Language of document : ECLI:EU:T:2008:574

Kawżi magħquda T-225/06, T-255/06, T-257/06 u T-309/06

Budějovický Budvar, národní podnik

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjonijiet għat-trade mark Komunitarja verbali u figurattiva BUD — Denominazzjonijiet ‘bud’ — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor użat fil-kummerċ — Sinjal li jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(4))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor użat fil-kummerċ — Sinjal li jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(4); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 20(7)(ċ))

3.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Eżami ex officio tal-fatti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 74(2))

4.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor użat fil-kummerċ

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 8(1)(b) u (4), u 43(2) u (3); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 22)

5.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor użat fil-kummerċ

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(4))

6.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor użat fil-kummerċ — Sinjal li jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(4))

7.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Eżami ex officio tal-fatti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 74(1))

1.      Il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) kiser l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, meta kkunsidra, fuq il-bażi tal-invalidazzjoni tal-effetti tad-denominazzjoni ta’ oriġini BUD, irreġistrata, għall-birra, mal-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (WIPO), skont il-Ftehim ta’ Liżbona, b’ sentenza ta’ qorti Franċiża, li l-oppożizzjoni kontra s-sinjal figurattiv u dak verbali BUD, li r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark Komunitarja hija mitluba għall-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 16, 21, 25 u 32 u fil-klassijiet 32, 33, 35, 38, 41 u 42 rispettivament skont il-Ftehim ta’ Nizza, ma tistax tirnexxi fuq il-bażi ta’ dritt “ippreżentat bħala denominazzjoni ta’ oriġini” li, madankollu, fil-fatt, “ma jkunx tali” meta din is-sentenza ġiet suġġetta għal appell li l-effetti tiegħu huma sospensivi.

Peress li, fi Franza, l-effetti tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” ma kinux ġew definittavament invalidati, il-Bord tal-Appell kellu jqis, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, il-liġi nazzjonali rilevanti u r-reġistrazzjoni magħmula skont il-Ftehim ta’ Liżbona, mingħajr ma seta’ jqajjem dubju fir-rigward tal-fatt li d-dritt preċedenti invokat jikkostitwixxi “denominazzjoni ta’ oriġini”.

(ara l-punti 83, 87, 90)

2.      Kif jirriżulta mill-ħames premessa tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, id-dritt Komunitarju dwar it-trade marks ma jissostitwixxix il-liġijiet dwar it-trade mark tal-Istati Membri. Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-validità ta’ trade mark nazzjonali ma setgħetx tiġi kkontestata fl-ambitu ta’ proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.

Minn dan jirriżulta li s-sistema maħluqa mir-Regolament Nru 40/94 tippresupponi li l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza tad-drittijiet preċedenti protetti fil-livell nazzjonali. B’dan il-mod, l-Artikolu 8(1), moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, jipprovdi li l-proprjetarju ta’ sinjal ieħor użat fil-kummerċ li s-sinjifikat tiegħu ma huwiex biss lokali, u li għandu effett fi Stat Membru, jista’ jopponi, skont il-kundizzjonijiet li jiddetermina dan l-artikolu, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja. Sabiex din il-protezzjoni tiġi żgurata, l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi speċifikament li hija “l-liġi tal-Istat Membru” li hija applikabbli għad-dritt preċedenti invokat.

Ladarba f’pajjiż kontraenti għall-Ftehim ta’ Liżbona dwar il-Protezzjoni ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tagħhom, l‑effetti tad-denominazzjoni ta’ oriġini ma ġewx definittavament invalidati, l-Uffiċċju għandu jqis, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, il-liġi nazzjonali rilevanti u r-reġistrazzjoni magħmula skont il-Ftehim ta’ Liżbona, mingħajr ma jista’ jqajjem dubju fir-rigward tal-fatt li d-dritt preċedenti invokat jikkostitwixxi “denominazzjoni ta’ oriġini”.

Fil-każ li l-Uffiċċju jkollu dubji serji fir-rigward tal-kwalifikazzjoni bħala “denominazzjoni ta’ oriġini” tad-dritt preċedenti, u għalhekk fir-rigward tal-protezzjoni li kellha tingħatalu skont il-liġi nazzjonali invokata, meta din il-kwistjoni ġustament tifforma s-suġġett ta’ proċedura ġudizzjarja fil-pajjiż kontraenti inkwistjoni, huwa jkollu l-possibbiltà li, skont ir-Regola 20(7)(ċ) tar-Regolament Nru 2868/95, li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, jissospendi l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni sakemm tingħata sentenza definittiva f’dan ir-rigward.

(ara l-punti 88-91)

3.      Mill-kliem tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, jirriżulta li l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jista’ ma jikkunsidrax fatti li ma jkunux tqajmu jew provi li ma jkunux ġew ippreżentati mill-partijiet fil-ħin preskritt. Minn dan il-kliem jirriżulta li, bħala regola ġenerali u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja, il-preżentata ta’ fatti u provi mill-partijiet tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat-termini li għalihom tali preżentata hija suġġetta skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 u li ma hemm xejn xi jżomm lill-Uffiċċju milli jikkunsidra fatti u provi hekk invokati jew imressqa tardivament.

(ara l-punt 153)

4.      L-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, jippermetti li ssir oppożizzjoni kontra applikazzjoni għal trade mark Komunitarja fuq il-bażi ta’ trade mark mhux reġistrata jew ta’ sinjal ieħor użat fil-kummerċ u li ma huwiex biss ta’ sinjifikat lokali.

L-għanijiet u l-kundizzjonijiet marbuta mal-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti fis-sens tal-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 huma differenti minn dawk marbuta mal-prova tal-użu, fil-kummerċ, tas-sinjal previst fl-Artikolu 8(4) tal-imsemmi regolament, b’mod partikolari meta tkun involuta denominazzjoni ta’ oriġini rreġistrata skont il-Ftehim ta’ Liżbona jew denominazzjoni protetta skont konvenzjoni bilaterali.

Fil-kuntest tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, ċerti sinjali jistgħu ma jitilfux id-drittijiet marbuta magħhom, u dan minkejja l-fatt li ma jkunux ġew suġġetti għal użu “ġenwin”. Id-denominazzjoni ta’ oriġini rreġistrata skont il-Ftehim ta’ Liżbona ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li saret ġenerika, sakemm tibqa’ protetta bħala denominazzjoni ta’ oriġini fil-pajjiż tal-oriġini. Barra minn hekk, il-protezzjoni mogħtija lid-denominazzjoni ta’ oriġini hija żgurata, mingħajr ħtieġa ta’ tiġdid (Artikolu 6 u Artikolu 7(1) tal-Ftehim ta’ Liżbona). Dan ma jfissirx madankollu li s-sinjal invokat skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 jista’ ma jkunx użat. Madankollu, min jopponi jista’ sempliċement juri li l-użu tas-sinjal inkwistjoni jkun sar fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża li jkollha gwadann ekonomiku, mingħajr ma jipprova iżda, fis-sens u skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 u fir-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95, li jimplementa r-Regolament Nru 40/94, użu ġenwin ta’ dan is-sinjal. Interpretazzjoni kuntrarja għal din tkun tfisser li s-sinjali previsti fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 jiġu mgħobbija b’kundizzjonijiet speċifikament marbuta mat-trade marks u mal-estent tal-protezzjoni tagħhom. Barra minn hekk, b’differenza mill-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, min jopponi għandu juri wkoll, fil-kuntest tal-Artikolu 8(4), li s-sinjal inkwistjoni jagħtih id-dritt, skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat, li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

Mill-kliem tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma jirriżultax li s-sinjal inkwistjoni għandu jkun suġġett għal użu fit-territorju li l-liġi tiegħu tkun invokata insostenn tal-protezzjoni tal-istess sinjal. Is-sinjali previsti fl-imsemmi artikolu jistgħu jkunu suġġetti għal protezzjoni f’territorju speċifiku, meta dawn ma jkunux intużaw f’dak it-territorju speċifiku, iżda biss f’territorju ieħor.

Wieħed għandu jivverifika jekk il-provi mressqa minn min jopponi matul il-proċedimenti amministrattivi jirriflettux l-użu tas-sinjali inkwistjoni fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża li jkollha gwadann ekonomiku, u mhux fil-qasam privat, u dan indipendentement mit-territorju kkonċernat minn dan l-użu.

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, l-oppożizzjoni hija bbażata fuq sinjal li huwa “wżat” fil-kummerċ. Minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li min jopponi għandu juri li s-sinjal inkwistjoni intuża qabel l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. L-iktar l-iktar jista’ jkun rikjest, bħalma huwa mitlub fir-rigward tat-trade marks preċedenti, u dan sabiex jiġu evitati użi tad-dritt preċedenti pprovokati biss minn proċedimenti ta’ oppożizzjoni, li s-sinjal inkwistjoni jkun intuża qabel il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark fil-Bulettin ta’ trade marks Komunitarji.

(ara l-punti 163, 166-169)

5.      L-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, jippermetti li ssir oppożizzjoni kontra applikazzjoni għal trade mark Komunitarja fuq il-bażi ta’ trade mark mhux reġistrata jew ta’ sinjal ieħor li huwa użat fil-kummerċ u li ma huwiex biss ta’ sinjifikat lokali.

Il-qari tat-termini tal-imsemmi artikolu jwassal għall-kunsiderazzjoni li din id-dispożizzjoni tipprevedi s-sinjifikat tas-sinjal inkwistjoni u mhux is-sinjifikat tal-użu tiegħu. Is-sinjifikat tas-sinjal inkwistjoni jkopri, fil-kuntest tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, il-portata ġeografika tal-protezzjoni tiegħu. Din ma għandhiex tkun biss lokali. Jekk dan ikun il-każ, oppożizzjoni għal applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ma tkunx tista’ tirnexxi. L-Artikolu 107 tar-Regolament Nru 40/94, bit-titolu “Drittijiet preċedenti li japplikaw għal lokalitajiet partikolari”, jispeċifika wkoll li “[i]l-proprjetarju ta’ dritt preċedenti li japplika biss f’lokalità partikolari jista’ jopponi l-użu tat-trade mark Komunitarja fit-territorju fejn id-dritt tiegħu huwa protett sa fejn il-liġi tal-Istat Membru konċernat tippermetti”. Għalhekk is-sinjifikat tad-dritt huwa marbut mill-qrib mat-territorju fejn dan id-dritt huwa protett.

(ara l-punt 180)

6.      L-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, jippermetti li ssir oppożizzjoni kontra applikazzjoni għal trade mark Komunitarja fuq il-bażi ta’ trade mark mhux reġistrata jew ta’ sinjal ieħor li huwa użat fil-kummerċ u li ma huwiex biss ta’ sinjifikat lokali.

Fi kliem l-imsemmi artikolu, skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja jew il-liġi tal-Istat Membru applikabbli għas-sinjal invokat, dan is-sinjal għandu jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti. L‑Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94 jirrigwarda r-raġunijiet relattivi għal rifjut, u fid-dawl tal-Artikolu 74 tal-istess regolament, l-oneru tal-prova li s-sinjal inkwistjoni jagħti d-dritt ta’ preklużjoni tal-użu ta’ trade mark iktar reċenti jaqa’ fuq min jopponi quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni).

F’dan il-kuntest, għandha titqies, b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali invokata u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fl-Istat Membru kkonċernat. Fuq din il-bażi, min jopponi għandu juri li s-sinjal inkwistjoni jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru invokata u li din tippermetti l-preklużjoni tal-użu ta’ trade mark iktar reċenti. Fil-kuntest tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, il-prova ta’ min jopponi għandha ssir fil-perspettiva tat-trade mark Komunitarja li għaliha tkun saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

(ara l-punti 184, 185, 187)

7.      Fi kliem l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, “fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ippreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba”.

Din il-limitazzjoni tal-bażi fattwali tal-eżami magħmul mill-Uffiċċju ma teskludix il-possibbiltà li dan jieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-fatti mressqa b’mod espliċitu mill-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, fatti magħrufa, jiġifieri fatti li jistgħu jkunu magħrufa minn kulħadd jew li tagħhom jista’ jinkiseb għarfien minn sorsi ġeneralment aċċessibbli.

(ara l-punti 96, 193)