Language of document : ECLI:EU:C:2006:492

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)

18 ta' Lulju 2006 (*)

"Appell – Regoli adottati mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali dwar il-kontroll tad-doping – Inkompatibbiltà mar-regoli Komunitarji fuq il-kompetizzjoni u l-libertà ta' provvista ta' servizzi – Ilment – Ċaħda"

Fil-kawża C-519/04 P,

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-22 ta' Diċembru 2004,

David Meca-Medina, residenti f'Barċellona (Spanja),

Igor Majcen, residenti f'Ljubljana (Is-Slovenja),

irrappreżentati minn J.-L. Dupont u M.-A. Lucas, avukati,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn O. Beynet u A. Bouquet, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn T. Pynnä, bħala aġent,

parti intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J. Malenovský (Relatur), J.-P. Puissochet, A. Borg Barthet u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta' Marzu 2006,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta' Marzu 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' l-appell tagħhom, D. Meca-Medina u I. Majcen (iktar 'il quddiem, meħuda flimkien ir-"rikorrenti") jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-30 ta' Settembru 2004, Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni (T-313/02, Ġabra p. II-3291, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li biha din il-qorti ċaħdet ir-rikors tagħhom għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ta' l-1 ta' Awwissu 2002, li tiċħad l-ilment imressaq mir-rikorrenti kontra l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (iktar 'il quddiem il-"KOI"), intiż sabiex tiġi kkonstatata l-inkompatibbiltà ta' ċerti regoli adottati minn dan il-Kumitat u implementati mill-Fédération internationale de natation (FINA), kif ukoll ta' ċerti prattiki dwar il-kontroll tad-doping, mar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Kawża COMP/38158 – Meca-Medina u Majcen vs KOI, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni in kwistjoni").

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2       Il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet sinteżi tal-leġiżlazzjoni kontra d-doping in kwistjoni (iktar 'il quddiem il-"leġiżlazzjoni ta' kontra d-doping in kwistjoni") fil-punti 1 sa 6 tas-sentenza kkontestata:

"1      Il-[…] KOI huwa l-awtorità suprema tal-Moviment Olimpiku, li flimkien jgħaqqad id-diversi federazzjonijiet sportivi internazzjonali, fosthom il-[…] FINA.

2      Il-FINA timplementa għall-għawm, permezz tad-Doping Control Rules tagħha (regoli ta’ kontroll tad-doping, fil-verżjoni li kienet fis-seħħ meta ġraw il-fatti, iktar 'il quddiem 'DC'), il-Kodiċi ta’ kontra d-doping tal-Moviment Olimpiku. Ir-Regola DC 1.2a tiddefinixxi d-doping bħala "reat meta sustanza pprojbita tinstab fit-tessuti jew fil-likwidi tal-ġisem ta’ atleta". Din id-definizzjoni tikkorrispondi għal dik ta’ l-Artikolu 2(2) tal-Kodiċi ta’ kontra d-doping imsemmi hawn fuq, li jiddefinixxi d-doping bħala "il-preżenza fl-organiżmu ta’ l-atleta ta’ sustanza pprojbita, il-konstatazzjoni ta’ l-użu ta’ tali sustanza jew il-konstatazzjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ metodu pprojbit".

3      In-nandrolone u l-metaboliti tiegħu, in-norandrosterone (NA) u n-norethiocholanolone (NE) (iktar ‘il quddiem flimkien imsejħa, in-"nandrolone"), huma sustanzi anaboliċi pprojbiti. Madankollu, skond il-prattika tas-27 laboratorju akkreditati mill-KOI u mill-FINA, u biex tittieħed in kunsiderazzjoni l-possibbiltà ta’ produzzjoni endoġenika, għalhekk mhux doluża, ta’ nandrolone, il-preżenza ta’ din is-sustanza fil-ġisem ta’ atleti rġiel hija kkwalifikata bħala doping biss meta taqbeż limitu ta’ tolleranza ta’ 2 nanogrammi (ng) għal kull millilitru (ml) ta’ urina.

4      Fil-każ ta’ l-ewwel doping b’sustanza anabolika, ir-Regola DC 9.2a teżiġi li l-atleta jkun sospiż għall-inqas għal erba’ snin, għalkemm din is-sanzjoni tista’ titnaqqas, skond l-aħħar sentenza tar-Regola DC 9.2 u r-Regoli DC 9.3 u DC 9.10, jekk l-atleta jipprova li ħa s-sustanza pprojbita mingħajr ma kien jaf jew jekk jipprova kif din is-sustanza setgħet tkun preżenti f’ġismu mingħajr negliġenza min-naħa tiegħu.

5      Is-sanzjonijiet huma imposti mid-Doping Panel (Kumitat ta’ kontra d-doping ) tal-FINA, li d-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu jkunu suġġetti għal appell quddiem il-Qorti ta’ l-Arbitraġġ ta’ l-Isports (iktar ‘il quddiem il-"QAS"), skond ir-Regola DC 8.9. Il-QAS, li għandu s-sede tiegħu f’Lausanne, huwa ffinanzjat u amministrat minn organizzazzjoni indipendenti mill-KOI, il-Kunsill Internazzjonali ta’ l-Arbitraġġ fl-Isports (iktar ‘il quddiem il-'KIAS').

6      Id-deċiżjonijiet tal-QAS jistgħu jkunu suġġetti għal appell quddiem il-Qorti Federali Żvizzera, li hija l-qorti kompetenti biex tirrivedi deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ internazzjonali mogħtija fl-Iżvizzera."

3       Fil-punti 7 sa 20 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet sinteżi tal-fatti li wasslu għal kawża:

"7      Ir-rikorrenti huma żewġ atleti professjonali li jipprattikaw l-għawm fit-tul, li huwa l-ekwivalenti akwatiku tal-maratona.

8      Waqt kontroll ta’ kontra d-doping magħmul fil-31 ta’ Jannar 1999, waqt it-Tazza tad-Dinja ta’ din id-dixxiplina f’Salvador de Bahia (il-Brażil), fejn huma spiċċaw l-ewwel u t-tieni, rispettivament, ir-rikorrenti rriżultaw pożittivi għat-test tan-nandrolone. Il-livell misjub fir-rigward ta’ D. Meca‑Medina kien ta’ 9,7 ng/ml u fir-rigward ta’ I. Majcen kien ta’ 3,9 ng/ml.

9      Fit-8 ta’ Awwissu 1999, id-Doping Panel tal-FINA ħa deċiżjoni li jissospendi lir-rikorrenti għal perijodu ta’ erba’ snin.

10      Fuq appell tar-rikorrenti, il-QAS ikkonfermat id-deċiżjoni ta’ sospensjoni, b’deċiżjoni ta’ arbitraġġ tad-29 ta’ Frar 2000.

11      F’Jannar 2000, esperimenti xjentifiċi wrew li l-metaboliti tan-nandrolone jistgħu jiġu prodotti b’mod endoġeniku mill-ġisem tal-bniedem, f’livell li jista’ jaqbeż il-limitu aċċettat, meta jittiekel ċertu ikel, bħal-laħam tal-ħanżir tad-dar mhux imsewwi.

12      Minħabba f’dan l-iżvilupp, il-FINA u r-rikorrenti waslu, permezz ta’ ftehim ta’ arbitraġġ ta’ l-20 ta’ April 2000, li jirreferu l-każ mill-ġdid lill-QAS, sabiex jiġi eżaminat mill-ġdid.

13      B’deċiżjoni ta’ arbitraġġ tat-23 ta’ Mejju 2001, il-QAS naqqset is-sanzjoni ta’ sospensjoni tar-rikorrenti għal sentejn.

14      Ir-rikorrenti m’appellawx kontra din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ quddiem il-Qorti Federali Żvizzera.

15      B’ittra tat-30 ta’ Mejju 2001, ir-rikorrenti ressqu lment quddiem il-Kummissjoni, skond l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), fejn allegaw ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u/jew 82 KE.

16      Fl-ilment tagħhom, ir-rikorrenti qiegħdu f’dubju l-kompatibbiltà ta’ ċerti regoli adottati mill-KOI u implementati mill-FINA, kif ukoll ċerti prattiki dwar il-kontroll tad-doping, mar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. L-ewwel nett, l-iffissar tal-livell ta’ tolleranza ta’ 2 ng/ml jikkostitwixxi prattika miftiehma bejn il-KOI u s-27 laboratorju akkreditati minnha. Dan il-livell huwa bbażat ħażin xjentifikament u jista’ jwassal għall-esklużjoni ta’ atleti innoċenti jew sempliċement negliġenti. Fil-każ tar-rikorrenti, il-qbiż tal-livell ta’ tolleranza li ġie kkonstatat seta’ jirriżulta mill-konsum ta’ platt li fih laħam tal-majjal mhux imsewwi. It-tieni nett, l-adozzjoni mill-KOI ta’ mekkaniżmu ta’ responsabbiltà oġġettiva u t-twaqqif ta’ qrati responsabbli għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-isport permezz ta’ l-arbitraġġ (il-QAS u l-KIAS) li mhumiex indipendenti biżżejjed mill-KOI jsaħħu n-natura antikompetittiva ta’ dan il-limitu.

17      Skond dan l-ilment, l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli (iktar ‘il quddiem imsejħa r-"regoli ta’ kontra d-doping in kwistjoni" jew il-"leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni") twassal għall-ksur tal-libertajiet ekonomiċi ta’ l-atleti, iggarantiti b’mod partikolari bl-Artikolu 49 KE, u, mill-aspett tad-dritt tal-kompetizzjoni, għall-ksur tad-drittijiet li l-atleti jistgħu jinvokaw taħt l-Artikoli 81 KE u 82 KE.

18      B’ittra tat-8 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti, skond l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2842/98 tat-22 ta’ Diċembru 1998 dwar is-smigħ tal-partijiet f’ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 354, p. 18), ir-raġunijiet li għalihom kien jidrilha li ma kellhiex tilqa’ l-ilment.

19      B’ittra tal-11 ta’ April 2002, ir-rikorrenti bagħtu lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-ittra tat-8 ta’ Marzu 2002.

20      B’deċiżjoni ta' l-1 ta’ Awwissu 2002 […], il-Kummissjoni ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti, wara li eżaminat il-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni skond il-kriterji ta’ evalwazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni u kkonkludiet li din il-leġiżlazzjoni ma taqax taħt il-projbizzjoni prevista taħt l-Artikoli 81 KE u 82 KE […]".

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

4       Fil-11 ta' Ottubru 2002, ir-rikorrenti ressqu rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Huma qajmu tliet motivi in sostenn tar-rikors tagħhom. L-ewwel nett, il-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-fatt u fid-dritt, meta kkunsidrat li l-KOI mhuwiex impriża skond il-ġurisprudenza Komunitarja. Wara, il-Kummissjoni applikat ħażin il-kriterji stabbiliti fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C-309/99, Ġabra p. I-1577), meta qieset li l-leġiżlazzjoni ta’ kontra d-doping in kwistjoni mhijiex restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 81 KE. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-fatt u fid-dritt fil-punt 71 tal-motivi tad-deċiżjoni in kwistjoni, billi ċaħdet l-ilmenti invokati mir-rikorrenti skond l-Artikolu 49 KE kontra l-leġiżlazzjoni ta' kontra d-doping.

5       Fl-24 ta' Jannar 2003, ir-Repubblika tal-Finlandja talbet li tintervjeni in sostenn tal-Kummissjoni. B'digriet tal-25 ta' Frar 2003, il-President tar-Raba' Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza awtorizza dan l-intervent.

6       Bis-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti.

7       Fil-punti 40 u 41 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza sostniet, billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li filwaqt li l-projbizzjonijiet stabbiliti mill-Artikoli 39 KE u 49 KE huma applikabbli għar-regoli adottati fil-qasam ta' l-isport li jirrigwardaw l-aspett ekonomiku li jista' jkollha l-attività sportiva, min-naħa l-oħra, il-projbizzjonijiet stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE ma jikkonċernawx ir-regoli purament sportivi, jiġifieri r-regoli li jirrigwardaw il-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu biss ma' l-isport u, minnhom infushom, m'għandhomx x'jaqsmu ma' l-attività ekonomika.

8       Il-Qorti tal-Prim'Istanza osservat, fil-punt 42 tas-sentenza kkontestata, li l-fatt li leġiżlazzjoni purament sportiva m'għandhiex x'taqsam ma' l-attività ekonomika, u għaldaqstant li din il-leġiżlazzjoni ma taqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikoli 39 KE u 49 KE, ifisser, ukoll, li hija m'għandhiex x'taqsam mar-relazzjonijiet ekonomiċi ta' kompetizzjoni u, għaldaqstant, li ma taqax lanqas taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE.

9       Fil-punti 44 u 47 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza sostniet li l-projbizzjoni tad-doping tibbaża ruħha fuq kunsiderazzjonijiet purament sportivi u li għaldaqstant m'għandha x'taqsam ma' ebda kunsiderazzjoni ekonomika. Hija kkonkludiet li r-regoli tal-ġlieda kontra d-doping ma jistgħux għaldaqstant jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet ekonomiċi, u, b'mod partikolari, ta' l-Artikoli 49 KE, 81 KE u 82 KE.

10     Il-Qorti tal-Prim'Istanza sostniet, fil-punt 49 tas-sentenza kkontestata, li l-leġiżlazzjoni kontra d-doping in kwistjoni, li m'għandha ebda għan diskriminatorju, hija marbuta fil-qrib ma' l-isport bħala tali. Hija kkonstatat ukoll, fil-punt 57 tas-sentenza kkontestata, li l-fatt li l-KOI seta' eventwalment ikollu l-interess, leġittimu skond ir-rikorrenti nfushom, li jħares il-potenzjal ekonomiku tal-Logħob Olimpiku waqt l-iffissar tal-leġiżlazzjoni kontra d-doping in kwistjoni, ma kellux, minnu nnifsu, il-konsegwenza li jneħħi minn din il-leġiżlazzjoni n-natura purament sportiva tagħha.

11     Il-Qorti tal-Prim'Istanza ppreċiżat ukoll, fil-punt 66 tas-sentenza kkontestata, li peress li l-Kummissjoni kkonkludiet fid-deċiżjoni in kwistjoni li l-leġiżlazzjoni kontra d-doping in kwistjoni ma taqax, minħabba n-natura purament sportiva tagħha, taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE, ir-referenza fl-istess deċiżjoni għall-metodu ta' analiżi tas-sentenza Wouters et, iċċitata iktar 'il fuq, ma tistax, f'kull każ, tqajjem dubji dwar din il-konlużjoni. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis ukoll, fil-punt 67 tas-sentenza in kwistjoni, li l-kontestazzjoni ta' l-imsemmija leġiżlazzjoni taqa' taħt il-kompetenza tal-korpi li jirregolaw tilwim ta' natura sportiva.

12     Il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ukoll it-tielet motiv invokat mir-rikorrenti, billi qieset, fil-punt 68 tas-sentenza kkontestata, li peress li l-leġiżlazzjoni ta' kontra d-doping in kwistjoni hija purament sportiva, hija ma taqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 49 KE.

 It-talbiet ta' l-appell

13     Fl-appell tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–       tannulla s-sentenza kkontestata;

–       tilqa' t-talbiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;

–       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż fiż-żewġ istanzi.

14     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–       prinċipalment, tiċħad l-appell kollu;

–       sussidjarjament, tilqa' t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza, billi tiċħad ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni in kwistjoni;

–       tordna lir-rikorrenti ibatu l-ispejjeż inklużi dawk tal-kawża fl-ewwel istanza.

15     Ir-Repubblika tal-Finlandja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–       tiċħad l-appell kollu.

 Fuq l-appell

16     Bl-argumentazzjoni tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu erba' motivi in sostenn ta' l-appell tagħhom. Bl-ewwel motiv tagħhom, li jinkludi diversi partijiet, huma jsostnu li s-sentenza kkontestata hija vvizzjata bi żball fid-dritt inkwantu l-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li l-leġiżlazzjoni ta' kontra d-doping ma kinitx taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikoli 49 KE, 81 KE u 82 KE. Permezz tat-tieni motiv tagħhom, huma jsostnu li s-sentenza kkontestata hija vvizzjata bi żnaturazzjoni tal-kontenut tad-deċiżjoni in kwistjoni. Bit-tielet motiv tagħhom, huma jsostnu li l-imsemmija sentenza mhijiex konformi mar-rekwiżiti formali għaliex tinkludi kontradizzjonijiet bejn il-motivi u insuffiċjenza ta' motivazzjoni. Bir-raba' motiv tagħhom, huma jsostnu li s-sentenza kkontestata ġiet deċiża fi proċediment irregolari, peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret id-drittijiet tad-difiża.

 Fuq l-ewwel motiv

17     L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball fid-dritt, jinkludi tliet partijiet. Ir-rikorrenti jsostnu, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat fl-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-rabta bejn il-leġiżlazzjonijiet sportivi u l-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Huma jsostnu, fit-tieni lok, li l-Qorti tal-Prim'Istanza fehmet ħażin l-iskop, fid-dawl ta' din il-ġurisprudenza, tar-regoli ta' projbizzjoni tad-doping b'mod ġenerali u tal-leġiżlazzjoni ta' kontra d-doping in kwistjoni b'mod partikolari. Huma jsostnu, fit-tielet lok, li l-Qorti tal-Prim'Istanza qieset inġustament li l-imsemmija leġiżlazzjoni ma setgħetx tiġi assimilata ma' aġir ta' suq li jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE u ma setgħetx għaldaqstant tkun suġġetta għall-metodu ta' analiżi stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Wouters et, iċċitata iktar 'il fuq.

 Fuq l-ewwel parti

–       L-argumenti tal-partijiet

18     Skond ir-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza interpretat b'mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-eżerċizzju ta' l-isport jaqa taħt id-dritt Komunitarju biss safejn huwa jikkostitwixxi attività ekonomika. B'mod partikolari, bil-kontra ta' dak li sostniet il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma eskludiet b'mod ġenerali leġiżlazzjonijiet purament sportivi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-formazzjoni tat-timijiet nazzjonali kienet kwistjoni li tikkonċerna biss l-isport u, minnha nfisha, li m'għandhiex x'taqsam ma' l-attività ekonomika, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma setgħetx tikkonkludi minn dan li kull regola rigward kwistjoni li għandha x'taqsam biss ma' l-isport hija, inkwantu li m'għandhiex x'taqsam ma' l-attività ekonomika u hija eskluża għaldaqstant mill-projbizzjonijiet li jistabbilixxu l-Artikoli 39 KE, 49 KE, 81 KE u 82 KE. Għaldaqstant, il-kunċett ta' regola purament sportiva għandu jkun irriżervat biss għar-regoli li għandhom x'jaqsmu mal-kompożizzjoni u mal-formazzjoni tat-timijiet nazzjonali.

19     Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Qorti tal-Prim'Istanza qieset inġustament li leġiżlazzjoni li tikkonċerna biss l-isport hija neċessarjament inerenti għall-organizzazzjoni u għall-iżvolġiment xieraq tal-kompetizzjoni meta, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija xorta għandha jkollha n-natura u l-kuntest speċifiku ta' l-avvenimenti sportivi. Huma jsostnu wkoll li, minħabba n-natura prattikament inidiviżibbli ta' l-attività sportiva professjonali, id-distinzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza bejn l-aspett ekonomiku u l-aspett non ekonomiku ta' l-istess att sportiv hija kompletament artifiċjali.

20     Skond il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet applikazzjoni eżatta tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-leġiżlazzjonijiet purament sportivi huma esklużi, bħala tali, mir-regoli tal-moviment liberu. Għaldaqstant hija eċċezzjoni ta' portata ġenerali għar-regoli purament sportivi, li mhijiex għaldaqstant limitata għall-kompożizzjoni u l-formazzjoni tat-timijiet nazzjonali. Barra minn hekk, hija ma tarax kif regola li tikkonċerna biss l-isport u li tirrigwarda l-ispeċifiċità ta' l-avvenimenti tista' ma tkunx inerenti għall-iżvolġiment xieraq ta' l-avvenimenti.

21     Fl-opinjoni tal-Gvern Finlandiż, l-approċċ tal-Qorti tal-Prim'Istanza huwa konformi mad-dritt Komunitarju.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

22     Għandu jiġi mfakkar li, fid-dawl ta' l-għanijiet tal-Komunità, l-attività sportiva taqa' taħt id-dritt Komunitarju biss safejn tikkostitwixxi attività ekonomika fis-sens ta' l-Artikolu 2 KE (ara s-sentenzi tat-12 ta' Diċembru 1974, Walrave u Koch, 36/74, Ġabra p. 1405, punt 4, ta' l-14 ta' Lulju 1976, Donà, 13-76, Ġabra p. 1333, punt 12, tal-15 ta' Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 73, tal-11 ta' April 2000, Deliège, C-51/96 u C-191/97, Ġabra p. I-2549, punt 41, u tat-13 ta' April 2000, Lehtonen u Castors Braine, C-176/96, Ġabra p. I-2681, punt 32).

23     Għalhekk, meta attività sportiva għandha n-natura ta' attività bi ħlas jew ta' provvista ta' servizzi bi ħlas, li huwa l-każ ta' l-isportivi semi professjonali jew professjonali (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Walrave u Koch, punt 5, Donà, punt 12, u Bosman, punt 73), hija taqa', aktar partikolarment, taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikoli 39 KE et seq, jew ta' l-Artikoli 49 KE et seq.

24     Dawn id-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi ma jirregolawx biss l-azzjoni ta' l-awtoritajiet pubbliċi, iżda huma intiżi wkoll għal-leġiżlazzjonijiet ta' natura oħra bil-għan li jirregolaw, b'mod kollettiv, ix-xogħol bil-paga u l-provvista ta' servizzi (is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Deliège, punt 47, kif ukoll Lethonen u Castors Braine, punt 35).

25     Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-projbizzjonijiet stabbiliti b'dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ma jikkonċernawx ir-regoli li jirrigwardaw kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu biss ma' l-isport u, bħala tali, m'għandhomx x'jaqsmu ma' l-attività ekonomika (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Walrave u Koch, iċċitata iktar 'il fuq, punt 8).

26     Rigward id-diffikultà li jiġu mifruda l-aspetti ekonomiċi mill-aspetti sportivi ta' attività sportiva, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, fis-sentenza Donà, iċċitata iktar 'il fuq, fil-punti 14 u 15, li d-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni u tal-provvista tas-servizzi ma jipprekludux leġiżlazzjonijiet jew prattiki ġġustifikati minn motivi mhux ekonomiċi, li jirrigwardaw in-natura u l-kuntest speċifiċi ta' ċerti avvenimenti sportivi. Madankollu hija enfasizzat li din ir-restrizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni għandha tibqa' limitata għall-għan tagħha. Għaldaqstant, hija ma tistax tiġi invokata sabiex tiġi eskluża kull attività sportiva mill-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat (is-sentenzi iċċitati iktar 'il fuq Bosman, punt 76, u Deliège, punt 43).

27     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jirriżulta li l-fatt waħdieni li regola tkun ta' natura purament sportiva ma jeskludix madankollu lil persuna li teżerċita l-attività rregolata minn din ir-regola jew il-korp li stabbiliha mill-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat.

28     Jekk l-attività sportiva in kwistjoni taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat, il-kundizzjonijiet ta' l-eżerċizzju tagħha huma allura suġġetti għall-obbligi kollha li jirriżultaw mid-diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat. Konsegwentement ir-regoli li huma applikabbli għall-imsemmija attività għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' implementazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet li, b'mod partikolari, għandhom il-għan li jassiguraw il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà ta' stabbiliment, il-libertà ta' provvista tas-servizzi jew il-kompetizzjoni.

29     Għalhekk, meta l-eżerċizzju ta' din l-attività sportiva għandu jiġi evalwat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-ħaddiema jew il-libertà ta' provvista tas-servizzi, hemm lok li jiġi vverifikat jekk ir-regoli li jirregolaw l-imsemmija attività jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta' implementazzjoni ta' l-Artikoli 39 KE u 49 KE, jiġifieri li ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet ipprojbiti mill-imsemmija Artikoli (sentenza Deliège, iċċitata iktar 'il fuq, punt 60).

30     Bl-istess mod, meta l-eżerċizzju ta' l-imsemmija attività għandu jiġi evalwat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-kompetizzjoni, hekk lok li jiġi vverifikat jekk, meta jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet ta' implementazzjoni proprji ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE, ir-regoli li jirregolaw l-imsemmija attività humiex stabbiliti minn impriża, jekk din tillimitax il-kompetizzjoni jew l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti tagħha, u jekk din ir-restrizzjoni jew dan l-abbuż jaffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

31     Barra minn hekk, anki li kieku dawn ir-regoli ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet tal-moviment liberu minħabba li jirrigwardaw kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu biss ma' l-isport u minnhom infushom, m'għandhomx x'jaqsmu ma' l-attività ekonomika (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Walrave u Koch kif ukoll Donà), dan il-fatt ma jimplika la li l-attività sportiva in kwistjoni hija neċessarjament eskluża mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE, u lanqas li l-imsemmija regoli ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta' implementazzjoni ta' l-imsemmija Artikoli.

32     Issa, fil-punt 42 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li l-fatt li leġiżlazzjoni purament sportiva, jiġiferi li m'għandhiex x'taqsam ma' l-attività ekonomika, bil-konsegwenza li l-imsemmija leġiżlazzjoni ma taqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikoli 39 KE u 49 KE, ifisser, ukoll, li hija m'għandhiex x'taqsam mar-relazzjonijiet ekonomiċi ta' kompetizzjoni, bil-konsegwenza li lanqas taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE.

33     Il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball fid-dritt meta qieset li leġiżlazzjoni setgħet b'dan il-mod tiġi eskluża immedjatament mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija Artikoli għas-sempliċi raġuni li hija ġiet meqjusa bħala purament sportiva fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 39 KE u 49 KE, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi vverifikat minn qabel jekk din il-leġiżlazzjoni tissodisfax il-kundizzjonijiet ta' implementazzjoni proprji ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE, hekk kif mfakkra fil-punt 30 ta' din is-sentenza.

34     Għaldaqstant, ir-rikorrenti huma ġġustifikati li jsostnu li l-Qorti tal-Prim'Istanza inġustament, fil-punt 68 tas-sentenza kkontestata, ċaħdet it-talba tagħhom għar-raġuni li l-leġiżlazzjoni ta' kontra d-doping in kwistjoni ma taqa' la taħt l-Artikolu 49 KE u lanqas taħt id-dritt dwar il-kompetizzjoni. Konsegwentement, hemm lok, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-partijiet l-oħra ta' l-ewwel motiv, u lanqas il-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti, li s-sentenza kkontestata tiġi annullata.

 Fuq il-mertu

35     Skond l-Artikolu 61 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-istat tal-kawża jippermetti, għandha tingħata deċiżjoni fuq il-mertu tat-talbiet tar-rikorrenti għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

36     Għandu jiġi mfakkar f'dan ir-rigward li r-rikorrenti qajmu tliet motivi in sostenn tar-rikors tagħhom. Huma akkużaw lill-Kummissjoni li qieset, minn naħa, li l-KOI ma kienx impriża fis-sens tal-ġurisprudenza Komunitarja, min-naħa l-oħra, li l-leġiżlazzjoni ta' kontra d-doping in kwistjoni mhijiex restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 81 KE, u fl-aħħar nett, li l-ilment tagħhom ma kienx jinkludi fatti li jwasslu għall-konklużjoni li jista' jkun hemm ksur ta' l-Artikolu 49 KE.

 Fuq l-ewwel motiv

37     Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni inġustament ma kklassifikatx il-KOI bħala impriża għall-implementazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE.

38     Madankollu huwa paċifiku li, sabiex tiddeċiedi fuq l-ilment imressaq quddiemha mir-rikorrenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE, il-Kummissjoni riedet tipproċedi, bħalma jirriżulta espliċitament mill-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-bażi li l-KOI kellu jiġi kklassifikat bħala impriża u, fi ħdan il-Moviment Olimpiku, bħala assoċjazzjoni ta' assoċjazzjonijiet internazzjonali u nazzjonali ta' impriżi.

39     Peress li l-motiv huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata, huwa invalidu u għandu, konsegwentement, għal din ir-raġuni, jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv

40     Ir-rikorrenti jsostnu li huwa inġust li, sabiex tiċħad l-ilment tagħhom, il-Kummissjoni qieset li l-leġiżlazzjoni ta' kontra d-doping in kwistjoni mhijiex restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 81 KE. Huma jsostnu li l-Kummissjoni għamlet applikazzjoni żbaljata tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Wouters et, iċċitata iktar 'il fuq, sabiex tiġġustifika l-effetti restrittivi tal-leġiżlazzjoni ta' kontra d-doping in kwistjoni fuq il-libertà ta' azzjoni tar-rikorrenti. Skond dawn ta' l-aħħar, minn naħa, l-imsemmija leġiżlazzjoni mhijiex fil-fatt, bil-kontra ta' dak li qieset il-Kumissjoni, inerenti biss għall-għanijiet intiżi sabiex iħarsu l-integrità tal-kompetizzjoni u dik tas-saħħa ta' l-atleti, iżda hija intiża sabiex tiggarantixxi l-interessi ekonomiċi proprji tal-KOI. Min-naħa l-oħra, din il-leġiżlazzjoni, peress li l-livell minimu ffissat għal 2 ng/ml ta' urina ma jissodisfa ebda kriterju ta' sigurtà xjentifika, għandha natura eċċessiva u tmur għaldaqstant lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-ġlieda effikaċi kontra d-doping.

41     L-ewwel nett għandu jiġi osservat li minkejja li r-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni billi assimilat il-kuntest globali li fih il-KOI adotta l-leġiżlazzjoni in kwistjoni ma' dak li fih il-Kamra ta' l-Avukati ta' l-Olanda kienet adottat ir-Regolament li fuqu l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi fis-sentenza Wouters et, huma ma jressqu ma dan il-motiv ebda preċiżazzjoni li tippermetti li jiġi evalwat il-mertu tiegħu.

42     Wara, għandu jiġi osservat li l-kompatibbiltà ta' leġiżlazzjoni mar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni ma tistax tiġi evalwata b'mod astratt (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta' Diċembru 1994, DLG, C-250/92, Ġabra p. I-5641, punt 31). Kull ftehim bejn impriżi jew kull deċiżjoni ta' assoċjazzjoni ta' impriżi li jillimita l-libertà ta' azzjoni tal-partijiet jew ta' waħda minnhom ma jaqax neċessarjament taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE. Fil-fatt, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni għal każ partikolari, l-ewwel nett hemm lok li jiġi kkunsidrat il-kuntest globali li fih id-deċiżjoni ta' l-assoċjazzjoni ta' impriżi in kwistjoni ttieħdet jew tiżviluppa l-effetti tagħha, u aktar partikolarment ta' l-għanijiet tagħha. Wara għandu jiġi eżaminat jekk l-effetti restrittivi tal-kompetizzjoni li jirriżultaw minnha humiex inerenti għall-imsemmija għanijiet (sentenza Wouters et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 97) u jekk humiex proporzjonati għal dawn l-għanijiet.

43     Rigward il-kuntest globali li fih ġiet adottata l-leġiżlazzjoni in kwistjoni, il-Kummissjoni setgħet tqis ġustament li l-għan ġenerali ta' din il-leġiżlazzjoni huwa, fatt li mhux ikkontestat minn ebda waħda mill-partijiet, il-ġlieda kontra d-doping fl-interess ta' żvolġiment ġust tal-kompetizzjoni sportiva u jinkludi n-neċessità li jiġu assigurati l-opportunitajiet ugwali ta' l-atleti, is-saħħa tagħhom, l-integrità u l-oġġettività tal-kompetizzjoni kif ukoll il-valuri etiċi fl-isport.

44     Barra minn hekk, peress li sanzjonijiet huma meħtieġa sabiex jiġi ggarantit l-infurzar tal-projbizzjoni tad-doping, l-effett ta' dawn fuq il-libertà ta' azzjoni ta' l-atleti għandu jitqies, bħala regola ġenerali, inerenti għar-regoli ta' kontra d-doping.

45     Barra minn hekk, anke li kieku l-leġiżlazzjoni ta' kontra d-doping in kwistjoni għandha titqies bħala deċiżjoni ta' assoċjazzjoni ta' impriżi li tillimita l-libertà ta' azzjoni tar-rikorrenti, hija ma tistax, madankollu, tikkostitwixxi neċessarjament restrizzjoni tal-kompetizzjoni inkompatibbli mas-suq komuni, fis-sens ta' l-Artikolu 81 KE, ladarba hija ġġustifikata minn għan leġittimu. Fil-fatt, tali limitazzjoni hija inerenti għall-organizzazzjoni u għall-iżvolġiment xieraq tal-kompetizzjoni sportiva u għandha preċiżament l-għan li tassigura rivalità b'saħħitha bejn l-atleti.

46     Minkejja li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-verità ta' dan l-għan, huma jsostnu madankollu li l-leġiżlazzjoni ta' kontra d-doping in kwistjoni għandha wkoll l-għan li tiggarantixxi l-interessi ekonomiċi proprji tal-KOI u li huwa bil-għan li jitħarsu dawn il-finijiet li regoli eċċessivi bħal dawk ikkontestati f'dan il-każ jiġu adottati. Dawn ta' l-aħħar ma jistgħux għaldaqstant, fil-fehma tagħhom, jitqiesu bħala inerenti għall-iżvolġiment xieraq tal-kompetizzjoni u jiġu esklużi mill-projbizzjonijiet ta' l-Artikolu 81 KE.

47     F'dan ir-rigward, għandu jiġi ammess li n-natura penali tal-leġiżlazzjoni ta' kontra d-doping in kwistjoni u l-importanza tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta' ksur tagħha għandhom mnejn joħolqu effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni għaliex huma jistgħu, meta dawn is-sanzjonijiet jidhru finalment infondati, iwasslu għall-esklużjoni inġustifikata ta' l-atleta minn kompetizzjonijiet, u għaldaqstant joħolqu distorsjoni tal-kundizzjonijiet ta' l-eżerċizzju ta' l-attività in kwistjoni. Konsegwentement, sabiex jiġu esklużi mill-projbizzjoni ta' l-Artikolu 81(1) KE, ir-restrizzjonijiet hekk imposti minn din il-leġiżlazzjoni għandhom ikunu ristretti għal dak li huwa neċessarju sabiex jiġi assigurat l-iżvolġiment xieraq tal-kompetizzjoni sportiva (ara, f'dan is-sens, is-sentenza DLG, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35).

48     Leġiżlazzjoni bħal din tista' fil-fatt tkun eċċessiva, minn naħa fl-istabbiliment tal-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi ffissata l-linja ta' demarkazzjoni bejn iċ-ċirkustanzi li jammontaw għal doping punibbli b'sanzjonijiet u dawk li ma jammontawx għal dan, u min-naħa l-oħra fil-ħruxija ta' l-imsemmija sanzjonijiet.

49     F'dan il-każ, din il-linja ta' demarkazzjoni hija stabbilita fil-leġiżlazzjoni ta' kontra d-doping permezz tal-livell ta' 2 ng/ml ta' urina li meta jinqabeż, il-preżenza ta' nandrolone fil-ġisem ta' l-atleta tikkostitwixxi doping. Ir-rikorrenti jikkontestaw din ir-regola billi jsostnu li l-livell hekk adottat huwa ffissat fuq livell baxx wisq, li ma huwa bbażat fuq ebda kriterju ta' ċertezza xjentifika.

50     Madankollu, ir-rikorrenti ma ppruvawx li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni meta qieset din ir-regola bħala ġġustifikata.

51     Fil-fatt huwa paċifiku li n-nandrolone hija sustanza anabolizzanti li l-preżenza tagħha fil-ġisem ta' l-atleti għandha mnejn ittejjeb il-prestazzjoni tagħhom u toħloq distorsjoni ta' l-iżvolġiment xieraq tal-kompetizzjonijiet li jipparteċipaw fihom dawk ikkonċernati. Il-prinċipju tal-projbizzjoni li għalih hija suġġetta din is-sustanza huwa għaldaqstant iġġustifikat fid-dawl ta' l-għan tal-leġiżlazzjoni ta' kontra d-doping.

52     Huwa wkoll paċifiku li din is-sustanza tista' tiġi prodotta b'mod endoġeniku u li, sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni dan il-fenomenu, l-awtoritajiet sportivi, u b'mod partikolari l-KOI permezz tal-leġiżlazzjoni ta' kontra d-doping in kwistjoni, ammettew li d-doping jista jitqies bħala stabbilit biss meta l-preżenza ta' l-imsemmija sustanza taqbeż ċertu livell. Għaldaqstant huwa biss fil-każ meta, fid-dawl ta' l-istat ta' l-għarfien xjentifiku fiż-żmien ta' l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' kontra d-doping in kwistjoni jew anki fiż-żmien ta' l-applikazzjoni li saret ta' din il-leġiżlazzjoni sabiex ir-rikorrenti jiġu ssanzjonati, fl-1999, il-livell ta' tolleranza huwa ffissat fuq livell tant baxx li għandu jitqies li ma jiħux biżżejjed in kunsiderazzjoni dan il-fenomenu, li l-imsemmija leġiżlazzjoni għandha titqies li mhijiex iġġustifikata fid-dawl ta' l-għan li hija għandha.

53     Issa, mill-elementi ta' l-inkartament jirriżulta li fiż-żmien rilevanti, il-produzzjoni endoġenika medja osservata fl-istudji kollha ppubblikati f'dak iż-żmien kienet għoxrin darba inqas minn 2 ng/ml ta' urina u li l-valur massimu tal-produzzjoni endoġenika osservat kien inqas bi kważi terz. Jekk ir-rikorrenti jsostnu li, mill-1993, il-KOI ma setax jinjora r-riskju rrapurtat minn espert li s-sempliċi konsum ta' kwantità limitata ta' laħam tal-majjal mhux imsewwi seta' jwassal lil atleti kompletament innoċenti sabiex jaqbżu l-limiti in kwistjoni, mhuwiex f'kull każ stabbilit li fil-mument rilevanti dan ir-riskju kien ikkonfermat mill-maġġoranza tal-komunità xjentifika. Barra minn hekk, ir-riżultati ta' l-istudji u ta' l-esperimenti li saru fuq dan il-punt wara d-deċiżjoni in kwistjoni, f'kull każ, ma jaffettwawx il-legalità ta' din ta' l-aħħar.

54     F'dawn iċ-ċirkustanzi, u ladarba r-rikorrenti ma jippreċiżawx fuq liema livell it-tolleranza in kwistjoni kellha tiġi ffissata fil-mument rilevanti, ma jidhirx li r-restrizzjonijiet li jimponi dan il-livell fuq l-isportivi professjonali jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi assigurat l-iżvolġiment u t-tħaddim tajjeb tal-kompetizzjonijiet sportivi.

55     Peress li, barra minn hekk, ir-rikorrenti ma invokawx in-natura eċċessiva tas-sanzjonijiet applikabbli u imposti f'dan il-każ, in-natura sproporzjonata tal-leġiżlazzjoni ta' kontra d-doping in kwistjoni mhijiex għaldaqstant stabbilita.

56     Konsegwentement, hemm lok li t-tieni motiv jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv

57     Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni in kwistjoni hija vvizzjata bi żball fid-dritt inkwantu hija tiċħad, fil-punt 71 tagħha, l-argument tagħhom li r-regoli tal-KOI jiksru d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 49 KE.

58     Madankollu, għandu jiġi osservat li t-talba li r-rikorrenti ressqu quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza tirrigwarda l-legalità ta' deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fl-eżitu ta' kawża mressqa fuq il-bażi ta' lment ippreżentat skond ir-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta' Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204). Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ ġudizzjarju ta' din id-deċiżjoni għandu neċessarjament ikun limitat għar-regoli ta' kompetizzjoni kif jirriżultaw mill-Artikoli 81 KE u 82 KE, u li għaldaqstant ma jistax jiġi estiż għall-osservazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattat (ara, f'dan is-sens, id-digriet tat-23 ta' Frar 2006, Piau, C-171/05 P, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 58).

59     Għaldaqstant, tkun xi tkun ir-raġuni li għaliha l-Kummissjoni ċaħdet l-argument invokat mir-rikorrenti fir-rigward ta' l-Artikolu 49 KE, il-motiv li huma jqajmu huwa invalidu u għandu, konsegwentement, ukoll jiġi miċħud.

60     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha hawn fuq, ir-rikors imressaq mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni in kwistjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

61     L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li meta l-appell m'huwiex fondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta' l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skond l-Artikolu 69(2) ta' l-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta' appell taħt l-Artikolu 118 tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 69(3) jipprevedi li jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Inkwantu għall-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 69(4), dan jipprevedi li Stati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

62     Peress li r-rikorrenti essenzjalment tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jħallsu l-ispejjeż kemm tal-kawża preżenti kemm ta' dik quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, kif mitlub mill-Kummissjoni. Ir-Repubblika tal-Finlandja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-30 ta' Settembru 2004, David Meca-Medina u Igor Majcen vs Il-Kummissjoni (T-313/02) hija annullata.

2)      Ir-rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza taħt in-Nru T-313/02 li jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-1 ta' Awwissu 2002 rigward iċ-ċaħda ta' l-ilment ta' Meca-Medina u Majcen huwa miċħud.

3)      D. Meca-Medina u I. Majcen huma ordnati jħallsu l-ispejjeż konnessi kemm ma' din il-kawża kemm ma' dik imressqa quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

4)      Ir-Repubblika tal-Finlandja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.