Language of document :

Appell ippreżentat fit-18 ta’ Settembru 2017 minn Basic Net SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fl-20 ta’ Lulju 2017 fil-Kawża T-612/15 – Basic Net vs EUIPO (Rappreżentazzjoni ta’ tliet strixxi vertikali)

(Kawża C-547/17 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Basic Net SpA (rappreżentant: D. Sindico, avvocato)

Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

Talbiet

prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata, tiddeċiedi definittivament dwar it-tilwima u tilqa’, totalment jew parzjalment, il-motivi u t-talbiet li jinsabu f’dan l-appell kif ukoll fil-provi u fid-dokumenti prodotti fil-kuntest tal-proċeduri preċedenti;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija tilqa’, totalment jew parzjalment, il-motivi u t-talbiet li jinsabu f’dan l-appell kif ukoll fil-provi u fid-dokumenti prodotti fil-kuntest tal-proċeduri preċedenti;

f’kull każ, tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż tal-proċeduri (quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).

Aggravji u argumenti prinċipali

1.    Ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-provi tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu kienu insuffiċjenti u ċaħdet ir-rikors mingħajr ma tagħti r-raġunijiet għalfejn il-kapaċità distintiva stabbilita u rikonoxxuta hija insuffiċjenti u ma tistax għalhekk tippermetti r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

Is-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni u tmur kontra din id-dispożizzjoni sa fejn il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade mark huma li r-rappreżentazzjoni tas-sinjal tkun ċara, preċiża, awtonoma, faċilment aċċessibbli, li tista’ tinftiehem, dejjiema u oġġettiva.

2.    Ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 – Karattru intrinsikament distintiv u li jista’ jiġi rreġistrat tas-sinjal irrifjutat

Ebda eżami eżawrjenti u koerenti tad-dokumentazzjoni ppreżentata ma twettqet matul il-proċeduri preċedenti u l-konstatazzjonijiet li wasslet għalihom il-Qorti Ġenerali la ma huma konformi mal-kliem u lanqas mal-ispirtu tal-leġiżlazzjoni u tad-deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO u tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell tal-EUIPO ma wettaqx evalwazzjoni globali tal-provi u llimita ruħu li jeżaminahom individwalment, mingħajr ma jikkunsidrahom fl-intier tagħhom, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

3.    Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea Nru 3971561 tal-appellanti

L-appellanti tqis barra minn hekk li l-EUIPO u l-Qorti Ġenerali kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet (jiġifieri billi jqisu dawn id-deċiżjonijiet mhux bħala preċedent vinkolanti, iżda bħala trade marks ammessi fuq il-bażi ta’ rikonoxximent fid-dritt tal-karattru tagħhom li jista’ jiġi rreġistrat) li wasslu għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 003971561, li tagħha l-appellanti hija wkoll il-proprjetarja għall-istess prodotti u li tirrigwarda sinjal simili ħafna għas-sinjal irrifjutat.

4.    Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ trade marks oħra rreġistrati bħala “għaqda ta’ kuluri”

Matul il-fażijiet preċedenti tal-proċeduri, ġew iċċitati trade marks oħra li kollha jirrappreżentaw preċedent ta’ importanza enormi f’din il-kawża.

Għalhekk, ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma huwiex raġonevoli, jekk mhux kompletament inġustifikat, u huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi, b’mod partikolari jekk wieħed iqis li l-ġurisprudenza ma tikkostitwixxix biss deċiżjonijiet vinkolanti iżda tesprimi l-prinċipji tad-dritt stabbiliti diversi drabi mill-EUIPO u mill-Qorti Ġenerali.

____________