Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-24 ta’ Novembru 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ The Labour Court, Ireland – L-Irlanda) – David L. Parris vs College Dublin et

(Kawża C-443/15) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-età – Skema ta’ rtirar nazzjonali – Ħlas ta’ benefiċċju tas-superstiti lis-sieħeb ċivili – Kundizzjoni – Konklużjoni tal-unjoni qabel ma l-affiljat mal-imsemmija skema jagħlaq is-60 sena – Unjoni ċivili – Impossibbiltà fl-Istat Membru kkonċernat qabel l-2010 – Relazzjoni fit-tul stabbilita – Artikolu 6(2) – Ġustifikazzjoni tad-differenzi fit-trattament ibbażati fuq l-età)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

The Labour Court, Ireland

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Dr. David L. Parris

Konvenuti: Trinity College Dublin, Higher Education Authority, Department of Public Expenditure and Reform and Department of Education and Skills

Dispożittiv

L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjoni professjonali, tissuġġetta d-dritt tas-sħab ċivili superstiti tal-affiljati sabiex jibbenefikaw minn benefiċċju tas-superstiti għall-kundizzjoni li l-unjoni ċivili tkun ġiet konkluża qabel ma l-affiljat jagħlaq is-60 sena, minkejja li d-dritt nazzjonali ma kienx jippermetti lill-affiljat ikkonċernat jikkonkludi unjoni ċivili qabel ma laħaq dan il-limitu ta’ età, ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali.

L-Artikoli 2 u 6(2) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, fil-kuntest ta’ skema ta’ pensjoni professjonali, tissuġġetta d-dritt tas-sħab ċivili superstiti tal-affiljati sabiex jibbenefikaw minn benefiċċju tas-superstiti għall-kundizzjoni li l-unjoni ċivili tkun ġiet konkluża qabel ma l-affiljat jagħlaq is-60 sena minkejja li d-dritt nazzjonali ma kienx jippermetti lill-affiljat ikkonċernat jikkonkludi unjoni ċivili qabel ma laħaq dan il-limitu ta’ età, ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

L-Artikoli 2 u 6(2) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-effett tal-kombinazzjoni flimkien tal-orjentazzjoni sesswali u tal-età, meta l-imsemmija leġiżlazzjoni la tikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali u lanqas minħabba l-età, meta meqjusa b’mod iżolat.

____________

1 ĠU C 354, 26.10.2015.