Language of document : ECLI:EU:C:2006:346

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

30 ta' Mejju 2006 (*)

"Protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali – Trasport bl-ajru – Deċiżjoni 2004/496/KE – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika – Skedarji tal-passiġġieri ta' l-ajru ttrasferiti lill-Uffiċcju tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika – Direttiva 95/46/KE – Artikolu 25 – Stati terzi – Deċiżjoni 2004/535/KE – Livell adegwat ta' protezzjoni"

Fil-kawżi magħquda C-317/04 u C-318/04,

li għandhom bħala suġġett rikorsi għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressqa fis-27 ta' Lulju 2004,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn R. Passos, N. Lorenz, H. Duintjer Tebbens u A. Caiola, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent,

sostnut minn:

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), irrappreżentat minn H. Hijmans u V. Perez Asinari, bħala aġenti,

parti intervenjenti,

vs

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn C. Giorgi Fort u M. Bishop, bħala aġenti,

konvenut fil-kawża C-317/04,

sostnut minn:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn P. J. Kuijper, A. van Solinge u C. Docksey, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentat minn M. Bethell, C. White u T. Harris, bħala aġenti, assistiti minn T. Ward, barrister, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

partijiet intervenjenti,

u vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn P. J. Kuijper, A. van Solinge, C. Docksey u F. Benyon, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fil-kawża C-318/04,

sostnuta minn:

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentat minn M. Bethell, C. White u T. Harris, bħala aġenti, assistiti minn T. Ward, barrister, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

parti intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u J. Malenovský, Presidenti ta' Awla, N. Colneric (Relatur), S. von Bahr, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta' Ottubru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta' Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tiegħu fil-kawża C-317/04, il-Parlament Ewropew qiegħed jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/496/KE, tas-17 ta' Mejju 2004, dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data tal-PNR (Passenger Name Records) mill-kumpanniji ta' l-ajru lill-Uffiċċju tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri fil-Ministeru Amerikan tas-Sigurtà Interna (ĠU L 183, p.83 u korriġendum f'ĠU 2005, L 255, p.168). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2       Permezz tar-rikors tiegħu fil-kawża C-318/04, il-Parlament qiegħed jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/535/KE, ta' l-14 ta' Mejju 2004, dwar il-livell adegwat ta' protezzjoni tad-data personali miżmuma fl-iskedarji tal-passiġġieri ta' l-ajru ttrasferiti lill-Uffiċcju tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika (ĠU L 235, p. 11, iktar 'il quddiem, id-"deċiżjoni ta' konformità"). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-kuntest ġuridiku

3       L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950 (iktar 'il quddiem il-"KEDB"), jipprovdi li:

"1      Kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tal-familja tiegħu, ta’ daru u tal-korrispondenza tiegħu.

2      Ma għandux ikun hemm indħil minn awtorità pubblika dwar l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ħlief dak li jkun skond il-liġi u li jkun meħtieġ f’soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il-ġid ekonomiku tal-pajjiż, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta’ delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor."

4       L-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 95(1) KE hija miktuba kif ġej:

"Il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 251 u wara li jikkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, jadotta l-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispo[ż]izzjonijiet stipulati bil-liġi, b'regolamenti jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern."

5       Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' l-24 ta' Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, p. 31), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta' Settembru 2003, li jadatta għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE d-dispożizzjonijiet dwar kumitati li jassistu l-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-poteri ta' implementazzjoni tagħha stabbiliti fi strumenti suġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 284, p. 1) (aktar 'il quddiem id-"Direttiva"), kienet ġiet adottata abbażi ta' l-Artikolu 100 A tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 95 KE).

6       Il-ħdax-il premessa tagħha tipprovdi li "l-prinċipji tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuna, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, li jinsabu f’din id-Direttiva, isostnu u jwessgħu dawk li jinsabu fil-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa tat-28 ta’ Jannar, 1981, għall-Protezzjoni ta’ Individwi dwar l-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali".

7       Skond it-tlettax-il premessa tad-Direttiva:

"[L]-attivitajiet [i]msemmija fit-Titoli V u VI tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat jew l-attivitajiet ta’ l-Istat fil-qasam tal-liġijiet kriminali ma jaqgħux taħt il-liġi tal-Komunità, bla ħsara għall-obbligazzjonijiet ta' l-Istati Membri skond l-Artikolu 56 (2), l-Artikolu 57 jew l-Artikolu 100a tat-Trattat […]".

8       Is-seba' u ħamsin premessa tad-Direttiva tipprovdi li:

"[…] m'għandux jitħalla jsir it-trasferiment ta’ data personali lil pajjiż terz li ma jassigurax livell tajjeb ta’ protezzjoni".

9       L-Artikolu 2 tad-Direttiva jipprovdi li:

"Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x'taqsam ma' persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista' jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

b)      ‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b'mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort'oħra jagħmlu [d-data] disponibbli[,] allin[j]ament [jew] taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

[…]"

10     Skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva:

"Skop

1.      Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.

2.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:

–       fil-kors ta' attività li ma tkunx [taqa' taħt il-]liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat ([inkluż] il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali,

[…]"

11     L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jipprovdi li:

"Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali għandu jkun:

[…]

b)      miġbur għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessat aktar b’mod li ma jkunx kompatibbli ma dawk il-finijiet. Ippoċessar iktar ta’ data għal finijiet storiċi, ta' statistika jew xjentifiċi m’għandux jitqies bħala inkompatibbli sakemm dak l-Istat Membru jagħti protezzjoni xierqa;

ċ)      ade[g]wat, rilevanti u mhux eċċessiv għall-finijiet li għalih jinġab[ar] u/jew jiġi iktar ipproċessat;

[…]

e)      miżmum b'mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret jew li għalihom tkun iktar ipproċessata.[…]"

12     L-Artikolu 7 tad-Direttiva jipprovdi li:

"Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista' jkun ipproċessat biss jekk:

[…]

ċ)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur;

[…]

         jew

e)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f'parti terza li lilha jkun żvelat id-data;

         jew

f)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet [terzi] li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta' drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1 (1)."

13     Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva:

"L-ipproċessar ta’ data dwar offiżi, kundanni kriminali jew miżuri ta’ sigurtà jista' jsir biss taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali, jew jekk tkun hemm provduta protezzjoni speċifiċa xierqa taħt il-liġi nazzjonali, [mingħajr ħsara għal] derogi li jistgħu jingħataw mill-Istat Membru permezz ta’ dispo[ż]izzjonijiet nazzjonali li jipprovdu għal protezzjoni speċifiċa xierqa. Iżda reġistru komplut ta’ kundanni kriminali jista' jinżamm biss taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali."

14     L-Artikolu 12 tad-Direttiva jipprovdi:

"Stati Membri għandhom jiggarantixxu lil kull suġġett tad-data d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur:

a)      mingħajr restrizzjoni[,] f'per[i]jodi raġjonevoli u mingħajr dewmien jew spejjeż eċċessivi:

–      konferma jekk data dwaru tkunx qed tiġi pproċessata, u għall-inqas informazzjoni dwar l-għanijiet ta’ l-ipproċessar, il-kategoriji tad-data in kwistjoni, u r-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri li lilhom ikun żvelat id-data,

–      komunikazzjoni lilu b'mod li tinftiehem tad-data li tkun qed tiġi pproċessata u [ta' kull] informazzjoni oħra li jkun hemm dwar l-oriġini [tad-data],

–      għarfien tar-raġuni għal kull ipproċessar awtomatiku tad-data dwaru, għall-inqas fil-każ ta’ deċiżjonijiet awtomatizzati imsemmija fl-Artikolu 15 (1);

b)      skond kif jixraq, ir-rettifika, tħassir jew imblokk ta’ data li l-ipproċessar tiegħu ma jkunx skond id-dispo[ż]izzjonijiet ta’ din id-Direttiva, partikolarment minħabba n-natura mhux kompluta jew mhux eżatta tad-data;

ċ)      notifika lill-partijiet terzi li lilhom id-data tkun żvelata dwar kull rettifika, tħassir jew imblokk li jkunu saru skond (b), sakemm din tkun tista' ssir jew ma tkunx titlob sforz sproporzjonat."

15     L-Artikolu 13(1) jipprovdi kif ġej:

"Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli 6 (1), 10, 11 (1), 12 u 21 meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:

a)      sigurtà nazzjonali;

b)      difiża;

ċ)      sigurtà pubblika;

d)      prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali jew il-ksur ta’ etika ta' professjonijiet regolati;

e)      interess ekonomiku jew finanzjarju ta' importanza għal Stat Membru jew għall-Unjoni Ewopea, [inklużi] affarijiet monetarji, fiskali jew ta' l-est[i]mi;

f)      [funzjoni ta'] monitoraġġ, spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, ukoll jekk kultant, ma' l-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali fil-każi msemmija f’ (ċ), (d) u (e);

g)      il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn."

16     L-Artikolu 22 tad-Direttiva jipprovdi:

"Rimedji

Bla ħsara għal kull rimedju amministrattiv li dwaru tista' ssir dispo[ż]izzjoni, inter alia quddiem l-awtorità ta’ superviżjoni msemmija fl-Artikolu 28, qabel ma ssir referenza lill-awtorità ġudizjarja, Stati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt ta' kull persuna għal rimedju ġudizjarju għal kull ksur tad-drittijiet garantiti lilha bil-liġi nazzjonali li tkun tapplika għall-ipproċessar in kwistjoni."

17     Il-Kapitolu IV, dwar it-trasferiment ta' data personali lejn pajjiżi terzi, huwa kompost mill-Artikoli 25 u 26.

18     L-Artikolu 25 tad-Direttiva, intitolat "Prinċipji", jipprovdi li:

«1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu li t-trasferiment [lejn] pajjiż terz ta’ data personali li tkun qed tiġi pproċessata jew li tkun maħsuba li tiġi pproċessata wara trasferiment jista' jsir biss jekk, bla ħsara għal konformità mad-dispo[ż]izzjonijiet nazzjonali adottati skond id-dispo[ż]izzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva, il-pajjiż terz jassigura livell ade[g]wat ta’ protezzjoni.

2.      Jekk il-livell ta' protezzjoni mogħti minn pajjiż terz ikunx adekwat għandu jiġi eżaminat fid-dawl taċ-ċirk[u]stanzi kollha li jkollhom x'jaqsmu ma' operazzjoni ta' trasferiment ta’ data jew sett ta' operazzjonijiet ta' trasferiment ta’ data; għandu jittieħed kont partikolarment tan-natura tad-data, l-għan u t-tul ta’ żmien ta’ l-operazzjoni jew operazzjonijiet proposti ta' l-ipproċessar, il-pajjiż ta’ oriġini u l-pajjiż tad-destinazzjoni finali, ir-regoli tal-liġi, kemm ġenerali kif ukoll settorjali, fis-seħħ fil-pajjiż terz in kwistjoni u r-regoli professjonali u l-miżuri ta’ sigurtà li jitħarsu f’dak il-pajjiż.

3.      L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jgħarrfu lil xulxin b’każi fejn iqisu li pajjiż terz ma jkunx qed jassigura livell ade[g]wat ta’ protezzjoni skond it-tifsira tal-Paragrafu 2.

4.      Meta l-Kummissjoni ssib, skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 31 (2), li pajjiż terz ma jkunx qed jassigura livell ade[g]wat ta’ protezzjoni skond it-tifsira tal-Paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ma jħallux li jsir trasferiment ta’ data ta’ l-istess tip [lejn i]l-pajjiż terz in kwistjoni.

5.      Meta jkun jaqbel, il-Kummissjoni għandha tidħol f’negozjati bil-għan li ssib rimedju għas-sitwazzjoni li tirriżulta minn dak li tkun sabet skond il-Paragrafu 4.

6.      Il-Kummissjoni tista' tikkonkludi, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 31 (2), li pajjiż terz ikun qed jassigura livell ade[g]wat ta’ protezzjoni skond it-tifsira tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, permezz tal-liġi domestika tiegħu jew ta’ l-impenji internazzjonali li jkun daħal għalihom, partikolarment meta jintemmu n-negozjati msemmija fil-paragrafu 5, għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-libertajiet u d-drittijiet bażiċi ta’ l-individwu.

Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni."

19     Skond l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva, intitolat "Derogi":

"B'deroga għall-Artikolu 25 u bla ħsara għal dak provdut mod ieħor fil-liġi domestika li tirregola każi partikolari, Stati Membri għandhom jipprovdu li trasferiment jew sett ta’ trasferimenti ta’ data personali lil pajjiż terz, li ma jassigurax livell ade[g]wat ta’ protezzjoni skond it-tifsira ta' l-Artikolu 25 (2), ikunu jistgħu [j]siru bil-k[u]ndizzjoni li:

a)      is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu mingħajr ambigwità għat-trasferiment propost;

jew

b)      it-trasferiment ikun meħtieġ biex isir kuntratt bejn is-suġġett tad-data u l-kontrollur jew għall-implimentazzjoni ta’ miżuri pre-kontrattwali meħuda bi tweġiba għal talba tas-suġġett tad-data;

jew

ċ)      it-trasferiment ikun meħtieġ għal[l]-konklużjoni jew [għall-eżekuzzjoni ta'] kuntratt [konkluż jew li ħa jkun konkluż] fl-interess tas-suġġett tad-data, bejn il-kontrollur u parti terza;

jew

d)      it-trasferiment ikun meħtieġ jew legalment mitlub minħabba raġunijiet ta' interess pubbliku ta' importanza, jew biex ikunu stabbiliti, eżerċitati jew protetti talbiet legali;

jew

e)      it-trasferiment ikun meħtieġ għall-protezzjoni ta' interessi vitali tas-suġġett tad-data;

jew

f)      it-trasferiment isir minn reġistru [pubbliku] li skond liġijiet jew regolamenti jkun maħsub li jagħti informazzjoni lill-pubbliku u li jkun miftuħ għal konsultazzjoni mill-pubbliku in ġenerali jew minn persuna li turi interess leġittimu, sakemm il-k[u]ndizzjonijiet imsemmija fil-liġi għal konsultazzjoni jitħarsu fil-każ partikolari."

20     Abbażi tad-Direttiva u, b'mod partikolari, ta' l-Artikolu 25(6) tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat id-deċiżjoni ta' konformità.

21     Il-ħdax-il premessa ta' din id-deċiżjoni tipprovdi li:

"L-ipproċessar mis-CBP [United States Bureau of Customs and Border Protection (Uffiċċju tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri ta' l-Istati Uniti)] ta' data personali miżmuma fil-PNR ['Passenger Name Records' (Reġistri ta' l-Ismijiet tal-Passiġġieri)] ta' passiġġieri ta' l-ajru li kienu ttrasferiti lilu huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-'Dikjarazzjoni ta' Impenji ta' l-Uffiċċju tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri fil-Ministeru tas-Sigurtà Interna tal-11 ta' Mejju' (iktar 'il quddiem "id-Dikjarazzjoni ta' Impenji") u mil-leġiżlazzjoni Amerikana taħt il-kundizzjonijiet indikati fid-Dikjarazzjoni ta' Impenji."

22     Skond il-ħmistax-il premessa ta' l-istess deċiżjoni, id-data tal-PNR għandha tintuża biss sabiex jiġi mwaqqaf u miġġieled it-terroriżmu u d-delitti marbuta mat-terroriżmu, delitti oħra serji, inkluża l-kriminalità organizzata li, min-natura tagħhom, għandhom natura transnazzjonali u l-evażjoni fil-każ ta' mandat ta' arrest jew ta' detenzjoni fir-rigward tad-delitti msemmija.

23     Skond l-Artikolu 1 sa 4 tad-deċiżjoni ta' konformità:

"Artikolu 1

Għall-finijiet ta' l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46/KE, l-Uffiċċju tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri ta' l-Istati Uniti (iktar 'il quddiem is-'CBP') għandu jitqies li qed jassigura livell adegwat ta' protezzjoni tad-data fl-iskedarji tal-passiġġieri (iktar 'il quddiem il-"PNR") ittrasferita mill-Komunità fir-rigward ta' titjiriet lejn jew mill-Istati Uniti, skond id-Dikjarazzjoni ta' Impenji li tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna l-livell adegwat ta' protezzjoni assigurat mis-CBP sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 95/46/KE u m'għandu jkollha l-ebda effett fuq kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet oħra li jimplementaw dispożizzjonijiet oħra ta' dik id-direttiva li jikkonċernaw l-ipproċessar ta' data personali fl-Istati Membri.

Artikolu 3

1.      Bla ħsara għall-poteri tagħhom li jieħdu miżuri sabiex jassiguraw konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond id-dispożizzjonijiet l-oħra barra mill-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-poteri attwali tagħhom sabiex jissospendu t-trasferiment ta' data lejn is-CBP bil-għan li jipproteġu l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali li jikkonċernawhom f'wieħed miż-żewġ każijiet segwenti:

a)      meta awtorità Amerikana kompetenti tikkonstata li s-CBP ma jirrispettax in-normi applikabbli fil-qasam ta' protezzjoni;

b)      meta jkun probabbli li n-normi ta' protezzjoni stabbiliti fl-Anness ma jkunux irrispettati, meta jkun hemm raġunijiet sostanzjali li jwasslu għall-konklużjoni li s-CBP mhux jieħu jew mhux se jieħu, fi żmien adegwat, il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi rregolata l-kawża in kwistjoni, meta l-kontinwazzjoni tat-trasferiment toħloq riskju imminenti ta' dannu gravi għas-suġġetti tad-data u meta, f'dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru jkunu għamlu tentattivi raġonevoli sabiex iwissu lis-CBP u sabiex jagħtuh il-possibbiltà li jwieġeb.

2.      Is-sospensjoni tat-trasferiment għandha tieqaf malli n-normi ta' protezzjoni jiġu assigurati u l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kkonċernati jkunu avżati dwar dan.

Artikolu 4

1.      L-Istati Membri għandhom jinformaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni dwar miżuri adottati taħt l-Artikolu 3.

2.      L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinformaw lil xulxin ukoll dwar kull bidla fin-normi ta' protezzjoni kif ukoll dwar każijiet fejn il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet inkarigati sabiex jassiguraw il-konformità tas-CBP man-normi ta' protezzjoni, stabbiliti fl-Anness, ma jkunux biżżejjed sabiex jassiguraw din il-konformità.

3.      Jekk mill-informazzjoni miġbura skond l-Artikolu 3 u skond il-paragrafi (1) u (2) ta' dan l-artikolu jirriżulta li l-prinċipji essenzjali meħtieġa sabiex jiġi assigurat livell adegwat ta' protezzjoni ta' individwi mhux qed jiġu iktar irrispettati, jew li xi korp inkarigat sabiex jassigura l-konformità tas-CBP man-normi ta' protezzjoni stabbiliti fl-Anness mhux iwettaq l-inkarigu tiegħu b'mod effiċjenti, is-CBP għandu jiġi informat u, jekk ikun meħtieġ, tkun applikabbli l-proċedura prevista fl-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 95/46/KE bil-għan li tiġi annullata jew sospiża din id-Deċiżjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

24     Id-"[d]ikjarazzjoni ta' Impenji ta' l-Uffiċċju tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri fil-Ministeru tas-Sigurtà Interna", annessa mad-deċiżjoni ta' konformità, tipprovdi li:  

"In sostenn tal-proġett tal-Kummissjoni Ewropea intiż sabiex jiġu eżerċitati l-poteri mogħtija lilha taħt l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE […] u sabiex tiġi adottata deċiżjoni li tirrikonoxxi li s-[CBP] fil-Ministeru tas-Sigurtà Interna (Department of Homeland Security) jipprovdi livell ta' protezzjoni adegwat għall-finijiet tat-trasferiment, mill-kumpanniji ta' l-ajru, ta' data tal-[PNR] li jistgħu jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva, is-CBP qiegħed jassumi l-impenji segwenti […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

25     Dawn l-impenji jkopru 48 punt, li huma maqsumin fi gruppi taħt it-titoli segwenti: "Bażi ġuridika tad-dritt li jinkisbu PNR"; "Użu tad-data tal-PNR mis-CBP"; "Rekwiżiti fir-rigward tad-data"; "Ipproċessar ta' data 'sensittiva'"; "Metodu ta' aċċess għad-data tal-PNR"; "Ħażna tad-data tal-PNR"; "Sigurtà tas-sistemi ta' l-informatika tas-CBP"; "Ipproċessar u protezzjoni tad-data tal-PNR mis-CBP"; "Trażmissjoni ta' data tal-PNR lil awtoritajiet oħrajn tal-gvern"; "Informazzjoni, aċċess għad-data u rimedji għas-suġġetti tad-data tal-PNR"; "Konformità ma' dispożizzjonijiet"; "Reċiproċità"; "Reviżjoni u perijodu ta' validità tad-Dikjarazzjoni ta' Impenji", u "Nuqqas ta' ħolqien ta' drittijiet jew ta' preċedent". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

26     Fost l-imsemmija impenji, wieħed isib, b'mod partikolari, dawn li ġejjin:

"1)      Bis-saħħa tal-Liġi [Titolu 49, Taqsima 44909(c)(3) tal-Kodiċi ta' l-Istati Uniti] u tar-regolamenti (provviżorji) ta' implementazzjoni (Titolu 19, Taqsima 122.49 b tal-Kodiċi ta' Regolamenti Federali), kull kumpannija ta' l-ajru li tipprovdi servizz internazzjonali ta' trasport ta' passiġġieri lejn jew mill-Istati Uniti għandha tipprovdi lis-CBP l-aċċess elettroniku għad-data tal-PNR miġbura u miżmuma fis-sistemi awtomatizzati ta' prenotazzjoni/kontroll ta' tluq tal-kumpannija (iktar 'il quddiem is-'sistemi ta' prenotazzjoni').

[…]

3)      Is-CBP għandu juża d-data tal-PNR bil-għan biss li jiġi mwaqqaf u miġġieled: 1) it-terroriżmu u d-delitti marbuta mat-terroriżmu; 2) delitti oħra serji, inkluża l-kriminalità organizzata li, min-natura tagħhom, għandhom natura transnazzjonali, u 3) l-evażjoni fil-każ ta' mandat ta' arrest jew ta' detenzjoni fir-rigward tad-delitti msemmija. L-użu ta' data tal-PNR għall-dawn il-finijiet jippermetti lis-CBP li jikkonċentra r-riżorsi tiegħu fuq elementi li huma ta' riskju għoli sabiex b'hekk ikun iffaċilitat u protett l-ivjaġġar leġittimu tal-passiġġieri.

4)      L-elementi ta' data mitluba mis-CBP huma elenkati fl-Anness A. […]

[…]

27)      Fil-kuntest tal-proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji kollha li jirriżultaw minn talba, imressqa taħt il-Liġi dwar il-Libertà għal Aċċess għall-Informazzjoni [(Freedom of Information Act)], għal data tal-PNR miksubin minn kumpanniji ta' l-ajru, is-CBP għandu jiddikjara li r-reġistri in kwistjoni huma eżenti minn divulgazzjoni taħt din il-liġi.

[…]

29)      Is-CBP, fid-diskrezzjoni tiegħu, għandu jgħaddi data tal-PNR lil awtoritajiet oħra tal-gvern li l-funzjoni tagħhom hija r-repressjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, irrispettivament minn jekk dawn humiex Amerikani jew barranin, fuq kunsiderazzjoni tal-każ partikolari biss sabiex jiġu mwaqqfa u miġġielda d-delitti msemmija fil-paragrafu 3. L-awtoritajiet li magħhom is-CBP jista' jaqsam din id-data huma msejħin "awtoritajiet magħżula" iktar 'il quddiem.

30)      Is-CBP għandu jeżerċita bil-prudenza d-diskrezzjoni tiegħu li jgħaddi data tal-PNR għall-għanijiet speċifikati. Qabel kollox, huwa għandu jiddetermina jekk ir-raġuni invokata għad-divulgazzjoni tad-data tal-PNR lil awtorità magħżula oħra hijiex konformi ma' l-għanijiet previsti (ara l-punt 29). Jekk dan ikun il-każ, is-CBP għandu jivverifika jekk l-awtorità magħżula in kwistjoni hijiex kompetenti li timpedixxi kull ksur ta' liġi jew ta' regolament marbut ma' dawn il-finijiet jew sabiex twettaq inkjesta jew tressaq proċedimenti f'dan ir-rigward jew sabiex timplementa jew tassigura l-applikazzjoni ta' liġi jew regolament bħal dan, fil-każ li s-CBP jkollu indikazzjoni ta' ksur attwali jew potenzjali tal-liġi. Il-fondatezza tad-divulgazzjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ppreżentati.

[…]

35)      L-ebda dispożizzjoni f'din id-Dikjarazzjoni ta' Impenji ma tista' tfixkel l-użu jew id-divulgazzjoni ta' data tal-PNR fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali jew taħt rekwiżiti oħra previsti fil-liġi. Is-CBP għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar l-adozzjoni, mill-awtoritajiet Amerikani, ta' kull leġiżlazzjoni li għandha impatt fuq il-kontenut ta' dawn l-impenji.

[…]

46)      Din id-Dikjarazzjoni ta' Impenji hija applikabbli għal perijodu ta' tliet snin u sitt xhur li jiddekorru mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' Ftehim bejn l-Istati Uniti u l-Komunità Ewropea li jawtorizza l-ipproċessar ta' data tal-PNR mill-kumpanniji ta' l-ajru sabiex jgħadduha lis-CBP skond id-Direttiva. […]

47)      Din id-Dikjarazzjoni ta' Impenji la toħloq u lanqas tikkonferixxi xi dritt jew xi vantaġġ lil xi persuna jew parti, kemm jekk privata u kemm jekk pubblika.

[…]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

27     L-Anness "A" tad-Dikjarazzjoni ta' Impenji jinkludi l-"elementi ta' data tal-PNR" mitluba mis-CBP mingħand il-kumpanniji ta' l-ajru. Fosti dawn l-elementi wieħed isib, b'mod partikolari, il-"lokalizzatur tar-reġistri tal-PNR", id-data ta' prenotazzjoni, l-isem, l-indirizz, il-metodi ta' pagament, in-numri tat-telefon, l-aġenzija ta' vvjaġġar, l-"istatus" tal-vjaġġatur ("travel status of passenger"), l-indirizz tal-posta elettronika, osservazzjonijiet ġenerali, in-numru tal-pultruna okkupata, l-informazzjoni li turi li l-passiġġier huwa indikat li ma jippreżentax ruħu għat-titjira kif ukoll l-"informazzjoni APIS" (Advanced Passenger Information System) li tkun eventwalment inġabret.

28     Il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2004/496 abbażi ta', b'mod partikolari, l-Artikolu 95 KE flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 300(2) KE.

29     Skond it-tliet premessi ta' din id-deċiżjoni:

"(1)  Il-Kunsill, fit-23 ta' Frar 2004, awtorizza lill-Kummissjoni sabiex, f'isem il-Komunità, tinnegozja Ftehim ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment tad-data tal-PNR minn kumpanniji ta' l-ajru lill-Uffiċċju tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri fil-Ministeru Amerikan tas-Sigurtà Interna.

(2)       Il-Parlament Ewropew ma tax l-Opinjoni tiegħu fit-terminu stabbilit mill-Kunsill, taħt l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 300(3) tat-Trattat, fid-dawl tal-ħtieġa urġenti li tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni ta' inċertezza li fiha jinsabu l-kumpanniji ta' l-ajru u l-passiġġieri u li jiġu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-partijiet ikkonċernati.

(3)       Il-Ftehim għandu jiġi approvat." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

30     L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2004/496 jipprovdi:

"Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment tad-data tal-PNR mill-kumpanniji ta' l-ajru lill-Uffiċċju tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri fil-Ministeru Amerikan tas-Sigurtà Interna, huwa approvat f'isem il-Komunità.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

31     L-imsemmi ftehim (iktar 'il quddiem il-"Ftehim") jipprovdi kif ġej:

"Il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerika,

Billi jagħrfu l-importanza li jiġu rrispettati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, u b'mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, u l-importanza li jiġu rrispettati dawn il-valuri filwaqt li jiġi mwaqqaf u miġġieled it-terroriżmu u d-delitti marbuta mat-terroriżmu, kif ukoll delitti serji oħra ta' natura transnazzjonali, inkluża, b'mod partikolari, il-kriminalità organizzata,

Wara li kkunsidraw il-liġijiet u r-regolamenti Amerikani li jeżiġu li kull kumpannija ta' l-ajru li toffri servizz ta' trasport internazzjonali ta' passiġġieri lejn jew mill-Istati Uniti tipprovdi [lis-CBP] fil-Ministeru Amerikan tas-Sigurtà Interna (iktar il-quddiem id-"DHS") l-aċċess elettroniku għad-data tal-[PNR] li tkun miġbura u miżmuma fis-sistemi awtomatizzati ta' kontroll tal-prenotazzjonijiet u tat-tluq,

Wara li kkunsidraw id-Direttiva 95/46/KE, […] u b'mod partikolari l-Artikolu 7(ċ) tagħha,

Wara li kkunsidraw l-impenji assunti mis-CBP fil-11 ta' Mejju 2004, li se jiġu ppubblikati fir-Reġistru Federali Amerikan (iktar 'il quddiem l-"Impenji"),

Wara li kkunsidraw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/535/KE adottata fl-14 ta' Mejju 2004, taħt l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE, li tipprovdi li s-CBP huma meqjus li qed jassigura livell adegwat ta' protezzjoni għad-data tal-PNR ittrasferita mill-Komunità Ewropea (iktar 'il quddiem il-"Komunità") u li tikkonċernaw titjiriet minn jew lejn l-Istati Uniti, skond l-Impenji li jinsabu annessi ma' dik id-deċiżjoni (iktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni"),

Filwaqt li jinnotaw li l-kumpanniji ta' l-ajru li għandhom sistemi ta' kontroll tal-prenotazzjonijiet u tal-partenzi u li huma stabbiliti fit-territorju ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea għandhom jagħmlu dak li huwa meħtieġ sabiex id-data tal-PNR ikunu mgħoddija lis-CBP malli dan ikun teknikament possibbli, iżda li, sadattant, l-awtoritjiet Amerikani għandhom jingħataw aċċess dirett għad-data skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim,

[…]

Qablu kif ġej:

1.       Is-CBP jista' jikkonsulta, b'mezzi elettroniċi, id-data tal-PNR li tiġi ġġenerata mis-sistemi ta' kontroll tal-prenotazzjonijiet u tal-partenzi tal-kumpanniji ta' l-ajru ('sistemi ta' prenotazzjoni') li jkunu jinsabu fit-territorju ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea, b'applikazzjoni stretta tad-Deċiżjoni u sakemm din tkun applikabbli, jiġifieri sakemm tkun stabbilita sistema sodisfaċenti li tippermetti t-trażmissjoni ta' din id-data mill-kumpanniji ta' l-ajru.

[Il-verżjoni Ingliża tipprovdi kif ġej: "CBP may electronically access the PNR data from air carriers reservation/departure control systems (‘reservation systems’) located within the territory of the Member State of the European Community strictly in accordance with the Decision and for so long as the Decision is applicable and only until there is a satisfactory system in place allowing for transmission of such data by the air carriers.”]

2.       Il-kumpanniji ta' l-ajru li jipprovdu servizz ta' trasport internazzjonali ta' passiġġieri lejn jew mill-Istati Uniti għandhom jipproċessaw id-data tal-PNR miżmuma fis-sistemi awtomatizzati ta' prenotazzjoni tagħhom kif mitlub mis-CBP skond il-leġiżlazzjoni Amerikana, b'applikazzjoni stretta tad-Deċiżjoni u sakemm din tkun applikabbli.

3.       Is-CBP jieħu nota tad-Deċiżjoni u jiddikjara li huwa qiegħed jimplementa l-Impenji annessi magħha.

4.       Is-CBP għandu jipproċessa d-data tal-PNR riċevuta u għandu jittratta lis-suġġetti tad-data kkonċernata minn dan l-ipproċessar skond il-liġijiet u r-rekwiżiti kostituzzjonali Amerikani mingħajr diskriminazzjoni, b'mod partikolari, abbażi tan-nazzjonalità u tal-pajjiż ta' residenza.

[…]

7.      Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ malli jiġi ffirmat. Kull parti tista', f'kull żmien, ittemm dan il-Ftehim billi tagħti notifika permezz bil-kanali diplomatiċi. Il-Ftehim ma jibqax fis-seħħ disgħin (90) jum mid-data ta' meta l-parti l-oħra tingħata n-notifika tat-terminazzjoni. Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat f'kull żmien permezz ta' ftehim komuni bil-miktub.

8.       L-għan ta' dan il-Ftehim mhux li joħloq derogi għal-leġiżlazzjoni tal-partijiet u lanqas li jemendaha; il-Ftehim la joħloq u lanqas jikkonferixxi xi dritt jew vantaġġ fuq xi persuna jew entità, privata jew pubblika." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

32     Skond l-Informazzjoni tal-Kunsill dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu (ĠU 2004, C 158, p. 1), il-Ftehim, iffirmat f'Washington fit-28 ta' Mejju 2004 minn rappreżentant tal-Presidenza kurrenti tal-Kunsill u mis-Segretarju responsabbli mis-Sigurtà Interna ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika, daħal fis-seħħ, skond il-punt 7 tiegħu, fil-jum tal-firma tiegħu.

 Il-fatti li wasslu għall-kawżi

33     Wara l-attakki terroristiċi tal-11 ta' Settembru 2001, l-Istati Uniti adottaw, f'Novembru ta' l-istess sena, leġiżlazzjoni li tipprovdi li l-kumpanniji ta' l-ajru li jipprovdu titjiriet lejn jew mill-Istati Uniti, jew li jaqsmu t-territorju tagħhom, ikunu obbligati li jipprovdu lill-awtoritajiet doganali ta' l-Istati Uniti l-aċċess elettroniku għad-data miżmuma fis-sistemi awtomatizzati ta' prenotazzjoni u ta' kontroll tat-tluq tagħhom, data magħrufa bħala "Passenger Name Records" (iktar 'il quddiem id-"data tal-PNR"). Filwaqt li għarfet il-leġittimità ta' l-interessi ta' sigurtà involuti, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti, f'Ġunju 2002, li dawn id-dispożizzjonijiet setgħu jmorru kontra l-leġiżlazzjoni Komunitarja u dik ta' l-Istati Membri dwar il-protezzjoni tad-data u wkoll ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2299/89, ta' l-24 ta' Lulju 1989, dwar kodiċi ta' kondotta għal sistemi ta' riservazzjoni [prenotazzjoni] kompjuterizzata (ĠU L 220, p. 1), kif emendata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 323/1999, tat-8 ta' Frar 1999 (ĠU L 40, p. 1). L-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti ppostonew id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet il-ġodda iżda, effettivament, baqgħu jinsistu li jimponu sanzjonijiet fuq il-kumpanniji ta' l-ajru li ma jikkonformawx ruħhom mal-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess elettroniku għad-data tal-PNR wara l-5 ta' Marzu 2003. Minn dak iż-żmien, diversi kumpanniji ta' l-ajru kbar ta' l-Unjoni Ewropea pprovdew lill-imsemmija awtoritajiet l-aċċess għad-data tal-PNR tagħhom

34     Il-Kummissjoni fetħet negozjati ma' l-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti li wasslu sabiex ġie mifthiem dokument b'impenji ("undertakings") assunti mis-CBP fid-dawl ta' l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' deċiżjoni ta' konformità abbażi ta' l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva.

35     Fit-13 ta' Ġunju 2003, il-Grupp ta' Ħidma għall-Protezzjoni ta' Individwi dwar Ipproċessar ta' Data Personali, stabbilit bl-Artikolu 29 tad-Direttiva, ħareġ Opinjoni li fiha esprima d-dubji tiegħu dwar il-livell ta' protezzjoni tad-data ggarantit mill-imsemmija impenji fir-rigward ta' l-ipproċessar ikkonċernat. Huwa reġa' tenna dawn id-dubji f'Opinjoni tad-29 ta' Jannar 2004.

36     Fl-1 ta' Marzu 2004, il-Kummissjoni ressqet l-abbozz tad-deċiżjoni ta' konformità taħt l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva, flimkien ma' l-abbozz ta' l-impenji tas-CBP, quddiem il-Parlament.

37     Fis-17 ta' Marzu 2004, il-Kummissjoni bagħtet lill-Parlament, fid-dawl tal-konsultazzjoni tiegħu taħt l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 300(3) KE, proposta ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ma' l-Istati Uniti. Permezz ta' ittra tal-25 ta' Marzu 2004, li fiha rrefera għall-proċedura ta' urġenza, il-Kunsill talab lill-Parlament sabiex, mhux iktar tard mit-22 ta' April 2004, jagħti Opinjoni dwar din il-proposta. F'din l-ittra, il-Kunsill enfasizza li "il-ġlieda kontra t-terroriżmu, li tiġġustifika l-miżuri proposti, hija prijorità essenzjali ta' l-Unjoni Ewropea, [li,] attwalment, il-kumpanniji ta' l-ajru u l-passiġġieri jinsabu f'sitwazzjoni ta' inċertezza li jeħtieġ li tiġi riżolta b'urġenza [u li], barra minn hekk, huwa essenzjali li jkunu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-partijiet ikkonċernati". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

38     Fil-31 ta' Marzu 2004, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta' Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implementazzjoni kkonferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, p.23), il-Parlament adotta riżoluzzjoni li fiha qajjem ċertu numru ta' riżervi ta' ordni ġuridika dwar il-proposta li kienet tressqet quddiemu. F'din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament ikkunsidra, b'mod partikolari, li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' konformità kien jeċċedi l-poteri mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 25 tad-Direttiva. Huwa sejjaħ għall-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali xieraq li jirrispetta d-drittijiet fundamentali dwar ċertu numru ta' punti elenkati fid-dettal fl-imsemmija riżoluzzjoni u talab lill-Kummissjoni tressaq abbozz ġdid ta' deċiżjoni quddiemu. Barra minn hekk, huwa rriżerva d-dritt li jressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi vverifikata l-legalità tal-ftehim internazzjonali propost u, b'mod partikolari, il-kompatibbiltà ta' dan il-ftehim mal-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja privata.

39     Fil-21 ta' April 2004, il-Parlament, fuq talba tal-President tiegħu, irratifika rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ġuridiċi u s-Suq Intern intiża sabiex, skond l-Artikolu 300(6) KE, tintalab l-Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-ftehim propost mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Din il-proċedura nfetħet fl-istess jum.

40     Fl-istess jum, il-Parlament iddeċieda wkoll li jibgħat ir-rapport dwar il-proposta ta' deċiżjoni tal-Kunsill sabiex jiġi kkunsidrat mill-kumitat responsabbli u b'hekk ċaħad impliċitament, f'dan l-istadju, it-talba għal eżami urġenti ta' l-imsemmija proposta magħmula mill-Kunsill fil-25 ta' Marzu.

41     Fit-28 ta' April ta' wara, il-Kunsill, abbażi ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 300(3) KE, indirizza ittra lill-Parlament li fih talbu jagħti l-Opinjoni tiegħu, qabel il-5 ta' Mejju 2004, dwar il-proposta ta' deċiżjoni fir-rigward tal-konklużjoni tal-Ftehim. Sabiex jiġġustifika l-urġenza ta' din it-talba, il-Kunsill reġà rrefera għar-raġunijiet mogħtija fl-ittra tiegħu tal-25 ta' Marzu 2004.

42     Fid-dawl tan-nuqqas persistenti tal-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-proposta ta' deċiżjoni tal-Kunsill, il-Parlament ċaħad, fl-4 ta' Mejju 2004, it-talba għal eżami b'urġenza ta' din il-proposta li l-Kunsill kien għamillu fit-28 ta' April.

43     Fl-14 ta' Mejju ta' wara, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta' konformità, li hija s-suġġett tal-kawża C-318/04. Fis-17 ta' Mejju 2004, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2004/496, li hija s-suġġett tal-kawża C-317/04.

44     Permezz ta' ittra ta' l-4 ta' Ġunju 2004, il-Presidenza kurrenti tal-Kunsill informat lill-Parlament li d-Deċiżjoni 2004/496 kienet tieħu in kunsiderazzjoni l-ġlieda kontra t-terroriżmu – prijorità għall-Unjoni -, iżda wkoll il-ħtieġa li tiġi affrontata sitwazzjoni ta' inċertezza legali tal-kumpanniji ta' l-ajru, kif ukoll l-interessi finanzjarji tagħhom.

45     Permezz ta' ittra tad-9 ta' Lulju 2004, il-Parlament informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li kien qiegħed jirtira t-talba tiegħu għal opinjoni li kienet ġiet irreġistrata bin-numru 1/04.

46     Fil-kawża C-317/04, permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Novembru 2004 u tat-18 ta' Jannar 2005, ġew ammessi l-interventi tal-Kummissjoni u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq in sostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

47     Fil-kawża C-318/04, permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Diċembru 2004, ġie ammess l-intervent tar-Renju Unit in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

48     Permezz ta' digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Marzu 2005, ġie ammess l-intervent tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data in sostenn tat-talbiet tal-Parlament f'dawn iż-żewġ kawżi.

49     Minħabba li l-imsemmija kawżi huma relatati, kif ġie kkonfermat matul il-proċedura orali, huma għandhom, skond l-Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura, jiġu magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq ir-rikors fil-kawża C-318/04

50     Il-Parlament qiegħed jinvoka erba' argumenti favur l-annullament, ibbażati fuq, rispettivament, ultra vires, ksur tal-prinċipji essenzjali tad-Direttiva, ksur tad-drittijiet fundamentali u ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

 Fuq l-ewwel parti ta' l-ewwel argument, ibbażata fuq ksur ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva

 L-argumenti tal-partijiet

51     Il-Parlament isostni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet ġiet adottata ultra vires peress li ma kienux ġew irrispettati d-dispożizzjonijiet adottati fid-Direttiva u bi ksur, b'mod partikolari, ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 3(2) tagħha dwar l-esklużjoni ta' l-attivitajiet li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.

52     M'hemm l-ebda dubju li l-ipproċessar tad-data tal-PNR wara t-trasferiment lill-awtorità Amerikana msemmija fid-deċiżjoni ta' konformità huwa mwettaq, u se jkun imwettaq, għall-eżerċizzju ta' attivitajiet partikolari għall-Istati fis-sens tal-punt 43 tas-sentenza tas-6 ta' Novembru 2003, Lindqvist (C-101/01, Ġabra p. I-12971).

53     Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit, jidhrilha li l-attivitajiet tal-kumpanniji ta' l-ajru jaqgħu b'mod ċar fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. Hija ssostni li dawn l-operaturi privati jipproċessaw id-data tal-PNR fi ħdan il-Komunità u jorganizzaw it-trasferiment tagħha lejn Stat terz. Għaldaqstant, huma involuti attivitajiet li jikkonċernaw individwi u mhux attivitajiet ta' l-Istat Membru li fih joperaw il-kumpanniji kkonċernati, jew li jikkonċernaw il-poteri pubbliċi tiegħu, kif iddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 43 tas-sentenza Lindqvist, iċċitata iktar 'il fuq. L-għan tal-kumpanniji ta' l-ajru fl-ipproċessar tad-data tal-PNR huwa sempliċiment li jiġu rrispettati r-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju, inkluż l-obbligu stabbilit fil-punt 2 tal-Ftehim. L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva jirreferi għall-attivitajiet ta' awtoritajiet pubbliċi li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54     L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva jeskludi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha l-ipproċessar ta' data personali mwettaq fl-eżerċizzju ta' attivitajiet li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, bħal dawk previsti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u, fi kwalunkwe każ, l-ipproċessar li għandu bħala għan is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà ta' l-Istat u l-attivitajiet ta' l-Istat li jikkonċernaw oqsma tad-dritt kriminali.

55     Id-deċiżjoni ta' konformità tikkonċerna biss id-data tal-PNR ittrasferita lis-CBP. Mis-sitt premessa ta' din id-deċiżjoni jirriżulta li r-rekwiżiti ta' dan it-trasferiment huma bbażati fuq liġi adottata mill-Istati Uniti f'Novembru 2001 u fuq ir-regolamenti ta' implementazzjoni adottati mis-CBP taħt din il-liġi. Skond is-seba' premessa ta' l-imsemmija deċiżjoni, il-leġiżlazzjoni Amerikana in kwistjoni tikkonċerna t-tisħiħ tas-sigurtà kif ukoll il-kundizzjonijiet ta' dħul u ta' ħruġ fl-Istati Uniti. Skond it-tmien premessa, il-Komunità ssostni kompletament l-Istati Uniti fil-ġlieda tagħhom kontra t-terroriżmu fil-limiti imposti mid-dritt tal-Komunità. Il-ħmistax-il premessa ta' din l-istess deċiżjoni tipprovdi li d-data tal-PNR għandha tiġi użata biss bil-għan waħdieni li jiġi mwaqqaf u miġġieled it-terroriżmu u d-delitti marbutin mat-terroriżmu, reati serji oħra, inkluża l-kriminalità organizzata, li, min-natura tagħhom, għandhom natura transnazzjonali, u l-evażjoni fil-każ ta' mandat ta' arrest jew ta' detenzjoni fir-rigward tad-delitti msemmija.

56     Minn dan jirriżulta li t-trasferiment tad-data tal-PNR lis-CBP jammonta għal ipproċessar li għandu bħala għan is-sigurtà pubblika u l-attivitajiet ta' l-Istat li jikkonċernaw oqsma tad-dritt kriminali.

57     Minkejja li jista' jiġi kkunsidrat li d-data tal-PNR inizjalment tinġabar mill-kumpanniji ta' l-ajru fil-kuntest ta' attività li taqa' taħt id-dritt Komunitarju, jiġifieri l-bejgħ ta' biljet ta' l-ajru li jagħti dritt għal prestazzjoni ta' servizzi, l-ipproċessar tad-data meqjus fid-deċiżjoni ta' konformità għandu natura differenti ħafna. Fil-fatt, din id-deċiżjoni, kif ġie mfakkar fil-punt 55 ta' din is-sentenza, ma tikkonċernax ipproċessar ta' data meħtieġ sabiex jingħataw servizzi iżda pproċessar li huwa meqjus bħala neċessarju sabiex tiġi mħarsa s-sigurtà pubblika u għal finijiet repressivi.

58     Fil-punt 43 tas-sentenza Lindqvist, iċċitata iktar 'il fuq, li kienet invokata mill-Kummissjoni fid-difiża tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-attivitajiet imsemmija bħala eżempju fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva huma, fil-każijiet kollha, attivitajiet li japparjenu għall-Istati jew għall-awtoritajiet ta' l-Istat u li jaqgħu barra mill-oqsma ta' attività ta' individwi. Madankollu, minn dan ma jirriżultax li, minħabba li d-data tal-PNR kienet ġiet miġbura minn operaturi privati għal finijiet kummerċjali u minħabba li huma dawn ta' l-aħħar li jorganizzaw it-trasferiment tagħhom lejn Stat terz, it-trasferiment in kwistjoni ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, dan it-trasferiment isir f'kuntest stabbilit mill-awtoritajiet pubbliċi u intiż għas-sigurtà pubblika.

59     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni ta' konformità tikkonċerna pproċessar ta' data personali fis-sens ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha.

60     Għalhekk, l-ewwel parti ta' l-ewwel argument, ibbażata fuq ksur ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva hija fondata.

61     Għaldaqstant, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-partijiet l-oħra ta' l-ewwel argument kif ukoll l-argumenti l-oħra invokati mill-Parlament, id-deċiżjoni ta' konformità għandha tiġi annullata.

 Fuq ir-rikors fil-kawża C-317/04

62     Il-Parlament qiegħed iressaq sitt argumenti favur l-annullament, ibbażati fuq l-għażla żbaljata ta' l-Artikolu 95 KE bħala bażi legali tad-Deċiżjoni 2004/496 u l-ksur, rispettivament, ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 300(3) KE, ta' l-Artikolu 8 tal-KEDB, tal-prinċipju ta' proporzjonalità, tar-rekwiżit ta' motivazzjoni u tal-prinċipju ta' kooperazzjoni leali.

 Fuq l-ewwel argument, ibbażat fuq l-għażla żbaljata ta' l-Artikolu 95 KE bħala bażi legali tad-Deċiżjoni 2004/496

 L-argumenti tal-partijiet

63     Il-Parlament isostni li l-Artikolu 95 KE mhux bażi legali xierqa għad-Deċiżjoni 2004/496. L-għan u l-kontenut ta' din id-deċiżjoni mhumiex l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern billi tikkontribwixxi għall-eliminazzjoni ta' ostakli għall-provvista libera ta' servizzi u d-Deċiżjoni ma fihiex dispożizzjonijiet intiżi sabiex jintlaħaq għan bħal dan. Fil-fatt, l-għan tagħha huwa li jiġi legalizzat l-ipproċessar ta' data personali previst fil-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Uniti. Barra minn hekk, l-Artikolu 95 KE ma jistax jintuża bħala bażi tal-kompetenza tal-Komunità sabiex jiġi konkluż il-Ftehim peress li dan il-ftehim jikkonċerna l-ipproċessar ta' data li huwa eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva.

64     Il-Kunsill isostni li d-Direttiva, adottata b'mod validu abbażi ta' l-Artikolu 100 A tat-Trattat, fiha, fl-Artikolu 25 tagħha, dispożizzjonijiet li jipprevedu l-possibbiltà ta' trasferiment ta' data personali lejn Stat terz li jassigura livell adegwat ta' protezzjoni, inkluża l-possibbiltà li f'każ ta' bżonn jinbdew negozjati bil-għan li jkun konkluż ftehim mill-Komunità ma' dan il-pajjiż. Il-Ftehim jikkonċerna l-moviment liberu tad-data tal-PNR bejn il-Komunità u l-Istati Uniti f'kundizzjonijiet li jirrispettaw il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni, b'mod partikolari, il-ħajja privata. Dan il-ftehim huwa intiż sabiex jelimina kull distorsjoni ta' kompetizzjoni, bejn il-kumpanniji ta' l-ajru ta' l-Istati Membri u bejn dawn u l-kumpanniji ta' l-ajru ta' l-Istati terzi, li tista' tirriżulta mir-rekwiżiti imposti mill-Istati Uniti minħabba raġunijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni. Il-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn il-kumpanniji ta' l-Istati Membri li jipprovdu servizz ta' trasport internazzjonali ta' passiġġieri lejn jew mill-Istati Uniti jistgħu jiġu ostakolati minħabba l-fatt li wħud minnhom biss kienu taw lill-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti aċċess għall-bażijiet tad-data tagħhom. Il-Ftehim huwa intiż sabiex jimponi obbligi armonizzati fuq il-kumpanniji kkonċernati kollha.

65     Il-Kummissjoni tenfasizza l-eżistenza ta' "kunflitt ta' liġijiet", fis-sens tad-dritt pubbliku internazzjonali, bejn il-liġijiet ta' l-Istati Uniti u l-leġiżlazzjoni Komunitarja kif ukoll il-ħtieġa li dawn jiġu kkonċiljati. Hija tikkritika lill-Parlament, li jsostni li l-Artikolu 95 KE ma jistax jitqies bħala l-bażi legali tad-Deċiżjoni 2004/496, minħabba li ma pproponiex bażi legali xierqa. Skond il-Kummissjoni, l-imsemmi artikolu huwa "il-bażi legali naturali" ta' din id-deċiżjoni peress li l-Ftehim jikkonċerna d-dimensjoni esterna tal-protezzjoni tad-data personali meta tiġi ttrasferita 'l barra mill-Komunità. L-Artikoli 25 u 26 tad-Direttiva huma l-bażi ta' kompetenza esterna esklużiva favur il-Komunità.

66     Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-ipproċessar inizjali ta' din id-data mill-kumpanniji ta' l-ajru jsir għal skopijiet kummerċjali. L-użu li l-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti jagħmlu minn din id-data ma jeħlishomx mir-rilevanza tad-Direttiva.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

67     L-Artikolu 95 KE, moqri flimkien ma' l-Artikolu 25 tad-Direttiva, ma jistax ikun il-bażi tal-kompetenza tal-Komunità sabiex tikkonkludi l-Ftehim.

68     Fil-fatt, il-Ftehim ikopri l-istess trasferiment ta' data bħad-deċiżjoni ta' konformità u għaldaqstant l-ipproċessar ta' data li, kif kien spjegat iktar 'il fuq, huwa eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva.

69     Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 2004/496 ma setgħatx tiġi adottata b'mod validu abbażi ta' l-Artikolu 95 KE.

70     Għaldaqstant, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra invokati mill-Parlament, din id-deċiżjoni għandha tiġi annullata.

 Fuq il-limitazzjoni ta' l-effetti tas-sentenza

71     Mill-punt 7 tal-Ftehim jirriżulta li kull parti tista', f'kull żmien, ittemm dan il-ftehim u li dan ma jibqax applikabbli 90 jum wara d-data ta' meta l-parti l-oħra tingħata n-notifika tat-terminazzjoni.

72     Madankollu, skond il-punti 1 u 2 tal-Ftehim, id-dritt ta' aċċess tas-CBP għad-data tal-PNR u l-obbligu impost fuq il-kumpanniji ta' l-ajru li jipproċessawha kif mitlubin mis-CBP teżisti biss sakemm id-deċiżjoni ta' konformità tibqa' applikabbli. Fil-punt 3 ta' l-imsemmi ftehim, is-CBP ddikjara li huma qiegħed jimplementa l-Impenji annessi ma' l-imsemmija deċiżjoni.

73     Fid-dawl, minn naħa, tal-fatt li l-Komunità ma tistax tinvoka d-dritt tagħha bħala ġustifikazzjoni tal-fatt li ma teżegwixxix il-Ftehim li jibqa' applikabbli matul it-terminu ta' 90 jum li jiddekorri mit-terminazzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, tar-rabta mill-qrib li teżisti bejn il-Ftehim u d-deċiżjoni ta' konformità, jidher li huwa ġġustifikat, minħabba raġunijiet ta' ċertezza legali u sabiex jiġu protetti l-persuni kkonċernati, li l-effetti tad-deċiżjoni ta' konformità jinżammu fis-seħħ matul dan l-istess perijodu. Barra minn hekk, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni t-terminu meħtieġ sabiex jiġu adottati miżuri li jeżegwixxu din is-sentenza.

74     Għaldaqstant, l-effetti tad-deċiżjoni ta' konformità għandhom jinżammu fis-seħħ sat-30 ta' Settembru 2006, iżda, madankollu, dawn l-effetti m'għandhomx jinżammu fis-seħħ wara d-data tat-terminazzjoni tal-Ftehim.

 Fuq l-ispejjeż

75     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kunsill u l-Kummissjoni tilfu, huma għandhom jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż kif mitlub mill-Parlament. Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 69(4) ta' l-istess Regoli, l-intervenjenti f'dawn il-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeciedi li:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/496/KE, tas-17 ta' Mejju 2004, dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta' Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data tal-PNR minn kumpanniji ta' l-ajru lill-Uffiċċju tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri fil-Ministeru Amerikan tas-Sigurtà Interna u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/535/KE, ta' l-14 ta' Mejju 2004, dwar il-livell ta' protezzjoni adegwat tad-data personali miżmuma fir-Reġistri ta' l-Ismijiet tal-Passiġġieri ta' l-ajru ttrasferita lill-Uffiċcju tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika, huma annullati.

2)      L-effetti tad-Deċiżjoni 2004/535 huma miżmuma fis-seħħ sat-30 ta' Settembru 2006, iżda, madankollu, dawn l-effetti m'għandhomx jinżammu fis-seħħ wara d-data tat-terminazzjoni ta' l-imsemmi ftehim.

3)      Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż fil-kawża C-317/04.

4)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż fil-kawża C-318/04.

5)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż tagħha fil-kawża C-317/04.

6)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq kif ukoll il- Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.