Language of document : ECLI:EU:T:2017:487

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

13 ta’ Lulju 2017 (*)

“Suq intern – Deċiżjoni tal-EUIPO li tiċħad talba għall-inklużjoni fil-lista ta’ rappreżentanti professjonali – Kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ post tan-negozju fl-Unjoni – Artikolu 93(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE – Interpretazzjoni konformi”

Fil-Kawża T-527/14,

Paul Rosenich, residenti fi Triesenberg (il-Liechtenstein), irrappreżentat minn A. von Mühlendahl u C. Eckhartt, avukati,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat inizjalment minn G. Schneider, sussegwentement minn D. Walicka, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, tad-29 ta’ April 2014 (Każ R 2063/2012‑4), dwar ir-rifjut tal-EUIPO li jinkludi lir-rikorrent fil-lista tar-rappreżentanti professjonali prevista fl-Artikolu 93 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn A. Dittrich, President, J. Schwarcz (Relatur) u V. Tomljenović, Imħallfin,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Lulju 2014,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Diċembru 2014,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Marzu 2015,

wara li rat il-kontroreplika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Mejju 2015,

wara s-seduta tal-14 ta’ Jannar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Ftehim dwar iż-ŻEE

1        L-Artikolu 1 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), li daħal fis-seħħ fil-Liechtenstein fl-1 ta’ Mejju 1995 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill taż-ŻEE Nru 1/95, tal-10 ta’ Marzu 1995, dwar id-dħul fis-seħħ tal-[Ftehim ŻEE] għall-Prinċipat tal-Liechtenstein (ĠU 1995, L 86, p. 58) jipprovdi:

“L-iskop ta’ dan il-Ftehim ta’ assoċjazzjoni hu li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bilanċjat tal-kummerċ u tar-relazzjonijiet ekonomici bejn il-Partijiet Kontraenti b’kondizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni, u l-osservanza ta’ l-istess regoli, bil-ħsieb li tinħoloq Żona Ekonomika Ewropea omoġenea, minn hawn ’il quddiem imsejħa ŻEE.”

2        Skont l-Artikolu 2 tal-Ftehim ŻEE:

“Għall-għanijiet ta’ dan il-Ftehim:

a)      il-kelma ‘Ftehim’ tfisser il-Ftehim principali, il-Protokolli u l-Annessi tieghu kif ukoll l-atti msemmijin fih;

[…]”

3        Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Ftehim ŻEE, l-Artikolu 6 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ omoġenejtà bil-mod segwenti:

“Mingħajr preġudizzju ghal żviluppi futuri tal-ġurisprudenza, d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, sa fejn huma identiċi fis-sustanza għar-regoli korrispondenti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u għall-atti adottati fl-applikazzjoni taż-żewġ Trattati, għandhom, fl-implimentazzjoni u fl-applikazzjoni tagħhom, jiġu interpretati b’konformità mad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej mogħtija qabel id-data tal-firma ta’ dan il-Ftehim.”

4        L-Artikolu 7 tal-Ftehim ŻEE jipprovdi:

“L-atti msemmijin jew li hemm fl-Annessi ta’ dan il-Ftehim jew fid-deċiżjonijiet tal-Kumitat Kongunt taż-ŻEE għandhom jorbtu lill-Partijiet Kontraenti u jkunu, jew jiġu magħmula, parti mill-ordni intern legali kif gej:

a)      att li jikkorrispondi għal regolament KEE għandu bħala tali jsir parti mill-ordni intern legali tal-Partijiet Kontraenti; […]”

5        L-Artikolu 36(1) tal-Ftehim ŻEE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jipprovdi:

“Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, ma għandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni ghal-libertà li wieħed jipprovdi servizzi fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti rigward ċittadini ta’ l-Istati Membri tal-[Unjoni Ewropea] u l-Istati ta’ l-[Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles] li huma stabbiliti fi Stat Membru tal-[Unjoni] jew Stat ta’ l-EFTA, hlief dawk tal-persuna li għaliha s-servizzi huma intenzjonati.”

6        L-Artikolu 65(2) tal-Ftehim ŻEE jipprevedi:

“Il-Protokoll Nru 28 u l-Anness XVII fihom dispożizzjonijiet u arranġamenti speċifiċi dwar proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali, li, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw għall-prodotti u s-servizzi kollha.”

7        Il-Protokoll 1 tal-Ftehim ŻEE dwar l-adattamenti orizzontali jindika:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ l-atti msemmijin fl-Annessi tal-Ftehim għandhom japplikaw skond il-Ftehim u dan il-Protokoll, sakemm ma jkunx provdut mod ieħor fl-Anness rispettiv. L-adattamenti speċifiċi li huma neċessarji għal atti individwali huma mniżżla fl-Anness fejn ikun elenkat l-att ikkonċernat.

[…]

8.      REFERENZI GĦAL TERRITORJI

Kull meta atti msemmija jkun fihom referenzi għat-territorju tal-‘Komunità’ jew tas-‘suq komuni’ r-referenzi għandhom għall-finijiet tal-Ftehim jinftiehmu bhala referenzi għat-territorji tal-Partijiet Kontraenti kif imfissra fl-Artikolu 126 tal-Ftehim.”

8        Skont l-Anness XVII tal-Ftehim ŻEE, meta l-atti li għalihom jirreferi dan l-anness jinkludu kunċetti jew jagħmlu riferiment għal proċeduri li huma speċifiċi għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll 1 dwar l-adattamenti orizzontali għandu japplika, sakemm l-imsemmi anness ma jispeċifikax mod ieħor. F’dan ir-rigward, dan ma jsemmix ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), u qatt ma semma lanqas ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, L 11, p. 1), li tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 207/2009.

 Ir-Regolament Nru 207/2009

9        L-Artikolu 93(1) sa (3) tar-Regolament Nru 207/2009, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ meta seħħew il-fatti, jipprevedi:

“1.      Ir-rappreżentanza ta’ persuni naturali jew ġuridiċi quddiem l-Uffiċċju tista’ ssir biss minn:

[…]

(b)      rappreżentanti professjonali li l-ismijiet tagħhom jidhru fil-lista aġġornata għal dan l-iskop mill-Uffiċċju. […]

[…]

2.      Kull persuna naturali li tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin tista’ titniżżel fil-lista ta’ rappreżentanti professjonali:

a)      għandha tkun persuna ta’ nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri;

b)      għandha jkollha post ta’ kummerċ jew ta’ impjieg ġewwa l-Komunità;

c)      għandha tkun intitolata li tirrapreżenta persuni naturali jew legali f’materji dwar trade mark quddiem l-uffiċċju ċentrali tal-proprjetà industrijali ta’ Stat Membru […]

3.      L-inklużjoni fil-lista għandha tiġi effettwata wara li ssir talba, li magħha għandu jintbagħat ċertifikat maħruġ mill-uffiċċju ċentrali ta’ proprjetà industrijali tal-Istat Membru konċernat, li għandu jindika li l-kondizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 2 huma sodisfatti.”

10      Permezz tal-Artikolu 1(87) tar-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU 2015, L 341, p. 21), l-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 207/2009 ġie ssostitwit permezz tad-dispożizzjonijiet segwenti, li minn issa ’l quddiem jirreferu għat-territorju taż-ŻEE:

“Kull persuna fiżika li tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin tista’ titniżżel fil-lista ta’ rappreżentanti professjonali:

a)      tkun ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri taż-[ŻEE];

b)      ikollha l-post tan-negozju jew ta’ impjieg tagħha ġewwa ż-[ŻEE];

c)      tkun intitolata li tirrappreżenta persuni fiżiċi jew ġuridiċi fi kwistjonijiet ta’ trademarks quddiem l-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intellettwali jew quddiem l-uffiċċju ċentrali li jittratta l-proprjetà industrijali ta’ Stat Membru taż-[ŻEE] […]”

11      Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/2424, dawn l-emendi daħlu fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2016.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

12      Ir-rikorrent, Paul Rosenich, ta’ nazzjonalità Awstrijaka, rappreżentant professjonali quddiem l-Österreichisches Patentamt (uffiċċju tal-privattivi Awstrijak), imexxi uffiċċju ta’ konsulenza dwar il-privattivi fil-post tan-negozju tiegħu, li jinsab fil-Liechtenstein.

13      Fis-17 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrent ressaq talba għall-inklużjoni fil-lista tar-rappreżentanti professjonali quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont l-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

14      B’deċiżjoni tas-7 ta’ Settembru 2012, id-Direttur tad-dipartiment “Appoġġ għall-Operat” tal-EUIPO fil-kapaċità tiegħu bħala membru tad-diviżjoni tal-amministrazzjoni tat-trade marks u disinni u tal-kwistjonijiet legali, ċaħad l-imsemmija talba minħabba li r-rikorrent ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ post tan-negozju fi ħdan l-Unjoni meħtieġa mill-Artikolu 93(2)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

15      Fis-7 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrent appella minn din id-deċiżjoni.

16      B’deċiżjoni tad-29 ta’ April 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell ċaħad dan l-appell.

17      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell ċaħad l-argument tar-rikorrent li, essenzjalment, skont l-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 207/2009, kull persuna awtorizzata tirrappreżenta klijent quddiem uffiċċju nazzjonali hija awtomatikament awtorizzat tirrappreżentah ukoll quddiem l-EUIPO, “peress li l-awtorizzazzjoni ta’ rappreżentanza quddiem uffiċċju nazzjonali tikkostitwixxi l-punt ta’ rabta li jippermetti li jkun magħruf liema waħda mir-regoli tal-Artikolu 93(2)(c) tar- [Regolament Nru 207/2009] tapplika”.

18      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-argument li r-riferiment ġeografiku għall-Unjoni għandu jiġi ssostitwit b’riferiment ġeografiku għal Stat Membru taż-ŻEE ma kienx jirriżulta mill-Ftehim ŻEE, peress li r-Regolament Nru 207/2009 ma huwiex indikat fl-Anness XVII tiegħu, fatt li konsegwentement kien ifisser b’mod partikolari li l-Protokoll 1 tal-imsemmi ftehim dwar l-adattamenti orizzontali ma kienx japplika għalih. Huwa speċifika li, għalkemm l-Anness XVII kien jagħmel riferiment għad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25), dan kien biss sa fejn, għall-finijiet tal-“prinċipju tal-eżawriment tad-drittijiet tat-trade mark” fil-livell tal-Unjoni, ir-riferiment għal rilaxx għal ċirkulazzjoni fl-Unjoni kien ġie ssostitwit b’riferiment għal rilaxx għal ċirkulazzjoni fi Stat Membru taż-ŻEE. Din id-dispożizzjoni taffettwa l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 207/2009. Fir-rigward tal-Protokoll 28 tal-Ftehim ŻEE, lanqas dan ma jinkludi dispożizzjoni rilevanti għall-każ inkwistjoni.

19      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi previsti fid-dritt taż-ŻEE, il-Bord tal-Appell qies li l-provvista ta’ servizzi ma kinitx ristretta bid-dispożizzjoni kontenzjuża, peress li l-konsulenza mogħtija, bi ħlas, mir-rikorrent mil-Liechenstein lil klijenti stabbiliti fl-Unjoni ma hijiex effettwata bl-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 207/2009. Għalhekk, ir-rikorrent ma huwa suġġett għal ebda restrizzjoni fl-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu ta’ konsulenza dwar il-privattivi minbarra dik li impona fuqu nnifsu. Il-Bord tal-Appell enfasizza, f’dan is-sens, li l-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE kien jirreferi għal dispożizzjonijiet partikolari applikabbli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi indikati fl-Annessi IX sa XI tal-Ftehim ŻEE, li ma jsemmux id-dritt ta’ rappreżentanza.

20      Skont il-Bord tal-Appell, l-Artikoli 92 u 93 tar-Regolament Nru 207/2009 huma intiżi sabiex jiżguraw li r-rappreżentanti quddiem l-EUIPO jkollhom ċerta kwalifika u li l-EUIPO jikkomunika biss ma’ partijiet jew rappreżentanti li jkollhom indirizz fi ħdan l-Unjoni.

21      Fir-raba’ lok, l-Artikolu 4 tal-Ftehim ŻEE, li jipprojbixxi d-diskriminazzjonijiet bbażati fuq in-nazzjonalità, ma huwiex rilevanti f’dan il-każ, peress li r-rikorrent għandu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-Unjoni u r-rifjut tal-inklużjoni ma huwiex ibbażat fuq din ir-raġuni.

22      Il-Bord tal-Appell irrileva wkoll li d-dritt tal-Liechtenstein fil-qasam ta’ rappreżentanza ma kienx jirrikonoxxi reċiproċità, iżda kien jipprevedi li proprjetarju barrani ta’ trade mark ippreżentata quddiem l-Amt für Volkswirtschaft (uffiċċju tal-proprjetà intellettwali, il-Liechtenstein) għandu jqabbad avukut jew konsulent dwar il-privattivi tal-Liechtenstein bħala rappreżentant.

23      Fil-ħames u fl-aħħar lok, il-Bord tal-Appell qies li l-EUIPO ma setax jonqos milli japplika dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 minħabba li din ma tkunx konformi ma’ regola ta’ livell superjuri. Il-Qorti tal-Ġustizzja biss tista’ tagħmel dan. Bl-istess mod, interpretazzjoni konformi mas-sens u mal-għan tar-regoli ta’ livell superjuri tista’ tkun prevista biss sa fejn l-Artikolu 93(2)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 jkun ifformulat b’mod ċar u inekwivoku.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Lulju 2014, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

25      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla d-deċiżjoni tad-Direttur tad-dipartiment “Appoġġ għall-Operat” tal-EUIPO tas-7 ta’ Settembru 2012;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

26      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

27      Fl-20 ta’ Novembru 2015, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) stiednet lill-EUIPO jippreżentalha ċerti dokumenti li huma ta’ natura li jiċċaraw, minn naħa, ir-relazzjoni bejn ir-Regolamenti Nri 40/94 u 207/2009 u l-Ftehim ŻEE u, min-naħa l-oħra, in-natura tar-rappreżentanza professjonali fil-qasam tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea. L-EUIPO wieġeb permezz b’ittra tas-7 ta’ Diċmbru 2015. B’ittra tat-22 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrent irreaġixxa għal din it-tweġiba.

28      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura. It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-14 ta’ Jannar 2016.

29      B’teħid inkunsiderazzjoni tal-emenda għall-Artikolu 93(2)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara l-punti 10 u 11 iktar ’il fuq), il-partijiet indikaw waqt is-seduta li s-suġġett tar-rikors kien jisparixxi jekk ir-rikorrent kien inkluż fil-lista tar-rappreżentanti professjonali inkwistjoni wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2015/2424.

30      Konsegwentement, fit-tmiem tas-seduta, il-Qorti Ġenerali ma għalqitx il-fażi orali tal-proċedura u talbet lill-partijiet jinformawha qabel il-15 ta’ April 2016 jekk ir-rikorrent kienx ġie effettivament inkluż f’din il-lista.

31      B’ittri tal-14 u tal-15 ta’ April 2016, ir-rikorrent u l-EUIPO indikaw li r-rikorrent ma kienx għadu ġie inkluż fil-lista tar-rappreżentanti professjonali u li kienu ser jinformaw lill-Qorti Ġenerali dwar l-eventwali għeluq tal-proċedura ta’ inklużjoni.

32      B’ittra tas-16 ta’ Ġunju 2016, l-EUIPO informa lill-Qorti Ġenerali li r-rikorrent kien intalab, għat-tieni darba, jipproduċi ċertifikat reċenti konformement mal-Artikolu 93(3) tar-Regolament Nru 207/2009 u li, fin-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ dan id-dokument, ma setax jiġi inkluż fil-lista tar-rappreżentanti professjonali.

33      Il-Qorti Ġenerali tat lir-rikorrent terminu sal-24 ta’ Awwissu 2016 sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din l-ittra.

34      B’ittra tal-24 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrent informa lill-Qorti Ġenerali li ma kienx għadu ġie inkluż fil-lista inkwistjoni. Huwa ppreżenta wkoll lill-Qorti Ġenerali l-iskambji ta’ korrispondenza tiegħu mal-EUIPO.

35      Filwaqt li rrikonoxxiet l-assenza ta’ inklużjoni tar-rikorrent fil-lista tar-rappreżentanti professjonali u filwaqt li qieset li soluzzjoni tal-kwistjoni bejn il-partijiet kienet improbabbli, fis-6 ta’ Settembru 2016, il-Qorti Ġenerali għalqet il-fażi orali tal-proċedura.

 Id-dritt

36      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 207/2009, hekk kif, fil-fehma tiegħu, kellu jiġi interpretat fid-dawl tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita fi ħdan iż-ŻEE bis-saħħa tal-Ftehim ŻEE.

37      Ir-rikorrent isostni li l-Ftehim ŻEE għandu b’mod partikolari l-għan li titwettaq bl-iktar mod sħiħ possibbli l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li għandha, skont il-ġurisprudenza (ara s-sentenzi tal-1 ta’ April 2004, Bellio F.lli, C-286/02, EU:C:2004:212, punti 34 u 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-28 ta’ Ottubru 2010, Établissements Rimbaud, C-72/09, EU:C:2010:645, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata), tiġi interpretata u applikata bl-istess mod bħal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita bejn l-Istati Membri tal-Unjoni. Issa, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-fatt li jkun meħtieġ li aġent tal-privattivi, diġà stabbilit u awtorizzat fi Stat Membru ieħor u li jixtieq jipprovdi servizzi, ikollu residenza jew post tan-negozju stabbli fl-Istat Membru ospitanti kien jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu għanijiet bħall-possibbiltà li tiġi ddeterminata l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni territorjali fil-każ ta’ kontestazzjoni fir-rigward ta’ privattiva rreġistrata fl-Istat Membru ospitanti kif ukoll dak li jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (sentenzi tat-13 ta’ Frar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-131/01, EU:C:2003:96, punti 42 sa 45, u tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-564/07, mhux ippubblikata, EU:C:2009:364, punti 47 sa 53). Konsegwentement, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iggarantita mill-Ftehim ŻEE u interpretata bħala dritt individwalment u direttament applikabbli, twassal jew għall-ineffettività tad-dispożizzjonijiet adottati mill-partijiet kontraenti tal-Ftehim ŻEE, li jikkundizzjonaw il-libertà li tiġi eżerċitata professjoni fid-domiċilju jew fis-sede fl-Unjoni, jew għall-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet b’tali mod li post tan-negozju fi Stat Membru taż-ŻEE jkun biżżejjed.

38      L-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim ŻEE jorbtu mhux biss l-Istati Membri tal-Unjoni, iżda wkoll l-Unjoni nnifisha, li l-istituzzjonijiet u l-organi tagħha huma direttament obbligati josservaw il-libertajiet fundamentali stabbiliti f’dan il-ftehim, bħalma hija l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

39      Ir-rikorrent isostni li l-fatt li r-Regolament Nru 207/2009 ma huwiex speċifikament imsemmi fl-istrumenti tal-Ftehim ŻEE, b’mod partikolari fil-Protokoll 28 tal-Anness XVII, ma jqegħidx inkwistjoni din il-konklużjoni. L-Artikolu 1(2) tal-Protokoll 28 tal-Ftehim ŻEE, li jipprovdi li l-partijiet kontraenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jipprekludi r-rekwiżit ta’ post tan-negozju fl-Unjoni. Barra minn hekk, huwa ġeneralment irrikonoxxut li l-ewwel rilaxx għal ċirkulazzjoni fi Stat taż-ŻEE jwassal għall-eżawriment tad-drittijiet ġewwa l-Unjoni.

40      Bħala risposta għall-EUIPO, qabelxejn, ir-rikorrent jispeċifika li, skont id-dritt tal-Liechtenstein, il-konsultenti dwar il-privattivi kkwalifikati fi Stat Membru taż-ŻEE huma awtorizzati, għat-twettiq ta’ ċerti formalitajiet, jeżerċitaw attività transkonfinali ta’ konsulenza u ta’ rappreżentanza fil-Liechtenstein. Id-dritt tal-Liechtenstein jikkorrispondi f’dan ir-rigward f’kull parti għar-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, anki fl-assenza ta’ reċiproċità, l-applikazzjoni diretta tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE ma tistax tiġi kkontestata.

41      Sussegwentement, minn naħa, ir-rikorrent iqis li l-argument tal-EUIPO li l-obbligu tas-sede professjonali fit-territorju tal-Unjoni huwa ġġustifikat minħabba raġunijiet ta’ responsabbiltà u ta’ protezzjoni tal-parti l-oħra fil-proċeduri bilaterali huwa ġdid u, għaldaqstant, inammissibbli. Min-naħa l-oħra, għalkemm ir-rekwiżit li tiġi prodotta, skont il-każ, il-prova tas-sottoskrizzjoni ta’ assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili professjonali ma jmurx kontra l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, filwaqt li d-dritt tal-Liechtenstein jimponi barra minn hekk fuq il-konsulenti s-sottoskrizzjoni ta’ tali assigurazzjoni, dan ma jistax jiġġustifika, fih innifsu, il-ħtieġa ta’ post tan-negozju fl-Unjoni.

42      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent iqis li billi, skont l-Artikolu 19(4) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-avukati awtorizzati jeżerċitaw f’pajjiż taż-ŻEE huma awtorizzati jeżerċitaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma teżisti ebda raġuni għalfejn dispożizzjonijiet iktar stretti għandhom japplikaw għar-rappreżentanza quddiem l-EUIPO, meta dan huwa suġġett għal regoli ta’ livell inferjuri.

43      L-EUIPO jsostni li r-rikorrent qiegħed jitlob in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 93(2)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 minħabba l-ksur ta’ regola ta’ livell superjuri, jiġifieri l-Ftehim ŻEE. Issa, filwaqt li jirreferi għas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Kik vs UASI (Kik) (T-120/99, EU:T:2001:189, punt 55), l-EUIPO jsostni li ma għandux il-kompetenza sabiex jiddeċiedi li jastjeni milli japplika regola li l-formulazzjoni tagħha hija ċara mingħajr ma jikser il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ legalità.

44      L-EUIPO jqis ukoll li l-ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrent ma juri li r-referenza ġeografika għall-Unjoni magħmula fl-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 207/2009 għandha tiġi interpretata bħala riferiment għaż-ŻEE, peress li l-Anness XVII tal-Ftehim ŻEE ma jsemmix li dan ir-regolament jagħmel parti mill-atti li għalihom japplika l-Protokoll 1 ta’ dan il-ftehim.

45      Għalkemm l-Artikolu 1(2) tal-Protokoll 28 ta’ dan il-ftehim jinkludi obbligu għall-Unjoni sabiex tadatta d-dispożizzjonijiet legali tagħha, b’mod partikolari l-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 207/2009, tali obbligu ma jorbotx lill-EUIPO, iżda lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) jew lill-Kummissjoni Ewropea.

46      Skont l-EUIPO, anki fl-ipoteżi li r-rekwiżit ta’ post tan-negozju fl-Unjoni għar-rappreżentanti professjonali għandu jiġi analizzat bħala restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi ħdan iż-ŻEE, dan ikun iġġustifikat għal raġunijiet ta’ dritt tar-responsabbiltà u għall-protezzjoni tal-parti l-oħra fil-proċeduri bilaterali.

47      L-EUIPO jallega wkoll li l-osservazzjonijiet tar-rikorrent dwar ir-reċiproċità tad-dritt tal-Liechtenstein ippreżentati fir-replika jikkostitwixxu argumenti ġodda u, għaldaqstant, inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, ma teżisti ebda reċiproċità sa fejn id-dritt tal-Liechtenstein jipprevedi biss eżerċizzju “temporanju” u “transkonfinali” tal-attività ta’ konsulenza dwar il-privattivi filwaqt li r-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi rappreżentanza permanenti u eżerċitata fil-pajjiż Membru li fih ir-rappreżentant għandu l-post tan-negozju tiegħu. L-EUIPO jispeċifika madankollu li r-riferiment għas-sitwazzjoni ġuridika fil-Liechtenstein fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata huwa intenzjonat biss juri l-fatt li l-leġiżlatur tal-Liechtenstein ma jevalwax is-sitwazzjoni legali b’mod differenti mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm ir-Regolament Nru 207/2009 jinkludi l-kliem “Test b’rilevanza għaż-ŻEE”, ir-rikorrent ma jikkontestax il-fatt li la l-Ftehim ŻEE u lanqas il-protokolli jew l-annessi tiegħu ma jagħmlu riferiment għalih.

49      Għalhekk u b’applikazzjoni tal-Artikolu 2(a) tal-Ftehim ŻEE, li jiddefinixxi lil dan il-ftehim bħala “il-Ftehim principali, il-Protokolli u l-Annessi tieghu kif ukoll l-atti msemmijin fih”, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 207/2009 ma huwiex parti mill-Ftehim ŻEE.

50      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod korrett li l-punt 8 tal-Protokoll 1 tal-Ftehim ŻEE, li jagħmel riferiment għalih l-Anness XVII ta’ dan tal-aħħar u li jipprovdi “[k]ull meta atti msemmija jkun fihom referenzi għat-territorju tal-[Unjoni] jew tas-‘suq komuni’ r-referenzi għandhom għall-finijiet tal-Ftehim jinftiehmu bħala referenzi għat-territorji tal-Partijiet Kontraenti kif imfissra fl-Artikolu 126 tal-Ftehim”, ma japplikax għal dan il-każ.

51      Madankollu, permezz tal-argumenti tiegħu, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 93(2)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, hekk kif, fil-fehma tiegħu, kellu jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fil-Ftehim ŻEE. Fil-każ li tali interpretazzjoni konformi ma tkunx possibbli, ir-rikorrent iqis li l-kundizzjoni kontenzjuża dwar l-istabbiliment fl-Unjoni, prevista minn din id-dispożizzjoni, kellha tiġi skartata bħala illegali, favur applikazzjoni diretta tal-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi fi ħdan iż-ŻEE, li minnu jirriżulta li ma tista’ teżisti f’dan il-qasam l-ebda restrizzjoni, jew diskriminazzjoni, tal-persuni stabbiliti barra mit-territorju tal-Unjoni, iżda fi Stat tal-EFTA, li jagħmel parti miż-ŻEE, bħal ma huwa l-Liechtenstein. Huwa jqajjem għalhekk eċċezzjoni ta’ illegalità fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE.

52      Jirriżulta mill-Artikolu 216(2) TFUE li l-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri.

53      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehimiet jifformaw parti integrali, sa mid-dħul fis-seħħ tagħhom, mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenzi tat-30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73, EU:C:1974:41, punt 5; tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punti 73 u 79, u tat-18 ta’ Marzu 2014, Z., C-363/12, EU:C:2014:159, punt 73).

54      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li s-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq it-testi tad-dritt idderivat tal-Unjoni teżiġi li dawn tal-aħħar jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, inkonformità ma’ dawn il-ftehimiet (sentenza tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-61/94, EU:C:1996:313, punt 52).

55      Jirriżulta wkoll minn ġurisprundenza stabbilita sew li d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bħal dan jistgħu joħolqu effett dirett jekk ikunu inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Frar 1976, Conceria Bresciani, 87/75, EU:C:1976:18, punt 25, u tas-26 ta’ Ottubru 1982, Kupferberg, 104/81, EU:C:1982:362, punt 23). Madankollu, sabiex il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ twettaq eżami tal-inkompatibbiltà allegata ta’ att tal-Unjoni mad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bħal dan, jeħtieġ ukoll li n-natura u l-istruttura tiegħu ma jkunux jipprekludu dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni, C-612/13 P, EU:C:2015:486, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Fir-rigward tal-Ftehim ŻEE, il-qorti tal-Unjoni diġà kkonfermat li d-dispożizzjonijiet tiegħu, inklużi dawk li jirrigwardaw il-Liechtenstein, jifformaw parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 2010, Établissements Rimbaud, C-72/09, EU:C:2010:645, punti 13 u 19, u tat-22 ta’ Jannar 1997, Opel Austria vs Il-Kunsill, T-115/94, EU:T:1997:3, punt 101).

57      Skont il-ħames paragrafu tal-preambolu tiegħu, il-Ftehim ŻEE huwa intiż b’mod partikolari li jikseb bl-iktar mod komplet possibbli l-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital fiż-ŻEE kollha, b’tali mod li s-suq intern maħluq fit-territorju tal-Unjoni jiġi estiż għall-Istati tal-EFTA (ara s-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, Établissements Rimbaud, C-72/09, EU:C:2010:645, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C-431/11, EU:C:2013:589, punt 50).

58      F’dan ir-rigward, ir-regoli li japplikaw għar-relazzjonijiet bejn il-partijiet kontraenti fl-oqsma koperti mill-Ftehim ŻEE huma, essenzjalment, dawk tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tat-Trattat FUE u tal-atti adottati fl-applikazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 1997, Opel Austria vs Il-Kunsill, T-115/94, EU:T:1997:3, punt 107).

59      Taħt dan l-aspett, diversi dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE huma intiżi li jiggarantixxu interpretazzjoni kemm jista’ jkun uniformi ta’ dan il-ftehim fiż-ŻEE kollha. F’dan il-kuntest hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tiżgura li r-regoli tal-Ftehim ŻEE essenzjalment identiċi għal dawk tat-Trattat FUE jiġu interpretati b’mod uniformi fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 2010, Établissements Rimbaud, C-72/09, EU:C:2010:645, punt 20, u tat-22 ta’ Jannar 1997, Opel Austria vs Il-Kunsill, T-115/94, EU:T:1997:3, punti 106 sa 108).

60      F’dan il-każ, ir-rikorrent jixtieq joffri s-servizzi tiegħu bħala rappreżentant professjonali quddiem l-EUIPO, filwaqt li jibqa’ stabbilit fil-Liechtenstein. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li attività bħal din tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif prevista mill-Ftehim ŻEE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑131/01, EU:C:2003:96, punti 21 sa 25).

61      Issa, diġà ġie deċiż li r-regoli li jipprojbixxu restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi msemmija fl-Artikolu 36(1) tal-Ftehim ŻEE għandhom l-istess portata ġuridika bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 56 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ippreċiżat li, fil-qasam ikkunsidrat, ir-regoli stabbiliti mill-Ftehim ŻEE u dawk stabbiliti mit-Trattat FUE għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi (sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-522/04, EU:C:2007:405, punti 45 u 46, u tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-153/08, EU:C:2009:618, punt 48).

62      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat dan il-prinċipju billi indikat li l-ġurisprudenza tal-Unjoni, dwar restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment fi ħdan l-Unjoni, ma tistax tiġi kompletament trasposta għal-libertajiet iggarantiti mill-Ftehim ŻEE, peress li dawn tal-aħħar jiġu eżerċitati f’kuntest legali differenti (ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-261/11, mhux ippubblikata, EU:C:2013:480, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Madankollu, f’din il-kawża, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li la l-Bord tal-Appell u lanqas l-EUIPO ma sostnew u, inqas u inqas, ma wrew li l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tar-rappreżentanza quddiem l-uffiċċji tal-proprjetà intellettwali kien jaqa’ f’dan il-każ f’kuntest ġuridiku distint, fatt li jkollu bħala konsegwenza li l-ġurisprudenza rilevanti tal-Unjoni dwar restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi ħdan l-Unjoni ma tkunx tista’ tiġi kompletament trasposta għal din l-istess libertà ggarantita mill-Ftehim ŻEE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-591/13, EU:C:2015:230, punt 82).

64      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjoni dwar post tan-negozju fl-Unjoni msemmija fl-Artikolu 93(2)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, kif interpretata mill-Bord tal-Appell, jiġifieri li l-kelma “Komunità” ma tistax tirriferi għaż-ŻEE, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 36(1) tal-Ftehim ŻEE, li jistabbilixxi fuq il-livell taż-ŻEE l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

65      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-Artikolu 56 TFUE, li jistabbilixxi, bħall-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, huwa suffiċjentement preċiż u inkundizzjonali sabiex ikollu effett dirett (sentenzi tat-3 ta’ Diċembru 1974, van Binsbergen, 33/74, EU:C:1974:131, punt 27, u tal-14 ta’ Lulju 1976, Donà, 13/76, EU:C:1976:115, punt 20). Fir-rigward tan-natura u tal-istruttura tal-Ftehim ŻEE, la l-Bord tal-Appell u lanqas l-EUIPO ma ressqu argumenti li jistgħu juru li dan ma jistax jiġi invokat direttament mill-individwi. Għall-kuntrarju, din il-possibbiltà tirriżulta mit-tmien paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim ŻEE, li jenfasizza l-importanza tar-rwol li l-individwi għandhom fiż-ŻEE permezz tal-eżerċizzju tad-drittijiet li jagħtihom dan il-ftehim u permezz tal-protezzjoni ġudizzjarja ta’ dawn id-drittijiet. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà wettqet stħarriġ tal-kompatibbiltà ta’ att tal-Unjoni fir-rigward tal-Ftehim ŻEE (sentenza tal-1 ta’ April 2004, Bellio F.lli, C-286/02, EU:C:2004:212, punti 57 sa 63).

66      L-Artikolu 56 TFUE jeżiġi mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni kontra l-fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta din hija ta’ natura li tipprojbixxi, tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, li fih dan jipprovdi servizzi simili b’mod legali (ara s-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Peñarroja Fa, C-372/09 u C-373/09, EU:C:2011:156, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatt li jkun meħtieġ li aġent tal-privattivi awtorizzat quddiem l-uffiċċju tal-privattivi fi Stat Membru ieħor u li jixtieq jipprovdi servizzi jkollu post tan-negozju stabbli fl-Istat Membru ospitanti, jew li huwa jindika aġent domiċiljarju, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-131/01, EU:C:2003:96, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċutata; sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-564/07, mhux ippubblikata, EU:C:2009:364, punt 47).

68      Il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 93(2)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 kif interpretata mill-Bord tal-Appell, tikkostitwixxi għalhekk restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi ħdan iż-ŻEE.

69      Madankollu, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew jagħmlu l-eżerċizzju tad-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE inqas attraenti huma kkunsidrati bħala kompatibbli miegħu jekk jissodisfaw erba’ kundizzjonijiet, jiġifieri għandhom japplikaw b’mod mhux diskriminatorju; għandhom ikunu ġġustifikati minn rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali; għandhom ikunu adattati sabiex jiggarantixxu l-kisba tal-għan li huma jfittxu li jilħqu u ma għandhomx immorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jinkiseb (sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C-55/94, EU:C:1995:411, punt 37, u tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-564/07, mhux ippubblikata, EU:C:2009:364, punt 31).

70      Fl-ewwel lok, fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li l-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 207/2009 kien jiggarantixxi, minn naħa, li l-persuni li l-attività professjonali tagħhom tikkonsisti fir-rappreżentattività ta’ terzi quddiem l-EUIPO jkollhom kwalifika professjonali, li d-definizzjoni tagħha tvarja skont l-Istat Membru, u, min-naħa l-oħra, moqri flimkien mal-Artikolu 92 ta’ dan l-istess regolament, li l-EUIPO għandu jikkomunika biss ma’ partijiet jew rappreżentanti li jkollhom indirizz fl-Unjoni. Ir-rikorrent, li għandu l-post tan-negozju tiegħu fil-Liechtenstein, ma jistax jissodisfa din il-kundizzjoni.

71      Fir-rigward tal-ewwel għan, jiġifieri dak relatat ma’ kwalifika professjonali, l-EUIPO ma spjegax kif post tan-negozju fl-Unjoni jiggarantixxi kwalifika aħjar minn post tan-negozju fi Stat tal-EFTA li jagħmel parti miż-ŻEE. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, sabiex jintlaħaq dan il-għan, teżisti miżura inqas restrittiva minn dik li hija s-suġġett ta’ din it-tilwima, jiġifieri r-rekwiżit ta’ prova tal-kwalifika professjonali.

72      Fir-rigward tat-tieni għan, dan jista’ jiġi assimilat għall-ħtieġa li jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura. Għalhekk, dan jista’ jiġi invokat bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-564/07, mhux ippubblikata, EU:C:2009:364, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Madankollu, ir-rekwiżit ta’ post tan-negozju fit-territorju tal-Unjoni, kif previst fl-Artikolu 93(2)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, kif interpretat mill-Bord tal-Appell, imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan. Huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-mezzi attwali ta’ komunikazzjoni elettronika jippermettu lir-rappreżentanti professjonali jikkomunikaw b’mod xieraq mal-EUIPO. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li jeżistu diversi mezzi tekniċi, bħall-faks, il-posta elettronika, jew mezzi informatiċi (programmi) online, jiġifieri l-e-filing, li jippermettu li tiġi żgurata t-trażmissjoni ta’ dokumenti bejn l-EUIPO u l-persuni kkonċernati.

74      Fit-tieni lok, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, l-EUIPO sostna li r-rekwiżit ta’ post tan-negozju fl-Unjoni huwa ġġustifikat fl-interess tal-ġustizzja, jiġifieri għal raġunijiet ta’ dritt tar-responsabbiltà u għall-protezzjoni tal-parti l-oħra fil-proċeduri bilaterali.

75      Dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

76      Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tal-għan relatat mad-dritt tar-responsabbiltà, fl-argument tiegħu l-EUIPO jillimita ruħu jagħmel riferiment għall-punti 22 et seq tas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-564/07, mhux ippubblikata, EU:C:2009:364), li jirrigwardaw l-obbligu ta’ assigurazzjoni professjonali. Madankollu, l-obbligu ta’ residenza, waħdu, ma jippermettix li jiġi żgurat li r-rappreżentanti professjonali għandhom assigurazzjoni professjonali suffiċjenti, filwaqt li l-EUIPO ma allegax barra minn hekk, u inqas u inqas ma wera, li l-Istati Membri kollha tal-Unjoni kienu jimponu obbligu ta’ sottoskrizzjoni ta’ assigurazzjoni professjonali, filwaqt li dan ma huwiex il-każ f’ċerti Stati tal-EFTA li jagħmlu parti miż-ŻEE. Minbarra dan, jekk l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni kien li jiżgura li r-rappreżentanti professjonali għandom tali assigurazzjoni, huwa seta’ jirrikorri għal miżuri inqas restrittivi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, bħal obbligu speċifiku għal kull rappreżentant professjonali li jkollu tali assigurazzjoni, li tkun tkopri wkoll is-servizzi tiegħu quddiem l-EUIPO.

77      Min-naħa l-oħra, l-EUIPO ma wera bl-ebda mod kif l-istabbiliment tar-rappreżentanti professjonali fi Stat Membru tal-Unjoni minflok fi Stat tal-EFTA li jagħmel parti miż-ŻEE, bħal-Liechtenstein, kien joffri protezzjoni ikbar għall-parti l-oħra fil-proċeduri bilaterali.

78      Għaldaqstant, la l-Bord tal-Appell u lanqas l-EUIPO ma invokaw raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali ta’ natura li tiġi ġġustifikata r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ikkonstatata fil-punt 68 iktar ’il fuq. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni ta’ residenza professjonali fl-Unjoni prevista fl-Artikolu 93(2)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, kif interpretat mill-Bord tal-Appell, tikser l-Artikolu 36(1) tal-Ftehim ŻEE.

79      Il-Bord tal-Appell indika wkoll, kif isostni wkoll l-EUIPO, li l-Liechtenstein ma kienx jirrikonoxxi reċiproċità f’dan il-qasam. Madankollu, l-ewwel nett, la l-Bord tal-Appell u lanqas l-EUIPO ma wrew li l-inklużjoni fir-reġistru tar-rappreżentanti professjonali quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali kienet suġġetta għall-kundizzjoni ta’ residenza professjonali tal-persuna kkonċernata f’dan l-Istat. L-argumenti tal-partijiet kienu jirrigwardaw iktar il-kwistjoni dwar jekk u sa liema punt rappreżentant professjonali fi Stat Membru tal-Unjoni seta’ jirrappreżenta klijent quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali. It-tieni nett, la l-Bord tal-Appell u lanqas l-EUIPO ma qiesu li din l-allegata assenza ta’ reċiproċità kienet ta’ natura li tiġġustifika l-imsemmija restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Għall-EUIPO, dan huwa argument intiż li juri biss il-fatt li l-leġiżlatur tal-Liechtenstein ma jevalwax is-sitwazzjoni legali b’mod differenti mil-leġiżlatur tal-Unjoni. It-tielet nett u fi kwalunkwe każ, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-131/01, EU:C:2003:96, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata), Stat Membru ma jistax jinvoka n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ reċiproċità jew jibbaża ruħu fuq ksur eventwali tat-Trattat minn Stat Membru ieħor sabiex jiġġustifika n-nuqqas tiegħu stess. L-EUIPO ma pproduċa ebda punt ta’ liġi jew ta’ fatt li jwassal għan-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza fil-qasam ta’ libertajiet ta’ moviment, stabbiliti fil-Ftehim ŻEE. Barra minn hekk, applikazzjoni tal-prinċipju ta’ reċiproċità tkun tmur kontra r-rimedji speċifiċi fil-qasam tal-proċedura ta’ monitoraġġ u ta’ soluzzjoni tat-tilwimprevisti fl-Artikoli 109 u 111 tal-Ftehim ŻEE.

80      Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell indika, kif sostna wkoll l-EUIPO, li l-EUIPO ma kellux il-kompetenza sabiex jastjeni milli japplika l-kundizzjoni ta’ residenza professjonali prevista fl-Artikolu 93(2)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

81      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq jirriżulta li s-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni, bħall-Ftehim ŻEE, fuq it-testi tad-dritt idderivat tal-Unjoni teżiġi li dawn tal-aħħar jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, inkonformità ma’ dawn il-ftehimiet.

82      Għalhekk, mingħajr ma kien neċessarju li tiġi skartata għaldaqstant il-kundizzjoni kontenzjuża, l-EUIPO kellu jinterpretaha u japplikaha inkonformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim ŻEE.

83      Għalkemm huwa minnu li l-interpretazzjoni konformi tat-testi tad-dritt idderivat tal-Unjoni ma tistax isservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem ta’ dawn it-testi (ara d-digriet tas-17 ta’ Lulju 2015, EEB vs Il-Kummissjoni, T-685/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:560, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

84      Fil-fatt, ma jirriżulta la mir-Regolament Nru 207/2009 fil-verżjoni tiegħu applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2015/2424 u lanqas mill-punti ta’ fatt u ta’ liġi prodotti mill-EUIPO li r-rieda speċifika tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jiġu esklużi l-persuni li għandhom ir-residenza professjonali tagħhom fi Stat tal-EFTA li jagħmel parti miż-ŻEE, bħal-Liechtenstein, mill-aċċess għal-lista tar-rappreżentanti professjonali.

85      Kif indika, essenzjalment, il-Bord tal-Appell, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet iktar dik li jiżgura ċertu kwalità u ċertu affidabbiltà fil-komunikazzjonijiet bejn l-EUIPO u l-partijiet ikkonċernati. Issa, kif jirriżulta mill-punt 73 iktar ’il fuq, għan bħal dan ma jeħtieġx neċessarjament post tan-negozju tal-persuna kkonċernata fit-territorju tal-Unjoni.

86      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata bir-Regolament 2015/2424, li permezz tiegħu r-riferimenti għat-territorju tal-Unjoni ġew issostitwiti b’riferimenti għat-territorju taż-ŻEE fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kundizzjonijiet għall-inklużjoni fil-lista tar-rappreżentanti professjonali fl-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 207/2009. Għalkemm din hija emenda li għandha impatt prattiku sinjifikattiv, bl-ebda mod ma jidher li din tirriżulta minn rieda ta’ bidla fil-politika fil-konfront tal-Istati tal-EFTA li jagħmlu parti miż-ŻEE. Fil-fatt, minn naħa, din l-emenda ma tidhirx fil-proposta leġiżlattiva COM(2013) 161 finali tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Marzu 2013, u ġiet introdotta biss wara dan il-proċess leġiżlattiv. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur ma ċċara bl-ebda mod l-approċċ tiegħu fil-preambolu tar-Regolament 2015/2424. Għalhekk, din l-emenda għandha titqies bħala aġġustament tekniku, li ma għandha l-ebda għan ieħor milli li tallinja d-dritt idderivat tal-Unjoni dwar l-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim ŻEE.

87      Minn dan jirriżulta li l-motiv uniku tar-rikors għandu jiġi milqugħ, b’tali mod li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

88      Fir-rigward tat-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrent, dan huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur tad-dipartiment “Appoġġ għall-Operat” tal-EUIPO tas-7 ta’ Settembru 2012. Għalhekk, permezz ta’ dan il-kap ta’ talbiet, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, tadotta d-deċiżjoni li, fil-fehma tiegħu, kien imissha ttieħdet mill-Bord tal-Appell. Konsegwentement, ir-rikorrent jitlob li d-deċiżjoni kkontestata tiġi mibdula, kif previst fl-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009.

89      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li s-setgħa ta’ bidla, irrikonoxxuta lill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009, ma għandhiex l-effett li tagħti lil din is-setgħa li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-Bord tal-Appell għadu ma adottax pożizzjoni. L-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bidla għandu, għalhekk, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet li fihom il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi hekk kif huma stabbiliti, id-deċiżjoni li l-imsemmi Bord kellu jieħu (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C-263/09 P, EU:C:2011:452, punt 72).

90      F’dan il-każ, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bidla tal-Qorti Ġenerali huma ssodisfatti. Fil-fatt, mill-punt 2 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rifjut tad-Direttur tad-dipartiment “Appoġġ għall-Operat” tal-EUIPO kien ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza mir-rikorrent tal-kriterju previst fl-Artikolu 93(2)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Issa, mill-kunsiderazzjonijiet inklużi fil-punti 36 sa 87 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Bord tal-Appell kien obbligat jikkonstata li, kuntrarjament għal dak li kien ikkunsidra d-Direttur tad-dipartiment “Appoġġ għall-Operat” tal-EUIPO, din id-dispożizzjoni ma kinitx tipprekludi l-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista tar-rappreżentanti professjonali. Konsegwentement, hemm lok, permezz ta’ bidla tad-deċiżjoni kkontestata, li tiġi annullata wkoll id-deċiżjoni tad-Direttur tad-dipartiment “Appoġġ għall-Operat” tal-EUIPO.

 Fuq l-ispejjeż

91      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

92      Skont l-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO għandhom jitqiesu li huma spejjeż li jistgħu jinġabru.

93      Peress li l-EUIPO tilef il-kawża, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti quddiem il-Bord tal-Appell, kif mitlub mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tad-29 ta’ April 2014 (Każ R 2063/2012-4) hija annullata.

2)      Id-deċiżjoni tad-Direttur tad-dipartiment “Appoġġ għall-Operat” tal-EUIPO tas-7 ta’ Settembru 2012 hija annullata.

3)      L-EUIPO huwa kkundannat għall-ispejjez.

Dittrich

Schwarcz

Tomljenović

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Lulju 2017.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż