Language of document : ECLI:EU:C:2011:268

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

28 ta’ April 2011(*)

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2008/115/KE – Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza irregolari – Artikoli 15 u 16 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi piena ta’ priġunerija għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza irregolari f’każ ta’ rifjut li tiġi obduta ordni ta’ tluq mit-territorju ta’ Stat Membru – Kompatibbiltà ”

Fil-Kawża C-61/11 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte d’appello di Trento (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Frar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Frar 2011, fil-proċeduri kriminali kontra

Hassen El Dridi alias Soufi Karim,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.-J. Kasel, M. Ilešič (Relatur), E. Levits u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tat-2 ta’ Frar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Frar 2011 u kkompletata fil-11 ta’ Frar 2011, li tissuġġetta r‑rinviju għal deċiżjoni preliminari għal proċedura b’urġenza, skont l‑Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat id-deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2011 tal-Ewwel Awla li tilqa’ din it-talba,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Marzu 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal H. El Dridi, minn M. Pisani u L. Masera, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. D’Ascia, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u L. Prete, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija kontra H. El Dridi, li huwa kkundannat għal piena ta’ sena priġunerija għar-reat li jikkonsisti fil-fatt li baqa’ illegalment fit-territorju Taljan, mingħajr raġuni ġustifikata, bi ksur ta’ ordni ta’ ripatrijazzjoni li ngħatat kontrih mill-Questore ta’ Udine (kap tal-pulizija ta’ Udine).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Il-premessi 2, 6, 13, 16 u 17 tad-Direttiva 2008/115 jipprovdu:

“(2)      Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-4 u l-5 ta’ Novembru 2004 sejjaħ għat-twaqqif ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn ta’ persuni b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom.

[…]

(6)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tmiem ta’ soġġorn illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jitwettaq permezz ta’ proċedura ġusta u trasparenti. […]

[…]

(13)      L-użu ta’ miżuri koersivi għandhom ikunu espliċitament soġġetti għall-prinċipji tal-proporzjonalità u ta’ l-effettività fir-rigward tal-mezzi użati u l‑objettivi segwiti. […]

[…]

(16)      L-użu tad-detenzjoni għall-fini ta’ tneħħija għandu jkun limitat u soġġett għall-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward tal-mezzi użati u l-objettivi segwiti. Id-detenzjoni hija ġustifikata biss biex jiġi ppreparat r-ritorn jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija u jekk l-applikazzjoni ta’ miżuri anqas koerżivi ma tkunx suffiċjenti.

(17)      Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu detenuti għandhom jiġu trattati b’mod uman u dinjituż fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom u f’konformità mal-liġi internazzjonali u nazzjonali. Mingħajr preġudizzju għall-arrest inizjali mill-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi, irregolat mil-leġislazzjoni nazzjonali, id-detenzjoni għandha bħala regola tkun f’faċilitajiet speċjalizzati għad-detenzjoni.”

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Suġġett” jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

5        L-Artikolu 2(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.

2.      L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

[…]

b)      huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew bħala konsegwenza ta’ sanzjoni tal-liġi kriminali, skond il-liġi nazzjonali jew li huma soġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni.”

6        L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2008/115 jiddefinixxi t-terminu “deċiżjoni ta’ ritorn” għall-finijiet ta’ din id-direttiva, bħala “deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn”.

7        L-Artikolu 4(3) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-persuni li għalihom tapplika dment li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli ma’ din id-Direttiva.”

8        Skont l-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva, “[l]-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5”.

9        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Tluq volontarju”, jipprovdi:

“1.      Id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tipprevedi perijodu adegwat għat-tluq volontarju ta’ bejn sebat ijiem u tletin jum, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 4. L-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-leġislazzjoni nazzjonali li tali perijodu għandu jingħata biss wara applikazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi konċernati dwar il-possibbiltà li jippreżentaw tali applikazzjoni.

[…]

3. Ċerti obbligi maħsuba biex jevitaw ir-riskju ta’ ħarba, bħal ma huma r-rappurtar regolari lill-awtoritajiet, id-depożitu ta’ garanzija finanzjarja adegwata, il‑preżentazzjoni ta’ dokumenti jew l-obbligu li wieħed jibqa’ f’ċertu post, jistgħu jiġu imposti għat-tul tal-perijodu ta’ tluq volontarju.

4.      Jekk ikun hemm riskju ta’ ħarba, jew jekk applikazzjoni għal soġġorn legali tkun ġiet miċħuda għax kienet bla bażi jew ibbażata fuq frodi jew jekk il-persuna konċernata tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is‑sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux perijodu ta’ żmien għat-tluq volontarju, jew jistgħu jagħtu perijodu iqsar minn sebat ijiem”.

10      L-Artikolu 8(1) u (4) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il‑perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7.

[…]

4.      Meta l-Istati Membri jużaw - bħala l-aħħar possibbiltà - miżuri koerżivi biex iwettqu t-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirreżisti t-tneħħija, tali miżuri għandhom ikunu proporzjonali u m’għandhomx jeċċedu forza raġonevoli. Dawn għandhom jiġu implimentati kif previst fil-leġislazzjoni nazzjonali skond id‑drittijiet fundamentali u bir-rispett dovut għad-dinjità u l-integrità fiżika taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat”.

11      L-Artikolu 15 ta’ din l-istess direttiva, li jinsab fil-Kapitolu IV tagħha, dwar id-detenzjoni għall-finijiet ta’ ripatrijazzjoni, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

a)      jkun hemm riskju ta’ ħarba jew

b)      iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.

[…]

3.      F’kull każ, id-detenzjoni għandha tiġi riveduta f’intervalli raġonevoli ta’ żmien jew b’applikazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew ex officio. Fil-każ ta’ perijodi ta’ detenzjoni mtawla, ir-reviżjonijiet għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja.

4.      Meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għadhomx aktar jeżistu, id-detenzjoni ma tibqax ġustifikata u l‑persuna konċernata għandha tkun rilaxxata minnufih.

5.      Id-detenzjoni għandha titkompla għal tul ta’ perijodu meħtieġ biex il‑kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t‑tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.

6.      L-Istati Membri jistgħu ma jestendux il-perijodu msemmi fil-paragrafu 5 ħlief għal perijodu limitat li ma jeċċedix it-tnax-il xahar oħra skond il-liġi nazzjonali f’każijiet fejn minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tagħhom l‑operazzjoni ta’ tneħħija tista’ ddum minħabba:

a)      nuqqas ta’ kooperazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat, jew

b)      dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi”.

12      L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115, intitolat, “Kondizzjonijiet tad-detenzjoni” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-detenzjoni għandha titwettaq bħala regola f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Meta Stat Membru ma jkunx jista’ jipprovdi akkomodazzjoni f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni u jkun obbligat jirrikorri għal akkomodazzjoni f’ħabs, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu detenuti għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji”.

13      Skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115, intotolat “Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza”:

“1.      F’każijiet fejn għadd eċċezzjonalment kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li għandhom jintbagħtu lura jkun ta’ piż kbir mhux previst fuq il-kapaċità tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni ta’ Stat Membru jew fuq il-persunal amministrattiv jew ġudizzjarju tiegħu, dak l-Istat Membru jista’, sakemm tippersisti s-sitwazzjoni eċċezzjonali, jiddeċiedi […] li jieħu miżuri urġenti dwar il-kondizzjonijiet tad-detenzjoni li jidderogaw minn dawk stabbiliti fl-Artikoli 16(1) […].

2.      Meta jirrikorri għal dawn il-miżuri eċċezzjonali, l-Istat Membru konċernat għandu jgħarraf lill-Kummissjoni. Huwa għandu wkoll jgħarraf lill-Kummissjoni hekk kif ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri eċċezzjonali ma jkunux għadhom jeżistu.

3.      L-ebda parti minn dan l-Artikolu ma għandha tiġi interpretata bħala li tippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mill-obbligu ġenerali tagħhom biex jieħdu l-miżuri kollha xierqa, kemm ġenerali jew partikolari, li jiżguraw it-twettiq ta’ l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva.”

14      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu konformi magħha, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 13(4) sa mhux iktar tard mill-24 ta’ Diċembru 2010.

15      Skont l-Artikolu 22 tagħha, l-imsemmija direttiva daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ Jannar 2009.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

16      L-Artikolu 13 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998, tal-25 ta’ Lulju 1998, dwar test uniku tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni u r-regoli dwar il-kundizzjoni tal-barrani (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 191, tat-18 ta’ Awwissu 1998), kif emendat bil-Liġi Nru 94, tal-15 ta’ Lulju 2009, dwar dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ sigurtà pubblika (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 170, tal-24 ta’ Lulju 2009, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998”), jipprovdi fil-paragrafi 2 u 4 tiegħu:

“It-tkeċċija hija deċiża mill-prefett meta l-barrani:

a)      jkun daħal fuq it-territorju tal-Istat billi ħarab mill-kontrolli fil-fruntiera u ma ntbagħatx lura […];

b)      jkun baqa’ fuq it-territorju tal-Istat […] mingħajr ma jkun talab il-permess ta’ residenza fit-terminu stabbilit, sakemm dan id-dewmien ma jkunx dovut għal każ ta’ forza maġġuri, jew minkejja r-revoka jew l-annullament tal-permess ta’ residenza, jew inkella mingħajr ma jitlob it-tiġdid meta dan ikun skada għal iktar minn sittin jum. […]

[…]

4.      It-tkeċċija hija dejjem eżegwita mill-Questore u l-barrani għandu jiġi deportat mill-forzi tal-ordni, ħlief fil-każijiet elenkati fil-paragrafu 5.”

17      L-Artikolu 14 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 huwa fformultat kif ġej:

“1.      Meta ma jkunx possibbli li tiġi eżegwita immedjatament l-espulsjoni billi l‑barrani jiġi deportat jew imkeċċi, peress li jkun hemm bżonn li jiġi sokkors il‑barrani, jew ikunu jridu jsiru kontrolli addizzjonali dwar l-identità tiegħu jew in‑nazzjonalità tiegħu jew l-akkwist ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar, jew minħabba l‑indisponibbiltà tat-trasportatur jew ta’ mezz ieħor ta’ trasport adegwat, il‑Questore jista’ jiddeċiedi li l-barrani jinżamm matul il-perijodu strettament neċessarju fiċ-ċentru ta’ detenzjoni amministrattiva l-iktar viċin fost dawk identifikati jew ikkostitwiti permezz ta’ digriet tal-Ministru tal-Intern, bi qbil mal-Ministri tas-Solidarjetà soċjali u tat-Teżor, tal-Baġit u tal-Programm ekonomiku.

[…]

5(a)       Meta ma jkunx possibli li l-barrani jinżamm f’ċentru ta’ detenzjoni amministrattiva jew li r-residenza f’tali struttura ma tkunx ippermettiet l‑eżekuzzjoni tat-tkeċċija jew tad-deportazzjoni, il-Questore jista’ jordna lill-barrani li jitlaq mit-territorju fi żmien ħamest ijiem. L-ordni għandha tingħata permezz ta’ att bil-miktub, fejn ikun hemm indikat il-konsegwenzi kriminali jekk il-barrani jibqa’ illegalment fit-territorju tal-Istat, inkluż f’każ ta’ reċidiva. Mal-ordni tal-Questore jistgħu jinħarġu d-dokumenti neċessarji sabiex il-barrani jmur fl-uffiċju ta’ rappreżentanza diplomatika, anki onorarja, ta’ pajjiżu fl-Italja, kif ukoll sabiex jidħol fl-Istat ta’ appartenenza tiegħu, jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fl-Istat ta’ oriġni tiegħu.

5(b)       Il-barrani li, mingħajr motiv iġġustifikat, jibqa’ illegalment fit-territorju tal-Istat, bi ksur tal-ordni tal-Questore msemmija fil-paragrafu 5(a), għandu jingħata piena ta’ priġunerija għal erba’ snin jekk it-tkeċċija jew id-deportazzjoni jkunu ġew ordnati minħabba dħul illegali fit-territorju nazzjonali [...], jew minħabba nuqqas ta’ dikjarazzjoni tal-preżenza tiegħu fit-territorju tal-Istat fit-terminu previst fin-nuqqas ta’ kawża ta’ forza maġġuri, jew għal revoka jew annullament tal-permess. Il-piena applikabbli hija piena ta’ priġunerija minn sitt xhur sa sena jekk it‑tkeċċija tkun ġiet ordnata għaliex il-permess ta’ residenza jkun skada għal iktar minn sittin jum u li ma jkunx intalab it-tiġdid tiegħu jew li t-talba għal permess ta’ residenza tkun ġiet irrifjutata [...]. Fi kwalunkwe każ, sakemm il-barrani ma jkunx jinsab detenut il-ħabs, għandha tiġi adottata miżura ġdida ta’ espulsjoni u għandu jiġi deportat bl-għajnuna tal-forza pubblika, għal ksur tal-ordni ta’ ripatrijazzjoni mogħtija mill-Questore skont l-Artikolu 5(a). Jekk ma jkunx possibbli li jiġi deportat, għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 5(a) ta’ dan l-Artikolu […].

5(c) Il-barrani destinatarju ta’ miżura ta’ tkeċċija bħal dik prevista fil-paragrafu 5 (b) u ta’ ordni ġdida ta’ tkeċċija bħal dik prevista fil-paragrafu 5(a), li jibqa’ illegalment fit-territorju tal-Istat, huwa kkundannat għal piena ta’ ħames snin priġunerija. Id-dispożizzjonijiet previsti fit-tielet u r-raba’ sentenzi tal-paragrafru 5(b), huma kollha ipoteżi applikabbli.

5(d) F’dak li jikkonċerna l-ksur imsemmi fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 5(b), u fil-paragrafu 5(c), il-proċedura għandha ssir b’rito direttissimo [proċedura semplifikata] u l-awtur tal-fatti għandu obbligatorjament jiġi arrestat […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18      H. El Dridi huwa ċittadin ta’ pajjiż terz li daħal fl-Italja illegalment u ma għandux permess ta’ residenza. Huwa s-suġġett ta’ digriet ta’ tkeċċija maħruġ mill-Prefett ta’ Torino fit-8 ta’ Mejju 2004.

19      Ordni ta’ ripatrijazzjoni mit-territorju nazzjonali, mogħtija fil-21 ta’ Mejju 2010 mill-Questore di Udine, skont l-imsemmi digriet ta’ tkeċċija, ġiet innotifikata lilu fl-istess ġurnata. Din l-ordni ta’ ripatrijazzjoni kienet immotivata bl-indisponibbiltà ta’ vettura jew ta’ mezz ieħor ta’ trasport, in-nuqqas ta’ dokumenti ta’ identità ta’ H. El Dridi, kif ukoll permezz tal-impossibbiltà li dan tal-aħħar jinżamm provviżorjament f’ċentru ta’ detenzjoni minħabba nuqqas ta’ spazju fl-istrutturi previsti għal dan il-għan.

20      Waqt kontroll li sar fid-29 ta’ Settembru 2010, irriżulta li H. El Dridi ma kienx ikkonforma mal-ordni ta’ ripatrijazzjoni.

21      H. El Dridi ġie kkundannat mit-Tribunale di Trento, fejn qorti b’imħallef wieħed fil-kuntest ta’ proċedura simplifikata kkundannatu għal piena ta’ sena priġunerija għar-reat imsemmi fl-Artikolu 14(5)(b) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998.

22      Huwa appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Corte d’appello di Trento.

23      Din tal-aħħar tistaqsi lilha nnifisha dwar il-possibbiltà li tingħata sanzjoni kriminali, matul proċeduri amministrattivi ta’ ritorn ta’ barrani fil-pajjiż ta’ oriġni tiegħu, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-istadji tagħha, peress li tali sanzjoni tidher kuntrarja għall-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, għan-neċessità li jintalħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2008/115 u li tiġi żgurata l-effettività tagħha kif ukoll għall-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ adegwatezza u ta’ fondatezza tal-piena.

24      Hija tippreċiża, f’dan ir-rigward, li s-sanzjoni kriminali prevista fl-Artikolu 14(5) (b), tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 ngħatat wara l-konstatazzjoni tal-ksur ta’ stadju intermedjarju tal-proċedura gradwali ta’ implementazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, prevista mid-Direttiva 2008/115, jiġifieri sempliċement in-nuqqas ta’ osservanza tal-ordni ta’ tkeċċija. Il-piena ta’ priġunerija li tista’ tkun ta’ bejn sena u erba’ snin għandha, fil-fatt, natura ta’ severità estrema.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte d’appello di Trento ddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni legali, li l-għan tiegħu huwa li jintlaħqu l-għanijiet tad-direttiva, u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ adegwatezza u ta’ fondatezza tal-piena, l-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2008/115 [...] jipprekludu:

–        il-possibbiltà li jiġu imposti sanzjonijiet kriminali għall-ksur ta’ stadju intermedjarju tal-proċedura amministrattiva tar-ritorn, qabel ma tkun ġiet kompluta tali proċedura, billi jsir rikors għall-iktar miżura restrittiva amministrattiva li tkun għadha possibbli?

–        il-possibbiltà li tiġi imposta piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn erba’ snin għas-sempliċi nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-persuna kkonċernata fil-proċedura ta’ tneħħija, u b’mod partikolari, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-ewwel ordni ta’ ripatrijazzjoni maħruġa mill-awtorità amministrattiva?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza

26      Il-Corte d’appello di Trento talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza stabbilita fl-Artikolu 104(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

27      Il-qorti tar-rinviju mmotivat din it-talba billi sostniet li H. El Dridi jinsab arrestat b’eżekuzzjoni tal-piena li kien ġie kkundannat għaliha mit-Tribunale di Trento.

28      L-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-avukat ġenerali, laqgħet it-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex tissuġġetta r-rinviju preliminari għall-proċedura b’urġenza.

 Fuq id-domanda preliminari

29      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk id‑Direttiva 2008/115, b’mod partikolari l-Artikoli 15 u 16 tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi għall-applikazzjoni ta’ piena ta’ priġunerija għal ċittadin ta’ pajjiż terz b’residenza irregolari sempliċement minħabba l-fatt li dan, bi ksur ta’ ordni li jħalli t-territorju ta’ dan l-Istat f’terminu stabbilit, baqa’ fuq l-imsemmi territorju mingħajr motivazzjoni ġustifikata.

30      Il-qorti tar-rinviju tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, kif ukoll għall-għan li tiġi żgurata l-effettività tad-dritt tal-Unjoni.

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 2, id-Direttiva 2008/115 hija intiża għall-implementazzjoni ta’ politika effettiva ta’ ripatrijazzjoni u ta’ tneħħija bbażata fuq liġijiet komuni, sabiex il-persuni kkonċernati jiġu ripatrijati b’mod uman u fir-rispett komplet tad-drittijiet fundamentali u d-dinjità tagħhom.

32      Kif jirriżulta kemm mit-titolu tagħha kif ukoll mill-Artikolu 1, id‑Direttiva 2008/115 tistabbilixxi “standards u proċeduri komuni” li għandhom jiġu applikati minn kull Stat Membru fir-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza irregolari. Mill-espressjoni msemmija iktar ’il fuq, iżda wkoll mill-ispirtu ġenerali ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-imsemmija standards u proċeduri biss fil-kundizzjonijiet previsti minnha, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 4 tagħha.

33      Minn dan isegwi li, għalkemm l-Artikolu 4(3) jikkonferixxi lill-Istati Membri l‑fakultà li jadottaw jew li jżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza irregolari minn dawk tad-Direttiva 2008/115, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli magħha, madankollu, l-imsemmija direttiva ma tippermettix lill-imsemmija Stati li japplikaw standards iktar severi fil-qasam irregolat mid-direttiva.

34      Jaqbel ukoll li jiġi rrilevat li d-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi bi preċiżjoni l‑proċedura li għandha tiġi applikata minn kull Stat Membru għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza irregolari u tiffissa l-ordni tad-diversi stadji separati ta’ din il-proċedura.

35      Għalhekk, l-Artikolu 6(1) ta’ din l-istess direttiva jipprovdi l-ewwel nett, prinċipalment, obbligu għall-Istati Membri li jieħdu deċiżjoni ta’ ritorn kontra kull ċittadin ta’ pajjiż terz b’residenza irregolari fit-territorju tagħhom.

36      Fil-kuntest ta’ dan l-istadju inizjali tal-proċedura ta’ ritorn, għandha tingħata prijorità, ħlief f’xi eċċezzjonijiet, għall-eżekuzzjoni volontarja tal-obbligu li jirriżulta minn din id-deċiżjoni ta’ ritorn, peress li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi li l-imsemmija deċiżjoni tipprovdi għal terminu xieraq li jmur minn seba’ sa tletin jum għat-tluq volontarju.

37      Mill-Artikolu 7(3) u (4) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li huwa biss f’ċirkustanzi partikolari, bħall-eżistenza ta’ riskju li l-barrani jaħrab, li l-Istati Membri jistgħu, minn naħa, jimponu lid-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ ritorn l‑obbligu li jippreżenta ruħu regolarment għand l-awtoritajiet, li jiddepożita garanzija finanzjarja adegwata, li jiddepożita dokumenti jew li joqgħod f’post determinat jew, min-naħa l-oħra, jipprovdu terminu ta’ tluq volontarju inferjuri għal sebat ijiem, jew jonqsu milli jistabbilixxu tali terminu.

38      F’din l-aħħar ipoteżi iżda wkoll f’sitwazzjoni fejn l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rrispettat fit-terminu mogħti għat-tluq volontarju, mill-Artikolu 8(1) u (4) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li, bl-għan li tiġi żgurata l-effettività tal-proċeduri ta’ ritorn, dawn id-dispożizzjonijiet jimponu lill-Istat Membru, li jkun adotta deċiżjoni ta’ ritorn kontra ċittadin ta’ pajjiż terz b’residenza irregolari, l-obbligu ta’ ripatrijazzjoni, billi jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji, inkluż, skont il-każ, miżuri restrittivi, b’mod proporzjonat u fir-rispett, b’mod partikolari, tad-drittijiet fundamentali.

39      F’dan ir-rigward, mill-premessa 16 tal-imsemmija direttiva kif ukoll mill-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1) tagħha jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jipproċedu bir-ripatrijazzjoni permezz tal-miżuri l-inqas restrittivi possibbli. Huwa biss fl-ipoteżi fejn l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn fil-forma ta’ ripatrijazzjoni tirriskja, fir-rigward ta’ evalwazzjoni ta’ kull sitwazzjoni speċifika, li tiġi kompromessa bl-aġir tal-persuna kkonċernata, li dawn l-Istati jistgħu jipproċedu għall-privazzjoni tal-libertà ta’ dan tal-aħħar permezz ta’ detenzjoni.

40      Din il-privazzjoni tal-libertà għandha, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115, tkun qasira kemm jista’ jkun u ddum biss sakemm l-ordni ta’ ripatrijazzjoni tkun qed tiġi implementata u eżegwita bid-diliġenza kollha meħtieġa. Skont l-Artikolu 15(3) u (4) tal-imsemmi Artikolu 15, din il-privazzjoni ta’ libertà hija suġġetta għal rieżami f’intervalli raġonevoli u għandha tintemm meta jkun jidher li ma għadhiex teżisti perspettiva raġonevoli ta’ ripatrijazzjoni. Il-paragrafi (5) u (6) tal-istess artikolu jiffissaw it-tul massimu tal-imsemmija privazzjoni għal 18-il xahar, u dan huwa limitu li japplika għall-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, l-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva jeħtieġ li l-persuni kkonċernati kollha jitqiegħdu f’ċentru speċjalizzat u, fi kwalunkwe każ, li jkunu separati mill-priġunieri tad-dritt komuni.

41      Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-ordni ta’ eżekuzzjoni tal-istadji tal-proċedura ta’ ritorn stabbilita bid-Direttiva 2008/115 tikkorrispondi mal-gradazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu fid-dawl tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, gradazzjoni li tmur mill-miżura li tħalli l-iktar libertà lill-persuna kkonċernata, jiġifieri l-għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju, għall-miżuri restrittivi li jillimitawha l-iktar, jiġifieri d-detenzjoni f’ċentru speċjalizzat, fejn l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandha tiġi dejjem żgurata matul dawn l-istadji kollha.

42      Jidher li anki r-rikors għal din l-aħħar miżura, li tikkostitwixxi l-miżura restrittiva tal-libertà l-iktar gravi li tippermetti l-imsemmija direttiva fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ripatrijazzjoni forzata, hija strettament ifformulata, skont l‑Artikoli 15 u 16 tal-imsemmija direttiva, b’mod partikolari bl-għan li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi kkonċernati.

43      B’mod partikolari, it-tul massimu previst fl-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 għandu l-għan li jillimita l-privazzjoni tal-libertà taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’siwazzjoni ta’ ripatrijazzjoni forzata (sentenza tat-30 ta’ Novembru 2009, Kadzoev, C-357/09 PPU, Ġabra p. I‑11189, punt 56). Id-Direttiva 2008/115 għandha l-intenzjoni b’hekk li tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-drittijiet tal-Bniedem li tgħid li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li d-detenzjoni ta’ persuna li kontriha tkun għaddejja proċedura ta’ tkeċċija ma ddumx għal tul ta’ żmien li ma huwiex raġonevoli, jiġifieri li ma taqbiżx it-terminu neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż (ara, b’mod partikolari, Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem., sentenza Saadi vs Ir‑Renju Unit tad-29 ta’ Jannar 2008, Nru 13229/03, paragrafi 72 u 74), kif ukoll it-tmien mill-“għoxrin linja gwida dwar ir-ritorn forzat” adottati fl-4 ta’ Mejju 2005 mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, li tirreferi għalihom id-direttiva fil-premessa 3 tagħha. Skont dan il‑prinċipju, kull detenzjoni li ssir qabel ir-ripatrijazzjoni għandha tkun qasira kemm jista’ jkun.

44      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jaqbel li jiġi evalwat jekk ir‑regoli komuni introdotti mid-Direttiva 2008/115 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta kemm mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, id-Direttiva 2008/115 ma ġietx trasposta fis-sistema legali Taljana.

46      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, meta Stat Membru jonqos milli jittrasponi direttiva fit-terminu stabbilit jew jittrasponiha b’mod żbaljat, l-individwi jistgħu jinvokaw kontra dan l-Istat id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li jkunu jidhru li huma, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkondizzjonati u preċiżi biżżejjed (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari is-sentenza tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, Ġabra p. 723, punt 46, u tat-3 ta’ Marzu 2011, Auto Nikolovi, C‑203/10, Ġabra p. I‑0000, punt 61).

47      Dan japplika għall-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2008/115, li, kif jirriżulta mill-punt 40 ta’ din is-sentenza, huma inkondizzjonati u biżżejjed preċiżi b’mod li ma jeħtiġux elementi partikolari oħra sabiex jiġu implementati mill-Istati Membri.

48      Barra minn hekk, persuna li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ H. El Dridi taqa’ taħt il‑kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva 2008/115, peress li din tapplika, skont l-Artikolu 2(1) tagħha, għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru.

49      Għalhekk, kif jirreleva l-Avukat Ġenerali fil-punti 22 sa 28 tal-opinjoni tiegħu, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva, li tippermetti lill-Istati Membri li jiddeċiedu li ma japplikawx din tal-aħħar għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma suġġetti għal sanzjoni kriminali li tipprovdi għal jew għandha bħala konsegwenza r-ritorn tagħhom, skont id-dritt nazzjonali, jew li huma suġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-obbligu ta’ ritorn jirriżulta, fil-kawża prinċipali, minn digriet tal-prefett ta’ Torino tat-8 ta’ Mejju 2004. Barra minn hekk, is‑sanzjonijiet kriminali stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 2(2)(b) ma jikkonċernawx in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu stabbilit għat-tluq volontarju.

50      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li anki jekk id-digriet tal-prefett ta’ Torino, tat-8 ta’ Mejju 2004, sa fejn jistabbilixxi obbligu għal H. El Dridi li jitlaq it-territorju nazzjonali, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “deċiżjoni ta’ ritorn”, hekk kif imfisser fil-punt 4 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva u msemmi, b’mod partikolari, fl-Artikoli 6(1) u 7(1), il-proċedura ta’ ripatrijazzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti b’mod sinjifikattiv minn dik stabbilita minn din id-Direttiva 2008/115.

51      Fil-fatt, filwaqt li din id-direttiva timponi l-għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju, li jmur minn seba’ sa tletin jum, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 ma jipprovdix ir-rikors għal din il-miżura.

52      Sussegwentement, fir-rigward tal-miżuri restrittivi li l-Istati Membri jistgħu jimplementaw skont l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2008/115, bħal, b’mod partikolari, id-deportazzjoni forzata prevista mill-Artikolu 13(4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998, għandu jiġi kkonstatat li fis-sitwazzjoni fejn tali miżuri ma jkunux ippermettew li jintlaħaq ir-riżultat mixtieq, jiġifieri r-ripatrijazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkunu ġew adottati kontrih, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jadottaw miżuri, anki ta’ natura kriminali, li jippermettu b’mod partikolari li jiddisswadu lil dawn iċ-ċittadini milli jibqgħu b’mod illegali fit-territorju ta’ dawn l-Istati.

53      Minkejja dan, għandu jiġi rrilevat li għalkemm, bħala prinċipju, il-leġiżlazzjoni kriminali u r-regoli tal-proċeduri kriminali jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dan il-qasam tad-dritt jista’ madankollu jiġi affettwat mid-dritt tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, Casati, 203/80, Ġabra p. 2595, punt 27; tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan, 186/87, Ġabra p. 195, punt 19, u tas-16 ta’ Ġunju 1998, Lemmens, C-226/97, Ġabra p. I‑3711, punt 19).

54      Minn dan isegwi li, minkejja l-fatt li la l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63(3)(b) KE, dispożizzjoni li ġiet riprodotta fl-Artikolu 79(2)(c) TFUE, u lanqas id-Direttiva 2008/115, adottata b’mod partikolari abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat KE, ma jeskludu l‑kompetenza kriminali tal-Istati Membri fil-qasam tal-immigrazzjoni klandestina u ta’ residenza irregolari, dawn tal-aħħar għandhom jadattaw il-leġiżlazzjoni tagħhom f’dan il-qasam sabiex jiżguraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

55      B’mod partikolari, l-imsemmija Stati ma jistgħux japplikaw leġiżlazzjoni anki jekk fil-qasam kriminali, suxxettibbli li tipperikola t-twettiq tal-għanijiet intiżi minn direttiva u jipprivawha mill-effettività tagħha.

56      Fil-fatt, skont, rispettivament, it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 4(3) TUE, l‑Istati Membri, b’mod partikolari “għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jitwettqu” u “għandhom [...] joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’periklu l-kisba ta’ l‑objettivi ta’ l-Unjoni”, inkluż dawk intiżi mid-direttiva.

57      Iktar speċifikament, fir-rigward tad-Direttiva 2008/115, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 13 tagħha, hija tissuġġetta espressament ir-rikors għal miżuri restrittivi għall-osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ effettività f’dak li jikkonċerna l-mezzi użati u l-għanijiet intiżi.

58      Konsegwentment, l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu, sabiex jirrimedjaw għall-falliment tal-miżuri restrittivi adottati għar-ripatrijazzjoni skont l‑Artikolu 8(4) tal-imsemmija direttiva, piena li tneħħi l-libertà, bħal dik prevista fl-Artikolu 14(5)(b) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998, sempliċement minħabba li ċittadin ta’ pajjiż terz, wara li ordni li jħalli t-territorju nazzjonali tkun ġiet innotifikata lilu u wara li jkun skada t-terminu għall-implementazzjoni ta’ din l‑ordni, jibqa’ preżenti b’mod irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru, iżda għandhom ikomplu bl-isforzi tagħhom fid-dawl tal-eżekuzzjoni ta’ din id‑deċiżjoni ta’ ritorn li tkompli tħalli l-effetti tagħha.

59      Fil-fatt, tali piena, minħabba b’mod partikolari l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni, tirriskja li tikkomprometti t-twettiq tal-għan intiż minn din id‑direttiva, jiġifieri l-adozzjoni ta’ politika effettiva ta’ ripatrijazzjoni u ta’ tneħħija taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza irregolari. Fil-fatt, kif irrileva l‑Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-opinjoni tiegħu, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tfixkel l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115 u li ddewwem l‑eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn.

60      Dan ma jeskludix il-fakultà għall-Istati Membri li jadottaw, fir-rispett tal-prinċipji tad-Direttiva 2008/115 u tal-għan tagħha, dispożizzjonijiet li jirregolaw is‑sitwazzjoni fejn il-miżuri restrittivi ma jkunux ippermettew li ssir ir‑ripatrijazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi fuq it-territorju tagħhom b’mod irregolari.

61      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, hija l-qorti tar-rinviju, li hija responsabbli sabiex tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u li tiżgura l-effett sħiħ tagħhom, li għandha ma tapplikax kull dispożizzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 kuntrarja għar-riżultat tad-Direttiva 2008/115, b’mod partikolari, l-Artikolu 14(5)(b) tal-imsemmi digriet leġiżlattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, Ġabra p. 629, punt 24; tat-22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria, C‑462/99, Ġabra p. I-5197, punti 38 u 40, u tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, Ġabra p. I‑5667, punt 43). Filwaqt li tagħmel dan, il-qorti tar-rinviju għandha debitament tieħu inkunsiderazzjoni l‑prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-inqas piena, li jagħmel parti mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri (sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et, C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, Ġabra p. I‑3565, punti 67 sa 69, kif ukoll tal-11 ta’ Marzu 2008, Jager, C‑420/06, Ġabra p. I‑1315, punt 59).

62      Għalhekk, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d‑Direttiva 2008/115, b’mod partikolari l-Artikoli 15 u 16 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi għall-applikazzjoni ta’ piena ta’ priġunerija għal ċittadin ta’ pajjiż terz b’residenza irregolari sempliċement minħabba l-fatt li dan, bi ksur ta’ ordni ta’ tluq mit-territorju ta’ dan l-Istat f’terminu determinat, baqa’ fl-imsemmi territorju, mingħajr motivazzjoni ġustifikata.

 Fuq l-ispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, b’mod partikolari l-Artikoli 15 u 16 tagħha, għandha tiġi interpretati fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ piena ta’ priġunerija għal ċittadin ta’ pajjiż terz b’residenza irregolari sempliċement minħabba l-fatt li dan, bi ksur ta’ ordni ta’ tluq mit-territorju ta’ dan l-Istat f’terminu determinat, baqa’ fuq l-imsemmi territorju, mingħajr motivazzjoni ġustifikata.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.