Language of document : ECLI:EU:C:2011:753

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

NIILO JÄÄSKINEN

ippreżentati fis-17 ta’ Novembru 2011 (1)

Kawża C‑461/10

Bonnier Audio AB,

Earbooks AB,

Norstedts Förlagsgrupp AB,

Piratförlaget Aktiebolag

Storyside AB

vs

Perfect Communication Sweden AB (“ePhone”)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta domstolen (l-Isvezja)]

“Dritt tal-awtur u drittijiet relatati — Dritt għal ħarsien effettiv tal-proprjetà intellettwali — Direttiva 2004/48/KE — Artikolu 8 — Ħarsien tad-data personali — Komunikazzjoni elettronika — Żamma ta’ ċerta data ġġenerata — Trażmissjoni ta’ data personali lil individwi — Direttiva 2002/58/KE — Artikolu 15 — Direttiva 2006/24/KE — Artikolu 4 — Kotba rrekordjati — Skambju ta’ fajls — Ordni ġudizzjarja indirizzata lill-fornitur tas-servizz tal-internet sabiex jikkommunika l-isem u l-indirizz ta’ utent ta’ indirizz IP”






I –    Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 sa 5 u 11 tad-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (2), kif ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (3).

2.        Din it-talba tressqet mill-Högsta domstolen (Il-Qorti Suprema, l-Isvezja) fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpanniji Bonnier Audio AB, Earbooks AB, Norstedts Förlagsgrupp AB, Piratförlaget Aktiebolag u Storyside AB (iktar ’il quddiem “Bonnier Audio et”), minn naħa, u l-kumpannija Perfect Communication Sweden AB (iktar ’il quddiem “ePhone”), min-naħa l-oħra, dwar il-kontestazzjoni mressqa minn din tal-aħħar għat-talba ta’ ordni għall-komunikazzjoni ta’ data introdotta minn Bonnier Audio et, sabiex ikun identifikat abbonat speċifiku.

3.        Il-ħarsien ta’ data personali huwa qasam transvers li ma jieqafx iqajjem ċertu numru ta’ mistoqsijiet f’oqsma differenti. Huwa jikkostitwixxi dritt fundamentali (Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta tad-Drittijiet Fundamentali”)) bħal ma huwa d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-ħajja tal-familja (Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali), li jrid jiġi ħafna drabi bbilanċjat ma’ dritt ieħor fundamentali ggarantit mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li huwa l-ħarsien tal-proprjetà intellettwali (Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) (4). Fid-dritt sekondarju, żewġ direttivi jikkostitwixxu t-testi ta’ riferiment, jiġifieri d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (5), u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (6). Id-direttivi msemmija ġew ikkompletati permezz tad-Direttiva 2006/24.

4.        In-natura innovattiva u ħafna drabi delikata tal-kwistjonijiet dwar il-ħarsien tad-data personali toħroġ ukoll mill-fatt li numru kbir tal-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja wasslu għal sentenza mill-Awla Manja, b’mod partikolari fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 95/46 (7).

5.        Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha diġà bosta okkażjonijiet fejn tippronunzja ruħha dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/24. Il-kwistjoni ġuridika mqajma minn din il-kawża tiddistingwi ruħha, madankollu, minn dawk li servew ta’ bażi għall-kawżi sa issa deċiżi (8). F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari dwar jekk huwiex neċessarju li tiġi kkompletata l-interpretazzjoni mogħtija fil-kawżi li taw lok għas-sentenza Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq, u għad-digriet LSG-Gesellschaft zur Wahrnehmung von Leistungsschutzrechten, iċċitat iktar ’il fuq (9), wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2006/24.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali

6.        Id-Direttiva 2004/48 tistabbilixxi regoli dwar ir-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

7.        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48 huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fil-kuntest tal-passi legali li jikkonċernaw il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali u b’risposta għal talba ġustifikata u proporzjonali ta’ min għamel il-klejm, l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jistgħu jordnaw li l-informazzjoni fuq n-networks ta’ l-oriġini u tad-distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew is-servizzi li tikser id-dritt għall-proprjetà intellettwali għandu jkun pprovdut mill-kontravventur u/jew xi persuna oħra li:

(a)      instab f’possessjoni [ikollu fil-pussess tiegħu] ta’ l-oġġetti li jikkontravjenu fuq skala kummerċjali;

(b)      instab juża is-servizzi li jikkontravjenu fuq skala kummerċjali;

(ċ)      instab li qed jipprovdi fuq skala kummerċjali servizzi użati biex jagħmlu attivitajiet li jikkontravjenu; jew

(d)      kien indikat mill-persuna li għaliha saret riferenża fil-punti (a), (b) jew (ċ) bħala li kienet involuta fil-produzzjoni, manifattura jew distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew tal-provvista tas-servizzi.

2.      L-informazzjoni li għaliha hemm riferenza fil-paragrafu 1, kif inhu xieraq, [tinkludi]:

(a)      l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi, manifatturi, distributuri, fornituri u detenturi oħra ta’ qabel ta’ l-oġġetti jew servizzi, kif ukoll intiżi l-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut;

(b)      informazzjoni fuq il-kwantitajiet prodotti, manifatturati, mibjugħa, mgħotija jew ordnati, kif ukoll il-prezz miksub għal dawn l-oġġetti jew servizzi in kwestjoni.

3.      Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet statutorji oħra li:

[…]

e)      jiggverna il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi ta’ l-informazzjoni jew il-proċessar tad-data personali.”

2.      Il-ħarsien tad-data personali

8.        Il-kuntest ġuridiku rilevanti, f’dan il-qasam, jikkonsisti fi tliet direttivi, jiġifieri d-Direttivi 95/46, 2002/58 u 2006/24.

a)      Id-Direttiva 95/46

9.        Id-Direttiva 95/46 timponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali billi tistabbilixxi prinċipji ta’ gwida li jiddeterminaw il-legalità tal-ipproċessar imsemmi.

b)      Id-Direttiva 2002/58

10.      Id-Direttiva 2002/58 tittraduċi l-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva 95/46 f’dispożizzjonijiet speċifiċi għas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

11.      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58 jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet li jsiru permezz ta’ netwerk ta’ komunikazzjoni pubblika u ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika aċċessibbli għall-pubbliku, kif ukoll id-data dwar it-traffiku fuq l-Internet relatata magħhom u, bħala prinċipju, għandhom jipprojbixxu lil kull persuna oħra, għajr l-utent, milli taħżen din id-data mingħajr il-kunsens tal-utenti kkonċernati. Issir eċċezzjoni biss fir-rigward tal-persuni legalment awtorizzati skont l-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva kif ukoll fir-rigward tal-ħażna teknika neċessarja sabiex tintbagħat komunikazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2002/58 jipprovdi li fir-rigward tad-data dwar it-traffiku fuq l-Internet, dik li hija maħżuna għandha tiġi mħassra jew reża anonima meta ma tkunx iktar neċessarja sabiex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 tal-istess artikolu kif ukoll għall-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva.

12.      Fir-rigward tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi sabiex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-obbligu li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tad-data dwar it-traffiku fuq l-Internet meta restrizzjoni bħal din tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata, f’soċjetà demokratika, sabiex jiġu salvagwardati s-sigurtà nazzjonali — jiġifieri s-sigurtà tal-Istat — id-difiża u s-sigurtà pubblika jew sabiex jiġu żgurati l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif previst fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE.

c)      Id-Direttiva 2006/24

13.      Id-Direttiva 2006/24 tittratta ż-żamma ta’ data ġġenerata jew ipproċessata b’konnessjoni mal‑provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall‑pubbliku jew ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni pubblika.

14.      L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/24 jipprovdi dan li ġej:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tarmonizza d-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-obbligi imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fir-rigward taż-żamma ta’ ċerta data ġġenerata jew proċessata minnhom, sabiex jiġi żgurat li d-data tkun disponibbli għal skopijiet ta’ investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati serji, kif definita minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu.”

15.      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/24 jtendu għall-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw l-obbligu li tinżamm id-data (Artikolu 3), il-kategoriji ta’ data li għandha tinżamm (Artikolu 5), il-perijodi ta’ żamma tad-data (Artikolu 6), il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data (Artikolu 7) kif ukoll ir-rekwiżiti dwar il-ħażna tagħha (Artikolu 8).

16.      L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“B’deroga mill-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58/KE, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li d-data speċifikata fl-Artikolu 5 ta’ din id-Direttiva tinżamm skond id-dispożizzjonijiet tagħha sa fejn dik id-data tkun ġenerata jew proċessata mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom fil-proċess tal-forniment tas-servizzi ta’ komunikazzjoni konċernati.”

17.      L-Artikolu 4 tal-istess direttiva jispeċifika:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li d-data miżmuma skont din id-Direttiva tiġi provduta biss lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, f’każijiet speċifiċi u skont il-liġi nazzjonali. Il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-kondizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jinkiseb l-aċċess għal data miżmuma skond ir-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu definiti minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu, soġġetti għad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi tal-Unjoni Ewropea jew tal-liġi pubblika internazzjonali, b’mod partikulari il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif interpretata mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.”

18.      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/24 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kategoriji ta’ data li ġejjin jinżammu skont din id-Direttiva:

[…]

(2)      rigward l-aċċess għall-Internet, email bl-Internet u telefonija bl-Internet:

(i)      il-user ID jew user IDs allokati;

(ii)      il-user ID u n-numru tat-telefon allokati lil kwalunkwe komunikazzjoni li tidħol fin-network tat-telefon pubbliku;

(iii) l-isem u l-indirizz tal-abbonat jew tal-utent reġistrat li lilu kien allokat indirizz tal-Internet Protocol (IP), User ID jew numru tat-telefon meta twettqet il-komunikazzjoni;

(b)      data meħtieġa sabiex tiġi identifikata d-destinazzjoni ta’ komunikazzjoni:

[…]

(ċ)      data meħtieġa sabiex jiġu identifikati d-data, il-ħin u t-tul ta’ komunikazzjoni:

[…]

(d)      data meħtieġa sabiex jiġi identifikat it-tip ta’ komunikazzjoni:

[…]

(e)      data meħtieġa sabiex jiġi identifikat it-tagħmir ta’ komunikazzjoni ta’ l-utenti jew dak li jkun maħsub bħala t-tagħmir tagħhom:

[…]

(f)      data meħtieġa sabiex jiġi identifikat il-lok fejn ikun jinsab it-tagħmir ta’ komunikazzjoni mobbli:

[…]

2.      L-ebda data li tiżvela l-kontenut tal-komunikazzjoni ma tista’, taħt din id-Direttiva, tinżamm.”

19.      Finalment, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/24 idaħħal paragrafu 1a ġdid mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58. Skont din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 hu inapplikabbli għad-data li ż-żamma tagħha hi speċifikament meħtieġa mid-Direttiva 2006/24.

B –    Id-dritt nazzjonali

1.      Id-dritt tal-awtur

20.      Fir-rigward tad-dritt tal-awtur, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48 kienu trasposti fid-dritt Svediż permezz tal-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda fil-Liġi 1960:729 dwar il-proprjetà letterarja u artistika [lagen (1960:729) om upphovsrätt till litterära och konstnärliga verk, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar d-dritt tal-awtur”]. Dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ April 2009 (10).

21.      L-Artikolu 53c tal-Liġi dwar id-dritt tal-awtur jipprovdi:

“Jekk l-applikant jista’ jistabilixxi l-eżistenza ta’ provi validi ta’ preġudizzju għad-dritt tal-proprjetà intelletwali fuq biċċa xogħol, kif imsemmi fl-Artikolu 53, il-Qorti tista’ tordna fuq sejħa lill-persuna jew il-persuni msemmija fit-tieni subparagrafu hawn taħt biex jikkomunikaw informazzjoni dwar l-oriġini u n-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-merkanzija jew tas-servizzi li joħolqu preġudizzju għal jew jiksru d-dritt (ordni għall-komunikazzjoni). Miżura bħal din tista’ tiġi ordnata fuq talba tad-detentur tad-dritt, tal-aventi kawża tiegħu jew ta’ kwalunkwe persuna li kellha d-dritt legali għall-isfruttament tax-xogħol. Din ma tistax tiġi ordnata ħlief meta l-informazzjoni mitluba x’aktarx li tiffaċilita l-investigazzjoni fuq il-preġudizzju tad-dritt jew il-ksur tad-dritt ikkawżat mill-merkanzija u mis-servizzi msemmija.

L-obbligu ta’ komunikazzjoni jaqa’ fuq kull persuna:

1)      l-awtur jew il-kompliċi tal-ksur tad-dritt jew tal-preġudizzju għad-dritt;

2)      min għamel użu fuq skala kummerċjali ta’ merkanzija li toħloq preġudizzju jew tikser dritt;

3)      min għamel użu fuq skala kummerċjali ta’ servizzi li joħolqu preġudizzju għal dritt jew jiksru dritt;

4)      min ipprovda fuq skala kummerċjali servizz ta’ komunikazzjoni elettronika jew affarijiet oħra għat-twettiq tal-preġudizzju għad-dritt jew il-ksur tad-dritt;

jew

5)      min kien identifikat mill-persuna msemmija fil-punti 2) sa 4) hawn fuq bħala dak li ħa sehem fil-produzzjoni jew fid-distribuzzjoni tal-merkanzija jew fil-forniment tas-servizz li jiksru dritt jew jikkawżaw preġudizzju għal dritt.

L-informazzjoni dwar l-oriġini u n-netwerks ta’ distribuzzjoni tal-merkanzija jew tas-servizzi tinkludi b’mod partikolari:

1)      l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi, distributuri, fornituri u possessuri preċedenti oħra tal-merkanzija jew tas-servizzi;

2)      l-ismijiet u l-indirizzi tal-bejjiegħa bl-ingrossa u tal-bejjiegħa bl-imnut,

u

3)      informazzjoni fuq il-kwantitajiet prodotti, manifatturati, mibjugħa, mgħotija jew ordnati, kif ukoll il-prezz miksub għal dawn l-oġġetti jew servizzi inkwistjoni.

Id-dispożizzjonijiet ta’ qabel huma applikabbli għat-tentattiv jew għat-tħejjija tal-ksur jew tal-preġudizzju msemmi fl-Artikolu 53.”

22.      L-Artikolu 53e tal-Liġi dwar id-dritt tal-awtur jipprovdi:

“L-ordni għall-komunikazzjoni ma tistax tiġi ordnata ħlief meta r-raġunijiet li jimmotivawha huma ta’ interess superjuri mill-inkonvenjenzi jew mill-preġudizzji oħra li tista’ toħloq lir-riċevitur tagħha jew minn kwalunkwe interess li jopponiha.

L-obbligu tal-informazzjoni skont l-Artikolu 53c ma huwiex intiż għall-informazzjoni li l-komunikazzjoni tagħha żżomm lill-persuna msemmija milli tametti l-parteċipazzjoni tagħha jew tal-qraba tagħha, skont tal-Artikolu 3 tal-Kapitolu 36 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja, fit-twettiq ta’ reat.

Il-liġi 1998:204 dwar id-data personali [personuppgiftslagen (1998:204)] timponi restrizzjonijiet fuq l-ipproċessar ta’ din l-informazzjoni.”

2.      Il-ħarsien tad-data personali

23.      Id-Direttiva 2002/58 kienet trasposta fid-dritt Svediż b’mod partikolari permezz tal-Liġi 2003:389 dwar il-komunikazzjoni elettronika [lagen (2003:389) om elektronisk kommunikation]. Skont l-Artikolu 20(1) tal-Kapitolu 6 tal-imsemmija liġi, huwa pprojbit għal kwalunkwe persuna li xxandar jew li tuża b’mod mhux awtorizzat informazzjoni dwar l-abbonati li ġiet ikkomunikata lilha jew li kellha aċċess għaliha fil-kuntest tal-provvista ta’ netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika.

24.      Il-qorti tar-rinviju tosserva f’dan ir-rigward li l-obbligu ta’ kunfidenzjalità, li għandhom b’mod partikolari l-fornituri tas-servizz tal-internet, huwa għalhekk imfassal sabiex jiġi pprojbit biss l-iżvelar jew l-użu mhux awtorizzat ta’ ċerta data. Madankollu, dan l-obbligu ta’ kunfidenzjalità huwa relattiv, sa fejn dispożizzjonijiet oħra jipprevedu l-obbligu ta’ żvelar li għandu għalhekk bħala effett li dan jiġi awtorizzat. Skont il-Högsta domstolen, id-dritt għall-informazzjoni stabbilit permezz tal-Artikolu 53c tal-Liġi dwar id-dritt tal-awtur, li hu applikabbli wkoll għall-fornituri tas-servizz tal-internet, kien ikkunsidrat li ma kellux bżonn ta’ adattamenti legiżlattivi speċifiċi sabiex dawn id-dispożizzjonijiet fuq l-iżvelar jipprevalu fuq il-prinċipju tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità (11). Id-deċiżjoni tal-qorti li tiddikjara ordni ta’ żvelar telimina għalhekk l-obbligu ta’ kunfidenzjalità.

25.      Id-Direttiva 2006/24, min-naħa tagħha, ma kinitx trasposta fil-liġi Svediża fit-terminu mogħti għal dan il-għan (12).

III – Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26.      Bonnier Audio et, huma djar ta’ pubblikazzjoni, detenturi b’mod partikolari ta’ drittijiet esklużivi ta’ riproduzzjoni, ta’ pubblikazzjoni u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ sebgħa u għoxrin xogħol ippreżentati fil-forma ta’ kotba rrekordjati.

27.      Bonnier Audio et jiddikjaraw li kien sar ksur tad-drittijiet esklużivi tagħhom, minħabba t-tixrid pubbliku ta’ dawn is-sebgħa u għoxrin xogħol, mingħajr il-kunsens tagħhom, permezz tas-server FTP (“file transfer protocol”), li jippermetti l-iskambju ta’ fajls u t-trasferiment ta’ data bejn kompjuters imqabbdin mal-internet.

28.      Il-fornitur tas-servizz tal-internet li permezz tiegħu l-allegat skambju illeċitu tal-fajls seħħ huwa ePhone.

29.      Bonnier Audio et ressqu quddiem is-Solna tingsrätt (il-Qorti tal-ewwel istanza ta’ Solna) talba għal ordni għall-finijiet ta’ komunikazzjoni tal-isem u tal-indirizz tal-persuna li użat l-indirizz IP minn fejn huwa maħsub li l-fajls imsemmija kienu ntbagħtu, matul iż-żmien ta’ bejn l-1 ta’ April 2009 fit-03.28 u l-1 ta’ April 2009 fil-05.45 .

30.      ePhone opponiet din it-talba billi sostniet, b’mod partikolari, li l-ordni mitluba tmur kontra d-Direttiva 2006/24.

31.      Fl-ewwel istanza, is-Solna tingsrätt laqgħet it-talba ta’ ordni għall-finijiet ta’ komunikazzjoni tad-data inkwistjoni.

32.      ePhone appellat quddiem is-Svea hovrätt (il-Qorti tal-appell ta’ Stokkolma), fejn talbet li tiġi miċħuda t-talba ta’ ordni ta’ komunikazzjoni. Din il-kumpannija talbet ukoll ir-rinviju preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi speċifikat jekk id-Direttiva 2006/24 tipprekludix li l-informazzjoni dwar abbonat, li lilu ġie allokat indirizz IP, tiġi kkomunikata lil persuni oħra barra mill-awtoritajiet imsemmija fl-imsemmija direttiva.

33.      Is-Svea hovrätt iddeċidiet li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2006/24 ma tostakola li parti f’kawża ċivili tiġi ordnata tikkomunika data dwar abbonat lil persuni oħra barra awtorità pubblika. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti caħdet it-talba ta’ rinviju preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

34.      Din l-istess qorti osservat ukoll li d-djar ta’ pubblikazzjoni tal-kotba rrekordjati ma kinux stabbilixxew l-eżistenza ta’ provi validi ta’ ksur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali. Għaldaqstant iddeċidiet li tannulla l-ordni ta’ komunikazzjoni mogħtija mis-Solna tingsrätt. Bonnier Audio et għaldaqstant appellaw quddiem il-Högsta domstolen, il-qorti tar-rinviju.

35.      Din il-qorti tqis li, minkejja s-sentenza Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll id-digriet LSG‑Gesellschaft zur Wahrnehmung von Leistungsschutzrechten, iċċitat iktar ’il fuq, għad hemm dubju dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 53(c) tal-Liġi dwar id-dritt tal-awtur, sa fejn la din is-sentenza u lanqas dan id-digriet ma jirreferu għad-Direttiva 2006/24.

36.       F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta domstolen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Id-Direttiva 2006/24/KE [...], b’mod iktar speċifiku l-Artikoli 3 [sa] 5 u 11 tagħha, tipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, stabbilita abbażi tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48/KE [...] li, għall-finijiet ta’ identifikazzjoni ta’ abbonat, tippermetti li fornitur ta’ servizz tal-internet jiġi ordnat jikkomunika indirizz IP lill-proprjetarju ta’ drittijiet tal-awtur jew lill-aventi kawża tiegħu, [fi proċeduri ċivili] liema indirizz serva għall-ksur tad-drittijiet? Hemm preżunzjoni, minn naħa, li l-applikant għall-ordni pproduċa provi reali tal-ksur ta’ drittijiet tal-awtur u, min-naħa l-oħra, li l-miżura mitluba hija proporzjonata.

(2)      Il-fatt li l-Istat Membru kkonċernat għadu ma ttrasponiex id-Direttiva 2006/24, filwaqt li t-terminu għal din it-traspożizzjoni skada, għandu effett fuq ir-risposta għall-ewwel domanda?”

37.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn Bonnier Audio et, minn ePhone, mill-Gvern Svediż, minn dak Ċek, minn dak Taljan u minn dak Latvjan, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

38.      Il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub kienu rrappreżentati waqt is-seduta, li nżammet fit-30 ta’ Ġunju 2011, ħlief għall-Gvern Ċek u għal dak Latvjan.

IV – Analiżi

A –    Fuq il-portata tad-Direttiva 2006/24

39.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf, jekk, essenzjalment, id-Direttiva 2006/24 tipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali, stabbilita abbażi tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48, li, għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ abbonat tal-internet jew ta’ utent tal-internet, tippermetti li tordna lil fornitur tas-servizz tal-internet li jikkomunika, lid-detentur tad-dritt tal-awtur jew lill-aventi kawża tiegħu, l-isem u l-indirizz ta’ abbonat li ġie allokat indirizz IP li seta’ kien użat fil-preġudizzju tal-imsemmi dritt.

40.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel din id-domanda abbażi tal-premessa li, fil-kawża prinċipali, minn naħa, dawk li talbu l-ordni, Bonnier Audio et, għandhom provi li juru li kien hemm preġudizzju għad-dritt tal-awtur u, min-naħa l-oħra, li l-miżura mitluba hija proporzjonata.

41.      Barra minn hekk, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-azzjoni li ttieħdet minn Bonnier Audio et, fil-kawża prinċipali, għall-finijiet li tiġi kkommunikata d-data personali, hija parti mill-kuntest ta’ proċedura ċivili.

42.      L-ewwel domanda li għandha tiġi magħmula hija dwar jekk id-data mitluba hijiex data personali. Fil-fatt, sabiex il-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien ta’ data personali tkun applikabbli, id-data trid tkun ta’ dan it-tip. Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-isem u l-indirizz ta’ abbonat, li għandhom jiġu identifikati abbażi ta’ indirizz IP. Minn dan isegwi li hawnhekk qegħdin fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-ħarsien tad-data personali.

43.      Madankollu għandu jitfakkar li l-identità tal-persuna maħsuba li tista’ twettaq preġudizzju tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ma tistax tiġi stabbilita sempliċiment abbażi tal-indirizz IP meta bosta persuni jistgħu jużaw l-aċċess għan-netwerk identifikat minn dan l-istess indirizz IP. Dan huwa l-każ pereżempju ta’ netwerks mingħajr fili li ma għandhomx protezzjoni effettiva, tal-piraterija tal-kompjuters imqabbda mal-internet kif ukoll tas-sitwazzjonijiet fejn bosta persuni jistgħu jużaw l-istess kompjuter. Madankollu, jidhirli li f’xi Stati Membri, indirizz IP jista’ jintuża bħala prova tal-identità tal-persuna li setgħet wettqet preġudizzju (13).

44.      Sussegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk id-Direttiva 2006/24 hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali. Fil-kawża Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq, din id-direttiva ma kinitx applikabbli ratione temporis, u huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja warrbitha mill-bidu (14).

45.      Sabiex issir il-verifika tal-applikabbiltà ratione materiæ tad-Direttiva 2006/24 f’din il-kawża, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva hija intiża li tiżgura “li d-data tkun disponibbli għal skopijiet ta’ investigazzjoni, skoperta ta’ prosekuzzjoni ta’ reati serji, kif definita minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu” (15). Barra minn hekk, l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jobbliga lill-Istati Membri sabiex jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li d-data msemmija mill-istess direttiva tiġi trażmessa biss lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, f’każijiet speċifiċi u skont id-dritt nazzjonali.

46.      Iżda, il-kawża prinċipali tinvolvi proċedura ċivili, u d-data ma hijiex mitluba minn awtorità nazzjonali kompetenti iżda minn individwi.

47.      Għaldaqstant jidhirli li d-Direttiva 2006/24 ma hijiex applikabbli ratione materiae għall-kawża prinċipali, minkejja li d-data miżmuma għal finijiet awtorizzati mill-imsemmija direttiva jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi dwar il-ħarsien ta’ data personali, sa fejn l-operatur żamm id-data għal finijiet oħra.

48.      Konsegwentement, it-tieni domanda, dwar l-impatt tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni fid-dritt Svediż tad-Direttiva 2006/24 fuq ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda, ma għadhiex rilevanti.

49.      Minkejja li d-Direttiva 2006/24 ma hijiex applikabbli f’din il-kawża, għandha tiġi magħmula d-domanda dwar x’tista’ tkun ir-rilevanza tagħha fil-kawża prinċipali. Qabel niġi għal din id-domanda, irrid qabelxejn nittratta d-dispożizzjonijiet dwar il-ħarsien tad-data personali.

B –    Fuq il-limitazzjonijiet għall-ħarsien ta’ data personali

50.      Għandhom jiġu mfakkra hawnhekk xi prinċipji bażiċi li jirregolaw il-ħarsien ta’ data personali fid-dritt tal-Unjoni.

51.      Il-prinċipju fundamentali ddikjarat mill-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 95/46 huwa dan li ġej, jiġifieri d-data personali għandha tkun miġbura għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi, u ma tkunx ipproċessata iktar ’il quddiem b’mod inkompatibbli ma’ dawn il-finijiet. Il-ġbir tad-data personali u l-modalitajiet tagħha, kif ukoll il-finijiet, għandhom jiġu deċiżi minn qabel. L-ipproċessar ulterjuri li jkun inkompatibbli mal-finalitajiet iddefiniti minn qabel huwa pprojbit.

52.      Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu għal dawn ir-rekwiżiti kinux adottati fuq livell tal-Unjoni Ewropea jew fuq livell nazzjonali f’dak li jirrigwarda ż-żamma tad-data personali u t-trażmissjoni tagħha lil terzi f’każ ta’ preġudizzju preżunt għal dritt ta’ proprjetà intellettwali invokat minn individwi.

1.      Dwar il-limitazzjonijiet previsti fil-livell tal-Unjoni.

53.      Rigward id-dritt tal-Unjoni dwar id-data tat-telekomunikazzjoni, hemm id-Direttiva speċifika 2002/58, kif kienet ikkompletata permezz tad-Direttiva 2006/24, li tispeċifika l-kuntest ġenerali previst mid-Direttiva 95/46. Issa, l-eżami tad-Direttivi 2002/58 u 2006/24 juri biċ-ċar li dawn ma jinkludu l-ebda dispożizzjoni speċifika fir-rigward taż-żamma u tal-użu tad-data tat-telekomunikazzjoni fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fuq inizjattiva ta’ individwi. Id-Direttiva 2002/58 hija bbażata fuq id-drittijiet u l-obbligi tal-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. Id-Direttiva 2006/24 hija intiża min-naħa tagħha għaż-żamma tad-data mill-awtoritajiet pubbliċi bil-ħsieb tal-iskoperta ta’ reati gravi. Rigward preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali mqajma minn individwi, għandu jiġi kkonstatat li la d-Direttiva 2002/58 u lanqas id-Direttiva 2006/24 ma jipprevedu l-possibbiltà jew l-obbligu li tinżamm jew li tintuża d-data msemmija għal fini bħal dan, jew li jsir użu ta’ data diġà eżistenti, li kienet miżmuma għal finijiet oħra.

54.      Rigward id-Direttiva 2004/48, l-uniku riferiment għad-data personali jinsab fl-Artikolu 8(3)(e) ta’ din id-direttiva. Skont din id-dispożizzjoni, il-paragrafi 1 u 2 tal-imsemmi Artikolu 8, li jirregolaw l-aċċess għall-informazzjoni li tista’ tikkonċerna l-preġudizzju għad-dritt ta’ proprjetà intellettwali, japplikaw mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari oħra li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali. Id-Direttiva 2004/48 tindika għalhekk li għandhom jiġu osservati d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari li jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali. Min-naħa l-oħra, hija la tispeċifika d-data personali li tista’ tinżamm, la l-għan taż-żamma tagħha, la t-tul taż-żamma msemmija, u lanqas il-persuni li jistgħu jkollhom aċċess f’każ ta’ preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

55.      Minkejja li, fil-livell tal-Unjoni, tista’ tiġi kkunsidrata l-possibbiltà ta’ direttiva li tikkompleta d-Direttiva 2002/58 billi jiġi previst l-obbligu ta’ żamma fir-rigward tal-preġudizzju għal dritt ta’ proprjetà intellettwali u li tiddefinixxi kemm il-għan ta’ din iż-żamma, id-data li għandha tinżamm, it-tul taż-żamma kif ukoll il-persuni li jistgħu jkollhom aċċess għaliha, għandu jiġi kkonstatat li tali direttiva sa issa għadha ma teżistix (16).

56.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni preżenti tal-Unjoni ma tipprevedix il-modalitajiet neċessarji għaż-żamma u għat-trażmissjoni tad-data personali li hija ġġenerata waqt il-komunikazzjoni elettronika bil-ħsieb tat-trażmissjoni tagħha f’każ ta’ preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali invokat minn individwi.

2.      Dwar il-limitazzjonijiet previsti fil-livell tal-Istati Membri

57.      Fir-rigward tad-dritt tal-Istati Membri, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58 jippermetti l-limitazzjoni tal-applikabbiltà tal-prinċipji li fuqhom hija msejsa d-direttiva msemmija.

58.      Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat dan l-artikolu fis-sentenza tagħha Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq, u fid-digriet LSG Gesellschaft zur Wahrnehmung von Leistungsschutzrechten, iċċitat iktar ’il fuq. Għaldaqstant hija kkunsidrat li d-Direttiva 2002/58 ma teskludix il-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jipprevedu l-obbligu ta’ żvelar, fil-kuntest ta’ proċedura ċivili, ta’ data personali, iżda li d-dritt tal-Unjoni ma jirrikjedix mill-Istati Membri li jipprevedu tali obbligu (17). Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet ukoll konnessjoni bejn l-Artikolu 15(1) tad-direttiva msemmija u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46 (18).

59.      Is-sentenza Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq, tevoka l-iżvelar tad-data personali u, in fine, l-obbligi tal-Istati Membri, waqt it-traspożizzjoni tad-direttivi kkonċernati, li jiżguraw li jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ dawn tal-aħħar li tippermetti li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali differenti li huma mħarsa mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (19). Ninterpreta din il-konstatazzjoni fis-sens li l-prinċipji bażiċi ta’ kull qasam — jiġifieri l-ħarsien tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni elettronika u l-ħarsien tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati — għandhom ikunu kompletament irrispettati.

60.      Sabiex l-iżvelar ta’ data personali jkun possibbli, id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li obbligu ta’ żamma jkun previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jiċċara l-kategoriji tad-data li għandha tinżamm, l-għan taż-żamma, it-tul taż-żamma u l-persuni li jistgħu jkollhom aċċess għaliha. Ikun kontra l-prinċipji tal-ħarsien tad-data personali li jsir użu ta’ databases li qegħdin hemm għal finijiet differenti minn dawk iddefiniti mil-leġiżlatur.

61.      Konsegwentement, sabiex iż-żamma u t-trażmissjoni tad-data personali tkun kompatibbli mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58, f’sitwazzjoni bħal dik deskritta fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tipprevedi, minn qabel u b’mod iddettaljat, il-limitazzjonijiet, introdotti bil-liġi, li jistgħu jolqtu d-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 5, 6, 8(1) sa (4), u 9 tad-direttiva msemmija (20). Limitazzjoni stabbilita b’dan il-mod għandha tikkostitwixxi miżura neċessarja, adegwata u proporzjonata. Issa, obbligu ta’ żvelar, impost fuq il-fornitur ta’ servizz tal-internet u li jirrigwarda data personali miżmuma għal għan ieħor, ma huwiex suffiċjenti sabiex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti (21).

62.      Bħala konklużjoni, għandu jiġi enfasizzat li d-drittijiet fundamentali dwar il-ħarsien tad-data personali u tal-ħajja privata, minn naħa, kif ukoll dwar il-ħarsien tal-proprjetà intellettwali, min-naħa l-oħra, għandhom jibbenefikaw minn ħarsien ugwali. Għaldaqstant ma għandhomx jiġu pprivileġġati d-detenturi tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali, billi jingħatalhom il-permess li jużaw id-data personali li kienet miksuba b’mod legali u miżmuma għal finijiet li ma humiex relatati mal-ħarsien tad-drittijiet tagħhom. Il-ġbir u l-użu tad-data msemmija għal finijiet bħal dawn, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni dwar il-ħarsien ta’ data personali, jimplikaw l-adozzjoni minn qabel, mil-leġiżlatur nazzjonali, ta’ dispożizzjonijiet iddettaljati, skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58 (22).

V –    Konklużjoni

63.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għad-domandi preliminari magħmula mill-Högsta domstolen:

“1)      Id-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE, ma tapplikax għall-ipproċessar tad-data personali għal finijiet differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 1(1) tad-direttiva msemmija. Konsegwentement, id-direttiva msemmija ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li abbażi tagħha, fil-kuntest ta’ proċedura ċivili, għall-finijiet li jiġi identifikat abbonat speċifiku, il-qorti tordna lil fornitur tas-servizz tal-internet sabiex jiżvela lid-detentur tad-dritt tal-awtur, jew lill-aventi kawża tiegħu, informazzjoni relatata mal-identità tal-imsemmi abbonat li ġie allokat indirizz IP, li seta’ kien użat fil-preġudizzju għall-imsemmi dritt. Madankollu, din l-informazzjoni kellha tinżamm sabiex setgħet tkun żvelata u użata għal dan il-fini skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali u ddetaljati, li kienu adottati fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali.

2)      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, it-tieni domanda ma għadx għandha skop.”


1 –      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      ĠU L 105, p. 54.


3 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32.


4 –      Fir-rigward tal-konnessjonijiet mal-ħarsien tal-proprjetà intellettwali, ara s-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, Ġabra p. I‑271); id-digriet tad-19 ta’ Frar 2009, LSG-Gesellschaft zur Wahrnehmung von Leistungsschutzrechten (C‑557/07, Ġabra p. I-1227) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón, tal-14 ta’ April 2011, fil-kawża Scarlet Extended vs Sabam (C‑70/10), li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


5 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355.


6 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514.


7 –      Fir-rigward tad-Direttiva 95/46, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2003, Ősterreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, Ġabra p. I‑4989); tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, Ġabra p. I-12971); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, Ġabra p. I-9831), kif ukoll tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke (C‑92/09 u C‑93/09, Ġabra p. I-11063).


8 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, L-Irlanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑301/06, Ġabra p. I‑593) kif ukoll ir-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li taw lok għas-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑202/09); Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑211/09,); tal-4 ta’ Frar 2010, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑185/09), u tad-29 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑189/09). Ara wkoll il-kawża Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑270/11), li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


9 –      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


10 –      Liġi 2009:109, li temenda l-Liġi 1960:729 dwar il-proprjetà letterarja u artistika [Lag (2009:109) om ändring i lagen (1960:729) om upphovsrätt till litterära och konstnärliga verk], tas-26 ta’ Frar 2009.


11 –      Il-Högsta domstolen tirreferi f’dan il-punt għax-xogħolijiet preparatorji (proposta 2008/09:67 p. 143) tal-liġi tal-2009, imsemmija iktar ’il fuq.


12 –      Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, iċċitata iktar ’il fuq, u l-Kawża C‑270/11, iċċitata iktar ’il fuq.


13 –      Ir-rappreżentant ta’ ePhone indika, waqt is-seduta, li ċerti fornituri tas-servizz tal-internet ħassru sistematikament l-informazzjoni dwar l-indirizzi IP sabiex jimpedixxu li din l-informazzjoni tiġi użata kontra l-klijenti tagħhom.


14 –      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssemmix id-Direttiva 2006/24 fis-sentenza Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq, kuntrarjament għall-Avukat Ġenerali Kokott li ssemmietha (ara, b’mod partikolari, il-punti 122 et seq tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Promusicae, imsemmija iktar ’il fuq).


15 –      Għall-interpretazzjoni tal-kunċett “reati gravi” tal-Istati Membri, ara r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-Direttiva 2006/24[ COM(2011) 225 finali].


16 –      Dan hu dak li l-Avukat Ġenerali Kokott kienet diġà rrilevat fil-punt 110 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Promusicae, imsemmija iktar ’il fuq.


17 –      Ara s-sentenza Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq, (punti 54 u 59).


18 –      Ara d-digriet LSG‑Gesellschaft zur Wahrnehmung von Leistungsschutzrechten, iċċitat iktar ’il fuq, punt 26 li jgħid: “[f]il-fatt, fil-punt 53 tas-sentenza Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fost l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li jirreferi b’mod speċifiku għall-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46, hemm miżuri indispensabbli għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-oħrajn. Peress li d-Direttiva 2002/58 ma tippreċiżax id-drittijiet u l-libertajiet ikkonċernati minn din l-eċċezzjoni, din għandha tiġi interpretata li tesprimi r-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju li ma jiġux esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-protezzjoni tad-dritt għal proprjetà u lanqas is-sitwazzjonijiet li fihom l-awturi jfittxu li jiksbu din il-protezzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ċivili.” (l-enfasi hija tiegħi).


19 –      Ara s-sentenza Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq (punt 68).


20 –      Madankollu għandu jitfakkar li l-assenza totali ta’ limitazzjoni tal-kunfidenzjalità tista’ wkoll tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB (ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza K.U. vs Il-Finlandja, tat-2 ta’ Diċembru 2008,Rikors Nru 2872/02).


21 –      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika l-eżistenza ta’ tali miżuri u li tiżgura li jikkonformaw mar-rekwiżiti msemmija.


22 –      Il-proċedura leġiżlattiva hija indikata b’interventi bħal dawn: “Mill-Artikolu 8(2) tal-KEDB u mill-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali [...] jirriżulta li intervent għandu jkun previst mil-liġi, li jservi għan leġittimu u li jkun bżonnjuż f’soċjetà demokratika biex jintlaħaq dan l-għan leġittimu” [ara l-punt 8 tal-opinjoni tal-Kontrollatur Ewropew għall-ħarsien tad-data dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew fuq id-direttiva taż-żamma tad-data (Direttiva 2006/24/KE), punt 8 (ĠU 2011, C 279, p. 1)].