Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Ottubru 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Slovakka

(Kawża C-605/17)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Javorský, L. Nicolae u G. von Rintelen, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Slovakka

Talbiet

tiddikjara li, billi ma adottatx, sal-1 ta’ Jannar 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji kollha sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2014/61/EE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja 1 , jew, fi kwalunkwe każ, nilli naqset milli tikkomunika tali dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika Slovakka, skont l-Artikolu 260(3) TFUE, għall-pagamenti ta’ penalità ta’ ammont ta’ EUR 10 036.80 kuljum mid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, minħabba ksur tal-obbligu li tikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/61/EU;

tikkundanna lir-Repubblika Slovakka għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-iskadenza għall-adozzjoni ta’ miżuri għat-traspożizzjoni tad-direttiva skadiet fl-1 ta’ Jannar 2016.

1.    Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2014/61/EU, l-Istati Membri kienu marbuta jieħdu l-miżuri nazzjonali neċessarji sabiex jimplementaw tali direttiva sal-1 ta’ Jannar 2016. Peress li ma rċevietx mir-Repubblika Slovakka konferma tat-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2014/61/UE imsemmija iktar ʼil fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tmur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

2.    Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob li r-Repubblika Slovakka tiġi kkundannata għal pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 10 036.80 kuljum. L-ammont ta’ dawn il-pagamenti ta’ penalità ġie kkalkulat fid-dawl tal-gravità u t-tul tal-ksur u l-effett ta’ deterrent skont il-kapaċità finanzjarja ta’ tali Stat Membru.

____________

1 ĠU L 155, 23.5.2015, p. 1.