Language of document : ECLI:EU:C:2013:334

WAHL

ippreżentati fid-29 ta’ Mejju 2013 (1)

Kawża C‑101/12

Herbert Schaible

vs

Land Baden-Württemberg

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Stuttgart (il-Ġermanja)]

“Agrikoltura — Regolament (KE) Nru 21/2004 — Identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ annimali ovini u kaprini — Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 20 tal-Karta — Proporzjonalità — Ugwaljanza”





1.        Il-ġlieda kontra l-mard epiżootiku hija għan leġittimu għal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea (UE). Madankollu, is-sistema l-ġdida għall-identifikazzjoni elettronika individwali tan-nagħaġ u l-mogħoż, introdotta bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004, tas-17 ta’ Diċembru 2003, li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttiva 91/102/KEE u 64/432/KE (2), ma hijiex idoneja biex jintlaħaq dak l-għan, toħloq piż bla bżonn u hija għolja kif ukoll diskriminatorja. Bħala tali, dak ir-regolament jikser il-libertà ta’ impriża tad-detenturi tal-annimali, kif sanċit fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u l-prinċipju ta’ ugwaljanza skont l-Artikolu 20 tal-Karta, u għalhekk huwa invalidu.

2.        Essenzjalment, dan huwa l-argument ewlieni li jagħmel H. Schaible, raħħal tan-nagħaġ Ġermaniż li għandu 450 nagħġa, f’kawża quddiem il-Verwaltungsgericht Stuttgart (Qorti Amministrattiva ta’ Stuttgart) (il-Ġermanja) li fetaħ kontra l-Land Baden-Württemberg biex jinħeles minn numru ta’ obbligi stabbiliti fir-Regolament Nru 21/2004.

3.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipprova nuri għaliex fl-opinjoni tiegħi l-argumenti legali li qajjem H. Schaible ma għandhomx bażi soda. Għaldaqstant, ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-qorti nazzjonali fis-sens li fil-kunsiderazzjoni tad-domandi preliminari ma rriżulta l-ebda fattur tali li jipprekludi l-validità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati. Fl-aħħar nett, sa fejn l-analiżi tiegħi turi li l-applikazzjoni prattika ta’ dak ir-regolament potenzjalment tista’ tikkostitwixxi ostakolu biex jintlaħaq għal kollox l-għan aħħari tiegħu u l-ekwità globali tas-sistema, ser nagħmel ċerti kunsiderazzjonijiet de lege ferenda.

I –    Il-kuntest legali

4.        Il-premessi 1, 3 u 11 fil-preambolu tar-Regolament Nru 21/2004 jipprovdu:

“(1)      Permezz ta’ l-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 li tikkonċerna l-verifiki veterinarji u żootekniċi applikabbli fil-kummerċ intra-Komunitarju f’ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-għan tat-twettieq tas-suq intern, l-annimali għall-kummerċ intra-Komunitarju għandhom ikunu identifikati b’konformit mal-ħtiġiet tar-regoli tal-Komunità u għandhom ikunu rreġistrati b’tali mod hekk li l-qasam, iċ-ċentru jew l-organizzazzjoni oriġinali jew tat-transitu jistgħu jkunu ntraċċati.

[…]

(3)      Ir-regoli li jikkonċernaw l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali ovini u kaprini kienu partikolarment ġew stabbiliti fid-Direttiva 92/102/KEE. Fir-rigward ta’ l-annimali ovini u koprini, l-esperjenza, u partikolarment il-kriżi tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer, kienu wrew li l-implementazzjoni tad-Direttiva 92/102/KEE ma kienetx sodisfaċenti u teħtieġ li tkun imtejba. Huwa għalhekk meħtieġ li jkunu stabbiliti regoli aktar stretti u speċifiċi

[…]

(11)      L-Istati Membri b’popolazzjoni ta’ l-annimali ovini u kaprini relattivament żgħira, l-introduzzjoni tas-sistema ta’ l-identifikazzjoni elettronika tista ben tajjeb ma tkunx ġustifikata; huwa għalhekk rakkommandabbli li dawn l-Istati Membri jitħallew li jgħamlu din is-sistema bħala voluntarja. […]”

5.        Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament(KE) Nru 21/2004:

“1.      Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema ta’ l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali ovini u kaprini bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

6.        Bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 21/2004, is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali għandha tinkludi l-elementi li ġejjin: “(a) il-meżżi ta’ l-identifikazzjoni dwar l-identità ta’ kull annimal; (b) iż-żamma ta’ reġistri aġġornati f’kull qasam; (ċ) id-dokumenti taċ-ċaqlieq; (d) reġistru ċentrali jew database kompjuterizzata.”

7.        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 21/2004, sa fejn huwa rilevanti f’dan il-każ, jipprovdi:

“1.      L-annimali kollha fuq qasam li jkunu twieldu wara id-9 ta’ Lulju 2005 għandhom ikunu identifikati bi qbil mal-paragrafu 2 fiż-żmien il-perijodu determinat mill-Istat Membru sa mit-twelid ta’ l-annimal u fi kwalunkwe każ qabel l-annimal ma jħalli il-qasam li fih ikun twieled. […]

2. (a)      L-annimali għandhom ikunu identifikati bl-ewwel meżż ta’ l-identifikazzjoni li tkun konformi mal-ħtiġiet tas-Sezzjoni A.1 sa A.3 ta’ l-Anness, u,

(b)      bit-tieni meżż ta’ l-identifikazzjoni li jkun approvat mill-awtorità kompetneti u li jkun konformi mall-karatteristiċi tekniċi elenkati fis-Sezzjoni A.4 ta’ l-Anness.”

8.        L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 21/2004 jipprovdi:

“1.      Kull detentur ta’ l-annimali, bl-eċċezzjoni tat-trasportatur, għandu jżomm reġistru aġġornat li jkun fih mill-anqas l-informazzjoni elenkata fis-Sezzjoni B ta’ l-Anness.”

9.        L-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 21/2004 jipprovdi:

“3.      Mill- 31 ta’ Diċembru 2009, l-identifikazzjoni elettronika skond il-linji ta’ gwida msemmijin fil-paragrafu 1, u skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Taqsima A ta’ l-Anness, għandha tkun obbligatorja għall-annimali kollha.

B’dana kollu, l-Istati Membri li fihom in-numru totali ta’ annimali ovini u kaprini ikun ta’ 600000 jew anqas, jistgħu jagħmlu li tali identifikazzjoni elettronika tkun voluntarja għall-annimali li ma jkunux involuti fil-kummerċ intra-Komunitarju.

L-Istati Membri li fihom in-numru totali ta’ annimali kaprini u ikun ta’ 160000 jew anqas, jistgħu wkoll jagħmlu li tali identifikazzjoni elettronika tkun voluntarja għall-annimali kaprini li ma jkunux involuti fil-kummerċ intra-Komunitarju.”

II – Il-fatti, il-kawża u d-domandi preliminari

10.      Fil-kawża prinċipali, H. Schaible qed jitlob lill-Verwaltungsgericht Stuttgart tiddikjara li huwa ma kienx suġġett għall-obbligi ta’ identifikazzjoni individwali, identifikazzjoni elettronika individwali u l-obbligu li jżomm reġistru tar-razzett kif preskritt mir-Regolament Nru 21/2004.

11.      Billi kellha dubji dwar il-validità ta’ diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 21/2004, il-Verwaltungsgericht Stuttgart iddeċidiet li tissospendi l-kawża u tressaq numru ta’ domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fejn staqsiet jekk:

“(a)      l-obbligu tar-rikorrent li jidentifika individwalment l-annimali skont l-Artikoli 3(1) u 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 ,

(b)      l-obbligu tar-rikorrent li individwalment jidentifika b’mod elettroniku l-annimali skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 21/2004, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1560/2007 […], u

(c)      l-obbligu tar-rikorrenti li jżomm reġistru tal-qasam C skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 5(1) u tal-punt 2 tal-Anness B tar-Regolament (KE) Nru 21/2004,

huma kompatibbli mad-dritt superjuri tal-Unjoni u għalhekk validi?”.

12.      F’din il-kawża ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom H. Schaible, il-Land Baden-Württemberg, il-Gvernijiet ta’ Franza, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Polonja, il-Kunsill u l-Kummissjoni. H. Schaible, il-Gvern Franċiż, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw ukoll argumenti orali fis-seduta tas-7 ta’ Marzu 2013.

III – Analiżi

A –    Id-domandi preliminari

13.      Bid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qed titlob gwida fuq il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 21/2004, fejn hemm tliet obbligi speċifiċi fuq id-detenturi tal-annimali ovini u kaprini, jiġifieri: (i) biex jidentifikaw annimali individwali (l-Artikoli 3(1) u 4(2)); (ii) biex jagħmlu l-identifikazzjoni elettronika ta’ annimali individwali (l-Artikolu 9(3)(1)); u (iii) biex iżommu reġistru aġġornat tal-annimali (l-Artikoli 5(1) u l-punt B(2) tal-Anness) (kollettivament, “l-obbligi inkwistjoni”).

14.      Filwaqt li l-Verwaltungsgericht Stuttgart speċifikament identifikat l-obbligi inkwistjoni, kemm fir-rigward tal-kontenut u tal-bażi legali tagħhom, kienet pjuttost inqas speċifika fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-UE li jista’ jipprekludi tali obbligi.

15.      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju sempliċiment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-obbligi inkwistjoni humiex “kompatibbli mad-dritt superjuri tal-Unjoni u għalhekk validi”.

16.      Il-kliem ġenerali u mhux preċiż tad-domandi li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja kien joħloqilha sfida mhux ħażin li kieku l-bqija tad-deċiżjoni tar-rinviju, kif ukoll l-osservazzjonijiet li ppreżenta H. Schaible u partijiet oħrajn, ma tefgħux ftit dawl fuq dak l-aspett fundamentali (3).

17.      Kif tispjega l-Verwaltungsgericht Stuttgart, H. Schaible jargumenta li l-obbligi inkwistjoni huma inkompatibbli mal-libertà ta’ impjieg tiegħu, kif sanċit fl-Artikolu 15 tal-Karta. Iżda l-qorti nazzjonali tindika li d-dispożizzjoni tal-Karta li fir-rigward tagħha għandhom jiġu eżaminati l-kwistjonijiet imqajmin fil-kawża prinċipali hija pjuttost l-Artikolu 16, dwar il-libertà ta’ impriża: libertà li, fiċ-ċirkustanzi, hija ‘iktar speċifika’. Il-qorti nazzjonali tesprimi dubji wkoll dwar il-legalità tal-obbligi inkwistjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

18.      B’mod partikolari, fl-osservazzjonijiet li H. Schaible ssottometta lill-Qorti tal-Ġustizzja, tressqu argumenti legali bbażati fuq l-Artikolu 16 tal-Karta – iktar milli l-Artikolu 15. Fl-osservazzjonijiet l-oħrajn (apparti dawk imressqa mill-Gvern Pollakk), l-enfasi hija jew esklużivament fuq il-libertà ta’ impriża (il-Gvern Franċiż u l-Kunsill), jew fuq iż-żewġ libertajiet indirizzati flimkien, fil-fehma li dawk il-libertajiet huma bejn wieħed u ieħor essenzjalment identiċi (il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni). Il-partijiet l-oħrajn kollha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (inkluż il-Gvern Pollakk) żiedu argumenti speċifiċi dwar il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta.

19.      F’dan l-isfond, jiena nikkunsidra li jkun xieraq li l-ewwel nikkjarifika l-kwistjonijiet legali ewlenin li jirriżultaw biex sussegwentement nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja kif, fil-fehma tiegħi, it-tliet domandi mressqa mill-Verwaltungsgericht Stuttgart jistgħu jiġu ttrattati bl-iktar mod effiċjenti.

20.      Dawn id-domandi essenzjalment iqajmu żewġ kwistjonijiet. L-ewwel waħda tirrigwarda l-ksur possibbli tal-Artikoli 15 u/jew 16 tal-Karta, minħabba ndħil allegatament sproporzjonat fid-drittijiet tad-detenturi tal-annimali, u t-tieni waħda tirrigwarda ksur possibbli tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Filwaqt li l-ewwel kwistjoni titqajjem fir-rigward tal-obbligi kollha inkwistjoni għaliex ? kif jgħid kemm-il darba H. Schaible stess ? dawn huma marbutin mill-qrib ħafna, it-tieni kwistjoni tirrigwarda wieħed mill-obbligi inkwistjoni, jiġifieri l-obbligu tad-detentur tal-annimali skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 21/2004 biex issir l-identifikazzjoni elettronika tal-annimali individwali ? u, speċifikament id-derogi permessi b’konnessjoni ma’ dak l-obbligu skont it-tieni u t-tielet subparagrafi ta’ dik id-dispożizzjoni.

21.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, u inkunsiderazzjoni tal-prinċipju tal-ekonomija tal-ġudizzju, jidhirli li huwa iktar xieraq li jiġu ttrattati t-tliet domandi msemmija kif inhuma relatati ma’ dawk iż-żewġ kwistjonijiet, iktar milli jiġu indirizzati d-domandi separatament, waħda wara l-oħra. Għal din ir-raġuni, l-ewwel ser neżamina l-validità tal-obbligi inkwistjoni minn perspettiva ta’ proporzjonalità. Imbagħad ser ngħarbel il-merti tal-argumenti dwar in-natura allegatament diskriminatorja tal-obbligu msemmi fit-tieni domanda tal Verwaltungsgericht Stuttgart.

B –    Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

1.      Il-libertà ta’ impriża

22.      L-ewwel kwistjoni legali mqajma mid-domandi msemmija tirrigwarda l-proporzjonalità tal-obbligi inkwistjoni.

23.      Kif issemma diġà iktar ’il fuq, għall-qorti nazzjonali l-parametru ta’ legalità f’dan il-każ huwa l-libertà ta’ impriża, kif huwa rrikonoxxut mill-Artikolu 16 tal-Karta, filwaqt li wħud mill-partijiet li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jirreferu wkoll għall-Artikolu 15 tal-Karta.

24.      Il-kliem ta’ dawk id-dispożizzjonijiet jissuġġerixxi li, filwaqt li l-Artikolu 16 huwa ffokat fuq il-protezzjoni tal-libertajiet tan-negozju tal-imprendituri, l-Artikolu 15 huwa iktar ikkonċernat mid-drittijiet tal-ħaddiema. Interpretazzjoni bħal din hija appoġġata mill-“[i]Spjegazzjonijiet fuq it-test komplet tal-Karta”, li jgħidu li l-Artikolu 15(1) tal-Karta huwa bbażat ukoll fuq l-Artikolu 1(2) tal-Karta Soċjali Ewropea u fuq il-punt 4 tal-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema. (4)

25.      Wara li ntqal dan, jidhirli li dawn iż-żewġ libertajiet fil-biċċa l-kbira tagħhom jikkoinċidu billi t-tnejn huma relatati mad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li liberament jidħlu fi u jmexxu attività ekonomika.

26.      Fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li dawn jikkoinċidu. Anki qabel ma t-Trattat ta’ Lisbona għamel il-Karta legalment vinkolanti ġewwa l-Unjoni Ewropea kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrikonoxxiet iż-żewġ libertajiet bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE, u għandha d-dmir li tiżgura li dawn jiġu osservati (5). F’xi wħud mid-deċiżjonijiet tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet espliċitament li l-libertà ta’ impjieg u l-libertà ta’ impriża jistgħu “jikkoinċidu” (6). Barra minn hekk, f’diversi każijiet oħrajn, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet iktar ġeneralment għal-“libertà li tiġi eżerċitata sengħa jew professjoni” (7) jew id-dritt “għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika” (8), fejn jista’ jiġi argumentat li dan ikopri aspetti komuni għaż-żewġ libertajiet.

27.      Għalhekk jidher li ma huwiex meħtieġ f’dan il-każ li jiġi ddelimitat l-ambitu tal-Artikoli 15 u 16 tal-Karta.

28.      Billi l-qorti nazzjonali tikkunsidra li l-Artikolu 16 tal-Karta huwa iktar rilevanti għall-każ ta’ quddiemha, u billi H. Schaible huwa operatur indipendenti, ser nibbaża r-raġunament tiegħi fuq dik id-dispożizzjoni tal-Karta. Madankollu, il-konklużjonijiet li ser nagħmel f’dan ir-rigward ser ikunu validi mutatis mutandis fir-rigward tal-Artikolu 15 tal-Karta (9) minħabba l-għanijiet komuni li hemm wara ż-żewġ dispożizzjonijiet.

29.      Skont l-Artikolu 16 tal-Karta, “[l]-libertà ta’ l-intrapriża skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta”.

30.      Għalhekk, id-dritt primarju tal-UE jirrikonoxxi l-valur fundamentali ta’ dik il-libertà iżda jagħmilha ċara wkoll li l-eżerċizzju ta’ dik il-libertà ma huwiex dritt assolut. Fil-fatt il-Karta ġiet abbozzata f’termini li huma konsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-prinċipji bħad-dritt ta’ eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika jew id-dritt għall-proprjetà “għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont il-funzjoni tagħhom fis-soċjetà.” (10)

31.      Dak huwa rifless fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, li jippreskrivi r-regoli dwar il-limitazzjonijiet li jistgħu jitpoġġew fuq id-drittijiet u l-libertajiet irrikonoxxuti mill-Karta, bħal-libertà ta’ impriża. Skont dik id-dispożizzjoni, dawk il-limitazzjonijiet jistgħu jiġu imposti sakemm huma stabbiliti mil-liġi, jirrispettaw dawk id-drittijiet u libertajiet u, b’mod konsistenti mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma neċessarji u ġenwinament jissodisfaw l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn (11).

2.      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità

32.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE u jeħtieġ li miżuri implementati permezz tad-dispożizzjonijiet tiegħu “jkunu kapaċi li jilħqu l-għan intiż u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jilħqu dan” (12).

33.      Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-leġiżlatur Komunitarju, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu, għandu diskrezzjoni wiesgħa f’qasam li jimplika għażliet, min-naħa tal-leġiżlatur Komunitarju, ta’ natura kemm politika, kemm ekonomika u kemm soċjali u li fih ikollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi (13).

34.      Dan huwa partikolarment minnu fil-Politika Agrikola Komuni, qasam fejn il-leġiżlatur tal-UE jgawdi minn diskrezzjoni wiesgħa li taqbel mar-responsabbiltajiet politiċi li jagħtuh l-Artikoli 40 u 43 TFUE (14). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura fir-rigward tal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tfittex li tilħaq li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din il-miżura (15). Għalhekk il-kriterju li għandu jiġi adottat f’dak il-kuntest huwa li “din mhijiex kwistjoni dwar jekk il-miżura adottata mil-leġiżlatur kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli, iżda jekk din kinitx manifestament inadegwata” (16).

35.      Mingħajr dubju, il-kliem “manifestament inadegwat” kif użat f’dik il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi kkritikat għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, l-espressjoni donnha timplika li l-miżuri li d-difetti legali tagħhom ma humiex assolutament ovvji, u aċċertabbli biss fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni legali iktar profonda, ma jistgħux jiġu annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja. It-tieni nett jidher li l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja jiġi limitat għall-ewwel stadju tat-test ta’ proporzjonalità tradizzjonali (l-idonjetà tal-miżura biex tilħaq l-għan iddikjarat), u dan jipprekludi analiżi sħiħa.

36.      Iżda dan iwassal għall-interpretazzjoni żbaljata tal-ġuris­prudenza.

37.      Fuq l-ewwel punt ta’ kritika possibbli, fil-fehma tiegħi l-użu tal-kliem “manifestament inadegwat” huwa intiż biss biex jenfasizza li, meta l-leġiżlatur ikun obbligat li jikkunsidra numru ta’ interessi (potenzjalment kunfliġġenti), għandu neċessarjament jingħata ċertu ammont ta’ diskrezzjoni. L-għażliet ta’ politika inevitabbilment jinvolvu l-evalwazzjoni u l-ibbilanċjar ta’ oġġettivi ta’ politika pubblika differenti li ma jistgħux jintlaħqu kollha fl-istess ħin u bl-istess mod. Il-leġiżlatur tal-UE biss għandu l-mandat li jagħmel dan l-eżerċizzju u jieħu wkoll deċiżjonijiet li jistgħu jaffettwaw is-setturi soċjali u ekonomiċi tas-soċjetà mhux bl-istess mod iżda li f’mument partikolari taż-żmien jitqiesu li huma fl-aħjar interess tas-soċjetà b’mod ġenerali. Din hija r-raġuni għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja qalet espliċitament li l-importanza tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlatur tista’ tiġġustifika restrizzjonijiet li għandhom konsegwenzi ħżiena – u anki konsegwenzi ħżiena ħafna – għal ċerti negozjanti (17).

38.      Iżda dak l-istandard limitat ta’ stħarriġ ma jfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissuġġetta l-miżuri kkontestati għal skrutinju rigoruż sabiex tivverifika l-proporzjonalità tagħhom. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddetermina, inter alia, jekk il-leġiżlatur tal-UE bbażax l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi (18), wara li jiġu kkunsidrati l-fatti kollha rilevanti u d-data teknika u xjentifika disponibbli fiż-żmien tal-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni (19), u jekk dawn il-fatti u d-data jistgħux isostnu l-konklużjonijiet milħuqa (20). Il-Qorti tal-Ġustizzja trid tiżgura wkoll li l-istituzzjoni tal-UE rilevanti tkun qieset għal kollox l-interessi kollha involuti lil hinn mill-għan ewlieni mixtieq (21) u – f’dan il-kuntest – tkun ingħatat l-attenzjoni dovuta għall-interessi ta’ individwi affettwati negattivament (22).

39.      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha stess għal dik tal-leġiżlatur tal-UE meta tkun qed tistħarreġ l-eżerċizzju tal-poteri leġiżlattivi meta jkun hemm involuti għażliet ta’ politika (23). Ma huwiex ir-rwol kostituzzjonali tal-ġudikatura tal-UE li tagħmel evalwazzjonijiet kumplessi fi kwistjonijiet fejn kunsiderazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali ta’ natura ġenerali jkollhom rwol ewlieni - bil-proċeduri ġudizzjarji jkunu, fi kwalunkwe każ, manifestament mhux idoneji għal dik it-tip ta’ evalwazzjoni (24). Lanqas ma huwa r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħmel evalwazzjoni ex post tal-effettività jew idonjetà tal-miżuri adottati mil-leġiżlatur tal-UE. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li l-legalità ta’ miżura tal-UE ma tistax tiddependi fuq evalwazzjoni retrospettiva tal-effettività tagħha. Meta l-leġiżlatur tal-UE jkun obbligat li jevalwa l-effetti futuri tar-regoli li għandhom jiġu adottati u dawk l-effetti ma jistgħux jiġu previsti b’mod preċiż, l-evalwazzjoni tiegħu tista’ tiġi kkritikata biss jekk jidher li kienet manifestament skorretta fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli għal-leġiżlatur fiż-żmien tal-adozzjoni tar-regoli inkwistjoni (25).

40.      Fuq il-punt l-ieħor ta’ kritika possibbli msemmi fil-punt 38 iktar ’il fuq, ser nirreferi sempliċiment lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-konklużjonijiet riċenti tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Kokopelli, fejn din indikat li l-kliem “manifestament inadegwat” bl-ebda mod ma jfisser li l-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja kien ristrett għall-evalwazzjoni tal-idonjetà ta’ miżura fid-dawl tal-għan tagħha. Naqbel li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tistħarreġ il-legalità testendi għall-istadji kollha tat-test ta’ proporzjonalità, sabiex jiġi vverifikat li l-miżura inkwistjoni hija kemm xierqa kif ukoll neċessarja biex jintlaħaq l-għan mixtieq, u proporzjonata stricto sensu, fis-sens li toħloq bilanċ ġust bejn l-interessi ta’ dawk affettwati (26).

41.      Fil-fatt, anki f’każijiet dwar miżuri adottati fil-qasam tal-Politika Agrikola Komuni, il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet ripetutament fil-ġurisprudenza tagħha li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li “meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti” (27).

3.      Evalwazzjoni

42.      Huwa fid-dawl ta’ dawk il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti li jallegaw l-invalidità tal-obbligi inkwistjoni.

43.      Biex wieħed jifhem aħjar dawk l-argumenti, ikun utli jekk l-ewwel nett nagħti deskrizzjoni fil-qosor tal-aspetti ewlenin tas-sistema l-antika għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali, kif ukoll is-sistema introdotta sussegwentement bir-Regolament Nru 21/2004.

44.      Fil-bidu, ir-regoli fuq l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali, inklużi n-nagħaġ u l-mogħoż, kienu stabbiliti mid-Direttiva tal-Kunsill 92/102/KEE (28). Fil-qalba tas-sistema l-antika kien hemm il-possibbiltà tal-identifikazzjoni tal-annimali għal kull razzett (“identifikazzjoni bil-lott”). Skont l-Artikolu 4(1)(b) ta’ dik id-direttiva, kull min iżomm l-annimali kellu jżomm reġistru li jindika n-numru totali ta’ nagħaġ u mogħoż preżenti fir-razzett kull sena. Kien meħtieġ ukoll li fir-reġistru tiġi rreġistrata, inter alia, ċerta data dwar il-movimenti ta’ nagħaġ u mogħoż li jidħlu u joħorġu mir-razzett. L-Artikolu 5(3) tad-direttiva kien jeħtieġ li d-detenturi jimmarkaw l-annimali tagħhom b’tikketta tal-widnejn jew b’tatwaġġ, sabiex ikun immedjatament ovvju minn liema razzett ikunu oriġinaw.

45.      Is-sistema introdotta mir-Regolament Nru 21/2004 tiffoka, għall-kuntrarju, fuq l-identifikazzjoni individwali ta’ kull annimal permezz ta’ żewġ identifikaturi. Ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet, dawn iż-żewġ identifikaturi huma t-tikketta tal-widna (tradizzjonali) u apparat elettroniku fil-forma ta’ tikketta tal-widna elettronika, bolus ruminali, transponder injettabbli jew marka elettronika fuq il-pastur li tista’ tinqara b’readers elettroniċi speċifiċi. L-identità ta’ kull annimal għandha tiġi rreġistrata f’reġistru tar-razzett. Barra minn hekk, meta l-annimali joħorġu mir-razzett, il-movimenti tagħhom għandhom jiġu rreġistrati f’dokument li jakkumpanja l-annimal. Barra minn hekk, kull Stat Membru huwa meħtieġ li jistabbilixxi reġistru ċentrali jew bażi ta’ data kompjuterizzata fejn l-irziezet kollha fit-territorju tiegħu jiġu rreġistrati u, f’intervalli regolari, jittieħed inventarju tal-annimali miżmumin f’dawk l-irziezet.

46.      F’dan l-isfond, ħalli issa nipprova nuri għaliex l-argumenti mressqin minn H. Schaible kontra l-obbligi inkwistjoni ma humiex konvinċenti.

a)      Idonjetà tal-obbligi inkwistjoni

47.      L-ewwel nett, ser neżamina jekk l-obbligi inkwistjoni humiex xierqa biex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 21/2004.

48.      Skont il-premessa 1 fil-preambolu ta’ dak ir-regolament, ir-Regolament Nru 21/2004 ġie adottat sabiex jiġi kkompletat is-suq intern fil-kummerċ ta’ ċerti annimali ħajjin u prodotti tal-annimali. Il-ħtieġa għal sistema kkoordinata u effiċjenti għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali kienet qamet meta l-leġiżlatur tal-UE ddeċieda, bid-Direttiva 90/425/KEE, li jabolixxi verifiki żootekniċi u veterinarji fil-fruntieri nazzjonali sabiex tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ annimali ġewwa dik li kienet il-Komunità Ekonomika Ewropea (29). Għaldaqstant, l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 90/425 stabbilixxa li annimali ħajjin setgħu jiġu nnegozjati biss jekk, pereżempju, jkunu ġew identifikati u rreġistrati b’mod li l-irziezet oriġinali u ta’ tranżitu tagħhom setgħu jiġu ttraċċati.

49.      Sistema regolatorja għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali b’hekk hija korollarju tas-suq uniku f’annimali u prodotti tal-annimali. Sistema bħal din hija ta’ valur partikolari fil-kontroll tat-tixrid ta’ mard infettiv fost l-annimali li huma suġġetti għall-kummerċ transkonfinali. Fil-fatt ir-Regolament Nru 21/2004 għadda wara l-kriżi tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer tal-2001, kif tgħid espliċitament il-premessa 3 tal-preambolu ta’ dak ir-regolament.

50.      H. Schaible ma jiċħadx li l-għan wara r-Regolament Nru 21/2004 – il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ mard epiżootiku – huwa leġittimu. Lanqas ma jikkontesta l-fatt li sistema effettiva għall-ittraċċar tal-annimali hija meħtieġa f’dan il-kuntest. Madankollu, jikkontendi li l-obbligi inkwistjoni ma humiex xierqa biex jintlaħaq l-għan tal-kontroll tal-mard epiżootiku. B’mod partikolari, jargumenta li s-sistema hija ineffettiva, billi l-perċentwali ta’ transponders li jintilfu maż-żmien jew li jsiru difettużi ma huwiex żgħir. F’dak il-kuntest, H. Schaible jirreferi għal studju magħmul fil-Ġermanja mill-Bayerische Landesanstalt für Landwirtschaft (Ċentru tar-Riċerka għall-Agrikoltura tal-Istat tal-Bavaria) li kkonkluda li madwar 5 % tat-transponders kienu ntilfu, jew ma ffunzjonawx sew, wara ftit żmien biss li kienu ġew applikati fuq l-annimali.

51.      Jien ma nistax naqbel ma’ dan l-argument.

52.      L-ewwel nett, l-obbligi inkwistjoni jidhirli li huma partikolarment idonej għall-ġlieda kontra t-tixrid ta’ mard epiżootiku u, bħala tali, jagħtu kontribut effettiv għat-tlestija tas-suq intern ġewwa dak is-settur tal-ekonomija.

53.      L-obbligu li jiġu identifikati individwalment in-nagħaġ u l-mogħoż intgħażel bħala metodu affidabbli, għad-detenturi tal-annimali kif ukoll għall-awtoritajiet veterinarji u amministrattivi, biex ikunu jistgħu jiġu ttraċċati l-oriġini u fejn jinsab kull annimal. Jidhirli li huwa importanti li jkunu jistgħu jiġu ttraċċati sistematikament il-postijiet kollha li minnhom ikun għadda annimal u fejn seta’ kien f’kuntatt ma’ annimali oħrajn. Ma għandix dubju li data bħal dik tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni jew għall-kontroll ta’ mard kontaġjuż.

54.      Barra minn hekk, jidhirli li huwa raġonevoli li jkunu meħtieġa mezzi elettroniċi ta’ identifikazzjoni, billi dan preżumibbilment jiżgura li jkun hemm affidabbiltà u ħeffa ikbar fir-rappurtar ta’ data biex b’hekk issir iktar effettiva l-ġlieda kontra l-mard kontaġjuż. Dan huwa minnu speċjalment fil-każ ta’ annimali bħan-nagħaġ u l-mogħoż, li matul ħajjithom jgħaddu minn diversi tranżazzjonijiet u ta’ spiss jiġu spostati fi gruppi kbar, kultant fi swieq tal-bhejjem jew ċentri ta’ ġbir fejn il-kompożizzjoni tal-merħliet tista’ tinbidel malajr (30). F’dawk iċ-ċirkustanzi, ikun diffiċli ħafna li jiġu ttraċċati l-movimenti ta’ kull annimal mingħajr il-mezzi ta’ identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni individwali.

55.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-obbligu biex jinżamm reġistru għal kull razzett, naqbel mal-Gvern Franċiż li s-sistema għall-identifi­kazzjoni elettronika individwali tal-annimali toħloq awtomatikament il-bżonn għal dawn ir-reġistri. Naturalment, id-data rreġistrata mill-identifikaturi għandha tiddaħħal f’dokument li jista’ jiġi aġġornat malajr u, fuq talba, jkun hemm aċċess faċli għalih mill-awtoritajiet kompetenti. Għalhekk, biex jiġi żgurat li l-miżuri meħtieġa jistgħu jiġu adottati mingħajr dewmien żejjed, huwa vitali li ċerta data (bħal razza, dati ta’ twelid u mewt, u movimenti tal-ivvjaġġar) dwar l-annimali miżmumin minn kull detentur tal-annimali tingħata lill-awtoritajiet kompetenti f’format standard u fil-pront (31). Pereżempju, huwa biss meta titqabbel l-informazzjoni bejn żewġ irziezet jew iktar li l-awtoritajiet ikunu jistgħu jsibu – u jekk dan huwa l-każ, preċiżament meta u fejn – jekk iltaqgħux il-mogħdijiet ta’ annimali speċifiċi.

56.      Issa ser nindirizza l-allegazzjonijiet ta’ H. Schaible dwar id-difetti tekniċi tas-sistema ta’ identifikazzjoni. Ma huwiex sorprendenti li bidla sistematika radikali, bħal dik introdotta mir-Regolament Nru 21/2004, ma tkunx mingħajr difetti fl-istadji inizjali. Ċertu perċentwali ta’ żbalji u difetti huma, fil-fehma tiegħi, inevitabbli meta jitnieda proġett ġdid ta’ dak it-tip, speċjalment meta jkun jiddependi kunsiderevolment fuq l-użu ta’ teknoloġiji ġodda. Madankollu, ħsarat bħal dawn ma humiex fihom innifishom indikazzjoni li sistema hija għal kollox mhux idoneja, sakemm ma jkunux qed jimminaw, b’mod ċar, l-għan imfittex.

57.      Dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

58.      Fil-fatt il-Kummissjoni kkummissjonat diversi studji fuq il-fattibbiltà u l-affidabbiltà ta’ sistemi bbażati fuq l-identifikazzjoni elettronika tal-annimali. L-ewwel proġett ta’ studju (il-proġett “FEOGA”), li sar bejn l-1993 u l-1994 minn tliet skwadri fi Stati Membri differenti u li ffoka fuq, inter alia, total ta’ 5 000 nagħġa u 2 000 mogħża, sostna l-konklużjoni li s-sistema kienet żviluppata biżżejjed biex tiġi ttestjata iktar fuq skala kbira u f’kundizzjonijiet attwali (32). It-tieni proġett (il-proġett “AIR 2304”) – li sar bejn l-1995 u l-1998 – involva 10 skwadri ta’ riċerka f’6 Stati Membri differenti. L-għan kien li jsir magħruf jekk il-perċentwali tat-telf totali ta’ identifikaturi elettroniċi kienx ser jiżdied matul perijodu itwal ta’ żmien (4 snin). Il-konklużjonijiet finali ta’ dak l-istudju wrew li s-sistemi ta’ identifikazzjoni elettronika użati (tikketti tal-widnejn elettroniċi, transponders injettabbli, boluses ruminali) laħqu rati ta’ żamma u valuri ta’ qari ogħla milli sistemi ta’ identifikazzjoni tal-annimali konvenzjonali (tikketti tal-widnejn, tatwaġġi eċċ). (33)

59.      Proġett li sar wara, il-proġett IDEA (“Identification électronique des animaux”) kien jirrigwarda l-implementazzjoni fuq skala sħiħa tas-sistema, inkluża l-applikazzjoni ta’ identifikaturi elettroniċi taħt medda wiesgħa ta’ kundizzjonijiet (bħal speċi ta’ annimali differenti, metodi ta’ trobbija differenti, metodi ta’ trasport u tbiċċir differenti, kif ukoll kundizzjonijiet ambjentali li jvarjaw). B’kollox, iktar minn 500 000 nagħġa u kważi 30 000 mogħża ġew eżaminati bejn Marzu 1998 u Diċembru 2001 (34). L-istudju kien intiż biex jevalwa b’mod partikolarment metikoluż il-prestazzjoni (leġibbiltà, l-iffunzjonar korrett, ir-rata ta’ telf, ir-rata tal-irkupru eċċ) tal-identifikaturi elettroniċi fir-rigward ta’ numru ta’ parametri (tip ta’ apparat, tip ta’ annimal, età tal-annimal, eċċ). Fost il-konklużjonijiet ippreżentati fir-rapport finali fit-30 ta’ April 2002, dan li ġej huwa sinjifikattiv: il-proġett kien “kiseb riżultati pożittivi ħafna fuq il-fattibbiltà tal-użu ta’ identifikazzjoni elettronika”; “l-identifikazzjoni ta’ oġġetti li jużaw it-teknoloġija tat-transponder kienet żviluppata sew, kummerċjalment disponibbli u applikata regolarment f’ħafna żoni industrijali”; u “l-industrija kienet […] f’pożizzjoni li tipproduċi f’perijodi ta’ żmien qasir numri kbar ta’ identifikaturi elettroniċi u readers korrispondenti għall-identifikazzjoni tal-annimali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (35).

60.      Fl-aħħar nett, matul l-implementazzjoni progressiva tar-Regolament Nru 21/2004, il-Kummissjoni kienet, fl-2007, evalwat l-informazzjoni li pprovdewlha l-Istati Membri li kienu implementaw fuq bażi volontarja jew bħala proġetti pilota l-identifikazzjoni elettronika qabel ma s-sistema saret obbligatorja għall-Unjoni Ewropea kollha. Skont il-Kummissjoni, id-data li rriżultat minn dan ikkonfermat b’mod ġenerali li l-“identifikazzjoni elettronika tan-nagħaġ u l-mogħoż tiffunzjona taħt medda wiesgħa ta’ kundizzjonijiet ta’ produzzjoni” (36).

61.      Fuq dik il-bażi, jien konvint li, meta ddeċieda li jadotta r-Regolament Nru 21/2004, il-leġiżlatur tal-UE kien f’pożizzjoni li jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq korp vast u ddettaljat ta’ data teknika u xjentifika li jsostni l-idea li sistema bbażata fuq l-identifikazzjoni individwali u elettronika tal-annimali kienet kemm fattibbli kif ukoll xierqa għall-għan tal-ġlieda kontra l-mard epiżootiku. Barra minn hekk, u dan huwa partikolarment rilevanti għal dawn il-proċeduri, dik l-informazzjoni indikat li, minkejja xi kwistjonijiet prattiċi, sistema bħal dik tkun iktar affidabbli u effettiva milli s-sistema fis-seħħ f’dak iż-żmien taħt id-Direttiva 92/102. Fi kwalunkwe każ, it-tikketti tal-widnejn tradizzjonali xorta għad hemm bżonnhom u, għalhekk, fil-każ ta’ transponders difettużi, l-identifikazzjoni tal-annimali tista’ ssir bi spezzjonijiet viżivi, kif kien isir taħt is-sistema preċedenti.

62.      Ma hemm xejn fl-ebda dokument li jsemmi H. Schaible, inkluż l-istudju ppreparat mill-Bayerische Landesanstalt für Landwirtschaft li jikkontradixxi dawn ir-riżultati.

63.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nemmen li l-obbligi inkwistjoni huma tassew idonej biex jintlaħqu l-obbligi previsti mir-Regolament Nru 21/2004. Barra minn dan, jidhru li huma partikolarment idonej fil-ġlieda kontra l-mard kontaġjuż fost l-annimali ovini u kaprini.

b)      Ħtieġa tal-obbligi inkwistjoni

64.      Għat-tieni stadju, hemm bżonn li jiġi kkunsidrat jekk l-obbligi inkwistjoni jmorrux lil hinn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa.

65.      Kritika ewlenija, fost oħrajn, ta’ H. Schaible dwar l-obbligi inkwistjoni tirrigwarda l-qofol kollu tar-Regolament Nru 21/2004: skont H. Schaible, is-sistema l-qadima għall-identifikazzjoni tan-nagħaġ u l-mogħoż kienet irriżultat adegwata għall-kontroll tat-tixrid tal-mard kontaġjuż. It-tifqigħa tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-2001, li xprunat l-adozzjoni tar-Regolament Nru 21/2004, ġrat biss – skont H. Schaible – għaliex ir-regoli fis-seħħ dak iż-żmien ma kinux ġew implementati sew, mhux minħabba difett fis-sistema bħala tali. Għaldaqstant, ma kienx hemm bżonn li l-leġiżlatur tal-UE jniedi bidla sħiħa tas-sistema, billi l-implementazzjoni u l-applikazzjoni korretti ta’ regoli inqas stretti stabbiliti fid-Direttiva 92/102 kienu jkunu biżżejjed biex jiġi żgurat li l-għanijiet iddikjarati jintlaħqu.

66.      L-argumenti ta’ H. Schaible fuq l-adegwatezza tas-sistema l-qadima ma jidhirlix li huma konvinċenti.

67.      Kif semmejt fil-punt 49 iktar ’il fuq, is-sistema l-ġdida ġiet stabbilita għaliex l-esperjenza kienet uriet – u, b’mod partikolari, il-kriżi tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer tal-2001 – li r-regoli fuq l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini stabbiliti fid-Direttiva 92/102 ma kinux ġew implementati b’mod sodisfaċenti u kellhom bżonn li jittejbu. Għalhekk, filwaqt li l-leġiżlatur tal-UE kien irrikonoxxa li r-regoli l-qodma ma kinux ġew implementati sew, sab ukoll li dawk ir-regoli kellhom bżonn jiġu rriveduti.

68.      Il-marda tal-ilsien u d-dwiefer hija marda virali severa u kontaġjuża ħafna li, għalkemm ma titteħidtx malajr mill-bnedmin, tista’ taffettwa diversi tipi ta’ annimal, inklużi n-nagħaġ u l-mogħoż (37). Ma hemmx għalfejn jiġi enfasizzat l-impatt ekonomiku u soċjali tal-epidemija tal-2001 fir-Renju Unit. F’dan il-kuntest, biżżejjed infakkar li iktar minn 2 000 razzett f’dak l-Istat Membru kien affettwat bil-marda u sofrew telf li huwa stmat għal diversi biljuni ta’ Euro (38). Kellhom jiġu adottati diversi miżuri ta’ emerġenza, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll Ewropew, li wasslu għal qtil fil-massa tal-merħliet infettati (kif ukoll ta’ annimali li kienu ssuspettati biss li kienu infettati), (39) u varjetà ta’ restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ġewwa l-Unjoni Ewropea, kif ukoll projbizzjoni dinjija fuq l-esportazzjonijiet kollha ta’ annimali, laħam u prodotti tal-annimali mir-Renju Unit (40). Minkejja dawk il-miżuri, il-virus inxtered lejn Stati Membri oħrajn (Franza, l-Irlanda u l-Pajjiżi l-Baxxi), għalkemm ftit każijiet biss ġew irrapportati b’kollox hemmhekk.

69.      F’dawk iċ-ċirkustanzi, jiena, b’differenza minn H. Schaible, insib li huwa raġonevoli li l-leġiżlatur tal-UE f’dak iż-żmien kien iddeċieda li jikkunsidra mill-ġdid is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali kollha kemm hi, iktar milli sempliċiment jipprova jirrevedi l-qafas li l-limitazzjonijiet tiegħu kienu saru evidenti. Jidhirli li mhux biss kien leġittimu, iżda anki prudenti, wara diżastru ta’ dak il-kobor, li l-Unjoni Ewropea tidħol għal proġett daqshekk estensiv fl-ambitu u n-natura tiegħu.

70.      Inċidentalment, proġett fuq skala kbira dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali (il-proġett IDEA, imsemmi iktar ’il fuq), ikkoordinat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-UE (JRC), kien diġà għaddej fl-2001 (41). Għalhekk, meta tlesta r-rapport finali fuq dak il-proġett fit-30 ta’ April 2002, kien għal kollox għaqli li l-leġiżlatur tal-UE jiddedika attenzjoni kbira lir-riżultati ta’ dak l-istudju u lis-suġġerimenti li saru fih.

71.      Waħda mill-konklużjonijiet li saret fir-Rapport Finali ta’ IDEA kien li d-diversi tfaqqiegħ tal-mard tal-annimali ġewwa l-Unjoni Ewropea wera li s-sistemi ta’ identifikazzjoni użati dak iż-żmien “ma kinux effiċjenti u affidabbli biżżejjed biex jipprovdu traċċabbiltà u monitoraġġ veterinarju korrett tal-ispeċi tal-annimali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fatt, l-identifikazzjoni tal-annimali kienet issir manwalment u bl-ispezzjoni tat-tikketti tal-widnejn bl-għajnejn, eżerċizzju li ġie kkunsidrat bħala “suġġett għall-iżbalji u l-frodi”. Għalhekk, il-kontroll iktar mill-qrib tal-annimali individwali u l-movimenti tagħhom kien ikkunsidrat li jikkostitwixxi “kwistjoni kritika għall-[…] kontroll sanitarju u l-monitoraġġ tal-mard” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għal dan l-iskop, kien tqies vitali li għall-“immaniġġjar effiċjenti u affidabbli tal-annimali tal-UE” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ikun possibbli li jiġu ttraċċati l-movimenti ta’ kull annimal individwali f’kull żmien. Għaldaqstant, biex il-monitoraġġ tal-annimali individwali jkun iktar effiċjenti, ir-Rapport Finali ta’ IDEA ssuġġerixxa “identifikazzjoni unika għal kull annimal matul il-ħajja kollha tiegħu, bl-applikazzjoni tal-identifikatur elettroniku” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (42).

72.      Wara l-kriżi tal-2001, ir-Rapport Finali ta’ IDEA bl-ebda mod ma kien l-uniku rapport tal-esperti li ssuġġerixxa reviżjoni iktar fil-fond tal-qafas regolatorju fuq l-identifikazzjoni tal-annimali. Pereżempju, ir-Rapport Finali tal-Konferenza Internazzjonali fuq il-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer, li saret fi Brussell fit-12 u t-13 ta’ Diċembru 2001, irrakkomanda li “l-movimenti kollha tal-annimali għandhom ikunu rreġistrati u traċċabbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] sabiex jiġi prekluż it-tixrid tal-virus tal-ilsien u d-dwiefer bejn irziezet differenti (43). Fuq l-istess linja, ir-Rapport Anderson, ikkummissjonat mill-House of Commons tar-Renju Unit wara l-kriżi tal-2001, irrakkomanda l-iżvilupp ta’ “sistema komprensiva ta’ traċċar bl-użu ta’ tikketti elettroniċi biex jiġu koperti l-annimali tal-fart, nagħaġ u majjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (44).

73.      Bir-Regolament Nru 21/2004, il-leġiżlatur tal-UE wieġeb ukoll għat-talbiet ġejjin minn ġewwa l-qafas istituzzjonali tal-UE. Pereżempju, Rapport Speċjali maħruġ mill-Qorti tal-Awdituri, filwaqt li nnota li s-sistema l-qadima għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali ma kinitx ġiet implementata b’mod adegwat, enfasizza wkoll il-limiti inerenti ta’ dik is-sistema. Ir-rapport jgħid, inter alia, “il-fatt li r-regolamenti tal-Komunità ma kinux jeħtieġu li n-nagħaġ jiġu identifikati individwalment, u li kien hemm ukoll nuqqasijiet fis-sistema ta’ identifikazzjoni tal-lottijiet, tellef l-ittraċċar tal-annimali li kienu ssuspettati li kienu infettati u għalhekk dewmu l-qatla tagħhom. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (45).

74.      Għalhekk, hemm diversi indikazzjonijiet li jissuġġerixxu li l-problema bis-sistema l-qadima għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali kienet fis-sistema nnifisha, iktar milli l-mod tal-implementazzjoni tagħha.

75.      Wara li jitqiesu l-kundizzjonijiet li taħthom ta’ spiss jiġu nnegozjati n-nagħaġ u l-mogħoż (46), u l-mod kif jiġi trażmess il-mard epiżootiku (47), ma narax li huwa irraġonevoli li l-leġiżlatur tal-UE ddeċieda sussegwentement li l-annimali għandhom jiġu ttraċċati individwalment. Għalhekk, huwa raġonevoli wkoll li l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu f’pożizzjoni li jkollhom aċċess ta’ malajr għad-data li, bis-saħħa ta’ identifikaturi elettroniċi u reġistri tal-irziezet, tkun disponibbli u rilevanti għall-adozzjoni ta’ miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni jew il-limitazzjoni tat-tixrid tal-mard kontaġjuż.

76.      Il-miżuri ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni alternattivi li jirreferi għalihom H. Schaible – essenzjalment, dawk stabbiliti fid-Direttiva 92/102 – huma probabbilment inqas invażivi, fir-rigward tal-libertà ta’ impriża tad-detenturi tal-annimali, milli l-obbligi inkwistjoni. Madankollu, kif juru inekwivokabbilment l-istudji msemmijin iktar ’il fuq, għandhom ambitu iktar ristrett u, għaldaqstant, huma ferm inqas effettivi.

77.      Fid-dawl ta’ dan, nikkonkludi li l-obbligi inkwistjoni ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan imfittex mir-Regolament Nru 21/2004.

c)      Proporzjonalità stricto sensu

78.      Bħala l-aħħar stadju, għandha tiġi evalwata l-proporzjonalità stricto sensu tal-obbligi inkwistjoni. Għal dan l-iskop, ser neżamina jekk il-leġiżlatur wettaqx xi żball meta bbilanċja d-diversi interessi li jistgħu jiġu affettwati minn dawk l-obbligi.

79.      F’dak ir-rigward, il-kritika ta’ H. Schaible essenzjalment tinqasam fi tnejn. Minn naħa, jallega li l-obbligi inkwistjoni huma inkompatibbli mal-prinċipji ta’ gwida tal-benesseri tal-annimali, billi l-applikazzjoni ta’ transponders tipproduċi numru kbir ta’ annimali feruti. Min-naħa l-oħra, jargumenta li dawk l-obbligi huma ta’ piż eċċessiv u bi spiża għolja għad-detenturi tal-annimali, mhux biss minħabba l-materjal addizzjonali li jkunu meħtieġa jixtru (transponders, scanners eċċ) iżda anki minħabba x-xogħol sostanzjali li jeħtieġ l-użu ta’ dak il-materjal (applikazzjoni tat-trasponder, riproduzzjoni tal-kodiċijiet fir-reġistru tar-razzett, żamma tal-iscanners, bżonn iktar frekwenti għal persunal speċjalizzat bħall-ispeċjalisti tal-IT u veterinarji, eċċ).

80.      Fil-fehma tiegħi, dawn l-argumenti wkoll huma infondati.

81.      Għall-kuntrarju ta’ dak li jargumenta H. Schaible, l-impatt tal-identifikazzjoni elettronika fuq il-benesseri tan-nagħaġ u l-mogħoż kien ġie debitament ikkunsidrat matul il-proġetti ta’ studju li kienu saru qabel ma ġie ppromulgat ir-Regolament Nru 21/2004. Pereżempju, il-proġett IDEA eżamina l-kawżi ewlenin ta’ “ferimenti u mewt wara l-applikazzjoni tal-identifikatur elettroniku” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u pprovda lil-leġiżlatur b’informazzjoni utli fuq il-mod kif id-diversi tipi ta’ apparat setgħu jaffettwaw is-saħħa tal-annimali (48). Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet tal-benesseri tal-annimali kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni wkoll fl-istadju tal-implementazzjoni (49).

82.      Filwaqt li huwa veru li t-tikketti tal-widnejn elettroniċi kultant jistgħu jikkawżaw feriti f’widnejn l-annimali, l-istess jista’ jingħad għat-tikketti tal-widnejn tradizzjonali, bħal dawk preskritti bid-Direttiva 92/102. Mingħajr dubju, id-data disponibbli fuq it-tikketti tal-widnejn elettroniċi tidher li tindika li l-problema tqum b’mod iktar frekwenti għaliex dawn huma itqal. Iżda, id-differenza li fuqha jistrieħ H. Schaible bejn iż-żewġ tipi ta’ apparat ma tidhirx li hija tant sinjifikattiva li tpoġġi fid-dubju l-evalwazzjoni ġenerali tas-sistema f’termini ta’ benesseri tal-annimali (50). Wara kollox, huma kunsiderevoli l-benefiċċji tas-sistema f’termini ta’ sigurtà mtejba għas-soċjetà kollha. Barra minn hekk, wieħed jista’ jistenna li, bi żviluppi tekniċi fil-futur fit-tnaqqis tad-daqs u l-piż tat-transponders, kif ukoll esperjenza ikbar min-naħa tal-persunal tal-bdiewa fir-rigward tal-applikazzjoni u l-użu ta’ dak l-apparat, inevitabbliment is-sitwazzjoni ser titjieb.

83.      Fl-aħħar nett, is-sistema l-ġdida ? billi tippermetti identifi­kazzjoni iktar preċiża ta’ dawk l-annimali li kienu f’kuntatt matul it-tfaqqiegħ ? neċessarjament tillimita t-tixrid tal-mard u għalhekk tkun tista’ tevita t-tbatija riżultanti tal-annimali infettati. Meta tarahom minn din il-perspettiva, l-obbligi inkwistjoni jidhru li jikkontribwixxu pożittivament għall-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali.

84.      Barra min hekk, l-argumenti ta’ H. Schaible dwar l-ispejjeż u x-xogħol eċċessivi li l-obbligi inkwistjoni suppost jinvolvu għad-detenturi tal-annimali ma tantx huma konvinċenti.

85.      Kif enfasizzaw kemm il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom, dawk l-aspetti kienu s-suġġett ta’ studji ddettaljati u ġew dibattuti fit-tul mal-Istati Membri u parteċipanti oħrajn. Pereżempju, il-JRC ippubblika rapport fl-2009 bit-titolu “Economic Analysis of Electronic Identification of Small Ruminants in Member States [Analiżi Ekonomika tal-Identifikazzjoni Elettronika ta’ Ruminanti Żgħar fl-Istati Membri]”. L-istudju analizza l-ispejjeż kollha relatati mad-diversi apparati elettroniċi disponibbli fis-suq, kemm għax-xiri tat-tagħmir, kif ukoll għall-użu ta’ kuljum tagħhom (bħall-operazzjonijiet tat-tikkettar u tal-qari jew it-taħriġ tal-persunal). Ġew eżaminati diversi metodi possibbli għall-implementazzjoni tal-obbligi għall-identifikazzjoni ta’ kull annimal elettronikament. Għal kull għażla ġew ipparagunati l-iffrankar tal-ispejjeż u l-vantaġġi bil-ħsieb li jinstabu kompromessi raġonevoli (51).

86.      L-istess aspetti kienu s-suġġett ukoll ta’ stħarriġ li sar mill-Kumitat Permanenti għall-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali fl-2010 (52), li għalih l-Istati Membri pprovdew data fuq l-ispejjeż.

87.      Għalhekk, jidhirli li l-leġiżlatur tal-UE kien ikkunsidra wkoll b’mod iddettaljat l-informazzjoni rilevanti kollha fuq dawk l-aspetti, inkluża l-evalwazzjoni tad-diversi għażliet disponibbli, u għaldaqstant ħa deċiżjoni finali b’għarfien sħiħ tad-diversi interessi involuti. Fil-fehma tiegħi, il-leġiżlatur tal-UE ma jistax jiġi kkritikat għaliex iddeċieda li, f’dak il-kuntest, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika kellha tiegħu preċedenza fuq kunsiderazzjonijiet ekonomiċi (53).

88.      Il-konklużjoni tiegħi fuq dan il-punt hija sostnuta ulterjorment minn tliet kunsiderazzjonijiet addizzjonali.

89.      L-ewwel nett, minbarra l-issodisfar tal-għan prinċipali tal-ġlieda kontra l-mard epiżootiku, il-leġiżlatur tal-UE ħa wkoll inkunsiderazzjoni l-fatt li l-obbligi inkwistjoni jista’ jkollhom magħhom varjetà ta’ benefiċċji ekonomiċi u mhux ekonomiċi oħrajn għas-soċjetà; pereżempju, fir-rigward tal-immaniġġjar tal-irziezet, it-trobbija tal-annimali, il-kontrolli uffiċjali u s-sigurtà fl-ikel (54). Kif intqal fir-Rapport JRC tal-2009, is-sistema l-ġdida għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali “mhux biss titqies bħala fattur ta’ spiża, billi l-użu għal diversi skopijiet tagħha jiġġenera wkoll benefiċċji, mhux biss fil-livell tar-razzett, iżda wkoll għall-kontrolli uffiċjali u ’l isfel fil-katina tal-produzzjoni, eż. għas-swieq tal-annimali, il-biċċeriji kif ukoll possibbilment għall-konsumaturi. […] Meta implementata għal kollox, tista’ [wkoll] tnaqqas […] l-infiq għall-miżuri tal-qerda tal-mard” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (55).

90.      It-tieni nett, fl-istess ħin il-leġiżlatur tal-UE adotta numru ta’ miżuri sabiex itaffi l-piż fuq id-detenturi tal-annimali li jikkawżaw l-obbligi inkwistjoni.

91.      L-ewwel nett, ir-Regolament Nru 21/2004 ħaseb sabiex is-sistema l-ġdida tiġi implementata gradwalment u progressivament. Għalhekk diversi miżuri introdotti minn dak ir-regolament kienu suġġetti għal perijodu tranżitorju, biex id-detenturi tal-annimali (kif ukoll l-awtoritajiet tal-Istati Membri) ikollhom biżżejjed żmien biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda u jippjanaw bil-quddiem l-investimenti meħtieġa. B’mod partikolari, id-data finali għall-introduzzjoni obbligatorja tal-identifikazzjoni elettronika ġenerali fil-livell tal-UE, li oriġinarjament ġiet stabbilita għall-1 ta’ Jannar 2008, ġiet sussegwentement posposta għall-31 ta’ Diċembru 2009 (56). Barra minn hekk, l-obbligi għad-detenturi tal-annimali biex iżommu reġistru tal-irziezet (57) u biex jipproduċu dokument taċ-ċaqliq (58) saru applikabbli għal kollox fid-9 ta’ Lulju 2005.

92.      Barra minn hekk, fejn l-impatt tal-miżuri l-ġodda jidher sproporzjonat jew ir-riskji addizzjonali jitqiesu mhux sinjifikattivi, ir-Regolament Nru 21/2004 jippermetti derogi. Dawn id-derogi b’mod partikolari jirrigwardaw l-obbligi inkwistjoni kollha: l-obbligu li jiġi identifikat kull annimal (59) l-obbligu tal-użu ta’ identifikaturi elettroniċi (60), u l-obbligu li jinżamm reġistru tal-irziezet (61).

93.      It-tielet nett, il-leġiżlatur tal-UE taffa iktar l-ispejjeż addizzjonali għad-detenturi tal-annimali billi ħalla lill-Istati Membri u lir-reġjuni li jagħtuhom, meta jkun xieraq, għajnuna finanzjarja mill-fondi tal-UE. Għaldaqstant ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u l-Garanzija (FAEGG) u li jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (62) ġie emendat ftit qabel l-adozzjoni tar-regoli l-ġodda fuq l-identifikazzjoni tal-annimali (63). B’mod partikolari, l-Artikolu 21b(1), miżjud ġdid, ta’ dak ir-regolament jipprovdi li s-“sostenn temporanju maħsub biex jikkontribwixxi għal parti mill-ispejjeż magħmula u d-dħul li jintilef jista’ jingħata lill-bdiewa li għandhom japplikaw l-istandards impenjattivi ibbażati fuq il-leġislazzjoni tal-Komunità u introdotti reċentement fil-leġislazzjoni nazzjonal”. Dik id-dispożizzjoni tapplika, inter alia, għad-detenturi tal-annimali affettwati bl-obbligi inkwistjoni. Huwa importanti li l-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (64), li ħassar ir-Regolament Nru 1257/99 u huwa fis-seħħ bħalissa, ippreżerva l-qofol ta’ dik ir-regola. Barra minn hekk, l-Artikolu 20(a) tar-Regolament Nru 1698/2005 jippermetti sensiela ta’ mezzi ta’ appoġġ intiżi biex jippromwovu l-kompetittività tas-settur agrikolu, inklużi miżuri għall-“promozzjoni tal-għarfien u t-titjib tal-potenzjal uman permezz ta’ […] taħriġ vokazzjonali u azzjonijiet ta’ informazzjoni, inkluż id-disseminazzjoni tal-għarfien xjentifiku u prassi innovattivi”.

94.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena tal-fehma li l-leġiżlatur ikkunsidra debitament l-interessi kollha affettwati bl-obbligi inkwistjoni, inklużi l-interessi dwar il-benesseri tal-annimali u l-interessi finanzjarji rigwardanti l-individwi, bħad-detenturi tal-annimali li huma meħtieġa li jħallsu l-ispejjeż addizzjonali sabiex jikkonformaw mar-regoli l-ġodda. Għalhekk, ma nemminx li l-leġiżlatur tal-UE wettaq xi żball meta kien qed jgħarbel dawk l-interessi u jikkonfrontahom ma’ xulxin biex isib bilanċ ġust bejniethom.

4.      Konklużjoni fuq l-allegat ksur ta’ proporzjonalità

95.      Sabiex nikkonkludi fuq il-kwistjoni tal-proporzjonalità, nemmen li l-obbligi inkwistjoni ma jiksrux il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Huma kemm xierqa għall-għan iddikjarat kif ukoll ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jilħquh. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-leġiżlatur tal-UE wettaq xi żball, u wisq inqas żball manifest, meta kkunsidra l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-obbligi inkwistjoni fir-rigward tal-interessi kollha involuti.

96.      Għal dawn ir-raġunijiet nemmen li l-obbligi inkwistjoni huma ġġustifikati u, għaldaqstant, li dawk l-obbligi ma jammontawx għal ksur tal-libertà ta’ impriża tad-detenturi tal-annimali.

C –    Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza

97.      Il-kwistjoni legali ewlenija l-oħra mqajma f’dawn il-proċeduri hija jekk l-obbligi inkwistjoni humiex konsistenti mal-prinċipju ta’ ugwaljanza.

98.      Għandu jitfakkar mill-ewwel li l-prinċipju ta’ ugwaljanza ? prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE li issa huwa stabbilit espressament fl-Artikolu 20 tal-Karta ? jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma għandhomx jiġu trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (65). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li d-differenza fit-trattament hija ġġustifikata meta tkun ibbażata fuq kriterju oġġettivi u raġonevoli (66).

99.      Sa fejn H. Schaible qed jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tistħarreġ id-diskrezzjoni eżerċitata mil-leġiżlatur tal-UE f’qasam fejn hemm involuti għażliet politiċi u ekonomiċi, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tistħarreġ il-legalità hija neċessarjament limitata, kif urejt iktar ’il fuq. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li f’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-leġiżlatur tal-UE u, bħala konsegwenza, għandha tillimita lilha nnifisha biex teżamina jekk l-evalwazzjoni li għamel il-leġiżlatur tal-UE fihiex żball manifest jew tikkostitwixxix abbuż tal-poter, jew jekk mhux ukoll li l-leġiżlatur tal-UE eċċeda b’mod ċar il-limiti tad-diskrezzjoni leġiżlattiva tiegħu (67).

100. Huwa fid-dawl ta’ dawk il-prinċipji li ser neżamina l-argumenti ta’ H. Schaible fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Qed jitressqu essenzjalment żewġ argumenti. L-ewwel nett, H. Schaible jenfasizza li obbligu għall-identifikazzjoni ta’ kull annimal elettronikament ma huwiex qed jitqiegħed fuq detenturi ta’ annimali bovini u porċini, minkejja l-fatt li dawn l-annimali huma esposti għal numru kbir ta’ mard kontaġjuż. It-tieni nett, H. Schaible joġġezzjona kontra d-deroga li hemm fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 21/2004 (“id-deroga inkwistjoni”) li tippermetti lill-Istati Membri b’popolazzjoni ovina jew kaprina mnaqqsa li jagħmlu s-sistema ta’ identifikazzjoni elettronika fakultattiva. Huwa jargumenta li potenzjalment dan jagħti lid-detenturi tal-annimali li jinsabu f’mhux inqas minn 14-il Stat Membru vantaġġ kompetittiv fir-rigward ta’ dawk li jinsabu fi Stati Membri oħrajn b’popolazzjoni ta’ annimali ovini jew kaprini ikbar.

101. Għal raġunijiet oħrajn, il-Gvern Pollakk isostni wkoll li l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 21/2004 huwa invalidu. Skont dak il-gvern, ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni tad-disponibbiltà tad-deroga inkwistjoni għall-annimali biss li ma humiex “involuti fil-kummerċ intra-Komunitarju”.

102. Ma nistax naqbel ma’ dawn l-argumenti.

103. Fir-rigward tal-ewwel argument li jressaq H. Schaible, ma nemminx li jista’ jiġi dedott xi sinjifikat ta’ valur minn paragun mar-regoli li japplikaw għall-annimali bovini u porċini.

104. Fil-fehma tiegħi, bilkemm jista’ jiġi kkontestat li t-trobbija, it-trasport u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawk it-tipi differenti ta’ annimali jiġru taħt kundizzjonijiet li ma humiex assimilabbli f’kull rigward: jeżisti numru ta’ partikolaritajiet fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawk it-tipi ta’ annimali (68). Barra minn dan, dawk l-annimali normalment ikunu suġġetti għal tipi differenti ta’ mard u l-profili ta’ riskju stabbiliti għat-tipi differenti ta’ annimal jistgħu jkunu differenti (69).

105. Dawk id-differenzi jiġġustifikaw qafas regolatorju differenti għal kull tip ta’ annimal (70). Il-fatt li l-leġiżlatur tal-UE bbaża l-għażla tiegħu fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli ma jistax b’hekk jitqiegħed indiskussjoni.

106. F’kull każ, kif osserva ġustament il-Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li, meta l-leġiżlatur tal-UE jintalab jirristruttura u jistabbilixxi sistema kumplessa, għandu dritt li jirrikorri għal approċċ pass pass (71) u jipproċedi fid-dawl tal-esperjenza miksuba (72).

107. Jidhirli li l-ġurisprudenza hija ta’ rilevanza kbira għall-każ inkunsiderazzjoni. Iżda dak ma jfissirx li ma huwiex meħtieġ ċertu grad ta’ konsistenza u uniformità, min-naħa tal-leġiżlatur tal-UE, meta fuq perijodu ta’ żmien, jadotta miżuri intiżi biex jirregolaw sitwazzjonijiet li għandhom ċerti karatteristiċi komuni, kif jista’ jkun il-każ bl-identifikazzjoni ta’ annimali tal-irziezet differenti.

108. Fl-aħħar nett, ma tantx jiena konvint li d-detenturi tal-annimali li jinsabu fl-Istati Membri b’popolazzjonijiet ikbar ta’ annimali ovini u kaprini jsofru xi diskriminazzjoni. Fid-dawl tal-argumenti ta’ H. Schaible, għandu jiġi ddeterminat jekk id-deroga inkwistjoni toħloqx żvantaġġ għal ċerti operaturi tal-irziezet fir-rigward ta’ oħrajn, mingħajr ma dik id-differenza fit-trattament tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ differenzi oġġettivament sostanzjali (73).

109. Huwa ċar li d-deroga inkwistjoni tfisser trattament legali differenti għad-detenturi tal-annimali, b’dan jiddependi fuq l-Istat Membru fejn jinsabu. Iżda ma jidhirlix li dan jammonta għal diskriminazzjoni mhux permessa. Dan l-argument huwa bbażat fuq żewġ raġunijiet: il-kriterju li bih tiskatta d-deroga inkwistjoni ma jistax jiġi kkritikat bħala li ma huwiex oġġettiv jew raġonevoli; u lanqas id-deroga ma tpoġġi xi wħud mid-detenturi tal-annimali fi żvantaġġ kompetittiv sinjifikattiv fir-rigward ta’ wħud mill-kompetituri tagħhom.

110. Fuq l-ewwel punt, ma jistax jiġi miċħud li l-kriterju li jagħmel disponibbli d-deroga inkwistjoni ? il-popolazzjoni ta’ annimali globali ta’ pajjiż ? huwa kompletament oġġettiv. L-Istati Membri jistgħu jew ma jistgħux jissodisfaw dak il-kriterju, irrispettivament mid-daqs assolut tagħhom. Barra minn dan, is-sitwazzjoni f’ċerti Stati Membri tista’ tinbidel ukoll maż-żmien billi, naturalment, il-popolazzjoni tal-annimali tagħhom hija neċessarjament suġġetta għall-varjazzjonijiet. Għalhekk, Stati Membri li fil-prinċipju jidħlu fl-ambitu tad-deroga inkwistjoni fi kwalunkwe mument xorta jistgħu jkunu meħtieġa li jintroduċu identifikazzjoni elettronika fil-futur jekk iċ-ċirkustanzi rilevanti jinbidlu.

111. Lanqas ma jidher li dan il-kriterju huwa irraġonevoli. Anki jekk huwa ta’ dispjaċir li r-Regolament Nru 21/2004 ma jispjegax għalfejn il-leġiżlatur tal-UE kkunsidra li l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ identifikazzjoni elettronika “tista’ ben tajjeb ma tkunx ġustifikata” fl-Istati Membri b’popolazzjoni relattivament żgħira ta’ annimali ovini u kaprini (74), il-kjarifikazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Franċiż u dak Pollakk, u mill-Kunsill matul din il-proċedura jidhirli li huma konvinċenti.

112. Kif osserva H. Schaible, il-ħolqien ta’ sistema ta’ identifikazzjoni elettronika operattiva għal kollox jeħtieġ investiment kunsiderevoli min-naħa kemm tad-detenturi tal-annimali kif ukoll mill-amministrazzjonijiet nazzjonali. Fi Stati Membri fejn il-popolazzjoni tal-annimali hija baxxa u detenturi tal-annimali individwali l-iktar li jżommu huwa numru żgħir ta’ annimali, dan l-investiment jista’ jkun eċċessiv. Dan huwa partikolarment veru meta kkunsidrat fid-dawl ta’ analiżi tal-benefiċċji pparagunati mal-ispejjeż. Fil-każ ta’ tfaqqiegħ f’dan l-Istat Membru, l-ispiża biex tinqered il-marda (pereżempju, permezz ta’ qtil fil-massa jew vaċċinazzjoni) u, meta jkun japplika, l-ispiża tal-kumpens li għandu jitħallas lill-operaturi li ġew affettwati negattivament, tkun, bi probabbiltà kbira, inqas mill-investiment meħtieġ biex tiġi stabbilita s-sistema, F’dan il-każ, jista’ jkun iktar raġonevoli li jinżamm l-istatus quo, jew tal-inqas tiġi appoġġata l-introduzzjoni iktar ibbilanċjata u progressiva tar-regoli l-ġodda.

113. Huwa ċar ukoll li, meta l-irziezet ikunu fil-biċċa l-kbira żgħar, b’ammont limitat ta’ annimali, minkejja n-nuqqas ta’ sistema ta’ identifikazzjoni elettronika, huwa possibbli li d-data tinġabar relattivament malajr u b’mod affidabbli bi tweġiba għal talbiet urġenti mill-awtoritajiet kompetenti. Ma huwiex probabbli li l-fatt li l-kodiċi ta’ kull annimal irid jiġi osservat b’mod viżiv imbagħad innotat manwalment fid-dokumenti rilevanti jirriżulta f’dewmien żejjed. Madankollu, dan ma jkunx il-każ jekk dawk l-azzjonijiet kellhom jitwettqu minn numru kunsiderevoli ta’ rziezet b’popolazzjoni kbira ta’ annimali.

114. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirlix li huwa irraġonevoli li l-Istati Membri eliġibbli tħallew liberi jagħżlu jekk kienx iktar xieraq li jintroduċu s-sistema l-ġdida għall-identifikazzjoni elettronika ta’ nagħaġ u mogħoż jew li jutilizzaw id-deroga inkwistjoni.

115. Naturalment, dan it-tip ta’ raġunament japplika biss sakemm l-eżonerazzjoni ta’ wħud mill-Istati Membri ma twassalx għal riskju ikbar ġewwa s-suq intern. Iżda fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, id-deroga inkwistjoni tippermetti lill-Istati Membri biex jagħmlu l-identifikazzjoni elettronika fakultattiva biss fir-rigward ta’ annimali li “ma jkunux involuti fil-kummerċ intra-Komunitarju”. Għaldaqstant, kwalunkwe annimal li jaqsam il-fruntieri nazzjonali u jista’ b’hekk jidħol f’kuntatt ma’ annimali li jinsabu fi Stati Membri oħrajn jeħtieġ identifikazzjoni elettronika, irrispettivament min jekk l-Istat Membru ta’ oriġini ddeċidiex li jagħmel użu mid-deroga inkwistjoni.

116. B’dak il-mod, kull riskju ta’ kontaġju normalment ikun ristrett ġewwa l-fruntieri tal-Istati Membri li jkunu ddeċidew li jagħmlu użu mid-deroga inkwistjoni. Dawk l-Istati Membri jaċċettaw li huma (u d-detenturi tal-annimali li jinsabu fit-territorju tagħhom) jista’ jkollhom ibatu iktar konsegwenzi ekonomiċi sinjifikattivi fil-każ ta’ tfaqqiegħ.

117. Il-kriterju li bih tiskatta d-deroga inkwistjoni jiżgura wkoll – u hawnhekk niġi għat-tieni aspett msemmi fil-punt 112 iktar ’il fuq – li l-kompetizzjoni bejn id-detenturi tal-annimali li jinsabu fi Stati Membri differenti ma tgħaddix minn distorsjoni b’xi mod kunsiderevoli. Fil-fatt, id-detenturi tal-annimali kollha li jixtiequ jbigħu n-nagħaġ u l-mogħoż tagħhom lil hinn mit-territorju ta’ pajjiżhom ikollhom jikkonformaw mal-istess regoli. Dan ifisser li ma hemm l-ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni fost id-detenturi attivi fil-kummerċ intra-Komunitarju. Barra minn hekk, detentur li jinsab fi Stat Membru li jkun uża d-deroga inkwistjoni ma jistax jikseb benefiċċju, permezz tal-vantaġġ potenzjali fl-ispiża, f’xi Stat Membru ieħor.

118. L-uniku xenarju fejn nista’ nara attwalment żvantaġġ kompetittiv huwa l-każ ta’ detenturi tal-annimali li jinsabu fi Stati Membri mingħajr deroga, li jesportaw annimali lejn Stati Membri li japplikaw id-deroga inkwistjoni. Huwa veru li f’każ bħal dan, detenturi tal-annimali lokali bħal dawn jista’ jkollhom vantaġġ fl-ispejjeż fuq il-kompetituri tagħhom fl-Istat ta’ esportazzjoni. Mistoqsijin fuq dan il-punt waqt is-seduta, la l-Kunsill u lanqas il-Kummissjoni ma kkontestaw dan il-fatt. Wara li ntqal dan, minħabba l-fatt tal-merħliet żgħar li normalment jinsabu f’irziezet ġewwa Stati Membri li japplikaw id-deroga inkwistjoni, u l-fatt li l-esportaturi għandhom tendenza li jkunu ta’ daqs kbir u għalhekk jibbenefikaw minn ekonomiji ta’ skala, kull distorsjoni ġewwa s-swieq lokali x’aktarx tkun negliġibbli. F’kull każ, din id-differenza fit-trattament limitata jidhirli li hija ġġustifikata għar-raġunijiet oġġettivi msemmijin iktar ’il fuq.

119. Fl-aħħar nett, ser nittratta l-argument li tressaq mill-Gvern Pollakk dwar l-ambitu tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 21/2004. Biżżejjed jingħad li d-deroga inkwistjoni hija kruċjali biex jiġi żgurat kemm li ma jiżdiedx indebitament ir-riskju globali għas-saħħa pubblika fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll li l-kompetizzjoni ġewwa s-suq intern ma tgħaddix minn distorsjoni b’mod sinjifikattiv. Għaldaqstant, il-kritika tal-Gvern Pollakk fuq dan il-punt hija manifestament infondata.

120. Bħala konklużjoni, fil-fehma tiegħi d-deroga inkwistjoni tapplika f’sitwazzjonijiet li huma oġġettivament differenti minn dawk li jidħlu fir-regola ġenerali. Għaldaqstant, għandhom jinċaħdu l-argumenti li jallegaw ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

D –    L-aħħar osservazzjonijiet de lege ferenda

121. Għalkemm l-analiżi legali tiegħi ma żvelatx raġunijiet li jsostnu konklużjoni li l-obbligi inkwistjoni huma illegali, madankollu ntwera li l-applikazzjoni prattika tad-deroga inkwistjoni tista’ tikkostitwixxi ostakolu biex jintlaħaq l-għan aħħari mixtieq mir-regolament, kif ukoll sabiex tiġi żgurata l-ekwità ġenerali tas-sistema.

122. Għar-rigward li jintlaħaq l-għan aħħari mfittex mir-Regolament, irrid nerġa’ nenfasizza li r-Regolament Nru 21/2004 kien ġie adottat biex jiġġieled il-mard epiżootiku b’mod iktar effettiv, biex tiġi ffaċilitata t-tlestija tas-suq intern f’dak is-settur tal-ekonomija. Iżda bħala konsegwenza tad-deroga inkwistjoni, il-moviment liberu ta’ ċerti annimali ġewwa l-Unjoni Ewropea huwa prekluż u anki l-effettività tas-sistema l-ġdida għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali hija limitata ġewwa l-Istati Membri li japplikaw id-deroga inkwistjoni. Barra minn dan, ċerti effetti konsegwenzjali għall-bqija tal-Unjoni Ewropea ma jistgħux jiġu esklużi.

123. Kif ġustament jindika H. Schaible, fi Stati Membri b’popolazzjoni ta’ annimali baxxa, ir-riskju li marda epiżootika tista’ tinxtered bla kontroll ma huwiex neċessarjament iżgħar milli fi Stati Membri b’popolazzjoni kbira ta’ annimali. Billi l-mard jinxtered l-iktar b’kuntatt tal-annimali, jidhirli li l-possibbiltajiet ta’ kontaġju serju u mgħaġġel jiddependu minn fatturi varji, bħan-numru ta’ tranżazzjonijiet u movimenti; jekk l-annimali jinbigħux f’lottijiet żgħar jew kbar; u jekk il-lottijiet tal-annimali humiex imħalltin jew essenzjalment jibqgħux l-istess. Iktar importanti, minħabba l-konfigurazzjoni ġeografika li tvarja tal-Istati Membri tal-UE, jekk xejn, hija d-densità tal-annimali ġewwa pajjiż li hija importanti iktar milli n-numru assolut tal-annimali hemmhekk.

124. Minkejja li r-raġuni għaliex id-deroga inkwistjoni saret dipendenti fuq l-involviment fil-kummerċ intra-Komunitarju huwa li jiġi żgurat li r-riskju addizzjonali li ġej mill-moviment tal-annimali li ma humiex identifikati elettronikament jibqa’ limitat fis-swieq domestiċi tagħhom, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, dan jista’ ma jkunx biżżejjed biex tiġi stabbilita sistema kompletament affidabbli. Il-fatt li tipi differenti ta’ data huma disponibbli għal annimali identifikati elettronikament meta pparagunat ma’ annimali identifikati b’tikketti tal-widnejn tradizzjonali, jista’, fil-każ ta’ tfaqqiegħ, iddewwem jew ittellef l-isforzi tal-ittraċċar u tqabbil li jagħmlu l-awtoritajiet sabiex jidentifikaw kull moviment riskjuż transkonfinali tal-annimali.

125. Barra minn hekk, ċertu marġni ta’ riskju dejjem jibqa’ meta – minħabba frodi jew sempliċiment żball – ċerti annimali jistgħu jiġu nnegozjati fil-fruntiera minkejja li ma jkunux identifikati elettronikament. Wara kollox, in-nagħaġ u l-mogħoż jinbiegħu ta’ spiss f’merħliet kbar u mhux dejjem ikun faċli li jiġi ggarantit li l-annimali kollha f’merħla jikkonformaw għal kollox f’dan ir-rigward.

126. Fir-rigward tal-ekwità ġenerali tas-sistema ta’ identifikazzjoni, għandi fil-fatt nammetti li s-sistema ta’ identifikazzjoni elettronika li jistabbilixxi r-Regolament Nru 21/2004 ma tirrappreżentax soluzzjoni perfetta. Kif osservajt diġà, permezz tad-deroga inkwistjoni, ċerti detenturi tal-annimali jistgħu jibbenefikaw, fis-swieq domestiċi tagħhom, minn vantaġġ fl-ispejjeż ipparagunat ma’ kompetituri minn Stati Membri oħrajn. Barra dan, huwa konċepibbli li d-deroga inkwistjoni tista’ ġġib magħha indirettament riperkussjonijiet ekonomiċi addizzjonali għal detenturi tal-annimali li jkollhom jużaw l-identifikazzjoni elettronika. Fil-fatt, anki jekk dawn id-detenturi tal-annimali ma jesportawx annimali lill-Istati Membri li japplikaw id-deroga inkwistjoni, huwa possibbli li ’l isfel fil-katina ta’ produzzjoni il-prodotti li jiġu mill-annimali tagħhom (bħal-laħam, is-suf jew il-ħalib) jistgħu, f’xi żmien, jidħlu f’kompetizzjoni ma’ dawk prodotti fl-Istati fejn id-deroga inkwistjoni tapplika. Wieħed jista’ jassumi korretament li l-ispiża ogħla tad-detenturi tal-annimali tal-Istati Membri l-kbar, tista’, sa ċertu punt, taffettwa l-prezz tal-prodotti finali mqegħdin fis-suq u għalhekk dawk il-prodotti jkunu kemmxejn inqas kompetittivi.

127. Id-distinzjoni li toħroġ bħala riżultat tad-deroga inkwistjoni tista’ tkun iġġustifikata fis-sitwazzjoni kurrenti, iżda dan jista’ ma jkomplix japplika fil-futur. Fil-fatt, kif osservaw ħafna mill-partijiet f’din il-kawża, it-teknoloġija meħtieġa mir-Regolament Nru 21/2004 qed issir dejjem iżjed ekonomika minħabba l-iżvilupp tekniku mgħaġġel u l-ekonomiji ta’ skala. Għalhekk tista’ ssir inqas u inqas ovvja r-ratio wara d-deroga inkwistjoni.

128. Hawnhekk huwa importanti ħafna li wieħed jinnota li r-Regolament Nru 21/2004 fil-fatt fih dispożizzjoni li tippermetti lill-Kummissjoni li timmodifika l-limiti demografiċi għad-deroga inkwistjoni (75). Iżda, fid-dawl ta’ dak li għedt, pjuttost nemmen li l-leġiżlatur tal-UE eventwalment ser ikollu jirrifletti fuq il-possibbiltà li jneħħi għal kollox id-deroga inkwistjoni. Fil-fehma tiegħi, dan ser isaħħaħ iżjed il-ġlieda kontra l-mard epiżootiku, itejjeb il-moviment liberu tan-nagħaġ u l-mogħoż ġewwa l-Unjoni Ewropea u jiżgura sitwazzjoni ekwa għad-detenturi tal-annimali kollha ġewwa l-Unjoni Ewropea, ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi.

IV – Konklużjoni

129. Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Stuttgart (il-Ġermanja) kif ġej:

Il-kunsiderazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari ma wasslet bl-ebda mod biex tiġi affettwata l-validità ta’:

–        l-obbligu tad-detenturi tal-annimali skont l-Artikoli 3(1) u 4(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004, tas-17 ta’ Diċembru 2003, li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttiva 91/102/KEE u 64/432/KE biex jidentifikaw annimali individwali,

–        l-obbligu tad-detenturi tal-annimali skont l-Artikolu 9(3)(1) tar-Regolament Nru 21/2004 biex jidentifikaw annimali individwali elettronikament, jew

–        l-obbligu tad-detenturi tal-annimali skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 21/2004, moqri flimkien mal-punt B(2) tal-Anness tiegħu, biex ikomplu jżommu r-reġistru C.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 42, p. 56.


3 – Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet mill-fatturi kollha li tipprovdi l-qorti nazzjonali, u, partikolarment, mill-motivi fit-talba għad-deċiżjoni preliminari, l-elementi tad-dritt tal-UE li jeħtieġu interpretazzjoni, wara li jitqies is-suġġett tal-kwistjoni. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 1987, Gauchard, (20/87, Ġabra p. 4879, punt 7), u tal-20 ta’ Marzu 1986, Tissier (35/85, Ġabra p. 1207, punt 9).


4 – ĠU 2007 C 303, p. 23. Skont l-Artikolu 52(7) tal-Karta u l-Artikolu 6(1) TUE, dawk l-ispjegazzjonijiet għandhom jingħataw “il-kunsiderazzjoni dovuta” mill-Qrati tal-Unjoni Ewropea u mill-qrati nazzjonali tal-Istati Membri fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Karta.


5 – Fir-rigward tal-libertà professjonali u d-dritt għax-xogħol, ara, b’mod speċjali, is-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1974, Nold (4/73, Ġabra p. 491, punt 14), u tal-10 ta’ Jannar 1992, Kühn (C‑177/90, Ġabra p. I‑35, punt 16). Fir-rigward tal-libertà ta’ impriża, ara b’mod partikolari s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2004, Spanja u Il-Finlandja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑184/02 u C‑223/02, Ġabra p. I‑7789, punt 51).


6 – Ara Spanja u Il-Finlandja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51. Il-koinċidenza taż-żewġ libertajiet jidher li aċċennat għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-21 ta’ Frar 1991, Kawżi magħquda C‑143/88 u C‑92/89 Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest (Ġabra p. I ‑415, punti 72 sa 78). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-kawża Spanja u Il-Finlandja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, punt 105, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mázak għas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Kawża C‑544/10, Deutsches Weintor (punt 64).


7 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1979, Hauer (44/79, Ġabra p. 3727, punt 31); tat-8 ta’ Ottubru 1986, Keller (234/85, Ġabra p. 2897, punt 8); u tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter (265/87, Ġabra p. 2237, punt 15).


8 – Ara, fost ħafna oħrajn, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et (C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, Ġabra p. I‑10423, punt 87); u tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et (C‑154/04 u C‑155/04, Ġabra p. I‑6451, punt 126).


9 – L-Artikolu 15 tal-Karta, intitolat “Il-libertà professjonali u dritt għax-xogħol”, jipprovdi:


      “1. Kull persuna għandha d-dritt li taħdem u li twettaq xogħol magħżul jew aċċettat liberament.


      2. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu l-libertà li jfittex impjieg, li jaħdem, li jeżerċita d-dritt ta’ stabbiliment u li jagħti servizzi f’kull Stat Membru.”


10 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1989 Schräder HS Kraftfutter (265/87, Ġabra p. 2237, punt 15); tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑280/93, Ġabra p. I‑4973, punt 78); u tat-12 ta’ Lulju 2012, Association Kokopelli (C‑59/11, punt 77).


11 Ara, fost ħafna oħrajn, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, Ġabra p. I‑11063, punt 65).


12 – Ara s-sentenzi ABNA et (iċċitata iktar ’il fuq, punt 68); is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, S.P.C.M. et (C‑558/07, Ġabra p. I‑5783, punt 41); u tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et (C‑58/08, Ġabra p. I‑4999, punt 51).


13 – Ara, f’dak is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C‑189/01, Ġabra p. I‑5689, punti 82 u 83); tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, Ġabra p. I‑11453, punt 121); u Alliance for Natural Health et (iċċitata iktar ’il fuq punt 52).


14 – Ara, f’dak is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Agrargenossenschaft Neuzelle (C‑545/11, punt 43) u tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna (C‑221/09, Ġabra p. I‑1655, punt 80).


15 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑280/93, Ġabra p. I‑4973, punti 89 u 90); tat-13 ta’ Diċembru 1994, SMW Winzersekt (C‑306/93, Ġabra p. I‑5555, punt 21); u tat-2 ta’ Lulju 2009, Bavaria u Bavaria Italia (C‑343/07, Ġabra p. I‑5491, punt 81).


16 – Ara s-sentenzi tat-28 ta’ Lulju 2011, Agrana Zucker (C‑309/10, Ġabra p. I‑7333, punt 44) u tal-21 ta’ Lulju 2011, Beneo-Orafti (C‑150/10, Ġabra p. I‑6843, punt 77).


17 – Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, FEDESA et (C‑331/88, Ġabra p. I‑4023, punt 17); tas-17 ta’ Lulju 1997, Affish (C‑183/95, Ġabra p. I‑4315, punt 42); u Kokopelli (iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).


18 – Ara s-sentenza Vodafone (iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).


19 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1998, Safety Hi-Tech (C‑284/95, Ġabra p. I‑4301, punt 51) u tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, punt 58).


20 – Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni (C‑326/05 P, Ġabra p. I‑6557, punt 77).


21 – Sentenzi Kokopelli (iċċitata iktar ’il fuq, punt 40) u Jippes (iċċitata iktar ’il fuq, punt 85).


22 – Sentenza Affish (iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).


23 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’S.P.C.M. et (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, C-588/07, Ġabra p. I-5783, punt 72).


24 – Ara, f’dan is-sens, G. de Búrca, “The Principle of Proportionality and its Application in EC Law”, (1993) YbEL, p. 112.


25 – Ara, inter alia, sentenzi Jippes (iċċitata iktar ’il fuq, punt 84) u s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Crispoltoni et (C‑133/93, C‑300/93 u C‑362/93, Ġabra p. I‑4863, punt 43).


26 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Kokopelli (sentenza ċċitata iktar ’il fuq), punt 61.


27 – Ara, riċentement, sentenza Agrana Zucker (iċċitata iktar ’il fuq, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28 – Direttiva tal-Kunsill 92/102/KEE, tas-27 ta’ Novembru 1992, dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 232).


29 –      Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE, tas-26 ta’ Ġunju 1990, dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 10, p. 138). Ara, b’mod partikolari, il-premessi 1 sa 5 fil-preambolu ta’ dik id-direttiva.


30 – Ara r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ identifikazzjoni elettronika fin-ngħaġ u l-mogħoż, KUMM(2007) 711 finali (iktar ’il quddiem “ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2007”), paġni 6 u 10.


31 – F’dak ir-rigward, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 21/2004 jipprovdi: “Ir-reġistru għandu jkun fil-format approvat mill-awtorità kompetenti, miżmum manwalment jew fil-għamla kompjuterizzata, u disponibbli fi kwalunkwe waqt fil-qasam u lejn l-awqtorità kompetenti, mat-talba tagħha, għal perijodu minimu li għandu jkun iddeterminat mill-awtorità kompetenti imma li ma jistgħax ikun anqas minn tlett snin”.


32 – Proġett ta’ riċerka CCAM 93 sa 342: ara “Project on the electronic identification of animals (IDEA)”, Rapport finali tat-30 ta’ April 2002 (iktar ’il quddiem ir-“Rapport Finali ta’ IDEA”), p. 6.


33Ibid., p. 7.


34Ibid., p. 9 et seq.


35Ibid., p. 114.


36 – Ara r-Rapport tal-Kummissjoni tal-2007 paġni 5 u 12. L-Istati Membri kkonċernati kienu Ċipru, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, Spanja u r-Renju Unit.


37 – Ara “Foot & Mouth disease – General Disease Information Sheets” ippubblikat mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), p. 1.


38 – Ara, pereżempju, l-istudju li għamlu D. Thompson et al fl-2002: “Economic costs of the foot and mouth disease outbreak in the United Kingdom in 2001”, RevSciTech. 21(3) Diċembru 2002, paġni 675 sa 687.


39 – Id-Department for Environment, Food and Rural Affairs [Dipartiment għall-Ambjent, l-Ikel u l-Affarijiet Rurali] tal-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidra li, fl-2001 biss, apparti mill-annimali tal-frat u majjali, iktar minn tliet miljun nagħġa u ’l fuq minn 2 500 mogħża nqatlu f’dak il-pajjiż. Ara http://www.defra.gov.uk/.


40 – Ara, b’mod partikolari, id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/145/KE (ĠU 2001 L 53, p. 25), 2001/172/KE (ĠU 2001 L 62, p. 22), 2001/208/KE (ĠU 2001 L 73, p. 38), 2001/223/KE (ĠU 2001 L 82, p. 29), 2001/234/KE (ĠU 2001 L 84, p. 62), 2001/263/KE (ĠU 2001 L 93, p. 59) u 2001/327/KE (ĠU 2001 L 115, p. 12) dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Istati Membri rispettivi.


41 – Ara l-premessa 7 fil-preambolu tar-Regolament Nru 21/2004.


42 – Ara r-Rapport Finali ta’ IDEA, p. 4.


43 – Ara l-Anness 2 — Rapporti tas-sessjonijiet ta’ ħidma.


44 – ‘Foot and Mouth Disease 2001: Lessons to be Learned Inquiry Report’ (Il-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer 2001: Rapport fuq it-Tagħlim mill-Esperjenza), Rapport tat-22 ta’ Lulju 2002, p. 165.


45 – Qorti tal-Awdituri, Rapport Speċjali Nru 8/2004 dwar il-ġestjoni u s-sorveljanza tal-Kummissjoni tal-mizuri meħuda biex jikkumbattu l-marda tal-ilsien u d-dwiefer u l-infiq koness mal-marda (flimkien mar-risposti tal-Kummissjoni), paragrafu 36 (ĠU 2005 C 54, p. 1). Fuq l-istess linja, ara r-Rapport tal-Parlament Ewropew — “Reżoluzzjoni fuq miżuri għall-kontroll tal-FMD fl-Unjoni Ewropea fl-2001 u miżuri futuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard tal-annimali fl-Unjoni Ewropea” (A5‑0405/2002 finali), paragrafu 116.


46 – Kif imsemmi iktar ’il fuq, dawk il-kundizzjonijiet jinkludu ċ-ċaqliq frekwenti u fi gruppi kbar, kif ukoll ta’ spiss it-taħlit ma’ gruppi oħrajn fi swieq u ċentri ta’ ġbir.


47 – Pereżempju, it-trażmissjoni tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer ġeneralment tiġri permezz ta’ kuntatt dirett bejn annimali infettati u annimali suxxettibbli. Ara OIE, “Manual of Diagnostic Tests and Vaccines for Terrestrial Animals” 2012 [Manwal ta’ Testijiet Dijanostiċi u Tilqim għal Annimali Terrestri, 2010], Kapitolu 2.1.5., disponibbli fil-URL: http://www.oie.int/fileadmin/Home/fr/Health_standards/tahm/2.01.05_FMD.pdf.


48 – Ara r-Rapport Finali ta’ IDEA, paragrafu 4.1.2.2.


49 – Ara r-Rapport tal-Kummissjoni tal-2007, paġni 6 u 8.


50 – Skont l-osservazzjonijiet li għamel H. Schaible, xi studji magħmulin fil-Ġermanja juru li, fil-każ tat-tikketti tal-widnejn, 72.8 % tal-feriti jfiequ f’erba’ ġimgħat mill-applikazzjoni, mentri din ir-rata tkun għolja sa 91.7 % fil-każ ta’ tikketti tal-widnejn tradizzjonali.


51 – JRC, “Economic Analysis of Electronic Identification of Small Ruminants in Member States [Analiżi Ekonomika tal-Identifikazzjoni Elettronika ta’ Ruminanti Żgħar fl-Istati Membri]” (iktar ’il quddiem ir-“Rapport JRC tal-2009”).


52 – Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 21/2004, għall-implementazzjoni ta’ dak l-istrument, il-Kummissjoni “għandha tkun mgħejjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali, stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”.


53 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il-Kummissjoni u Il-Ġermanja (C‑221/10 P, punt 99) u Affish (iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).


54 – Ara r-Rapport tal-Kummissjoni tal-2007, p. 11.


55 – Ara r-Rapport JRC tal-2009, p. 42.


56 – Ara l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 21/2004 fil-forma oriġinali tiegħu kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1560/2007, tas-17 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007 L 340, p. 25).


57 – Ara l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 21/2004 u l-Punt B.1 tal-Anness tiegħu.


58 – Ara l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 21/2004, kif ukoll, il-Punti C.2 u C.3 tal-Anness tiegħu.


59 – Ara l-Artikolu 4(1)(2) tar-Regolament Nru 21/2004 u l-Punt A.8 tal-Anness tiegħu.


60 – Ara l-Artikoli 4(3), 9(3)(2) u 9(3)(3) tar-Regolament Nru 21/2004 u l-Punt A.8 tal-Anness tiegħu.


61 – Ara l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 21/2004.


62 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 391.


63 – Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1783/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1257/1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 338).


64 – ĠU 2010 L 286M, p. 26.


65 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2006, Franz Egenberger (C‑313/04, Ġabra p. I‑6331, punt 33), u Arcelor Atlantique,(iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).


66 – Ara s-sentenza Arcelor Atlantique (iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).


67 – Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, SAM Schiffahrt u Stapf (C‑248/95 u C-249/95, Ġabra p. I‑4475, punt 24); tat-12 ta’ Marzu 2002, Omega Air et (C‑27/00 u C‑122/00, Ġabra p. I‑2569, punt 64); u Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-176/09, Ġabra p. I‑3727, punt 35).


68 – Pereżempju, l-annimali ovini u kaprini huma fil-medja suġġetti għal iktar movimenti milli annimali bovini u porċini, jew tal-inqas għal ċirkwiti kummerċjali iqsar, qabel ma jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom u huma wkoll, mhux bħall-annimali bovini u porċini, ta’ spiss jiġu nnegozjati f’irkant b’lottijiet kbar ħafna. Barra minn hekk, kif semmejt iktar ’il fuq, il-gruppi ta’ nagħaġ u mogħoż li qed jiġu kkummerċjalizzati jistgħu ta’ spiss jibdlu l-kompożizzjoni tagħhom. Ovvjament dawn iċ-ċirkustanzi jagħmluha iktar diffiċli li kull annimal jiġi identifikat u ttraċċat, għalhekk il-ħtieġa imperattiva li jkun hemm sistema iktar mgħaġġla u preċiza għar-rapportar tad-data.


69 – Pereżempju, il-Kunsill jindika li, fil-każ tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer, ir-riskju tal-kontaġju huwa ogħla fost in-nagħaġ u l-mogħoż milli fost il-ħnieżer.


70 – Għal analiżi tal-ispiża/benefiċċju riċenti tal-identifikazzjoni elettronika ta’ annimali bovini, ara ‘Study on the introduction of electronic identification (EID) as official method to identify bovine animals within the European Union – Final Report’ [Studju fuq l-introduzzjoni ta’ identifikazzjoni elettronika (EID) bħala metodu uffiċjali għall-indentifikazzjoni ta’ annimali bovini ġewwa l-Unjoni Ewropea – Rapport Finali], tal-Kummissjoni Ewropea, tat-3 ta’ Mejju 2009, p. 22 et seq.


71 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ April 1991, Assurances du crédit vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑63/89, Ġabra p. I‑1799, punt 11), u tat-13 ta’ Mejju 1997, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑233/94, Ġabra p. I‑2405, punt 43).


72 – Ara s-sentenza Arcelor Atlantique (iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).


73 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑351/98, Ġabra p. I‑8031, punt 57) u tat-22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria (C‑462/99, Ġabra p. I‑5197, punt 115).


74 – Ara l-premessa 11 fil-preambolu għar-Regolament Nru 21/2004.


75 – Ara l-Artikolu 10(2)(b) tar-Regolament Nru 21/2004. Waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tiegħi, il-Kunsill spjega li, fuq il-bażi tal-informazzjoni li kellu disponibbli meta adotta dak ir-regolament, il-limiti indikati fl-Artikolu 10(2)(b) dehru li kienu l-iktar xierqa biex issir distinzjoni bejn Stati Membri b’industrija taż-żamma tal-annimali fil-maġġoranza intensiva u dawk fejn iż-żamma tal-annimali hija estensiva. Ikolli nistqarr li d-differenza sinjifikattiva bejn il-limitu stabbilit għan-nagħaġ (600 000) u dak stabbilit għal-mogħoż (160 000) tħallini xi ftit perpless.