba li naqas milli josserva r-rekwiżit li jinsab fid-Direttiva 2003/35 li l-proċedura ta’ stħarriġ għandha tkun b’mod li proċeduri ta’ stħarriġ “ma tiswiex tant li tkun projbittiva” (2) (iktar ’il quddiem ir-“regola TTP”). Id-deċiżjoni tat-Taxing Master (l-Uffiċjal għall-Intaxxar tal-Ispejjeż) ġiet ikkonfermata mill-High Court (il-Qorti l-Għolja, l-Irlanda). V. Klohn appella quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), li hija l-qorti tar-rinviju f’dan il-każ.

3.        Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk: (a) ir-regola TTP hijiex applikabbli ratione temporis; (b) ir-regola TTP għandhiex effett dirett jew jekk hemmx obbligu ta’ interpretazzjoni konformi fir-rigward tagħha; u (c) it-Taxing Master (l-Uffiċjal għall-Intaxxar tal-Ispejjeż) u/jew il-qorti nazzjonali li tirrevedi d-deċiżjoni tiegħu hijiex obbligata tapplika r-regola TTP, minkejja li d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż tkun saret finali.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt internazzjonali

1.      Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus

4.        L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għat-Tagħrif, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Tiswir tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja f’Materji Ambjentali (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”) intitolat “Aċċess għall-Ġustizzja” jipprevedi li:

“1.      Kull Parti għandha, fil-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, tiżgura li kwalunkwe persuna li tikkunsidra li t-talba tagħha għal informazzjoni taħt l-Artikolu 4 ma ttiħditx inkunsiderazzjoni, ġiet irrifjutata b’mod żbaljat, kemm jekk parzjalment jew totalment, imwieġba b’mod inadegwat, jew bi kwalunkwe mod li ma huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dak l-artikolu, għandha l-possibbiltà li tippreżenta rikors quddiem qorti tal-liġi jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit bil-liġi.

[…]

4.      Barra minn hekk, u bla ħsara għall-paragrafu 1, il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 iktar ’il fuq għandhom jipprovdu rimedji xierqa u effettivi, inklużi konformità permezz ta’ ordni fejn ikun xieraq, u għandhom ikunu oġġettivi, ekwi u mingħajr dewmien u ma għandhomx jinvolvu spiża projbittiva. Id-deċiżjonijiet meħuda skont dan l-artikolu għandhom jingħataw jew għandhom jiġu rreġistrati bil-miktub. Id-deċiżjonijiet tal-qrati, u sa fejn possibbli, dawk ta’ korpi oħra, għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku.

[…]”

B.      Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

1.      Id-Direttivi 85/337 u 2003/35

5.        Skont id-Direttiva 85/337 (3) dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, il-proġetti pubbliċi u privati li x’aktarx ikun ser ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent iridu jkunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent. Id-Direttiva 85/337 tipprevedi wkoll ir-rekwiżiti għall-parteċipazzjoni u konsultazzjoni pubblika fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ tali proġetti.

6.        Wara l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus mill-Unjoni Ewropea (dakinhar il-Komunità Ewropea), id-Direttiva 85/337 ġiet emendata permezz tad-Direttiva 2003/35, li daħħlet l-Artikolu 10a fid-Direttiva 85/337. Skont din id-dispożizzjoni:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku interessat: […] ikollhom aċċess għal rivista [proċedura ta’ stħarriġ] […] għalbiex jisfida [jikkontesta] l-legalità sostanzjali jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet bla ħsara [suġġetti] għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku […]

Kull proċedura bħal din għandha tkun ġusta, retta, f’waqtha u ma tiswiex tant li tkun projbittiva.

Sabiex iżidu l-efettività tad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi jintgħamel tagħ[r]if prattiku disponibbli lill-pubbliku dwar l-aċċess għall-proċeduiri amministrativi u ġudizzjarji tar-rivista”.

7.        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/35 intitolat “L-implimentazzjoni” jistabbilixxi t-terminu għat-traspożizzjoni ta’ dik id-direttiva sal-25 ta’ Ġunju 2005.

C.      Id-dritt Irlandiż

8.        Skont ir-regola 1 tal-Ordni 99 tar-Rules of the Superior Courts (ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Qrati Superjuri), l-ispejjeż huma skont l-eżitu tal-kawża. Ir-rikorrent li jitlef irid iħallas l-ispejjeż tal-parti l-oħra kif ukoll l-ispejjeż tiegħu stess. Din hija r-regola ġenerali, iżda l-qorti għandha d-diskrezzjoni li titbiegħed minn din ir-regola jekk iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża jiġġustifikaw dan.

9.        Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (4), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Irlanda ma kinitx ittrasponiet fid-dritt nazzjonali r-regola li l-proċeduri ma għandhomx ikunu jiswew tant li jkunu projbittivi kif stabbiliti fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337. Wara dik id-deċiżjoni, l-Irlanda introduċiet l-Artikolu 50B fil-Planning and Development Act 2000 (il-Liġi tal-2000 dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp)(kif emendata), sabiex fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik il-liġi, kull parti jkollha tbati l-ispejjeż tagħha, iżda l-qrati jistgħu jidderogaw minn dawk ir-regoli fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ importanza eċċezzjonali.

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

10.      Il-fatti ta’ din il-kawża jmorru lura għall-2004 u l-għoti tal-permess ta’ żvilupp sabiex tinbena f’Achonry, County Sligo, l-Irlanda, faċilità għall-ispezzjoni tal-annimali mejtin, iddestinata għall-baqar mill-Irlanda kollha, bħala parti mill-azzjoni meħuda kontra l-enċefalopatija Sponġiformi Bovina epiżootika. V. Klohn, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, huwa proprjetarju ta’ razzett viċin is-sit tal-faċilità propost.

11.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fl-24 ta’ Ġunju 2004, V. Klohn talab awtorizzazzjoni sabiex jikkontesta l-għoti ta’ permess ta’ żvilupp mill-Bord. Skont is-sottomissjonijiet tar-rikorrent, nifhem li l-kontestazzjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni ma kinitx permessa l-parteċipazzjoni pubblika u li l-evalwazzjoni tal-impatt ambjentali kienet ser titlesta wara li tkun diġà nbniet il-faċilità.

12.      V. Klohn ingħata permess li jressaq proċeduri fil-31 ta’ Lulju 2007. Waqt it-trattazzjoni orali quddiem din il-qorti, ġie kkonfermat li d-dewmien ta’ tliet snin sabiex tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal awtorizzazzjoni ma kienx dovut minħabba l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni ta’ xi waħda mill-partijiet, iżda deher li kien dovut għall-volum ta’ xogħol tal-qorti nazzjonali li kienet adita bit-talba.

13.      Permezz ta’ sentenza datata 23 ta’ April 2008, il-High Court (il-Qorti Għolja) ċaħdet ir-rikors ta’ V. Klohn fil-mertu tal-kawża.

14.      Fis-6 ta’ Mejju 2008, il-High Court (il-Qorti Għolja) tat digriet fuq l-ispejjeż, fejn applikat ir-regola ordinarja, li “l-ispejjeż huma skont skont l-eżitu tal-kawża”. Skont dik ir-regola, il-konvenut u l-intervenjent fil-kawża prinċipali (il-kumpannija li qed tibni l-faċilità) kienu awtorizzati jirkupraw l-ispejjeż mingħand V. Klohn bħala l-parti telliefa f’dik il-kawża.

15.      L-ispejjeż ingħataw biss fir-rigward tar-rikors sostantiv għal stħarriġ ġudizzjarju (“juricial review”) u mhux fir-rigward tar-rikors għal awtorizzazzjoni sabiex ikun hemm stħarriġ ġudizzjarju. Il-qorti tar-rinviju tinnota li peress li V. Klohn ingħata awtorizzazzjoni fil-31 ta’ Lulju 2007, l-ispejjeż saru wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/35, li daħħlet l-Artikolu 10a (ir-regola TTP) fid-Direttiva 85/337.

16.      Nifhem li d-deċiżjoni ta’ kundanna għall-ispejjeż fiha nnifisha ma kinitx tinkludi indikazzjoni tal-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jkunu rkuprati mingħand V. Klohn. Min-naħa tiegħu, V. Klohn jgħid li, meta ppreżenta l-azzjoni għall-awtorizzazzjoni u r-rikors għall-istħarriġ ġudizzjarju nnifsu, huwa sostna spejjeż ta’ madwar EUR 32 000.

17.      Wara l-għoti tad-deċiżjoni dwar l-ispejjeż, il-kalkolu tal-ammont tal-ispejjeż raġonevolment sostnuti ngħata lit-Taxing Master (l-Uffiċjal għall-Intaxxar tal-Ispejjeż) tal-High Court (il-Qorti Għolja). Quddiem it-Taxing Master (l-Uffiċjal għall-Intaxxar tal-Ispejjeż), V. Klohn sostna li l-ammont tal-ispiża stabbilita ma għandhiex tkun “[tiswa] tant li tkun projbittiva” skont l-Artikolu 3(8) u l-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337.

18.      Id-deċiżjoni tat-Taxing Master (l-Uffiċjal għall-Intaxxar tal-Ispejjeż) dwar l-ispejjeż ġiet adottata f’Ġunju 2010. Il-Bord kien talab inizjalment madwar EUR 98 000. It-Taxing Master (l-Uffiċjal għall-Intaxxar tal-Ispejjeż) iffissa l-ispejjeż pagabbli lill-Bord f’madwar EUR 86 000.

19.      Sussegwentement, V. Klohn talab li tiġi riveduta d-deċiżjoni tat-Taxing Master (l-Uffiċjal għall-Intaxxar tal-Ispejjeż) quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja). Dik il-qorti kkonfermat id-deċiżjoni tat-Taxing Master (l-Uffiċjal għall-intaxxar tal-ispejjeż). V. Klohn insegwitu appella mis-sentenza tal-High Court (il-Qorti l-Għolja) quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema).

20.      Għall-finijiet ta’ ċarezza, il-kronoloġija tal-ġrajjiet prinċipali f’din il-kawża jistgħu jinġabru kif ġej:

–        25 ta’ Ġunju 2003: pubblikazzjoni u d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2003/35; (5)

–        30 ta’ April 2004: deċiżjoni tal-Bord;

–        24 ta’ Ġunju 2004: bidu tal-proċeduri (talba għall-awtorizzazzjoni sabiex jiġi kkontestat l-għoti tal-permess ta’ żvilupp);

–        25 ta’ Ġunju 2005: skadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni;

–        31 ta’ Lulju 2007: ingħatat l-awtorizzazzjoni;

–        23 ta’ April 2008: sentenza fuq il-mertu;

–        6 ta’ Mejju 2008: deċiżjoni dwar l-ispejjeż kontra V. Klohn;

–        24 ta’ Ġunju 2010: deċiżjoni tat-Taxing Master (l-Uffiċjal għall-Intaxxar tal-Ispejjeż) fuq l-ammont tal-ispejjeż;

–        11 ta’ Mejju 2011: appell kontra d-deċiżjoni tat-Taxing Master (l-Uffiċjal għall-Intaxxar tal-Ispejjeż) miċħud.

21.      Minħabba d-dubbji li kellha rigward l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja t-tliet domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-rekwiżit ta’ ‘spiża mhux projbittiva’[‘ma tiswiex tant li tkun projbittiva’] inkluż fl-Artikolu 10a tad-[Direttiva 85/337] jista’ jiġi applikat f’kawża bħal dik inkwistjoni, fejn l-awtorizzazzjoni kkontestata ngħatat qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni [tad-Direttiva 2003/35] u fejn il-proċedura għall-kontestazzjoni ta’ din l-awtorizzazzjoni ġiet ukoll introdotta qabel din id-data? Jekk ir-risposta tkun fl-affermattiv, dan ir-rekwiżit ta’ ‘spiża mhux projbittiva’ japplika għall-ispejjeż kollha sostnuti fil-kuntest ta’ din il-proċedura jew biss għal dawk li ġew sostnuti wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni?

2)      Il-qorti nazzjonali li għandha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-kundanna tal-parti li titlef hija, fl-assenza ta’ kull miżura speċifika adottata mill-Istat Membru kkonċernat fid-dawl tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 10a tad-[Direttiva 85/33557] obbligata, meta tiddeċiedi dwar l-ispejjeż fi proċedura li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, tiżgura li d-deċiżjoni tagħha ma tirrendix l-ispiża tal-proċedura ‘projbittiva’, jew minħabba li d-dispożizzjoni inkwistjoni jkollha effett dirett, jew minħabba li l-qorti nazzjonali għandha tinterpreta r-regoli nazzjonali ta’ proċedura tagħha b’mod li, kemm jista’ jkun possibbli, jissodisfa l-għanijiet tal-imsemmi Artikolu 10a?


3)      Meta kundanna għall-ispejjeż ma tkunx ikkwalifikata u, minħabba l-assenza ta’ kwalunkwe appell, titqies bħala finali u definittiva taħt id-dritt nazzjonali, id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li jew

a)      Taxing Master inkarigat taħt id-dritt nazzjonali bil-kompitu li jikkwantifika l-ammont tal-ispejjeż raġonevolment sostnuti mill-parti li tirbaħ; jew

b)      qorti mitluba li teżamina mill-ġdid deċiżjoni ta’ tali Taxing Master ikollhom madankollu obbligu li jiddevjaw minn miżuri normalment applikabbli tad-dritt nazzjonali u jiddeterminaw l-ammont tal-kundanna għall-ispejjeż li għandhom jingħataw b’tali mod li jiġi żgurat li l-ispejjeż hekk ordnati ma jirrendux il-proċeduri għoljin b’mod projbittiv?”

22.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn V. Klohn, mill-Bord, mill-Irlanda mill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet li għandhom interess għamlu wkoll sottomissjonijiet orali waqt is-seduta tat-22 ta’ Frar 2018.

IV.    Evalwazzjoni

A.      Introduzzjoni

23.      Il-proċedura għal awtorizzazzjoni għal stħarriġ ġudizzjarju sabiex tiġi kkontestata d-deċiżjoni tal-Bord inbdiet f’Ġunju 2004, sena qabel it-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/35 f’Ġunju 2005. Madankollu, l-awtorizzazzjoni sabiex issir il-kontestazzjoni ngħatat xi snin iktar tard, f’Lulju 2007. Sentenza fuq il-mertu ngħatat f’April 2008. Matul dan iż-żmien, ir-regola TTP ma kinitx ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali. Iżda parti konsiderevoli mill-proċedura ġudizzjarja nazzjonali seħħet wara t-terminu għat-traspożizzjoni.

24.      Għaldaqstant, prima facie, dan il-każ jista’ jidher li hu “każ klassiku fid-dritt tal-Unjoni” ta’ traspożizzjoni tardiva ta’ direttiva. Madankollu, hija preċiżament in-natura tar-regola inkwistjoni u l-kronoloġija tal-ġrajjiet fil-kawża prinċipali li rendew il-kwistjoni xi ftit iktar kumplessa u li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tistaqsi dwar a) jekk ir-regola TTP għandhiex tinftiehem bħala dispożizzjoni li għandha effett dirett jew sors għal interpretazzjoni konformi (domanda 2), b) dwar l-applikazzjoni ratione temporis tagħha (domanda 1), u c) minn min għandha tiġi applikata u kif (domanda 3)?

25.      Fil-fehma tiegħi, ir-regola TTP, jew b’mod iktar preċiż il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 li fih dik ir-regola, għandha effett dirett (Taqsima B) u tista’ tiġi invokata fir-rigward tal-ispejjeż inkorsi mill-bidu tal-ewwel stadju stess tal-proċedura wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/35 (Taqsima C). Kif u u minn min preċiżament għandha tiġi applikata fil-proċedura nazzjonali speċifika hija, għalkemm b’xi caveats, kwistjoni ta’ dritt nazzjonali (Taqsima D).

B.      It-tieni domanda: interpretazzjoni konformi u l-effett dirett tar-regola TTP

26.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-regola TTP għandhiex jew effett dirett jew jekk japplikax għaliha l-obbligu tal-“interpretazzjoni konformi” fir-rigward tagħha.

27.      Għal finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi rrikonoxxut li l-Kummissjoni ssuġġerixxiet ukoll li r-regola TTP tista’ tikkostitwixxi l-espressjoni speċifika ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE. Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża North East Pylon Pressure Campaign u Sheehy (iktar ’il quddiem il-“kawża NEPPC), innotajt li r-regola TTP hija fil-fatt espressjoni speċifika f’direttiva ta’ prinċipju iktar ġenerali (6). Fis-sentenza reċenti tagħha fil-Kawża NEPPC, il-Qorti tal-Ġustizzja implikat ukoll li l-prinċipji ta’ effettività u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jirrikjedu ġeneralment li l-proċeduri ma jkunux jinvolvu spejjeż għoljin b’mod projbittiv (7).

28.      Madankollu, dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom jinftiehmu bħala li jfissru li r-regola TTP għandha tiġi interpretata fil-kuntest leġiżlattiv u kostituzzjonali tagħha, u mhux bħala li tistabbilixxi prinċipju ġenerali awtonomu tad-dritt (ambjentali) tal-Unjoni li jiġi applikat indipendentement mill-kuntest leġiżlattiv tiegħu. Għalkemm jeżisti dan il-prinċipju ġenerali, dan irid jiġi espress fuq livell leġiżlattiv sabiex jiġi applikat għal każijiet speċifiċi (8).

29.      F’dan il-każ, il-prinċipju li proċedura ta’ stħarriġ ma għandhiex tkun tiswa tant li tkun projbittiva ġie fil-fatt espress b’mod speċifiku fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337. Jien issa ser indur għall-effetti ta’ dik id-dispożizzjoni speċifika.

1.      Interpretazzjoni konformi

30.      L-obbligu ġenerali tal-għoti ta’ interpretazzjoni konformi joħroġ b’mod ċar minn ġurisprudenza stabbilita (9), li tgħid li dan l-obbligu huwa “inerenti fis-sistema tat-Trattat f’dak li jippermetti lill-qorti nazzjonali tassigura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, l-effettività sħiħa tad-dritt Komunitarju” (10).

31.      Dan l-obbligu ġie kkonfermat ukoll b’mod speċifiku fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (11). Jien ma nara ebda raġuni għaliex dan ma għandux japplika wkoll għar-regola TTP. Fil-fatt, lanqas il-partijiet f’dawn il-proċeduri ma kkontestaw dan il-punt (12). Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ddikjarat fit-talba tagħha li d-dritt nazzjonali jista’ jiġi interpretat b’mod konformi mar-regola TTP.

32.      Madankollu, x’timplika preċiżament l-“interpretazzjoni konformi” fil-prattika f’dan il-każ speċifiku hija kwistjoni differenti, li ser nittrattaha iktar ’il quddiem (13).

2.      Effett dirett

33.      Filwaqt li l-partijiet kollha qablu fil-prinċipju li jeżisti r-rekwiżiti tal-interpretazzjoni konformi, huwa biss ir-rikorrent li argumenta li r-regola TTP għandha effett dirett.

34.      F’dan il-kuntest, it-tassonomija għandha tkun rilevanti? Kif implikat reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikazzjoni taż-żewġ kunċetti tista’ tipproduċi, f’ċirkustanzi speċifiċi, riżultat simili (14). Barra minn hekk, fil-prattika, għalkemm indikati bħala żewġ kategoriji differenti, fil-fatt ma hemmx linja ċara bejn interpretazzjoni konformi (effett indirett) u l-effett dirett. Ir-realtà tidher li hija iktar viċin kontinwità bejn iż-żewġ kunċetti. B’mod partikolari, tkun kwistjoni ta’ perċezzjoni suġġettiva (jew pjuttost ta’ awtodikjarazzjoni personali) dwar meta qorti nazzjonali għadha “tinterpreta b’mod qawwi” ir-regola nazzjonali sabiex tiżgura l-konformità tagħha ma’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni meta kkuntrastatha mal-applikazzjoni diretta ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għal dak il-każ.

35.      Madankollu, l-effett dirett u l-interpretazzjoni konformi ġew żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’żewġ kategoriji distinti: il-konsegwenzi ta’ kull waħda minnhom fi kwistjoni fil-livell nazzjonali, u b’mod partikolari d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet individwali, ikunu differenti (15). Din hija r-raġuni wkoll għaliex nifhem li l-qorti tar-rinviju qiegħda tqajjem din il-kwistjoni, minħabba li l-fatt dwar jekk għandux effett dirett il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 li fih ir-regola TTP ikun ta’ rilevanza sabiex jiġi ttrattat il-każ fil-livell nazzjonali.

a)      Il-kundizzjonijiet għall-effett dirett

36.      Il-fatt dwar jekk dispożizzjoni għandhiex effett dirett irid jiġi eżaminat fid-dawl tan-natura, l-istruttura ġenerali u l-formulazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni (16).

37.      Dispożizzjoni jkollha effett dirett kull meta, sa fejn jirrigwarda l-kontenut tagħha, hija tkun ċara, mingħajr kundizzjoni u preċiża biżżejjed sabiex l-individwi jkunu jistgħu jinvokawha kontra miżura nazzjonali kunfliġġenti jew sa fejn id-dispożizzjoni tiddefinixxi drittijiet li l-individwi jkunu jistgħu jinvokaw kontra l-Istat (17). Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, jekk ikun hemm projbizzjoni espressa b’mod ġenerali u ċara (18).

38.      Jeħtieġ li qabel indur għar-regola TTP, isiru ħames osservazzjonijiet ġenerali fuq il-ġurisprudenza.

39.      L-ewwel nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta ċar li l-espressjoni “ċara u preċiża” hija pjuttost elastika. Dispożizzjoni tista’ tkun “ċara u preċiża” filwaqt li jkun fiha kunċetti mhux definiti – jew ukoll vagi – jew kunċetti legali indeterminati. Biex nieħdu eżempju klassiku, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-snin sittin fil-kawża van Gend & Loos (19) u fil-kawża Salgoil (20) li l-projbizzjoni ta’ dazji doganali u restrizzjonijiet kwantitattivi u “miżuri li għandhom effett ekwivalenti” għal dazji doganali u restrizzjonijiet kwantitattivi kienet ċara u preċiża biżżejjed sabiex ikollha effett dirett. Il-Qorti tal-Ġustizzja qattgħet l-aħħar nofs seklu tinterpreta l-kliem “miżuri li għandhom effett ekwivalenti” (21).

40.      It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li għaliha għandha iktar tendenza tikkonkludi li dispożizzjoni, minkejja l-użu ta’ kunċetti vagi u indeterminati, għandha effett dirett meta d-dispożizzjoni jkun fiha projbizzjoni. Meta d-dispożizzjoni tiġi invokata bħala s-sors ta’ dritt awtonomu, li l-limiti tagħha jkunu jridu jiġu ddefiniti, ġeneralment l-użu ta’ kunċetti vagi huwa iktar problematiku (22). Għaldaqstant, pereżempju, fis-sentenza Carbonari et (23), l-istudenti tal-mediċina kellhom dritt għal “remunerazzjoni xierqa” taħt id-direttiva applikabbli. Filwaqt li l-obbligu li tingħata remunerazzjoni kien preċiż, ma kienx hemm definizzjoni tal-espressjoni “xierqa” lanqas xi metodu sabiex tiġi stabbilita r-remunerazzjoni. Għaldaqstant, id-dispożizzjoni ma kellhiex effett dirett.

41.      It-tielet nett, l-eżistenza ta’ effett dirett jew l-assenza tagħha tiġi evalwata fid-dawl ta’ proposti legali individwali, bħalma huwa artikolu ta’ miżura leġiżlattiva, jew parti minnha. F’tali evalwazzjoni, hija rilevanti naturalment is-sistema u l-loġika interna tal-miżura leġiżlattiva inkwistjoni. Din ma tipprekludix, madankollu, dispożizzjoni speċifika milli jkollha effett dirett anki jekk dispożizzjonijiet oħra (jew ukoll il-parti l-kbira minnhom) tal-istess miżura leġiżlattiva ma għandhomx effett dirett.

42.      Ir-raba’ nett, sabiex tistabbilixxi jekk regola għandhiex effett dirett f’każ partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tipprovax tistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet kollha għandhom effett dirett u huma applikabbli verbatim. Fil-fatt, hija tipproċedi b’estrazzjoni, jiġifieri, tipprova tistabbilixxi jekk tistax tiġi estratta regola ta’ aġir speċifika u applikabbli mid-dispożizzjoni (x’aktarx itwal u iktar kumplessa) tad-dritt tal-UE. Għaldaqstant, pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat l-effett dirett tal-prinċipju tal-ħlas indaqs għal xogħol ugwali (24) (jew, effettivament, il-projbizzjoni fuq id-diskriminazzjoni bejn nisa u rġiel fir-rigward tar-remunerazzjoni (25)) abbażi tal-Artikolu 119 tat-Trattat (li sar l-Artikolu 157 TFUE), li minnha nnifisha imponiet obbligu xi ftit ikbar fuq l-Istati Membri (26).

43.      Il-ħames nett, il-kriterju “inkundizzjonat” tal-effett dirett jimplika li d-dispożizzjoni tal-Unjoni ma tirrikjedix l-adozzjoni ta’ xi miżura oħra min-naħa ta’ xi waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, l-Istati Membri ma għandhomx titħallielhom xi setgħa diskrezzjonali (27) fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom jew jitħallew jistrieħu fuq in-nuqqas li jużaw dik id-diskrezzjoni (28).

44.      Madankollu, minkejja l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali min-naħa tal-Istat Membru, il-kundizzjonijiet tal-effett dirett xorta waħda jistgħu jkunu ssodisfatti. Dan ikun il-każ b’mod partikolari meta l-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet nazzjonali eċċedewx id-diskrezzjoni tagħhom tkun tista’ tiġi mistħarrġa ġudizzjarjament (29).

45.      Fil-prinċipju, hekk ikun il-każ jekk tkun tista’ tiġi aċċertata “garanzija minima”, “drittijiet minimi” jew “protezzjoni minima” (30) u jista’ jiġi stabbilit permezz ta’ stħarriġ ġudizzjarju li ġie osservat livell minimu min-naħa tal-Istat Membru (31). Għaldaqstant, pereżempju, fis-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994 Faccini Dori, (C‑91/92, EU:C:1994:292), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjoni ma kinitx kundizzjonata u kienet suffiċjentement preċiża peress li l-kliem rilevanti setgħu jiġu ddefiniti u kien ċar id-dritt x’kien jinvolvi. L-Istati Membri kellhom xi diskrezzjoni fir-rigward li jistabbilixxu t-terminu u l-kundizzjonijiet għad-dritt ta’ kanċellament ipprovdut fid-direttiva inkwistjoni f’dak il-każ. Madankollu, dan ma kienx jaffettwa n-natura preċiża u inkundizzjonata tiegħu, peress li kien jagħmilha possibbli li jiġu stabbiliti drittijiet minimi applikabbli (32).

46.      Fi kliem sempliċi, sabiex jiġi stabbilit jekk dispożizzjoni li timponi projbizzjoni għandhiex effett dirett, id-domanda bażika hija jekk ir-regola tistax tiġi invokata ġudizzjarjament. Tipprovdi garanziji minimi li fil-prattika jistgħu jiġu applikati mill-organu nazzjonali inkwistjoni, potenzjalment minkejja xi livell ta’ diskrezzjoni min-naħa tal-Istat Membru? Hemm regola ta’ aġir ċara li tista’ tiġi estratta mid-dispożizzjoni u applikata fil-każ individwali?

b)      Applikazzjoni għal din il-kawża

47.      Fid-dawl tal-imsemmija kundizzjonijiet kif interpretati mill-ġurisprudenza, nikkunsidra li l-ħames subparagrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 li fih ir-regola TTP għandu fil-fatt effett dirett.

48.      Ir-regola li l-proċeduri ta’ stħarriġ li jaqgħu taħt il-kamp tad-Direttiva 85/337 ma għandhomx ikunu jiswew tant li jkunu projbittivi ċertament li tista’ tiġi invokata ġudizzjarjament, ċertament fil-mument meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun qed tiddeċiedi fuq l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri. Hija tipprevedi garanziji minimi: rikorrent ma jistax ikun prekluż milli jressaq proċeduri minħabba raġunijiet ta’ spejjeż u, a fortiori, ma għandhux isir fallut bħala konsegwenza diretta talli jagħmel hekk.

49.      Ir-regola TTP fiha projbizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata. Huwa minnu li l-kunċett ta’ x’inhu “projbittiv” għandu jkun interpretat u applikat fil-kuntest speċifiku ta’ kull każ. Madankollu, fil-fehma tiegħi dan ma jipprekludix lir-regola TTP milli tkun ċara u preċiża. Bħala punt ġenerali, indipendentement minn kemm jista’ jkun hemm linji gwida jew sentenzi li jinterpretaw il-kunċett ta’ “spejjeż projbittivi” billi, pereżempju jipprevedu skali, ammonti jew ċifri indikattivi, ir-regola dejjem teżiġi ċerta grad ta’ interpretazzjoni f’każijiet individwali, inkluż li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest speċifiku tal-każ: min qiegħed ifittex għal xiex eżattament? (33) Fi kliem ieħor, fil-livell individwali, dejjem ser ikun hemm ċerta grad ta’ inċertezza, imma dan ma jfissirx li ser ikun hemm inċertezza fuq livell ġenerali dwar x’teżiġi r-regola.

50.      Dan il-punt jista’ jintwera, pereżempju, bis-sentenza Salzburger Flughafen (34) fejn ir-rekwiżit sabiex issir evalwazzjoni dwar l-impatt ambjentali kif applikat għal proġetti li għandhom “effett sinjifikattiv” fuq l-ambjent ġie kkunsidrat li għandu effett dirett. Dan kien il-każ minkejja l-bżonn ovvju li ssir evalwazzjoni ta’ “effett sinjifikattiv” każ b’każ (35).

51.      Fir-rigward tan-natura inkundizzjonata tar-regola TTP, huwa ċar li l-applikazzjoni tal-projbizzjoni ma hijiex suġġetta għal xi kundizzjoni minn qabel. Huwa korrett li l-Istati Membri għandhom ċerta marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tan-natura preċiża tal-proċeduri ta’ stħarriġ użati sabiex jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet suġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni pubblika tad-Direttiva 85/337. Madankollu, apparti mill-element ratione temporis, li huwa ttrattat taħt id-domanda 1 iktar ’l isfel, ebda waħda mill-partijiet ma tikkontesta fil-fatt li l-proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju fil-kawża prinċipali tkun tikkostitwixxi tali proċedura ta’ stħarriġ, li għaliha tapplika r-regola (36).

52.      Fi kliem ieħor, fir-rigward tas-sitwazzjoni bħalma hija dik ta’ dan il-każ, li taqa’ preċiżament f’dak li jkun irid ikun kopert bit-traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 85/337 kif emendata bid-Direttiva 2003/35, ma hemm ebda kundizzjoni.

53.      Huwa minnu wkoll li l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv fil-mod li bih huma jimplimentaw tali regola TTP. Hemm numru ta’ forom u metodi li l-Istati Membri jistgħu jużaw, bħalma huwa li jipprevedu li l-partijiet għandhom isibu ftehim, li joħolqu mekkaniżmu ta’ limitazzjoni fuq l-ispejjeż jew billi jiġu previsti deċiżjonijiet dwar l-ispejjeż massimi rekuperabbli; jew deċiżjonijiet dwar spejjeż protettivi; jitnaqqsu l-ispejjeż tal-qorti; jiġu imposti restrizzjonijiet fuq l-onorarji tal-avukati; jew tintuża sistema ta’ għajnuna legali. Tali miżuri jistgħu jkunu xierqa fi stadji differenti – qabel jibdew il-proċeduri, wara li jkunu jibdew il-proċeduri, meta qed isiru l-proċeduri, jew wara li jintemmu l-proċeduri.

54.      Barra minn hekk, dan ma jipprekludix ir-regola TTP milli jkollha effett dirett. Ma hemmx diskrezzjoni dwar il-“garanzija minima” prevista mir-regola TTP. Fi kliem ieħor, kwalunkwe diskrezzjoni li tista’ teżisti qiegħda fir-rigward tal-“kif” u mhux ix-“xiex” (37).

55.      Għaldaqstant, nikkunsidra li l-ħames subparagrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva dwar il-Parteċipazzjoni Pubblika, li fih ir-regola TTP, għandu effett dirett abbażi ta’ din id-definizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-applikazzjoni ta’ dan il-kunċett fil-ġurisprudenza. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet preċedentement li d-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li tikkorrispondi għall-Artikolu 10a ta’ dik id-direttiva ma għandhiex effett dirett, kwistjoni li ser tiġi ttrattata fit-taqsima li ġejja.

c)      Il-ġurisprudenza fuq l-effett dirett tal-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus

56.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma kkunsidratx il-kwistjoni dwar jekk il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 għandux effett dirett.

57.      Fis-sentenza Ordre des barreaux francophone et germanophone et (38), li sar riferiment għaliha reċentement fis-sentenza North East Pylon Pressure Campaign u Sheehy (39), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjoni korrispondenti fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus (Artikolu 9(4)) ma kellhiex effett dirett.

58.      Madankollu, ma naħsibx li dak ir-raġunament jista’ jiġi awtomatikament traspost għall-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337.

59.      Il-kawżaOrdre des barreaux francophones et germanophone et kienet tikkonċerna t-tneħħija tal-eżenzjoni mt-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq is-servizzi pprovduti mill-avukati fil-Belġju. Il-Cour constitutionelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), li kienet adita bil-kwistjoni tal-kostituzzjonalità tal-liġi nazzjonali li neħħiet l-eżenzjoni, għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja diversi domandi, fejn invokat numru ta’ strumenti u dispożizzjonijiet legali varji. Il-kwistjoni fundamentali kienet jekk il-konsegwenzjali żieda effettiva fl-onorarji tal-avukati fil-Belġju (b’21 % - ir-rata statutorja tal-VAT fuq il-provvisti ta’ servizz tal-avukati fil-Belġju) tipprekludix jew le d-dritt għal rimedju effettiv u, b’mod partikolari, id-dritt għall-assistenza minn avukat. Waħda mill-ħafna kwistjonijiet imqajma mill-qorti tar-rinviju kienet jekk id-Direttiva 2006/112/KE (40) kinitx kompatibbli mal-Artikolu 9(4) u (5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

60.      Kien f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet osservazzjonijiet konċiżi li l-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus japplika biss għall-proċeduri msemmija fl-Artikolu 9(1), (2) u (3) ta’ din il-konvenzjoni. Peress li dawn l-aħħar dispożizzjonijiet minnhom infushom ma għandhomx effett dirett, lanqas hija d-dispożizzjoni tal-Artikolu 9(4), bħala riżultat tar-riferiment għalihom. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikolu 9(4) li ma jistax jiġi invokat sabiex jikkontesta l-validità tad-Direttiva 2006/112 (41).

61.      Huwa ċar li l-kawża Ordre des barreaux francophones et germanophone et kienet tikkonċerna l-Konvenzjoni ta’ Aarhus u mhux id-Direttiva 85/337. Il-kwistjoni legali li qamet kienet tikkonċerna l-kontestazzjoni dwar il-validità ta’ att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, u kienet tqajmet f’kuntest legali u fattwali differenti ħafna. Għaldaqstant, hemm diversi raġunijiet għaliex dik il-kawża tkun tista’ titqies bħala li hija differenti minn din il-kawża.

62.      L-ewwel nett, ir-rikorrenti fil-kawża Ordre des abarreaux francophones germanophone et talbu stħarriġ ġudizzjarju tad-Direttiva 2006/112 fid-dawl, fost dispożizzjonijiet oħra, tar-regola TTP li tinsab fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Għaldaqstant, dik il-kawża kellha portata ħafna ikbar, b’diversi argumenti li tressqu li kienu ntiżi li jikkontestaw l-issuġġettar għall-VAT ta’ servizzi legali, mingħajr ma ssir distinzjoni skont l-eżistenza jew le ta’ proċeduri jew tan-natura tagħhom. Kien biss wieħed mill-argumenti li kien jirrigwarda l-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Min-naħa l-oħra, din il-kawża tinvolvi l-possibbiltà li tiġi invokata r-regola TTP kontra deċiżjoni speċifika dwar l-ispejjeż fi proċeduri li jikkontestaw (allegat) ksur identifikat tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/337. Din il-kawża tirrigwarda wkoll, b’mod sinjifikattiv, mhux l-effett dirett ta’ trattat internazzjonali (42), iżda dispożizzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni.

63.      It-tieni nett, f’din il-kawża, huwa ċar li r-regola TTP, fil-prinċipju (43), tkun tapplika għall-proċedura speċifika inkwistjoni f’din il-kawża. Dan jikkuntrasta mal-kawża Ordre des barreaux francophones et germanophone et, li fiha kien hemm kontestazzjoni ġenerali minħabba tħassib dwar żidiet potenzjali fl-ispiża tal-proċeduri legali. Għaldaqstant, kien ta’ importanza deċiżiva li d-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 9 (jiġifieri, l-Artikolu 9(1) sa (3)) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus kienu nieqsa minn ċarezza u l-preċiżjoni suffiċjenti tali li ma kienx jidentifika s-sensiela kompluta ta’ proċeduri li għalihom kienet tapplika r-regola TTP. Fil-kuntest ta’ din il-kawża u fir-rigward tad-Direttiva 85/337.

64.      It-tielet nett, fis-sentenza Ordre des barreaux francophones et germanophone et, l-unika argument li tressaq għan-nuqqas ta’ effett dirett tal-Artikolu 9(4) huwa l-fatt li dan jirreferi għall-Artikoli 9(1), (2) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li min-naħa tagħhom ma għandhomx effett dirett (44). Madankollu, is-subparagrafi l-oħra tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 huma fformulati f’termini ħafna iktar sempliċi u ċari. B’mod iktar importanti, ir-riferiment għall-paragrafi l-oħra jitlef is-sinjifikat f’kawża bħalma huma dawn il-proċeduri għal stħarriġ ġudizzjarju, fejn, infakkar, ma hemmx inċertezza dwar jekk tkunx tapplika r-regola TTP. Fi kliem ieħor, fir-rigward tal-aspett ċentrali tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ordre des barreaux francophone et germanophone et,, l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 hija strutturata u fformulata b’mod differenti mill-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

65.      Fil-fehma tiegħi, għandu jiġi kkonstatat li l-kawża Ordre des barreaux francophoneset germanophone et tista’ u għandha, għaldaqstant, titqies bħala li hija sinjifikattivament differenti minn din il-kawża.

3.      It-toroq kollha jwasslu sa Ruma (imma ftit minnhom huma iktar imħarbta minn oħrajn)

66.      Kif innutajt iktar ’il fuq (45), il-partijiet kollha jaqblu li hemm obbligu ta’ interpretazzjoni konformi fir-rigward tar-regola TTP. Jien naqbel ukoll li hemm dan l-obbligu. Il-qorti tar-rinviju kkonfermat li hija possibbli interpretazzjoni konformi.

67.      Wieħed jista’ jargumenta li, peress li jista’ jintlaħaq l-istess riżultat permezz tal-interpretazzjoni konformi bħal dak tal-effett dirett, l-eżami iktar ’il fuq tal-effett dirett tar-regola TTP ma kienx verament meħtieġ.

68.      Ma jidhirlix li din tkun konklużjoni aċċettabbli għal żewġ raġunijiet, waħda ta’ prinċipju u l-oħra ta’ natura prattika.

69.      Fuq il-livell ta’ prinċipju, fil-fehma tiegħi jkun kontradittorju li jiġi kkonstatat li r-regola TTP ma għandhiex iċ-ċarezza u preċiżjoni neċessarja sabiex ikollha effett dirett f’każ individwali, u fl-istess nifs jingħad li r-regola TTP hija ċara u preċiża biżżejjed biex tobbliga lill-qrati nazzjonali japplikawha f’każijiet individwali permezz tal-interpretazzjoni konformi.

70.      L-effett dirett tar-regola TTP jimplika li tiġi invokata d-dispożizzjoni sabiex “jitnaqqsu” l-ispejjeż billi l-qorti nazzjonali tkun prekluża milli tagħti kundanna tad-deċiżjoni fuq spejjeż li tmur lil hinn mil-livell ta’ “spejjeż projbittivi”, iżda naturalment filwaqt li tibqa’ topera fil-limiti tar-regoli nazzjonali ġenerali l-oħra applikabbli għall-ispejjeż. L-interpretazzjoni konformi tirrkjedi li l-qorti nazzjonali “tgħaqqad flimkien” biċċiet mid-dritt nazzjonali u ssib mod kif tnaqqas l-ispejjeż taħt il-livell ta’ “spejjeż projbittivi”. Fi kliem ieħor, fiż-żewġ każijiet, dak li huwa meħtieġ f’termini ta’ ċarezza u preċiżjoni sabiex jiġi identifikat il-livell ta’ “spejjeż projbittivi” fiż-żewġ każijiet huwa l-istess.

71.      Dik iċ-ċarezza u dik il-preċiżjoni jew huma preżenti jew ma humiex; dawn ma jisparixxux b’mod maġiku malli jissemma l-“effett dirett”. Jidhirli li jekk tingħata l-impressjoni li japplikaw rekwiżiti differenti ta’ “ċarezza u preċiżjoni” f’każijiet ta’ effett dirett u interpretazzjoni konformi, dan iwassal għal konfużjoni.

72.      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-livell prattiku huwa l-punt fejn l-għażla tagħmel l-iktar differenza sinjifikattiva.

73.      L-ewwel nett, l-interpretazzjoni konformi għandha l-limiti tagħha fis-sens li dan l-approċċ ma jistax jintuża sabiex jintlaħaq riżultat “contra legem” (46). Dak li huwa “intra legem”, dak li huwa “preater legem”, u dak li huwa diġà “contra legem” jiddependi inevitabbilment fuq l-evalwazzjoni suġġettiva, interpretattiva dwar jekk jistax jintlaħaq riżultat partikolari bbażat fuq evalwazzjoni globali tad-dritt nazzjonali. Min-naħa l-oħra, meta dispożizzjoni jkollha effett dirett, hija “tinfed” b’mod iktar preċiż fl-ordinament ġuridiku nazzjonali. Fuq livell bażiku, ir-regola hija awtonoma, identifikabbli u prevedibbli, fis-sens li ma tiddependix fuq interpretazzjoni ta’ rieda tajba u ta’ immaġinazzjoni kif ukoll fuq il-flessibbiltà ta’ kull sistema legali nazzjonali individwali jew tal-attur individwali tagħha.

74.      It-tieni nett, l-effett dirett ta’ direttiva jista’ jiġi invokat kontra l-Istat biss u mhux kontra individwi privati (47) (bħalma hija l-parti intervenjenti fil-kawża prinċipali). Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni konformi ma għandhiex tali limitazzjoni fi ħdan il-prinċipju nnifsu. L-interpretazzjoni konformi tapplika fil-kuntest ta’ kawża bejn persuni privati (48). Wieħed jista’ jargumenta jekk f’każ individwali, il-prinċipji ġenerali tal-liġi bħalma huwa dak tal-aspettattivi leġittimi jistgħux jipprekludu milli jiġu imposti konsegwenzi negattivi fuq terzi privati (49) għalkemm jidher li huwa ġeneralment aċċettat li interpretazzjoni konformi tista’ tippreġudika l-pożizzjoni ġuridika ta’ individwu (50).

75.      Fit-tielet lok, jekk effett dirett jiġi eskluż, anki s-sitwazzjoni fir-rigward ta’ responsabbiltà potenzjali tal-Istat issir iktar kumplessa u mhux ċara. F’każijiet fejn hemm traspożizzjoni mhux adegwata u effett dirett ma huwiex possibbli, il-partijiet leżi jkunu obbligati jitolbu rimedju permezz ta’ azzjonijiet għad-danni kontra l-Istat sabiex jiksbu kumpens. Dan, min-natura tiegħu stess jinvolvi multiplikazzjoni ta’ proċeduri legali. Barra minn hekk, ġeneralment ikun iktar diffiċli li wieħed jistabbilixxi “ksur suffiċjentement serju” tad-dritt tal-Unjoni meta jkun ġie deċiż li r-regola miksura hija nieqsa miċ-ċarezza u l-preċiżjoni neċessarja sabiex ikollha effett dirett (51).

4.      Konklużjoni

76.      Fil-fehma tiegħi, ir-regola TTP hija ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-qorti nazzjonali tidentifika riżultat “li tiswa tant li tkun projbittiva” f’każ individwali. Din ir-regola hija wkoll inkundizzjonata. Għaldaqstant nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi t-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju kif ġej:

“Ir-rekwiżit li jinsab fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337sabiex il-proċeduri ma jkunux jiswew tant li jkunu projbittivi għandu effett dirett. Il-qorti nazzjonali li għandha diskrezzjoni dwar id-deċiżjoni li tikkundanna għall-ispejjeż il-parti telliefa, fl-assenza ta’ miżura speċifika li tkun ġiet adottata sabiex tittrasponi dik id-dispożizzjoni, hija obbligata, meta tikkunsidra d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż fi proċeduri li għalihom tapplika dik id-dispożizzjoni, tiżgura li kwalunkwe deċiżjoni mogħtija ma tirrendix il-proċeduri ‘jiswew tant li jkunu projbittivi’”.

C.      L-ewwel domanda: l-applikazzjoni ratione temporis tar-regola TTP

77.      Ir-regola TTP tista’ fil-fatt tiġi invokata (52) minn V. Klohn f’din il-kawża, ġaladarba l-azzjoni tiegħu nġiebet qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ dik ir-regola? Jekk tista’ tiġi invokata, din tkun tapplika fir-rigward tal-ispejjeż akkumulati wara d-data ta’ traspożizzjoni biss, jew ukoll “retroattivament” għall-ispejjeż sostnuti qabel dak it-terminu? Dawn huma l-kwistjonijiet li huma l-pern tal-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju.

78.      F’din il-kawża, il-proċeduri ġudizzjarji nbdew qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni, iżda komplew u wasslu għall-akkumulazzjoni ta’ spejjeż għal perijodu sinjifikattiv wara dik id-data.

79.      Sa fejn l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-ispejjeż inkorsi qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni, nikkunsidra li din hija pjuttost ipotetika. Fil-fatt, it-talba għal deċiżjoni preliminari tindika b’mod ċar li l-unika spejjeż inkwistjoni huma dawk sostnuti matul il-proċeduri fil-mertu, li l-iktar kmieni bdew fil-31 ta’ Lulju 2007, wara li ngħatat l-awtorizzazzjoni għall-preżentata ta’ rikors u għaldaqstant wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni, il-25 ta’ Ġunju 2005.

80.      Nikkunsidra li r-regola TTP tista’ tiġi invokata fir-rigward tal-ispejjeż inkwistjoni f’din il-kawża, jiġifieri l-ispejjeż sostnuti mill-Bord matul il-fażi dwar il-mertu tal-kawża prinċipali.

81.      Ser nibda billi niddiskuti l-klassifikazzjoni possibbli tar-regola TTP bħala regola fil-mertu jew proċedurali (Taqsima 1). Imbagħad inkompli biex nikkunsidra l-approċċi alternattivi għall-aspett ratione temporis (Taqsima 2), qabel ma napplika dan għall-każ preżenti (Taqsima 3).

1.      Is-sinjifikat ta’ jekk ir-regola TTP hijiex regola fil-mertu jew proċedurali

82.      Skont ġurisprudenza stabbilita, “ir-regoli proċedurali huma ġeneralment maħsuba sabiex japplikaw fid-data ta’ meta jidħlu fis-seħħ, għall-kuntrarju tar-regoli sostantivi li ġeneralment jiġu interpretati li ma japplikawx għal sitwazzjonijiet li ġraw qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-għan u mill-istruttura tagħhom li tali effett għandu jiġi assenjat lilhom” (53). Fil-prinċipju, id-dispożizzjonijiet fil-mertu japplikaw biss għas-sitwazzjonijiet li jitwieldu wara d-dħul fis-seħħ tagħhom jew għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li kienu diġà jeżistu (54).

83.      Ir-regola TTP ma taqax kompletament f’kategorija ta’ “regoli proċedurali” jew “regola fuq il-mertu”.

84.      Minn naħa, huwa minnu li d-dispożizzjonijiet fuq l-ispejjeż spiss jinsabu f’kodiċijiet nazzjonali jew regoli ta’ proċedura (ċivili). Barra minn hekk, xi ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinftiehem bħala li timplika li r-regoli fuq l-ispejjeż huma proċedurali. Fis-sentenza Gemeinde Altrip et, il-Qorti tal-Ġustizzja impliċitament iddistingwixxiet bejn regoli fuq il-mertu, bħar-rekwiżit li ssir evalwazzjoni tal-impatt, u regoli ta’ proċedura, bħalma huwa d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju (55). Fis-sentenza Edwards uPallikaropoulos kien preżunt li r-regola TTP kienet tapplika immedjatament, li timplika, iżda ma tikkonfermax espliċitament, in-natura proċedurali tagħha (56). Fis-sentenzi Saldanha u MTS kif ukoll Data Delecta u Forsberg, il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat espliċitament ir-regoli fuq il-garanzija għall-ispejjeż bħala proċedurali (57).

85.      Min-naħa l-oħra, nikkunsidra li huwa impossibbli li wieħed isostni l-fehma li r-regola TTP hija purament jew b’mod ċar proċedurali min-natura tagħha. Bħala punt ġenerali, l-ispejjeż jidħlu bħala parti mill-parti dispożittiva ta’ sentenza u normalment jiġu wara l-eżitu tal-kawża (jiġifieri d-deċiżjoni fuq il-mertu). Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Gemeinde Altrip et, timplika fil-fatt distinzjoni proċedurali/fuq il-mertu, iżda ma tidħolx fil-kwistjoni dwar f’liema minn dawn il-kategoriji r-regola dwar l-ispejjeż, bħalma hija r-regola TTP, tista’ taqa’. Is-sentenza Edwards u Pallikaropoulos hija sempliċement inkonklużiva fuq din il-kwistjoni: il-Qorti tal-Ġustizzja assolutament ma kkunsidratx l-applikazzjoni ratione temporis b’mod espliċitu. Il-kwistjoni lanqas biss qamet. Kemm is-sentenzi Data Delectau Forsbergh kif ukoll Saldanha u MTS kienu jikkonċernaw biss il-garanzija għall-ispejjeż u mhux id-deċiżjonijiet attwali dwar l-ispejjeż (58).

86.      B’mod iktar importanti, wara qari iktar mill-qrib, dik il-ġurisprudenza hija, fil-fehma tiegħi, iktar iddettaljata (59). Iktar milli fuq approċċ ibbażat fuq żewġ kategoriji ssiġillati bħala “regoli proċedurali” u “regoli fil-mertu”, l-approċċ li fuqu huma bbażati huwa wieħed gradwali: id-dispożizzjonijiet ġodda kollha tad-dritt tal-Unjoni huma applikabbli immedjatament, iżda mbagħad l-attenzjoni ddur fuq il-limiti sabiex jiġu applikati tali regoli ġodda f’każijiet individwali. Tali limiti, b’mod partikolari fil-forma ta’ drittijiet kweżiti u/jew aspettattivi leġittimi, ikunu ħafna iktar b’saħħithom meta jkun hemm regoli fil-mertu ċari, li jipprekludu retroattività netta fil-forma ta’ evalwazzjoni mill-ġdid ta’ fatti tal-passat u relazzjonijiet ġuridiċi magħluqa. Għall-kuntrarju, ikunu ħafna iktar dgħajfa jew noneżistenti fil-każ ta’ regoli purament proċedurali. Dak li huwa importanti f’tali kuntest huwa l-istabbiltà u l-prevedibbiltà tad-dritt u l-aspettattivi għal dak li jirrigwarda t-tip speċifiku tar-regola inkwistjoni.

87.      Din il-kawża tirrifletti tajjeb dan:, fl-osservazzjonijiet bil-miktub u waqt is-seduta, id-diskussjoni ffukat inqas fuq klassifikazzjoni riġida tar-regola TTP u iktar fuq il-potenzjal tagħha għal effetti retroattivi u l-aspettattivi tal-partijiet fil-bidu u matul il-kors tal-proċeduri.

88.      F’dan ir-rigward, il-Bord enfasizza li r-“regoli tal-proċedura” inklużi l-ispejjeż potenzjali tal-litigazzjoni ma għandhomx jitbiddlu f’nofs il-logħba. Il-partijiet jistabbilixxu, mill-bidu nett, l-istrateġiji bbażati mhux biss fuq evalwazzjoni legali tal-mertu u ċ-ċansijiet tagħhom li jirbħu, iżda wkoll fuq ir-riskji f’termini ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż.

89.      Dan l-argument għandu fil-fatt xi ftit mertu. Għandu wkoll limiti ovvji. Partikolarment fi kwistjonijiet kumplessi bħalma hija din, il-partijiet ma għandhomx stampa ċara tal-ispejjeż totali mill-ewwel ġurnata. Iktar kemm iddum il-proċedura, inqas ikunu previdibbli l-ispejjeż. Sentenzi tal-ewwel istanza jistgħu jwasslu għal appelli, għal appelli sussegwenti fuq punti ta’ liġi, għal ilmenti kostituzzjonali u anki, f’każijiet rari, rinviji lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Huwa pjuttost ċar li kwalunkwe rikorrent li jaġixxi b’mod raġonevoli x’aktarx jevalwa (mill-ġdid) (i)r-riskju tar-responsibbiltà għall-ispejjeż f’kull waħda minn dawn l-istadji qabel ma jiddeċiedi jekk ikomplix jew le bil-litigazzjoni. Barra minn hekk, il-qrati ġeneralment għandhom ċerta marġni ta’ diskrezzjoni (xi kultant anki diskrezzjoni sinjifikattiva) fl-analiżi finali u fid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż tagħhom.

90.      Barra minn hekk, ma naqbilx mal-Bord li l-kontendenti pubbliċi u privati qegħdin fl-istess pożizzjoni għal dak li jirrigwarda l-aspettattivi dwar l-ispejjeż. Filwaqt li Stat Membru ovvjament jikkunsidra l-ispejjeż u l-benefiċċji li jiddefendi u jkompli jiddefendi xi każ, ma hemmx riskju li kawża individwali twassal għall-falliment tiegħu. Dan ma huwiex il-każ għall-parti l-kbira mill-kontendenti privati.

91.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jidhirlix li l-kwistjoni tal-applikazzjoni ratione temporis tar-regola TTP tista’ tiġi riżolta sempliċement billi jiġi deċiż liema kategorija, proċedurali jew fuq il-mertu, x’aktarx li taqa’ fiha dik ir-regola.

2.      Approċċi alternattivi għall-applikazzjoni ratione temporis

92.      Jekk jiġi aċċettat l-argument spjegat hawn fuq, li l-aspettattivi fuq l-ispejjeż jiġu stabbiliti fil-bidu tal-proċedura, il-konklużjoni tkun li r-regoli dwar l-ispejjeż applikabbli f’dak il-mument, u li fuqhom huma jkunu bnew l-istrateġija ta’ litigazzjoni tagħhom, għandhom japplikaw għat-tul tal-proċedura. Il-partijiet ikunu daħlu f’tip ta’ “mina tal-ispejjeż” li jibqgħu fiha matul l-istadji varji tal-proċedura, pereżempju, fl-awtorizzazzjoni sabiex jiksbu stħarriġ ġudizzjarju, l-istħarriġ ġudizzjarju, il-kontestazzjonijiet kontra sentenza tal-ewwel istanza, kontra sentenza tat-tieni istanza, rinviji lil qrati oħra, kontestazzjonijiet dwar l-ispejjeż u l-bqija. Kif nifhimha, din hija effettivament il-pożizzjoni tal-Bord u tal-Irlanda.

93.      Fil-fehma tiegħi, dan l-approċċ huwa problematiku ħafna. Dan ikun japplika għal sitwazzjonijiet fejn il-litigazzjoni tista’ tkompli potenzjalment għal għexieren ta’ snin wara t-terminu għat-traspożizzjoni tar-regola TTP.

94.      Approċċ alternattiv huwa li r-regola TTP tkun tapplika immedjatament għal kwalunkwe deċiżjoni dwar spejjeż mogħtija wara t-terminu għat-traspożizzjoni. Dan jista’ jkun ibbażat potenzjalment fuq l-applikazzjoni immedjata tar-regola proċedurali jew l-applikazzjoni ta’ regola fuq il-mertu għall-“effetti futuri” ta’ tibdil preċedenti tal-liġi.

95.      Fil-fehma tiegħi, tali soluzzjoni hija wkoll xi ftit problematika. Kif ġie nnutat qabel, ma naqbilx mal-proposta li l-aspettattivi dwar l-ispejjeż jiġu kkristallizzati darba għal dejjem fil-bidu nett tal-proċedura. Min-naħa l-oħra, wieħed ma jistax jinnega li jkun hemm xi aspettattivi f’dan l-istadju. Sabiex nieħdu eżempju estrem, jekk direttiva tintroduċi regola ġdida dwar l-ispejjeż fl-1 ta’ Jannar 2018, imbagħad, fin-nuqqas ta’ xi ċirkustanzi partikolari, ikun diffiċli li wieħed jiġġustifika li tingħata deċiżjoni dwar l-ispejjeż fit-2 ta’ Jannar 2018 b’mod li tiġi applikata dik ir-regola TTP ġdida għal proċeduri li jkunu ilhom għaddejjin għal diversi snin qabel dik id-data. Għalkemm ma qamitx din il-kwistjoni f’dawn il-proċeduri, huwa assolutament possibbli li tali approċċ jista’ jinvolvi wkoll l-applikazzjoni tar-regola ġdida dwar spejjeż għal proċeduri li ġew sostnuti għalkollox qabel it-terminu għat-traspożizzjoni (possibbilment anki l-adozzjoni tad-direttiva).

96.      Għandha tinstab it-triq tan-nofs. Hemm żewġ għażliet li wieħed jista’ jagħmel.

97.      L-ewwel nett, ir-regola TTP tista’ tiġi invokata fir-rigward tal-ispejjeż kollha inkorsi wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni anki jekk dawk il-proċeduri nbdew qabel dik id-data. B’dan il-mod, l-ispejjeż ta’ kull proċedura ikunu jridu jinqasmu bejn dawk sostnuti (iffatturati jew reżi oġġettivament) qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni u dawk sostnuti wara dak it-terminu.

98.      It-tieni nett, jista’ jingħad li r-regola TTP hija applikabbli mill-bidu tal-ewwel “stadju” ġdid tal-proċedura li ssegwi l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni. B’dan jien infisser il-mument meta tittieħed deċiżjoni mill-awtorità li jisma’ l-każ (f’dan il-każ ġudizzjarja) li (a) ittemm l-istanza, pereżempju sentenza fuq il-mertu minn qorti tal-appell, jew (b) hija meħtieġa sabiex tippermetti li l-proċedura tkompli, pereżempju, deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà jew, fit-tifsira li jien nagħti lill-proċedura quddiem il-qrati Irlandiżi, deċiżjoni li tagħti awtorizzazzjoni sabiex jitressqu proċeduri għal stħarriġ ġudizzjarju.

99.      Dik it-tieni għażla hija bbażata fuq il-fatt li, f’tali mumenti importanti fil-proċedura, il-partijiet x’aktarx li jagħtu d-debita kunsiderazzjoni lill-ispejjeż u l-argumenti favur u kontra li jkomplu l-kawża. Għalkemm, ċertament li dan ma jkunx dejjem il-każ, jidher li hija assunzjoni raġonevoli u approċċ li fil-prattika huwa kemm fattibbli u prevedibbli.

100. Fil-fehma tiegħi, it-tieni għażla għandha tingħata preferenza mill-Qorti tal-Ġustizzja għal numru ta’ raġunijiet. Għalkemm wieħed jista’ jargumenta li l-ewwel għażla hija iktar prevedibbli, fis-sens li tagħti data waħda iktar ċara għall-invokabbiltà tar-regola TTP, ma huwiex neċessarjament il-każ li s-sistemi nazzjonali kollha jagħtu dak il-livell ta’ dettall suffiċjenti tal-ispejjeż. Hemm sfidi prattiċi oħrajn bħalma huwa l-użu ta’ miżati fissi (għal atti jew partijiet mill-proċedura identifikabbli), li ma humiex marbutin ma’ data speċifika, li jqajmu wkoll kwistjonijiet ta’ prattiċità fir-rigward tal-ewwel għażla. Barra minn hekk, it-tieni għażla tirrispetta iktar l-aspettattivi tal-partijiet fil-bidu tal-proċedura. Din hija ta’ importanza partikolari jekk ir-regola TTP tiġi invokata kontra individwi privati (tipikament dan ikun il-każ, pereżempju, meta l-individwu privat li jkun ingħata permess ta’ żvilupp jintervjeni fi proċedura li tikkontesta dak il-permess).

101. Approċċi oħrajn iktar sottili u ddettaljati, ibbażati pereżempju fuq l-evalwazzjoni każ b’każ tal-aspettattivi attwali tal-partijiet fi proċeduri speċifiċi jkunu, fil-fehma tiegħi, ħafna iktar kumplessi u jipprovdu ħafna inqas prevedibbiltà miż-żewġ għażliet imsemmija iktar ’il fuq.

3.      Applikazzjoni għal din il-kawża

102. Salv l-evalwazzjoni finali tal-qorti tar-rinviju, it-tieni għażla kkontemplata iktar ’il fuq – invokabbiltà tar-regola TTP mill-bidu tal-ewwel stadju diskret tal-proċedura ta’ wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni – tkun tfisser li r-regola TTP għandha tkun invokabbli mill-mument li V. Klohn ingħata awtorizzazzjoni sabiex iressaq proċeduri għal stħarriġ ġudizzjarju. Hija tkun tapplika għall-istħarriġ sostantiv kollu u għad-deċiżjoni fuq il-mertu.

103. Madankollu, għandu jingħad ukoll li, peress li ma ngħatatx deċiżjoni dwar l-ispejjeż fir-rigward tal-istadji preċedenti tal-proċedura, l-ewwel għażla apparentement tkun twassal ukoll, fil-prattika, għall-istess riżultat prattiku f’dan il-każ.

104. Finalment, nifhem li l-unika spejjeż involuti huma l-ispejjeż tal-Bord, li hija entità pubblika u ttrattata bħala parti mill-Istat Membru (60). Għaldaqstant, ma għandux ikun hemm kwistjoni għal V. Klohn sabiex jinvoka r-regola TTP kontra individwi privati (f’dan il-każ l-intervenjenti, il-kumpannija li ser tibni l-faċilità). Għaldaqstant, mhux ser nidħol fid-dettall fuq dak il-punt hawnhekk. Madankollu, għandu jitfakkar (61) li, sa fejn ir-regola TTP hija kkunsidrata li għandha effett dirett, l-effett dirett tagħha ma setax jiġi invokat kontra individwu privat. Min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi japplika fir-relazzjonijiet bejn individwi privati u jista’ potenzjalment iwassal sabiex individwi privati oħra li jkollhom jaqsmu magħhom il-piż tal-ispejjeż (62). Din tikkostitwixxi raġuni oħra sabiex tkun ippreferuta t-tieni għażla proposta iktar ’il fuq, li tirrispetta iktar l-aspettattivi tal-partijiet (63). Barra minn hekk, kif issemma fil-punt 74 iktar ’il fuq, fil-kuntest tat-tieni domanda, dak differenza fl-impatt fuq l-individwi privati hija raġuni oħra sabiex issir distinzjoni bejn effett dirett u interpretazzjoni konformi.

105. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju tkun is-segwenti:

“F’każijiet bħalma huwa dak ta’ quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rekwiżit li jinsab fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 li l-ispejjeż tal-proċeduri ma jkunux “[jiswew] tant li [j]kun[u] projbittiv[i]” jista’ jiġi invokat fir-rigward ta’ spejjeż inkorsi mill-bidu tal-ewwel stadju diskret tal-proċedura li jiġi wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni, jiġifieri, wara deċiżjoni meħuda mill-awtorità ġudizzjarja li tkun qiegħda tisma’ l-każ li jew (a) ittemm dik l-istanza jew (b) tippermetti li tkompli l-proċedura”.

D.      It-tielet domanda

106. Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, minkejja l-fatt li V. Klohn ma kkontestax id-deċiżjoni tal-ispejjeż mogħtija kontrih, u li għalhekk issa saret finali, it-Taxing Master, jew qorti li tistħarreġ id-deċiżjoni tat-Taxing Master, għandhiex l-obbligu li tapplika r-regola TTP għall-ammont finali tal-ispejjeż mogħtija kontra V. Klohn.

107. Salv għall-evalwazzjoni finali tal-qorti tar-rinviju, nikkunsidra li jew it-Taxing Master jew il-qorti li tistħarreġ id-deċiżjoni tiegħu għandha fil-fatt l-obbligu li tapplika r-regola TTP (jew bħala regola b’effett dirett jew permezz ta’ interpretazzjoni konformi, skont id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tat-tieni domanda).

108. F’dan ir-rigward, ser nibda billi nagħmel ftit osservazzjonijiet fir-rigward tal-fatti u tad-dritt nazzjonali kif ippreżentati mill-partijiet (1). Imbagħad ser nirrispondi għat-tielet domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja (2).

1.      Punti ta’ fatt u ta’ dritt nazzjonali

109. Nifhem li d-deċiżjoni li tikkundanna lil V. Klohn saret finali.

110. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza l-importanza tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata għal raġunijiet ta’ stabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, b’mod li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jsiru definittivi wara l-eżawriment tad-drittijiet kollha ta’ appell jew wara l-iskadenza tat-termini previsti għal dawn il-kawżi ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati iktar (64). Huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna li d-dritt tal-Unjoni jkun jeżiġi li l-qorti nazzjonali ma tapplikax regoli nazzjonali ta’ proċedura li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil sentenza (65).

111. F’din il-kawża, jidher li ma hemmx tali ċirkustanzi eċċezzjonali. Madankollu, hemm numru ta’ punti differenti li għandhom jiġu nnutati.

112. L-ewwel nett, filwaqt li d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż mogħtija kontra V. Klohn tista’ tkun finali, nifhem ukoll li dik id-deċiżjoni ma ffissatx ammont speċifiku ta’ spejjeż li għandu jbati. Dak li jidher li huwa finali hija d-deċiżjoni ġudizzjarja li tgħid li l-ispejjeż huma skont l-eżitu tal-kawża. Min-naħa l-oħra, l-ammont speċifikuta’ dawn l-ispejjeż jidher miftuħ ħafna, li fil-preżent jinsab ikkontestat fil-proċeduri pendenti quddiem il-qorti nazzjonali.

113. It-tieni nett, jekk V. Klohn xtaq jikkontesta d-deċiżjoni li tikkundannah għall-ispejjeż kontrih, huwa kien ikun irid jikseb permess sabiex jagħmel dan. Barra minn hekk, tali permess jingħata biss jekk V. Klohn ikun jista’ jipprova “interess pubbliku eċċezzjonali” fl-appell. Dawn il-punti tad-dritt nazzjonali ġew ikkonfermati mill-Irlanda waqt is-seduta.

114. It-tielet nett, V. Klohn ikkonferma matul is-seduta, mingħajr ma ġie kontradett minn xi parti oħra, li huwa ma kienx jaf bil-possibbiltà ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż qabel id-deċiżjoni tat-Taxing Master, jew tal-inqas bl-abbozz ta’ deċiżjoni, li kienet disponibbli sena wara d-deċiżjoni tal-qorti li tal-ispejjeż li għandu jsostni. F’dan ir-rigward, V. Klohn indika li l-ammont tal-ispejjeż tal-Bord ordnati kontrih b’dik id-deċiżjoni kienu madwar tliet darbiet l-ispejjeż li huwa kien inkorra fil-proċedura. L-intervenjenti tidher li ma talbitx ir-rimbors tal-ispejjeż tagħha.

115. Fir-raba’ lok, V. Klohn indika li, fiż-żmien tal-kundanna tiegħu għall-ispejjeż, huwa kien konvint li r-regola TTP tiġi applikata mit-Taxing Master. V. Klohn iċċita deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, mogħtija ftit xhur qabel ma ngħatat id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż, li huwa jikkunsidra li tikkorrobora dak li sostna huwa (66). Dan l-argument huwa kkontestat b’mod partikolari mill-Irlanda, li ssostni li huwa “ċar daqs il-kristall” mill-ġurisprudenza tas-Supreme Court (il-Qorti Suprema) li t-Taxing Master ma għandux tali setgħat (67).

116. Fil-ħames lok, nifhem li t-Taxing Master għandu ċerta setgħat sabiex inaqqas l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jiġu rkuprati meta pparagunati mal-ammont tal-ispejjeż mitlub. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tikkonferma li l-Bord oriġinarjament talab madwar EUR 98 000 fi spejjeż iżda ngħataw biss bħala rimbors madwar EUR 86 000. Nifhem li l-ġustifikazzjoni għal dak it-tnaqqis fl-ammont tal-ispejjeż kienet essenzjalment ir-raġonevolezza tad-drittijiet tal-avukati, u li t-Taxing Master jikkunsidra li s-setgħat tiegħu sabiex inaqqas l-ispejjeż mogħtija ma jinkludux tnaqqis abbażi tal-fatt li l-ispejjeż ikunu jiswew tant li jkunu projbittivi.

2.      Applikazzjoni għal din il-kawża

117. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel l-evalwazzjoni finali tal-fatti u tad-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. B’dan premess, ser nindika hawn isfel l-obbligi li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni u kif jistgħu jiġu applikati abbażi ta’ kif fhimt jien il-fatti u d-dritt nazzjonali ippreżentati hawn fuq.

118. Id-Direttiva 85/337 ma tinnominax xi qorti jew korp ieħor li għandu l-kompetenza li jiżgura li tiġi applikata r-regola TTP. Għaldaqstant, bħalma jiġri b’regoli oħra tal-istess tip, din hija primarjament kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt nazzjonali (68). Madankollu, dik il-libertà tal-għażla tal-metodi u tal-mezzi intiżi sabiex jassiguraw l-implimentazzjoni tar-regola TTP ma taffettwax l-obbligu tal-Istat Membru li jadotta kull miżura neċessarja sabiex jassiguraw l-effett sħiħ tar-regola TTP b’mod konformi mal-għan imfittex minnha (69).

119. L-obbligu tal-Istat Membru sabiex jikseb ir-riżultat previst mir-regola TTP u l-obbligu tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) TUE sasbiex jadotta l-miżuri xierqa, kemm ġenerali kif ukoll partikolari, sabiex jiżgura l-osservanza ta’ dak l-obbligu huwa vinkolanti fuq il-qrati tal-Istati Membri (70) u jestendi wkoll għall-awtoritajiet nazzjonali, inkluż a fortiori dawk marbutin jew li jiffurmaw parti mill-qrati nazzjonali (71).

120. Fi kliem ieħor, il-prinċipji tas-supremazija u tal-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jorbtu lill-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, kemm ġudizzjarji kif ukoll amminstrattivi. F’dak l-isfond, hija fil-verità kwistjoni tad-dritt nazzjonali dwar liema entità speċifika hija finalment responsabbli li tiżgura li jkunu osservati dawk l-obbligi, sakemm xi ħadd jagħmel dan. Ma huwiex l-obbligu ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq id-diviżjoni interna tal-kompetenzi tal-Istat Membru f’dan ir-rigward u/jew fuq il-klassifikazzjoni kostituzzjonali tal-korpi nazzjonali, bħalma huwa t-Taxing Master.

121. Dak li jista’ jingħad b’mod ġenerali huwa dan li ġej.

122. Salv għal-limitazzjonijiet ratione temporis stabbiliti iktar ’il fuq, individwu bħalma hu V. Klohn għandu jkun jista’ jinvoka r-regola TTP quddiem il-qorti nazzjonali u quddiem l-awtoritajiet nazzjonali. Dawk il-qrati u awtoritajiet nazzjonali għandhom l-obbligu li jiżguraw ir-riżultati tal-effett dirett ta’ dik ir-regola (72) jew, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li r-regola TTP ma għandhiex effett dirett, dawk l-awtoritajiet ġudizzjarji huma obbligati, fi kwalunkwe każ, jinterpretaw id-dritt nazzjonali b’mod konformi mar-regola TTP “fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom” (73) u l-awtoritajiet nazzjonali jagħmlu dan “fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom” (74).

123. Il-kwistjoni li tibqa’, imbagħad, hija dwar jekk it-tnaqqis tal-ispejjeż li jistgħu jiġu rkuprati sabiex tiġi osservata r-regola TTP jikkostitwixxix materja li taqa’ fil-‟kompetenza” (jew “ġurisdizzjoni”) tat-Taxing Master jew tal-qorti nazzjonali li tistħarreġ id-deċiżjoni tat-Taxing Master. Dan huwa aspett ċentrali tat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju.

124. F’dan ir-rigward nikkunsidra li meta l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-awtoritajiet nazzjonali amministrattivi li japplikaw il-prinċipji tas-supremazija, tal-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni u l-obbligu li jimplimentaw l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi “fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom”, dan għandu jinftiehem bħala li jfisser li l-awtoritajiet nazzjonali iridu jagħmlu dan meta huma jkollhom is-setgħa neċessarja (fis-sens tat-tip ġeneriku ta’ kompetenza), mingħajr ma jkun hemm awtorizzazzjoni espressa sabiex jużaw is-setgħa eżistenti għall-iskop speċifiku meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni. L-effett dirett u s-supremazija, fil-fehma tiegħi, madankollu, ma jistgħux jiġu estiżi tant li jagħtu lill-awtoritajiet amministrattivi setgħa kompletament ġdida minn dik li kellhom fid-dritt nazzjonali, potenzjalment bi ksur tas-separazzjoni tal-poteri.

125. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari nifhem li t-Taxing Master għandu l-kompetenza li jnaqqas l-ispejjeż f’ċerti ċirkustanzi. Għaldaqstant, jidher li għandu tip ta’ kompetenza ġenerika li tippermetti li jitbiddel l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jiġu rkuprati. Jekk is-setgħa tat-Taxing Master li jnaqqas l-ispejjeż tistax jew le tiġi interpretata bħala li testendi għal każijiet bħal dak preżenti hija finalment kwistjoni tad-dritt nazzjonali, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina dan.

126. Fi kwalunkwe każ, sa fejn il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li t-Taxing Master ma għandux ġurisdizzjoni huwa stess, il-qorti li tistħarreġ id-deċiżjoni jrid ikollha ġurisdizzjoni.

127. Skont ġurisprudenza stabbilita, huma b’mod partikolari l-qrati nazzjonali li għandhom jassiguraw il-protezzjoni ġuridika li l-individwi jgawdu taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u li għandhom jiggarantixxu l-effett sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (75). Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandu jindika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u jistabbilixxi r-regoli proċedurali ddettaljati li jirregolaw azzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni (76).

128. Dawk ir-regoli ma jridux jagħmluha prattikament impossibbli jew wisq diffiċli li jiġu eżerċitati d-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività). In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan ir-rekwiżit fil-livell tal-Unjoni jwassal sabiex jinkiser il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (77).

129. Fil-fehma tiegħi, ikun kontra l-prinċipju ta’ effettività li jingħad li la t-Taxing Master u lanqas il-qorti nazzjonali li tistħarreġ id-deċiżjoni tiegħu ma għandhom ġurisdizzjoni sabiex japplikaw ir-regola TTP, f’każ bħalma hu dan.

130. Sabiex nasal għal din il-konklużjoni, jien nieħu inkunsiderazzjoni d-diversi elementi fattwali elenkati fit-taqsima preċedenti, li wieħed minnhom huwa fil-fehma tiegħi deċiżiv, jiġifieri li d-deċiżjoni fuq l-ammont f’ċifri tal-ispejjeż ġie ħafna wara l-iskadenza tat-terminu disponibbli għall-kontestazzjoni tad-deċiżjoni li tordna l-ispejjeż kontra V. Klohn. Dan ikun jimplika li V. Klohn, huwa u jiddeċiedi jekk jikkontestax id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż, sempliċement ma kellux aċċess għal dak li tidher li hija informazzjoni importanti ħafna: kemm jistgħu jkunu l-ispejjeż li jiġu rrimborsati? F’dan ir-rigward, infakkar li ħafna mill-argumenti tal-Bord f’dan il-każ huma bbażati fuq il-premessa li deċiżjoni sabiex tinfetaħ kawża tinvolvi analiżi informata dwar l-ispiża u l-benefiċċju, li twassal għal aspettattivi ġġustifikati. Huwa xi ftit ironiku li mbagħad jiġi argumentat li parti telliefa għandha tieħu deċiżjoni fuq jekk tikkontestax deċiżjoni li tikkundannaha għall-ispejjeż mingħajr ma tkun taf attwalment kemm hija tista’ tiġi mitluba tħallas.

131. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta għat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju kif ġej:

F’każ bħal dan li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju, meta deċiżjoni dwar l-ispejjeż ma tkunx ikkwalifikata u tkun, minħabba n-nuqqas ta’ appell, meqjusa finali u konklużiva taħt id-dritt nazzjonali; u fejn qabel l-iskadenza tat-terminu għall-appell kontra dik id-deċiżjoni, l-ammont tal-ispejjeż li jingħataw kienu mhux ikkwantifikati, id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li jew:

–        Taxing Master responsabbli taħt id-dritt nazzjonali bil-kompitu li jikkwantifika l-ammont ta’ spejjeż raġonevolment inkorsi mill-parti rebbieħa, jew

–        qorti li tintalab tistħarreġ deċiżjoni ta’ dak it-Taxing Master

għandu/ha l-obbligu li j/tapplika r-regola li għandha effett dirett, li toħroġ mill-ħames subparagrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337,, li skontha l-ispejjeż ma għandhomx irendu l-proċeduri jiswew tant li jkunu projbittivi.

V.      Konklużjoni

132. Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi magħmula mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) kif ġej:

(1)      F’każijiet bħalma huwa dak ta’ quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rekwiżit li jinsab fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (kif emendat bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003) li l-ispejjeż tal-proċeduri ma jkunux “[jiswew] tant li [j]kun[u] projbittiv[i]” jista’ jiġi invokat fir-rigward ta’ spejjeż sostnuti mill-bidu tal-ewwel stadju diskret tal-proċedura li jiġi wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni, jiġifieri, wara deċiżjoni meħuda mill-awtorità li tkun qed jisma’ l-każ li jew (a) ittemm dak l-istadju jew (b) tippermetti li tkompli l-proċedura.

(2)      Ir-rekwiżit li jinsab fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 li proċeduri ma għandhomx ikunu “jiswew tant li jkunu projbittivi” għandu effett dirett. Il-qorti nazzjonali li għandha diskrezzjoni dwar id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż kontra l-parti telliefa, fl-assenza ta’ nuqqas ta’ miżura speċifika li tkun ġiet adottata sabiex tittrasponi dik id-dispożizzjoni, hija obbligata, meta tikkunsidra d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż fi proċeduri li għalihom tapplika dik id-dispożizzjoni, tiżgura li kwalunkwe deċiżjoni mogħtija ma tirrendix il-proċeduri “jiswew tant li jkunu projbittivi”.

(3)      F’kawża bħal din li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju, meta deċiżjoni dwar l-ispejjeż ma tkunx ikkwalifikata u tkun, minħabba n-nuqqas ta’ appell, meqjusa finali u konklużiva taħt id-dritt nazzjonali; u qabel l-iskadenza tat-terminu għall-appell kontra dik id-deċiżjoni, l-ispejjeż li jingħataw ma kinux ikkwantifikati, id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li jew:

–        Taxing Master responsabbli, taħt id-dritt nazzjonali, li jikkwantifika l-ammont ta’ spejjeż raġonevolment inkorsi mill-parti rebbieħa,. jew

–        qorti li tintalab tistħarreġ deċiżjoni ta’ dak it-Taxing Master

għandu/ha l-obbligu li j/tapplika r-regola, li għandha effett dirett, li toħroġ mill-ħames subparagrafu tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337, li skontha l-ispejjeż ma għandhomx irendu l-proċeduri jiswew tant li jkunu projbittivi.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja – Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466).


3      Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248).


4      C‑427/07, EU:C:2009:457, punti 92 sa 94.


5      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/35 stabbilixxa d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha għall-ġurnata tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali.


6      C‑470/16, EU:C:2017:781, punt 33.


7      Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2018, North East Pylon Pressure Campaign and Sheehy (C‑470/16, EU:C:2018:185, punti 55 sa 58).


8      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ April 1976, Defrenne(43/75, EU:C:1976:56, punti 18 u 19) b’kuntrast mas-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709, punt 76).


9      Sentenzi tal-10 ta’ April 1984, von Colson and Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 26), u tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punti 111 sa 119). Ara wkoll is-sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 24), u tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 109).


10      Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 114).


11      Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125, punti 50 sa 52).


12      Tal-inqas fil-prinċipju, jekk wieħed iwarrab għall-mument il-kwistjonijiet iktar speċifiċi tal-portata ratione temporis ta’ dak l-obbligu u l-identifikazzjoni tal-organi/istituzzjonijiet li huma kompetenti fir-rigward ta’ kif jiġi applikat dak l-obbligu, indirizzati iktar ’l isfel b’risposta għad-domandi 1 u 3 tal-qorti tar-rinviju.


13      Ara iktar ’il quddiem, il-punti 72 sa 75.


14      Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2018, North East Pylon Pressure Campaign ans Sheehy (C‑470/16, EU:C:2018:185, punti 52 u 58).


15      Ara, f’iktar dettall, il-punti 67 sa 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet..


16      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1974, Van Duyn (41/74, EU:C:1974:133, punt 12).


17      Sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1982, Becker (8/81, EU:C:1982:7, punt 25); tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punti 56 u 57).


18      Sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 60).


19      Sentenza tal-5 ta’ Frar 1963 (26/62, EU:C:1963:1).


20      Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 1968 (13/68, EU:C:1968:54).


21      Is-sentenzi tal-5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos (26/62, EU:C:1963:1), kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 1968, Salgoil (13/68, EU:C:1968:54), kienu jikkonċernaw dazji doganali u restrizzjonijiet kwantitattivi fis-sens strett. Kien biss wara li saret neċessarja li jkun hemm spjegazzjoni tat-tieni kunċett, “miżuri li għandhom effett ekwivalenti”. Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 1969, Il-Kummissjoni vs L-Italja (24/68, EU:C:1969:29); tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville (8/74, EU:C:1974:82); tal-5 ta’ Frar 1976, Bresciani (87/75, EU:C:1976:18); u tal-24 ta’ Novembru 1982, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (249/81, EU:C:1982:402).


22      F’dan il-kuntest, id-dottrina tiddistingwi bejn il-kunċetti ta’ “invocabilité d’exclusion” (litteralment, l-invokabbiltà tal-esklużjoni – jiġifieri, dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija ċara biżżejjed sabiex tipprekludi l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali konfliġġenti) u l-“invocabilité de substitution” (litteralment l-invokabbiltà tas-sostituzzjoni (ta’ regola tal-Unjoni) – jiġifieri, dritt mogħti mid-dritt tal-Unjoni, li huwa ddefinit b’mod sħiħ biżżejjed sabiex jissostitwixxi r-regola nazzjonali eżistenti). Ara Prechal, S., “Member State Liability and Direct Effect: What’s the Difference After All?” European Business Law Review, Vol17, 2006, p. 304. F’dak il-qafas teoretiku, hemm “invokabbiltà ta’ esklużjoni” meta regola tal-Unjoni tipprojbixxi ċerti azzjonijiet u tintuża sabiex ma tiġix applikata liġi nazzjonali F’tali każijiet, il-limitu tal-effett dirett jidher li huwa iktar baxx. Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Linster (C‑287/98, EU:C:2000:3, punt 57).


23      Sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, Carbonari et (C‑131/97, EU:C:1999:98).


24      Sentenza tat-8 ta’ April 1976, Defrenne (43/75, EU:C:1976:56, punti 30 sa 37).


25      Sentenza tat-8 ta’ April 1976, Defrenne (43/75, EU:C:1976:56, punt 39).


26      Ara f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trabucchi fil-kawża Defrenne (43/75, EU:C:1976:39, dispożittiv). Fl-ewwel lok, ġew diskussi l-kunċetti indeterminati f’dik id-dispożizzjoni kienu diskussi. Ġie nnutat li d-dispożizzjoni inkwistjoni hija indirizzata b’mod ċar lill-Istati Membri. Madankollu, l-Avukat Ġenerali wasal għall-konklużjoni li f’dik id-dispożizzjoni iktar wiesgħa, hemm tifsira iktar limitata. Huwa identifika dik it-tifsira bħala “remunerazzjoni fis-sens strett tal-kelma u ma’ xogħol li ma huwiex sempliċiment simili iżda identiku” u kkonstata li għandha effett dirett.


27      Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1974, Van Duyn (41/74, EU:C:1974:133, punt 6).


28      Sentenza tad-19 ta’ Jannar 1982, Becker (8/81, EU:C:1982:7, punti 28 sa 30).


29      Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1974, Van Duyn (41/74, EU:C:1974:133, punti 7 u 13). Ara wkoll is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveldet (C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 59); tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 64); u tal-21 ta’ Marzu 2013, Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203, punti 29 u 31).


30      Ara rispettivament, is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90, EU:C:1991:428, punt 19); tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 17); kif ukoll tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 35).


31      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster (C‑287/98, EU:C:2000:468, punt 37): “Din il-marġni ta’ diskrezzjoni, li Stat Membru jista’ jeżerċita meta jittrasponi dik id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali, ma tipprekludix stħarriġ ġudizzjarju dwar il-kwistjoni jekk l-awtoritajiet nazzjonali eċċedewhiex” (enfasi miżjuda)


32      Sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 17). Ara wkoll Skouris, V., “Effet Utile Versus Legal Certainty: The Case-law of the Court of Justice on the Direct Effect of Directives”, European Business Law Review, Vol. 17, 2006, p. 282, fejn l-inkundizzjonalità hija deskritta bħala dawk id-dispożizzjonijiet li ma jħallux marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri dwar jekk, meta u kif jilleġiżlaw.


33      Barra minn hekk, dan huwa ċar mis-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos (C‑260/11, EU:C:2013:221). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ppruvatx tesprimi b’mod assolutail-kunċett ta’ spiża “tant li tkun projbittiva” u eskludiet ukoll l-approwċ ibbażat fuq rikorrenti “medji”. Minflok, hija indikat lista (mhux eżawrjenti) tal-elementi l-iktar rilevanti li għandhom jiġu kkunsidrati meta tiġi applikata r-regola – ara s-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos (C‑260/11, EU:C:2013:221, punti 40 sa 43).


34      Sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013 (C‑244/12, EU:C:2013:203).


35      Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punti 105 sa 134) fir-rigward tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”.


36      Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ dan il-każ, dan huwa b’kuntrast ċar mas-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑543/14, EU:C:2016:605, punt 50), diskussa iktar ’il quddiem fil-punti 57 sa 65.


37      Fil-fehma tiegħi, dak jiddistingwi b’mod ċar din il-kawża minn dak ikkunsidrat fis-sentenza tal-Irish High Court (il-Qorti l-Għolja, l-Irlanda) fis-sentenza Friends of the Curragh Environment Ltd v An Bord Pleanála [2009] 4 IR 451, iċċitata mill-Irlanda, fejn ġie deċiż li l-Artikolu 10a ma kellux effett dirett. Nifhem li f’dik il-kawża r-rikorrenti talab effettivament fi stadju bikri fil-kawża li tingħata deċiżjoni dwar l-ispejjeż li tgħid li huwa ma jkollu jħallas xejn mill-ispejjeż tal-konvenut. Jien naqbel mal-konklużjoni finali li r-regola TTP ma għandhiex effett dirett fis-sens li tiggarantixxi litintuża għodda proċedurali partikolari sabiex tiżgura li l-ispejjeż ma jkunux projbittivi. Fi kliem ieħor, kien hemm diskrezzjoni sinjifikattiva fir-rigward tal-“kif”.


38      Sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016 (C‑543/14, EU:C:2016:605).


39      Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2018 (C‑470/16, EU:C:2018:185, punt 52), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-assenza ta’ effett dirett tal-Artikolu 9(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus billi rreferiet għas-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Ordre des barreaux francophones u germanophone et (C‑543/14, EU:C:2016:605), bħala preċedent, mingħajr ma żviluppat iktar il-punt.


40      Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).


41      Sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑543/14, EU:C:2016:605, punti 50 u 53 sa 54).


42      Ara wkoll is-sentenzi tal-5 ta’ Frar 1976, Conceria Bresciani (87/75, EU:C:1976:18); tat-30 ta’ Settembru 1987,Demirel (12/86, EU:C:1987:400);kif ukoll tal-11 ta’ Mejju 2000, Savas(C‑37/98, EU:C:2000:224).


43      Ukoll wara li jitwarrab l-aspett ratione temporis.


44      Sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016 (C‑543/14, EU:C:2016:605,punt 50).


45      Ara l-punt 31 iktar ’il fuq.


46      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneleret (C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 110).


47      Sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313, punti 18 sa 20), u tal-10 ta’ Ottubru 2017, Farrell (C‑413/15, EU:C:2017:745, punti 22 sa 29).


48      Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584). Nagħmel dan il-punt bl-intiża li qorti nazzjonali, fl-istess kawża, tapplika soluzzjoni waħda jew oħra iżda mhux it-tnejn li huma. Fi kliem ieħor, min-naħa waħda, hija ma tikkonfermax l-effett dirett tar-regola TTP kontra l-Istat Membru u, min-naħa l-oħra, tiċħad l-applikazzjoni orizzontali kontra individwu privat ieħor filwaqt li timponi effettivament preċiżament l-istess obbligu fuq dan tal-aħħar permezz tal-interpretazzjoni konformi.


49      Ara s-sentenza tas-26 ta’ Settembru 1996, Arcaro (C‑168/95, EU:C:1996:363, punt 42) li madankollu tidher li hija limitata għall-kamp tad-dritt kriminali u l-impożizzjoni ta’ responsabbiltà kriminali bħala l-konsegwenza tal-interpretazzjoni konformi. Ara, pereżempju, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2007, Kofoed (C‑321/05, EU:C:2007:408, punt 45). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Kofoed (C‑321/05, EU:C:2007:86, b’mod partikolari l-punt 65), li jikkonferma b’mod ċar li “id-dritt Komunitarju jista’ jiġi applikat permezz tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, jiġifieri b’mod indirett b’dannu għal individwu”.


50      Ara wkoll il-punt 104 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


51      Sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C-48/93, EU:C:1996:79, punt 56).


52      Jien apposta użajt il-vokabolarju “invokata” hawnhekk. L-ewwel domanda tiffoka biss fuq id-dimensjoni ratione temporis. Il-mod preċiż li bih ir-regola tiġi invokata (l-effett dirett jew l-interpretazzjoni konformi) hija ttrattata b’risposta għat-tieni domanda.


53      Sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumiet (212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270, punt 9); tas-6 ta’ Lulju 1993, CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni(C‑121/91 u C‑122/91, EU:C:1993:285, punt 22); u tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 47).


54      Sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2010, Monsanto Technology (C‑428/08, EU:C:2010:402, punt 66), u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieuet (C‑266/09, EU:C:2010:779, punt 32). Ara wkoll is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1986, Licata vs KES(270/84, EU:C:1986:304, punt 31), kif ukoll tas-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C‑162/00, EU:C:2002:57, punt 50).


55      Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013 (C‑72/12, EU:C:2013:712).


56      Sentenza tal-11 ta’ April 2013 (C‑260/11, EU:C:2013:221).


57      Sentenzi tas-26 ta’ Settembru 1996, Data Delecta u Forsberg (C‑43/95, EU:C:1996:357, punt 15), kif ukoll tat-2 ta’ Ottubru 1997, Saldanha u MTS (C‑122/96, EU:C:1997:458, punti 16 sa 17).


58      Jiġifieri, fil-prinċipju l-garanzija għall-ispejjeż tintilef biss jekk il-parti li tressaq il-garanzija titlef il-każ fuq il-mertu. Il-kwistjoni f’dawk il-kawżi kienet pjuttost waħda dwar diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità fir-rekwiżit tal-garanzija għall-ispejjeż.


59      Ara b’mod iktar ġenerali fuq l-applikazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri l-ġodda għall-każijiet pendent fid-data tal-adeżjoni, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Nemec (C‑256/15, EU:C:2016:619, fil-punti 27 sa 44).


60      Fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47 iktar ’il fuq.


61      Ara, iktar ’il fuq, il-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


62      Ukoll billi sempliċement tobbliga lil kull parti, inkluż parti intervenjenti, tbati l-ispejjeż tagħha stess indipendentement mill-eżitu tat-tiwlima fil-mertu, qabel l-adozzjoni ta’ regola ċara f’dan is-sens fid-dritt nazzjonali.


63      Ma neskludix li, f’tali każ, l-aspettattivi leġittimi jiġu fil-fatt ikkunsidrati mill-qorti nazzjonali bħala li jipprekludu interpretazzjoni konformi, fid-dawl ta’ regola TTP mhux trasposta, li timponi obbligi finanzjarji fuq individwu privat involut f’kawża.


64      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen (C‑505/14, EU:C:2015:742, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


65      Sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz (C‑453/00, EU:C:2004:17, punt 28), u tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini (C‑119/05, EU:C:2007:434, punt 63). Ipparaguna ma’ dak li jista’ jingħad fir-rigward tal-approċċ ġenerali fis-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269, punti 46 u 47), kif ukoll tas-16 ta’ Marzu 2006, Kapferer (C‑234/04, EU:C:2006:178, punt 21).


66      Sentenza tal-21 ta’ Novembru 2007 tal-High Court (Il-Qorti Għolja, l-Irlanda), Kavanagh ‑v‑ Ireland & ors ([(2007) IEHC 389, Kawża Nru 2007/1269 P).


67      Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-qorti sabiex V. Klohn ibati l-ispejjeż (mogħtija fl-2008) ingħatat qabel is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑427/07, EU:C:2009:457), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Irlanda kienet naqset milli tittrasponi r-regola TTP. Il-legalità (L-illegalità) tar-regoli nazzjonali fuq l-ispejjeż tidher li hija element importanti li kien ikkonfermat biss wara l-iskadenza tat-terminu sabiex tiġi kkontestata d-deċiżjoni ta’ kundanna għall-ispejjeż.


68      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 39).


69      Sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 40).


70      Sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 98).


71      Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo (103/88, EU:C:1989:256, punti 30 sa 33).


72      Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo (103/88, EU:C:1989:256, punt 31).


73      Sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 99).


74      Sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 1990, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni(C‑8/88, EU:C:1990:241, punt 13); tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz (C‑453/00, EU:C:2004:17, punt 20); tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter (C‑2/06, EU:C:2008:78, punt 34).


75      Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 111).


76      Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral (33/76, EU:C:1976:188, punt 5); tas-16 ta’ Diċembru 1976, Comet (45/76, EU:C:1976:191, punt 13); tal-14 ta’ Diċemrbu 1995, Peterbroeck (C‑312/93, EU:C:1995:437, punt 12); tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 39); tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et (C‑222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318, punt 28); kif ukoll tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 44).


77      Sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punti 46 u 48).