Language of document : ECLI:EU:C:2014:281

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

30 ta’ April 2014 (*)

“Artikolu 56 TFUE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 15 sa 17, 47 u 50 — Libertà professjonali u dritt għax-xogħol, il-libertà tal-intrapriża, dritt għall-proprjetà, dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, prinċipju ta’ ne bis in idem — Artikolu 51 — Kamp ta’ applikazzjoni — Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni restrittiva ta’ Stat Membru — Sanzjonijiet amministrattivi u kriminali — Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali — Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑390/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Unabhängiger Verwaltungssenat des Landes Oberösterreich (li saret Landesverwaltungsgericht Oberösterreich, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2012, li wasslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Awwissu 2012, fil-proċeduri mressqa minn

Robert Pfleger,

Autoart as,

Mladen Vucicevic,

Maroxx Software GmbH,

Hans-Jörg Zehetner,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Ġunju 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Vucicevic, minn A. Rabl u A. Auer, avukati,

–        għal Maroxx Software GmbH, minn F. Wennig u F. Maschke, avukati,

–        għal M. Zehetner, minn P. Ruth, avukat,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck, avukat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u C. Wissels, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes kif ukoll minn A. Silva Coelho u P. de Sousa Inês, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u I. Rogalski, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, fis-seduta tal-14 ta’ Novembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, kif ukoll tal-Artikoli 15 sa 17, 47 u 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawżi mressqa minn R. Pfleger, Autoart as (iktar ’il quddiem “Autoart”), M. Vucicevic, Maroxx Software GmbH (iktar ’il quddiem “Maroxx”) u M. Zehetner dwar sanzjonijiet amministrattivi ddikjarati fil-konfront tagħhom minħabba użu ta’ magni tal-logħob mingħajr permess.

 Il-kuntest ġuridiku Awstrijak

 Il-liġi federali dwar il-logħob tal-ażżard

3        Il-liġi federali tat-28 ta’ Novembru 1989 dwar il-logħob tal-ażżard (Glücksspielgesetz, BGBl. 620/1989), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“GSpG”), tipprovdi fl-Artikolu 2 tagħha, intitolat “Lotteriji”:

“(1)       Il-lotteriji huma logħob tal-ażżard

1.       li huma installati, organizzati, offerti jew imqiegħda għad-dispożizzjoni minn operatur

2.       li permezz tagħhom ġugaturi jew persuni oħra jħallsu l-flus (ġugata) fil-kuntest tal-parteċipazzjoni fil-logħba u

3.       li għalihom l-operatur, il-ġugaturi u persuni oħra jistennew ħlas fi flus (rebħ).

(2)      Operatur huwa persuna li twettaq b’mod indipendenti attività stabbli sabiex tirċievi dħul li ġej mill-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard, anki jekk din l-attività ma tkunx imfassla biex tiġbor profitt. Meta diversi persuni, billi jagħtu kunsens bejniethom, joffru f’post determinat servizzi parzjali biex jorganizzaw logħob tal-ażżard bi ħlas fi flus fis-sens tal-punti 2 u 3 tal-paragrafu 1 iktar ’il fuq, il-persuni kollha li jipparteċipaw direttament fl-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard jiġu kkunsidrati bħala operaturi, anki jekk huma ma jkollhom ebda intenzjoni li jirċievu dħul u dawk li sempliċement jipparteċipaw fl-installazzjoni, fl-organizzazzjoni jew fl-offerta tal-logħob tal-ażżard.

(3)       Teżisti lotterija bil-magni tal-logħob meta d-deċiżjoni dwar l-eżitu tal-logħba jittieħed mhux b’mod ċentrali, iżda b’mekkaniżmu mekkaniku jew elettroniku li jinsab fil-magna tal-logħob innifisha. [...]

(4)       Il-lotteriji pprojbiti huma lotteriji li għalihom ma ngħatat ebda permess jew awtorizzazzjoni fuq il-bażi ta’ din il-liġi federali u li ma humiex esklużi mill-monopolju tal-Istat Federali dwar il-logħob tal-ażżard previst fl-Artikolu 4.”

4        Skont l-Artikolu 3 tal-GSpG, intitolat, “Monopolju tal-logħob tal-ażżard”, id-dritt tal-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard huwa rriżervat għall-Istat Federali.

5        Madankollu, skont l-Artikolu 5 tal-GSpG, il-lotteriji bil-magni tal-logħob huma rregolati mid-dritt tal-Länder. Barra minn hekk, dan l-artikolu jipprovdi li kull wieħed mid-disa’ Länder jista’ jittrasferixxi, permezz ta’ permess lil terzi, d-dritt li jiġu organizzati lotteriji bil-magni tal-logħob, fl-osservanza mill-intervenjenti tar-rekwiżiti minimi fil-qasam tal-ordni pubbliku li huma stabbiliti hemm u fl-osservanza ta’ miżuri speċifiċi ta’ akkumpanjament fil-qasam tal-protezzjoni tal-ġugaturi. Tali lotteriji, magħrufa bħala “logħob tal-ażżard bi ftit flus”, jistgħu jiġu organizzati jew fis-swali tal-magni tal-logħob, b’minimu ta’ għaxar u massimu ta’ 50 magna tal-logħob, b’ġugata massima ta’ EUR 10 u b’rebħ massimu ta’ EUR 10 000 għal kull logħba, jew inkella taħt forma ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni separata tal-magni tal-logħob, b’massimu ta’ tliet magni tal-logħob, b’ġugata massima ta’ EUR 1 u b’rebħ massimu ta’ EUR 1 000 għal kull logħba, filwaqt li n-numru ta’ awtorizzazzjonijiet għall-użu tal-magni tal-logħob għall-perijodu massimu ta’ ħmistax-il sena ma jistax jaqbeż tlieta għal kull Land.

6        L-Artikolu 52 tal-GSpG, intitolat, “Dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet amministrattivi”, jipprovdi:

“(1)      Iwettaq ksur amministrattiv u huwa suġġett għal multa imposta mill-awtorità amministrattiva ta’ ammont li jista’ jammonta għal EUR 22 000:

1.       kull min, għall-finijiet ta’ parteċipazzjoni mit-territorju nazzjonali, jinstalla, jorganizza jew iqiegħed għad-dispożizzjoni bħala operatur lotteriji pprojbiti fis-sens tal-Artikolu 2(4), jew jipparteċipa f’dawn tal-aħħar bħala operatur fis-sens tal-Artikolu 2(2);

[...]

(2)       Għalkemm, fil-kuntest tal-parteċipazzjoni f’lotteriji, xi ġugaturi jew persuni oħra jilagħbu ġugati ta’ iktar minn EUR 10 għal logħba, dawn tal-aħħar ma humiex ikkunsidrati bħala ammonti minimi, u, b’konsegwenza, ir-responsabbiltà possibbli li tirriżulta minn din il-liġi federali hija sussidjarja meta mqabbla ma’ dik li tirriżulta mill-Artikolu 168 tal-Kodiċi Kriminali [(Strafgesetzbuch)].

(3)      Għalkemm ksur amministrattiv fis-sens tal-paragrafu 1 iktar ’il fuq ma jitwettaqx fit-territorju nazzjonali, huwa jitqiesu bħala li twettaq f’post li minnu l-parteċipazzjoni fit-territorju nazzjonali ssir.

(4)      Il-parteċipazzjoni f’lotteriji elettroniċi li għalihom ma ngħata ebda permess mill-Ministru Federali tal-Finanzi hija ssanzjonata meta l-ġugati neċessarji jkunu tħallsu mit-territorju nazzjonali. Il-ksur ta’ din il-projbizzjoni huwa ssanzjonat, jekk jitwettaq intenzjonalment, b’multa li tista’ tammonta għal EUR 7 500 u, f’każijiet oħra, b’multa li tista’ tammonta għal EUR 1 500.

[...]”

7        Skont l-Artikoli 53, 54 u 56a tal-GSpG, din il-kompetenza tal-amministrazzjoni biex tiddikjara sanzjonijiet hija akkumpanjata minn prerogattivi wiesgħa fil-qasam tal-miżuri ta’ sigurtà intiżi li jipprevjenu ksur ieħor tal-monopolju tal-logħob tal-ażżard fis-sens tal-Artikolu 3 tal-GSpG. Dawn il-prerogattivi jikkonsistu fil-qbid provviżorju jew definittiv tal-magni tal-logħob u ta’ oġġetti oħra tal-intervent, fil-konfiska tagħhom u sussegwentement fid-distruzzjoni tagħhom u fl-għeluq tal-istabbiliment li fih dawn il-magni jkunu saru disponibbli għall-pubbliku, kif huwa previst rispettivament fl-Artikoli 53(1) u (2), 54(1) u (3), u 56a tal-GSpG.

 Il-Kodiċi Kriminali

8        Minbarra sanzjonijiet amministrattivi li jistgħu jingħataw abbażi tal-GSpG, l-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard għall-profitt minn persuna li ma hijiex detentur ta’ permess hija wkoll suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali fl-Awstrija. Huwa punibbli, skont l-Artikolu 168(1) tal-Kodiċi Kriminali “kull min jorganizza logħba formalment ipprojbita jew li r-rebħ jew it-telf tagħha jiddependu esklużivament jew prinċipalment mix-xorti, jew kull min jikkontribwixxi biex issir laqgħa bil-għan li jiġi organizzat tali logħob sabiex jibbenefika finanzjarjament minn din l-organizzazzjoni jew minn din il-laqgħa jew sabiex jikseb tali benefiċċju lil terzi”. Is-sanzjonijiet previsti huma piena ta’ priġunerija li tista’ tammonta għal sitt xhur jew multa kuljum sa massimu ta’ 360 jum. Skont l-Artikolu 168(2) ta’ dan il-kodiċi huwa suġġett għal dawn l-istess sanzjonijiet “kull min jipparteċipa f’dan il-logħob bħala operatur”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li, fl-oriġini ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, jinsabu erba’ kawżi li huma pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju li għandhom komuni l-fatt li, wara l-kontrolli mwettqa f’diversi postijiet fl-Oberösterreich, magni tal-logħob użati mingħajr awtorizzazzjoni u li servew għall-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard ipprojbit abbażi tal-GSpG ġew maqbuda b’mod provviżorju.

10      Fil-kuntest tal-ewwel kawża prinċipali, fid-29 ta’ Marzu 2012, aġenti eżekuttivi tal-pulizija tal-finanzi wettqu kontroll fl-istabbiliment “Cash-Point”, li jinsab f’Perg (l-Awstrija), u wara dan il-kontroll, sitt magni li ma kellhomx awtorizzazzjoni amministrattiva ġew maqbuda provviżorjament. Fit-12 ta’ Ġunju 2012, il-Bezirkshauptmannschaft (awtorità amministrattiva distrettwali) ta’ Perg adottat deċiżjonijiet li jikkonfermaw il-qbid provviżorju kontra R. Pfleger, bħala organizzatur ta’ logħob tal-ażżard illegali, u kontra Autoart, stabbilita fir-Repubblika Ċeka, bħala l-allegata proprjetarja tal-magni maqbuda.

11      Fil-kuntest tat-tieni kawża prinċipali, fit-8 ta’ Marzu 2012, aġenti eżekuttivi tal-pulizija tal-finanzi wettqu kontroll fl-istabbiliment SJ-Bet Sportbar, li jinsab f’Wels (l-Awstrija) u wara dan il-kontroll, tmien magni li ma kellhomx awtorizzazzjoni amministrattiva ġew maqbuda provviżorjament. Fl-4 ta’ Lulju 2012, il-Bundespolizeidirektion (id-direttorat tal-pulizija federali) ta’ Wels adottat kontra M. Vucicevic, ċittadin Serb, l-allegat proprjetarju ta’ tnejn minn tmien magni maqbuda, deċiżjoni li tikkonferma l-qbid provviżorju.

12      Fil-kuntest tat-tielet kawża prinċipali, fit-30 ta’ Novembru 2010, aġenti eżekuttivi tal-pulizija tal-finanzi wettqu kontroll f’stazzjon ta’ servizzi f’Regau (l-Awstrija) u, wara dan il-kontroll, żewġ magni tal-logħob li ma kellhomx awtorizzazzjoni amministrattiva u li jappartjenu lil Maroxx, kumpannija rregolata mid-dritt Awstrijak, ġew maqbuda provviżorjament. Fis-16 ta’ Diċembru 2010, il-Bezirkshauptmannschaft de Vöcklabruck adottat kontra J. Baumeister, ċittadina Ġermaniża, operatriċi tal-imsemmi stazzjon ta’ servizzi u operatur fis-sens tal-GSpG, deċiżjoni li tikkonferma l-qbid provviżorju. Il-qorti tar-rinviju ċaħdet bħala tardiv l-appell ta’ J. Baumeister minn din id-deċiżjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Mejju 2012, il-Bezirkshauptmannschaft de Vöcklabruck ordnat ukoll il-konfiska taż-żewġ magni maqbuda.

13      Fil-kuntest tar-raba’ kawża prinċipali, fit-13 ta’ Novembru 2010, aġenti eżekuttivi tal-pulizija tal-finanzi wettqu kontroll f’stazzjon ta’ servizzi f’Enns (l-Awstrija) u, wara l-imsemmi kontroll, tliet magni tal-logħob li ma kellhomx awtorizzazzjoni amministrattiva ġew maqbuda provviżorjament. Deċiżjoni li tikkonferma l-qbid ġiet adottata mill-Bezirkshauptmannschaft de Vöcklabruck kontra l-proprjetarja tal-magni, Maroxx.

14      Permezz tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2012, l-imsemmija awtorità imponiet fuq l-operatur tal-istazzjon ta’ servizzi, H.-J. Zehetner, ċittadin Awstrijak, multa ta’ EUR 1 000 li tista’ tissarraf f’piena ta’ priġunerija ta’ ħmistax-il siegħa fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas u, permezz ta’ din id-deċiżjoni, imponiet fuq il-proprjetarja u kerrejja tal-magni, Maroxx, multa ta’ EUR 10 000, li tista’ tiġi ssostitwita minn piena ta’ priġunerija ta’ 152 siegħa.

15      Dawn id-deċiżjonijiet kollha kienu s-suġġett ta’ appelli ppreżentati quddiem il-qorti tar-rinviju.

16      Skont din il-qorti, l-awtoritajiet Awstrijaċi ma wrewx, fis-sens tas-sentenza Dickinger u Ömer (C‑347/09, EU:C:2011:582), li l-kriminalità u/jew il-vizzju tal-logħob kienu jikkostitwixxu effettivament, matul il-perijodu inkwistjoni, problema kunsiderevoli. Dawn l-awtoritajiet lanqas ma wrew li l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-protezzjoni tal-ġugaturi, u mhux is-sempliċi żieda fid-dħul tal-Istat, kienu jikkostitwixxu l-għan reali tas-sistema tal-monopolju tal-logħob tal-ażżard. Hija tikkunsidra wkoll li “spejjeż kolossali ta’ reklamar” jitwettqu fil-kuntest ta’ kampanja “aggressiva”, b’tali mod li l-politika kummerċjali tad-detenturi ta’ dan il-monopolju ma hijiex limitata għal espansjoni kkontrollata akkumpanjata minn reklamar moderat.

17      Il-qorti tar-rinviju tqis b’hekk li s-sistema legali analizzata f’dan il-każ, eżaminata fl-intier tagħha, ma hijiex ta’ natura li tiżgura l-koerenza meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Carmen Media Group, C‑46/08, EU:C:2010:505, punti 69 u 71) u li, għaldaqstant, ma hijiex kompatibbli mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE.

18      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha, madankollu, tqis li l-Artikolu 56 TFUE u l-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta ma jipprekludux, għar-raġunijiet sostnuti preċedentement, tali leġiżlazzjoni nazzjonali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 56 TFUE u l-Artikoli 15 sa 17, 47 u 50 tal-Karta ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali abbażi ta’ liema l-kunċett ta’ operatur, bħala persuna potenzjalment punibbli f’każ ta’ użu ta’ magni tal-logħob mingħajr awtorizzazzjoni, huwa ddefinit b’mod wiesa’ ħafna u kkaratterizzat, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi ċari, mill-imprevedibbiltà tal-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi u kriminali.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Unabhängiger Verwaltungssenat des Landes Oberösterreich iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità li jirriżulta mill-Artikolu 56 TFUE u mill-Artikoli 15 sa 17 tal-[Karta] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet rilevanti fil-kawża prinċipali, li jinsabu fl-Artikoli 3 sa 5, 14 u 21 tal-[GSpG], li jussuġġettaw l-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard permezz ta’ magni tal-logħob għall-kundizzjoni (suġġetta għal sanzjonijiet u miżuri ta’ qbid) tal-għoti minn qabel ta’ permess, liema awtorizzazzjonijiet huma disponibbli f’numru limitat, billi sa issa, l-Istat apparentement qatt ma wera fi proċeduri kriminali jew amministrattivi li l-kriminalità u/jew il-vizzju tal-logħob fil-fatt jikkostitwixxu problema sinjifikattiva li tista’ biss tiġi rrimedjata mhux permezz ta’ espansjoni kkontrollata tal-attivitajiet tal-logħob awtorizzati lil numru ta’ fornituri individwali, iżda biss mill-espansjoni kkontrollata tad-detentur ta’ monopolju (jew ta’ numru żgħir ħafna ta’ fornituri f’oligopolija), flimkien ma’ reklamar moderat?

2)      Fil-każ fejn l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva: il-prinċipju ta’ proporzjonalità li jirriżulta mill-Artikolu 56 TFUE u mill-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tirriżulta mill-Artikoli 52 sa 54 u 56a tal-GSpG u mill-Artikolu 168 tal-[Kodiċi Kriminali], li permezz ta’ kunċetti legali impreċiżi jwasslu sabiex ikun hemm responsabbiltà kriminali sħiħa, ukoll fir-rigward ta’ persuni (bħal sempliċi distributuri jew kerrejja ta’ magni tal-logħob) li jkunu involuti mill-bogħod ħafna (possibilment stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea)?

3)      Fil-każ li t-tieni domanda tingħata wkoll risposta negattiva: ir-rekwiżiti ta’ demokrazija u ta’ Stat ta’ dritt, li fuqhom huwa manifestament ibbażat l-Artikolu 16 tal-Karta, u/jew ir-rekwiżiti ta’ ekwità u ta’ effiċjenza li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta, u/jew l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta mill-Artikolu 56 TFUE, u/jew id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat taħt l-Artikolu 50 tal-Karta, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fl-Artikoli 52 sa 54 u 56a tal-GSpG u fl-Artikolu 168 tal-[Kodiċi Kriminali], billi, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva ċara, id-delimitazzjoni reċiproka bejn dawn id-dispożizzjonijiet hija diffiċilment prevedibbli u determinabbli ex ante għaċ-ċittadini u din tista’ biss tiġi ċċarata f’kull każ partikolari permezz ta’ proċess formali elaborat, u li differenzi estensivi fil-qasam tal-kompetenza (tal-awtorità amministrattiva jew qorti), ta’ prerogattivi għal intervent, tal-istigma li hija konnessa magħhom u mal-istatus proċedurali (pereżempju fir-rigward tal-inverżjoni tal-oneru tal-prova)?

4)      Fil-każ li waħda minn dawn l-ewwel tliet domandi tingħata risposta affermattiva: l-Artikolu 56 TFUE u/jew l-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta u/jew l-Artikoli 50 tal-Karta, jipprekludu li jiġu ssanzjonati persuni li jkollhom rabta mill-qrib ma’ magna tal-logħob (imsemmija fl-Artikolu 2(1)(1) u fl-Artikolu 2(2) tal-GSpG) u/jew jipprekludu qbid jew konfiska ta’ dawn il-magni u/jew l-għeluq tal-impriża ta’ tali persuni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

20      Il-Gvern Awstrijak iqajjem in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja billi jqis li d-domandi magħmulin jikkonċernaw sitwazzjoni purament interna u ma jippreżentaw ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni ġaladarba, f’dan il-każ, element transkonfinali ma jistax jiġi identifikat.

21      F’dan ir-rigward, huwa minnu li, f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, jekk l-elementi kollha fil-kawża prinċipali huma limitati għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss, għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din l-aħħar dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Duomo Gpa et, C‑357/10 sa C‑359/10, EU:C:2012:283, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

22      Madankollu, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, fit-12 ta’ Ġunju 2012, l-awtorità amministrattiva distrettwali ta’ Perg adottat deċiżjonijiet li jikkonfermaw il-qbid provviżorju inkluż fil-konfront ta’ Autoart, bħala l-allegata proprjetarja tal-magni maqbuda.

23      L-eżistenza ta’ Autoart, stabbilita fir-Repubblika Ċeka, fil-kuntest tal-kawża prinċipali turi għaldaqstant li, fi kwalunkwe każ, dawn il-kawżi ma jikkonċernawx sitwazzjoni purament interna.

24      Għaldaqstant hemm lok li jiġi meqjus li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula.

 Fuq l-ammissibbiltà

25      Il-Gvern Awstrijak jikkunsidra wkoll li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli peress li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tesponix b’mod suffiċjenti l-kuntest fattwali biex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi risposta utli.

26      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest legali u fattwali li għandhom jiġu ddefiniti taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega s-sitwazzjonijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha barra minn dan tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tikkunsidra neċessarju li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Mulders, C‑548/11, EU:C:2013:249, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Issa, f’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi deskrizzjoni suffiċjenti tal-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża prinċipali, u l-indikazzjonijiet ipprovduti minn dik il-qorti jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata tad-domandi magħmulin.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

 Fuq l-applikabbiltà tal-Karta

30      Il-Gvern Awstrijak, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Olandiż u l-Gvern Pollakk iqisu li l-Karta ma hijiex applikabbli fil-kuntest tal-kawżi prinċipali ladarba, fil-qasam mhux armonizzat tal-logħob tal-ażżard, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw dan il-qasam ma jirrappreżentawx implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

31      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa definit fl-Artikolu 51(1) ta’ din tal-aħħar, li jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 17).

32      Dak l-artikolu tal-Karta b’hekk jikkonferma l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-punt sa liema l-azzjoni tal-Istati Membri għandha tkun konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali żgurati mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza Åkerberg Fransson, EU:C:2013:105, punt 18).

33      Fil-fatt, jirriżulta essenzjalment, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet. Huwa minħabba f’hekk li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret diġà li hija ma tistax tevalwa, fid-dawl tal-Karta, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tifformax parti mill-qafas tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u l-Qorti tal-Ġustizzja ssirilha talba għal deċiżjoni preliminari, hija għandha tagħti l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha meħtieġa għall-evalwazzjoni, min-naħa tal-qorti nazzjonali, tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiggarantixxi r-rispett tagħhom (sentenza Åkerberg Fransson, EU:C:2013:105, punt 19).

34      Peress li d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta għandhom, konsegwentement, jiġu rrispettati meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma jistax ikun hemm każ li jkun għalhekk jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni mingħajr ma jkunu applikabbli l-imsemmija drittijiet fundamentali. L-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni timplika dik tad-drittijiet fundamentali ggarantiti permezz tal-Karta (sentenza Åkerberg Fransson, EU:C:2013:105, punt 21).

35      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġġudikat li, meta Stat Membru jinvoka raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali biex jiġġustifika leġiżlazzjoni li hija ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, din il-ġustifikazzjoni, prevista mid-dritt tal-Unjoni, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tad-drittijiet fundamentali issa ggarantiti bil-Karta. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tkun tista’ tibbenefika mill-eċċezzjonijiet previsti biss jekk hija tikkonforma mad-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiggarantixxi r-rispett tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ERT, C‑260/89, EU:C:1991:254, punt 43).

36      Kif jirriżulta minn din il-ġurisprudenza, meta jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali hija ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju ta’ waħda jew ta’ diversi libertajiet fundamentali ggarantiti bit-Trattat, hija tista’ tibbenefika biss mill-eċċezzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni biex tiġġustifika dan l-ostakolu sa fejn dan huwa konformi mad-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiggarantixxi r-rispett tagħhom. Dan l-obbligu tal-konformità mad-drittijiet fundamentali jaqa’ b’mod ċar taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, konsegwentement, taħt dak tal-Karta. L-użu, minn Stat Membru, tal-eċċezzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni biex jiġġustifika ostakolu għal libertà fundamentali ggarantita bit-Trattat għandu, għaldaqstant, jiġi kkunsidrat, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tagħha, kif “jimplimenta d-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

37      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li jeħtieġ li tingħata risposta għal dawn id-domandi preliminari.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel domanda

38      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 56 TFUE u l-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

–       Eżami skont l-Artikolu 56 TFUE

39      Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi l-użu ta’ magni tal-logħob fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet amministrattivi, tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif iggarantita mill-Artikolu 56 TFUE (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Placanica et, C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133, punt 42).

40      Huwa madankollu xieraq li jiġi evalwat jekk tali restrizzjoni tistax tiġi ammessa bħala miżura derogatorja, minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika, espressament ipprovduti fl-Artikoli 51 TFUE u 52 TFUE, applikabbli bl-istess mod għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 62 TFUE, jew iġġustifikati, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (sentenza Garkalns, C‑470/11, EU:C:2012:505, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-restrizzjonijiet għall-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard jistgħu jkunu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħall-protezzjoni tal-konsumaturi u l-prevenzjoni mill-frodi u mill-inkoraġġiment taċ-ċittadini għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Carmen Media Group, EU:C:2010:505, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan il-każ, għal dak li jirrigwarda l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni fil-kawża prinċipali ddikjarat li tixtieq tikseb, jiġifieri l-protezzjoni tal-ġugaturi, billi tillimita l-offerta tal-logħob tal-ażżard u l-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta ma’ dan il-logħob billi tiġbor l-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard f’qafas ta’ espansjoni kkontrollata, hemm lok li jitfakkar li huma fost dawk rikonoxxuti mill-ġurisprudenza bħala li huma ta’ natura li jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali fis-settur tal-logħob tal-ażżard (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Costa u Cifone, C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni li jikkonċernawhom, kif miġjuba mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan mixtieq biss jekk verament tirrifletti l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, EU:C:2009:519, punti 59 sa 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Is-sempliċi fatt li Stat Membru jkun għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat Membru ieħor ma jistax ikollu impatt fuq l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati dwar is-suġġett. Dawn tal-aħħar għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-għanijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat u tal-livell ta’ protezzjoni li dawn ikunu jixtiequ jiżguraw (sentenza HIT u HIT LARIX, C‑176/11, EU:C:2012:454, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Fil-fatt, f’dan il-qasam partikolari tal-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard, l-awtoritajiet nazzjonali jibbenefikaw minn setgħa diskrezzjonali suffiċjenti sabiex jiddeterminaw ir-rekwiżiti għall-protezzjoni tal-konsumatur u tal-ordni pubbliku u, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jiġu osservati, huwa kull Stat Membru li għandu jevalwa jekk, fil-kuntest tal-għanijiet leġittimi li huwa jrid jilħaq, huwiex neċessarju li jipprekludi totalment jew parzjalment l-attivitajiet marbuta mal-logħob tal-ażżard jew mal-imħatri, jew biss li jillimitahom u li jipprevedi għal dan il-għan regoli ta’ kontroll xi ftit jew wisq stretti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Stoß et, C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07, EU:C:2010:504, punt 76, kif ukoll Carmen Media Group, EU:C:2010:505, punt 46).

46      Barra minn hekk, huwa paċifiku li, bil-kontra tal-istabbiliment ta’ kompetizzjoni libera u mhux distorta fi ħdan is-suq tradizzjonali, l-applikazzjoni ta’ tali kompetizzjoni fis-suq speċifiku ħafna tal-logħob tal-ażżard, jiġifieri bejn diversi operaturi li jistgħu jiġu awtorizzati jipprovdu l-istess logħob tal-ażżard, tista’ twassal għall-effett negattiv, li jiġi mill-fatt li dawn l-operaturi jkollhom jikkompetu fuq livell kreattiv biex irendu l-offerta tagħhom iktar attraenti minn dik tal-kompetituri tagħhom u, b’hekk, iżidu l-infiq tal-konsumaturi marbut mal-logħob u r-riskji ta’ vizzju ta’ dawn tal-aħħar (sentenza Stanleybet International et, C‑186/11 u C‑209/11, EU:C:2013:33, punt 45).

47      Madankollu, l-identifikazzjoni tal-għanijiet li jridu jintlaħqu b’mod effettiv mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tifforma parti, fil-kuntest ta’ kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, mill-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dickinger u Ömer, EU:C:2011:582, punt 51).

48      Barra minn hekk, hija wkoll il-qorti tar-rinviju, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet kollha pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tivverifika jekk ir-restrizzjonijiet imposti mill-Istat Membru kkonċernat jissodisfawx il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna l-proporzjonalità tagħhom (ara s-sentenza Dickinger u Ömer, EU:C:2011:582, punt 50).

49      B’mod partikolari, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura, b’mod partikolari, fid-dawl tal-modalitajiet konkreti ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni restrittiva kkonċernata, li din tirrifletti verament l-intenzjoni li jitnaqqsu l-okkażjonijiet ta’ logħob u li jiġu limitati l-attivitajiet f’dan il-qasam u li tiġi miġġielda l-kriminalità marbuta ma’ dan il-logħob b’mod koerenti u sistematiku (ara, s-sentenza Dickinger u Ömer, EU:C:2011:582, punti 50 u 56).

50      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġġudikat li huwa l-Istat Membru li jkollu l-intenzjoni li jipprevalixxi ruħu minn għan adattat sabiex jilleġittima l-ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li għandu jagħti lill-qorti msejħa sabiex tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni l-elementi kollha li jistgħu jippermettu lil din tal-aħħar li tiżgura ruħha li l-miżura msemmija tissodisfa b’mod xieraq ir-rekwiżiti derivanti mill-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara s-sentenza Dickinger u Ömer, EU:C:2011:582, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Madankollu, minn din il-ġurisprudenza ma jistax jiġi dedott li Stat Membru jkun imċaħħad mill-possibbiltà li jistabbilixxi li miżura restrittiva interna tissodisfa tali rekwiżiti, għall-unika raġuni li l-imsemmi Stat Membru ma jkunx f’pożizzjoni li jippreżenta studji li jkunu servew bħala bażi għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stoß et, EU:C:2010:504, punt 72).

52      B’hekk jirriżulta li l-qorti nazzjonali għandha twettaq evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi relatati mal-adozzjoni u l-implementazzjoni ta’ leġiżlazzjoni restrittiva, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

53      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li l-awtoritajiet nazzjonali ma wrewx li l-kriminalità u/jew il-vizzju tal-logħob kienu jikkostitwixxu effettivament, matul il-perijodu inkwistjoni, problema kunsiderevoli.

54      Barra minn hekk, din il-qorti tidher li tqis li l-għan reali tas-sistema restrittiva inkwistjoni ma huwiex il-ġlieda kontra l-kriminalità u l-protezzjoni tal-ġugaturi, iżda sempliċi żieda fid-dħul tal-Istat, filwaqt li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġġudikat, is-sempliċi għan li jiżdied id-dħul tat-Teżor pubbliku ma jistax jippermetti tali restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. (ara s-sentenza Dickinger u Ömer, EU:C:2011:582, punt 55). Din is-sistema tidher, fi kwalunkwe każ, sproporzjonata, peress li ma hijiex kapaċi li tiggarantixxi l-koerenza meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u peress li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex tilħaq l-għanijiet iddikjarati bħala dawk imfittxija.

55      Jekk din l-evalwazzjoni għandha b’mod definittiv tingħata mill-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tikkonkludi li s-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

56      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ladarba din il-leġiżlazzjoni ma tilħaqx realment l-għan tal-protezzjoni tal-ġugaturi jew tal-ġlieda kontra l-kriminalità u ma tirriflettix verament l-intenzjoni li jitnaqqsu l-okkażjonijiet ta’ logħob jew li tiġi miġġielda l-kriminalità marbuta ma’ dan il-logħob b’mod koerenti u sistematiku.

–       Eżami skont l-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta

57      Leġiżlazzjoni nazzjonali restrittiva skont l-Artikolu 56 TFUE, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ wkoll tirrestrinġi l-libertà professjonali, il-libertà tal-intrapriża u d-dritt għall-proprjetà stabbiliti fl-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta.

58      Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, sabiex tali limitazzjoni tkun ammissibbli għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Barra minn hekk, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn jissodisfaw effettivament l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

59      Issa, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 63 sa 70 tal-konklużjonijiet tagħha, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, restrizzjoni mhux iġġustifikata jew sproporzjonata għall-moviment liberu tas-servizzi skont l-Artikolu 56 TFUE lanqas ma hija ammissibbli abbażi tal-imsemmi Artikolu 52(1), meta mqabbla mal-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta.

60      B’hekk jirriżulta li, f’dan il-każ, eżami tar-restrizzjoni rrappreżentata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont l-Artikolu 56 TFUE tkopri wkoll l-eventwali restrizzjonijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet previsti fl-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta b’mod li eżami separat għalhekk ma huwiex neċessarju.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

61      It-tieni u t-tielet domandi ġew indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja biss fl-ipoteżi fejn ir-risposta għall-ewwel domanda tkun negattiva.

62      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi magħmula.

 Fuq ir-raba’ domanda

63      Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 56 TFUE u l-Artikoli 15 sa 17 u 50 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sanzjonijiet, bħal dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jinkludu l-konfiska u d-distruzzjoni ta’ magni tal-logħob u l-għeluq tal-istabbiliment li fih dawn il-magni tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

64      Issa, fil-kuntest tal-kawża prinċipali għandu jiġi enfasizzat li, meta sistema ta’ monopolju tkun ġiet stabbilita fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, u meta din is-sistema tkun inkompatibbli mal-Artikolu 56 KE, il-ksur tagħha minn operatur ekonomiku ma jkunx jista’ jkun suġġett għal sanzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Placanica et., EU:C:2007:133, punti 63 u 69). kif ukoll Dickinger u Ömer, EU:C:2011:582, punt 43).

 Fuq l-ispejjeż

65      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ladarba din il-leġiżlazzjoni ma tilħaqx realment l-għan tal-protezzjoni tal-ġugaturi jew tal-ġlieda kontra l-kriminalità u ma tirriflettix verament l-intenzjoni li jitnaqqsu l-okkażjonijiet ta’ logħob jew li tiġi miġġielda l-kriminalità marbuta ma’ dan il-logħob b’mod koerenti u sistematiku.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.