Language of document : ECLI:EU:T:2011:44

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

17 ta’ Frar 2011 (*)

“Xandir televiżiv – Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552/KEE – Miżuri adottati mir-Renju Unit li jirrigwardaw l-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru – Tazza tad-dinja tal-futbol – Deċiżjoni li tiddikjara l-miżuri bħala kompatibbli mad-dritt Komunitarju – Motivazzjoni – Artikoli 43 KE, 49 KE u 86 KE – Dritt ta’ proprjetà”

Fil-Kawża T‑68/08,

Fédération internationale de football association (FIFA), stabbilita fi Zürich (l-Isvizzera), inizjalment irrappreżentata minn E. Batchelor, F. Young, solicitors, A. Barav, D. Reymond, avukati, u F. Carlin, barrister, sussegwentement minn E. Batchelor, A. Barav, D. Reymond u F. Carlin,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Benyon, E. Montaguti u N. Yerrell, sussegwentement minn F. Benyon u E. Montaguti, bħala aġenti, assistiti minn J. Flynn, QC, u M. Lester, barrister,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet, bħala aġent, assistita minn J. Stuyck u A. Joachimowicz, avukati,

u minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn S. Behzadi‑Spencer u V. Jackson, sussegwentement minn S. Behzadi‑Spencer u L. Seeboruth, bħala aġenti, assistiti inizjalment minn T. de la Mare, sussegwentement minn B. Kennelly, barristers,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/730/KE, tas-16 ta’ Ottubru 2007, dwar il-kompatibbiltà mal-liġi Komunitarja tal-miżuri meħuda mir-Renju Unit skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 295, p. 12),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President, L. Truchot u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Frar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 43 KE jipprovdi s-segwenti:

“Fil-qafas tad-disposizzjonijiet ta’ hawn taħt ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu projbiti. Tali projbizzjoni għandha testendi ruħha wkoll għal restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment ta’ aġenziji, fergħat u sussidjarji, minn ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

Il-libertà ta’ l-istabbiliment tinkludi d-dritt li tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasa, kif ukoll li tikkostitwixxi u tmexxi impriżi u b’mod partikolari kumpanniji li jaqgħu taħt it-tifsira ta’ l-Artikolu 48, paragrafu 2, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż ta’ listabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess, bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu dwar il-kapital.”

2        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 KE jistabbilixxi:

“Fil-qafas tad-disposizzjonijiet ta’ hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fil-Komunità għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi”.

3        Skont l-Artikolu 86(1) KE, “[d]war impriżi pubbliċi u impriżi li lilhom jagħtu drittijiet speċjali jew esklusivi, l-Istati Membri ma għandhom la jiddekretaw u lanqas iżommu fis-seħħ miżuri kuntrarji għar-regoli f’dan it-Trattat, b’mod partikolari, għal dawk li hemm fl-Artikolu 12 [KE] u fl-Artikoli 81 [KE] sa 89 [KE] inklużi”.

4        L-Artikolu 3a tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224), kif miżjud bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1997, li emendat id-direttiva [89/552] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 321) jistabbilixxi:

“1. Kull Stat Membru jista jieħu miżuri skond il-liġi tal-Komunità sabiex jiżgura li x-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu ma jxandrux fuq bażi esklussiva avvenimenti li huma meqjusa minn dak l-Istat Membru li huma ta’ importanza kbira [primarja] għas-soċjetà b’tali mod li jċaħħdu proporzjon sostanzjali tal-pubbliku f’dak l-Istat Membru mill-possibiltà li jsegwu dawk l-avvenimenti permezz ta’ xandira diretta jew diferita fuq it-televiżjoni ta mingħajr ħlas. Jekk jagħmel dan, l-Istat Membru involut għandu jipprepara lista’ ta’ avvenimenti magħżula, nazzjonali jew mhux nazzjonali, li huwa jqis li huma ta’ mportanza kbira [primarja] għas-soċjetà. Għandu jagħmel dan b’mod ċar u trasparenti fil-ħin xieraq u effettiv. Waqt li jagħmel dan, l-Istat Membru involut għandu wkoll jistabbilixxi jekk dawk l-avvenimenti għandhomx ikunu disponibbli permezz ta xandira diretta sħiħa jew parzjali, jew fejn huwa meħtieġ jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi fl-interess pubbliku, xandira diferita sħiħa jew parzjali.

2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kollha meħuda jew li għandhom jittieħdu skond il-paragrafu 1. Fi żmien perijodu ta tliet xhur minn-notifika, il-Kummissjoni għandha tivverifika li dawk il-miżuri jkunu kompatibbli mal-liġi tal-Komunità u għandha tikkomunikahom lill-Istati Membri l-oħra. Għandha tfittex l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 23a. Għandha minn hemm ’il quddiem tippubblika l-miżuri meħuda fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitàjiet Ewropej u mill-inqas darba fis-sena l-lista kkonsolidata tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri.

3. L-Istati Membri għandhom jagħmlu ċert, b’mezzi xierqa, fi ħdan il-qafas leġislattiv tagħhom li x-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma’ jeżerċitawx id-drittijiet esklussivi mixtrija minn dawk ix-xandara wara d-data tal-pubblikazzjoni ta din id-Direttiva b’tali mod li proporzjon sostanzjali mill-pubbliku fi Stat Membru ieħor jiġi mċaħħad mill-possibiltà li jsegwi avvenimenti li jiġu nnominati minn dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafi preċedenti permezz ta’ xandir dirett sħiħ jew parzjali jew, fejn ikun neċessarju jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi fl-interess pubbliku, xandir differit sħiħ jew parzjali fuq it-televiżjoni ta’ mingħajr ħlas kif jiġi stabbilit minn dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafu 1.”

5        Il-premessi 18 sa 22 tad-Direttiva 97/36 jipprovdu s-segwenti:

“(18) Billi huwa essenzjali li l-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu miżuri sabiex jipproteġu d-dritt għall-informazzjoni u sabiex jiżguraw aċċess wiesa mill-pubbliku għax-xandir televiżiv ta avvenimenti nazzjonali jew mhux nazzjonali ta’ importanza kbira [primarja] għas-soċjetà, bħal-Logħob Olimpiku, it-Tazza tad-Dinja u l-kampjonat Ewropew tal-futbol; billi għal dan il-għan l-Istati Membri jżommu d-dritt li jieħdu l-miżuri kompatibbli mal-liġi Komunitarja mmirati sabiex jirregolaw l-eżerċizzju ta drittijiet esklussivi tax-xandir għal avvenimenti bħal dawk mix-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom;

(19)      Billi huwa neċessarju li jsiru arranġamenti fi ħdan il-qafas Komunitarju, sabiex jiġi evitat il-potenzjal ta’ inċertezza legali u xkiel tas-suq u sabiex iċ-ċirkolazzjoni libera tas-servizzi televiżivi tiġi rikonċiljata mal-bżonn li tiġi evitata l-possibiltà ta’ ksur tal-miżuri nazzjonali li jipproteġu interess ġenerali leġittimu;

(20)      Billi, b’mod partikolari, huwa xieraq li jiġu stipulati dispożizzjoniet f’din id-Direttiva dwar l-eżerċizzju minn xandara ta drittijiet esklussivi tax-xandir li huma setgħu xtraw għal avvenimenti li huma meqjusa bħala ta’ importanza kbira [primarja] għas-soċjetà fi Stat Membru li m’huwiex dak li għandu l-ġurisdizzjoni fuq ix-xandara; […]

(21)      Billi avvenimenti ta’ importanza kbira [primarja] għas-soċjetà għandhom, għall-iskopijiet ta din id-Direttiva, jissodisfaw ċerti kriterji, jiġifieri li jkunu avvenimenti eċċezzjonali li huma ta’ interess għall-pubbliku inġenerali fl-Unjoni Ewropea jew fi Stat Membru partikolari jew f’parti importanti li hija komponent tad Stat Membru partikolari u li jkunu organizzati minn qabel minn organizzatur ta’ l-avvenimenti li huwa legalment intitolat li jbigħ id-drittijiet li jappartjenu għal dak l-avveniment;

(22)      Billi, għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, ‘televiżjoni mingħajr ħlas’ tfisser xandir fuq kanal, pubbliku jew kummerċjali, ta programmi li huma aċċessibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas apparti mill-mezzi ta’ l-iffinanzjar tax-xandir li jinsabu f’kull Stat Membru (bħall-miżata tal-liċenzja u/jew il-miżata ta’ abbonament għas-servizz bażiku ta sistema interkonnessa bil-fil)”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

6        Ir-rikorrenti, il-Fédération internationale de football association (FIFA), hija assoċjazzjoni magħmula minn 208 federazzjoni nazzjonali tal-futbol u tikkostitwixxi l-korp eżekuttiv dinji tal-futbol. L-għanijiet tagħha huma, b’mod partikolari, li tippromovi l-futbol fuq skala dinjija u li torganizza l-kompetizzjonijiet internazzjonali tagħha. Il-bejgħ tad-drittijiet ta’ trażmissjoni televiżiva tal-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja (iktar ’il quddiem it-“Tazza tad-Dinja”), li hija tiżgura l-organizzazzjoni tagħha, jikkostitwixxi s-sors prinċipali ta’ dħul tagħha.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ġunju 1998, il-Ministru tal-Kultura, tal-Mezzi tax-Xandir u tal-Isport tar-Renju Unit u l-Irlanda ta’ Fuq (iktar ’il quddiem il-“Ministru”), stabbilixxa, skont il-parti IV tal-Broadcasting Act 1996 (liġi tal-1996 fuq ix-xandir), lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru, li tinkludi t-Tazza tad-Dinja.

8        L-adozzjoni ta’ din il-lista kienet ippreċeduta minn konsultazzjoni ta’ 42 korpi differenti mnedija mill-Ministru f’Lulju 1997 dwar il-kriterji li fir-rigward tagħhom kellha tiġi evalwata l-importanza tad-diversi avvenimenti għas-soċjetà tar-Renju Unit. Din il-proċedura wasslet għall-adozzjoni ta’ lista ta’ kriterji li tinsab f’dokument tal-Ministeru tal-Kultura, tal-Mezzi tax-Xandir u tal-Isport datat Novembru 1997, li l-Ministru għandu japplika għall-finijiet tal-istabbiliment tal-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit. Skont dan id-dokument, avveniment jista’ jiġi inkluż fil-lista b’mod partikolari jekk inissel interess partikolari fuq livell nazzjonali u mhux biss fost dawk li ġeneralment isegwu d-dixxiplina sportiva inkwistjoni. Skont dan l-istess dokument, jista’ jiġi kkwalifikat b’dan il-mod avveniment sportiv nazzjonali jew internazzjonali li huwa preeminenti jew li jimplika t-tim nazzjonali jew atleti tar-Renju Unit. Fost l-avvenimenti li jissodisfaw dawn il-kriterji, dawk li jattiraw bosta telespettaturi jew li jixxandru tradizzjonalment b’xandira diretta fuq stazzjonijiet televiżivi ta’ bla ħlas għandhom iktar possibbiltà li jiġu inklużi fil-lista. Barra minn hekk, il-Ministru għandu wkoll jieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tiegħu, fatturi oħra relatati mal-konsegwenzi għall-isport ikkonċernat, bħall-opportunità li tiġi offerta xandira diretta ta’ avveniment kollu kemm hu, l-impatt fuq id-dħul fil-qasam sportiv inkwistjoni, il-konsegwenzi għas-suq tax-xandir u l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jiggarantixxu l-aċċess għall-avveniment permezz ta’ xandira televiżiva jew radjofonika differita.

9        Sussegwentement, il-Ministru nieda, skont l-Artikolu 97 tal-Broadcasting Act 1996, proċedura ta’ konsultazzjoni li tikkonċerna l-avvenimenti partikolari li għandhom jiġu inklużi fil-lista. Fil-kuntest ta’ din il-konsultazzjoni, il-Ministru talab l-opinjoni ta’ bosta korpi u operaturi kkonċernati kif ukoll ta’ entitajiet fil-pussess ta’ drittijiet ta’ xandir televiżiv, bħall-FIFA. Barra minn hekk, kumitat konsultattiv stabbilit mill-Ministru u intitolat “Advisory Group on listed events” (Grupp konsultattiv fuq l-avvenimenti inklużi fil-lista) ta l-opinjoni tiegħu fuq l-avvenimenti li għandhom jiġu inklużi billi ppropona, fir-rigward tat-Tazza tad-Dinja, l-inklużjoni tal-finali, tas-semifinali u tal-logħbiet li jinvolvu lit-timijiet nazzjonali tar-Renju Unit.

10      Skont l-Artikolu 98 tal-Broadcasting Act 1996, kif emendat bit-Television Broadcasting Regulations 2000 (Regolamenti tal-2000 fuq ix-xandir televiżiv), il-korpi ta’ xandir televiżiv huma maqsuma f’żewġ kategoriji. L-ewwel kategorija tinkludi l-korpi li jipprovdu servizz bla ħlas li, barra minn hekk, jista’ jinqabad minn tal-inqas minn 95 % tal-popoulazzjoni tar-Renju Unit. It-tieni kategorija tinkludi l-organi li ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet.

11      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 101 tal-Broadcasting Act 1996, kif emendat bit-Television Broadcasting Regulations 2000, fornitur ta’ programmi televiżivi li jaqa’ taħt wieħed minn dawn il-kategoriji jista’ jittrażmetti avveniment inkluż fil-lista, kollu kemm hu jew parti minnu b’xandira diretta, biss jekk fornitur li jaqa’ taħt il-kategoriji l-oħra jkun kiseb id-dritt li jittrażmetti l-istess avveniment kollu kemm hu jew parti minnu b’xandira diretta fl-istess, jew essenzjalment l-istess, reġjun. Jekk din il-kundizzjoni ma tiġix sodisfatta, il-korp li jixtieq jittrażmetti b’xandira diretta l-avveniment kollu kemm hu jew parti minnu għandu jikseb l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Office of Communications (Uffiċċju tal-komunikazzjonijiet).

12      Skont l-Artikolu 3 tal-Code on sports and other listed events (Kodiċi dwar l-avvenimenti sportivi u oħrajn inklużi fil-lista), skont kif fis-seħħ fl-2000, l-avvenimenti inklużi fil-lista ta’ importanza primarja għas-soċjetà huma maqsumin f’żewġ gruppi. Il-“grupp A” jinkludi l-avvenimenti li ma jistgħux jiġu koperti b’xandira diretta b’mod esklużiv jekk ċerti kriterji ma jiġux sodisfatti. Il-“grupp B” jinkludi avvenimenti li jistgħu jiġu trażmessi b’xandira diretta b’mod esklużiv biss jekk ikunu ttieħdu provvedimenti biex tiġi ggarantita x-xandira tagħhom b’mod differit.

13      Skont l-Artikolu 13 tal-Code on sports and other listed events, awtorizzazzjoni tal-Office of Communications tista’ tingħata għall-avvenimenti li jaqgħu taħt il-“grupp A” tal-lista, li għaliha tappartjeni t-Tazza tad-Dinja, meta d-drittijiet ta’ xandir relatati jkunu ġew pubblikament offerti f’kundizzjonijiet ekwi u raġonevoli lill-korpi kollha ta’ xandir televiżiv, mingħajr ma korp li jaqa’ taħt il-kategorija l-oħra jkun esprima l-interess tiegħu li jixtrihom.

14      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Settembru 1998, ir-Renju Unit ittrażmetta lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, bis-saħħa tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552, il-lista ta’ avvenimenti stabbilita mill-Ministru kif ukoll informazzjoni oħra li tikkonċerna l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru adottata skont l-Artikolu 3a(1) tal-istess direttiva. Wara skambju ta’ korrispondenza bejn ir-Renju Unit u l-Kummissjoni u notifika ġdida tal-miżuri li seħħew fil-5 ta’ Mejju 2000, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Edukazzjoni” tal-Kummissjoni informa lir-Renju Unit, permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Lulju 2000, li l-Kummissjoni ma qajmitx oġġezzjonijiet dwar il-miżuri ta’ dan l-Istat Membru li, għalhekk, għandhom jiġu sussegwentement ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

15      Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, Infront WM vs Il‑Kummissjoni (T‑33/01, Ġabra p. II‑5897), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni li kienet tinsab fl-ittra tat-28 ta’ Lulju 2000, minħabba li din kienet tikkostitwixxi deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 249 KE, li l-kulleġġ tal-Membri tal-Kummissjoni jmissu adotta huwa stess (sentenza Infront WM vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 178).

16      Wara s-sentenza Infront WM vs Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2007/730/KE, tas-16 ta’ Ottubru 2007, dwar il-kompatibbiltà mal-liġi Komunitarja tal-miżuri meħuda mir-Renju Unit skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva [89/552] (ĠU L 295, p. 12, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

17      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi s-segwenti:

“Artikolu 1

Il-miżuri meħuda skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva [89/552] u nnotifikati mir-Renju Unit lill-Kummissjoni fil- 5 ta’ Mejju 2000, kif ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej C 328 tat-18 ta’ Novembru 2000, huma kompatibbli mal-liġi Komunitarja.

Artikolu 2

Il-miżuri, kif stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej b’konformità ma’ l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva [89/552].”

18      Id-deċiżjoni kkontestata hija b’mod partikolari mmotivata mill-premessi segwenti:

“(4)      Il-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza kbira [primarja] għas-soċjetà, li hija inkluża fil-miżuri tar-Renju Unit, kienet imfassla b’mod ċar u trasparenti u f[’dan l-Istat Membru] tnediet konsultazzjoni estensiva.

(5)      Il-Kummissjoni kienet sodisfatta li l-avvenimenti elenkati fil-miżuri tar-Renju Unit kienu jilħqu mill-inqas tnejn mill-kriterji li ġejjin li kienu kkunsidrati bħala indikaturi ta’ min jorbot fuqhom rigward l-importanza ta’ avvenimenti għas-soċjetà: (i) reżonanza ġenerali speċjali fl-Istat Membru, u mhux sempliċement importanza għal dawk li s-soltu jsegwu l-isport jew l-attività kkonċernata; (ii) importanza kulturali distinta rikonoxxuta b’mod ġenerali għall-popolazzjoni fl-Istat Membru, b’mod partikolari bħala katalista ta’ identità kulturali; (iii) l-involviment tat-tim nazzjonali fl-avveniment ikkonċernat fil-kuntest ta’ kompetizzjoni jew turnew ta’ importanza internazzjonali; u (iv) il-fatt li l-avveniment kien tradizzjonalment imxandar fuq televiżjoni bla ħlas u ġibed lejh udjenzi kbar permezz tat-televiżjoni.

(6)      Għadd sinifikanti ta’ l-avvenimenti elenkati fil-miżuri tar-Renju Unit, inkluż il-Logħob Olimpiku tas-sajf u tax-xitwa kif ukoll il-Finali tat-Tazza tad-Dinja u t-turnew tal-Finali tal-Kampjonat Ewropew, jaqgħu fil-kategorija ta’ l-avvenimenti kkunsidrati tradizzjonalment bħala ta’ importanza kbira [primarja] għas-soċjetà, kif imsemmi b’mod espliċitu fil-premessa 18 tad-Direttiva [97/36]. Dawn l-avvenimenti għandhom reżonanza ġenerali speċjali fir-Renju Unit fl-intier tagħhom, peress li dawn huma partikolarment importanti mal-pubbliku ġenerali (irrispettivament min-nazzjonalità tal-parteċipanti), u mhux ma’ dawk biss li s-soltu jsegwu avvenimenti sportivi.

[…]

(18)      L-avvenimenti elenkati, li jinkludu dawk li għandhom jiġu kkunsidrati bħala ħaġa waħda u mhux bħala sensiela ta’ avvenimenti individwali, ġew tradizzjonalment imxandra fuq televiżjoni bla ħlas u ġibdu lejhom udjenzi kbar fuq it-televiżjoni. […]

(19)      Il-miżuri tar-Renju Unit jidhru proporzjonati sabiex jiġġustifikaw deroga mil-libertà fundamentali tat-Trattat tal-KE li jiġu fornuti servizzi fuq il-bażi tar-raġuni dominanti ta’ interess pubbliku, li jiġi żgurat aċċess pubbliku wiesa’ sabiex ikunu jistgħu jiġu mxandra avvenimenti ta’ importanza kbira [primarja] għas-soċjetà.

(20)      Il-miżuri tar-Renju Unit huma kompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni [tat-Trattat KE] minħabba li d-definizzjoni ta’ xandâra kkwalifikati sabiex ixandru l-avvenimenti elenkati hija bbażata fuq kriterji oġġettivi li jippermettu l-kompetizzjoni attwali u potenzjali sabiex jinkisbu d-drittijiet li jixxandru dawn l-avvenimenti. Barra minn hekk, l-għadd ta’ avvenimenti elenkati mhuwiex sproporzjonat sabiex jgħawweġ il-kompetizzjoni fis-swieq downstream tat-televiżjoni bla ħlas u tat-televiżjoni bi ħlas.

(21)      Il-proporzjonalità tal-miżuri tar-Renju Unit hija msaħħa bil-fatt li għadd ta’ avvenimenti elenkati jeħtieġu biss kopertura sekondarja adegwata.

[…]

(24)       Mid-deċiżjoni [Infront WM vs Il‑Kummissjoni] wieħed jikkonkludi li d-dikjarazzjoni li l-miżuri meħuda skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva [89/552] huma kompatibbli mal-liġi Komunitarja tikkostitwixxi deċiżjoni, li għalhekk għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġi ddikjarat b’din id-Deċiżjoni li l-miżuri notifikati mir-Renju Unit huma kompatibbli mal-liġi Komunitarja. Il-miżuri, kif stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej b’konformità ma’ l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva [89/552].”

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Frar 2008, il-FIFA ppreżentat ir-rikors preżenti.

20      Permezz ta’ att separat, iddepożitat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Frar 2008, il-FIFA talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, sabiex tippreżenta numru ta’ dokumenti, li fl-opinjoni tagħha huma essenzjali għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha kif ukoll għall-finijiet tal-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti Ġenerali għandha teżerċita.

21      Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2008, is-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, f’dan l-istadju, ma tilqax it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ppreżentata mill-FIFA.

22      Permezz ta’ atti ddepożitati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fil-11 u fis-16 ta’ Ġunju 2008, ir-Renju Unit kif ukoll ir-Renju tal-Belġju talbu sabiex jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

23      Permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Awwissu 2008, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqgħa dawn l-interventi. Il-partijiet intervenjenti ppreżentaw in-noti tagħhom u l-FIFA ppreżentat l-osservazzjonijiet dwar dawn in-noti fit-termini mogħtija.

24      Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Diċembru 2009, din il-kawża ġiet magħquda mal-kawża T‑385/07, FIFA vs Il‑Kummissjoni, għall-finijiet tal-proċedura orali.

25      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lil FIFA u żewġ mistoqsijiet lill-Kummissjoni. Il-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali kienu mwieġba fit-terminu mogħti.

26      Il-FIFA titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata parzjalment jew totalment sa fejn tirrigwarda t-Tazza tad-Dinja;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni, lir-Renju tal-Belġju u lir-Renju Unit għall-ispejjeż.

27      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lill-FIFA għall-ispejjeż.

28      Ir-Renju tal-Belġju u r-Renju Unit jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Id-dritt

1.     Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

29      Ir-Renju tal-Belġju jsostni li r-rikors huwa inammissibbli peress li l-FIFA hi la individwalment u lanqas direttament ikkonċernata bid-deċiżjoni kkontestata u peress li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex kompetenza sabiex tevalwa l-legalità ta’ miżuri nazzjonali. Barra minn hekk, il-FIFA ma ppreżentatx rikors kontra l-miżuri tar-Renju Unit quddiem il-qrati nazzjonali, sabiex b’hekk ir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali ġie ppreżentat wara t-terminu, fejn l-eventwali annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jaffettwax il-validità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

30      Il-FIFA tqis li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti legali u li, barra minn hekk, tikkonċernaha direttament u individwalment.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

31      Il-motivi ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju tal-Belġju jirrigwardaw l-ordni pubbliku peress li, fil-kuntest tagħhom, jitrattaw il-locus standi tal-FIFA, il-fatt li t-terminu tar-rikors jiġi osservat u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali. Għalhekk, hemm lok li l-Qorti Ġenerali teżamina ex officio dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, minkejja li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-Renju tal-Belġju ma għandux il-kwalità li jqajjem l-imsemmija eċċezzjonijiet u l-Kummissjoni ma kkontestatx l-ammissibbiltà tar-rikors (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punti 21 sa 23).

32      Fir-rigward tal-interess dirett tal-FIFA, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, kif stabbilit fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, titlob li l-miżura Komunitarja kkontestata toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplementawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM, C‑125/06 P, Ġabra p. I‑1451, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 101 tal-Broadcasting Act 1996 (ara l-punt 11 iktar ’il fuq), ebda korp ta’ xandir televiżiv li jaqa’ taħt wieħed mill-kategoriji deskritti fil-punt 10 iktar ’il fuq ma jista’ jittrażmetti b’xandira diretta u esklużiva ta’ avveniment inkluż fil-lista tar-Renju Unit. Huwa biss jekk ebda korp li jaqa’ taħt il-kategorija l-oħra ma jkun wera interess għall-akkwist tad-drittijiet biex ixandar dan l-avveniment u jekk il-kundizzjonijiet l-oħra msemmija fil-punt 13 iktar ’il fuq jiġu sodisfatti li l-Office of Communications jista’ jawtorizza l-korp li jkun kiseb id-drittijiet sabiex jittrażmetti b’xandira diretta u esklużiva l-avveniment inkwistjoni.

34      Minn din il-leġiżlazzjoni jirriżulta li l-għoti tad-drittijiet ta’ xandir tat-Tazza tad-Dinja, li tagħha l-FIFA hija l-organizzatriċi fis-sens tal-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, lil korpi tax-xandir televiżiv li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tar-Renju Unit b’mod li jċaħħad lil korpi oħra li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-istess Stat Membru u li jkunu wrew interess fir-rigward tal-akkwist min-naħa tagħhom tal-possibbiltà li jittrażmettu dan l-avveniment kollu kemm hu jew parti minnu f’dan il-pajjiż ma jipproduċix l-effetti legali normalment ikkawżati b’tali klawżola ta’ esklużività.

35      Għalkemm huwa minnu li dawn il-konsegwenzi legali jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit u mhux mid-deċiżjoni kkontestata, xorta jibqa’ l-fatt li l-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit minn din tal-aħħar, skont l-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva 89/552, joħloq għall-Istati Membri l-obbligu li dawn il-konsegwenzi jitħarsu. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ruħhom mill-osservanza, permezz tal-korpi ta’ xandir televiżiv li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, tal-kundizzjonijiet ta’ trażmissjoni televiżiva fir-Renju Unit tal-avvenimenti inklużi fil-lista ta’ dan l-Istat Membru, kif iddefiniti mir-Renju Unit fil-miżuri approvati u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Issa, l-obbligu li dan ir-riżultat jintlaħaq jippreġudika direttament is-sitwazzjoni legali tal-korpi ta’ xandir televiżiv li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stati Membri minbarra r-Renju Unit u li jixtiequ jixtru d-drittijiet ta’ trażmissjoni fir-Renju Unit miżmuma oriġinarjament mill-FIFA (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Infront WM, punt 32 iktar ’il fuq, punti 62 u 63).

36      Għaldaqstant, il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit bid-deċiżjoni kkontestata jobbliga lill-Istati Membri sabiex jeskludu l-implementazzjoni tad-drittijiet bħal dawk deskritti fil-punt 34 iktar ’il fuq min-naħa tal-korpi ta’ xandir televiżiv li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, b’mod li d-drittijiet li oriġinarjament kellha l-FIFA jiġu wkoll affettwati meta dawn jiġu offruti pubblikament lil korpi li ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tar-Renju Unit, iżda taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor.

37      Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi b’mod dirett effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-FIFA fir-rigward tad-drittijiet miżmuma oriġinarjament minnha u ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri fir-rigward tar-riżultat imfittex li huwa impost b’mod awtomatiku u li jirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, irrispettivament mill-kontenut tal-mekkaniżmi partikolari li l-awtoritajiet nazzjonali jistabbilixxu sabiex jilħqu dan ir-riżultat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Infront WM, punt 32 iktar ’il fuq, punti 60 u 61).

38      Għalhekk, il-FIFA hija direttament ikkonċernata bid-deċiżjoni kkontestata.

39      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-FIFA hijiex individwalment ikkonċernata bid-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jitfakkar li l-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jallegaw li huma individwalment ikkonċernati biss fil-każ fejn din id-deċiżjoni tippreġudikahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal kif jiġi individwalizzat id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Infront WM, punt 31 iktar ’il fuq, punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’din il-kawża, huwa paċifiku, irrispettivament min-natura legali u mis-sors tad-drittijiet ta’ trażmissjoni tat-Tazza tad-Dinja, li din tikkostitwixxi avveniment skont il-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, fis-sens li hija organizzata bil-quddiem minn organizzatur legalment awtorizzat li jbigħ dawn id-drittijiet u li l-FIFA hija l-organizzatriċi inkwistjoni. Din is-sitwazzjoni tgħodd ukoll fil-mument li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, fejn il-FIFA kienet perfettament identifikabbli f’dan il-mument.

41      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi b’mod partikolari għall-FIFA meta tirreferi, fl-anness tagħha, għall-“fażi finali tat-Tazza tad-Dinja FIFA”.

42      Għalhekk, il-FIFA hija individwalment ikkonċernata bid-deċiżjoni kkontestata.

43      Fir-rigward tal-argumenti tar-Renju tal-Belġju bbażati fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tevalwa l-legalità ta’ miżuri nazzjonali fil-kuntest tal-Artikolu 230 KE u li l-FIFA ma kkontestatx il-miżuri tar-Renju Unit quddiem il-qrati nazzjonali, għandu jiġi osservat sempliċement li, permezz tar-rikors tagħha, il-FIFA tikkontesta b’mod partikolari l-legalità tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-miżuri inkwistjoni ġew iddikjarati kompatibbli mad-dritt Komunitarju.

44      Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ mitlub mill-Qorti Ġenerali f’din il-kawża jirrigwarda l-legalità ta’ din il-konstatazzjoni, mingħajr ma l-fatt li l-miżuri tar-Renju Unit ma ġewx ikkontestati quddiem il-qrati nazzjonali ma jaffettwa b’mod jew ieħor l-ammissibbiltà tar-rikors li ġie ppreżentat skont it-terminu previst fl-Artikolu 230 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Infront WM vs Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, punt 109).

45      Għaldaqstant, l-argumenti li jirrigwardaw l-inammissibbiltà tar-rikors imressqa mir-Renju tal-Belġju għandhom jiġu miċħuda.

2.     Fuq il-mertu

46      Il-FIFA tressaq, essenzjalment, sitt motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552, it-tielet nett, fuq il-ksur tad-dritt tagħha ta’ proprjetà, ir-raba’ nett, fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-ħames nett, fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni u, is-sitt nett, fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment.

47      Qabel ma l-motivi mressqa mill-FIFA jiġu eżaminati, hemm lok li jiġu spjegati ċerti kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tagħhom.

48      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 ikkonkretizza l-possibbiltà li l-Istati Membri għandhom li jirrestrinġu, abbażi ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, l-eżerċizzju, fil-qasam tal-awdjoviżiv, tal-libertajiet fundamentali stabbiliti fid-dritt Komunitarju primarju.

49      Fil-fatt, minkejja li l-miżuri adottati mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 japplikaw b’mod nondiskriminatorju kemm għall-impriżi stabbiliti fit-territorju nazzjonali kif ukoll għall-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra, huwa biżżejjed li dawn il-miżuri jivvantaġġjaw ċerti impriżi stabbiliti fit-territorju nazzjonali sabiex jitqiesu bħala li jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 49 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 1997, SETTG, C‑398/95, Ġabra p. I‑3091, punt 16, u tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan‑Europe Communications Belgium et, C‑250/06, Ġabra p. I‑11135, punti 37 u 38). Bl-istess mod, dawn il-miżuri jistgħu jipprekludu l-libertà ta’ stabbiliment meta jkunu jistgħu jpoġġu lill-kumpanniji ta’ Stati Membri oħra f’sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi żvantaġġuża meta mqabbla ma’ dik tal-kumpanniji tal-Istat Membru li jkun adottahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Mejju 1999, Pfeiffer, C‑255/97, Ġabra p. I‑2835, punt 19).

50      Issa, dawn ir-restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jistgħu jiġu ġġustifikati meta jissodisfaw raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sa fejn ikunu adatti sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Pfeiffer, punt 49 iktar ’il fuq, punt 19, u United Pan‑Europe Communications Belgium et, punt 49 iktar ’il fuq, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-libertà ta’ espressjoni, kif protett bl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, jinsab fost id-drittijiet fundamentali ggarantiti mis-sistema legali Komunitarja u jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika tali restrizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza United Pan‑Europe Communications Belgium et, punt 49 iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-libertà ta’ espressjoni tinkludi wkoll il-libertà li wieħed jirċievi l-informazzjoni.

52      F’din il-kawża, hekk kif inhu rrilevat fil-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, il-miżuri adottati mir-Renju Unit jikkostitwixxu xkiel għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Madankollu, kif jirriżulta mill-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, il-miżuri koperti mill-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 huma intiżi li jipproteġu d-dritt għal informazzjoni u li jiżguraw aċċess wiesa’ għall-pubbliku tat-trażmissjonijiet televiżivi ta’ avvenimenti nazzjonali jew le li jkunu ta’ importanza primarja għas-soċjetà. Skont il-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, avveniment huwa ta’ importanza primarja meta jkun straordinarju, il-pubbliku ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat Membru partikolari jew parti sinjifikattiva ta’ Stat Membru partikolari jkun interessat fih u huwa organizzat bil-quddiem minn organizzatur ta’ avvenimenti li huwa awtorizzat li jbigħ id-drittijiet marbuta ma’ dan l-avveniment.

53      Minn dan jirriżulta li, peress illi huma jirrigwardaw avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà, il-miżuri koperti mill-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 huma ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, fatt li l-FIFA ma tikkontestax.

54      Sussegwentement, kif ġie rrilevat fil-punt 50 iktar ’il fuq, il-miżuri inkwistjoni għandhom ikunu wkoll adatti sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u li ma jmorrux lil hinn min dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq.

55      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-portata tal-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, hemm lok li jiġi rrilevat li, l-ewwel nett, l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, li għalih tirreferi din il-premessa, ma jipproċedix għal armonizzazzjoni tal-avvenimenti speċifiċi li jistgħu jitqiesu mill-Istati Membri bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà. Fil-fatt, kuntrarjament għall-verżjoni ta’ dan l-artikolu li tidher fid-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni komuni stabbilita mill-Kunsill bil-ħsieb li d-Direttiva 97/36 tiġi adottata (ĠU 1996 C 362, p. 56) u li tirreferi espressament għal-Logħob Olimpiku tas-sajf u tax-xitwa u għall-kampjonati tad-dinja u tal-Ewropa tal-futbol, din id-dispożizzjoni ma tirreferix għal avvenimenti speċifiċi li jistgħu jiddaħlu fil-listi nazzjonali.

56      Minn dan jirriżulta, kif tirrileva barra minn hekk il-Kummissjoni, li l-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 ma għandhiex tinftiehem li l-fatt li t-Tazza tad-Dinja ġiet inkluża fil-lista nazzjonali tal-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà jwassal sabiex titqies bħala awtomatikament kompatibbli mad-dritt Komunitarju. Iktar u iktar, din il-premessa ma għandhiex tinftiehem bħala li tindika li t-Tazza tad-Dinja tista’ validament dejjem tiġi inkluża kollha kemm hi f’din il-lista, irrispettivament mill-interess li l-logħbiet ta’ din il-kompetizzjoni jnissel fl-Istat Membru kkonċernat.

57      Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 48 sa 53 iktar ’il fuq, din il-premessa timplika li, meta Stat Membru jinkludi logħbiet tat-Tazza tad-Dinja fil-lista li għażel li jistabbilixxi, ma hemmx bżonn li jniżżel fil-komunikazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni motivazzjoni speċjali dwar in-natura tagħhom bħala avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà.

58      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-fondatezza tal-motivi mqajma mill-FIFA għandha tiġi evalwata.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

59      Skont il-FIFA, il-Kummissjoni ma tressaq ebda motiv, fid-deċiżjoni kkontestata, biex tiġġustifika l-inklużjoni tal-64 logħba kollha tat-Tazza tad-Dinja fil-lista tar-Renju Unit. Ċertament, it-Tazza tad-Dinja tissemma fil-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 bħala eżempju ta’ avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà, iżda dan ma jfissirx li l-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja jistgħu jiġu awtomatikament ikkunsidrati bħala ta’ tali importanza jew li għandhom ikunu s-suġġett ta’ aċċess illimitat għall-pubbliku. Barra minn hekk, ebda element ma jippermetti li jiġi konkluż li din il-premessa tirreferi għat-Tazza tad-Dinja fit-totalità tagħha. F’dan ir-rigward, il-FIFA tenfasizza li diviżjoni tal-logħbiet tal-imsemmija kompetizzjoni, minn naħa, f’logħbiet “ta’ importanza primarja”, li jinkludu ż-żewġ semifinali, il-finali, u logħbiet tat-tim nazzjonali kkonċernat, f’dan il-każ wieħed mit-timijiet tar-Renju Unit, u li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru u, min-naħa l-oħra, f’logħbiet “mhux ta’ importanza primarja”, li jinkludu l-logħbiet kollha l-oħra, mhux neċessarjament dawk li jistgħu jiġu kkwalifikati b’dan il-mod, hija infallibbli u tikkorrispondi għall-metodu implementat minn Stati Membri oħra li nnotifikaw il-miżuri tagħhom skont l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552. Il-Kummissjoni nnifisha rrikonoxxiet tali kategorizzazzjoni tal-logħob fid-dokument tax-xogħol tagħha CC TVSF(97) dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552.

60      Billi kkunsidrat li l-istħarriġ tagħha tal-għażliet nazzjonali ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja hija purament marġinali u prattikament żejda, il-Kummissjoni għamlet kunsiderazzjoni żbaljata tal-obbligu tagħha ta’ verifika ddettaljata tal-kompatibbiltà tal-miżuri tar-Renju Unit mad-dritt Komunitarju, liema ċirkustanza wasslitha sabiex ma timmotivax id-deċiżjoni kkontestata b’mod adegwat fir-rigward tal-kwalifika tal-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru.

61      Il-FIFA tenfasizza wkoll li l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma ħadux inkunsiderazzjoni ċ-ċifri ta’ telespettaturi relatati mat-Tazza tad-Dinja tal-1998 għall-finijiet tad-deċiżjoni tagħhom tal-25 ta’ Ġunju 1998 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), peress li din il-kompetizzjoni ntemmet fit-12 ta’ Lulju 1998, filwaqt li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq din id-data biex tadotta d-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2000. Barra minn hekk, dawn l-awtoritajiet lanqas ma ħadu inkunsiderazzjoni l-imsemmija ċifri ta’ telespettaturi qabel ma nnotifikaw il-lista tagħhom lill-Kummissjoni għal darb’oħra fil-5 ta’ Mejju 2000 (ara l-punt 14 iktar ’il fuq).

62      Peress li l-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja ġew inklużi fil-lista tad-Deċiżjoni tal-25 ta’ Ġunju 1998 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) minkejja l-proposti tal-Advisory Group on listed events (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), tal-uffiċjali tal-Ministeru tal-Kultura, tal-Mezzi tax-Xandir u tal-Isport u tad-direttur ġenerali tal-Office of Fair Trading (OFT, awtorità tal-kompetizzjoni tar-Renju Unit) kif ukoll tal-pożizzjoni inizjali tal-Ministeru li tirrakkomanda l-inklużjoni tal-logħbiet “ta’ importanza primarja” biss, il-Kummissjoni jmissha mmotivat id-deċiżjoni tagħha li taċċetta l-inklużjoni tal-logħbiet kollha fil-lista tar-Renju Unit. Barra minn hekk, il-Kummissjoni jmissha informat ruħha dwar iċ-ċifri ta’ telespettaturi għat-Tazez tad-Dinja tal-1998, tal-2002 u tal-2006, minnflok ma reġgħet tenniet b’mod sħiħ id-deċiżjoni adottata seba’ snin qabel, f’Lulju 2000. Il-FIFA tosserva, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni nnifisha tgħid li hij ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċifri ta’ telespettaturi tat-Tazza tad-Dinja tal-1998 għall-finijiet tad-deċiżjoni tagħha tat-28 ta’ Lulju 2000, minkejja l-fatt li dawn ma kinux disponibbli fil-mument tal-adozzjoni, mir-Renju Unit, tal-lista tagħha fil-25 ta’ Ġunju 1998, li jikkonferma li kien hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-iktar data reċenti għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-FIFA tenfasizza li, fis-sentenza tagħha Infront WM vs Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali adottat pożizzjoni fuq raġunijiet għal annullament oħra biss fir-rigward ta’ dik ibbażata fuq difett sostanzjali li abbażi tagħha hija annullat id-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2000.

63      Il‑FIFA ssostni li kien hemm skambju ta’ korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tar-Renju Unit bejn Awwissu 2006 u Frar 2007. Hija tenfasizza li ngħata bidu għal proċeduri amministrattivi ta’ aċċess għad-dokumenti kemm fuq livell Komunitarju kif ukoll fuq livell nazzjonali mingħajr riżultat favorevoli fil-konfront tagħha. Il-FIFA tikkunsidra li l-Kummissjoni jmissha wriet fid-deċiżjoni kkontestata ċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-evalwazzjoni tagħha fuq il-kompatibbiltà tal-miżuri tar-Renju Unit mad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari ċ-ċifri ta’ telespettaturi tat-Tazez tad-Dinja tal-1998, tal-2002 u tal-2006, kif ukoll il-kontenut ta’ din il-korrispondenza, sa fejn hija ħadet inkunsiderazzjoni informazzjoni li tinsab fiha għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

64      Fl-aħħar nett, il-FIFA ssostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kkompletata fil-mori tal-kawża, peress li kull motiv invokat għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, bħal dawk invokati mill-Kummissjoni fid-difiża tagħha, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward, il-valur ta’ prova fuq il-mertu tagħha ma huwiex importanti.

65      Minn kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fir-rigward tal-evalwazzjoni li tgħid li l-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja pjuttost milli l-logħbiet “ta’ importanza primarja” biss huma avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit, il-Kummissjoni għamlet kunsiderazzjoni żbaljata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha bi ksur tal-Artikolu 253 KE.

66      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

67      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u r-raġunament tal-istituzzjoni, l-awtriċi tal-att, għandu jinftiehem b’mod ċar u inekwivoku, b’mod li jippermetti li l-partijiet ikkonċernati jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew il-persuni l-oħra direttament jew individwalment ikkonċernati bl-att jista’ jkollhom mill-fatt li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward ta’ kliemha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Marzu 2000, VBA vs Florimex et, C‑265/97 P, Ġabra p. I‑2061, punt 93).

68      Il-FIFA tikkritika lill-Kummissjoni talli ma mmotivatx speċjalment il-konklużjoni tagħha li l-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja pjuttost milli l-logħbiet “ta’ importanza primarja” biss għandhom jitqiesu bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li, fit-tweġiba bil-miktub tagħha għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (ara l-punt 25 iktar ’il fuq), il-FIFA espliċitament ikkonfermat dak illi jirriżulta indirettament minn diversi punti tan-noti tagħha, jiġifieri li hija tqis li l-fatt li jiġu inklużi l-logħbiet “ta’ importanza primarja” tat-Tazza tad-Dinja fil-lista nazzjonali huwa kompatibbli mad-dritt Komunitarju, bil-kundizzjoni li r-rekwiżiti ta’ proċedura ċara u trasparenti jiġu osservati wkoll.

69      Issa, għalkemm huwa veru li l-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 ma tiħux pożizzjoni fuq il-kwistjoni kruċjali dwar l-inklużjoni totali jew parzjali tal-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja f’lista nazzjonali ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà, l-ebda kunsiderazzjoni valida ma tippermetti li jiġi konkluż li bħala regola l-logħbiet “ta’ importanza primarja” biss jistgħu jiġu kklassifikati bħala tali u li, minħabba dan il-fatt, jistgħu jiġu inklużi f’din il-lista.

70      Fil-fatt, it-Tazza tad-Dinja hija kompetizzjoni li tista’ raġonevolment titqies bħala avveniment wieħed milli pjuttost bħala sensiela ta’ avvenimenti mqassma f’logħbiet “ta’ importanza primarja” u “mhux ta’ importanza primarja”. F’dan ir-rigward, huwa magħruf li, fil-kuntest tat-Tazza tad-Dinja, ir-riżultati tal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” jiddeterminaw ir-riżultat tat-timijiet, u għalhekk il-parteċipazzjoni tagħhom għal logħbiet “ta’ importanza primarja”, bħal dawk li jinvolvu t-tim nazzjonali relatat, tista’ tiddependi minnhom. Għalhekk, il-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” jistabbilixxu l-avversarji tat-tim nazzjonali fil-każ li jgħaddu għall-fażijiet segwenti tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, ir-riżultati tal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” jistgħu wkoll jiddeterminaw il-preżenza jew le ta’ dan it-tim nazzjonali fil-fażijiet segwenti tal-kompetizzjoni.

71      Fid-dawl ta’ dan il-kuntest speċifiku li jippermetti li t-Tazza tad-Dinja titqies bħala avveniment wieħed, kif tenfasizza l-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn timmotiva f’iktar dettall l-evalwazzjoni tagħha dwar il-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja”, b’mod partikolari meta l-istatistika rilevanti ma turix li dawn il-logħbiet jattiraw sistematikament numru żgħir ta’ telespettaturi (ara l-punti 122 sa 129 iktar ’il quddiem). Dawn iċ-ċirkustanzi ppermettew lill-Kummissjoni timmotiva d-deċiżjoni tagħha wkoll b’riferiment għall-interess partikolari li t-Tazza tad-Dinja tnissel fir-Renju Unit fis-sens li dan huwa avveniment partikolarment popolari mal-pubbliku inġenerali u mhux biss mal-persuni interessati fil-futbol, kif tistabbilixxi l-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata.

72      Minn dan jirriżulta li l-motivazzjoni li tinsab fil-premessi 6 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 18 iktar ’il fuq) tippermetti lill-FIFA tidentifika r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li l-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja setgħu validament jiġu inklużi fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit u lill-Qorti Ġenerali sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fir-rigward tal-fondatezza ta’ din l-evalwazzjoni, b’mod li d-deċiżjoni kkontestata tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 253 KE f’dan ir-rigward.

73      Din il-konklużjoni ma titqegħidx inkwistjoni mill-fatt li, waqt il-proċedura ta’ adozzjoni tal-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit, ċerti korpi kienu pproponew l-inklużjoni tal-logħbiet “ta’ importanza primarja” fuq din il-lista biss. Fil-fatt, billi l-importanza tal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” tiġġustifika l-kwalifika tat-Tazza tad-Dinja kollha kemm hi bħala avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà, il-fatt li ċerti uffiċjali jew korpi konsultattivi, fil-kuntest tal-attribuzzjonijiet tagħhom, issuġġerew lill-Ministru l-inklużjoni tal-logħbiet “ta’ importanza primarja” biss fil-lista ma jagħtix lok għall-obbligu għall-Kummissjoni li tispjega għalfejn il-Ministru ma wettaqx żball billi adotta pożizzjoni differenti, iżda ugwalment valida.

74      L-istess jgħodd għall-argumenti li jikkonċernaw l-eżistenza ta’ korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tar-Renju Unit li għaliha d-deċiżjoni kkontestata ma tagħmilx referenza. Fil-fatt, ġaladarba l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjenti, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata talli konsegwentement ma inkludietx elementi fiha. Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk jirriżulta minn elementi oħra li l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” effettivament ma humiex ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit tolqot il-legalità fuq il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata u għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tat-tieni motiv (ara l-punti 118 sa 129 iktar ’il quddiem).

75      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li ċ-ċifri ta’ telespettaturi tat-Tazza tad-Dinja tal-1998 ma kinux disponibbli fil-25 ta’ Ġunju 1998, data tal-adozzjoni tal-lista tar-Renju Unit (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), meta l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuq dawn iċ-ċifri, għandu jiġi kkonstatat li xejn ma jipprekludi Stat Membru milli tissottometti lill-Kummissjoni elementi relatati ma’ perijodu li jippreċedi d-data ta’ adozzjoni tal-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà u lanqas ma hi prekluża l-Kummissjoni milli tieħu dan inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, tali elementi jistgħu jwasslu lill-Kummissjoni sabiex titlob lill-Istat Membru inkwistjoni jbiddel il-miżuri tiegħu sabiex dawn isiru kompatibbli mad-dritt Komunitarju, abbażi ta’ data kemm jista’ jkun aġġornata. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata bil-fatt li l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552 tistieden lill-Istati Membri jissottomettu l-miżuri tagħhom lill-Kummissjoni anki qabel l-adozzjoni tagħhom.

76      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kellhiex tesponi, speċjalment fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġuni li għaliha hija għażlet li tieħu inkunsiderazzjoni elementi li ma kinux jeżistu fil-mument tal-istabbiliment tal-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit.

77      Għaldaqstant l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552

78      Dan il-motiv huwa artikolat f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-fatt li l-miżuri tar-Renju Unit ma ġewx adottati skont proċedura ċara u trasparenti u, it-tieni nett, fuq il-fatt li l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” ma humiex ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru.

 Fuq il-proċedura segwita mill-awtoritajiet tar-Renju Unit

–       L-argumenti tal-partijiet

79      Il-FIFA ssostni li l-inklużjoni tal-imsemmija logħbiet tat-Tazza tad-Dinja fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit kienet ikkaratterizzata minn opaċità ċerta u fiha nnifisha ma tistax tinfthiem. F’dan ir-rigward, il-FIFA tosserva li l-Ministru ma segwiex il-pariri unanimi li huwa kien irċieva mill-uffiċjali tal-ministeru kompetenti, mill-Advisory Group on listed events u mid-direttur ġenerali tal-Office of Fair Trading (OFT, awtorità tal-kompetizzjoni tar-RenjuUnit) u lanqas il-pożizzjoni inizjali tal-ministeru u r-raġunijiet għal din l-għażla qatt ma ġew żvelati. Issa, in-nuqqas ta’ żvelar tar-raġunijiet li wasslu lill-Ministru jeskludi dawn ir-rakkomandazzjonijiet indipendenti ma huwiex kompatibbli mar-rekwiżiti ta’ ċarezza u trasparenza li għandhom jirregolaw il-proċedura inkwistjoni. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tar-Renju Unit esponew b’mod inkorrett, f’dokument tat-23 ta’ Settembru 1999, li ċ-ċifri ta’ telespettaturi relatati mat-Tazza tad-Dinja tal-1998 kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Ġunju 1998 (ara l-punt 61 iktar ’il fuq), fejn il-Kummissjoni setgħet faċilment tikkonstata dan.

80      Barra minn hekk, iċ-ċifri ta’ telespettaturi relatati mat-Tazza tad-Dinja tal-1994 kienu wkoll ivvizzjati bi żball matematiku importanti. Fi kwalunkwe każ, la ċ-ċifri relatati mat-Tazza tad-Dinja tal-1998 u lanqas dawk relatati ma’ dik tal-1994 ma jiġġustifikaw l-inklużjoni fil-lista tal-logħbiet kollha ta’ din il-kompetizzjoni. It-tieni notifika tal-lista, li seħħet fil-5 ta’ Mejju 2000 (ara l-punt 14 iktar ’il fuq), ma għandha ebda inċidenza fuq is-sitwazzjoni deskritta hawn fuq peress li ċ-ċifri tal-1998 ma ġewx effettivament eżaminati mill-ġdid qabel din in-notifika l-ġdida.

81      Peress li, l-ewwel nett, ir-raġunijiet wara l-inklużjoni tal-logħbiet kollha fil-lista tal-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit ma kinux manifestament l-istess bħal dawk ikkomunikati mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru lill-Kummissjoni u, it-tieni nett, ir-raġunijiet tal-ewwel ma ġewx żvelati, il-Kummissjoni għandha biss tikkonkludi li l-proċedura nazzjonali hija inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ trasparenza msemmija fl-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni wettqet żball billi kkonkludiet li l-imsemmija proċedura hija ta’ natura ċara u trasparenti. Dan l-ilment ma jikkonċernax il-validità tal-proċedura nazzjonali fiha nnifisha, iżda l-legalità tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

82      Fl-aħħar nett, il-FIFA tenfasizza li t-tnedija ta’ konsultazzjoni li għaliha pproċeda l-Ministru fir-rigward tal-kriterji ta’ selezzjoni tal-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà ma tbiddilx l-evalwazzjonijiet tagħha, ġaladarba hija ma tikkontestax ir-rilevanza ta’ dawn il-kriterji.

83      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza tal-allegazzjonijiet tal-FIFA.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

84      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 ma jistabbilixxix l-elementi speċifiċi li għandhom jikkaratterizzaw il-proċeduri implementati fuq livell nazzjonali għall-finijiet tar-redazzjoni tal-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà. Din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jorganizzaw il-proċeduri inkwistjoni fir-rigward tal-istadji tagħhom, tal-konsultazzjoni eventwali tal-persuni kkonċernati u tal-għoti tal-kompetenzi amministrattivi, filwaqt li tippreċiża li dawn għandhom ikunu kollha kemm huma ċari u trasparenti.

85      Fil-fatt, ir-restrizzjonijiet fl-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti bit-Trattat permezz tal-miżuri nazzjonali ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali xorta għandhom ikunu adegwati sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex minnhom u ma għandhomx imorru lil hinn min dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara punt 50 iktar ’il fuq).

86      B’hekk, anki meta leġiżlazzjonijiet nazzjonali, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552, ikollhom bħala għan il-ħarsien tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni (ara l-punti 51 sa 53 iktar ’il fuq), ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-miżuri intiżi sabiex jimplementaw it-tali politika għandhom fi kwalunkwe każ ikunu proporzjonati meta mqabbla mal-imsemmi għan u l-metodi għall-applikazzjoni tagħhom ma għandhomx jikkomportaw diskriminazzjonijiet b’detriment għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Novembru 1989, Groener, C‑379/87, Ġabra p. 3967, punt 19, u tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C‑112/00, Ġabra p. I‑5659, punt 82).

87      Huwa f’dan il-kuntest li l-proċeduri implementati mill-Istati Membri sabiex jadottaw il-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà għandhom ikunu ċari u trasparenti, fis-sens li dawn għandhom jiġu bbażati fuq kriterji oġġettivi magħrufa bil-quddiem mill-persuni kkonċernati, b’mod li jiġi evitat li s-setgħa diskrezzjonali li l-Istati Membri għandhom sabiex jiddeċiedu dwar l-avvenimenti speċifiċi li għandhom jiġu inklużi fil-listi tagħhom tiġi eżerċitata b’mod arbitrarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza United Pan‑Europe Communications Belgium et, punt 49 iktar ’il fuq, punt 46). Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-inklużjoni ta’ avveniment fil-lista teħtieġ, skont l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, li l-imsemmi avveniment ikun ta’ importanza primarja għas-soċjetà, xorta jibqa’ l-fatt li l-iffissar bil-quddiem tal-kriterji speċifiċi li fid-dawl tagħhom din l-importanza għandha tiġi evalwata jikkostitwixxi element essenzjali sabiex id-deċiżjonijiet nazzjonali jiġu adottati b’mod trasparenti u fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom f’dan ir-rigward (ara l-punt 112 iktar ’il quddiem).

88      Ir-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ trasparenza tal-proċeduri jimplika wkoll li d-dispożizzjonijiet relatati jindikaw l-awtorità kompetenti sabiex tiġi stabbilita l-lista ta’ avvenimenti kif ukoll il-kundizzjonijiet li taħthom il-persuni kkonċernati jistgħu jifformulaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

89      Min-naħa l-oħra, is-sempliċi eżistenza ta’ elementi li jistgħu jinvalidaw l-evalwazzjoni ta’ awtorità nazzjonali fir-rigward tal-importanza ta’ avveniment partikolari għas-soċjetà ma tikkonċerna la ċ-ċarezza u lanqas it-trasparenza tal-proċedura segwita, iżda l-fondatezza ta’ din l-evalwazzjoni. L-istess jgħodd meta dawn l-elementi jikkonsistu f’opinjonijiet espressi minn korpi konsultattivi jew minn dipartimenti li jaqgħu taħt l-awtorità kompetenti.

90      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-FIFA tikkontesta ċ-ċarezza u t-trasparenza tal-proċeduri implementati mir-Renju Unit sa fejn dawn taw lok għall-inklużjoni fil-lista tal-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja minflok il-logħbiet “ta’ importanza primarja” biss.

91      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-ilmenti mressqa mill-FIFA ma humiex tali li jqegħdu inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fuq iċ-ċarezza jew it-trasparenza tal-proċedura segwita mill-Ministru għall-finijiet tal-adozzjoni tal-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit (ara l-punti 7 sa 9 iktar ’il fuq). Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-FIFA, ir-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ trasparenza stabbilit bl-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, la għandu bħala għan u lanqas bħala effett li jġiegħel lill-awtorità nazzjonali kompetenti tesponi r-raġunijiet li għalihom hija ma segwietx opinjonijiet jew osservazzjonijiet li ġew ippreżentati lilha matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni.

92      Din l-evalwazzjoni hija ferm iktar neċessarja fir-rigward tat-Tazza tad-Dinja, li tissemma fil-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 u tista’ raġonevolment titqies bħala avveniment wieħed pjuttost milli sensiela ta’ avvenimenti individwali mqassma f’logħbiet “ta’ importanza primarja” u “mhux ta’ importanza primarja” (ara l-punt 70 iktar ’il fuq).

93      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk persuna kkonċernata tqis li l-opinjonijiet ippreżentati matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni jew anki pożizzjoni espressa minn dipartimenti li jaqgħu taħt l-awtorità kompetenti jinkludu elementi li jannullaw l-evalwazzjoni finali ta’ din l-awtorità fir-rigward tal-importanza tal-avveniment inkwistjoni għas-soċjetà, hija għandha l-possibbiltà, l-ewwel nett, li tqiegħed din l-evalwazzjoni inkwistjoni quddiem il-qrati nazzjonali u, it-tieni nett, li tikkontesta quddiem il-Qorti Ġenerali l-fondatezza tad-deċiżjoni eventwali tal-Kummissjoni li tapprova din l-evalwazzjoni, wara kollox bħal ma għamlet il-FIFA fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv.

94      Fir-rigward tal-allegazzjonijiet li jikkonċernaw iċ-ċifri ta’ telespettaturi meħuda inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, għandu jiġi kkonstatat li, dawn ukoll, iqiegħdu inkwistjoni l-evalwazzjoni fuq il-mertu tal-Kummissjoni fir-rigward tal-fondatezza tal-pożizzjoni tal-Ministru dwar l-importanza tal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, dawn lanqas ma jikkonċernaw il-kwistjoni dwar jekk proċedura implementata mill-awtoritajiet tar-Renju Unit kinitx ċara u trasparenti.

95      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li ċ-ċifri ta’ telespettaturi tat-Tazza tad-Dinja tal-1998 ma kinux disponibbli fil-25 ta’ Ġunju 1998, data ta’ adozzjoni tal-lista tar-Renju Unit (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), meta l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuq dawn iċ-ċifri, dan għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 75 iktar ’il fuq.

96      Għaldaqstant l-argumenti tal-FIFA ma jistabbilixxux li l-Kummissjoni wettqet żball billi kkunsidrat li l-proċedura implementata mir-Renju Unit fir-rigward tal-inklużjoni tat-Tazza tad-Dinja fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru kienet ċara u trasparenti.

97      Minn dan jirriżulta li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-importanza tal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” għas-soċjetà tar-Renju Unit

–       L-argumenti tal-partijiet

98      Insostenn ta’ din il-parti ta’ dan il-motiv, il-FIFA ssostni, l-ewwel nett, li l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” jinteressaw b’mod partikolari biss lill-persuni interessati fil-futbol u, it-tieni nett, li tradizzjonalment dawn il-logħbiet la ġew trażmessi mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni ta’ bla ħlas u lanqas ma attiraw ħafna telespettaturi. Minn dan jirriżulta li l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” ma jissodisfawx iż-żewġ kriterji stabbiliti mill-Kummissjoni fil-premessi 6 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata, u għalhekk hija wettqet żball f’dan ir-rigward.

99      Skont il-FIFA, ma jistax jiġi validament sostnut li l-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja jikkostitwixxu avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit, jiġifieri avvenimenti straordinarji li jippreżentaw interess għall-pubbliku inġenerali, bħal ma tgħid il-premessa 21 tad-Direttiva 97/36.

100    F’dan ir-rigward, il-FIFA ssostni li, għalkemm l-Istat Membri jistgħu jagħżlu liberament l-avvenimenti li huma jikkunsidraw bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tistħarreġ fid-dettall il-legalità ta’ din l-għażla mill-perspettiva Komunitarja. B’hekk, is-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-Istati Membri f’dan ir-rigward ma tawtorizzahomx jadottaw pożizzjonijiet ta’ natura arbitrarja u lanqas ma hija illimitata u l-għażliet ta’ dawn tal-aħħar ma huma la ta’ natura prijoritarja, la ta’ natura preponderanti u lanqas, wisq iżjed, mhux kontestabbli.

101    F’dan il-każ, l-istudji mwettqa jikkonfermaw li l-persuni li ma jsegwux il-futbol b’mod regolari juru biss interess limitat għal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja”. Il-FIFA tenfasizza wkoll li hija ma tikkontestax l-għażla tal-leġiżlatur li jistabbilixxi regoli bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 li jikkonċernaw l-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà, iżda l-portata li l-Kummissjoni tat lil dan il-kunċett fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, il-FIFA terġa’ ttenni li l-logħbiet “ta’ importanza primarja” jistgħu leġittimament jiġu kkunsidrati bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li wara kollox jikkorrispondi għall-politika tagħha stess. Skont din il-politika, iż-żewġ semifinali, il-finali, il-logħbiet tat-tim nazzjonali relatati u l-logħba tal-ftuħ tat-Tazza tad-Dinja għandhom jiġu trażmessi b’xandira diretta fuq stazzjon televiżiv li jxandar bla ħlas.

102    Minn studju bbażat fuq l-elementi tad-database tal-Broadcast Audience Research Board jirriżulta li n-numru medju ta’ persuni li ma humiex interessati fil-futbol li segwew mill-inqas 30 minuta konsekuttiva tal-logħbiet kollha “mhux ta’ importanza primarja” tat-Tazza tad-Dinja tal-2006 irrappreżenta biss 2.8 % tat-telespettaturi kollha filwaqt li 14.7 % ta’ persuni mhux interessati fil-futbol li segwew mill-inqas 30 minuta konsekuttiva tal-logħbiet kollha “ta’ importanza primarja”, fejn 18.5 % segwew porzjoni identika tal-finali, 7.1 % għaż-żewġ semifinali u 17 % għal-logħbiet tat-tim nazzjonali tal-Ingilterra.

103    Fir-rigward tad-data pprovduta mir-Renju Unit lill-Kummissjoni, il-FIFA reġgħet tenniet li dik relatata mat-Tazza tad-Dinja tal-1998 ma kinitx disponibbli fil-25 ta’ Ġunju 1998, data li fiha l-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru ġiet stabbilita (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), filwaqt li d-dokument tat-23 ta’ Settembru 1999 (ara l-punt 79 iktar ’il fuq) kien qed jirreferi għal numru medju ta’ 8.59 miljun spettatur li segwew il-logħbiet ta’ din il-kompetizzjoni. Li kieku wieħed kellu jikkunsidra din il-figura li ġiet stmata ’l fuq mill-figura proprja – il-figura korretta hija ta’ 6.518 miljun telespettatur –, din ma tagħti ebda indikazzjoni fuq l-importanza tal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” għall-pubbliku inġenerali fir-Renju Unit. Fil-fatt, minn naħa, dan ir-riżultat jieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-logħbiet “ta’ importanza primarja” u, min-naħa l-oħra, ma jagħmilx distinzjoni bejn persuni interessati u persuni mhux interessati fil-futbol, fejn dawn tal-aħħar xorta waħda jagħżlu li jsegwu logħba tat-Tazza tad-Dinja peress li jikkunsidrawha bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà. Issa, ir-riżultati tal-istudju msemmi fil-punt 102 iktar ’il fuq juri li, minbarra l-persuni interessati fil-futbol, il-pubbliku inġenerali ma jurix interess partikolari għal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” peress li dawn il-logħbiet ma jħallux effett fuq dan il-pubbliku. Dawn il-konklużjonijiet huma konformi mal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni. Għaldaqstant din l-istituzzjoni wettqet żball billi kkunsidrat li l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” huma ta’ importanza għall-persuni li ma humiex interessati fil-futbol.

104    Il-Kummissjoni wettqet ukoll żball billi kkunsidrat li l-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja ġew tradizzjonalment trażmessi b’xandira diretta fuq stazzjoni televiżiv ta’ bla ħlas, peress li 16-il logħba, 8 u 8, tat-Tazez tad-Dinja rispettivament tal-1994, l-1998 u l-2002 ma ġewx trażmessi b’dan il-mod, anki jekk, f’ċerti każijiet, dawn ma kinux qed jiżvolġu fl-istess waqt ta’ logħbiet oħra. Barra minn hekk, 8 logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” tat-Tazza tad-Dinja tal-2006 ġew trażmessi minn xandara tat-tieni kategorija tal-Artikolu 98 tal-Broadcasting Act 1996 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq). L-approċċ segwit matul it-Tazez tad-Dinja tal-1994, tal-1998 u tal-2002 kien jikkonsisti, barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ trażmissjoni ta’ logħba waqt li kienet qed tiżvolġi fl-istess waqt ta’ logħba oħra.

105    Barra minn hekk mid-data relatata maċ-ċifri ta’ telespettaturi tat-Tazez tad-Dinja tal-1994, tal-1998, tal-2002 u tal-2006, li kienet disponibbli meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” jattiraw lejhom parti min-numru ta’ telespettaturi li jsegwu l-logħbiet “ta’ importanza primarja”. Għandu jingħad ukoll li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, iċ-ċifri ta’ telespettaturi relatati mal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” tat-Tazza tad-Dinja tal-1994 u tal-1998 ma jistgħu fl-ebda każ jiġu kkwalifikati bħala eċċezzjonalment għoljin fid-dawl tal-popolazzjoni tar-Renju Unit u taċ-ċifri ta’ telespettaturi relatati mal-logħbiet “ta’ importanza primarja”.

106    Fil-fatt, 9 logħbiet tat-Tazza tad-Dinja tal-1994 u 23 logħba tat-Tazza tad-Dinja tal-2002 trażmessi b’xandira diretta attiraw inqas minn 3 miljun telespettatur, 12-il-logħba tat-Tazza tad-Dinja tal-1998 trażmessi b’xandira diretta attiraw inqas minn 5 miljun telespettatur u 5 logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” tat-Tazza tad-Dinja tal-2006 attiraw bejn 65 000 u 96 000 telespettatur.

107    Għaldaqstant, iż-żewġ kriterji kkunsidrati mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” tat-Tazza tad-Dinja huma ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit, jiġifieri li jqajmu interess partikolari f’dan l-Istat Membru u li dejjem ġew trażmessi minn stazzjonijiet ta’ televiżjoni ta’ bla ħlas u attiraw bosta telespettaturi, fil-verità ma ġewx sodisfatti.

108    Barra minnn hekk, ma jistax jiġi sostnut, skont il-FIFA, li l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” huma ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit meta l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru ma jimponix lill-korpi ta’ xandir televiżiv sabiex jittrażmettuhom u li tali obbligi jeżistu fir-rigward ta’ avvenimenti oħra. Barra minn hekk, il-FIFA tirrispondi għall-argument tal-Kummissjoni li ssostni li huwa impossibbli li fuq l-istess stazzjoni jixxandru żewġ logħbiet tat-Tazza tad-Dinja li jkunu qed jiżvolġu b’mod simultanju sakemmm, jekk il-logħbiet inkwistjoni kienu realment avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà, xandar jista’ jittrażmettihom fl-istess waqt fuq żewġ stazzjonijiet differenti li jappartjenu lilu (bħall-BBC 1 u l-BBC 2) jew joħroġ sottoliċenzja lil xandar ieħor. Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li ssostni li l-figuri invokati mill-FIFA ma jieħdu inkunsiderazzjoni la l-ġurnata u lanqas is-siegħa meta xxandret logħba, din tal-aħħar issostni li dawn il-fatturi ma għandhomx impatt sinjifikattiv fuq iċ-ċifri ta’ telespettaturi u tiċċita numru ta’ eżempji ta’ logħbiet tat-Tazza tad-Dinja bejn l-1994 u l-2006 insostenn tal-argumentazzjoni tagħha.

109    Il-FIFA tosserva barra minn hekk li, peress li avveniment li huwa kkunsidrat bħala ta’ importanza primarja għal soċjetà ma hijiex neċessarjament tali għal soċjetà oħra, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li ssostni li r-referenza għat-Tazza tad-Dinja fil-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 tikkonċerna l-logħbiet kollha tagħha hija żbaljata. Għandu jingħad ukoll li kunsiderazzjoni tat-Tazza tad-Dinja bħala avveniment indiviżibbli tkun illoġika, meta din tiġi organizzata f’fażijiet differenti u l-lista tar-Renju Unit tinkludi avvenimenti oħra li jinvolvu logħbiet varji, b’mod partikolari t-Tazza tad-Dinja tal-cricket, bħala avvenimenti diviżibbli. Barra minn hekk, minbarra r-Renju Unit u r-Renju tal-Belġju, l-Istati Membri l-oħra kollha stabbilew listi ta’ avvenimenti li fuqhom uħud mil-logħbiet biss li jikkorrispondu għall-logħbiet “ta’ importanza primarja” tat-Tazza tad-Dinja huma inklużi u li l-Kummissjoni approvat. Din iċ-ċirkustanza turi li t-Tazza tad-Dinja ma għandhiex neċessarjament tiġi kkunsidrata bħala avveniment indiviżibbli.

110    Il-FIFA ssostni li għalkemm, kuntrarjament għall-argumenti li hija tressaq, l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva kellu jinftiehem fis-sens li t-Tazza tad-Dinja għandha titqies, kollha kemm hi, bħala avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà minħabba kliem il-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, hemm lok li jitqies li eċċezzjoni abbażi tal-Artikolu 241 KE kontra din id-dispożizzjoni ġiet impliċitament imqajma fir-rikors jew, fi kwalunkew każ, fir-replika. Fil-kuntest ta’ din l-eċċezzjoni, il-FIFA tinvoka l-argumenti kollha intiżi li juru, fil-fehma tagħha, li xejn ma jiġġustifika l-fatt li t-Tazza tad-Dinja, kollha kemm hi, titqies bħala avveniment wieħed ta’ importanza primarja għas-soċjetà.

111    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-parti tat-tieni motiv u tenfasizza li l-FIFA ma setgħetx validament tqajjem eċċezzjoni skont l-Artikolu 241 KE kontra d-Direttiva 97/36.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

112    L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li, billi ġie stabbilit li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tagħhom fis-sens stabbilit tal-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 jirrikonoxxi li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiva f’dan ir-rigward.

113    It-tieni nett, minkejja l-fatt li l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 ma jipproċedix għal armonizzazzjoni tal-avvenimenti speċifiċi li jistgħu jitqiesu minn Stat Membru bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà (ara l-punti 55 u 56 iktar ’il fuq), ir-riferiment tat-Tazza tad-Dinja fil-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 jimplika li l-Kummissjoni ma tistax tqis li l-inklużjoni tal-logħbiet ta’ din il-kompetizzjoni f’lista ta’ avvenimenti jikser id-dritt Komunitarju minħabba li l-Istat Membru kkonċernat ma kkomunikalhiex ir-raġunijiet speċifiċi li jiġġustifikaw in-natura tagħhom bħala avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà (ara l-punt 57 iktar ’il fuq). Madankollu, l-eventwali konklużjoni tal-Kummissjoni, li tipprovdi li l-inklużjoni tat-Tazza tad-Dinja kollha kemm hi f’lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà huwa kompatibbli mad-dritt Komunitarju, għaliex din il-kompetizzjoni hija, minħabba l-karatteristiċi tagħha, validament meqjusa bħala avveniment wieħed, tista’ titqiegħed inkwistjoni abbażi ta’ elementi speċifiċi li juru li l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” ma humiex daqshekk importanti għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru.

114    Fil-fatt, kif ġie spjegat fil-punti 55 u 56 iktar ’il fuq, la l-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 u lanqas l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 ma jiddiskutu l-kwistjoni dwar jekk it-Tazza tad-Dinja tistax tiġi validament inkluża kollha kemm hi f’lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà irrispettivament mill-interess li l-logħbiet tagħha jnisslu, u b’mod partikolari l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja”, fl-Istat Membru kkonċernat.

115    Għaldaqstant, kull diskussjoni dwar il-legalità tad-Direttiva 97/36 fir-rigward tal-klassifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja kollha hemm hi bħala avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà, pjuttost milli s-sempliċi logħbiet “ta’ importanza primarja” ta’ din il-kompetizzjoni (ara l-punt 110 iktar ’il fuq), hija insinjifikanti peress li l-premessa 18 tagħha ma tiddiskutix din il-kwistjoni. Għalhekk, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar jekk il-FIFA setgħetx validament tqajjem eċċezzjoni skont l-Artikolu 241 KE f’dan ir-rigward fir-replika tagħha jew jekk din l-eċċezzjoni għandhiex titqies li tqajmet impliċitament fl-istadju tar-rikors.

116    It-tielet nett, kif ġie spjegat fil-punti 69 u 70 iktar ’il fuq, it-Tazza tad-Dinja tista’ raġonevolment titqies bħala avveniment wieħed pjuttost milli sensiela ta’ avvenimenti individwali mqassma f’logħbiet “ta’ importanza primarja” u “mhux ta’ importanza primarja”, u għalhekk l-approċċ tal-Ministru ma huwiex arbitrarju, iżda jidħol fil-limitu tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu.

117    Barra minn hekk, l-importanza tal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” tirriżulta wkoll mis-sempliċi fatt li dawn jifformaw parti minn din il-kompetizzjoni, bħal fil-każ ta’ sports ieħor li l-interess fih, normalment limitat, jiżdied meta jiġi organizzat fil-kuntest tal-Logħob Olimpiku.

118    Minn dan jirriżulta li, billi ma qegħditx inkwistjoni l-pożizzjoni li tipprovdi li ma hemmx lok li ssir distinzjoni, għall-finijet tal-evalwazzjoni dwar l-importanza tat-Tazza tad-Dinja għas-soċjetà tar-Renju Unit, bejn logħbiet “ta’ importanza primarja” u “mhux ta’ importanza primarja”, iżda li din il-kompetizzjoni għandha titqies fl-intier tagħha u mhux bħala sensiela ta’ avvenimenti individwali (premessi 6 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata, ara l-punt 18 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball.

119    L-argumenti li l-FIFA tressaq dwar dan is-suġġett fil-kuntest ta’ dan il-motiv ma jikkontradixxux l-evalwazzjonijiet li hemm fil-premessi 6 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata.

120    Fil-fatt, il-fatt li 2.8 % ta’ persuni li ma humiex interessati fil-futbol li segwew mill-inqas 30 minuta konsekuttiva ta’ kull logħba “mhux ta’ importanza primarja” tat-Tazza tad-Dinja tal-2006 (ara l-punt 102 iktar ’il fuq) ma huwiex konklużiv, peress li ma humiex bilfors il-logħbiet kollha “mhux ta’ importanza primarja” li għandhom ikunu ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit sabiex it-Tazza tad-Dinja tkun tista’ validament tiġi inkluża, kollha kemm hi, fil-lista ta’ dawn l-avvenimenti ta’ dan l-Istat Membru. Bil-kontra, huwa biżżejjed li l-karatteristika deskritta fil-punt 70 iktar ’il fuq tirrigwarda ċerti logħbiet “mhux ta’ importanza primarja”, li fir-rigward tagħhom la n-numru u lanqas il-parteċipanti ma jistgħu jiġu speċifikati fil-mument tar-redazzjoni tal-lista jew fil-mument li d-drittijiet ta’ trażmissjoni jiġu akkwistati, sabiex tiġġustifika l-fatt li ma ssirx distinzjoni bejn logħbiet “ta’ importanza primarja” u “mhux ta’ importanza primarja” fir-rigward tal-importanza tagħhom għas-soċjetà. Minn dan jirriżulta li l-kriterju użat għall-finijiet tas-sondaġġi magħmula fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni kien eċċessivament restrittiv u, għalhekk, inadatt kemm għall-istruttura tat-Tazza tad-Dinja kif ukoll għall-karatteristiċi li din il-kompetizzjoni għandha tissodisfa sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata kollha kemm hi bħala avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà.

121    Din il-konstatazzjoni xxejjen ukoll l-argument tal-FIFA li huwa bbażat fuq il-fatt li ċerti logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” tat-Tazez tad-Dinja tal-1994, tal-1998 u tal-2002 ma ġewx trażmessi b’xandira diretta jew ġew trażmessi minn xandara li jaqgħu taħt it-tieni kategorija tal-Artikolu 98 tal-Broadcasting Act 1996 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-FIFA, il-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 18 iktar ’il fuq) ma tirreferix għal-logħbiet li dejjem ġew trażmessi b’xandira diretta, iżda għal-logħbiet li dejjem ġew trażmessi mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni ta’ bla ħlas, fatt li jikkorrispondi għar-raba’ kriterju stabbilit fil-premessa 5 tal-istess deċiżjoni.

122    L-argumenti bbażati fuq iċ-ċifri ta’ telespettaturi marbuta mal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” tat-Tazez tad-Dinja tal-1994, tal-1998, tal-2002 u tal-2006 (ara l-punt 105 iktar ’il fuq) lanqas ma għandhom jintlaqgħu.

123    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-FIFA, iċ-ċifri ta’ telespettaturi marbuta mal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” meta mqabbla maċ-ċifri marbuta mal-logħbiet “ta’ importanza primarja” ma jurux li tal-ewwel ma attirawx numru kbir ta’ telespettaturi. Fil-fatt, l-istatistika pprovduta mill-FIFA tiżvela li l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” attiraw, bħala medja, 60 % tat-telespettaturi li segwew il-logħbiet “ta’ importanza primarja” tat-Tazza tad-Dinja tal-1994, fejn dawn il-perċentwali ammontaw għal 43 %, 30 % u 33 % għat-Tazez tad-Dinja tal-1998, tal-2002 u tal-2006 rispettivament. Għalkemm huwa minnu li dawn iċ-ċifri huma inqas għoljin minn dawk marbuta mal-logħbiet “ta’ importanza primarja” xorta jibqa’ l-fatt li l-inklużjoni tal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” fil-lista nazzjonali ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà ma jeħtieġx li dawn jattiraw in-numru ta’ telespettaturi attirati mil-logħbiet “ta’ importanza primarja”. F’dan il-każ, dawn iċ-ċifri ma għandhomx jinftiehmu bħala li jirrappreżentaw in-numru ta’ telespettaturi li, fir-Renju Unit, normalment huma attirati mil-logħbiet li ma jiżvolġux fil-kuntest ta’ kompetizzjoni internazzjonali maġġuri tal-futbol fuq skala ta’ timijiet nazzjonali u li, barra minn hekk, ma tinvolvix tim nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru.

124    Dawn l-evalwazzjonijiet huma kkonfermati minn bosta elementi f’komunikazzjoni tar-Renju Unit lill-Kummissjoni tal-24 ta’ Marzu 1999 li l-kontenut tagħha tinsab f’dokument intitolat “Abbozz ta’ risposta għall-ittra tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Diċembru 1998” annessa mar-rikors. B’hekk, l-Anness E ta’ dan id-dokument jinkludi analiżi taċ-ċifri ta’ telespettaturi relatati mat-Tazza tad-Dinja tal-1998. Minn din l-analiżi jirriżulta li l-logħba “mhux ta’ importanza primarja” bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Jugoslavja, li minnha kienet tiddependi l-avversarja tat-tim tal-Ingilterra fil-każ li din tal-aħħar kellha tirbaħ fuq l-Arġentina, attirat madwar 10.55 miljun telespettatur, liema ċifra kienet tammonta għal 10.605 miljun f’dokument ieħor intitolat “Data ta’ telespettaturi għal xandira diretta fir-Renju Unit” anness mar-rikors (iktar ’il quddiem id-“data analitika ta’ telespettaturi”). Fl-istess waqt, logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” bejn il-Brażil u ċ-Ċilì, minn naħa, in-Niġerja u d-Danimarka, min-naħa l-oħra, attiraw rispettivament 10.63 miljun u 10.32 miljun telespettatur, liema ċifri huma konformi mad-data analitika ta’ telespettaturi, minkejja l-fatt li l-ebda waħda minn dawn il-logħbiet ma kienet konnessa mal-progress ta’ tim nazzjonali tar-Renju Unit. Barra minn hekk, it-tim nazzjonali tal-Kamerun attira, skont dawn iż-żewġ dokumenti, madwar 9.18-il miljun telespettatur bħala medja għaż-żewġ logħbiet trażmessi b’xandira diretta fil-kuntest tat-Tazzaq tad-Dinja tal-1998 kontra l-Awstrija u l-Italja rispettivament, filwaqt li l-logħbiet bejn l-Istati Uniti u l-Iran, minn naħa, Spanja u l-Bulgarija, min-naħa l-oħra, attiraw rispettivament 7.94 miljun u 7.91 miljun telespettatur. Fl-aħħar nett, skont dawn iż-żewġ dokumenti, it-tim nazzjonali tal-Ġamajka attira medja ta’ 7.89 miljun telespettatur għal żewġ logħbiet kontra l-Kroazja u l-Arġentina rispettivament, fejn l-ewwel waħda attirat 10.234 miljun telespettatur.

125    Għandu jingħad ukoll li, skont l-istess komunikazzjoni tal-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-finali tal-Football Association Cup tal-1998 (il-kompetizzjoni nazzjonali tal-futbol għat-tazza) kienet attirat 7.81 miljun telespettatur, li juri l-importanza li jiksbu l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” fil-kuntest tat-Tazza tad-Dinja fid-dawl taċ-ċifri ta’ telespettaturi esposti fil-punt preċedenti.

126    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont id-data analitika ta’ telespettaturi, fost il-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” tat-Tazza tad-Dinja tal-1994, 16 attiraw 7.196 miljun u 11.625 miljun telespettatur, filwaqt li 8 attiraw bejn 5.669 miljun u 6.926 miljun telespettatur. Fir-rigward tat-Tazza tad-Dinja tal-1998, minn dan l-istess dokument jirriżulta li, fost il-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja”, 21 attiraw bejn 7.161 miljun u 10.632 miljun telespettatur u 13 attiraw bejn 5.254 miljun u 6.761 miljun telespettatur. Fir-rigward tat-Tazza tad-Dinja tal-2002, id-data analitika ta’ telespettaturi tindika li 24 logħba “mhux ta’ importanza primarja” attiraw bejn 3.073 miljun u 5.317 miljun telespettatur. Fir-rigward tat-Tazza tad-Dinja tal-2006, id-data analitika ta’ telespettaturi tindika li 11-il logħba “mhux ta’ importanza primarja” attiraw bejn 7.058 miljun u 9.645 miljun telespettatur, filwaqt li 15-il logħba tal-istess kategorija attiraw bejn 5 miljun u 6.692 miljun telespettatur.

127    Li kieku wieħed kellu jinterpreta dawn iċ-ċifri kemm b’mod assolut kif ukoll b’relazzjoni maċ-ċifri ta’ telespettaturi tal-finali tal-Football Association Cup tal-1998, dawn iċ-ċifri juru li l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” jattiraw, fir-Renju Unit, numru eċċezzjonalment kbir ta’ telespettaturi, li jista’ jiġi spjegat biss b’riferiment għall-inklużjoni ta’ dawn il-logħbiet fil-kalendarju tat-Tazza tad-Dinja. Dawn iċ-ċifri ta’ telespettaturi jikkonfermaw għaldaqstant l-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 69, 70 u 117 iktar ’il fuq u jissostanzjaw il-pożizzjoni esposta fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja, inklużi l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja”, tradizzjonalment jattiraw numru kbir ta’ telespettaturi.

128    Din l-analiżi ma titqiegħedx inkwistjoni biċ-ċifri ta’ telespettaturi allegatament partikolarment baxxi invokati minn FIFA fir-rigward ta’ ċerti logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” (ara l-punt 106 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-9 logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja tal-1994 trażmessi b’xandira diretta u li attiraw inqas minn 3 miljun telespettatur bdew fin-00:30 GMT, peress li l-kompetizzjoni kienet qed tiżvolġi fl-Istati Uniti. Id-differenza fil-ħin tispjega bl-istess mod iċ-ċifri ta’ telespettaturi osservati għal ċerti logħbiet tat-Tazza tad-Dinja tal-2002, li żvolġiet fil-Korea t’Isfel u fil-Ġappun. B’hekk, mit-23 logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” invokati mill-FIFA u li attiraw inqas minn 3 miljun telespettatur, 14 bdew bejn is-6:15 u s-7:15 GMT u 9 bejn it-8:25 u l-12:15. Il-fatt li d-differenza fil-ħin flimkien mal-ħin li fih żvolġew il-logħbiet inkwistjoni huma l-kawża għal dan il-fenomenu osservat għall-kompetizzjonijiet tal-1994 u tal-2002 huwa pprovat miċ-ċifri ta’ telespettaturi ferm ogħla għal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” mxandra la kmieni wisq filgħodu u lanqas matul ħinijiet tax-xogħol, bħal dawk ikkonstatati fil-punt 126 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, skont stqarrija għall-istampa annessa mal-kontroreplika fil-kawża T‑385/07, li magħha ġiet magħquda din il-kawża għall-finijiet tal-proċedura orali (ara l-punt 24 iktar ’il fuq), il-FIFA stess tenfasizza l-importanza tad-differenza fil-ħin, li tiddetermina l-ħin ta’ żvolġiment ta’ logħba f’kull pajjiż, fejn din iċ-ċirkustanza hija magħrufa bħala fattur li affettwa n-numru ta’ telespettaturi fl-Asja u fl-Ewropa matul it-Tazez tad-Dinja tal-2002 u tal-2006.

129    Fir-rigward tat-Tazza tad-Dinja tal-2002, it-12-il logħba kollha “mhux ta’ importanza primarja” invokati mill-FIFA ġew trażmessi bejn is-13:30 u l-16:30 GMT, jiġifieri matul il-ħinijiet tax-xogħol. Fir-rigward tal-5 logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” tat-Tazza tad-Dinja tal-2006, li effettivament kisbu ċifri ta’ telespettaturi baxxi ħafna, għandu jiġi sempliċement ikkonstatat li l-logħba bejn il-Paragwaj u Trinidad u Tobago żvolġiet fl-istess waqt tal-logħba bejn l-Ingilterra u l-Isvezja li attiraw 18.64 miljun telespettatur. Il-logħba bejn il-Kosta Rika u l-Polonja bdiet fis-14:28 u żvolġiet fl-istess waqt ta’ dik bejn l-Ekwador u l-Ġermana, li ġiet segwita minn 2.725 miljun telespettatur. Il-logħba bejn l-Iran u l-Angola bdiet fis-14:30 u żvolġiet fl-istess waqt tal-logħba bejn il-Portugall u l-Messiku, li ġiet segwita minn 2.301 miljun telespettatur. Il-logħba bejn il-Côte d’Ivoire u s-Serbja‑u‑Montenegro żvolġiet fl-istess waqt ta’ dik bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Arġentina li attirat 8.740 miljun telespettatur, filwaqt li l-logħba bejn l-Ukraina u t-Tuneżija bdiet fit-15:00 u żvolġiet fl-istess waqt bħal dik bejn l-Arabja Sawdija u Spanja, segwita minn 1.872 miljun telespettatur. Dawn iċ-ċirkustanzi jikkostitwixxu raġunijiet oġġettivi li jispjegaw għalfejn iċ-ċifri ta’ telespettaturi ta’ dawn il-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” huma differenti miċ-ċifri osservati normalment (ara l-punt 126 iktar ’il fuq).

130    Għaldaqstant, iċ-ċifri ta’ telespettaturi marbuta mal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” jikkonfermaw, pjuttost milli jannullaw, l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 118 iktar ’il fuq.

131    Barra minn hekk, il-konklużjoni li tinsab fil-punt 127 iktar ’il fuq ma tikkontradixxix dik esposta fil-premessa 40 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/400/KE, tal-10 ta’ Mejju 2000, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (kawża Nru IV/32.150 – Eurovision, ĠU L 151, p. 18), li għaliha tirreferi l-FIFA (ara l-punt 103 iktar ’il fuq). Skont din il-premessa, l-avvenimenti internazzjonali huma ġeneralment iktar interessanti għall-pubbliku ta’ pajjiż partikolari minn avvenimenti nazzjonali, sa fejn it-tim nazzjonali jew atleta prim nazzjonali jipparteċipa fl-avveniment, filwaqt li avvenimenti internazzjonali li fih l-ebda tim jew atleta prim nazzjonali ma jipparteċipa spiss ma tantx inisslu interess. Issa, fil-parti l-kbira tal-każijiet it-Tazza tad-Dinja tintlagħab bil-parteċipazzjoni ta’ tim nazzjonali tar-Renju Unit. Barra minn hekk, anki meta dan ma huwiex eċċezzjonalment il-każ, in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ kull tim nazzjonali tar-Renju Unit fit-Tazza tad-Dinja huwa normalment ikkonstatat wara li tiġi ffissata l-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru, iżda wkoll wara li jingħataw id-drittijiet ta’ trażmissjoni televiżivi li jikkonċernaw is-sena partikolari.

132    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ obbligu li jixxandru l-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” (ara l-punt 108 iktar ’il fuq), huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-għażla li ma tiġix imposta fuq korp ta’ xandir televiżiv it-trażmissjoni ta’ avveniment bl-ebda mod ma timplika li dan l-avveniment ma huwiex ta’ importanza primarja għas-soċjetà fis-sens tal-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, anki jekk l-implementazzjoni ta’ dawn l-obbligi hija waħda mill-prattiki segwiti b’mod ġenerali mil-leġiżlatur nazzjonali. Fil-fatt, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-għan tal-artikolu msemmi iktar ’il fuq huwa li ma jseħħx li, minħabba t-trażmissjonijiet televiżivi esklużivi, il-pubbliku inġenerali ta’ Stat Membru jispiċċa mingħajr il-possibbiltà li jsegwi ċerti avvenimenti fuq it-televiżjoni ta’ bla ħlas. Għalhekk, l-għan ma huwiex li indirettament jobbliga lill-Istati li jixtiequ jagħtu din il-protezzjoni sabiex jimponu fuq servizz televiżiv ta’ bla ħlas l-obbligu li jittrażmettu dawn l-avvenimenti. Issa, li kieku, sabiex avveniment jitniżżel validament f’lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà, l-Istati Membri kellhom jimponu fuq servizz televiżiv ta’ bla ħlas l-obbligu li jittrażmettu l-avveniment, id-dispożizzjoni inkwistjoni tkun qed tirrappreżenta effetti li jmorru lil hinn mill-għan tagħha.

133    Il-fatt li r-Renju Unit segwa approċċ differenti fir-rigward ta’ avvenimenti oħra, bħat-Tazza tad-Dinja tal-cricket, jew li Stati Membri oħra inkludew fil-listi tagħhom prinċipalment logħbiet “ta’ importanza primarja” tat-Tazza tad-Dinja ma jaffettwax l-evalwazzjonijiet preċedenti, li ppermettew li t-Tazza tad-Dinja tiġi validament segwita b’mod globali bħala avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru. Fil-fatt, l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 ma jipproċedix għal armonizzazzjoni fuq livell tal-avvenimenti speċifiċi li jistgħu jiġi kkunsidrati mill-Istati Membri bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà (ara l-punt 55 iktar ’il fuq), bosta approċċi li jikkonċernaw l-inklużjoni tal-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja fil-lista nazzjonali jistgħu jkunu wkoll kompatibbli mad-dispożizzjoni inkwistjoni.

134    Peress li l-argumenti tal-FIFA bbażati fuq il-fatt li l-Kummisjoni wettqet żbalji, billi konfermata l-evalwazzjoni tal-Ministru li t-Tazza tad-Dinja tikkostitwixxi kollha kemm hi, avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit, għandhom jiġu miċħuda, hemm lok li t-tieni parti ta’ dan il-motiv kif ukoll dan l-istess motiv jiġu miċħuda kollha kemm huma.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ proprjetà tal-FIFA

 L-argumenti tal-partijiet

135    Il-FIFA tosserva li d-dritt ta’ proprjetà huwa ggarantit mis-sistema legali Komunitarja bħala prinċipju ġenerali tagħha. Jistgħu jsiru restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt biex jiġu sodisfatti għanijiet ta’ interess ġenerali, bil-kundizzjoni li dawn ma jkunux eċċessivi u li ma jmorrux kontra s-sustanza nnifisha ta’ dan id-dritt. L-użu esklużiv tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali permezz tal-użu jew l-għoti ta’ liċenzji jikkostitwixxi l-essenza ta’ tali drittijiet.

136    Issa, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata approvat l-inklużjoni tal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” tat-Tazza tad-Dinja fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit, meta dawn il-logħbiet ma jistgħux jiġu kkwalifikati b’dan il-mod, hija mhux biss tipprova tillimita d-dritt tal-FIFA li tuża l-proprjetà tagħha, iżda wkoll li tiddistruġġiha fis-sustanza tagħha, indipendentement mill-effetti tagħha fuq ix-xandara. Fil-fatt, il-projbizzjoni mill-għoti ta’ liċenzja esklużiva għat-trażmissjoni b’xandira diretta fir-Renju Unit ta’ kwalunkwe logħba tat-Tazza tad-Dinja ċċaħħad lil-FIFA b’mod arbitrarju mill-essenza tad-dritt ta’ proprjetà tagħha.

137    Ebda għan ta’ interess ġenerali ma jiġġustifika preġudizzju daqstant drastiku u sproporzjonat għal dan id-dritt ta’ proprjetà, peress li l-inklużjoni tal-logħbiet “ta’ importanza primarja” biss fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà hija adegwata u sservi fil-biċċa l-kbira sabiex tiggarantixxi l-aċċess għall-pubbliku inġenerali għall-avvenimenti inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-FIFA żżid li l-għoti u l-kisba ta’ drittijiet esklużivi għax-xandir ta’ avvenimenti sportivi huma ta’ importanza kruċjali u jikkostitwixxu prassi kummerċjali stabbilita u aċċettata sew bħala tali mill-Kummissjoni nnifisha. Fil-fatt, l-esklużività żżid b’mod sinjifikattiv il-valur tad-drittijiet billi b’hekk tippermetti lill-FIFA ssegwi l-għanijiet statutorji tagħha, anki jekk il-projbizzjoni ta’ għoti esklużiv ta’ dawn id-drittijiet taffettwa l-essenza nnifisha tagħhom.

138    Għaldaqstant il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata tagħha, li l-miżuri tar-Renju Unit jidhru proporzjonati fid-dawl tal-għan li jiżguraw aċċess wiesa’ għat-trażmissjoni televiżiva tal-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà.

139    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

140    Għandu jitfakkar li, kif huwa paċifiku bejn il-partijiet, li l-FIFA hija l-organizzatriċi tat-Tazza tad-Dinja skont il-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, b’mod li kull persuna li tixtieq tibbenefika mid-drittijiet ta’ trażmissjoni televiżiva ta’ dan l-avveniment għandha tiksibhom mingħandha jew mingħand persuna li tkun kisbithom mingħandha.

141    Għalhekk, sa fejn il-valur ta’ dawn id-drittijiet jistgħu jiġu affettwati mill-effetti legali li d-deċiżjoni kkontestata toħloq (ara l-punti 33 sa 37 iktar ’il fuq), id-dritt ta’ proprjetà tal-FIFA wkoll huwa affettwat mill-imsemmija deċiżjoni.

142    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li meta Stat Membru jinvoka dispożizzjonijiet bħall-Artikoli 46 KE u 55 KE sabiex jiġġustifika leġiżlazzjoni li hija ta’ natura li tipprekludi l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew tal-libertà ta’ stabbiliment, din il-ġustifikazzjoni, ipprovduta mid-dritt Komunitarju, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt u b’mod partikolari tad-drittijiet fundamentali. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tista’ tibbenefika mill-eċċezzjonijiet ipprovduti b’dawn id-dispożizzjonijiet biss jekk tkun skont id-drittijiet fundamentali li l-qrati Komunitarji jiżguraw l-osservanza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT, C‑260/89, Ġabra p. I‑2925, punt 43). Bl-istess mod, ma jistax jiġi aċċettat li miżura nazzjonali li ma hijiex konformi mad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt ta’ proprjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal 10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood, C‑20/00 u C‑64/00, Ġabra p. I‑7411, punt 67), tkun tista’ tibbenefika mill-eċċezzjonijiet rikonoxxuti għaliex din tissodisfa raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħall-aċċess televiżiv għall-pubbliku ġenerali ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà.

143    Madankollu, il-prinċipju ta’ protezzjoni tad-dritt fundamentali ta’ proprjetà fil-kuntest tad-dritt Komunitarju ma jidhirx bħala prerogattiva assoluta, iżda għandu jitqies fir-rigward tal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà. Għaldaqstant, jistgħu jsiru restrizzjonijiet għall-użu tad-dritt ta’ proprjetà sakemm dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza nnifisha tad-dritt hekk iggarantit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Mejju 2005, Regione autonoma Friuli Venezia Giulia u ERSA, C‑347/03, Ġabra p. I‑3785, punt 119, u tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C‑154/04 u C‑155/04, Ġabra p. I‑6451, punt 126).

144    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, għar-raġunijiet li jinsabu fil-punti 116 sa 134 iktar ’il fuq u kuntrarjament għal dak li ssostni l-FIFA, it-Tazza tad-Dinja tista’ validament titqies bħala avveniment wieħed ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit, fejn iċ-ċifri ta’ telespettaturi marbuta mal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” jikkonfermaw, u mhux jinvalidaw, il-kunsiderazzjoni li tinsab fil-premessi 6 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-kuntest, in-natura unitarja tat-Tazza tad-Dinja bħala avveniment twassal sabiex il-Kummissjoni ma tkunx wettqet żball billi qieset li l-inklużjoni tal-logħbiet kollha fil-lista tar-Renju Unit kienet miżura proporzjonata.

145    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-oġġezzjoni li l-inklużjoni tal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit jikkostitwixxi intervent sproporzjonat u intollerabbli għad-dritt ta’ proprjetà tal-FIFA minħabba li dawn il-logħbiet ma jikkostitwixxux dawn l-avvenimenti tistrieħ fuq premessa żbaljata.

146    Barra minn hekk, għalkemm il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tista’ taffettwa l-prezz li l-FIFA ser tikseb għall-għoti tad-drittijiet ta’ trażmissjoni tat-Tazza tad-Dinja fir-Renju Unit, din ma teqridx il-valur kummerċjal ta’ dawn id-drittijiet, għaliex, l-ewwel nett, din ma tobbligax lill-FIFA tittrasferihom għal kwalunkwe kundizzjoni u, it-tieni nett, din tal-aħħar hija protetta kontra prattiki miftiehma jew abbużivi eventwali min-naħa ta’ akkwirenti potenzjali ta’ dawn id-drittijiet kemm mid-dritt Komunitarju kif ukoll mid-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball billi kkonkludiet li l-miżuri tar-Renju Unit kienu proporzjonati.

147    Għaldaqstant it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ u s-sitt motivi, ibbażati fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u mad-dritt ta’ stabbiliment

 L-argumenti tal-partijiet

148    Fil-kuntest tal-ewwel wieħed minn dawn il-motivi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-FIFA tenfasizza li d-deċiżjoni kkontestata tirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, peress li, l-ewwel nett, hija għandha bħala effett li tipprekludiha milli tbigħ id-drittijiet ta’ trażmissjoni esklużiva ta’ kull logħba tat-Tazza tad-Dinja lil xandara li jaqgħu taħt it-tieni waħda mill-kategoriji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit (ara l-punt 10 iktar ’il fuq) u, it-tieni nett, xandara ta’ din il-kategorija stabbiliti fi Stati Membri oħra ma jistgħux jittrażmettu b’mod esklużiv logħba tat-Tazza tad-Dinja f’dan l-Istat Membru. L-eliminazzjoni tal-possibbiltà li wieħed jakkwista b’esklużività dan it-tip ta’ drittijiet ta’ trażmissjoni fir-Renju Unit ineħħi lix-xandara li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stati Membri oħra kull interess li jiksbuhom billi b’hekk tipprekludihom milli jxandru kull logħba tat-Tazza tad-Dinja f’dan l-Istat Membru. Fil-fatt, l-esklużività kienet essenzjali għax-xandara li jixtiequ jinnovaw jew jiżviluppaw is-servizzi tagħhom, fuq kollox fi Stati Membri minbarra l-Istat Membru li fih huma stabbiliti.

149    F’dan ir-rigward, anki jekk restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jistgħu jkunu ġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, il-miżuri nazzjonali adottati f’dan is-sens għandhom ikunu neċessarji, approprjati u proporzjonati. Il-Kummissjoni, li f’dan il-każ issostni l-oneru tal-prova li ġew sodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, għandha twettaq eżami fid-dettall u turi li hija rċeviet provi f’dan is-sens.

150    Issa, dawn ir-restrizzjonijiet, rikonoxxuti barra minn hekk fil-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, huma kunsiderevolment sproporzjonati u mhux approprjati u setgħu tneħħew jew tnaqqsu billi fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit jiġu inklużi biss il-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja li juru tali importanza, jiġifieri l-logħbiet “ta’ importanza primarja”. Din l-ipoteżi hija konformi mal-politika nnifisha tal-FIFA, li timponi t-trażmissjoni tal-ewwel logħba, taż-żewġ semifinali, tal-finali u tal-logħbiet tat-tim nazzjonali permezz ta’ stazzjonijiet televiżivi ta’ bla ħlas, filwaqt li l-logħbiet l-oħra jistgħu jixxandru minn stazzjonijiet televiżivi bi ħlas. Il-FIFA tgħid ukoll li n-natura proporzjonata jew le tal-inklużjoni ta’ kull avveniment fil-lista tar-Renju Unit għandu jiġi evalwat b’mod separat, fejn dan fil-verità jikkostitwixxi sensiela ta’ deċiżjonijiet, kull waħda relatata ma’ avveniment partikolari.

151    Bi tweġiba għall-argumenti tar-Renju Unit, ibbażati fuq is-setgħa tal-Office of Communications li tawtorizza trażmissjoni esklużiva b’xandira diretta, il-FIFA tenfasizza li x-xandara mhux eliġibbli ma jkollhom ebda interess li jakkwistaw drittijiet ta’ xandir jekk l-esklużività ma tkunx garantita.

152    Fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ stabbiliment, il-FIFA tosserva li, peress li l-Artikolu 66 KE huwa wieħed mill-oqfsa legali tad-Direttiva 97/36 u li l-miżuri tal-Istat adottati skont l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 għandhom ikunu konformi ma’ kull dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, il-miżuri nazzjonali għandhom b’mod partikolari jkunu kompatibbli mal-artikoli tar-Trattat KE relatati mad-dritt ta’ stabbiliment. Skont il-FIFA, il-lista tar-Renju Unit, approvata bid-deċiżjoni kkontestata, tipprekludi x-xanadara li jridu jistabbilixxu ruħhom f’dan l-Istat Membru u li jixtiequ jipproponu f’dan ir-rigward servizzi televiżivi bi ħlas milli jiksbu drittijiet esklużivi għat-trażmissjoni tal-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja.

153    Issa, għalkemm huwa minnu li, meta mużuri nazzjonali li jipprekludu l-libertà ta’ stabbiliment japplikaw għal kull persuna jew impriża li teżerċita negozju fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, dawn jistgħu jkunu ġustifikati fil-każ fejn dawn jissodisfaw raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jeħtieġ ulterjorment li dawn ikunu tali li jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex minnhom u li dawn ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex dan il-għan jinkiseb.

154    Billi d-drittijiet ta’ trażmissjoni esklużiva ta’ avvenimenti sportivi jikkostitwixxu mezz importanti għat-twettiq tad-dritt ta’ stabbiliment min-naħa ta’ operaturi ġodda fis-suq tar-Renju Unit, l-impossibbiltà għal operatur ġdid potenzjali milli jxandar esklużivament logħba tat-Tazza tad-Dinja tikkostitwixxi restrizzjoni tad-dritt ta’ stabbiliment. Għaldaqstant il-Kummissjoni wettqet żball fid-deċiżjoni kkontestata billi naqset milli tirrikonoxxi din iċ-ċirkustanza.

155    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti żviluppati mill-FIFA fil-kuntest ta’ dawn il-motivi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

156    Huwa paċifiku, kif barra minn hekk ġie rikonoxxut fil-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-effett tal-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit bid-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 huwa li jirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-suq komuni, kif stabbilit bl-Artikolu 49 KE.

157    Barra minn hekk, kif issostni l-FIFA, il-miżuri tar-Renju Unit jistgħu jqiegħdu lix-xandara stabbiliti fi Stati Membri oħra f’sitwazzjoni ta’ fatt jew ta’ liġi żvantaġġuża meta mqabbla mas-sitwazzjoni tax-xandara stabbiliti f’dan l-Istat Membru. F’dan ir-rigward, minkejja l-fatt li l-leġiżlazzjoni deskritta fil-punti 10 sa 13 iktar ’il fuq tapplika mingħajr distinzjoni għax-xandara li jaqgħu taħt iż-żewġ kategoriji stabbiliti bil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, huwa fattwalment wisq inqas probabbli li l-ebda xandar li jaqa’ taħt l-ewwel kategorija, stabbilit b’kull probabbiltà f’dan l-Istat Membru, ma huwa ser jinteressa ruħu li jittrażmetti t-Tazza tad-Dinja u b’hekk jagħti lil kompetitur li jixtieq jistabbilixxi ruħu f’dan il-pajjiż il-possibbiltà li jikseb mill-Office of Communications l-awtorizzazzjoni li jittrażmetti l-imsemmi avveniment prattikament b’mod esklużiv (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), milli bil-kontra. Minn dan jirriżulta li l-miżuri tar-Renju Unit jikkostitwixxu effettivament xkiel għal-libertà ta’ stabbiliment, kif stabbilit bl-Artikolu 43 KE.

158    Madankollu, dawn ir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għal-libertà ta’ stabbiliment jistgħu jiġu ġġustifikati peress li huma intiżi li jipproteġu d-dritt ta’ informazzjoni u li jiżguraw li l-pubbliku jkollu aċċess wiesa’ għat-trażmissjonijiet televiżivi ta’ avvenimenti, nazzjonali jew le, ta’ importanza primarja għas-soċjetà, bil-kundizzjonijiet addizzjonali li jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara l-punti 48 sa 54 iktar ’il fuq).

159    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-FIFA tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment sa fejn il-Kummissjoni tapprova l-inklużjoni tal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit. Skont il-FIFA, dawn il-logħbiet ma jissodisfawx din il-klassifikazzjoni, b’mod li r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għal-libertà ta’ stabbiliment hija sproporzjonata.

160    Għandu jiġi osservat li dan l-argument tal-FIFA jiżvela konfużjoni bejn, minn naħa, l-importanza maġġuri ta’ avveniment għas-soċjetà, li hija l-ewwel kundizzjoni li għandha tiġi sodisfatta u li tikkostitwixxi r-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika r-restrizzjoni ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (ara l-punti 48 sa 53 iktar ’il fuq), u min-naħa l-oħra, il-proporzjonalità tar-restrizzjoni inkwistjoni, li tikkostitwixxi kundizzjoni oħra li għandha tissodisfa l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi tali libertà sabiex tkun kumpatibbli mad-dritt Komunitarju (ara l-punt 54 iktar ’il fuq).

161    F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-punti 116 sa 134 iktar ’il fuq, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-FIFA fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha, it-Tazza tad-Dinja tista’ validament titqies bħala avveniment uniku ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit, fejn iċ-ċifri ta’ telespettaturi relatati mal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” jikkonfermaw minnflok ma jannullaw l-evalwazzjoni li tinsab fil-premessi 6 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-logħbiet inkwistjoni ma humiex ta’ importanza primarja għas-soċjetà, fejn għalhekk il-miżuri tar-Renju Unit huma sproporzjonati, huwa, fi kwalunkwe każ, ibbażat fuq premessa żbaljata. Għaldaqstant, dan l-ilment ma jannullax il-konklużjoni tal-Kummissjoni fuq in-natura approprjata u proporzjonata tal-inklużjoni tal-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja fuq il-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit, fid-dawl tal-karattru unitarju ta’ din il-kompetizzjoni.

162    L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment. Fil-fatt, anki jekk fil-kuntest tal-argumentazzjoni tagħha fir-rigward tas-sitt motiv il-FIFA ma ppreċiżatx direttament jekk hija tikkontestax il-validità tal-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-lista tar-Renju Unit mad-dritt Komunitarju, biss sa fejn il-Kummissjoni tapprova l-inklużjoni tal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” fiha, mir-rikors kollu tagħha kif ukoll mir-risposta tagħha għad-domanda bil-miktub milll-Qorti Ġenerali (ara l-punt 68 iktar ’il fuq) jirriżulta li dan huwa effettivament il-każ.

163    Issa, permezz tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 161 iktar ’il fuq l-argumenti bbażati fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment ma jistgħux jiġu milqugħa.

164    Għaldaqstant, ir-raba’ u s-sitt motivi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

165    Il-FIFA tenfasizza li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda analiżi dwar id-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata bl-inklużjoni tal-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit. Issa, din id-distorsjoni hija riflessa fit-tnaqqis tan-numru ta’ xandara li jikkompetu bejniethom għall-kisba tad-drittijiet ta’ trażmissjoni televiżiva tat-Tazza tad-Dinja fir-Renju Unit, liema fatt ikollu inċidenza fuq l-inklużjoni tal-FIFA bħala organizzatur ta’ dan l-avveniment. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tidentifikax il-prodotti u lanqas is-swieq li fuqhom kienet ibbażata l-analiżi tagħha li tat lok għall-premessi 20 u 21 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 18 iktar ’il fuq). Madankollu, id-definizzjoni tas-swieq rilevanti hija indispensabbli għall-finijiet tal-analiżi tas-sitwazzjoni kompetittiva, wisq iżjed meta l-lista tar-Renju Unit tikkonċerna erba’ kompetizzjonijiet differenti ta’ futbol.

166    Il-FIFA ssostni li d-definizzjoni tax-xandara li taqa’ taħt l-ewwel kategorija stabbilita bil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit ġiet deliberatament ikkonċepita biex tippermetti biss lix-xandara stabbiliti ta’ dan l-Istat Membru jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti u b’hekk jiksbu d-dritt esklużiv li jxandru b’mod dirett il-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja. Fil-prattika, dawn id-drittijiet dejjem inkisbu b’mod konġunt, sa mill-1966, minn żewġ xandara, il-BBC u ITV, sabiex, fl-ewwel lok, ma hemm ebda kompetizzjoni għall-akkwist tad-drittijiet ta’ xandir tal-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja fir-Renju Unit u, it-tieni nett, il-BBC u ITV jinsabu f’pożizzjoni dominanti kollettiva. Għaldaqstant il-Kummissjoni wettqet żball billi sostniet, fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżuri tar-Renju Unit kienu jippermettu kompetizzjoni reali jew potenzjali f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, dawn il-miżuri għandhom bħala effett distorsjoni tas-suq tar-reklamar kif ukoll ta’ dak tat-trażmissjonijiet ta’ avvenimenti sportivi minn stazzjonijiet bi ħlas.

167    B’hekk, il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tagħti drittijiet speċjali lill-BBC u lil ITV, mingħajr ma n-natura oġġettiva tal-kriterji għall-għoti ta’ dawn id-drittijiet teffettwa din l-evalwazzjoni. Permezz tal-akkwist dejjem konġunt tad-drittijiet konnessi mat-Tazza tad-Dinja, dawn ix-xandara jaġixxu bħala entita kollettiva. B’hekk, skont il-FIFA, huma jinsabu f’pożizzjoni dominanti kollettiva u jistgħu jabbużaw minn din il-pożizzjoni, meta wieħed iqis l-għoti tad-drittijiet inkwistjoni. Il-FIFA tosserva, f’dan ir-rigward, li ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li tali abbuż minn pożizzoni dominanti effettivament seħħ sabiex jiġi konkluż li Stat Membru jikser id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 86(1) KE u tal-Artikolu 82 KE, fejn il-possibbiltà li jista’ jseħħ abbuż hija biżżejjed f’dan is-sens. Issa, il-miżuri tar-Renju Unit ħolqu struttura ta’ suq li tawtorizza u tiffavorixxi aġir abbużiv.

168    Barra minn hekk, il-BBC u ITV ma għamlux użu sħiħ mid-drittijiet li akkwistaw, peress li huma ma ttrażmettewx b’xandira diretta 40 mill-244 logħba tal-aħħar erba’ kompetizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja. B’hekk, huma llimitaw il-produzzjoni bi ksur tal-Artikolu 82 KE. L-akkwist tad-drittijiet inkwistjoni minn dawn iż-żewġ xandara llimita wkoll l-iżvilupp tas-swieq bħal dak tal-istazzjonijiet sportivi bi ħlas u dak tar-reklamar televiżiv għat-Tazza tat-Dinja, peress li jeżistu ostakoli kunsiderevoli għall-akkwist tad-drittijiet ta’ trażmissjoni ta’ avvenimenti sportivi ta’ importanza analoga, kollha miżmuma minn stazzjonijiet bi ħlas matul perijodi importanti.

169    Il-FIFA ssostni wkoll li l-għoti tad-drittijiet speċjali inkwistjoni lill-BBC u ITV, flimkien mal-ftehim ta’ akkwist konġunt tad-drittijiet ta’ trażmissjoni tat-Tazza tad-Dinja li jorbot lil dawn iż-żewġ xandara, jikkostitwixxi miżura li tmur kontra l-Artikolu 81(1) KE, bi ksur tal-Artikolu 86(1) KE.

170    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza tal-allegazzjonijiet tal-FIFA.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

171    Għandu jiġi osservat li l-analiżi tal-argument tal-FIFA fil-kuntest ta’ dan il-motiv tikkonċerna żewġ ilmenti.

172    L-ewwel ilment jikkonċerna l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-fatt li, fid-dawl tal-importanza li għandha n-natura esklużiva tat-trażmissjoni televiżiva tal-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja għax-xandara li jaqgħu taħt it-tieni kategorija stabbilita bil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, dawn tal-aħħar ma jinteressawx ruħhom mid-drittijiet ta’ trażmissjoni mhux esklużivi. Din iċ-ċirkustanza twassal, skont il-FIFA, għal restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fuq numru ta’ swieq, bħal dak tax-xiri tal-imsemmija drittijiet, is-suq tar-reklami u s-suq tat-trażmissjoni tal-avvenimenti sportivi permezz ta’ stazzjonijiet bi ħlas, minħabba t-tnaqqis tax-xandara attivi f’dawn is-swieq. Fl-istess kuntest, il-FIFA tilmenta wkoll lill-Kummissjoni talli ma ddefinixxietx dawn is-swieq u talli ma esponietx l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward ta’ dawn ir-restrizzjonijiet.

173    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-konsegwenzi inkwistjoni jirriżultaw indirettament mir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jagħtu lok għall-miżuri tar-Renju Unit. Issa, bħal ma ġie deċiż fil-kuntest tat-tieni u r-raba’ motivi, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkunsidrat li r-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi derivanti mill-inklużjoni tal-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit huma ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u ma huma la inapproprjati u lanqas sproporzjonati. L-effetti mill-aspett tan-numru ta’ kompetituri potenzjali, li jirriżultaw bħala konsegwenza inevitabbli ta’ dawn l-ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ma jistgħux għaldaqstant jiġu kkunsidrati li jmorru kontra l-artikoli tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kellhiex twettaq analiżi iktar fid-dettall minn dik li hija għamlet fir-rigward ta’ dawn il-konsegwenzi.

174    It-tieni lment jikkonċerna d-drittijiet speċjali allegatament mogħtija lill-BBC u lil ITV li għandhom bħala effett li jawtorizzaw jew li jippermettu l-abbuż mill-pożizzjoni dominanti li dawn ix-xandara għandhom fis-suq rilevanti, jiġifieri, skont il-FIFA, is-suq tad-drittijiet ta’ trażmissjoni tal-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja.

175    Fil-fatt, skont l-Artikolu 86(1) KE, regola ta’ kompetizzjoni applikabbli fir-rigward tal-miżuri tal-Istat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 1999, Becu et, C‑22/98, Ġabra p. I‑5665, punt 31), ma huwiex permess li l-Istat Membri jqiegħdu, permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew miżuri amministrattivi neċessarji, lill-impriżi pubbliċi u l-impriżi li għalihom huma jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi, f’sitwazzjoni li fiha dawn l-impriżi ma jistgħu jidħlu waħedhom permezz ta’ mġiba awtonoma mingħajr ma jiksru l-Artikoli 12 KE u 81 KE sa 89 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1991, GB‑Inno‑BM, C‑18/88, Ġabra p. I‑5941, punt 20).

176    F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li drittijiet speċjali jew esklużivi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jingħataw meta tingħata protezzjoni mill-Istat lil numru limitat ta’ impriżi u li tkun tali li taffettwa b’mod sostanzjali l-kapaċità tal-impriżi l-oħra li jeżerċitaw l-attività ekonomika inkwistjoni fuq l-istess territorju f’kundizzjonijiet essenzjalment ekwivalenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C‑475/99, Ġabra p. I‑8089, punt 24), xorta jibqa’ l-fatt li l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit ma toffrix tali protezzjoni lix-xandara inkwistjoni.

177    B’hekk, wieħed jirreferi għal tali drittijiet meta l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu monopolju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 1998, Raso et, C‑163/96, Ġabra p. I‑533, punt 23), meta jistgħu jimblukkaw l-inklużjoni ta’ kompetitur fis-suq ta’ negozju tal-proprjetarju tagħhom jew f’suq relatat għal raġunijiet konnessi mal-effetti negattivi li jkollu tali inklużjoni fuq it-tħaddim u l-vijabbiltà tan-negozju tal-imsemmi proprjetarju (sentenza Ambulanz Glöckner, punt 176 iktar ’il fuq, punti 7, 23 u 25) jew mal-bżonnijiet ta’ xogħol (sentenza Becu et, punt 175 iktar ’il fuq, punt 23), jew meta l-proprjetarju jkun f’pożizzjoni, permezz tal-leġiżlazzjoni kkonċernata f’dan ir-rigward, li jkollu influwenza fuq il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tan-negozju inkwistjoni min-naħa tal-kompetituri tiegħu skont l-interessi tiegħu jew skont il-konsegwenzi li jkollhom l-attività tagħhom fuq dan is-suq, jew saħansitra fuq suq relatat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 1991, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑202/88, Ġabra p. I‑1223, punt 51; ERT, punt 142 iktar ’il fuq, punt 37; GB‑Inno‑BM, punt 175 iktar ’il fuq, punt 25, u tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, Ġabra p. I‑4863, punt 43).

178    Madankollu, minnflok ma tipprojbixxi hija stess jew ma tqiegħed lill-BBC jew lill-ITV f’pożizzjoni li jipprojbixxu lil kwalunkwe xandar milli jakkwista drittijiet ta’ trażmissjoni tal-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja jew milli jaffettwaw il-kundizzjonijiet ta’ trażmissjoni tagħhom, il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tillimita ruħha sabiex telimina l-possibbiltà tat-trażmissjoni tagħhom fuq bażi esklużiva fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, mingħajr ma tagħmel distinzjoni fost iż-żewġ kategoriji ta’ xandara f’dan ir-rigward (ara l-punti 10 u 11 iktar ’il fuq). Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-FIFA tallega b’mod żbaljat li l-BBC u ITV huma l-uniċi xandara li għandhom il-permess jakkwistaw drittijiet ta’ trażmissjoni esklużivi tat-Tazza tad-Dinja għat-Renju Unit. Bil-kontra, qabel kollox, kif għadu kif ġie indikat, il-projbizzjoni mit-trażmissjoni fuq bażi esklużiva stabbilita bl-Artikolu 101 tal-Broadcasting Act 1996 tikkonċerna bl-istess mod lix-xandara taż-żewġ kategoriji stabbiliti bil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit. Sussegwentement, din il-projbizzjoni tikkumplementa l-Artikolu 99 tal-Broadcasting Act 1996, li tiddikjara null kull kuntratt ta’ trażmissjoni ta’ avveniment inkluż fil-lista sa fejn dan ikollu bħala għan li jagħti dritt esklużiv, mingħajr kunsiderazzjoni tal-identità tax-xandar.

179    Minn dan jirriżulta li l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tipprojbixxi l-esklużività għal kull xandar mhux biss fil-fażi tat-trażmissjon, iżda wkoll fil-fażi tal-konklużjoni tal-kuntratti ta’ trażmissjoni, b’mod li l-ebda xandar li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tar-Renju Unit ma jista’ validament jikkonkludi kuntratt għat-trażmissjoni esklużiva ta’ avveniment inkluż fil-lista ta’ dan l-Istat Membru. Min-naħa l-oħra, din il-leġiżlazzjoni tippermetti bl-istess mod li x-xandara taż-żewġ kategoriji li hija stabbilixxiet jissottomettu offerti għall-akkwist tad-drittijiet ta’ trażmissjoni televiżiva mhux esklużiva tal-logħbiet tat-Tazza tad-Dinja.

180    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li ċerti xandara mill-ewwel kategorija biss, bħall-BBC u ITV, finalment jittrażmettu, wara l-awtorizzazzjoni tal-Office of Communications, it-Tazza tad-Dinja fir-Renju Unit, peress li l-kompetituri tagħhom jinteressaw ruħhom biss għal trażmissjoni esklużiva u, minħabba f’hekk, ma jissottomettux offerta sabiex jakkwistaw id-drittijiet neċessarji (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), ma huwiex ekwivalenti għal għoti tad-drittijiet speċjali jew esklużivi lilhom fis-sens tal-Artikolu 86(1) KE. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza, jekk jitqies li ġiet stabbilita, hija r-riżultat tal-importanza mogħtija lill-esklużività fil-kuntest tal-mudell ta’ impriża implementat mix-xandara li joperaw stazzjonijiet bi ħlas u mhux projbizzjoni kwalunkwe derivanti mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, peress li l-kliem ta’ din il-leġiżlazzjoni huma applikabbli mingħajr distinzjoni għax-xandara taż-żewġ kategoriji. Minn dan jirriżulta li l-miżuri tar-Renju Unit fihom infushom ma jaffettwawx il-kapaċità għall-operaturi tal-istazzjonijiet bi ħlas milli jeżerċitaw, fir-rigward tal-akkwist tad-drittijiet ta’ trażmissjoni televiżiva tat-Tazza tad-Dinja, in-negozju tagħhom f’kundizzjonijiet essenzjalment ekwivalenti għal dawk fis-seħħ għall-BBC jew ITV.

181    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa minn FIFA

182    Il-konsegwenza tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-kuntest tal-motivi mqajma mill-FIFA hija li l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba minnha ma għandhomx għalfejn jiġu adottati (ara l-punti 20 u 21 iktar ’il fuq).

183    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont il-FIFA, it-talba tagħha hija intiża li tippermetti kemm lilha kif ukoll lill-Qorti Ġenerali li jeżaminaw, l-ewwel nett, jekk l-elementi disponibbli kinux jippermettu lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi validament li l-logħbiet kollha tat-Tazza tad-Dinja tradizzjonalment ġew ikkunsidrati bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit u jnisslu interess partikolari fi ħdan il-pubbliku inġenerali, it-tieni nett, jekk il-lista inkwistjoni ġietx stabbilita b’mod ċar u trasparenti. B’mod partikolari, il-FIFA ssostni li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-osservazzjonijiet kollha magħmula mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet Belġjani matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni huwa indispensabbli sabiex ikun jista’ jiġi eżaminat jekk dawn l-awtoritajiet kinux konformi mat-talbiet tal-Kummissjoni u jekk iċ-ċifri ta’ telespettaturi marbuta mad-dixxiplini sportivi differenti ġewx meqjusa b’mod koerenti, peress li, fir-rigward ta’ kompetizzjonijiet oħra, ċerti logħbiet biss ġew inklużi fil-lista inkwistjoni, it-tieni nett, jekk il-Kummissjoni kinitx ġustifikata billi approvat l-inklużjoni ta’ dawn il-logħbiet kollha fil-lista tar-Renju Unit u, it-tielet nett, jekk il-kummissjoni wrietx b’mod suffiċjenti li r-restrizzjonijiet magħmula fuq il-libertajiet fundamentali, fuq id-dritt ta’ proprjetà u fuq il-kompetizzjoni humiex ġustifikati. Barra minn hekk, dawn l-elementi jippermettu lill-FIFA tistabbilixxi li l-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata billi naqset milli tispjega għalfejn hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni mressqa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit wara t-28 ta’ Lulju 2000. L-elementi inkwistjoni huma wkoll rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk il-proċedura implementata mill-awtoritajiet tar-Renju Unit kinitx ċara u trasparenti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ elementi mressqa quddiem il-Kummissjoni, iżda li ma kinux eżistenti fil-mument meta l-lista tar-Renju Unit ġiet stabbilita, u tal-opinjonijiet kuntrarji maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

184    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-FIFA talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tistieden lill-Kummissjoni tipproduċi kull korrispondenza bejnha u l-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward tal-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit, inkluż l-iskambju ta’ ittri wara l-15 ta’ Diċembru 2005, data li fiha ngħatat is-sentenza Infront WM vs Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq.

185    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, bħal ma ġie deċiż fil-kuntest tal-eżami tal-motivi mqajma minn FIFA, l-argumenti kollha li għas-sostenn tagħhom din tal-aħħar tixtieq tinvoka elementi li potenzjalment jinsabu fid-dokumenti li tagħhom titlob il-produzzjoni ma humiex tali li jkollhom effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

186    B’mod partikolari, fir-rigward tal-importanza tal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” għas-soċjetà tar-Renju Unit u, flimkien ma’ dan, il-kwalifika tat-Tazza tad-Dinja kollha kemm hi bħala avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru, il-FIFA pproduċiet sensiela sħiħa ta’ statistika, li fihom infushom huma mill-iktar rilevanti, li juru, fil-fehma tagħha, l-eżattezza tal-allegazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward, fejn madankollu l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dawn ma kinux jannullaw il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni. L-istess jgħodd għall-argumenti li jikkonċernaw l-allegat nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi li seħħew wara s-sena 2000, peress li l-FIFA effettivament ipproduċiet l-istatistika relatata u l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dawn l-elementi ma kinux ixekklu l-fondatezza tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. Fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ elementi mhux disponibbli fil-mument meta l-awtoritajiet tar-Renju Unit stabbilixxew il-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru, għandu jiġi mfakkar li t-tali teħid inkunsiderazzjoni ma jiżvela ebda irregolarità proċedurali jew sostanzjali (ara l-punti 75, 76 u 95 iktar ’il fuq), b’tali mod li miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ma hijiex opportuna f’dan ir-rigward.

187    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

188    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-FIFA tilfet il-kawża, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-tabliet tal-Kummissjoni.

189    Ir-Renju tal-Belġju u r-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Fédération internationale de football association (FIFA) għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju tal-Belġju u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Forwood

Truchot

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Frar 2011.

Firem

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552

Fuq il-proċedura segwita mill-awtoritajiet tar-Renju Unit

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-importanza tal-logħbiet “mhux ta’ importanza primarja” għas-soċjetà tar-Renju Unit

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ proprjetŕ tal-FIFA

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ u s-sitt motivi, ibbażati fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati mal-libertŕ li jiġu pprovduti servizzi u mad-dritt ta’ stabbiliment

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa minn FIFA

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.