Language of document : ECLI:EU:C:2011:404

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Tassazzjoni – Dazju fuq il-kapital – Direttiva 69/335/KEE – Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital – Impożizzjoni ta’ taxxa fuq self meħud minn kumpannija b’kapital azzjonarju mingħand persuna li għandha dritt għal perċentwali tal-qligħ tal-istess kumpannija – Dritt ta’ Stat Membru li jerġa’ jintroduċi taxxa li ma kinitx iktar fis-seħħ fid-data tal-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑212/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Gliwicach (il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Mejju 2010, fil-proċedura

Logstor ROR Polska sp. z o.o.

vs

Dyrektor Izby Skarbowej w Katowicach,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, K. Schiemann, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ April 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Logstor ROR Polska Sp. z o.o., minn T. Konik, u K. Gil, doradcy podatkowi,

–        għad-Dyrektor Izby Skarbowej w Katowicach, minn G. Pasterczyk, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar kif ukoll minn A. Kramarczyk u A. Kraińska, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Afonso u K. Herrmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1. p. 11, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE, tal-10 ta’ Ġunju 1985 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 122), iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 69/335”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Logstor ROR Polska sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “Logstor ROR Polska”), stabbilita f’Zabrze (il-Polonja), u d-Dyrektor Izby Skarbowej w Katowicach (Direttur tal-Awtorità tat-Taxxa ta’ Katowice), dwar il-ħlas ta’ taxxa, intitolata “taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tad-dritt ċivili”, mitluba minħabba emenda fil-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ Lögstör ROR Polska minħabba self li kien ingħata lilha minn membru tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        B’mod konformi mal-ewwel premessa tagħha, id-Direttiva 69/335 kellha bħala għan li tippromwovi l-moviment ħieles tal-kapital, meqjus bħala libertà fundamentali essenzjali għall-ħolqien ta’ suq intern. Għal dan il-għan, kif jirriżulta mis-sitt sat-tmien premessi, din id‑Direttiva kienet tfittex li tarmonizza t-taxxa li għaliha huma suġġetti l‑kontribuzzjonijiet ta’ kapital lil kumpanniji fl-Unjoni Ewropea billi tiġi stabbilita taxxa waħda fuq il-ġbir tal-kapital li tista’ tiġi applikata darba waħda biss fis-suq komuni u billi jitneħħew it-taxxi indiretti kollha l-oħra li għandhom l‑istess karatteristiċi bħal din it-taxxa unika.

4        Għal dan il-għan, l-Artikoli 1 sa 9 tal-imsemmija direttiva kienu jipprovdu għall‑impożizzjoni ta’ taxxa armonizzata fuq il-kontribuzzjonijiet ta’ kapital mogħtija lil kumpanniji b’kapital azzjonarju, imsejħa “dazju kapitali [dazju fuq il‑kapital]”.

5        Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 69/335:

“L-operazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għad-dazju kapitali:

[…]

ċ)      żieda fil-kapital ta’ kumpannija kapitali bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip;

(d)      żieda fl-assi ta’ kumpannija kapitali bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip, inkonsiderazzjoni, mhux ta’ l-ishma fil-kapital jew l-assi tal-kumpannija, imma tad-drittijiet ta’ l-istess tip bħal dawk tal-membri, bħalma huma drittijiet tal-vot, sehem fil-profitti jew sehem f’dak li jibqa’ wara l‑likwidazzjoni;

[…]”

6        Skont l-Artikolu 4(2) ta’ din l-istess direttiva:

“Is-segwenti transazzjonijiet jistgħu, sakemm kienu ġew intaxxati bir-rata ta’ 1% sal-1 ta’ Lulju 1984, jissoktaw ikunu bla ħsara [suġġetti] għad‑dazju kapitali:

      […]

      (ċ) self ikkuntrattat minn kumpannija kapitali, jekk il-kreditur huwa ntitolat għal sehem mill-profitti tal-kumpannija;

      (d) self ikkuntrattat minn kumpannija kapitali ma’ membru jew konġunt jew wild ta’ membru, jew self ikkuntrattat ma’ pajjiż terz, jekk ikun garantit minn membru, fuq il-kondizzjoni li dan is-self ikollu l-istess funzjoni bħal żieda fil-kapital tal-kumpannija;

[…]”

7        Skont l-Artikolu 7(1) u (2), tad-Direttiva 69/335:

“1. L-Istati Membri għandhom jeżentaw mid-dazju kapitali transazzjonijiet, barra dawk li għalihom saret referenza fl-Artikolu 9, li huma sal-1 ta’ Lulju 1984, eżenti jew intaxxati b’[…] rata ta’ 0,50 % jew inqas.

L-eżenzjoni għandha tkun suġġetta għall-kondizzjonijiet li kienu applikabbli, f’dik id-data, għall-għoti ta’ l-eżenzjoni jew, skond kif inhu l-każ, għal imposizzjoni ta’ rata ta’ 0,50 % jew inqas.

[…]

2. L-Istati Membri jistgħu jew jeżentaw mid-dazju kapitali kull transazzjoni barra dawk li għalihom saret referenza fil-paragrafu 1, jew iżżomm dazju fuqhom b’rata waħda li ma taqbiżx il-1 %.”

8        It-tieni u t-tielet premessi tad-Direttiva 85/303, li jistabbilixxu t-test tad‑Direttiva 69/335 fis-seħħ fid-data ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, kienu jipprovdu:

“Billi l-effetti komuni [ekonomiċi] tad-dazju kapitali huma ta’ ħsara għar‑ragruppament u l-iżvilupp ta’ intrapriżi; billi dawn l-effetti huma partikolarment ta’ ħsara fis-sitwazzjoni ekonomika preżenti fejn hemm bżonn importanti li għandha tingħata prijorità lill-istimulazzjoni ta’ l‑investiment;

Billi l-aħjar soluzzjoni sabiex jintlaħqu dawn l-oġġettivi tkun li jitneħħew dazju kapitali; billi, madankollu, it-telf ta’ dħul li sussegwentement jirriżulta minn din il-miżura m’huwiex aċċettabbli għal ċerti Stati Membri; billi l-Istati Membri għandhom għalhekk jingħataw l-opportunità li jkunu jistgħu jeżentaw minn jew bla ħsara [jissuġġettaw] għad-dazju kapitali kull jew parti mit-transazzjonijiet li jsiru fi ħdanha [jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu], ħalli jkun mifhum li rata waħda ta’ taxxa trid tiġi debitata f’wieħed u l‑istess Stat Membru”.

9        Id-Direttiva 69/335 ġiet abrogata mill-1 ta’ Jannar 2009 mill-Artikolu 16 tad‑Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE, tat-12 ta’ Frar 2008, dwar it‑taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU L 46, p. 11).

 Id-dritt nazzjonali

10      Ir-Repubblika tal-Polonja ssieħbet mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004.

 Il-leġiżlazzjoni dwar id-dazju fuq il-kapital fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1984

11      Il-liġi tad-19 ta’ Diċembru 1975 rigward it-taxxa tal-boll (Dz. U Nru 45, pożizzjoni 226), kienet tipprevedi li l-atti ta’ formazzjoni ta’ kumpanniji minn persuni fiżiċi u ġuridiċi kienu suġġetti għal taxxa tal-boll. Id‑Digriet tal-Kunsill tal‑Ministri tas-16 ta’ Mejju 1983 (Dz. U Nru 34, pożizzjoni 161), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1983, iddefinixxa l-iskop u r-rata ta’ din it-taxxa tal-boll. L‑Artikolu 54(5) tiegħu jipprevedi:

“Huwa wkoll meqjus bħala parti mill-kapital azzjonarju s-self mogħti minn wieħed mill-membri jew azzjonisti, jekk l-ammont totali tas-self mhux irrimborsat jaqbeż il-50 % tal-kapital azzjonarju fid-data tal-għoti tas-self.”

12      F’dan il-każ, ir-rata tat-taxxa kienet ta’ 5 % tal-valur tas-self.

 Il-leġiżlazzjoni dwar id-dazju fuq il-kapital fis-seħħ bejn l-1 ta’ Jannar 2001 u t-30 ta’ April 2004.

13      Bejn l-1 ta’ Jannar 2001 u t-30 ta’ April 2004, l-istess operazzjonijiet ġew suġġetti għat-taxxa fuq atti tad-dritt ċivili, b’rata li tonqos.

14      L-Artikolu 1(1) tal-Liġi tad-9 ta’ Settembru 2000, dwar it-taxxa fuq l‑atti tad-dritt ċivili (Dz. U Nru 86, pożizzjoni 959, iktar ’il quddiem “Liġi PCC tal-2000”) kien jissuġġetta għat-taxxa fuq l-atti tad-dritt ċivili l-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-kumpannija u l-emendi għalihom, meta dawn iwasslu għal bidla fil‑bażi ta’ din it-taxxa.

15      L-Artikolu 1(3), tal-Liġi PCC tal-2000 jipprevedi:

“Fil-każ ta’ memoranda u statuti ta’ assoċjazzjoni, emenda għandha tfisser:

[…]

4)      Il-pagamenti supplimentari, is-self lill-kumpanija mill-membri (azzjonisti) u l‑konċessjoni, mingħajr ħlas, ta’ beni jew ta’ drittijiet patrimonjali minn membru (azzjonist) lill-kumpannija.”

16      Il-punt 9 tal-Artikolu 7(1) tal-Liġi PCC tal-2000 kien jiddefinixxi, skont l‑ammont ta’ self, rata tat-taxxa li tonqos, li tvarja minn 1 % għal 0.5 % tal-ammont tal‑operazzjonijiet. F’dak iż-żmien, is-self inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien issuġġettat għar‑rata ta’ 0.5 %.

 Il-leġiżlazzjoni dwar id-dazju fuq il-kapital fis-seħħ bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2006

17      Il-liġi li temenda l-liġi dwar taxxa fuq l-atti tad-dritt ċivili, tad-19 ta’ Diċembru 2003 (Dz. U Nru 6, pożizzjoni 42), emendat il-Liġi PCC tal-2000 billi eżonerat minn din it-taxxa s-self mogħti lil kumpannija b’kapital azzjonarju minn membru jew azzjonist. Skont l‑Artikolu 9(10)(h) tal-Liġi PCC tal-2000, fil-verżjoni li tirriżulta mit-test uniformi tagħha li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004 (Dz. U Nru 41, pożizzjoni 399):

“Is-segwenti huma eżentati mit-taxxa fuq l-atti tad-dritt ċivili:

[…]

10)      is-self mogħti […]

h)      minn membru (jew azzjonist) lil kumpannija b’kapital azzjonarju;

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni dwar id-dazju fuq il-kapital fis-seħħ bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2008.

18      L-Artikolu 9(10)(h), tal-Liġi PCC tal-2000, fil-verżjoni tagħha li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004, li kien jeżenta s-self mogħti lil kumpannija b’kapital azzjonarju minn wieħed mill-membri jew mill-azzjonisti tagħha, ġie abrogat mill‑1 ta’ Jannar 2007 permezz tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(9)(c) tal-Liġi tal-15 ta’ Novembru 2006 li temenda, minn naħa waħda, il-liġi dwar it-taxxi tas-suċċessjoni u d-donazzjonijiet u, mill-oħra, il-liġi dwar it-taxxa fuq l-atti tad-dritt ċivili (Dz. U. Nru 222, pożizzjoni 1629, iktar ’il quddiem il-“Liġi PCC tal-2007”).

19      Dawn l-operazzjonijiet ta’ self b’hekk ġew ikkunsidrati bħala emenda tal-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-kumpannija skont l-Artikolu 1(3)(2) tal-Liġi PCC tal-2007, u ġew issuġġettati għat-taxxa b’rata uniformi ta’ 0.5 % skont l-Artikolu 7(1)(9) ta’ din il-Liġi.

 Il-leġiżlazzjoni dwar id-dazju fuq il-kapital fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2009

20      Il-liġi tas-7 ta’ Novembru 2008 (Dz. U Nru 209, pożizzjoni 1319) ittrasponiet fil-liġi Pollakka d-Direttiva 2008/7 u eżentat mit-taxxa fuq l-atti tad-dritt ċivili, self mogħti lil kumpannija b’kapital azzjonarju minn wieħed mill-membri tagħha jew mill‑azzjonisti tagħha, skont l-Artikolu 9(10)(i) ta’ din l-istess liġi.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

21      Fid-9 ta’ Lulju 2007, Logstor ROR Polska kkonkludiet mal-membru tagħha, jiġifieri Lögstor Holding A S, emenda għal kuntratt ta’ self iddatat 15 ta’ Settembru 2004, li permezz tagħha l-ammont tas-self mogħti inizjalment żdied b’EUR 2.6 miljun għal EUR 5.233 miljun. Fl-14 ta’ Awissu 2007, Logstor ROR Polska kkonkludiet mal-istess membru, kuntratt ta’ self ieħor ta’ PLN 8 miljun.

22      Skont il-leġislazzjoni Pollakka fis-seħħ fid-data tal-imsemmijin operazzjonijiet ta’ self, dawn ġew issuġġettati għat-taxxa fuq l-atti tad-dritt ċivili.

23      Billi, skont id-Direttiva 69/335, hija kienet intitolata titlob eżenzjoni mit-taxxa fuq l-atti tad-dritt ċivili fir-rigward tal-operazzjonijiet inkwistjoni, Logstor ROR Polska talbet lill-awtoritajiet tat-taxxa biex jikkonstataw l-eżistenza ta’ pagament żejjed li jikkorrispondi għall-ammont totali tat-taxxa mħallsa minnha.

24      Wara r-rifjut ta’ din it-talba u ċ-ċaħda tal-appell amministrattiv kontra dan ir‑rifjut, Logstor ROR Polska fetħet kawża quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Gliwicach (qorti amministrattiva tal-voïvode ta’ Gliwicach).

25      Huwa f’dan il-kuntest li l-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Gliwicach iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d‑domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 4(2) tad-[Direttiva 69/335] jippermetti lil Stat Membru li jintroduċi mill-ġdid, fl-1 ta’ Jannar 2007, dazju fuq il-kapital fuq self meħud minn kumpannija b’kaptial azzjonarju, jekk il-kreditur ikollu dritt għal sehem mill-qligħ tal-kumpannija, meta l-Istat Membru kien preċedentement irrinunzja għall-ġbir ta’ din it-taxxa fid-data tal-adeżjoni tiegħu [mal-Unjoni] (fl-1 ta’ Mejju 2004)?”

 Fuq id-domanda preliminari

26      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk l‑Artikolu 4(2) tad-Direttiva 69/335, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali għandux jiġi interpretat li jipprekludi lil Stat Membru milli jintroduċi mill‑ġdid, dazju fuq il-kapital fuq self meħud minn kumpannija b’kaptial azzjonarju, jekk il-kreditur ikollu dritt għal sehem mill-qligħ tal-kumpannija, meta l-Istat Membru kien preċedentement irrinunzja għall-ġbir ta’ din it-taxxa

27      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Pollakk ikkontesta quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja, il-mod kif ġiet ippreżentata l-liġi nazzjonali mill‑qorti tar-rinviju.

28      Huwa jsostni fil-fatt li ma huwiex eżatt li jiġi affermat, bħalma tagħmel il-qorti tar‑rinviju li r-Repubblika tal-Polonja kienet irrinunzjat għad-dritt li tirċievi dazju fuq il-kapital fuq l-operazzjonijiet ta’ self bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-data tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni. Skont dan il‑Gvern l‑eżenzjoni tas-self mogħti lill-kumpanniji b’kapital azzjonarju mill‑azzjonisti tagħhom, bejn l-1 Mejju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2006, kellha l-għan li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja tal-istess kapital, l‑ewwel darba meta l-azzjonist jagħti s-self lill-kumpanija u t-tieni darba fil-mument meta l-parti tas-self li ma tiġix irrimborsata tiġi kkonvertita f’azzjonijiet.

29      Huwa fil-fatt isostni, minn naħa, li, għalkemm is-self mogħti lill-kumpanniji b’kapital azzjonarju minn wieħed mill-membri jew azzjonisti kien ġie eżentat mit-taxxa fuq l-atti tad-dritt ċivili bejn is‑sena 2004 u s-sena 2006, dan ma kienx il-każ fir-rigward ta’ żidiet tal‑kapital azzjonarju li jirriżultaw mill-konverżjoni ta’ dan is-self u, min‑naħa l-oħra, li, għall-kuntrarju, il-liġi PCC tal-2007 abolixxiet it‑tassazzjoni fuq iż-żidiet tal-kapital azzjonarju li jirriżultaw mis‑self ta’ azzjonist jew ta’ membru li jkun diġà suġġett għat‑taxxa fuq l-atti tad-dritt ċivili, u fl‑istess waqt hija mill-ġdid issuġġettat għal din it-taxxa s-self mogħti lill-kumpanniji b’kapital azzjonarju mill-membri jew azzjonisti tagħhom.

30      F’dan ir-rigward, biżżejjed jingħad li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzj, skont is‑sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE li għandha tikkontesta jew tivverifika l-eżattezza tal‑interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmula mill-qorti tar‑rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 2008, Gysen, C‑449/06, Ġabra p. I-553, punt 17, u tal-11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et, C‑11/07, Ġabra p. I-6845, punt 32).

31      Għaldaqstant hemm lok, għall-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi d‑domanda magħmula lilha fuq il-bażi tal-konstatazzjoni tal‑qorti tar-rinviju li r-Repubblika tal-Polonja kienet irrinunzjat, fid-data tal‑adeżjoni tagħha mal-Unjoni, jiġifieri fl-1 ta’ Mejju 2004, għall-ġbir tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

32      Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 69/335, ċerti operazzjonijiet setgħu “sakemm kienu ġew intaxxati bir-rata ta’ 1% sal-1 ta’ Lulju 1984, jissoktaw ikunu bla ħsara [suġġetti] għad-dazju kapitali”.

33      Din id-data, li hija d-data ta’ riferiment skont l-imsemmi Artikolu 4(2) tad-Direttiva 69/335, hija applikabbli wkoll għar-Repubblika tal‑Polonja. Fil-fatt, fil-każ ta’ adeżjoni, ir-riferiment għal data prevista fid-dritt tal-Unjoni, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni kuntrarja fl‑Att ta’ Adeżjoni jew f’att ieħor tal-Unjoni, japplika wkoll għall-Istat li jaderixxi, anki jekk dik id-data tippreċedi dik tal‑adeżjoni (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, Optimus – Telecomunicações, C‑366/05, Ġabra p. I‑4985, punt 32). Fir-rigward tar-Repubblika tal‑Polonja, ma hemm l-ebda dispożizzjoni differenti f’dan ir-rigward la fl-Att dwar il‑kundizzjonijiet ta’ adeżjoni mal-Unjoni Ewropea ta’ dan l-Istat u lanqas f’xi att ieħor fl-imsemmi dritt.

34      Sa fejn l-operazzjonijiet ta’ self bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu, fl‑1 ta’ Lulju 1984, suġġetti għal tassazzjoni skont it-tifsira tal‑Artikolu 4(2) tad-Direttiva 69/335, ir-Repubblika tal-Polonja setgħet għalhekk, fid-data tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni tiddeċiedi li tkompli tissuġġetta lil dan it-tip ta’ operazzjonijiet għad‑dazju fuq il‑kapital.

35      Hija ma setgħetx, madankollu, wara li, kif jirriżulta mill-analiżi tad‑dritt nazzjonali magħmula mill-qorti tar-rinviju, irrinunzjat għal din it-taxxa fid-data tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni jew minn dakinhar ’il quddiem, tiddeċiedi li terġa’ tintroduċiha f’data wara din id‑data.

36      Fil-fatt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 69/335, li l-formulazzjoni tiegħu tirreferi għall-kunċett ta’ kontinwità, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan li jiġi limitat, jew saħansitra eliminat, id-dazju fuq il-kapital stabbilit mit-tieni u t‑tielet premessi tad-Direttiva 85/303. Fid-dawl ta’ dan il-għan, jirriżulta mill‑imsemmija tielet premessa, li huwa biss minħabba l-problemi baġitarji li kienu jiffaċċjaw, fil‑każ tal-eliminazzjoni tad-dazju fuq il-kapital, li l-Istati Membri li ma rrinunzjawx għall-ġbir tagħha setgħu jżommu din it-taxxa.

37      It-termini “[i]s-segwenti transazzjonijiet jistgħu, […] jissoktaw ikunu bla ħsara [suġġetti] għad-dazju kapitali”, li jinsabu fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 69/335, b’hekk għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimplikaw li biex l-operazzjonijiet imsemmija hemmhekk ikunu jistgħu jiġu suġġetti għad-dazju fuq il-kapital mill‑Istati Membri, kellhom mhux biss ikunu taxxabbli taħt din id-dispożizzjoni, skont id-dritt nazzjonali fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1984, iżda jridu jkunu baqgħu, sussegwentement, issuġġettati kontinwament għal tali tassazzjoni. Fil-każ kuntrarju l-Istat Membru ma jkunx jista’ jiġġustifika żamma tad-dazju fuq il‑kapital minħabba telf fid-dħul.

38      Ir-riferiment għad-data tal-1 ta’ Lulju 1984 magħmul fl-Artikolu 4(2) tad‑Direttiva 69/335 b’hekk ma jistax jikkostitwixxi għall-Istati Membri li, f’dik id-data, kienu jissuġġettaw l-operazzjonijiet inkwistjoni għad-dazju fuq il‑kapital, awtorizzazzjoni biex jerġgħu jintroduċi dan id-dazju wara li rrinunzjaw għalih, peress li dan imur kontra l-kliem ta’ din id‑dispożizzjoni u l‑għan ta’ limitazzjoni, jekk mhux tal-eliminazzjoni, tad-dazju fuq il-kapital intiż fid-direttiva.

39      Minn dan isegwi li Stat Membru li kien irrinunzja skont l-Artikolu 7(2) tad‑Direttiva 69/335, wara l-1 ta’ Lulju 1984, li jissuġġetta ċerti operazzjonijiet għal dazju fuq il-kapital ma jistax jerġa’ jistabilixxi tali tassazzjoni fuq dawn l‑istess operazzjonijiet.

40      Konsegwentement, jeħtieġ li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l‑Artikolu 4(2) tad-Direttiva 69/335 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil Stat Membru milli jintroduċi mill-ġdid, dazju fuq il‑kapital fuq self meħud minn kumpannija b’kapital azzjonarju, jekk il-kreditur ikollu dritt għal sehem mill-qligħ tal‑kumpannija, meta dan l‑Istat Membru kien preċedentement irrinunzja għall-ġbir ta’ din it‑taxxa.

 Fuq l-ispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata bid‑Direttiva tal-Kunsill 85/303/KE, tal-10 ta’ Ġunju 1985, jipprekludi lil Stat Membru milli jintroduċi mill-ġdid, dazju fuq il-kapital fuq self meħud minn kumpannija b’kapital azzjonarju, jekk il-kreditur ikollu dritt għal sehem mill-qligħ tal-kumpannija, meta dan l-Istat Membru kien preċedentement irrinunzja għall-ġbir ta’ din it-taxxa.

Firem


*Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.