Language of document : ECLI:EU:T:2010:516

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

15 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni li tikkonstata ksur ta’ siġill – Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Oneru tal-prova – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Proporzjonalità – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑141/08,

E.ON Energie AG, stabbilita f’München (il-Ġermanja), irrappreżentata inizjalment minn A. Röhling, C. Krohs, F. Dietrich u R. Pfromm, sussegwentement minn A. Röhling, F. Dietrich u R. Pfromm, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet, V. Bottka u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 377 finali, tat-30 ta’ Jannar 2008, dwar l-iffissar ta’ multa bbażat fuq l‑Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 għal ksur ta’ siġill (Kawża COMP/B-1/39.326 – E.ON Energie AG),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro (Relatur), President, S. Papasavvas u N. Wahl, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ April 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 20(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jipprovdi li “[l]-uffiċjali u persuni oħra li jakkompanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni jagħmlu spezzjoni għandhom is-setgħa li: jagħlqu kwalunkwe post tal-kummerċ u l-kotba jew rekords għal dak il-perjodu u sal-punt neċessarju biex issir l-ispezzjoni”.

2        Skont l-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003, “[i]l-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi fuq l-impriża u l-assoċjazzjonijiet tal-impriża multi li ma jeċċedux aktar mil-1 % tal-valur totali tal-bejgħ fis-sena kummerċjali preċedenti fejn, intenzjonalment jew b’mod negligenti […] siġilli mwaħlin skond l‑Artikolu 20(2)(d) min uffiċjali jew persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizati mil-Kummissjoni ġew miksurin”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

3        B’deċiżjoni tal-24 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, ordnat spezzjoni fil-bini ta’ E.ON AG u tal-impriżi li din tal-aħħar għandha taħt il-kontroll tagħha, sabiex tivverifika jekk is-suspetti rigward il-parteċipazzjoni tagħhom fi ftehim antikompetittiv humiex fondati. L-ispezzjoni fil-bini tar-rikorrenti, E.ON Energie AG, sussidjarja 100 % ta’ E.ON, bdiet fid-29 ta’ Mejju 2006, wara nofsinhar fil-bini kummerċjali tagħha li jinsab f’München. Wara li saret taf bid-deċiżjoni ta’ spezzjoni, ir-rikorrenti ddikjarat li ma topponiex ruħha għaliha.

4        L-ispezzjoni saret minn erba’ rappreżentanti tal-Kummissjoni u sitt rappreżentanti tal-Bundeskartellamt (awtorità Ġermaniża dwar il-kompetizzjoni). Id-dokumenti magħżula waqt l-ispezzjoni tad-29 ta’ Mejju 2006 bil-ħsieb li jiġu eżaminati iktar fid-dettall mill-imsemmija rappreżentanti tqiegħdu fil-bini G.505, li r-rikorrenti qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Peress li l-ispezzjoni ma setgħetx titlesta fl-istess jum, il-persuna responsabbli tal-grupp ta’ spezzjoni sakkret l‑imsemmi bini, kompost minn pannelli li jipproteġu mill-istorbju (sound-proof) u mgħoddija b’żebgħa tal-enemel u minn qafas tal-aluminju ossidizzat, u waħħal siġill uffiċjal ta’ daqs ta’ 90 b’60 mm (iktar ’il quddiem is-“siġill inkwistjoni”). Dan twaħħal fuq madwar żewġ terzi mill-wiċċ tiegħu fuq il-pannell tal-bieb u, għall-bqija, fuq il-qafas tal-istess bieb. Il-minuti tat-twaħħil tas-siġill saru u ġew iffirmati minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, tal-Bundeskartellamt u tar‑rikorrenti. Dawk li wettqu l-ispezzjoni mbagħad telqu mill-bini tar-rikorrenti, u ħadu magħhom iċ-ċavetta tal-bieb tal-bini G.505 li kienet ingħatat lilhom. B’risposta għat-talba għal informazzjoni, ir-rikorrenti indikat li, barra din iċ‑ċavetta mogħtija lill-Kummissjoni, 20 master keys oħra, li jippermettu l-aċċess għall-bini G.505 kienu wkoll fl-idejn.

5        Is-siġill inkwistjoni kien tat-tip li jeħel waħdu u kien ta’ kulur blu, b’linji sofor mat-truf ta’ fuq u ta’ isfel kif ukoll l-istilel sofor tal-bandiera Ewropea. Iż-żona safra tan-naħa ta’ isfel kienet tinkludi l-kliem li l-Kummissjoni tista’ timponi multa fil-każ li jinkiser is-siġill. Il-film ta’ sigurtà użat għall-produzzjoni tas-siġill inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“film ta’ sigurtà”) kien ġie prodott mill-kumpannija 3M Europe SA (iktar ’il quddiem, “3M”) f’Diċembru tal-2002. Fuq ordni tal-Kummissjoni, l-elementi msemmija hawn fuq imbagħad ġew stampati fuq il-film ta’ sigurtà minn kumpannija tal-istampar matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2004.

6        Meta siġill ikun tal-plastik, bħalma huwa l-każ tas-siġill inkwistjoni, jekk jinkiser is-siġill, il-kolla bajda, li permezz tagħha s-siġill jitwaħħal mas-support, tibqa’ fuqu taħt il-forma tal-kliem “VOID”, ta’ daqs ta’ madwar 12 punti Didot (madwar 5 mm), imqassma fuq il-wiċċ kollu tal-istiker. Is-siġill imneħħi jsir trasparenti f’dawn iż-żoni, b’tali mod li l-kliem “VOID” ikunu jidhru fuq is-siġill ukoll.

7        Malli reġa’ lura, fit-30 ta’ Mejju 2006 hekk għad-8.45 ta’ filgħodu, il-grupp ta’ spezzjoni ra li l-istat tas-siġill inkwistjoni, li kien għadu mwaħħal mal-bieb tal-bini G.505, kien inbidel.

8        Hekk għad-9.15, il-persuna responsabbli mill-grupp ta’ spezzjoni fetħet il-bieb tal-bini G.505. Il-ftuħ tal-bieb wassal sabiex tinqala’ l-parti tas-siġill inkwistjoni li kienet imwaħħla mal-pannell tal-bieb filwaqt li l-parti l-oħra baqgħet imwaħħla mal-qafas tal-istess bieb.

9        Ġew stabbiliti l-minuti tal-ksur tas-siġill, li kienu jindikaw b’mod partikolari dan li ġej:

“[…]

–        Is-siġill kollu ġie mċaqlaq b’madwar 2 mm fit-tul u fil-wisa’, u fil-fatt traċċi tal-kolla kienu jidhru n-naħa ta’ taħt u tal-lemin tas-siġill.

–        Il-kliem ‘VOID’ kien jidher b’mod ċar fuq il-wiċċ kollu tas-siġill, li madankollu kien jidher li għadu fuq il-qafas u fuq il-bieb u ma kienx tqatta’.

–        Wara l-ftuħ tal-bieb mill-[uffiċjal] tal-Kummissjoni (M.K.), li matulu s-siġill baqa’ kif kien, jiġifieri ma tqattax, traċċi bojod tal-kliem ‘VOID’ kienu jidhru fuq wara tas-siġill (wiċċ li jeħel).

–        Meta s-siġill tneħħa, il-kliem abjad ‘VOID’ normalment jibqa’ fuq is‑support, u dan kien fil-biċċa l-kbira l-każ hawnhekk, għaliex il-kliem kien jidher effettivament fuq il-wiċċ tal-bieb.

–        Bosta traċċi bojod kienu jinsabu madankollu wkoll fuq il-wiċċ li jeħel tas-siġill, mhux fuq iż-żoni trasparenti li jikkorrispondu għall-kliem ‘VOID’ fuq wara tas-siġill, iżda maġenb dawn iż-żoni.”

10      Il-minuti tal-ksur tas-siġill ġew iffirmati minn rappreżentant tal-Kummissjoni u minn rappreżentant tal-Bundeskartellamt. Ir-rikorrenti rrifjutat li tiffirmahom.

11      Fit-30 ta’ Mejju 2006, wara nofsinhar, ittieħdu ritratti numeriċi tas-siġill inkwistjoni permezz ta’ telefon ċellulari.

12      Fil-31 ta’ Mejju 2006, ir-rikorrenti għamlet “dikjarazzjoni addizzjonali […] għall-minuti tat-twaħħil tas-siġill tat-30 ta’ Mejju 2006”, li kienet tgħid li ġej:

“1. Wara l-ftuħ tal-bieb, l-ebda tibdil ma ġie kkonstatat f’dak li jirrigwarda d‑dokumenti mqiegħda fil-bini.

2. Meta s-siġill tneħħa fit-30 ta’ Mejju, filgħaxija, sabiex jiġi ssostitwit, il-kliem ‘VOID’ fuq il-qafas ma kienx imħassar.

3. M. K. kien preżenti għat-twaħħil tas-siġill il-ġurnata ta’ qabel u kellu l‑impressjoni li dan il-proċess ħa iktar żmien min-normal.”

13      Fid-9 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti għal informazzjoni, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003. Din irrispondiet b’ittra tat-23 ta’ Awwissu 2006. Talbiet oħra għal informazzjoni ġew indirizzati, rispettivament, fid-29 ta’ Awwissu 2006 lil 3M, fil-31 ta’ Awwissu 2006 lill-kumpannija tat-tindif li taħdem għar-rikorrenti (iktar ’il quddiem, il-“kumpannija tat-tindif”) u fl-1 ta’ Settembru 2006 lid-dipartiment tas-sigurtà tar-rikorrenti.

14      L-għaxar membri tal-grupp ta’ spezzjoni mlew kwestjonarji dwar l‑osservazzjonijiet tagħhom fuq it-twaħħil tas-siġill inkwistjoni u fuq l-istat tiegħu fit-30 ta’ Mejju 2006, filgħodu.

15      Fit-2 ta’ Ottubru 2006, il-Kummisjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, hija kkonkludiet, fost l-oħrajn, li s-siġill inkwistjoni kien inkiser u li, minħabba s-setgħa ta’ organizzazzjoni tar-rikorrenti fil-bini inkwistjoni, hija kellha tinżamm responsabbli għal dan il-ksur tas-siġill.

16      Fit-13 ta’Novembru 2006, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

17      Fis-6 ta’ Diċembru 2006, fuq talba tar-rikorrenti, l-uffiċjal tas-seduta mexa bis-seduta, u 3M ipparteċipat fiha wkoll.

18      Fil-21 ta’ Diċembru 2006, fuq talba tal-Kummissjoni, 3M ikkonfermat bil-miktub ċerti dikjarazzjonijiet magħmula waqt is-seduta.

19      Matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti kkomunikat lill-Kummissjoni tliet rapporti ta’ espert mill-istitut tax-xjenzi naturali u tal-mediċina (iktar ’il quddiem, l-“istitut”).

20      Fil-21 ta’ Marzu 2007, l-istitut lesta l-ewwel rapport (iktar ’il quddiem, ir-“rapport ta’ espert tal-istitut I”), fejn ġiet eżaminata r-reazzjoni tas-siġill inkwistjoni meta jsiru tentattivi ta’ tqattigħ u ta’ tqaxxir fuqu.

21      Fil-11 ta’ April 2007, il-Kummissjoni qabbdet lil Kr., espert maħluf fil-qasam tat-tekniki ta’ kolla u tar-reazzjonijiet tal-materji plastiċi, sabiex ifassal rapport fuq ċerti aspetti tal-funzjonalità u tal-immaniġjar tas-siġill inkwistjoni. L-ewwel rapport tiegħu (iktar ’il quddiem, ir-“rapport Kr. 1”) sar fit-8 ta’ Mejju 2007.

22      Fil-15 ta’Mejju 2007, l-istitut lesta rapport ieħor, it-tieni wieħed (iktar ’il quddiem, ir-“rapport ta’ espert tal-istitut II”) fejn ġiet eżaminata r-reazzjoni tas-siġill inkwistjoni meta jsiru tentattivi ta’ tqattigħ b’tiġbid u b’tagħfis fuqu kif ukoll meta jsiru tentattivi ta’ tqaxxir wara li jintuża l-prodott ta’ manutenzjoni Synto (iktar ’il quddiem, is-“Synto”).

23      B’ittra tas-6 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti b’fatti ġodda stabbiliti wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, billi bbażat ruħha fuq id‑dikjarazzjonijiet ta’ 3M u fuq ir-rapport Kr. I, u tatha l-possibbiltà li tagħmel dikjarazzjonijiet bil-miktub f’dan ir-rigward.

24      Fis-6 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrenti bagħtet osservazzjonijiet bil-miktub lill-Kummissjoni u talbet seduta ġdida. Din it-talba ġiet miċħuda.

25      Fl-1 ta’ Ottubru 2007, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni t-tielet rapport ta’ espert tal-istitut, tas-27 ta’ Settembru 2007 (iktar ’il quddiem, ir-“rapport ta’ espert tal-istitut III”), fejn ġiet eżaminata r-reazzjoni tas-siġill inkwistjoni meta jsiru tentattivi ta’ tqaxxir fuqu taħt l-effett taż-żmien, tas-Synto u tal-umdità atmosferika.

26      Imbagħad il-Kummissjoni qabbdet lil Kr. jikkummenta dwar l-argumenti u l‑osservazzjonijiet inklużi fl-ittra tar-rikorrenti tas-6 ta’ Lulju 2007 u fir-rapporti ta’ espert tal-istitut II u III. Kr. fassal it-tieni rapport tiegħu fl-20 ta’ Novembru 2007 (iktar ’il quddiem, ir-“rapport Kr. II”).

27      B’ittra tat-23 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti l-fatti addizzjonali stabbiliti wara l-ittra tagħha tas-6 ta’ Ġunju 2007. Fl-istess ħin hija tat lir-rikorrenti l-aċċess għad-dokumenti korrispondenti u, b’mod partikolari, għar-rapport Kr. II.

28      Fl-10 ta’ Diċembru 2007, ir-rikorrenti esprimiet ruħha fuq id-dokumenti mibgħuta fit-23 ta’ Novembru 2007.

29      Fil-15 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni rċeviet ittra oħra mingħand ir-rikorrenti, u magħha kienu annessi dikjarazzjonijiet maħlufa minn 20 persuna li, skont ir‑rikorrenti kellhom ċavetta li tagħti l-aċċess għall-bini G.505 fid-29 ta’ Mejju 2006, filgħaxija (iktar ’il quddiem il-“possessuri taċ-ċwievet”). Dawn il-peresuni affermaw, fid-dikjarazzjonijiet tagħhom, li, matul il-perijodu kkonċernat (bejn id‑29 ta’ Mejju 2006 fis-7 ta’ filgħaxija u t-30 ta’ Mejju 2006 fid-9.30 ta’ filgħodu), sew ma kinux jinsabu fil-bini G, jew inkella ma kinux fetħu l-bieb tal-bini inkwistjoni (premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Fit-30 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2008) 377 finali dwar l-iffissar ta’ multa bbażat fuq l-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 għal ksur ta’ siġill (Kawża COMP/B-1/39.326 – E.ON Energie AG) (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), u sunt tagħha huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Settembru 2008 (ĠU C 240, p. 6).

31      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jgħid:

“Artikolu 1

E.ON Energie AG kisret siġill imwaħħal mill-uffiċjali tal-Kummissjoni skont l‑Artikolu 20(2)(d) tar-Regolament Nru 1/2003 u, mill-inqas b’mod negliġenti, kisret l-Artikolu 23(1)(e) tal-istess regolament.

Artikolu 2

Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, ġiet imposta multa ta’ EUR 38 000 000 fuq E.ON Energie AG.

[…]”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

32      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il‑Qorti Ġenerali) fil-15 ta’ April 2008, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

33      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta għal ammont xieraq;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

34      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors kollu kemm hu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

35      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri orali. It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-14 ta’ April 2010.

 Id-dritt

36      Ir-rikorrenti tqajjem disa’ motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel seba’ motivi jirrigwardaw il-ksur tas-siġill, filwaqt li l-aħħar tnejn jirrigwardaw l‑ammont tal-multa.

37      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tar-regoli dwar l-oneru tal-prova, it-tieni motiv fuq ksur tal-“prinċipju tal-inizjattiva ex officio”, it-tielet wieħed fuq il‑preżunzjoni allegatament żbaljata ta’ twaħħil regolari tas-siġill, ir-raba’ wieħed fuq il-preżunzjoni allegatament żbaljata tal-“istat evidenti” tas-siġill inkwistjoni l‑jum wara l-ispezzjoni, il-ħames wieħed fuq il-preżunzjoni allegatament żbaljata tan-natura adattata tal-film ta’ sigurtà mat-twaħħil uffiċjali tas-siġilli mill-Kummissjoni, is-sitt wieħed fuq il-fatt li l-Kummissjoni injorat “sitwazzjonijiet possibbli alternattivi” li setgħu taw lok għall-istat tas-siġill inkwistjoni, is-seba’ wieħed fuq ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, it-tmien wieħed fuq ksur tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1/2003 sa fejn ma ġie stabbilit l-ebda nuqqas tar-rikorrenti u, fl-aħħar nett, id-disa’ motiv fuq ksur tal-Artikolu 253 KE u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-iffissar tal-ammont tal-multa.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli dwar l-oneru tal-prova

 L-argumenti tal-partijiet

38      Ir-rikorrenti ssostni li, skont il-prinċipju in dubio pro reo, il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, stabbilit permezz tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem, il‑“KEDB”), u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, il‑Kummissjoni għandha l-oneru tal-prova fil-proċeduri li jistgħu jwasslu għal multi imposti taħt id-dritt dwar l-akkordji. Peress li l-Kummissjoni hija marbuta li tosserva l-garanziji fundamentali tad-dritt penali u li tipprova suffiċjentement skont il-liġi l-eżistenza ta’ ksur, id-dubji eventwali tagħha għandhom jibbenefikaw lill-impriża inkwistjoni. Skont ir-rikorrenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l‑Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li fatti kkonstatati ma jistgħux jiġu spjegati b’mod ieħor ħlief bħala riżultat ta’ ksur, biżżejjed li jiġu stabbilti ċirkustanzi li juru taħt dawl differenti l-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li b’hekk jippermettu li tiġi sostitwita b’spjegazzjoni oħra tal-fatti dik adottata mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur.

39      Fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-modifika tas-siġill inkwistjoni tipproduċi, f’kull każ, “prova ċara” tal-element materjali tal-ksur tas-siġill, ir‑rikorrenti ssostni li tali prova ma hijiex kompatibbli mal-prinċipju in dubio pro reo. “Prova ċara” ma tikkostitwixxix, fi proċeduri li jaqgħu taħt l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1/2003, prova ammissibbli u fl-ebda każ ma hija suffiċjenti sabiex tipprova ksur sanzjonat b’multa. Anki jekk, b’riferiment għal “prova ċara”, il-Kummissjoni tirreferi fil-fatt għal prova ċirkustanzjali, hija ma pproduċiet l-ebda prova għaliex ma stabbilixxiet l-ebda indizju.

40      Barra minn hekk mal-oneru tal-prova fuq il-Kummissjoni hemm, f’dan il-każ, il‑fatt tal-aġir proprju tagħha.

41      Fl-ewwel lok, fl-użu tas-siġill inkwistjoni, il-Kummissjoni ma ħaditx il-miżuri xierqa sabiex tillimta r-riksju ta’ “reazzjonijiet pożittivi foloz” (jiġifieri d-dehra tal-kliem “VOID” fuq is-siġill inkwistjoni fin-nuqqas tal-qlugħ tiegħu), b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ żamma tas-siġill tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tipprova li, minkejja li għadda ż-żmien ta’ żamma massima tas-siġill inkwistjoni, dan kien xieraq u funzjonali matul il-lejl ta’ bejn id-29 u t-30 ta’ Mejju 2006. L-indikazzjonijiet tal-produttur ma humiex suffiċjenti f’dan ir-rigward, għaliex 3M issemmi biss żmien ta’ żamma massima ta’ sentejn fid-dokumentazzjoni ta’ informazzjoni fuq il-film ta’ sigurtà (iktar ’il quddiem, id-“dokumentazzjoni teknika”) u lanqas ma waslet biex tagħti opinjoni definittiva dwar it-tul ta’ ħajja eżatt tal-prodott fir-risposta għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni lanqas ma ġabet tali prova permezz tat-testijiet ta’ Kr., li, barra minn hekk, ma sarux fuq is-siġill inkwistjoni nnifsu. Fl-aħħar nett, ir‑rapporti ta’ espert tal-istitut isemmu sensibbiltà ikbar tas-siġilli li jeħlu waħidhom skont iċ-ċirkustanzi tat-twaħħil tagħhom u l-livell ta’ umdità fl-arja.

42      It-tieni nett, il-Kummissjoni naqset milli tieħu, fuq il-post, il-miżuri neċessarji għaż-żamma tal-provi, billi tieħu ritratti tas-siġill inkwistjoni qabel il-ftuħ tal-bieb, b’mod partikolari fid-dawl tal-osservazzjonijiet rigward l-istat tas-siġill inkwistjoni magħmula mir-rappreżentanti tar-rikorrenti lill-uffiċjali tal-Kummissjoni fit-30 ta’ Mejju 2006, filgħodu. F’dan ir-rigward, il-minuti tal-ksur tas-siġill ma jikkostitwixxux minnhom infushom prova suffiċjenti tal-istat tas-siġill inkwistjoni, peress li dawn saru wara l-ispezzjoni.

43      Fid-dawl tal-priċipju in dubio pro reo u tal-fatt li l-oneru tal-prova huwa iktar oneruż minħabba l-aġir tal-Kummissjoni, ma huwiex possibbli li tiġi kkonstatata l-eżistenza tal-ksur tas-siġill imputabbli lir-rikorrenti. Għaldaqstant, il‑Kummissjoni ma pprovatx, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, l-element materjali tal-ksur.

44      Bil-kontra ta’ dak li tgħid l-Kummissjoni, dan il-motiv ma huwiex astratt, iżda jsostni b’mod konkret in-nuqqas ta’ provi li ċirkustanzi li jistgħu jiġu attribwiti lir-rikorrenti wasslu għall-modifika tal-istat tas-siġill inkwistjoni. Għalhekk, anki mingħajr ir-rapporti ta’ esperti ppreżentati mir-rikorrenti, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni taħt il-forma ta’ multa ma hijiex iġġustifikata. Fi proċeduri li jwasslu għal deċiżjoni li timponi multa, ma hijiex l-impriża kkonċernata li għandha tistabbilixxi l-prova tal-elementi li jiskaġunawha jew ta’ “sitwazzjonijiet possibbli alternattivi”. Bil-kontra, il-Kummissjoni għandha teżamina b’mod globali ċ‑ċirkustanzi kollha inkriminanti u li jiskaġunaw u ġġib il-prova assoluta u lil hinn minn kull dubju raġonevoli li ċirkustanzi li jistgħu jiġu attribwiti lir-rikorrenti wasslu għall-modifika tal-istat tas-siġill inkwistjoni. Sempliċi probabbiltà tas-seħħ tal-ksur ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi imposta multa, iktar u iktar għaliex ir‑rikorrenti qajmet biżżejjed dubji rigward il-produzzjoni tal-prova.

45      Anki jekk jingħad li, inizjalment, il-Kummissjoni pprovdiet provi li jidhru konvinċenti u li jistabbilixxu l-elementi li jikkostitwixxu ksur tas-siġill, madankollu, ir-rikorrenti rnexxielha ġġib provi li juru l-kontra. F’kull każ, hija rnexxielha tqajjem dubji rigward il-fatt li l-provi tal-Kummissjoni huma suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit il-ksur. Bil-kontra ta’ dak li l-Kummissjoni tissuġġerixxi fil-premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma llimitatx ruħha, fir-rigward tal-eżistenza tal-ksur tas-siġill, li “sempliċement issemmi spjegazzjoni possibbli oħra” jew li “ssemmi l-possibbiltà teoretika li […] l-fatti seħħew b’mod mhux normali”, iżda hija bbażat ruħha fuq diversi rapporti ta’ esperti tal-istitut sabiex iġġib il-prova li ċerti ċirkustanzi, jiġifieri l-użu ta’ siġill li għadda ż-żmien għall-użu tiegħu, l-umdità tal-arja, il-vibrazzjonijiet li kien hemm fuq il-bieb u fuq il-qafas tiegħu u t-tensjonijiet ta’ tqattigħ li rriżultaw minnhom kif ukoll l-azzjoni tas-Synto, setgħu jikkawżaw telf tal-forma tas-siġill inkwistjoni li wassal għall-“impressjoni ta’ ħsara” kkonstatata mill-grupp ta’ spezzjoni. Fi proċeduri li jwasslu għal deċiżjoni li timponi multa, ċirkustanzi partikolari possibbli fl-għażla tal-prodott intermedjarju tas-siġill (f’dan il-każ, il-film ta’ sigurtà), il-ħażna tiegħu u l-użu tiegħu mill-Kummissjoni ma jistgħux jitqiesu bħala sempliċement irrilevanti.

46      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tipproponi, b’mod konformi mal-Artikolu 65(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jinstemgħu bħala xhieda l-avukat tagħha kif ukoll uffiċjal ta’ E.ON fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom is-siġill inkwistjoni nstab fit-30 ta’ Mejju 2006, filgħodu.

47      Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel motiv jiġi miċħud għaliex huwa fformulat b’mod astratt mingħajr eżami tal-effetti konkreti fuq l-evalwazzjoni tal-provi u fuq id‑deċiżjoni kkontestata. Sussidjarjament, hija tikkontesta wkoll l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

48      Mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll minn ġurisprudenza stabbilita, mogħtija fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, jirriżulta li fil-qasam tad-dritt dwar il-kompetizzjoni, fil-każ ta’ kwistjoni dwar l‑eżistenza ta’ ksur, hija l-Kummissjoni li għandha ġġib il-prova tal-ksur li hija tikkonstata u li tistabbilixxi l-provi xierqa sabiex juru, suffiċjentment skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummisssjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58, u tas-6 ta’ Jannar 2004, BAI u Il-Kummissjoni vs Bayer, C‑2/01 P u C‑3/01 P, Ġabra p. I‑23, punt 62; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra. p. II‑3601, punt 688). Għal dan il-għan, hija għandha tipproduċi provi suffiċjentement preċiżi u konsistenti sabiex tistabbilixxi konvinzjoni soda li l-ksur allegat seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 1984, CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 20, u tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeytiö et vs Il-Kummissjoni, C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, Ġabra p. I‑1307, punt 127; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Jannar 1999, Riviera Auto Service et vs Il-Kummissjoni, T‑185/96, T‑189/96 u T‑190/96, Ġabra p. II‑93, punt 47).

49      Imbagħad, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 230 KE, ma hijiex il-Qorti tal-Unjoni Ewropea li għandha teżamina l-legalità tal-att ikkontestat (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T–67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 174).

50      Għalhekk, ir-rwol tal-qorti adita b’rikors għal annullament dirett kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur fil-qasam tad-dritt dwar il-kompetizzjoni u li timponi multi fuq id-destinatarji jikkonsisti fl-evalwazzjoni ta’ jekk il-provi u elementi oħra invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha humiex suffiċjenti sabiex jistabbilixxu l-eżistenza tal-ksur li bih ġiet akkużata r-rikorrenti (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 175).

51      Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ dubju min-naħa tal-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207, punt 265). Il-qorti ma tistax għaldaqstant tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbiliet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni suffiċjentement skont il-liġi jekk jibqgħalha dubji fuq din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 177).

52      Fil-fatt, f’din is-sitwazzjoni msemmija l-aħħar, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-KEDB, li huwa parti mid-drittijiet fundamentali li, skont il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, affermata wkoll mill-preambolu tal-Att Uniku Ewropew u mill-Artikolu 6(2) UE, kif ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iddikjarata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1), huma protetti fl-ordinament ġuridiku Komunitarju. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ gravità tas-sanzjonijiet li huma marbuta miegħu, il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri rigward ksur tar-regoli dwar il‑kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (ara, f’dan is-sens, Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani, is-sentenzi Öztürk tal-21 ta’ Frar 1984, Serje A n° 73, u Lutz tal-25 ta’ Awwissu 1987, Serje A n°123‑A ; sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punti 149 u 150, u Montecatini vs Il-Kummissjoni, C‑235/92 P, Ġabra p. I‑4539, punti 175 u 176; sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 178).

53      Ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza rigward il-prattiki miftiehma pprojbiti mill-Artikolu 81 KE, li tipprovdi li parallelliżmu fl-aġir tal-impriżi kkonċernati jista’ jitqies bħala prova ta’ ftehim li jmur kontra din id-dispożizzjoni biss jekk il-ftehim jikkostitwixxi l-unika spjegazzjoni plawżibbli għalih (sentenza CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 16). Fir-rigward tal-prattiki miftiehma, hija għaldaqstant il-Kummissjoni, fid-dawl tal-argumentazzjoni żviluppata mill-impriżi kkonċernati matul il-proċedura amministrattiva, li teżamina l-ispjegazzjonijiet kollha possibbli għall-aġir inkwistjoni u li tgħid li huwa jikkostitwixxi ksur biss fil-każ li l-ksur huwa l-unika spjegazzjoni plawżibbli għalih.

54      Għalhekk, jekk il-Kummissjoni tikkonstata ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni billi tibbaża ruħha fuq l-aġir tal-impriżi kkonċernati, il-qorti tal-Unjoni Ewropea jkollha tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni meta dawn jargumentaw b’mod li jagħti dawl differenti fuq il-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u b’mod li jagħti spjegazzjoni plawżibbli oħra tal-fatti minflok dik adottata mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur (sentenzi CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 16, u Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punti 126 u 127).

55      Madankollu, bl-istess mod bħalma, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha, fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, fuq provi dokumentarji, huma l-impriżi kkonċernati li għandhom mhux biss jippreżentaw alternattiva plawżibbli għat-teżi tal-Kummissjoni, iżda wkoll jiġbdu l-attenzjoni għall-fatt li l‑provi użati fid-deċiżjoni kkontestata huma insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l‑eżistenza ta’ ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punti 725 sa 728, u JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 187), għandu jitqies li, f’każ bħal dak inkwistjoni, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi diretti, huma l-impriżi kkonċernati li għandhom juru li l-provi invokati mill-Kummissjoni ma humiex suffiċjenti. Diġà ġie deċiż li tali qlib tal-oneru tal-prova ma jiksirx il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Montecatini vs Il‑Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 181).

56      Barra minn hekk għandu jiġi enfasizzat li impriża ma tistax tittrasferixxi l-oneru tal-prova fuq il-Kummissjoni billi tinvoka fatti li hija ma tistax tistabbilixxi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punt 262, u JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 343). Fi kliem ieħor, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi li, bħala prinċipju, huma suffiċjenti sabiex juru li jeżisti ksur, ma huwiex biżżejjed li l-impriża kkonċernata ssemmi l-possibbiltà li seħħ fatt li jista’ jaffettwa l-valur probatorju tal-imsemmija provi sabiex il-Kummissjoni jkollha l-oneru li tipprova li dan il-fatt ma setax jaffettwa l-valur probatorju tal-provi. Bil-kontra, ħlief fil-każ li tali prova ma tkunx tista’ tiġi pprovduta mill-impriża kkonċernata minħabba l-aġir tal-Kummissjoni nnifisha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 261 u 262, u JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punti 342 u 343), hija l-impriża kkonċernata li għandha tistabbilixxi suffiċjentement skont il-liġi, minn naħa, l-eżistenza tal-fatt li hija tinvoka u, min-naħa l-oħra, li dan il-fatt jikkontesta l-valur probatorju tal-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni.

57      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kellha tistabbilixxi, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, li l-modifika tal-istat tas-siġill inkwistjoni, ikkonstatata fit-30 ta’ Mejju 2006, hija attribwibbli lilha, wara li tkun uriet li d‑diversi ċirkustanzi li hija allegat ma setgħux jispjegaw l-imsemmi stat. Skont ir‑rikorrenti, ma hijiex hi li għandha tistabbilixxi l-provi li jiskaġunawha jew “sitwazzjonijiet possibbli alternattivi”. Sempliċi probabbiltà tas-seħħ tal-ksur ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi imposta multa, iktar u iktar għaliex ir-rikorrenti qajmet biżżejjed dubji rigward il-produzzjoni tal-prova. Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tirreferi għalhekk għall-fatt li kien għadda ż-żmien għall-użu tas-siġill, għall-umdità fl-arja, għall-vibrazzjonijiet li kien hemm fuq il‑bieb u fuq il-qafas tiegħu u għat-tensjonijiet ta’ tqattigħ li rriżultaw minnhom kif ukoll għall-azzjoni tas-Synto, li setgħu jikkawżaw telf tal-forma tas-siġill inkwistjoni, li wassal għall-“impressjoni ta’ ħsara” kkonstatata mill-grupp ta’ spezzjoni.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li tallega l‑Kummissjoni, il-motiv imqajjem mir-rikorrenti ma huwiex astratt, għaliex, essenzjalment, ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova fid-dritt Komunitarju dwar il‑kompetizzjoni, din tal-aħħar ma wrietx suffiċjentement skont il-liġi li ċ‑ċirkustanzi attribwibbli lir-rikorrenti kienu wasslu għall-modifika fl-istat tas-siġill inkwistjoni, b’tali mod li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

59      Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma kisritx il‑prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova. Fil-fatt, minn naħa, il-premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata tindika b’mod espliċitu li “hija l-Kummissjoni li għandha tippreżenta l-fatti neċessarji sabiex tipprova l-ksur tas-siġill allegat”. Min-naħa l‑oħra, il-Kummissjoni bbażat il-konstatazzjoni tagħha ta’ ksur tas-siġill fuq l-istat tas-siġill inkwistjoni fit-30 ta’ Mejju 2006, filgħodu, li, kif tgħid hija, kellu l-kliem “VOID” fuq il-wiċċ kollu tiegħu kif ukoll traċċi ta’ kolla fuq in-naħa ta’ wara, kif jirriżulta b’mod partikolari mid-dikjarazzjonijiet tal-ispetturi tal-Kummissjoni u tal-Bundeskartellamt u mill-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-minuti tal-ksur tas-siġill (premessi 75 u 76 tad-deċiżjoni kkontestata).

60      Għaldaqstant, filwaqt li rreferiet b’mod partikolari għad-dikjarazzjonijiet ta’ sitt spetturi preżenti fuq il-post u għall-firma mir-rikorrenti tal-minuti tat-twaħħil tas-siġill, il-Kummissjoni qabel kollox ikkonstatat it-twaħħil regolari tas-siġill inkwistjoni fid-29 ta’ Mejju 2006, filgħaxija (premessi 50 u 51 tad-deċiżjoni kkontestata). Imbagħad, il-Kummissjoni kkonstatat, kif ġie osservat fil-punt 59 hawn fuq, modifika fl-istat tal-imsemmi siġill fit-30 ta’ Mejju 2006, filgħodu, li, kif tgħid hi, jipprova l-ksur tas-siġill.

61      Indipendentement mill-valur probatorju tal-provi li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom u li għandhom jiġu evalwati fil-kuntest tal-eżami tat-tielet sal-ħames motivi, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat fil-premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata li “sempliċement issemmi l-possibbiltà teoretika li […] l-fatti seħħew b’mod mhux normali ma jistax ikun biżżejjed” sabiex tiġi kkonfutata l-eżistenza ta’ ksur. Fil-fatt, skont il-prinċipji msemmija fil-punti 55 u 56 hawn fuq, hija r‑rikorrenti li għandha tistabbilixxi mhux biss ir-realtà tad-diversi ċirkustanzi li hija allegat sabiex tispjega l-istat tas-siġill inkwistjoni fit-30 ta’ Mejju 2006, iżda wkoll li dawn iċ-ċirkustanzi jikkontestaw il-valur probatorju tal-provi prodotti mill-Kummissjoni.

62      Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat l-ispjegazzjonjiet alternattivi rigward l-istat tas-siġill inkwistjoni fit-30 ta’ Mejju 2006 mressqa mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn l-ispjegazzjonijiet ma jurux li l-imsemmi stat kien jirriżulta minn ċirkustanzi differenti mill-ksur tas-siġill (premessi 62 sa 68 u 77 sa 98 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ebda ksur tal-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova ma jista’ jiġi kkonstatat.

63      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma tistax tallega li żewġ ċirkustanzi, jiġifieri l-allegat fatt li kien għadda ż-żmien għall-użu tas-siġill inkwistjoni u n-nuqqas ta’ ritratti li juru l-istat tas-siġill inkwistjoni qabel il-ftuħ tal-bieb, għamlu iktar oneruż l-oneru tal-prova tal-Kummissjoni. Jekk jingħad li l-eżistenza ta’ dawn iċ-ċirkustanzi hija stabbilita suffiċjentement, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-argumentazzjoni żviluppata mir-rikorrenti rigward dawn iċ-ċirkustanzi, il-provi mressqa mill-Kummissjoni jurux suffiċjentement skont il-liġi l-konstatazzjoni ta’ ksur tas-siġill fis-sens tal-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003. Dan l‑eżami ser isir fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet sal-ħames motivi.

64      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-“prinċipju tal-inizjattiva ex officio”

 L-argumenti tal-partijiet

65      B’riferiment għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni (56/64 u 58/64, Ġabra p. 429), u tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C‑269/90, Ġabra p. I‑5469), ir-rikorrenti tfakkar li, skont il-“prinċipju tal-inizjattiva ex officio”, il-Kummissjoni għandha tieħu l-inizjattiva sabiex tiċċara l-fatti u teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l‑elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni. Dan il-prinċipju ġie miksur f’dan il‑każ.

66      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kellha tirrimedja “inċertezzi manifesti” rigward il-kompożizzjoni tas-Synto. Il-Kummissjoni ma kellhiex sempliċement tafferma li hija ma kinitx taf liema prodott kien uża l-istitut fir-rapporti ta’ esperti tiegħu (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rapport tal-istitut II, l-istitut kellu jistabbilixxi l-preżenza tal-komponent 2-(2-butoxietoxi)etanol fis-Synto. Dan il-komponent jattakka numru importanti ta’ sustanzi organiċi. Bil-kontra, Kr. ma wettaqx huwa nnifsu analiżi tal-kompożizzjoni tas-Synto, iżda qies li l-prodott ta’ manutenzjoni kien jikkonsisti f’“soluzzjoni abbażi ta’ ilma li tnaqqas is-surface tension u li tinkludi l-elementi 2-butoxietoxietanol u 2-Propanol (Isopropylalkohol)”. Tali sustanza tipproduċi biss effetti simili għal dawk ta’ alkoħol filwaqt li s-sustanza analizzata mill-istitut tipproduċi wkoll l-istess effetti bħall-etere u, minħabba dan, effett supplementari ta’ solvent b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-kolla u mat-traċċi ta’ markers. Ir-riżultati tar-rapporti ta’ esperti tal-istitut kellhom iħajru lill-Kummissjoni tagħmel analiżi supplementari tal-kompożizzjoni tas-Synto. Il-Kummissjoni ma tistax ma tagħmilx dan sempliċement minħabba li l-unika varjanti tas-Synto li hija fil-biċċa l-kbira anidra (iktar ’il quddiem, is-“Synto Forte”) ma hijiex, skont l‑indikazzjonijet tal-fabbrikant, mibjugħa fil-fliexken ta’ litru li ntużaw mill-kumpannija tat-tindif (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata). Ma jistax jiġi eskluż li l-fabbrikant għamel dikjarazzjonijiet żbaljati u/jew li l-ippakkjar tas-Synto nbidel sussegwentement.

67      Il-Kummissjoni naqset ukoll milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prodott ta’ manutenzjoni użat qabel mill-kumpannija tat-tindif (is-Synto Forte) ġie ssostitwit bis-Synto ftit qabel l-ispezzjoni, u dan ġie kkomunikat lill-Kummissjoni fir-risposta tar-rikorrenti għat-talba għal informazzjoni tad-19 ta’ Ottubru 2007. F’dan ir-rigward huwa impossibbli li jiġi eskluż li l-kumpannija tat-tindif kien għad fadlilha Synto Forte. Il-Kummissjoni setgħet faċilment tagħmel analiżi tal-prodott ta’ manutenzjoni użat peress li r-rikorrenti kienet ipproponiet li tibgħatilha parti mill-kontenut li kien baqa’ fil-flixkun.

68      It-tieni nett, il-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ investigazzjoni għaliex ma stħarrġitx l-allegata possibbiltà li l-possessuri taċ-ċwievet taw aċċess għall-bini G.505 lil terzi kif ukoll l-allegata possibbiltà li xi ħadd ieħor daħal f’dan il-bini b’mod ieħor. Il-Kummissjoni injorat, fil-premessi 98 u 100 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-bieb tal-bini inkwistjoni kien ġie mhux biss issiġillat, iżda wkoll imsakkar sabiex ħadd ma jkun jista’ jidħol. Id-dikjarazzjonijiet maħlufa tal-possessuri taċ-ċwievet juru li, matul il-lejl inkwistjoni, il-bieb tal-bini kkonċernat ma ġiex miftuħ. Ir-rikorrenti titlob li tiġi prodotta l-prova ta’ dan billi jinstemgħu dawn il-persuni inkwantu xhieda, b’mod konformi mal-Artikolu 65(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura.

69      Sa fejn il-Kummissjoni tafferma li persuni oħra setgħu jakkwistaw ċavetta tal-bini G.505 mill-possessuri taċ-ċwievet (premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata), ir‑rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-obbligu tagħha li tiċċara kompletament il-fatti, il-Kummissjoni kellha titlob li d-dikjarazzjonijiet maħlufa jiġu kkompletati jew tinvestiga hija nnifisha fuq fejn jinsabu ċ-ċwievet.

70      Bl-istess mod, sa fejn il-Kummissjoni tafferma li d-dikjarazzjonijiet maħlufa ma jeskludux li “il-bieb infetaħ b’modi oħra” (premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata), hija kellha tagħmel investigazzjonijiet fuq is-serratura u fuq il-bieb tal-bini G.505, li jkunu jistgħu jistabbilixxu dħul jew tentattiv ta’ manipulazzjoni b’xi mod jew ieħor. Analiżi tal-wiċċ tal-bieb kienet tippermetti l-konstatazzjoni li l-ftuħ tal-bieb b’modi oħra seta’ jiġi eskluż.

71      Ir-rikorrenti żżid li ma jistax jiġi presuppost li hija ħajret deliberatament lil wieħed mill-possessuri taċ-ċwievet sabiex jagħmel ħsara fuq is-siġill inkwistjoni u/jew jiftaħ il-bieb. Hija tqis li, b’dikjarazzjoni maħlufa falza, dan l-eventwali terz jesponi ruħu, skont id-dritt Ġermaniż, għal sanzjoni penali u eventwalment għal danni ta’ ammont għoli.

72      It-tielet nett, il-Kummissjoni kisret il-“prinċipju tal-inizjattiva ex officio” bil-mod kif hija fformulata l-mistoqsija Nru 6 tal-kwestjonarju tal-ispetturi, li ostakolat jew affetwat ir-riproduzzjoni tal-konstatazzjonijiet proprji tal-ispetturi.

73      Il-Kummissjoni tosserva li dan il-motiv għandu jiġi miċħud għaliex ir-rikorrenti sempliċement tifformula kummenti ġenerali mingħajr ma tistabbilixxi kif l‑oġġezzjonijiet mqajma huma ta’ natura tali li jaffettwaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Sussidjarjament, hija tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

74      Kif tfakkar fil-punti 48 u 49 hawn fuq, fil-qasam tad-dritt dwar il‑kompetizzjoni, hija l-Kummissjoni li għandha ġġib il-prova tal-ksur li hija tikkonstata u li tistabbilixxi provi tali li juru, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur. Għal dan il-għan, hija għandha tiġbor provi suffiċjentement preċiżi u konsistenti sabiex tistabbilixxi konvinzjoni solida li l-ksur allegat fil-fatt seħħ.

75      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni għandha, għall-finijiet tal-osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tkun involuta bil-mezzi proprji tagħha fl-istabbiliment tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti (sentenza Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, p. 501).

76      Fost il-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju jinstabu, b’mod partikolari, l-obbligu, tal-istituzzjoni kompetenti, li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Technische Universität München, punt 65 iktar ’il fuq, punt 14, u s‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1995, Nölle vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑167/94, Ġabra p. II‑2589, punt 73).

77      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat b’mod preliminari li l-motiv tar-rikorrenti huwa intiż sabiex jistabbilixxi li l-Kummisjoni ma eżaminatx l-elementi rilevanti tal-każ inkwisjtoni, b’mod partikolari billi ma rrimedjatx l-inċertezzi rigward il-kompożizzjoni tas-Synto u billi ma investigatx b’mod suffiċjenti l-eventwali aċċess għall-bini G.505. Tali insuffiċjenzi, jekk jingħad li jistgħu, jekk ikun il-każ, inaqqsu l-valur probatorju tal-provi adottati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jistgħu jaffettwaw il-legalità ta’ din tal-aħħar.

78      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummisjoni ħalliet inċertezzi dwar il-kompożizzjoni tal-prodott ta’ manutenzjoni użat fit-30 ta’ Mejju 2006, l-ewwel nett, għandu jingħad li, fil-premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha li tafferma li hija ma kinitx taf liema prodott kien uża l-istitut għat-testijiet tiegħu. Fl-imsemmija premessa, minn naħa, il-Kummissjoni tafferma li mir-rapport Kr. 1 u mir-rapport Kr. II jirriżulta li l-effett tas-Synto fuq il-wiċċ tas-siġill inkwistjoni ma setax ikollu effett fuq il-funzjonament tiegħu. Min-naħa l-oħra, hija eskludiet l-affermazzjoni tar-rikorrenti li Kr. ma kienx uża, għat-testijiet tiegħu, il-prodott għat-tindif oriġinali.

79      Qabel kollox, hija fil-fatt indikat li hija kienet ordnat li jintbagħtilha mill-kumpannija għat-tindif innifisha eżattament l-istess prodott għat-tindif li kien intuża fil-bini tar-rikorrenti matul il-lejl ta’ bejn id-29 u t-30 ta’ Mejju 2006 u li biss dan il-prodott għat-tindif kien użat waqt it-testijiet. Imbagħad, għandu jiġi kkonstatat li l-affermazzjoni li tinsab fil-premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata, skont liema l-Kummissjoni ma kinitx taf liema prodott l-istitut kien uża għat-testijiet tiegħu, tirrispondi għall-argument tar-rikorrenti li l-istitut kien ittestja l‑prodott li kien intbagħatlu minnha u kkonstata li kien solvent anidra li għandu bħala komponent prinċipali tiegħu l-2-(2-butoxietoxi)etanol. Issa, skont l‑indikazzjonijet tal-fabbrikant, is-Synto Forte, l-unika varjanti tas-Synto li hija fil-biċċa l-kbira anidra, ma jinbiegħx fil-fliexken ta’ litru li ntużaw fit-tindif tal-bieb tal-bini G.505 u ma huwiex użat bħala prodott għat-tindif, iżda bħala prodott biex ineħħi t-tbajja’.

80      It-tieni nett, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tanalizza l-kompożizzjoni tas-Synto, għaliex, sabiex tagħmel it-testijiet tagħha, hija użat is-Synto użat mill-kumpannija tat-tindif fuq il-bieb tal-bini G.505 li kien intbagħtilha direttament minn din tal-aħħar, u dan ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti meta ġiet mistoqsija fuq dan il-punt waqt is-seduta. Barra minn hekk, mill-ittra tal-5 ta’ Settembru 2006, indirizzata mill-kumpannija tat-tindif lill-Kummissjoni, u b’mod partikolari mir-risposta mogħtija minn din l-istess kumpannija għat-tieni mistoqsija tal-Kummissjoni, jirriżulta li s-Synto effettivament intuża sabiex jitnaddaf il-bieb tal-imsemmi bini. Fl-aħħar nett, fid-dokumentazzjoni ta’ sigurtà dwar is-Synto ma ssemmiex il-preżenza, fis-Synto, tal-komponent 2-(2-butoxietoxi)etanol.

81      It-tielet nett, ir-rikorrenti ma tikkontestax li, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fuq is-sit Internet tal-fabbrikant, is-Synto Forte ma jinbiegħx fil-fliexken ta’ litru li ntużaw mill-kumpannija tat-tindif. F’dan ir-rigward, l-argumenti tar-rikorrenti li huwa impossibbli li jiġi eskluż li l-fabbrikant għamel dikjarazzjonijiet żbaljati jew li l-ippakkjar inbidel sussegwentement ma humiex konvinċenti u ma humiex, f’kull każ, sostnuti.

82      Fir-raba’ lok, l-argumenti tar-rikorrenti li ma jistax jiġi eskluż li l-kumpannija tat-tindif ħelset minn dak li kien fadlilha mill-varjanti l-iktar aggressiva tas-Synto, li allegatament kienet tintuża qabel, għandhom ukoll jiġu miċħuda. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti ma tispjegax għalfejn din il-varjanti, iktar dannuża fuq l-uċuh tal-injam, intużat sabiex jitnaddfu l-bibien tal-bini tagħha. Min-naħa l-oħra, mill-premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni rċeviet mill-kumpannija tat-tindif innifisha eżattament l-istess prodott għat-tindif li ntuża fil-bini tar-rikorrenti fit-30 ta’ Mejju 2006 u użat biss dan il-prodott f’bosta testijiet. Din l-affermazzjoni ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti.

83      Peress li l-prodott għat-tindif li fuqu l-espert imqabbad mill-Kummissjoni għamel it-testijiet tiegħu huwa preċiżament il-prodott għat-tindif użat mill-kumpannija tat-tindif matul il-lejl bejn id-29 u t-30 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni ma kellha l‑ebda raġuni li tagħmel l-analiżi tal-kompożizzjoni tiegħu.

84      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-“prinċipju tal-inizjattiva ex officio” għaliex ma investigatx il-possibbiltà li l-possessuri taċ-ċwievet taw aċċess għall-bini G.505 lil terzi kif ukoll il-possibbiltà li ħaddieħor daħal f’dan il-bini b’mod ieħor.

85      Skont l-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ timponi multi meta, intenzjonalment jew b’mod negliġenti, “siġilli mwaħlin […] min uffiċjali jew persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizati mil-Kummissjoni ġew miksurin”. Għalhekk, b’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni, il‑Kummissjoni għandha l-oneru li tipprova l-ksur tas-siġill. Bil-kontra, hija ma għandhiex l-oneru li tipprova li kien hemm dħul effettiv fil-bini li kien issiġillat jew li d-dokumenti li kienu maħżuna hemm ġew mimsusa. F’dan il-każ, mill-premessi 74 sa 76 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni effettivament ikkunsidrat li s-siġill inkwistjoni ġie miksur. Għal dan il-għan, il‑Kummissjoni indikat b’mod partikolari (premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata) li “l-istat tas-siġill fit-30 ta’ Mejju 2006 filgħodu [kien] iwassal għall-konklużjoni li [kien] tneħħa mill-bieb tal-uffiċju matul il-lejl u li dan il-bieb [seta’] għaldaqstant jinfetaħ f’dak iż-żmien”. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti li l-bieb tal-bini kkonċernat ma ġiex miftuħ matul il-lejl inkwistjoni, li huma sostnuti mid-dikjarazzjonijiet maħlufa tal-possessuri taċ-ċwievet, huma irrilevanti.

86      F’kull każ, kif tosserva l-Kummissjoni, id-dikjarazzjonijiet maħlufa tal-possessuri taċ-ċwievet, magħmula bejn it-2 ta’ Settembru u t-22 ta’ Diċembru 2007, jiġifieri kważi sena u nofs wara l-fatti, ma jistgħux jibdlu l-konklużjoni tagħha fid-deċiżjoni kkontestata rigward l-eżistenza ta’ ksur tas-siġill, għaliex, kif jirriżulta mir-risposti tar-rikorrenti għat-talba għal informazzjoni, persuni oħra seta’ kellhom aċċess għal ċavetta li tippermetti l-ftuħ tal-bieb tal-bini G.505. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tinvestiga l-eventwali possibbiltà li l-possessuri taċ-ċwievet taw aċċess għall-bini G.505 lil terzi jew il-possibbiltà li xi ħadd ieħor daħal f’dan il-bini b’mod ieħor.

87      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-“inizjattiva ex officio” bil-mod kif hija fformulata l-mistoqsija Nru 6 tal-kwestjonarju tal-ispetturi, li ostakolat jew affetwat ir-riproduzzjoni tal-konstatazzjonijiet proprji tal-ispetturi.

88      Tali argumentazzjoni għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, din id-domanda kienet intiża sabiex tistaqsi lill-membri tal-grupp ta’ spezzjoni fuq l-indizji li kienu jikkorroboraw konstatazzjoni ta’ ksur ta’ siġill, b’mod partikolari fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-minuti tal-ksur tas-siġill, jiġifieri l-preżenza tal-kliem “VOID” fuq il-wiċċ kollu tas-siġill inkwistjoni kif ukoll il-preżenza ta’ kolla madwar u fuq in-naħa ta’ wara tiegħu. Il-formulazzjoni tal-kwestjonarju ma tostakolax għaldaqstant ir-riproduzzjoni tal-konstatazzjonijiet proprji tal-ispetturi.

89      Barra minn hekk, mir-risposti mogħtija mill-ispetturi għall-imsemmija kwestjonarju jirriżulta li dawn kienu effettivament indikaw, taħt id-domanda Nru 6, l-elementi li huma kienu individwalment jiftakru f’dan ir-rigward. Għalhekk, pereżempju, K1. iddikjara li huwa kellu immedjatament l-impressjoni li s-siġill kien ġie mibdul minn meta kien twaħħal [u li kien] ta bil-miktub l-osservazzjonijiet li jawtorizzaw tali konklużjoni u […] [kien] għaqqadhom bħala anness mal-minuti tal-ksur tas-siġill”. Ko. iddikjara li huwa kien “osserva li s‑siġill kien ‘imċaqlaq’ u li l-kliem ‘VOID’ kien jidher”, iżda li huwa ma kienx “ħares lejn in-naħa ta’ wara tas-siġill”. L. indika li kien “personalment aċċerta ruħu mill-istat tas-siġill l-għada” billi osserva li dan “kien ġie mċaqlaq b’madwar 2 mm” iżda li ma kienx “ta attenzjoni speċjali lill-preżenza tal-kliem ‘VOID’ fuq is-siġill”. N. indika wkoll li “jifktakar perfettament għaliex osserva personalment li l-kliem ‘VOID’ kien jidher fuq il-wiċċ kollu tas-siġill u li “donnhom kienu jindikaw ukoll ksur tas-siġill it-traċċi tal-kolla fuq il-bieb, eżattament qrib it-tarf tas-siġill”. Fl-aħħar nett, M. osserva li “id-deskrizzjoni li tinsab fil-minuti [kienet] eżatta” u li kieku huwa “jikteb il-punt (b) b’mod iktar konkret kif ġej: traċċi tal-kolla fuq iż-żewġ truf tas-siġill; kienu biċċiet ta’ bejn 1 u 2 mm tal-kliem ‘VOID’”.

90      Għaldaqstant it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-preżunzjoni allegatament żbaljata ta’ twaħħil regolari tas-siġill

 L-argumenti tal-partijiet

91      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat, fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, li ġie stabbilit li s-siġill inkwistjoni kien intatt meta twaħħal fuq il-bini G.505 fid-29 ta’ Mejju 2006 u li kien jeħel kompletament mal-bieb u mal-qafas ta’ dan tal-aħħar meta l-grupp ta’ spezzjoni telaq mill-bini madwar is-7.30 ta’ filgħaxija.

92      Fl-ewwel lok, it-twaħħil regolari tas-siġill inkwistjoni mal-bieb ma huwiex mingħajr kontestazzjoni. Fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti kienet diġà kkontestat il-fatt li s-siġill inkwistjoni kien weħel perfettament mal-wiċċ tas-support inkwistjoni. Il-kontenut tal-fajl jippermetti, mill-iktar, il-konklużjoni li, b’mod konformi mal-impressjoni superfiċjali tal-ispetturi preżenti waqt it-twaħħil tas-siġill, is-siġill inkwistjoni kien jeħel mal-wiċċ tas-support inkwistjoni, u dan ma huwiex biżżejjed biex jiġġustifika l‑konstatazzjoni ta’ twaħħil regolari. Ir-rikorrenti tosserva li, fid-dokumentazzjoni teknika, jiġi spjegat li dan it-tip ta’ siġill jeħel ma’ diversi wċuh speċifiċi sakemm dawn ikunu tnaddfu minn qabel. Tali tindif ma sarx. Barra minn hekk, il-bieb ikkonċernat huwa magħmul minn pannelli li jipproteġu mill-istorbju (sound-proof) u mgħoddija b’żebgħa tal-enemel u minn qafas tal-aluminju ossidizzat, li ma humiex imsemmija fid-dokumentazzjoni teknika.

93      Lanqas ma huwa stabbilit li s-siġill inkwistjoni nqala’ mill-film ta’ sigurtà tiegħu b’mod konformi mal-istruzzjonijiet tal-fabbrikant. Anki 3M tammetti l-possibbiltà ta’ ħsara minn qabel fil-każ li jkun ġie mmanipulat b’mod ħażin (premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata). Mir-rapport ta’ espert tal-istitut III jirriżulta li twaħħil ta’ siġill mhux konformi mal-istruzzjonijiet tal-fabbrikant ma jwassalx neċessarjament għad-dehra immedjata tal-kliem “VOID” fuq is-siġill. Għalhekk, l-affermazzjoni li kull indizju ta’ twaħħil insuffiċjenti tas-siġill inkwistjoni kien ikun osservat immedjatament mill-persuni preżenti għat-twaħħil tas-siġill (premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata) hija irrilevanti. Barra minn hekk, ir‑rikorrenti tikkontesta l-fatt li s-siġill inkwistjoni tneħħa regolarment mill-film ta’ sigurtà tiegħu, li seta’ jitwaħħal mingħajr problemi, li kien jeħel mal-bieb tal-bini G.505 u mal-qafas tiegħu filwaqt li baqa’ intatt u mingħajr il-kliem “VOID” viżibbli u li kien is-suġġett ta’ osservazzjoni attenta min-naħa ta’ ċerti spetturi. Ir‑rikorrenti ma setgħetx tivverfika dan u l-Kummissjoni ma ġabitx il-prova tiegħu. Hija żżid li d-dikjarazzjonijiet tal-ispetturi rigward kif sar it-twaħħil tas-siġill inkwistjoni huma kontradittorji.

94      Fir-rigward tal-affermazzjonijiet li jinsabu fil-premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li ma huwiex probabbli li l-fabbrikant jagħti struzzjonijiet tant dettaljati fir-rigward tal-manipulazzjoni tal-prodott jekk huma jkunu, kull kif, superfluwi. Barra minn hekk, inkwantu fabbrikant, 3M ma għandhiex interess li tqiegħed f’dubju l-affidabbiltà tal-prodott tagħha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx, b’ċertezza suffiċjenti, tikkonstata li s‑siġill inkwistjoni kien “intatt” u li “kien jeħel mal-bieb u mal-qafas tal-bini G.505” (premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

95      Fit-tieni lok, il-fatt li rappreżentant tar-rikorrenti ffirma l-minuti tat-twaħħil tas-siġill fid-29 ta’ Mejju 2006 jikkonferma biss it-twaħħil uffiċjali ta’ siġill, iżda mhux it-twaħħil korrett tiegħu, peress li r-rikorrenti ma kellhiex il-possibbiltà li tinduna immedjatament bil-ħsara minn qabel jew bid-difetti fl-applikazzjoni tas-siġill inkwistjoni.

96      Fit-tielet lok, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, l-allegata esperjenza tagħha u t-testijiet ta’ Kr. ma humiex rilevanti. Is-sempliċi fatt li allegatament ma kienx hemm problemi ta’ twaħħil u lanqas ta’ “reazzjonijiet pożittivi foloz” ma’ siġilli oħrajn użati mill-2004 ’l hawn u li ġejjin mill-istess lott (premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata) ma jippermettix il-konklużjoni li tali reazzjoni hija eskluża jew improbabbli. Kr. innifsu rrikonoxxa li l-analiżi tiegħu ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit f’liema miżura l-osservazzjonijiet tiegħu jistgħu jiġu ġeneralizzati. Issa, ir-riżultati tal-analiżi magħmula minn Kr. kellhom jiġu “statistikament ikkonfermati”.

97      Ir-raba’ nett, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li, fil-każ ta’ użu fuq bibien ta’ uffiċji ordinarji magħmula mill-aluminju (mgħoddija b’żebgħa tal-enemel) funzjonament korrett tas-siġill ikun probabbli (premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata) hija irrilevanti, għaliex qatt ma ġie kkonstatat li l-bieb tal-bini G.505 ġie ffabbrikat bl-aluminju. Anki l-qafas tal-bieb ikkonċernat ma huwiex magħmul minn aluminju mgħoddi b’żebgħa tal-enemel, iżda minn aluminju ossidizzat, jiġifieri mgħoddi b’kisi ta’ protezzjoni ossidizzata għall-finijiet ta’ protezzjoni kontra l-korrużjoni.

98      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

99      Huwa stabbilit li fid-29 ta’ Mejju 2006, hekk għas-7.15 ta’ filgħaxija, il-bini G.505 ġie ssiġillat permezz ta’ siġill uffiċjali tal-Kummissjoni. Madankollu, skont ir-rikorrenti, ma huwiex stabbilit li t-twaħħil ta’ dan is-siġill kien regolari. Skont ir-rikorrenti, huwa biss permess li tiġi dedotta l-impressjoni superfiċjali tal-ispetturi preżenti waqt it-twaħħil tas-siġill li s-siġill inkwistjoni kien jeħel mal-wiċċ tas-support inkwistjoni. Madankollu, ma jistax jitqies, b’ċertezza suffiċjenti, li s-siġill inkwistjoni kien jeħel tajjeb, filwaqt li jibqa’ intatt, mal-bieb tal-bini G.505 u mal-qafas tiegħu fid-29 ta’ Mejju 2006, filgħaxija.

100    Għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li “[i]t-twaħħil tas-siġill [kien] sar korrettament”, li “[i]s-siġill kien jeħel perfettament mas-support, magħmul mill-bieb u mill-qafas tiegħu, u [li] l-ebda sinjal ‘VOID’ ma kien jidher fuq il-wiċċ isfar u blu tiegħu wara li ġie mwaħħal” (premessa 50 tad-deċiżjoni kkontestata).

101    Għal dan il-għan, hija bbażat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 5, 50 u 51 tad-deċiżjoni kkontestata), fuq il-minuti tat-twaħħil tas-siġill u fuq ir-risposti, tas-sitt spetturi li kienu preżenti waqt it-twaħħil tas-siġill inkwistjoni, għad-domanda Nru 3 tal-kwestjonarju indirizzat lill-ispetturi.

102    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-provi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata kinux jippermettu l-konklużjoni li t-twaħħil tas-siġill inkwistjoni kien regolari.

103    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-minuti tat-twaħħil tas-siġill isemmu, minn naħa, li fid-29 ta’ Mejju 2006, fis-7.15 ta’ filgħaxija, siġill twaħħal fuq il‑bini G.505, b’mod konformi mal-Artikolu 20(2)(d) tar-Regolament Nru 1/2003, u, min-naħa l-oħra, li rappreżentant tar-rikorrenti, P., ġie informat bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(2)(d)) u tal-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll bil-possibbiltà tal-impożizzjoni ta’ multa, skont l-Artikolu 23(1)(e) tal-imsemmi regolament, meta jinkisru siġilli intenzjonalment jew b’mod negliġenti. Il-minuti ġew iffirmati minn K1., uffiċjal tal-Kummissjoni u responsabbli għall-grupp ta’ spezzjoni, J., uffiċjal tal-Bundeskartellamt, u P., rappreżentant tar-rikorrenti.

104    Bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-minuti tat-twaħħil tas-siġill juri suffiċjentement ir-regolarità tat-twaħħil tas-siġill inkwistjoni. Il-minuti inkwistjoni juru fil-fatt twaħħil tas-siġill “b’mod konformi mal-Artikolu 20(2)(d) tar-Regolament Nru 1/2003”, li ġie rikonoxxut minn rappreżentant tar-rikorrenti bil-firma tiegħu, wara li ġie informat bid-dispożizzjonijiet rilevanti. Issa, huwa biss twaħħil tas-siġill regolari li jista’ jitqies bħala konformi mal-Artikolu 20(2)(d) tar-Regolament Nru 1/2003.

105    F’kull każ, fid-29 ta’ Mejju 2006, filgħaxija, jekk ir-rikorrenti kienet ikkonstatat irregolarità fit-twaħħil tas-siġill inkwistjoni jew kienet ikkonstatat id-dehra tas‑sinjali “VOID” fuqu, jista’ jitqies li hija kienet tifformula immedjatament ossservazzjonijiet f’dan ir-rigward, peress li hija kienet taf perfettament l‑importanza ta’ tali sinjali (ara wkoll il-premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, kif osservat il-Kummissjoni, is-servizz ta’ sigurtà tar-rikorrenti afferma li wara verifika tas-siġill inkwistjoni, diversi sigħat wara t-twaħħil tiegħu, l-ebda modifika tiegħu ma ġiet osservata waqt iż-żewġ rondi fil-bini G. Għalhekk għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti skont liema l-kliem “VOID” setgħu dehru biss sussegwentement, minħabba ħsara minn qabel tas-siġill inkwistjoni kkawżata minn manipulazzjoni ħażina tiegħu.

106    It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li r-risposti tas-sitt spetturi tal-Kummissjoni u tal-Bundeskartellamt preżenti waqt it-twaħħil tas-siġill, li l-Kummissjoni tirreferi għalihom fil-premessi 5 u 50 tad-deċiżjoni kkontestata, jikkonfermaw it-twaħħil regolari tas-siġill inkwistjoni.

107    Għalhekk, Kl., uffiċjal tal-Kummissjoni u responsabbli għall-grupp ta’ spezzjoni, afferma li huwa kien “assolutament ċert li s-siġill kien intatt […u li huwa kien] aċċerta ruħu minn dan personalment u b’attenzjoni partikolari”. Huwa żied li s‑siġill inkwistjoni “kien jeħel b’mod sod mal-bieb u mal-qafas tiegħu u [li] l-ebda kliem ‘VOID’ ma kien jidher”.

108    Bl-istess mod, L., uffiċjal tal-Kummissjoni ddikjara li “[kien] ċert li s-siġill kien intatt meta [l-ispetturi] telqu mill-bini [u li huma kienu] ħarsu tajjeb mill-ġdid u vverifikaw li kien imqiegħed tajjeb”.

109    W., uffiċjal tal-Kummissjoni, ikkonfermat min-naħa tagħha li “kien ċert [li s‑siġill] kien jeħel korrettament mal-bieb[, li t-]twaħħil kien sar korrettament [… u li] s-siġill kien jidher ‘normali’”. Hija żiedet li s-siġill inkwistjoni “tqiegħed korrettament fuq il-bieb, [li huwa] kellu l-kuluri blu skur u isfar normali [u li] l‑ebda kliem ‘VOID’ ma kien jidher”.

110    N., uffiċjal tal-Bundeskartellamt, spjega li huwa kien “osserva personalment li s‑siġill kien intatt meta l-grupp ta’ spezzjoni telaq mill-bini [… u li kien] osserva s-siġill b’attenzjoni”.

111    M., uffiċjal tal-Bundeskartellamt, iddikjara li, “wara li [Kl. kien] waħħal is-siġill, diversi uffiċjali, fosthom [huwa], [kienu] aċċertaw irwieħhom li s-siġill kien twaħħal korrettament”. Huwa żied li, “meta l-grupp ta’ spezzjoni, inklużi l‑uffiċjali tal-Bundeskartellamt, telqu mill-kuritur fejn jinsab il-bini ssiġillat, is‑siġill kien intatt”. Huwa afferma li “ikkonstatah b’għajnejh”.

112    Fl-aħħar nett, B., uffiċjal tal-Bundeskartellamt, ikkonferma li “[Kl.], u membri oħra tal-grupp minbarra [huwa] nnifsu, [kienu] aċċertaw [irwieħhom] li s-siġill kien twaħħal korrettament [u li huwa kien] osserva personalment li s-siġill kien intatt meta l-grupp ta’ spezzjoni telqu mill-bini”.

113    It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li r-risposti għad-domanda Nru 3 tal-kwestjonarju tal-Kummissjoni tal-erba’ spetturi l-oħra li kienu pparteċipaw fl-ispezzjonijiet fil-bini tar-rikorrenti, ma jqegħdux f’dubju l-valur probatorju tal-provi msemmija hawn fuq. Fil-fatt, spettur afferma li ma pparteċipax fit-twaħħil tas-siġill filwaqt li tliet spetturi pprovdew indizji tar-regolarità tat-twaħħil tas-siġill inkwistjoni u għalhekk ikkonfermaw il-kontenut tal-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

114    Għahekk, K. ddikjara li, “meta [huwa kien] ra[h] għall-aħħar darba, is-siġill kien intatt”. Me. kkonferma, min-naħa tiegħu li “[kien] aċċerta ruħu, mill-inqas b’mod awtomatiku, li s-siġill kien intatt”. Fl-aħħar nett, J. afferma li, “kif jiftakar, is-siġill kien intatt meta l-grupp ta’ spezzjoni telaq din il-parti tal-bini fid-29 ta’ Mejju 2006”.

115    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kienu jippermettu l-konstatazzjoni li s-siġill inkwistjoni kien twaħħal b’mod regolari fid-29 ta’ Mejju 2006, li dan kien jeħel għaldaqstant mal-bieb tal-bini G.505 u mal-qafas ta’ dan u li huwa kien intatt, fis-sens li ma kienx juri l-kliem “VOID” fil-mument li fih il-grupp ta’ spezzjoni telaq mill-bini tar-rikorrenti.

116    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti humiex tali li jqiegħdu f’dubju l-valur probatorju tal-provi msemmija hawn fuq. Għal dan il-għan, ir-rikorrenti tirreferi għall-fatt li, l-ewwel nett, il-bieb tal-bini G.505 u l-qafas tiegħu ma ġewx imnaddfa qabel it-twaħħil tas-siġill inkwistjoni, it-tieni nett, il-materjali tal-imsemmi bieb u tal-qafas tiegħu ma humiex imsemmija fid-dokumentazzjoni teknika u, it-tielet nett, ma huwiex stabbilit li s‑siġill inkwistjoni nqala’ mill-film ta’ sigurtà tiegħu b’mod konformi mal-istruzzjonijiet tal-fabbrikant.

117    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li r-rappreżentanti tagħha u dawk tal-Bundeskartellamt kienu “żguraw irwieħhom li s-support kien nadif, b’tali mod li ma kienx indispensabbli li jsir tindif partikolari tal-bieb u tal-qafas inkwistjoni” (premessa 49 tad-deċiżjoni kkontestata).

118    Jekk huwa minnu li d-dokumentazzjoni teknika tissuġġerixxi li jitnaddaf il-wiċċ tas-support imsemmi qabel it-twaħħil tas-siġill, jibqa’ l-fatt li dan is-suġġeriment huwa marbut mal-fatt li wiċċ maħmuġ jista’ jaffettwa kemm is-siġill jeħel b’tali mod li s-sinjali “VOID” jistgħu ma jidhrux fil-każ ta’ ksur tas-siġill. Fil-fatt, fid-dokumentazzjoni teknika, huwa msemmi b’mod espliċitu li “kull element li jikkontamina l-wiċċ jaffettwa b’mod negattiv kemm jeħel [is-siġill] u l-messaġġ ta’ distruzzjoni”.Il-fabbrikant tas-siġilli, 3M, ikkonfermat ukoll b’mod espliċitu li s-suġġeriment rigward it-tindif minn qabel tal-wiċċ tas-supports imsemmija jikkonċerna prinċipalment il-każijiet li fihom tali wiċċ ikun kontaminat b’żejt jew xaħam. It-trab li jinsab normalemnt f’uffiċċju ma għandu, skont il-fabbrikant, l-ebda effett fuq il-funzjonalità tas-siġilli.

119    Issa, ir-rikorrenti, li għandha l-oneru tal-prova taċ-ċirkustanzi li hija tinvoka, ma stabbilixxietx li, fid-29 ta’ Mejju 2006 filgħaxija, il-wiċċ tal-bieb tal-bini G.505 u l‑qafas tiegħu kienu koperti b’kontaminanti oħra għajr it-trab li normalment jinsab f’uffiċċju. Barra minn hekk, hija ma stabbilixxietx li, fid-29 ta’ Mejju 2006 filgħaxija, l-istat tal-wiċċ tal-bieb u tal-qafas inkwistjoni kien tali li normalment seta’ jaffettwa l-funzjonalità tas-siġill inkwistjoni. Bil-kontra, huwa pjottost possibbli li jitqies li l-bieb tal-bini G.505 tnaddaf regolarment mill-kumpannija tat-tindif. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

120    It-tieni nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti dwar il-materjali li huma komposti minnhom il-bieb tal-bini G.505 u l-qafas tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni osservat, fil-premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[f]il-każ ta’ użu fuq il-bibien ta’ uffiċċju ordinarji minn magħmula minn aluminju (mgħoddija b’żebgħa tal-enemel), funzjonament korrett tas-siġill [kien…] probabbli”. Il-Kummissjoni ppreċiżat li “[d]an [kien] ġie kkonfermat b’mod ċar permezz tal-analiżi magħmula fuq il-post u fil-laboratorju mill-espert imqabbad minn[ha], rigward is-siġilli u kemm huma jeħlu fuq is-support reali tagħhom”.

121    Ir-rikorrenti tafferma li l-qafas tal-bieb ikkonċernat ma huwiex magħmul minn aluminju mgħoddi b’żebgħa tal-enemel, iżda minn aluminju ossidizzat. Madankollu, ir-rikorrenti, li għandha l-oneru tal-prova tal-elementi li hija tinvoka, ma tressaq l-ebda element li jippermetti l-kunsiderazzjoni li l-fatt li l-qafas tal-bieb huwa magħmul minn aluminju ossidizzat, u mhux mgħoddi b’żebgħa tal-enemel, seta’ jkollu xi effett fuq il-funzjonament tas-siġill inkwistjoni.

122    F’kull każ, 3M indikat, fir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, li l-kolla użata f’dan it-tip ta’ siġill kienet adattata prattikament għas-supports kollha, b’tali mod li l-elenkar tas-supports kollha possibbli fid-dokumentazzjoni teknika [stainless steel, acrylonitrile-butadiene-styrene (ABS), polypropylene, metall miżbugħ, poliester, polyethylene b’densità għolja (PEHD), najlon, ħġieġ, polikarbonat] ma kienx eżawrjenti, iżda kien intiż sabiex jipprovdi indikazzjoni approssimattiva tan-natura u tal-varjetà tas-supports li fuqhom seta’ jintuża l-prodott. 3M indikat ukoll li tali siġill kien jiffunzjona korrettament fuq bibien magħmulin mill-aluminju u mill-aluminju mgħoddi b’żebgħa tal-enemel, filwaqt li ppreċiżat li, jekk siġill ma kienx jeħel biżżejjed mas-support, il-kliem “VOID” għandu mnejn ma jidhirx fil-każ li dan jiġi mċaqlaq, u dan ma kienx hekk f’dan il-każ. L-osservazzjonijiet li jinsabu fir-rapport Kr. I, u dawk ta’ Kr., tad-9 ta’ Lulju 2008, ikkonfermaw ukoll dawn l-affermazzjonijiet. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, it-tieni argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

123    It-tielet nett, fir-rigward tal-fatt li ma huwiex stabbilit li s-siġill inkwistjoni nqala’ mill-film ta’ sigurtà tiegħu b’mod konformi mal-istruzzjonijiet tal-fabbrikant, biżżejjed jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ġabitx provi tar-realtà tal-fatt allegat, b’tali mod li din l-argumentazzjoni għandha tiġi miċħuda. F’kull każ, skont 3M, dannu tal-prodott waqt li jinqala’ mill-film tas-sigurtà tiegħu kien ikollu bħala effett li juri l-kliem “VOID” jerġa’ qabel it-twaħħil fuq is-support filwaqt li “reazzjoni pożittiva falza” li sseħħ sussegwentement hija eskluża. Fir-rapport Kr. 1, ġew ukoll esklużi r-rilevanza tar-rapidità ta’ separazzjoni bejn is-siġill inkwistjoni u l-film ta’ sigurtà f’dak li jikkonċerna d-dehra tal-kliem “VOID” kif ukoll il-fatt li l-imsemmi kliem jista’ jidher biss wara li jgħaddi ċertu żmien. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet argument tar-rikorrenti għandu wkoll jiġi miċħud.

124    Minn dak kollu li ntqal, it-tielet motiv ma jistax jintlaqa’.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-preżunzjoni allegatament żbaljata tal-“istat evidenti” tas-siġill inkwistjoni l-jum wara l-ispezzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

125    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni qieset inġustament, fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 9, 24, 55, 61 u 75 tad-deċiżjoni kkontestata), li, fit-30 ta’ Mejju 2006, il‑kliem “VOID” kien jidher fuq il-wiċċ kollu tas-siġill inkwistjoni.

126    Fl-ewwel lok, skont il-perċezzjoni tar-rappreżentanti tar-rikorrenti, il-kliem “VOID” bilkemm kien jidher u ċertament mhux fuq il-wiċċ kollu tas-siġill inkwistjoni. Uffiċjal tal-Bundeskartellamt indika wkoll, fir-risposta tiegħu għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni li, “f’ċerti postijiet, is-sinjal ‘void’ kien jidher kemm kemm mill-karta”. Il-membri tal-grupp ta’ spezzjoni u r-rappreżentanti tar-rikorrenti, inizjalment, kellhom dubji rigward l-eżistenza ta’ modifika tas-siġill inkwistjoni. Għal dan il-għan, ir-rikorrenti tipproponi, b’mod konformi mal-Artikolu 65(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, li l-avukat tagħha jinstema’ bħala xhud.

127    Il-fatt li l-ispetturi xtaqu jqabblu l-istat tas-siġill inkwistjoni ma’ dak tas-siġilli mwaħħla f’partijiet oħra tal-bini (premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata) jikkonferma li l-kliem “VOID” ma kienu, fl-ebda każ, jidhru b’mod ċar fuq il-wiċċ kollu tas-siġill inkwistjoni. F’kull każ, f’dan ir-rigward, ma hijiex kwistjoni ta’ perċezzjoni perfettament konsistenti tal-uffiċjali kollha preżenti. Barra minn hekk, ċerti dikjarazzjonijiet tal-ispetturi huma kontradittorji mal-minuti tal-ksur tas-siġill.

128    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq ir-ritratti tal-parti li baqgħet imwaħħla mal-qafas tal-bieb tal-bini G.505 u li ttieħdu permezz ta’ telefon ċellulari biss fit-30 ta’ Mejju 2006, wara nofsinhar. F’dan ir-rigward, l‑affermazzjoni tal-Kummissjoni li, fit-30 ta’ Mejju 2006 filgħodu, il-bieb tal-bini G.505 ġie miftuħ mill-persuna responsabbli tal-grupp ta’ spezzjoni mingħajr ma sar iktar dannu fuq is-siġill inkwistjoni (premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata) hija żbaljata. Il-fatt li nqala’ s-siġill inkwistjoni mill-bieb bilfors kellu jagħmel dannu lill-wiċċ li jeħel tal-imsemmi siġill. Peress li l-ispezzjoni tkompliet b’mod intensiv mid-9.30 ta’ filgħodu u li l-bieb tal-bini G.505, konsegwentement, infetaħ u ngħalaq regolarment, is-siġill inkwistjoni nqala’ u reġa’ tqiegħed f’postu diversi drabi. Huwa inevitabbli li t-tentattivi ta’ ġbid u ta’ tqaxxir li jirriżulta minnhom ikkawżaw ċertu ċaqliq tas-siġill inkwistjoni li kellu bħala konsegwenza d-dehra tal-kliem “VOID”. Barra minn hekk, wara li tkompliet l-ispezzjoni, is‑siġill inkwistjoni ma baqax issorveljat b’mod kostanti u huwa impossibbli li jiġi eskluż li ntmess jew ġie mmanipulat b’xi mod ieħor.

129    F’dan il-kuntest, ikun kontradittorju li l-Kummissjoni, minn naħa, tqis li s‑sempliċi dehra tal-kliem “VOID” hija biżżejjed sabiex jitqies li kien hemm ksur tas-siġill u, min-naħa l-oħra, tafferma li hija ma setgħetx tikkonkludi b’mod definittiv li kien hemm ksur tas-siġill mingħajr il-qlugħ supplementari tas-siġill inkwistjoni. Huwa wkoll kontradittorju li, skont id-dikjarazzjonijiet ta’ ċerti spetturi, kliem “VOID” kien jidher fuq il-wiċċ kollu tas-siġill inkwistjoni, iżda biss wara li dan inqala’.

130    Fir-rigward tar-risposta għad-domanda Nru 15 tat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, invokata minn din tal-aħħar, ir-rikorrenti tenfasizza li hija tikkonċerna biss il-viżibbiltà tal-kliem “VOID” fuq il-bieb tal-bini G.505 u fuq il‑qafas ta’ dan wara l-ftuħ tal-bieb mill-ispetturi u mhux il-viżibbiltà tal-kliem “VOID” fuq is-siġill inkwistjoni mill-ewwel osservazzjoni fit-30 ta’ Mejju 2006 filgħodu. Billi indikat li l-kliem “VOID” huwa ftit jew wisq ikkontrastat skont is‑support u jidher li huwa tal-istess kulur bħas-siġill inkwistjoni, li jirrendi osservazzjoni b’attenzjoni neċessarja, il-Kummissjoni kkonfermat li l-kliem “VOID” bilkemm kien jidher, f’biċċiet u mhux fuq il-wiċċ kollu tas-siġill inkwistjoni.

131    Id-dikjarazzjoni supplementari għall-minuti tat-30 ta’ Mejju 2006 ma għandhiex saħħa probatorja f’dak li jirrigwarda l-istat tas-siġill inkwistjoni fit-30 ta’ Mejju 2006, filgħodu. Hija ma tinkludi l-ebda dikjarazzjoni f’dan ir-rigward u tikkompleta biss osservazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward l-istat tas-siġill inkwistjoni wara l-ftuħ tal-bieb tal-bini G.505.

132    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma tispjegax kif il-kliem “VOID” deher fuq is-siġill kollu inkwistjoni meta, f’kull każ, il-parti tas-siġill inkwistjoni mwaħħla mal-qafas tal-bieb tal-bini G.505 ma kinitx maqlugħa. Fil-fatt, skont l-espożizzjoni tal-Kummissjoni, il-kliem “VOID” jistgħu jidhru biss wara li jinqala’ s-siġill (premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-istess ħin, huwa prattikament impossibbli li s-siġill jiġi ssostitwit eżattament fl-istess post, b’tali mod li jekk huwa jinqala’ dan iwassal b’mod inevitabbli sabiex traċċi tal-kolla jkunu fuq wara tas-siġill (premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata). Tali traċċi tal-kolla jinsabu madankollu mhux fuq il-parti tas-siġill inkwistjoni fuq in-naħa tal-qafas tal-bieb imsemmi. Bil-kontra, wara l-qlugħ definittiv tas-siġill inkwistjoni, il-kliem “VOID” f’dan il-post kien intatt u ma kienx hemm traċċi ta’ kolla fuq din il-parti (premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata). Jekk il-parti tas-siġill inkwistjoni mwaħħla mal-qafas tal-bieb ma kinitx, madankollu, maqlugħa, ikun impossibbli li jiġi spjegat kif il-kliem “VOID” viżibbli deher fuqha. L-espożizzjoni tal-Kummissjoni li l-kliem “VOID” kien viżibbli fuq il-wiċċ kollu tas-siġill inkwistjoni għaldaqstant timplika, neċessarjament, li hija “reazzjoni pożittiva falza”.

133    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

134    Għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li “l-istat tas-siġill fit-30 ta’ Mejju 2006 filgħodu [kien] iwassal biċ-ċar għall-konklużjoni li [kien] tneħħa mill-bieb tal-uffiċċju matul il-lejl u li dan il-bieb, għaldaqstant, seta’ nfetaħ sadattant” (premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata).

135    Għal dan il-għan, hija bbażat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq il-minuti tal-ksur tas-siġill u fuq ir-risposti ta’ tmien spetturi, li kienu preżenti waqt il‑konstatazzjoni tal-ksur tas-siġill (premessi 8, 12, 75 u 76 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija osservat ukoll, fil-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata, li r‑rappreżentanti interni u esterni tar-rikorrenti preżenti waqt l-ispezzjoni f’dak il‑jum ma kinux ikkontestaw il-modifika fl-istat tas-siġill inkwistjoni, iżda rrifjutaw li jiffirmaw il-minuti tal-ksur tas-siġill.

136    Fl-ewwel lok, għandu għaldaqstant jiġi eżaminat jekk il-provi invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kinux jippermettu l-konklużjoni tal-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ siġill.

137    L-ewwel nett, kif jirriżulta mill-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod differenti minn siġill tal-karta, meta siġill ikun magħmul mill-plastik, bħalma huwa s-siġill inkwistjoni, il-ksur ta’ siġill ma jidhirx permezz ta’ tqattigħ. Ladarba jkun imwaħħal, siġill magħmul mill-plastik ma jistax jerġa’ jitneħħa mis-support tiegħu mingħajr ma din it-tneħħija tibqa’ viżibbli. Huwa impossibli li jitwaħħal mill-ġdid mingħajr ma jitħallew traċċi. Fil-fatt, wara li jitneħħa, il-kolla bajda tibqa’ fuq is-support taħt il-forma tal-kliem “VOID”, ta’ daqs ta’ madwar 12-il punt Didot (madwar 5 mm) imqassma fuq il-wiċċ kollu tal-istiker. Is-siġill imneħħi jsir trasparenti f’dawn iż-żoni, b’tali mod li l-kliem “VOID” ikun jidher sew fuq is-siġill ukoll. Fid-dawl, fuq kollox, tan-numru kbir u tad-daqs tal-kliem “VOID”, huwa definittivament impossibbli li jitwaħħal is-siġill eżattament fl-istess post fejn kien jinsab qabel. Anki f’tali każ, is-sinjali “VOID” jibqgħu jidhru sew.

138    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-minuti tal-ksur ta’ siġill (ara l-punt 9 iktar ’il fuq) isemmu, minn naħa, il-fatt li t-totalità tas-siġill inwistjoni ġie mċaqlaq b’madwar 2 mm fit-tul u fil-wiesa’, u fil-fatt traċċi tal-kolla kienu jidhru n-naħa ta’ taħt u tal-lemin tas-siġill, u, min-naħa l-oħra, li l-kliem “VOID” kien jidher biċ-ċar fuq il-wiċċ kollu tas-siġill, li kien madankollu jinsab fuq il-bieb tal-bini G.505 u l-qafas tiegħu ma kienx tqatta’. Għalhekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-konstatazzjonijiet li jinsabu f’dawn il-minuti, iffirmati minn K1., uffiċjal tal-Kummissjoni u responsabbli għall-grupp ta’ spezzjoni, u J., uffiċjal tal-Bundeskartellamt, juru suffiċjentement l-eżistenza ta’ ksur ta’ siġill.

139    It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li r-risposti tat-tmien spetturi preżenti waqt il‑konstatazzjoni tal-ksur tas-siġill, li l-Kummissjoni rreferiet għalihom fil-premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata, jikkonfermaw din il-konklużjoni.

140    Għalhekk, Kl., uffiċjal tal-Kummissjoni u responsabbli għall-grupp ta’ spezzjoni, afferma li “dan [kien] immedjatament ta l-impressjoni li s-siġill kien ġie mibdul wara t-twaħħil tiegħu”. Huwa indika li “ta bil-miktub l-osservazzjonijiet tiegħu li jawtorizzaw tali konklużjoni u li “għaqqadhom bħala anness mal-minuti tal-ksur tas-siġill”.

141    Bl-istess mod, Ko., uffiċjal tal-Kummissjoni, iddikjara “[li kien] osserva li s-siġill ġie ‘mċaqlaq’ u li l-kliem ‘VOID’ kien viżibbli”.

142    W., uffiċjal tal-Kummissjoni, ikkonfermat ukoll li hija kienet osservat li “s-siġill ma kellux l-istess dehra bħall-ġurnata ta’ qabel filgħaxija”, li l-kliem “VOID” seta’ jinqara’ fuq il-wiċċ kollu tas-siġill inkwistjoni u li kien hemm traċċi tal-kolla ta’ 2 mm mat-truf u fuq il-parti ta’ wara tas-siġill inkwistjoni maġenb il-kliem “VOID”. Hija żiedet li “s-siġill ma kienx tal-istess kulur blu skur bħal qabel għaliex il-kliem ‘VOID’ kien viżibbli”.

143    N., uffiċjal tal-Bundeskartellamt, spjega li huwa “[kien] jiftakar perfettament li l‑kliem ‘VOID’ kien viżibbli fuq il-wiċċ kollu tas-siġill [u li] t-traċċi ta’ kolla fuq il-bieb, eżattament qrib it-tarf tas-siġill, ukoll donnhom kienu jindikaw ksur tas-siġill”.

144    M., uffiċjal tal-Bundeskartellamt, iddikjara li “id-deskrizzjoni li tinsab fil-minuti [kienet] eżatta [u li] kieku huwa jikteb il-punt (b) b’mod iktar konkret kif ġej: traċċi tal-kolla fuq iż-żewġ truf tas-siġill; kienu biċċiet ta’ bejn 1 u 2 mm tal-kliem ‘VOID’”.

145    Konstatazzjonijiet simili saru minn Me., J. u B., uffiċjali tal-Bundeskartellamt.

146    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-provi li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 8, 9, 74 u 75) kienu jippermettu l-konklużjoni li s‑siġill inkwistjoni kien tneħħa mill-bieb tal-bini G.505 matul il-lejl bejn id-29 u t‑30 ta’ Mejju 2006 u li dan il-bieb seta’ għaldaqstant infetaħ sadattant, fid-dawl tal-kliem “VOID” fuq it-totalità tal-wiċċ tas-siġill inkwistjoni u tal-preżenza ta’ traċċi ta’ kolla qrib u fuq wara tal-imsemmi siġill fit-30 ta’ Mejju 2006, filgħodu. Għaldaqstant ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni dwar l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-kliem “VOID” fuq il-qafas tal-bieb ma tħassarx kompletament u kien “intatt”, li jimplika li l-parti tas-siġill inkwistjoni li tinsab fuq il-qafas tal-bieb, minkejja li ma nqalgħetx, kellha l-kliem “VOID” u tindika “reazzjoni pożittiva falza”. F’kull każ, kif osservat il-Kummissjoni, din tal-aħħar qatt ma esprimiet ruħha tal-istess fehma fformulata mir-rikorrenti fil-punt 2 tad‑dikjarazzjoni supplementari tagħha fit-30 ta’ Mejju 2006 (ara l-punt 12 hawn fuq). Barra minn hekk, is-sempliċi affermazzjoni tar-rikorrenti li “l-kliem ‘VOID’ fuq il-qafas ma kienx imħassar kompletament ma tistax, minnha nnifisha, turi l‑eżistenza ta’ “reazzjoni pożittiva falza” tas-siġill inkwistjoni.

147    It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti humiex tali li jqiegħdu f’dubju l-valur probatorju tal-provi msemmija hawn fuq. Ir-rikorrenti tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-fatt li l-kliem “VOID” bilkemm kien jidher, u li ċertament ma kienx fuq il-wiċċ kollu tas-siġill inkwistjoni, u għall-fatt li l-Kummissjoni bbażat ruħha inġustament fuq ir-ritratti, meħuda fit-30 ta’ Mejju 2006, wara nofsinhar, tal-parti tas-siġill inkwistjoni li baqgħet imwaħħla mal-qafas tal-bieb tal-bini G.505.

148    L-ewwel nett, sabiex issostni li l-kliem “VOID” bilkemm kien jidher, u biss fuq parti tas-siġill inkwistjoni, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-fatt li uffiċjal tal-Bundeskartellamt indika li, f’ċertu postijiet, is-sinjal “VOID” kien jidher kemm kemm mill-karta u fuq il-fatt li l-membri tal-grupp ta’ spezzjoni u r-rappreżentanti tar-rikorrenti inizjalment kellhom dubji rigward l-eżistenza ta’ modifika tas-siġill inkwistjoni, u dan jidher minn tqabbil viżiv li sar bejn l-istat tas-siġill inkwistjoni u l-istat tas-siġilli mwaħħla f’postijiet oħra tal-bini. Barra minn hekk, ċerti dikjarazzjonijiet ta’ spetturi huma f’kontradizzjoni mal-minuti tal-ksur ta’ siġill.

149    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li l-kliem “VOID” effettivament kien viżibbli fuq is-siġill inkwistjoni jew, mill-inqas fuq parti minnu, fl-għodwa tat-30 ta’ Mejju 2006. Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta l‑fatt li kien hemm traċċi ta’ kolla fuq in-naħa ta’ isfel u tal-lemin tiegħu. Issa, kif ikkonfermat 3M fir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Settembru 2006, id-dehra tal-kliem “VOID” tindika li l‑istiker ġiet imċaqalqa. Għaldaqstant il-Kummissjoni setgħet, ġustament, fil-minuti tal-ksur tas-siġill, tikkonstata li s-siġill inkwistjoni ġie miksur. Barra minn hekk, kif osservat il-Kummissjoni, minkejja li l-konstatazzjonijiet rigward id‑dehra tal-kliem “VOID” ġew ripetuti fil-minuti tal-ksur tas-siġill, ir-rikorrenti ma fformulat l-ebda osservazzjoni f’dan ir-rigward fid-dikjarazzjoni supplementari għall-minuti tal-ksur tas-siġill (premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata).

150    Imbagħad, l-istat tas-siġill inkwistjoni ġie kkonfermat mid-dikjarazzjonijiet tat-tmien spetturi preżenti fuq il-post (ara l-punt 139 hawn fuq). F’dan ir-rigward, l‑affermazzjoni tar-rikorrenti li d-dikjarazzjonijiet ta’ ċerti spetturi jikkontradixxu l-konstatazzjonjiet tal-minuti tal-ksur tas-siġill ma tistax tintlaqa’. Għalhekk, la d‑dikjarazzjoni ta’ P., li, “f’ċerti postijiet, is-sinjal ‘VOID’ kien jidher kemm kemm mill-karta, u lanqas l-affermazzjonijiet ta’ L., li jgħid li ra traċċi kwadri fuq il-bieb, in-naħa tax-xellug tas-siġill inkwistjoni u ma tax attenzjoni partikolari għall-fatt li sinjal “VOID” kien jidher fuq is-siġill inkwistjoni, ma jqiegħdu f’dubju l-konstatazzjoni tad-dehra tal-kliem “VOID” fuq is-siġill inkwistjoni, u lanqas ma huma tali li jinvalidaw il-konstatazzjonijiet fil-minuti tal-ksur tas-siġill jew id-dikjarazzjonijiet kollha tal-ispetturi l-oħra li jsir riferiment għalihom fil-punti 140 sa 145 hawn fuq.

151    Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tqabbil bejn l-istat tas-siġill inkwistjoni, u l-istat tas-siġilli mwaħħla f’partijiet oħra tal-bini, li juri, skont ir-rikorrenti, l-eżistenza ta’ dubji rigward il-modifika tas-siġill inkwistjoni, għandu jitqies li, kif il‑Kummissjoni spjegat fil-premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li dan il‑każ ta’ ksur ta’ siġill kien l-ewwel wieħed u li ma kienx ksur ta’ siġill permezz ta’ tqattigħ, jidher iġġustifikat li l-ispetturi ħadu prekawzjonijiet meta qabbluh ma’ siġilli oħra. F’kull każ, il-fatt li l-grupp ta’ spezzjoni qabbel is-siġill inkwistjoni u s-siġilli mwaħħla f’partijiet oħra tal-bini ma jistax iqiegħed f’dubju l‑konstatazzjonijiet dwar l-istat fiżiku tas-siġill inkwistjoni, kif ingħataw fil-minuti tal-ksur tas-siġill, u, għaldaqstant, l-allegazzjoni tar-rikorrenti ma hijiex rilevanti.

152    It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni bbażat ruħha inġustament, sabiex tikkonstata l-istat tas-siġill inkwistjoni, fuq ritratti meħuda b’telefon ċellulari fit-30 ta’ Mejju 2006, wara nofsinhar, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa bbażat fuq premessa żbaljata.

153    Fil-fatt, mill-premessi 74 u 75 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tas-siġill, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-istat tas-siġill inkwistjoni fit-30 ta’ Mejju 2006, filgħodu, li kellu, fost l-oħrajn, il‑kliem “VOID” fuq it-totalità tal-wiċċ tiegħu. Fir-rigward tal-prova ta’ din il‑konstatazzjoni, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-persuna responsabbli għall-grupp ta’ spezzjoni kif ukoll rappreżentant tal-Bundeskartellamt ħejjew il-minuti tal-ksur tas-siġill fil-preżenza tar-rappreżentanti tar-rikorrenti. Barra minn hekk, hija żiedet li l-istat tas-siġill inkwistjoni li huwa deskritt hemmhekk, b’mod partikolari d-dehra tal-kliem “VOID” fuq parti kbira tal-wiċċ tiegħu, ġiet ikkonfermata b’mod unanimu mill-grupp ta’ spezzjoni meta ġew mistoqsija fuq dan il-punt. Issa, kif ġie osservat fil-punt 146 hawn fuq, dawn l-elementi huma biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li kien hemm il-ksur.

154    F’dan il-kuntest, mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq il-valur probatorju tar-ritratti tas-siġill inkwistjoni, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li l-imsemmija ritratti ttieħdu mill-Kummissjoni wara l-ftuħ tal-bieb tal-bini G.505 ma humiex tali li jqiegħdu f’dubju l-valur probatorju tal-elementi msemmija fil-punt 153 hawn fuq u għandhom jiġu miċħuda.

155    Minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti, li għandha l-oneru tal-prova taċ-ċirkustanzi li hija tinvoka, ma stabbilixxietx l-irregolarità tal-konstatazzjoni tal-ksur tas-siġill fit-30 ta’ Mejju 2006, filgħodu.

156    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-preżunzjoni allegatament żbaljata tan-natura adattata tal-film ta’ sigurtà mat-twaħħil uffiċjali tas-siġilli mill-Kummissjoni

 L-argumenti tal-partijiet

157    Ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li l-film ta’ sigurtà kien adattat għat-twaħħil uffiċjali ta’ siġilli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni.

158    Fl-ewwel lok, il-film ta’ sigurtà kien maħsub sabiex jipprova li “kontenitur jew prodott sigur” ma ġie, fl-ebda każ, miftuħ. F’dan ir-rigward, l-utent ta’ film ta’ sigurtà jaċċetta li, fil-każ ta’ reazzjoni pożittiva tal-film ta’ sigurtà, ma jkunx possibbli li wieħed ikun jaf, a posteriori, jekk kinitx “reazzjoni pożittiva falza” jew jekk fil-fatt il-prodott inkwistjoni ġiex immanipulat.

159    Bil-kontra, fi proċedura mmexxija skont ir-Regolament Nru 1/2003, ma jkunx xieraq li r-riskju ta’ “reazzjoni pożittiva falza” jitqiegħed fuq l-impriża kkonċernata, b’mod partikolari fid-dawl tal-multi inkorsi għal ksur ta’ siġill. Il‑Kummissjoni għandha tuża film fejn id-dehra ta’ “reazzjonijiet pożittivi foloz” tkun, a priori, eskluża.

160    Il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq l-affermazzjoni ta’ 3M li tgħid li, sal-lum, hija ma ġiet mgħarrfa bl-ebda ilment rigward il-funzjonalità defiċjenti tal-films ta’ sigurtà (premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata), għaliex l-utenti ta’ tali films ma għandhomx raġuni għalfejn jippreżentaw ilment ħlief fil-każ ta’ “reazzjoni negattiva falza”.

161    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li d-data ta’ skadenza tas-siġill inkwistjoni għaddiet. Issa, ir-rapporti ta’ esperti tal-istitut juru li iktar ma l-film ta’ sigurtà jeqdiem, inqas ikun affidabbli u iktar isir sensittiv għall-“influwenzi esterni”.

162    Anki jekk, fir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006, 3M tagħti, għall-ewwel darba, l-impressjoni li l-film ta’ sigurtà jista’ jiffunzjona korrettament wara perijodu ta’ ħażna ta’ iktar minn sentejn, 3M tevita li tieħu pożizzjoni b’mod definittiv fuq it-tul ta’ żmien ta’ konservazzjoni tal-film ta’ sigurtà. Barra minn hekk, billi tnaqqas l-effetti taż-żmien fuq il-film ta’ sigurtà, 3M tinjora l-istat attwali tax-xjenza u tat-teknika fil-qasam tas-sinjali ta’ qdumija fuq stikers li huma sensittivi għall-pressjoni. F’kull każ, indikazzjonijiet ipprovduti mill-fabbrikant ma jistgħu jġibu l-ebda prova dwar l-effikaċja tas-siġill inkwistjoni fil-mument preċiż tal-fatti u ma humiex tali li jissostitwixxu evalwazzjoni minn “espert newtru”. Ir-riżultati tar-rapporti ta’ esperti ta’ Kr. ma jneħħux id-dubji rigward l-effikaċja tas-siġill inkwistjoni, għaliex dawn ma jieħdux inkunsiderazzjoni l-effett taż-żmien jew tas-Synto fuq is-siġill, u lanqas il‑konsegwenzi ta’ tensjoni ta’ dan matul perijodu twil fis-settur tax-xaqq tal-bieb, fil-każ ta’ vibrazzjonijiet tal-bieb li jdumu fiż-żmien u ta’ tentattivi ta’ tqattigħ simultanji.

163    Fir-rigward tal-osservazzjonijiet kritiċi tal-Kummissjoni rigward is-simulazzjoni ta’ qdumija użat mill-istitut, ir-rikorrenti ssostni li din kienet tissodisfa rekwiżiti xjentifiċi. Qdumija mgħaġġla permezz ta’ żieda żgħira fit-temperatura kienet neċessarja, inkella ma kienx ikun possibbli li tiġi mkejla l-qdumija.

164    It-tielet nett, ir-rifjut ta’ 3M li tammetti l-possibbiltà tal-eżistenza ta’ “reazzjonijiet pożittivi foloz” (premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata) ma huwiex rilevanti u f’kull każ ma huwiex sostnut permezz ta’ provi. L-eventwali nuqqas ta’ lment min-naħa tal-klijenti rigward “reazzjonijiet pożittivi foloz” ma huwiex biżżejjed bħala motivazzjoni għall-impossibbiltà ta’ tali reazzjonijiet. Barra minn hekk, id‑dikjarazzjonijiet ta’ 3M dwar it-tul ta’ żmien ta’ konservazzjoni illimitat tas-siġill ma jistgħux jitwemmnu u jikkontradixxu l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-dokumentazzjoni teknika. Barra minn hekk, mill-imsemmija dokumentazzjoni jirriżulta li, fil-każ ta’ riskju ta’ dannu ekonomiku konsiderevoli, il-film ta’ sigurtà ma jikkostitwixxix, minnu nnifsu, mezz ta’ sigurtà adattat. F’dan ir-rigward, 3M tissuġġerixxi l-użu ta’ mezzi ta’ sigurtà supplementari fil-każijiet fejn jistgħu jseħħu konsegwenzi gravi u l-Kummissjoni għaldaqstant setgħet tuża diversi siġilli għall-bibien. Il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ miżuri supplementari mill-Kummissjoni kif ukoll il-problemi ta’ provi li jirriżultaw minn tali nuqqas għandhom jiġu batuti minnha.

165    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

166    Permezz tal-motiv tagħha, ir-rikorrenti tixtieq turi li l-film ta’ sigurtà ġie maħsub sabiex jipprova li “kontenitur jew prodott sigur” ma ġie, fl-ebda każ, miftuħ. Madankollu, ma huwiex adattat għat-twaħħil uffiċjali ta’ siġilli fil-kuntest ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt dwar il-kompetizzjoni.

167    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li mid-dokumentazzjoni teknika jirriżulta li din il-linja ta’ prodotti ġiet maħsuba sabiex tindika manipulazzjoni permezz tad-distruzzjoni tagħha meta jsir tentattiv sabiex tinqala’ t-tikketta. Issa, dan huwa preċiżament l-użu li jsir minn dan it-tip ta’ film ta’ sigurtà mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tagħha. Huwa minnu li, taħt it-titolu “Ideat għall-użu”, 3M tissuġġerixxi, għal tali film ta’ sigurtà, l-użi li ġejjin: “tikketti mhux trasferibbli għall-vetturi bil-mutur, l-apparat domestiku u l-elettronika; tikketti u siġilli li ma jistgħux jinkisru għal prodotti mediċinali f’bejgħ liberu u formoli oħra ta’ ppakkjar”. Madankollu, il-fatt li l-użu mill-Kummissjoni tal-film ta’ sigurtà fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tagħha ma jidhirx b’mod espliċitu fuq id‑dokumentazzjoni teknika ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jeskludi tali użu mill-film ta’ sigurtà, peress li l-lista ta’ użi ssuġġeriti mill-fabbrikant ma hijiex limitattiva. F’kull każ, ir-rikorrenti ma tipproduċiex il-prova li l-użu ta’ dan it-tip ta’ films ta’ sigurtà fil-kuntest ta’ tali investigazzjonijiet ma huwiex adattat.

168    Jekk huwa minnu, kif tenfasizzah ir-rikorrenti, li r-rikorrenti tissuġġerixxi l-użu ta’ mezzi ta’ sigurtà supplementari għall-użu tal-prodott tagħha f’każijiet fejn “il‑manipulazzjoni jista’ jkollha konsegwenzi gravi ħafna bħal telf finanzjarju konsiderevoli”, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mid-dokumentazzjoni teknika, dan it-tip ta’ miżuri huwa ssuġġerit sa fejn 3M ma tistax teskludi l‑possibbiltà ta’ “reazzjoni negattiva falza”.

169    It-tieni nett, kif ġie espost fil-punt 103 hawn fuq, il-minuti tat-twaħħil tas-siġill isemmu t-twaħħil tas-siġill inkwistjoni, b’mod konformi mal-Artikolu 20(2)(d) tar-Regolament Nru 1/2003, u l-possibbiltà tal-impożizzjoni ta’ multa, skont l‑Artikolu 23(1)(e) tal-imsemmi regolament, meta siġilli jiġu miksura intenzjonalment jew b’mod negliġenti. Barra minn hekk, it-twaħħil ta’ siġill skont l-Artikolu 20(2)(d) tar-Regolament Nru 1/2003 ġie rikonoxxut minn rappreżentant tar-rikorrenti meta ffirma fuq il-minuti tat-twaħħil tas-siġill. Issa, kif ġie osservat fil-punt 104 hawn fuq, huwa biss it-twaħħil ta’ siġill adattat għal tali użu li jista’ jitqies bħala konformi mal-Artikolu 20(2)(d) tar-Regolament Nru 1/2003. Għalhekk, jekk ir-rikorrenti kellha dubji rigward in-natura adattata tal-film ta’ sigurtà użat mill-Kummissjoni għat-twaħħil ta’ siġilli b’mod konformi mad-dispożizzjoni msemmija hawn fuq, jista’ jitqies li hija kienet tifformula immedjatament oġġezzjonijiet f’dan ir-rigward mat-twaħħil tas-siġill inkwistjoni, li hija kienet taf perfettament l-importanza tiegħu. Issa, ir-rikorrenti ma fformulat l-ebda osservazzjoni ta’ dan it-tip.

170    It-tielet nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti dwar il-fatt li għaddiet id-data ta’ skadenza tas-siġill inkwistjoni, liema fatt kellu effett fuq is-sensibbiltà tiegħu għal “effetti esterni”, għall-vibrazzjonijiet tal-bieb li jdumu fiż-żmien u għat-tentattivi ta’ tqattigħ simultanji kif ukoll għall-użu tas-Synto, għandu jiġi kkonstatat li huma ma jikkonċernawx in-natura adattata tal-film ta’ sigurtà mat-twaħħil uffiċjali ta’ siġilli, iżda pjuttost l-allegat fatt li l-Kummissjoni injorat “sitwazzjonijiet possibbli alternattivi” li setgħu kkawżaw l-istat tas-siġill inkwistjoni kkonstatat fit-30 ta’ Mejju 2006, li huwa s-suġġett tas-sitt motiv tar-rikorrenti. Għaldaqstant isir riferiment għall-iżviluppi rigward l-eżami ta’ dan il‑motiv.

171    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni injorat “sitwazzjonijiet possibbli alternattivi” li setgħu taw lok għall-istat tas-siġill inkwistjoni

 L-argumenti tal-partijiet

172    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ġabitx il-prova suffiċjenti, fid-dawl tal-prinċipju in dubio pro reo, ta’ ksur ta’ siġill.

173    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tispjega li, fid-dawl tar-rapporti ta’ esperti tal-istitut, hija wriet li “influwenzi esterni”, minbarra l-qlugħ tas-siġill inkwistjoni, setgħu kkawżaw id-dehra tal-kliem “VOID” fuqu.

174    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li t-terminu massimu ta’ konservazzjoni tas-siġill inkwistjoni għadda. L-esperti tar-rikorrenti wrew li l-affidabbiltà tal-film ta’ sigurtà tonqos mal-mogħdija taż-żmien u li s-sensittività tiegħu għall-“influwenzi esterni” tikber b’mod korrispondenti. F’dan il-każ, huwa stabbilit li s-siġill inkwistjoni qabeż b’mill-inqas sena u nofs it-tul ta’ żmien massimu ta’ konservazzjoni msemmi mill-fabbrikant.

175    It-tieni nett, ir-rikorrenti tinvoka l-influwenza determinanti tas-Synto. Fir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni tad-9 ta’ Awwissu 2006, ir-rikorrenti diġà qalet li l-impjegata tal-kumpannija tat-tindif ma setgħetx teskludi li hija kienet għorkot is-siġill inkwistjoni b’ċarruta mxarrba bis-Synto. Issa, ir-rapport ta’ espert tal-istitut III jippermetti li wieħed juri funzjonament ristrett tal-film ta’ sigurtà u tendenza ikbar li dan tal-aħħar jipproduċi “reazzjonijiet pożittivi foloz” meta l‑imsemmi film jingħorok, qabel, bis-Synto. Fir-rigward tal-kuntatt tal-film tas-sigurtà mas-Synto, tissemma wkoll, fir-rapport ta’ espert tal-istitut II, il‑possibbiltà ta’ telf tal-forma tal-film ta’ sigurtà li jirriżulta minn tentattivi ta’ tqattigħ b’tiġbid u b’tagħfis.

176    Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li ċ-ċarruta tal-mikrofibra użata kienet, skont id‑dikjarazzjoni tal-impjegata tal-kumpannija tat-tindif, imxarrba ħafna meta ntużat fuq is-siġill inkwistjoni, b’tali mod li l-kuntatt ta’ dan tal-aħħar ma’ kwantità kbira ta’ Synto ma jistax jiġi eskluż. Bil-kontra ta’ dak li tissuġġerixxi l‑Kummissjoni, it-testijiet tal-istitut saru bis-Synto u mhux bis-Synto Forte. L‑isem tal-prodott inkwistjoni ma jagħti, f’dan ir-rigward, l-ebda indikazzjoni dwar il-kompożizzjoni effettiva tiegħu. Minkejja li r-rapport ta’ espert tal-istitut II jinkludi riferimenti għas-Synto Forte, il-prodott għat-tindif użat kien is-Synto. Ir‑rikorrenti tikkontesta r-riżultat tar-rapporti ta’ Kr., li jgħidu li s-Synto ma jibdilx l-effikaċja tas-siġill. Kr. ma eżaminax kif penetrazzjoni laterali tas-Synto taħt il-film taġixxi fuq perijodu mtawwal fil-każ ta’ forzi tanġenzjali, li jistgħu jwasslu sabiex ikun hemm traċċi ta’ kolla maġenb is-siġill. Huwa ma eskludiex li l-azzjoni konġunta tas-Synto fuq il-kolla akrilika tas-siġill sensittiva għall-umdità u ta’ piż mekkaniku ħafif setgħet twassla għall-formazzjoni tal-kliem “VOID” fuq is-siġill inkwistjoni.

177    It-tielet nett, ir-rikorrenti tirreferi għall-influwenza determinanti tal-umdità fl-arja. Mir-rapport ta’ espert tal-istitut III jirriżulta, fil-fatt, li umdità fl-arja ta’ iktar minn 60 % għandha effett konsiderevoli fuq il-funzjonament tal-film ta’ sigurtà u twassal għal żieda fil-possibbiltà ta’ “reazzjonijiet pożittivi foloz”. Issa, matul il‑lejl bejn id-29 u t-30 ta’ Mejju 2006, f’München, l-umdità fl-arja kienet ta’ iktar minn 80 %.

178    L-arja kondizzjonata stallata fil-bini G tar-rikorrenti ma tixgħelx, bħala prinċipju, fil-każ ta’ umdità fl-arja esterna importanti, sabiex tiġi evitata l-formazzjoni ta’ kondensazzjoni fuq l-isqfa ta’ tkessiħ. Matul il-perijodu inkwistjoni, it-teknika ta’ kif tiġi rregolata l-istallazzjoni ta’ arja kondizzjonata tat, barra minn hekk, ta’ spiss problemi li wasslu għal funzjonament difettuż tat-tifi awtomatiku tad-dispożittiv ta’ umdifikazzjoni supplementari integrat fl-istallazzjoni ta’ arja kondizzjonata malli jintlaħaq ċertu livell ta’ umdità fl-arja esterna, u dan ma ġiex ikkontestat mill-Kummissjoni.

179    F’dan il-kuntest, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li r-rikorrenti la semmiet u lanqas, a fortiori, ma stabbilixxiet għalfejn is-siġill inkwistjoni kien espost għal livell għoli ta’ umdità hija irrilevanti (premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata). Il‑Kummissjoni nnifisha, matul il-proċeduri, tat importanza deċiżiva lill-umdità fl-arja. Fit-talba tagħha għal informazzjoni, tad-19 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni talbet informazzjoni iktar dettaljata fuq l-umdità fl-arja matul il-lejl inkwistjoni.

180    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tinvoka influwenza determinanti tal-vibrazzjonijiet. Mir-rapport ta’ espert tal-istitut I jirriżulta li l-istat allegat tas-siġill inkwistjoni jista’ wkoll jiġi spejgat, bi probabbiltà suffiċjenti, permezz tal-vibrazzjonijiet fuq il-bieb u l-ħitan tal-bini G.505 minħabba l-użu tal-bini viċin kif ukoll minħabba spazju suffiċjentement importanti fil-bieb, anki jekk imsakkar. Barra minn hekk, dawn ir-riżultati huma murija permezz ta’ films li r-rikorrenti wriet fis-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2006 quddiem l-uffiċjal tas-seduta. Il-bini viċin il-bini G.505 ġie rriżervat għal laqgħa il-jum segwenti. In-nies għaddew mingħajr waqfien f’dawn l-inħawi, u matul dan iż-żmien il-bieb tal-bini viċin seta’ ġie msabbat, li seta’ kkawża vibrazzjonijiet. Huwa wkoll impossibbli li jiġi eskluż li persuni li ħadu żball fil-bini jew li ma ġewx informati bil-bdil fl-użu tal-bini G.505 ġibdu fuq il-bieb ta’ dan tal-aħħar. Ir-rikorrenti ma tistax tiġi kkritikata talli ma pprevenietx dan it-tip ta’ inċidenti peress li s-sensittività kbira tal-film ta’ sigurtà u t-tendenza tiegħu li jipproduċi “reazzjonijiet pożittivi foloz” ma kinux prevedibbli u li hija setgħet, minħabba dan il-fatt, tkun żgura li s-sistema sabiex jissakkar il-bieb kienet tipproteġġi biżżejjed is-siġill inkwistjoni. Għal dan il-għan, ir-rikorrenti tipproponi, b’mod konformi mal-Artikolu 65(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura li jinstema’ uffiċjal ta’ E.ON Facility Management GmbH bħala xhud.

181    Il-ħames nett, ir-rikorrenti tenfasizza li l-fatt li skada t-tul ta’ żmien massimu għall-konservazzjoni tas-siġill inkwistjoni, flimkien mal-azzjoni tas-Synto, mal-umdità fl-arja kif ukoll mal-vibrazzjonijiet probabbilment ikkawżaw sensittività kbira tal-film li tat lok għall-istat tas-siġill inkwistjoni.

182    Is-sitt nett, mill-investigazzjonijiet rigward l-inħawi fejn inżammu ċ-ċwievet tal-bieb tal-bini G.505 kif ukoll rigward l-imġiba tal-possessuri taċ-ċwievet jirriżulta li l-imsemmi bieb ma ġiex miftuħ fil-lejl bejn id-29 u t-30 ta’ Mejju 2006. Ir‑rikorrenti titlob li tinġab il-prova ta’ dan permezz tas-smigħ tal-possessuri taċ-ċwievet, b’mod konformi mal-Artikolu 65(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura.

183    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tiżbalja meta tqis li l‑kundizzjonijiet li fihom l-esperti tal-istitut għamlu t-testijiet tagħhom ma jikkorrispondux, fil-biċċa l-kbira, mad-data teknika fuq il-post (premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata).

184    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tqis li l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq in‑nuqqas ta’ użu ta’ siġilli oriġinali għat-testijiet tal-istitut huwa irrilevanti (premessi 27, 29 u 35 tad-deċiżjoni kkontestata). L-espert tar-rikorrenti qatt ma ammetta li l-konklużjonijiet rigward siġill ta’ daqs speċifiku jistgħu jkunu rilevanti biss għal siġill tal-istess daqs. Huwa sempliċement osserva li l-valuri ta’ reżistenza ma jistgħux jiġu trasposti liberament miż-“żgħir għall-kbir”. Hija tinsisti fuq il-fatt li l-prova ta’ tendenza tas-siġilli li juru “reazzjonijiet pożittivi foloz” ma tiddependix fuq il-konstatazzjoni jew fuq it-tkejjil ta’ ċerti miżuri assoluti. Peress li, fil-kuntest tal-analiżi magħmula, il-kampjuni użati mill-istitut kellhom dejjem l-istess daqs, il-konklużjonijet ta’ dan tal-aħħar huma eżatti anki jekk il-valuri assoluti jistgħu jvarjaw. Huwa wkoll għal din ir-raġuni li ma huwiex neċessarju li jintużaw kampjuni ta’ daqs identiku.

185    Ir-rikorrenti żżid li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li l-proprjetajiet tas-siġill oriġinali huma determinanti, il-Kummissjoni ostakolat produzzjoni tal-prova li tirrispetta d-drittijiet tagħha tad-difiża u li hija, minħabba dan il-fatt, ma għandhiex id-dritt li tinvoka n-nuqqas ta’ użu ta’ siġilli oriġinali mill-esperti tal-istitut. B’ittra tal-10 ta’ Ottubru 2006, ir-rikorrenti talbet li jintbagħtu siġilli oriġinali (ara wkoll il-premessa 21 tad-deċiżjoni kkontestata) li l-Kummissjoni setgħet faċilment tinvalida billi tagħmel toqob fihom, billi twaħħal marki permanenti magħhom jew b’xi mod ieħor. Ir-riskju ta’ ffalsifikar kien jitnaqqas u r-rikorrenti u l-esperti tagħha setgħu barra minn hekk jiffirmaw dikjarazzjonijiet ta’ responsabbiltà. Il-Kummissjoni qablet biss li l-esperti tar-rikorrenti jagħmlu analiżi fuq is-siġilli oriġinali fil-preżenza ta’ uffiċjali tal-Kummissjoni, u dan kien impossibbli fil-prattika, peress li t-twettiq “ikkonfermat statistikament” ta’ bosta testijiet kien jeħtieġ numru importanti ta’ analiżi individwali fuq diversi ġimgħat u li għandhom isiru f’laboratorju. Ma tantx huwa probabbli li l-Kummissjoni kienet tkun lesta li tqiegħed kollaboratur fid-dispożizzjoni tar-rikorrenti għat-tul ta’ żmien li jieħdu t-testijiet tagħha.

186    It-tieni nett, ir-rikorrenti ġiet imġiegħla, minħabba r-rifjut ta’ tqegħid fid-dispożizzjoni tas-siġilli oriġinali, li taħbi l-fatt li ż-żmien massimu ta’ konservazzjoni kien għadda. F’dan ir-rigward, minħabba l-permeabbiltà tal-film ta’ protezzjoni għall-fwar, il-metodu għall-qdumija magħżul jagħti riżultati perfettament affidabbli. Bl-istess mod, fir-rigward tan-nuqqas ta’ “punti ta’ saħħa” perijodiċi fid-dijagrammi tar-rapporti ta’ esperti tal-istitut II u III, li madankollu ġew ikkonstatati fir-rapporti ta’ Kr. (premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata), invokat mill-Kummissjoni, dan huwa spjegat mill-fatt li l-istitut uża apparat għal testijiet mgħammar bi trolley mdendel fl-arja li neħħa fil-biċċa l-kbira l-effett “slip-stick” (żluq-twaħħil) responsabbli għall-formazzjoni tal-imsemmija punti ta’ saħħa. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti titlob s-smigħ bħala xhud ta’ espert tal-istitut, b’mod konformi mal-Artikolu 65(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura.

187    It-tielet nett, in-nuqqas ta’ reazzjoni tas-siġilli l-oħra mwaħħla fid-29 ta’ Mejju 2006 huwa irrilevanti. L-imsemmija siġilli ntużaw f’bini ieħor, li kien inbena b’mod kompletament differenti. Indipendentement mid-differenzi li jeżistu bejn il‑bini fir-rigward tal-materjal ta’ kostruzzjoni użat u s-sensittività għall-vibrazzjonijiet tal-bibien, is-siġilli l-oħra ma ġewx neċessarjament esposti għall-istess umdità fl-arja (premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata).

188    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li r-rapporti ta’ Kr. ma humiex konvinċenti la mil-lat materjali u lanqas mil-lat tekniku-xjentifiku.

189    L-ewwel nett, ir-rapporti ta’ Kr. Huma bbażati fuq l-ipoteżi ineżatta li r-ritratti meħuda fit-30 ta’ Mejju 2006, wara nofsinhar, jirriproduċu s-siġill inkwistjoni fl-istat li kien jinsab fit-30 ta’ Mejju 2006, filgħodu. Madankollu, ir-ritratti ttieħdu biss wara diversi ftuħ u għeluq tal-bieb tal-bini G.505. Fin-nuqqas ta’ premessa rilevanti, l-espożizzjoni ma għandhiex saħħa probatorja.

190    It-tieni nett, Kr. ibbaża ruħu fuq “spazju fil-bieb” wisq ristrett, ta’ 0.53 mm, filwaqt li l-istitut ikkonstata li, bejn il-pannell tal-bieb tal-bini G.505 u l‑qafas tiegħu, seta’ kien hemm spazju minimu ta’ 2 mm. Għaldaqstant, l-istima magħmula minn Kr. tal-ġbid possibbli tas-siġill inkwistjoni minħabba l‑vibrazzjonijiet hija żgħira wisq. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li tallega l‑Kummissjoni (premessa 79 tad-deċiżjoni kkontestata), “spazju fil-bieb” ta’ 2 mm u ċ-ċirkustanzi l-oħra fil-jum inkwistjoni jispjegaw kif is-siġill inkwistjoni seta’ żelaq mis-support.

191    It-tielet nett, mid-deċiżjoni kkontestata (premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata) jirriżulta li l-Kummissjoni nnifisha ammettiet li l-film ta’ sigurtà huwa permeabbli għall-umdità fl-arja. F’dan ir-rigward, qabel kollox, l-indikazzjonijiet ta’ 3M li jinsabu fid-dokumentazzjoni teknika ma jistgħux jiġu trasposti għal din il-kawża għaliex huma jikkostitwixxu sempliċement gwida rigward il-proprjetajiet tal-prodott u jikkonċernaw biss wiċċ test magħmul mill-istainless steel. Imbagħad, il‑film ta’ sigurtà ġie espost għall-umdità fl-arja mhux biss wara li nqala’ mis-support tiegħu u mwaħħal mal-bieb, iżda wkoll meta kien għadu jinsab fuq is‑support tiegħu, li huwa kkostitwit minn karta miksija bis-silikon. Fl-aħħar nett, l-affermazzjoni mhux sostnuta tal-Kummissjoni li,mit-tipi kollha ta’ kolla adeżiva, il-grupp tal-acrylates huwa dak li joffri l-iktar reżistenza għall-umdità ma huwiex rilevanti, għaliex l-istitut ma stabbilixxiex li l-kolla acrylate użata fuq is-siġill inkwistjoni ma hijiex reżistenti biżżejjed għall-umdità. Fil-kuntest tar-rapporti ta’ esperti ta’ Kr., ma ġietx eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-azzjoni tal-umdità setgħetx twassal għal “reazzjonijiet pożittivi foloz” tal-film ta’ sigurtà, jiġifieri jekk il-kliem “VOID” setax jidher anki fin-nuqqas ta’ “influwenzi esterni”.

192    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tindika li t-testijiet magħmula fuq il-post ma jistgħux jibbenefikaw minn “konfermazzjoni statistika” indispensabbli għal affermazzjoni bbażata b’mod xjentifiku. It-testijiet magħmula fil-laboratorju ta’ Kr. huma wkoll irrilevanti għaliex il-biċċa l-kbira tat-testijiet saru fuq folji miżbugħa. Fl-istat attwali tax-xjenza, huwa rikonoxxut li l-kolla acrylate taġixxi b’mod differenti fuq wiċċ miżbugħ u fuq aluminju ossidizzat. Għaldaqstant, kwalunkwe konklużjoni rigward il-bieb tal-bini G.505 hija, a priori, eskluża.

193    Il-ħames nett, ir-rikorrenti tqis li, fir-rapport Kr. II, l-espert injora l-possibbiltà li s-siġill inkwistjoni twaħħal b’mod tali li sostna tensjoni fuq ix-xaqq bejn il-pannell tal-bieb u l-qafas ta’ dan tal-aħħar. Waqt iż‑żjara fuq il-post, fis-26 ta’ April 2007, Kr. evita kull tensjoni fuq is-siġill inkwistjoni fis-settur ttax-xaqq tal-bieb u waħħal, barra minn hekk, diversi siġilli li jeħlu waħedhom fuq il-bieb qabel ma ċaqalqu, u dan dgħajjef is‑saħħa tal-moviment tal-bieb. Skont ir-rapport ta’ espert tal-istitut I, siġill li jeħel waħdu huwa sensittiv għal telf ta’ forma, fil-każ ta’ saħħa eżerċitata fuq perijodu twil ta’ żmien u f’diversi drabi. Madankollu, ma huwiex eskluż li s-siġill inkwistjoni twaħħal fid-29 ta’ Mejju 2006 b’tali mod li sostna tensjoni fuq in-naħa ta’ fuq tax-xaqq bejn il-pannell tal-bieb u l-qafas ta’ dan tal-aħħar.

194    Is-sitt nett, il-Kummissjoni lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-films kollha ta’ sigurtà mwaħħla mill-espert tagħha kellhom kantuniera mitwija wara li ġew maqlugħa. Għalhekk, il-manipulazzjoni tas-siġill inkwistjoni sabiex jiġi maqlugħ ikkawżat neċessarjament sinjali evidenti ta’ dannu. Madankollu, is-siġill inkwistjoni ma kellu l-ebda kantuniera mitwija. Għaldaqstant is-siġill inkwistjoni ma setax inqala’ fil-lejl bejn id-29 u t-30 ta’ Mejju 2006. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tipproponi, b’mod konformi mal-Artikolu 65(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, li jinstemgħu bħal xhieda l-avukat tagħha kif ukoll uffiċjal ta’ E.ON.

195    Is-seba’ nett, Kr. lanqas ma ħa suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-eżistenza eventwalment magħquda ta’ ċerti effetti (bħalma huma l-fatt li għadda ż-żmien ta’ konservazzjoni tas-siġill inkwistjoni, id-dannu l-ieħor minn qabel, l-eżistenza ta’ vibrazzjonijiet, l-umdità importanti fl-arja kif ukoll l-azzjoni ta’ prodott tat-tindif). Is-siġill inkwistjoni twaħħal matul madwar 14-il siegħa u, minħabba dan il-fatt, kien espost għal “influwenzi esterni” bħall-umdità fl-arja u vibrazzjonijiet possibbli. Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prodott ta’ manutenzjoni, Kr. injora wkoll “sitwazzjonijiet possibbli li jistgħu jiġu previsti”. Huwa bbaża ruħu, b’mod partikolari, biss fuq tul ta’ żmien ta’ azzjoni tal-prodott ta’ 30 minuta, filwaqt li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, ma huwiex possibbli li jiġi eskluż li l-azzjoni ta’ dannu tal-prodott ta’ manutenzjoni fuq is-siġill inkwistjoni damet għal żmien itwal. Lanqas ma huwa possibbli li jiġi eskluż li s-siġill inkwistjoni li baqa’ taħt tensjoni għal perijodu twil iċċaqlaq kemm kemm.

196    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tosserva li “reazzjonijiet pożittivi foloz” huma possibbli skont l-espożizzjoni tal-Kummissjoni nnifisha fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 7, 74 u 75 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni, id-dehra tal-kliem “VOID” kif ukoll it-traċċi ta’ kolla fuq in-naħa ta’ wara tas-siġill jistgħu jiġu spjegati biss permezz ta’ qlugħ u tqegħid mill-ġdid f’postu tas-siġill. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż, a contrario, li kliem “VOID” intatt jipprova li qlugħ segwit minn tqegħid mill-ġdid f’postu tas-siġill huwa eskluż. Fid-dikjarazzjoni addizzjonali tagħha, tal-31 ta’ Mejju 2006, ir-rikorrenti indikat, mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-Kummissjoni, li l-kliem “VOID” fuq il-qafas tal-bieb tal-bini G.505 (u mhux, kif tallega l-Kummissjoni, fuq il-bieb u l-qafas ta’ dan tal-aħħar; ara l-premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata) ma tħassarx kompletament u li, minħabba dan il-fatt, kien totalment intatt meta s-siġill inkwistjoni nqala’ sabiex jiġi ssostitwit fit-30 ta’ Mejju 2006, filgħaxija (premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, l-espożizzjoni tal-Kummissjoni nnifisha tistabbilixxi li l-parti tas-siġill inkwistjoni mwaħħla mal-qafas tal-bieb tal-bini G.505 ma kinitx maqlugħa mis-support tagħha matul il-perijodu inkwistjoni, iżda wriet is-sinjali “VOID”

197    Ir-rikorrenti żżid li huwa naturali li d-diversi tentattivi ta’ spjegazzjoni li hija tressaq fir-rigward tal-istat tas-siġill inkwistjoni fit-30 ta’ Mejju 2006 ma kinux totalment konsistenti. La l-impjegati u lanqas il-fornituri ta’ servizzi ma jafu r‑raġuni konkreta għall-allegat bdil tal-istat tas-siġill inkwistjoni.

198    Il-Kummissjoni titlob li l-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

199    Kif tfakkar fil-punti 55 u 56 hawn fuq, fir-rigward tal-oneru tal-prova ta’ ksur tad-dritt dwar il-kompetizzjoni, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi diretti li, bħala prinċipju, huma suffiċjenti sabiex tintwera l-eżistenza tal-ksur, ma huwiex biżżejjed li l-impriża kkonċernata ssemmi l-possibbiltà li seħħ fatt li jista’ jaffettwa l-valur probatorju tal-imsemmija provi sabiex il-Kummissjoni jkollha l‑oneru tal-prova li dan il-fatt ma setax jaffettwa l-valur probatorju tagħhom. Bil-kontra, ħlief fil-każijiet li tali prova ma tkunx tista’ tiġi prodotta mill-impriża kkonċernata minħabba l-aġir tal-Kummissjoni nnifisha, hija l-impriża kkonċernata li għandha tistabbilixxi suffiċjentement skont il-liġi, minn naħa, l-eżistenza tal-fatt li hija tinvoka, u, min-naħa l-oħra, li dan il-fatt iqiegħed f’dubju l-valur probatorju tal-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni.

200    Kif ġie kkonstatat fil-punt 146 hawn fuq, il-provi li bbażat ruħha fuqhom il‑Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 8, 9, 74 u 75 tad-deċiżjoni kkontestata) jippermettu l-konklużjoni li s-siġill inkwistjoni tneħħa mill-bieb tal-bini G.505 matul il-lejl ta’ bejn id-29 u t-30 ta’ Mejju 2006 u li għaldaqstant dan il-bieb seta’ jinfetaħ matul dan iż-żmien, fid-dawl tal-kliem “VOID” fuq il-wiċċ kollu tas-siġill inkwistjoni u tal-preżenza ta’ traċċi ta’ kolla qribu u fuq in-naħa ta’ wara tiegħu fit-30 ta’ Mejju 2006, filgħodu. Fir-rigward tal-fatti li, skont ir‑rikorrenti, jaffettwaw il-valur probatorju tal-imsemmija provi, għandu għaldaqstant jiġi eżaminat jekk hija stabbilixxietx suffiċjentement skont il-liġi, minn naħa, l-eżistenza ta’ dawn il-fatti u, min-naħa l-oħra, li dawn tal-aħħar iqiegħdu f’dubju l-valur probatorju tal-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni.

201    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li hija ġabet il-prova tal-eżistenza ta’ “influwenzi esterni”, li kkawżaw il-kliem “VOID” fuq is-siġill inkwistjoni, fosthom il-fatt li għadda t-tul ta’ żmien massimu ta’ konservazzjoni tiegħu, l‑influwenza tal-prodott ta’ manutenzjoni Synto, l-umdità fl-arja, il-vibrazzjonijiet jew inkella għaqda ta’ dawn id-diversi elementi.

202    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-kliem “VOID” deher fuq is-siġill inkwistjoni minħabba li għadda t-tul ta’ żmien massimu ta’ konservazzjoni tiegħu, u mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l‑argument tar-rikorrenti li s-siġill inkwistjoni qabeż b’mill-inqas sena u nofs it-tul ta’ żmien massimu ta’ konservazzjoni ssuġġerita mill-fabbrikant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ġġibx il-prova ta’ rabta kawżali bejn tali eventwali fatt u d-dehra tal-kliem “VOID” fuq il-wiċċ tas-siġill inkwistjoni.

203    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, minn naħa, is-siġill inkwistjoni u s‑siġilli l-oħra, użati fuq il-bibien l-oħra li l-aċċess tagħhom kien ipprojbit, kienu ġejjin mill-istess lott (premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, huwa biss is‑siġill inkwistjoni li kellu l-kliem “VOID”, u dan għandu tendenza li jeskludi li l-allegat fatt li għadda t-tul ta’ żmien massimu għall-konservazzjoni tas-siġill inkwistjoni ta lok għall-imsemmi kliem. Min-naħa l-oħra, ir-rapport ta’ espert tal-istitut III prodott mir-rikorrenti ma jistabbilixxix, f’kull każ, l-eżistenza ta’ “reazzjoni pożittiva falza” fil-każ ta’ użu ta’ film ta’ sigurtà li qdiem artifiċjalment, iżda jirreferi “[għal] modifika sinjifikattiva fis-saħħa ta’ adeżjoni tal-film tas-siġill li qdiem f’aċċeleratur u [għal] sensittività ikbar fir-rigward tad-dehra tal-ittri VOID”. Għalhekk l-ewwel argument għandu jiġi miċħud.

204    It-tieni nett, fir-rigward tal-allegata influwenza determinanti tas-Synto, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma ġġibx il-prova li l-użu tas-Synto jwassal għal riskju ta’ “reazzjoni pożittiva falza” tas-siġill.

205    Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-affermazzjoni tar-rikorrenti li ma jistax jiġi eskluż li l-impjegata tal-kumpannija tat-tindif għaddiet ċarruta mxarrba bi kwantità kbira ta’ Synto fuq is-siġill inkwistjoni donnha attenwata permezz tal-konstatazzjonijiet ta’ Kr., li ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti, li l‑applikazzjoni tas-Synto fuq is-siġill peremezz ta’ ċarruta wasslet għal effett ta’ brix, b’tali mod li l-kulur blu skur tas-siġill jinsab fuq iċ-ċarruta. Issa, l-impjegata tal-kumpannija tat-tindif qatt ma semmiet tali bdil tas-siġill inkwistjoni wara t‑tindif tal-bieb tal-bini G.505. Bil-kontra, il-kumpannija tat-tindif iddikjarat, fis-6 ta’ Settembru 2006, f’risposta għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, li l‑mara li tnaddaf ma kinitx ikkonstatat il-bdil tas-siġill inkwistjoni wara t-tindif tal-imsemmi bieb. Lanqas ma jirriżulta mill-minuti tal-ksur tas-siġill, u lanqas mid-dikjarazzjoni addizzjonali tar-rikorrenti li l-ispetturi kkonstataw xi brix tal-kulur blu skur tas-siġill inkwistjoni waqt il-konstatazzjoni tal-ksur tas-siġill.

206    Imbagħad, ir-rapporti tal-esperti prodotti mir-rikorrenti ma jġibux il-prova li l-użu ta’ prodott ta’ manutenzjoni jwassal għal riskju ta’ “reazzjoni pożittiva falza” tas-siġill, għaliex l-imsemmija rapporti ta’ esperti juru biss “sensittività ikbar sinjifikattiva” tas-siġill. Barra minn hekk, anki jekk jingħad li r-rapporti ta’ esperti prodotti mir-rikorrenti juru l-eżistenza ta’ tali riskju, għandu jiġi osservat li ma huwiex stabbilit li t-testijiet tal-istitut saru bis-Synto, peress li r-riżultati tar-rapport ta’ espert tal-istitut II jindikaw, mill-inqas darba, li s-Synto Forte intuża għal diversi testijiet. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie osservat fil‑punt 80 hawn fuq, mill-ittra tal-5 ta’ Settembru 2006 indirizzata mill-kumpannija tat-tindif lill-Kummissjoni, u b’mod partikolari mir-risposta mogħtija minn din il-kumpannija għat-tieni domanda tal-Kummissjoni, li s-Synto (u mhux is-Synto Forte) effettivament intuża sabiex jitnaddaf il-bieb tal-bini G.505. Issa, ma jistax jiġi eskluż li l-użu tas-Synto Forte seta’ jibdel il-konklużjonijiet tar-rapporti ta’ esperti tal-istitut.

207    Fl-aħħar nett, mir-risposta ta’ 3M għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni jirriżulta li l-prodotti għat-tindif, bħala prinċipju, ma għandhom l-ebda effett fuq is-siġilli. Għalhekk, 3M indikat li “[i]l-prodotti għat-tindif ma [kellhom], bħala prinċipju, l-ebda effett fuq it-tikketta”, li “[i]s-support tal-prodott [kien] poliester li huwa reżistenti għas-solventi” u li “[i]l-prodott għandu jirreżisti għal espożizzjoni għall-prodotti tat-tindif ta’ użu normali”. Minkejja li 3M ammettiet li “ma għamlitx testijiet speċifiċi dwar [is-Synto]”, hija indikat li, fil-fehma tagħha, “ir-riskju prinċipali fl-użu tal-prodotti tat-tindif huwa li jiġi affettwat il-wiċċ ta’ quddiem [tal-]film ta’ support tal-prodott mibdul – f’dan il-każ, il-kuluri blu u isfar li jinsabu fuq is-siġill użat mill-Kummissjoni” u li “[i]l-prodotti għat-tindif ma għandhomx jaffettwaw l-adeżjoni tas-saff adeżiv man-naħa ta’ wara tal-prodott”. Issa, għandu jiġi osservat li huwa preċiżament biss tali effett ta’ brix li ġie kkonstatat mill-espert tal-Kummissjoni waqt it-testijiet tiegħu, kif ġie osservat fil-punt 205 hawn fuq. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-espert tal-Kummissjoni ma kkonstatax “reazzjoni pożittiva falza” tas-siġill meta applika s‑Synto fuqu.

208    F’kull każ, kif ġie indikat mill-Kummissjoni fil-premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata, hija r-rikorrenti li kienet responsabbli li tinforma lill-kumpannija tat-tindif bis-sinjifikat u bil-manipulazzjoni tas-siġill inkwistjoni u li tiżgura li s-siġill inkwistjoni ma jkunx, fejn xieraq, miksur mill-impjegata tagħha, iktar u iktar għaliex, kif jirriżulta mill-minuti tal-intervista mal-impjegata tal-kumpannija tat-tindif, l-imsemmija impjegata tirċievi pjan li jippreċiża l-okkupazzjoni tal-bini għal-laqgħat qabel ma tibda tnaddafhom.

209    It-tielet nett, fir-rigward tal-allegata umdità fl-arja, ir-rikorrenti tipproduċi dokument li juri li, fil-lejl ta’ bejn id-29 u t-30 ta’ Mejju 2006, f’München l‑umdità fl-arja kienet ta’ iktar minn 80 %. Issa, skont ir-rapport ta’ espert tal-istitut III, umdità fl-arja ta’ iktar minn 60 % twassal għal żieda sinjifikattiva fis-sensittività tal-film ta’ sigurtà.

210    F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi kkonstatat li, minn naħa, ir-rikorrenti ma ġġibx il‑prova li, fil-bini G, fil-lejl ta’ bejn id-29 u t-30 ta’ Mejju 2006, kien hemm umdità fl-arja ta’ iktar minn 60 %. Fil-fatt, id-dokument prodott mir-rikorrenti li juri l-livell ta’ umdità fl-arja fil-lejl bejn id-20 u t-30 ta’ Mejju 2006 jikkonċerna l‑umdità fl-arja barra minn dan il-bini u għaldaqstant ma huwiex direttament rilevanti sabiex jintwera l-livell ta’ umdità li kien preżenti fil-bini inkwistjoni. Fir-rigward ta’ dan, ir-rikorrenti indikat lill-Kummissjoni li hija ma kienx fadlilha fid-dispożizzjoni tagħha data dwar id-29 u t-30 ta’ Mejju 2006. Barra minn hekk, id‑dokument tal-14 ta’ Lulju 2006, imfassal mir-rikorrenti għall-attenzjoni tal-kollaboraturi tagħha, isemmi umdità fl-arja li tilħaq il-55 % barra mill-bini G u 50 % ġewwa fih, matul il-jiem qabel din id-data. L-argumenti tar-rikorrenti rigward it-teknika sabiex tiġi rregolata l-istallazzjoni tal-arja kondizzjonata jew il‑funzjonament difettuż tat-tifi awtomatiku tad-dispożittiv ta’ umdifikazzjoni supplementari integrat fl-istallazzjoni ta’ arja kondizzjonata minn meta jintlaħaq ċertu livell ta’ umdità fl-arja lanqas ma huma konklużivi, peress li r-rikorrenti ma ġġibx il-prova li dawn l-avvenimenti kkawżaw livell ta’ umdità ogħla minn 60 % fil-bini G matul il-lejl ta’ bejn id-29 u t-30 ta’ Mejju 2006. Min-naħa l-oħra, ir‑rikorrenti lanqas ma ġġib il-prova li umdità ogħla fl-arja twassal għas-seħħ ta’ “reazzjonijiet pożittivi foloz”, peress li r-rapport ta’ espert tal-istitut III jsemmi biss “sensittività ikbar” tal-film ta’ sigurtà għall-umdità fl-arja.

211    F’kull każ, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti huma kontradetti mill-informazzjoni li tinsab fid-dokumentazzjoni teknika li tgħid li dan il-prodott huwa reżistenti għal espożizzjoni għal livell ta’ umdità ta’ 90 % matul perijodu ta’ 168 siegħa, għal temperatura ta’ 32 °C, li hija kkonfermata mill-konstatazzjonijiet tal-espert tal-Kummissjoni. Għalhekk it-tielet argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

212    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-allegata influwenza determinanti tal-vibrazzjonijiet, li jistgħu jispjegaw l-istat tas-siġill inkwistjoni, biżżejjed jiġi kkonstatat li r‑rikorrenti ma ġġibx il-prova li l-bieb u l-ħitan tal-bini G.505 sostnew vibrazzjonijiet. Kif tosserva l-Kummissjoni, huwa impossibbli li jiġu vverifikati l‑kundizzjonijiet li fihom saru r-reġistrazzjonijiet vidjo prodotti mir-rikorrenti u intiżi sabiex juru li vibrazzjonijiet jistgħu jikkawżaw id-dehra tal-kliem “VOID” fuq ċerti partijiet ta’ siġill imwaħħal fuq bieb magħluq, u lanqas jekk dawn ir‑reġistrazzjonijiet jurux effettivament il-bieb tal-bini G.505. Barra minn hekk, kif osservat il-Kummissjoni, dawn ir-reġistrazzjonijiet ma jurux f’kull każ id‑dehra ta’ “reazzjonijiet pożittivi foloz”, iżda biss id-dehra, fil-każ ta’ vibrazzjonijiet ikkawżati mill-allegat għeluq vjolenti tal-bieb ta’ bini viċin, il‑kliem “VOID” fix-xaqq bejn il-bieb u l-qafas tiegħu, u dan ma jikkorrispondix mal-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-minuti tal-ksur tas-siġill.

213    Barra minn hekk, il-fatt, imsemmi bħala ipoteżi mir-rikorrenti, li l-bini viċin tal-bini G.505 kien irriżervat għal laqgħa li kienet ser isseħħ il-jum ta’ wara u l-bieb tal-imsemmi bini seta’ għaldaqstant jissabbat, li seta’ jikkawża vibrazzjonijiet, jew inkella li ċerti persuni li ħadu żball fil-bini setgħu jiġbdu fuq il-bieb tal-bini G.505 ma jippermettix spjegazzjoni tal-istat tas-siġill inkwistjoni fit-30 ta’ Mejju 2006, filgħodu.

214    Fil-fatt, ladarba s-siġill inkwistjoni kien għadu intatt fid-20 ta’ Mejju 2006, hekk għas-7.30 ta’ filgħaxija (premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-grupp ta’ spezzjoni kkonstata l-modifika tas-siġill inkwistjoni l-għada filgħodu hekk għad-8.45 ta’ filgħodu (premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata), l-ipoteżi mressqa mir-rikorrenti timplika li “in-nies għaddew mingħajr waqfien” fil-bini G.506, l-uniku bini tal-laqgħa li huwa maġenb il-bini G.505, fil-lejl bejn id-29 u t-30 ta’ Mejju 2006, u dan ma huwiex muri. F’dan ir-rigward, mill-programm ta’ okkupazzjoni tal-uffiċċji jirriżulta li l-bini G.506 kien okkupat fit-30 ta’ Mejju 2006 biss bejn l‑10 ta’ filgħodu u l-4 ta’ wara nofsinahr, jiġifieri wara l-konstatazzjoni tal-ksur tas-siġill. Minkejja li huwa minnu li r-rikorrenti indikat fir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Awwissu 2008 li l-bieb ta’ dan il-bini kien infetaħ hekk għal 5 ta’ filgħaxija mis-servizz ta’ sigurtà, ir-rikorrenti ma tallegax li s-servizz ta’ sigurtà għalqu b’mod vjolenti, li kkawża l‑vibrazzjonijiet allegati. Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti, affermati mill-ġdid waqt is-seduta, li jgħidu li laqgħa fil-bini G.506 kienet teħtieġ it-tqegħid ta’ tagħmir tqil mill-5 ta’ filgħodu, biżżejjed jingħad li, fid-dawl tal-fatt li l-bini inkwistjoni tnaddaf biss fis-7 ta’ filgħodu u li l-imsemmiija laqgħa bdiet fl-10, tali affermazzjoni ma tistax titwemmen.

215    Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti, li persuni setgħu ħadu żball fil-bini jew li persuni setgħu ma ġewx informati bil-bdil fl-użu tal-bini G.505 u ġibdu fuq il-bieb ta’ dan, u hekk għamlu dannu lis-siġill inkwistjoni, ma jistax jintlaqa’, għaliex il‑bieb tal-imsemmi bini kien imsakkar u għaliex ir-rikorrenti ma ġġibx il-prova tar-rabta kawżali bejn l-eventwali ċaqliq ta’ dan il-bieb u l-istat tas-siġill inkwistjoni fit-30 ta’ Mejju 2006, filgħodu.

216    F’kull każ, anki jekk jingħad li ċ-ċirkustanzi deskritti fil-punti 212 sa 215 hawn fuq fil-fatt seħħew, kienet ir-responsabbiltà tar-rikorrenti li tieħu l-prekawzjonijiet neċessarji sabiex tinforma lill-membri tal-persunal tagħha kif ukoll lill-eventwali viżitaturi preżenti fil-bini G fil-lejl bejn id-29 u t-30 ta’ Mejju 2006 bl-eżistenza tas-siġill inkwistjoni u bil-mod kif għandu jiġi mmanipulat, sabiex jiġi evitat kull ksur tas-siġill. Għaldaqstant ir-raba’ argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

217    Il-ħames nett, fir-rigward tal-fatt li għaqda tal-fatt li għadda t-tul ta’ żmien massimu ta’ konservazzjoni tas-siġill inkwistjoni, tal-azzjoni tas-Synto, tal-umdità fl-arja, u tal-vibrazzjonijiet setgħet tikkawża sensittività għolja tas-siġill inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza nnifisha ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk ikkunsidrati individwalment, jew l-effett tagħhom fuq is-siġill inkwistjoni ma ġewx murija suffiċjentement skont il-liġi. Barra minn hekk, ir‑rikorrenti ma ssostnix li l-għaqda ta’ dawn il-fatturi twassal għal riskju ta’ “reazzjoni pożittiva falza”, iżda biss li “dannu minn qabel tal-film ta’ sigurta’ minħabba li huwa qadim, minħabba l-prodott Synto jew minħabba l-għaqda ta’ dawn iż-żewġ fatturi twassal, fil-każ ta’ umdità fl-arja importanti, għal żieda ċara fis-sensittività tal-imsemmi film”. Għaldaqstant dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud.

218    Is-sitt nett, fir-rigward tal-argument li l-bieb tal-bini G.505 ma ġiex miftuħ matul il-lejl bejn id-29 u t-30 ta’ Mejju 2006, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie osservat fil-punt 85 hawn fuq, b’mod konformi mal-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha l-oneru li tipprova l-ksur tas-siġill. Min-naħa l-oħra, hija ma għandhiex l-oneru li turi li effettivament sar dħul fil-bini li ġie ssiġillat. Dan l-argument ma jistax, għaldaqstant, jintlaqa’.

219    Minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jistgħu jqiegħdu f’dubju l-valur probatorju tal-provi li fuqhom ibbażat ruħha l‑Kummissjoni sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur ta’ siġill.

220    Fit-tieni lok, peress li, hekk kif jirriżulta mill-iżviluppi preċedenti, ir-rapporti ta’ esperti prodotti mir-rikorrenti ma jġibux il-prova li ċ-ċirkustanzi msemmija hawn fuq setgħu jwasslu għall-istat tas-siġill inkwistjoni kkonstatat fit-30 ta’ Mejju 2006, filgħodu, in-nuqqas eventwali tagħhom, allegati mill-Kummissjoni, ma humiex rilevanti f’dan il-każ.

221    F’kull każ, hekk kif tosserva l-Kummissjoni, dawn ir-rapporti ta’ esperti effettivament għandhom diversi nuqqasijiet. B’dan il-mod, l-ewwel nett, it-testijiet magħmula mill-istitut ma sarux fuq siġilli oriġinali tal-Kummissjoni imma fuq kampjun ta’ daqs żgħir ħafna (4 ċm² minflok ta’ 54 ċm²). L-espert tar-rikorrenti nnifsu indika f’dan il-kuntest li l-valuri ta’ reżistenza tas-siġilli ma setgħux jiġu trasposti liberament “miż-żgħir għall-kbir”. Barra minn hekk, kif ġie osservat mill-espert tal-Kummissjoni, id-daqs ta’ siġill huwa tali li jaffettwa r-riżultati tar-rapporti ta’ esperti f’dak li għandu x’jaqsam mal-eventwali influwenza tas-Synto, tal-vibrazzjonijiet jew inkella tal-umdità fl-arja fuq il-funzjonament tas-siġill. F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ostakolat il‑produzzjoni tal-prova fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, meta rrifjutat li tibgħatilha siġilli oriġinali, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-Kummissjoni pproponiet li tipprovdilha siġilli oriġinali, bil-kundizzjoni li uffiċjali tal-Kummissjoni jipparteċipaw fit-testijiet. Madankollu r‑rikorrenti rrifjutat din il-proposta (premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan il-kuntest, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li ma tantx kien probabbli li l‑Kummissjoni tkun lesta li tqiegħed fid-dispożizzjoni kollaboratur fuq il-post għal finijiet ta’ osservazzjoni għat-tul ta’ żmien tat-testijiet lanqas ma jista’ jintlaqa’, peress li tali oneru kien, fejn xieraq, fuq il-Kummissjoni u mhux fuq ir‑rikorrenti, b’tali mod li l-oneru ma jistax jiġi invokat mir-rikorrenti sabiex tiġġustifika n-nuqqas tat-twettiq ta’ testijiet fuq siġilli oriġinali.

222    It-tieni nett, peress li r-rikorrenti rrifjutat li tagħmel it-testijiet tagħha fuq siġilli oriġinali fil-preżenza ta’ uffiċjal tal-Kummissjoni, din użat siġilli li qdiemu artifiċjalment. F’dan ir-rigward, is-siġilli użati mir-rikorrenti tqiegħdu f’armarju bl-arja kondizzjonata li fih il-kampjuni ġew esposti għal iktar minn 40 jum għal umdità relattiva ta’ 60 %, li taqbeż ir-rakkomandazzjonijiet ta’ konservazzjoni li jinsabu fid-dokumentazzjoni teknika, jiġifieri 50 % ta’ umdità relattiva.

223    It-tielet nett, mir-rapporti ta’ esperti tal-istitut II u III jirriżulta li l-espert tar-rikorrenti għamel it-testijiet tiegħu, jew mill-inqas x’uħud minnhom, billi xarrab biċċiet ta’ film plastiku ta’ 100 mg ta’ prodott għat-tindif, u dan kien jikkorrispondi għal kwantità ħafna iktar importanti mill-kwantità ta’ prodott għat-tindif li, jekk kien il-każ, ġie użat mill-mara li tnaddaf, peress li din indikat li ċ‑ċarruta kienet “imxarrba ħafna – iżda [li] ma kinitx koperta bi kwantità kbira ta’ prodott għat-tindif”. Imbagħad, ma jistax jiġi eskluż li l-prodott għat-tindif użat mill-istitut għat-testijiet tiegħu ma kienx is-Synto, li ġie użat mill-mara li tnaddaf u li ġie mibgħut lill-Kummissjoni għat-testijiet tagħha mill-kumpannija tat-tindif innifisha, iżda varjanti tiegħu, is-Synto Forte. B’dan il-mod, mir-rapport ta’ espert tal-istitut II jirriżulta b’mod espliċitu li ċerti testijiet saru bil-varjanti Synto Forte. Barra minn hekk, mir-rapporti ta’ esperti tal-istitut II u III jirriżulta li l-prodott użat għall-esperjenzi jinkludi l-komponent 2-(2-butoxietoxi)etanol, li ma huwiex preżenti fis-Synto, iżda biss fil-varjanti tiegħu, is-Synto Forte. Issa, huwa kostanti li dan il-komponent jirrendi s-Synto Forte prodott għat-tindif ħafna iktar aggressiv.

224    Fit-tielet lok, fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, il-provi li bbażat ruħha fuqhom il‑Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 8, 9, 74 u 75 tad-deċiżjoni kkontestata) kienu jippermettu l-konklużjoni li s-siġill inkwistjoni kien tneħħa mill-bieb tal-bini G.505 matul il-lejl ta’ bejn id-29 u t-30 ta’ Mejju 2006 u li għaldaqstant dan il-bieb seta’ nfetaħ f’dak iż-żmien (ara l-punt 146 hawn fuq) u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti, li kellha l-oneru li tipprova l-fatti li hija tallega, ma ġabitx il-prova tal-fatti li hija tinvoka u li kkawżaw l-istat tas-siġill inkwistjoni hekk ikkonstatat, l-allegati nuqqasijiet tar-rapporti ta’ Kr. invokati mir-rikorrenti ma jistgħux iqiegħdu f’dubju l-konklużjoni li tinsab fil-punt 219 hawn fuq.

225    F’kull każ, l-ewwel nett, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, ir-rapporti ta’ espert ta’ Kr. ma humiex ibbażati fuq l-ipoteżi li r-ritratti meħuda fit-30 ta’ Mejju 2006, wara nofsinhar, jirriproduċu s-siġill inkwistjoni fl-istat li kien jinsab fih fl-għodwa tal-istess jum, peress li r-riferiment għall-imsemmija ritratti li jinsab b’mod partikolari fir-rapport Kr. II jikkostitwixxi biss indikazzjoni supplementari tal-istat tas-siġill inkwistjoni, kif kien jirriżulta mir-ritratti meħuda fit-30 ta’ Mejju 2006.

226    It-tieni nett, fir-rigward tal-allegat “spazju fil-bieb” li kien imnaqqas wisq waqt it-testijiet ta’ Kr., għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, waqt iż-żjara ta’ Kr. fuq il-post, fil-preżenza tar-rikorrenti, din ikkonstatat, bl-għajnuna ta’ riga diġitali, “spazju fil-bieb” massimu ta’ 0.53 mm, mingħajr ma din il‑konstatazzjoni ġiet ikkontestata mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l‑espożizzjoni tal-fatti jew fir-rapporti ta’ esperti tal-istitut II u III. F’kull każ, minn naħa, kif jirriżulta mill-premessa 79 tad-deċiżjoni kkontestata, anki jekk jingħad li l-“ispazju fil-bieb” kien ta’ 2 mm, il-ġbid tas-siġill inkwistjoni baqa’ mnaqqas ħafna. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tressaq lanqas l-iċken prova li tippermetti l-konkużjoni li “spazju fil-bieb” iktar importanti kien tali li jwassal għal riskju ta’ “reazzjoni pożittiva falza” tas-siġill inkwistjoni.

227    It-tielet nett, fir-rigward tal-umdità fl-arja, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma ġġibx il-prova li l-indikazzjonijiet tad-dokumentazzjoni teknika, li fuqhom il‑Kummissjoni bbażat diversi osservazzjonijiet tagħha, ma humiex applikabbli f’dan il-każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-materjali li minnhom huwa kompost il‑bieb tal-bini G.505 u l-qafas tiegħu. Hija lanqas ma tistabbilixxi l-fatt li l-film ta’ sigurtà sar iktar sensittiv minħabba l-preżenza ta’ umdità fl-arja meta nqala’ l‑film ta’ sigurtà. Fl-aħħar nett, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, mir-rapport Kr. II jirriżulta li lanqas umdità għolja ma setgħet tikkawża bdil fis-siġill inkwistjoni.

228    Ir-raba’ nett, fir-rigward tan-nuqqas ta’ “konfermazzjoni statistika” tat-testijiet ta’ Kr., għandu jiġi osservat li hija r-rikorrenti li għandha turi ċ-ċirkustanzi li hija tinvoka, b’tali mod li n-nuqqas ta’ allegata “konfermazzjoni statistika indispensabbli għal affermazzjoni bbażata b’mod xjentifiku” huwa irrilevanti. F’kull każ, il-Kummissjoni indikat li l-proċedura tat-test li użat folji miżbugħa bil-verniċ fil-forma ta’ trab kienet partikolarment prudenti meta mqabbla ma’ esperimenti fuq aluminju anodizzat.

229    Il-ħames nett, għandha tiġi miċħuda l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li Kr. injora l-possibbiltà li s-siġill inkwistjoni seta’ jitwaħħal b’mod tali li sostna tensjoni fuq in-naħa ta’ fuq tax-xaqq bejn il-pannell tal-bieb tal-bini G.505 u l‑qafas tiegħu, li wassal bħala konsegwenza għal stress fuq is-siġill inkwistjoni iktar importanti minn dak li ġie preżunt fir-rapport Kr. II, peress li din l‑affermazzjoni ma hija sostnuta bl-ebda mod. F’kull każ, Kr. kkonstata li espansjoni tas-siġill inkwistjoni kienet tippresupponi saħħa importanti (premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata), li huwa eskluż fit-twaħħil ta’ siġill bl-idejn.

230    Is-sitt nett, l-allegat nuqqas ta’ kantunieri mitwija fuq is-siġill inkwistjoni ma jistax jipprova li dan tal-aħħar ma tneħħiex matul il-lejl ta’ bejn id-29 u t-30 ta’ Mejju 2006. Barra mill-fatt li l-“kantunieri mitwija” ma jikkostitwixxux karatteristika ta’ ksur ta’ siġill, għandu jiġi enfasizzat li qlugħ bl-idejn ma jikkawżax neċessarjament id-dehra ta’ kantunieri mitwija, peress li siġill jista’ jinqala’ bi prekawzjoni jew ukoll mix-xaqq li jinsab bejn il-bieb u l-qafas tiegħu li fuqhom huwa jinsab. Għaldaqstant dan l-ilment għandu wkoll jiġi miċħud.

231    Is-seba’ nett, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, mir-rapport ta’ Kr. II jirriżulta li, fil-kuntest ta’ dan, ġiet eżaminata effettivament l-influwenza magħquda taċ-ċirkustanzi allegati mir-rikorrenti. Għaldaqstant, dan l-ilment lanqas ma jista’ jintlaqa’.

232    Fir-raba’ lok, fid-dawl tal-konklużjoni magħmula fil-punt 219 hawn fuq, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-allegata “possibbiltà ta’ reazzjonijiet pożittivi foloz”, li tirriżulta mill-espożizzjoni tal-Kummissjoni nnifisha fil-premessi 7, 74 u 75 tad-deċiżjoni kkontestata.

233    F’kull każ, kif ġie indikat fil-punt 146 hawn fuq, din l-argumentazzjoni għandha tiġi miċħuda, ladarba l-Kummissjoni qatt ma qalet li taqbel mal-kummenti magħmula mir-rikorrenti fil-punt 2 tad-dikjarazzjoni addizzjonali tat-30 ta’ Mejju 2006 (ara l-punt 12 hawn fuq) u ladarba, minbarra dan, is-sempliċi affermazzjoni tar-rikorrenti li “l-kliem ‘VOID’ fuq il-qafas ma kienx imħassar kompletament” ma tistax, minnha nnifisha, turi l-eżistenza ta’ “reazzjoni pożittiva falza” tas-siġill inkwistjoni.

234    Għaldaqstant is-sitt motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza

 L-argumenti tal-partijiet

235    Ir-rikorrenti ssostni li, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni ma “osservatx biżżejjed” il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza. Hija tfakkar li, fis-16 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni qabbdet lil Kr. sabiex jippreżenta l‑osservazzjonijiet tiegħu fuq ir-rapporti ta’ esperti tal-istitut II u III. Id-domandi li l-Kummissjoni indirizzat lil Kr. għall-finijiet tat-thejjija tar-rapport Kr. II kellhom, fil-biċċa l-kbira, “natura suġġestiva”, u b’dan il-mod il-Kummissjoni kisret l‑obbligu tagħha ta’ imparzjalità, in-newtralità tal-investigazzjoni, il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-“dritt għal smigħ xieraq”.

236    Peress li l-Kummissjoni ma rrispettatx in-newtralità tal-investigazzjoni hekk kif huwa mitlub mill-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, ma huwiex utli li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk jeżistux dubji serji rigward il‑kredibbiltà u rigward in-newtralità tal-espert (premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata), peress li l-ilment tan-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza ma huwiex dirett kontra l-espert tal-Kummissjoni, iżda kontra l-Kummissjoni nnifisha. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li jeżistu dubji serji rigward in-newtralità tal-Kummissjoni huwa biżżejjed sabiex jiġi stabbilit ksur tal-obbligu ta’ imparzjalità li jirriżulta mill-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza. Barra minn hekk, l-aġir tal-espert, li jikkonsisti fil-formulazzjoni mill-ġdid tad-domandi, ma jagħmilx tajjeb għan-nuqqas ta’ osservanza mill-Kummissjoni tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

237    Il-Kummissjoni titlob li l-motiv għandu jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

238    Għandu jitfakkar li l-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-KEDB, li jagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, affermata mill-ġdid ukoll mill-preambolu tal-Att Uniku Ewropew u mill-Artikolu 6(2) UE kif ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huma rikonoxxuti fl-ordinament ġuridiku Komunitarju. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ gravità tas-sanzjonijiet li huma marbuta miegħu, il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri marbuta ma’ ksur ta’ regoli dwar il-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet li jimponu multi jew pagamenti ta’ penalità (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punt 115, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

239    Il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza jimplika li kull persuna akkużata hija preżunta innoċenti sakemm tinstab ħatja skont il-liġi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, Ġabra p. II‑4065, punt 106).

240    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, billi indirizzat lil Kr., b’ittra tas-16 ta’ Ottubru 2007, kwestjonarju, li d-domandi tiegħu kienu ta’ “natura suġġestiva”.

241    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-domandi magħmula lil Kr. f’din l-ittra kienu miktuba bil-mod li ġej (ara wkoll il-premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata):

“1. Jekk jogħġbok agħti l-opinjoni tiegħek fuq il-metodi, l-analiżi u l‑konklużjonijiet tar-rapporti tal-[istitut], li ġew indirizzati lill-Kummissjoni b’ittri tas-6 ta’ Ġunju 2007 u tal-1 ta’ Ottubru 2007. B’mod partikolari, indika fl-opinjoni tiegħek ir-raġunijiet għalfejn ir-rapporti inkwistjoni tal-[istitut] ma jikkontradixxux ir-rapport tiegħek tat-8 ta’ Mejju 2007 fuq il-funzjonalità tas-siġilli tal-Kummissjoni fir-rigward tal-metodi, tal-analiżi u tal-konklużjonijiet. Jekk inti tqis li testijiet ġodda huma neċessarji sabiex jiġu kkonfermati/sostnuti r‑rapporti preċedenti tiegħek, iddeskrivihom fil-qosor.

2. Jekk jogħġbok irrispondi għad-domanda preċedenti wkoll fir-rigward tal-argumenti/fatturi li [ir-rikorrenti] – minbarra r-rapporti tal-istitut – ressqet fl-ittra tagħha tas-6 ta’ Lulju 2007 (pereżempju, nuqqas ta’ rilevanza statistika tat-test tiegħek).

3. Jekk jogħġbok ikkonferma li l-għaqda tal-fatturi/argumenti mressqa mir-[rikorrenti] (jew [mill-istitut]) (fost l-oħrajn, nuqqas ta’ tindif minn qabel tal-wiċċ, użu tas-Synto fuq is-siġill, vibrazzjonijiet tal-bieb, umdità atmosferika, allegat tul eċċessiv tal-ħażna tas-siġilli) ma setgħetx twassal għal reazzjoni pożittiva falza mingħajr ma s-siġill ikun tneħħa mis-siġill. Jekk jogħġbok ikkonferma wkoll li l‑għaqda tal-fatturi/argumenti mressqa ma tistax tispjega ċ-ċirkustanzi l-oħra kkonstatati mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Mejju 2006, filgħodu (traċċi ta’ kolla madwar it-tarf tas-siġill u fuq in-naħa ta’ wara tas-siġill). Jekk inti tqis li testijiet ġodda huma neċessarji sabiex jiġu kkonfermati/sostnuti r-rapporti preċedenti tiegħek, iddeskrivihom fil-qosor.”

242    Kif jirriżulta mill-eżami tar-raba’ motiv, il-provi li bbażat ruħha fuqhom il‑Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 8, 9, 74 u 75 tad-deċiżjoni kkontestata) kienu jippermettu l-konklużjoni li s-siġill inkwistjoni kien tneħħa matul il-lejl ta’ bejn id-29 u t-30 ta’ Mejju 2006 u li l-bieb tal-bini G.505 seta’ għaldaqstant jinfetaħ f’dan iż-żmien, fid-dawl tal-kliem “VOID” fuq il-wiċċ kollu tas-siġill inkwistjoni u tal-preżenza ta’ traċċi ta’ kolla qrib u fuq in-naħa ta’ wara tiegħu fit-30 ta’ Mejju 2006, filgħodu. F’dan il-kuntest, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv, kienet l-impriża kkonċernata li kellha tistabbilixxi suffiċjentement skont il-liġi, minn naħa, l-eżistenza taċ-ċirkustanzi li hija tinvoka u, min-naħa l-oħra, li dawn iċ-ċirkustanzi jqiegħdu f’dubju l-valur probatorju tal-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni.

243    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif tosserva l-Kummissjoni, l‑istabbiliment tar-rapport Kr. II kien intiż sabiex jivverifika jekk l-konklużjonijiet tar-rapport Kr. I kinux imqiegħda f’dubju permezz tar-rapporti ta’ esperti tal-istitut II et III. Fir-rapport Kr. I, l-espert tal-Kummissjoni indika effettivament li “telf tal-forma” tas-siġill oriġinali, li kien imsemmi fir-rapport ta’ espert tal-istitut I, ma setax ta lok għal “reazzjoni pożittiva falza”, indipendentement miż-żmien tas-siġill, il-mod ta’ twaħħil tiegħu u r-rapidità li biha nqala’, u dan ukoll fl-ipoteżi li dan kien tnaddaf minn qabel bis-Synto u mbagħad sostna l-azzjoni ta’ tqattigħ u ta’ tqaxxir.

244    Għalhekk, il-kwestjonarju tal-Kummissjoni kien intiż sabiex jistabbilixxi, fid-dawl tal-konklużjoni li tinsab fir-rapport Kr. I, jekk tali konklużjoni kinitx imqiegħda f’dubju permezz tar-rapporti ta’ esperti tal-istitut II u III. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreċiżat, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li l-formulazzjoni tal-imsemmija domandi kienet tirriżulta wkoll mill-kuntest li huma kienu jinsabu fih, jiġifieri li Kr. kien diġà għamel oralment xi kummenti fuq il-konstatazzjonijiet li jinsabu fir-rapporti ta’ esperti tal-istitut II u III u kien indika li ma kienx hemm raġuni li jiġu ddubitati l-konklużjonijiet li jinsabu fir-rapport Kr. I.

245    Fl-aħħar nett, bħalma l-Kummissjoni osservat fil-premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-formulazzjoni tad-domandi minn Kr. innifsu fir-rapport Kr. II jirriżulta li l-espert tal-Kummissjoni kien jikkunsidra dawn id-domandi bħala domandi miftuħa, u dawn kienu ġew ifformulati mill-ġdid kif ġej: “Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-istitut iqiegħdu f’dubju […] il-konklużjonijiet tal-aħħar rapport?”; “L-argumenti ppreżentati mil[l-avukat tar-rikorrenti] jqiegħdu f’dubju l-konklużjonijiet tal-aħħar rapport?”; “Għaqda tal-fatturi/argumenti mressqa tista’ twassal għal reazzjoni pożittiva falza u tispjega l-kundizzjonijiet li fihom jinsab is‑siġill?”

246    Mill-iżviluppi preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, minħabba l-formulazzjoni tad-domandi li jinsabu fl-ittra tagħha tas-16 ta’ Ottubru  2007 lil  Kr.

247    Għaldaqstant is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1/2003

 L-argumenti tal-partijiet

248    Ir-rikorrenti tfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni akkużata li wettqet ksur tas-siġill b’negliġenza, mingħajr ma ppreċiżat, madankollu, dak li hija kienet tqis bħala mġiba negliġenti.

249    L-ewwel nett, l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa indirizzat esklużivament lil impriżi li jaġixxu permezz tal-impjegati jew tar-rappreżentanti tagħhom li l-imġiba tagħhom tista’, konsegwentement, tiġi attribwita lill-imsemmiija impriżi. Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 97), ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat, fil-premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata, li mġiba ta’ terzi kellha tiġi attribwita lilha. L-ebda kollaboratur jew rappreżentant awtorizzat tar-rikorrenti ma fetaħ il-bieb tal-bini G.505, u dan jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet maħlufa prodotti mir-rikorrenti. F’dan il-kuntest, l-allegat ftuħ tal-bieb jew kwalunkwe fatt ieħor li ta lok għall-qlugħ tas-siġill inkwistjoni jikkostitwixxi “att lil hinn mis-setgħat tal-persuni li jaġixxu f’isimha”, li ma jistax jiġi attribwit lir-rikorrenti. Il-fatt li l‑kumpannija tat-tindif ġiet imwissija bl-eżistenza tas-siġill inkwistjoni huwa irrilevanti, peress li din ma kellhiex ċavetta tal-bini G.505. F’dan ir-rigward, l‑għan tas-siġill inkwistjoni, jiġifieri l-preservazzjoni tal-elementi tal-fajl li kienu għadhom iridu jiġi eżaminati, seta’ jkun mhedded biss mill-possessuri taċ-ċwievet, b’tali mod li kien inutli li l-kumpannija tat-tindif tiġi informata bl-eżistenza tas-siġill inkwistjoni.

250    It-tieni nett, l-ilment ta’ negliġenza invokat mill-Kummissjoni ma huwiex rilevanti. Hemm negliġenza biss jekk il-persuna kkonċernata setgħet u kellha tkun taf li hija kienet qed twettaq ksur. Issa, il-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq allegati modifiki ta’ siġill skadut li intuża b’mod żbaljat.

251    Bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni (premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata), l-impjegata tal-kumpannija tat-tindif ma setgħetx tkun taf li s‑sempliċi fatt li wieħed jgħaddi ċarruta mxarrba bi prodott tat-tindif normali fuq is-siġill inkwistjoni seta’ jwassal għad-dehra ta’ karatteristiċi li jixbhu dawk ta’ ksur ta’ siġill. Ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tiġi kkritikata li ma antiċipatx tali intervent (nota ta’ qiegħ il-paġna 176 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, is-siġill inkwistjoni ma kellux fuqu informazzjoni dwar l-eventwali sensittività tiegħu għal tindif superfiċjali u r-rikorrenti ma ġietx informata b’sensittività tas-siġill inkwistjoni, la mat-twaħħil tiegħu u lanqas fil-minuti tat-twaħħil tiegħu. Ir‑rikorrenti tista’ tinżamm responsabbli biss għall-ftuħ mingħajr awatorizzazzjoni tal-bieb issiġillat. Lanqas il-membri tal-grupp ta’ spezzjoni ma kienu jafu manifestament bil-funzjonament tas-siġill inkwistjoni.

252    Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni ma indikatx lir-rikorrenti l-fatt li kien għadda ż-żmien massimu ta’ konservazzjoni tas-siġill inkwistjoni ma jistax jippreġudikaha. Fil-każ li jgħaddi ż-żmien massimu ta’ konservazzjoni tas-siġill, difetti fil-funzjonament tiegħu ma jistgħux jiġu esklużi. Fid-dritt Ġermaniż, is‑sempliċi fatt li tinqabeż id-data ta’ konservazzjoni jikkostitwixxi difett tal-ħaġa. Fid-dawl tal-fatt li għadda ż-żmien massimu ta’ konservazzjoni tas-siġill inkwistjoni u fid-dawl tal-multa li tista’ eventwalment tiġi imposta fil-każ ta’ ksur ta’ siġill, il-Kummissjoni kellha f’kull każ issemmi din iċ-ċirkustanza lir-rikorrenti.

253    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

254    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li, “ħlief fil-każ ta’ forza maġġuri, [kellu] bħala prinċipju jiġi kkunsidrat li s-siġill seta’ jinqala’ biss b’att intenzjonat, iktar u iktar għaliex wara li nqala’ s-siġill milli jidher [kien] ġie ssostitwit b’mod intiż sabiex jaħbi l-ksur tas-siġill”. Hija ppreċiżat li “f’dan ir‑rigward [kellu] jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li biss persuni awtorizzati mir-[rikorrenti] kienu jinsabu fil-bini (fosthom l-impjegati ta[l-kumpannija tat-tindif], sussidjarja 100 % ta[r-rikorrenti])” (premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija qieset ukoll li kellu jiġi “ammess li mill-inqas dan [kien] ksur ta’ siġill b’negliġenza”, li “[kien] hemm lok, f’dan ir-rigward, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, mat-twaħħil tas-siġill, rappreżentanti ta[r-rikorrenti] [kienu] ġew informati mill-persuna responsabbli għall-grupp ta’ spezzjoni bis-sinjifikat tas-siġill u bil-konsegwenzi ta’ ksur ta’ siġill” u li “dan [kien] issemma wkoll fuq is-siġill innifsu”. (premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, in-natura tal-bdil tas-siġill inkwistjoni wassalha, fid-dawl tal-elementi li jinsabu b’mod partikolari fil-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata u fil-minuti tal-ksur tas-siġill, sabiex tqis l-eżistenza ta’ ksur ta’ siġill b’mod intenzjonat jew, mill-inqas, b’negliġenza.

255    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat, fil-premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata, li aġir ta’ terzi kellu jiġi attribwit lilha, u li f’dan il-każ ma tistax tkun negliġenza, peress li l‑impjegata tal-kumpannija tat-tindif ma setgħetx tkun taf li kienet qiegħda twettaq element materjali tal-ksur ta’ siġill.

256    L-ewwel nett, diġà ġie mfakkar li, skont l-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni setgħet timponi multi meta, “intenzjonalment jew b’mod negliġenti” siġilli mwaħħla mill-uffiċjali jew mill-persuni l-oħra li jakkumpanjawhom imqabbda mill-Kummissjoni jkunu ġew miksura. Kif ġie mfakkar fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv, ma hijiex il-Kummissjoni, skont l‑Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003 li għandha turi li effettivament sar dħul bil-bini li kien issiġillat. L-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li l-bieb tal-bini G.505 ma ġiex miftuħ mill-possessuri taċ-ċwievet, li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet maħlufa tal-imsemmija possessuri, jew mill-impjegata tal-kumpannija tat-tindif, peress li din ma għandhiex ċavetta ta’ dan il-bini, ma humiex rilevanti.

257    It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-ebda wieħed mill-kollaboraturi jew rappreżentanti awtorizzati tagħha ma fetaħ il-bieb tal-bini G.505, kif jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet maħlufa tal-pussessuri taċ-ċwievet u mill-fatt li, f’dan il-kuntest, kull qlugħ tas-siġill inkwistjoni jmur lil hinn, f’kull każ, mis-setgħat tal-imsemmija persuni, għandu jitqies li, fil-premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li biss persuni awtorizzati mir-rikorrenti (inklużi l-impjegati tal-kumpannija tat-tindif, sussdijarja b’100 % tar-rikorrenti) kienu jinsabu fil-bini G. Barra minn hekk, fil-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li seta’ jiġi eskluż li persuna mhux awtorizzata setgħet tidħol fl-imsemmi bini matul il-lejl ta’ bejn id-29 u t-30 ta’ Mejju  2006 u li r-rikorrenti qatt ma kienet affermat li persuna mhux awtorizzata kienet daħlet f’dan il-bini.

258    Issa, qabel kollox, għandu jiġi osservat li dawn l-affermazzjonijiet ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Barra minn hekk, il‑kollaboraturi jew rappreżentanti awtorizzati tar-rikorrenti għandhom jitqiesu li jwettqu xogħlijiet favur u taħt it-tmexxija tal-imsemmija rikorrenti (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 539). F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l‑argument tar-rikorrenti bbażat fuq is-sentenza Musique Diffusion française vs Il‑Kummissjoni, punt 249 iktar ’il fuq, li jgħid li biss il-possessuri taċ-ċwievet huma kollaboraturi jew rappreżentanti awtorizzati. Fil-fatt, hekk kif tosserva l‑Kummissjoni, is-setgħa tal-Kummissjoni li tissanzjona impriża meta din twettaq ksur jippreżumi biss il-ksur ta’ persuna li hija awtorizzata b’mod ġenerali sabiex taġixxi għan-nom tal-impriża (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 277, u l-ġurisprudenza ċċitata).

259    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument li l-impjegata tal-kumpannija tat-tindif ma setgħetx tkun taf li l-fatt li hija tgħaddi ċarruta mxarrba bi prodott għal manutenzjoni normali fuq is-siġill inkwistjoni seta’ jwassal għad-dehra ta’ karatteristiċi simili għal dawk ta’ ksur tas-siġill, għandu jiġi osservat li dan l‑argument huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata skont liema ġie muri li l-istat tas-siġil inkwistjoni fit-30 ta’ Mejju 2006, filgħodu, kien attribwibbli għall-prodott għat-tindif allegatament użat mill-imsemmija impjegata.

260    F’kull każ, anki jekk jingħad li l-istat tas-siġill inkwistjoni seta’ jinbidel minn din l-impjegata permezz ta’ ċarruta u prodott għat-tindif (premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi kkonstatat li kienet ir-rikorrenti li kellha tieħu l-misuri neċessarji kollha sabiex tipprevjeni kwalunkwe manipulazzjoni tas-siġill inkwistjoni, iktar u iktar għaliex ir-rikorrenti kienet ġiet informata b’mod ċar bis‑sinjifikat tas-siġill inkwistjoni u bil-konsegwenzi ta’ ksur tas-siġill (premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

261    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati, minn naħa, fuq il-fatt li l‑Kummissjoni tibbaża ruħha biss fuq modifiki ta’ siġill skadut użat b’mod żbaljat u, min-naħa l-oħra, fuq l-allegat żmien massimu ta’ konservazzjoni tas-siġill inkwistjoni, għandu jiġi osservat li dawn diġà ġew miċħuda fil-kuntest tal-eżami tas-sitt motiv.

262    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jitqies li l-Kummissjoni kellha raġun meta kkunsidrat li, f’dan il-każ, kien hemm mill-inqas ksur ta’ siġill b’negliġenza.

263    Għaldaqstant il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 253 KE u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-iffissar tal-ammont tal-multa

 L-argumenti tar-rikorrenti

264    Ir-rikorrenti ssostni, sussidjarjament, li l-multa li ġiet imposta fuqha fid-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata u, b’mod iktar sussidjarju, li hija għandha tiġi mnaqqsa.

265    Fl-ewwel lok, il-multa imposta fuq ir-rikorrenti tikser il-“projbizzjoni tal-arbitrarjetà” kif ukoll l-Artikolu 253 KE. Fid-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni fil-fatt naqset milli tippreċiża fuq liema kriterji hija kienet ibbażat ruħha sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multa imposta, b’tali mod li l-impożizzjoni ta’ multa ta’ EUR 38 miljun ma tistax tinftiehem, iktar u iktar għaliex il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artkolu 65(5) [KEFA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3) jipprovdu, anki fil-każ ta’ ksur serju, ammont bażiku ta’ biss EUR 20 miljun. Fid-dawl tal-motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata, ir‑rikorrenti ma setgħetx tinvoka b’mod effettiv id-drittijiet tad-difiża tagħha.

266    L-ewwel nett, fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 104 et seq), il-Kummissjoni sempliċement elenkat serje ta’ ċirkustanzi li jew japplikaw għal kull ksur ta’ siġill jew inkella jikkostitwixxu b’mod ġenerali ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, mingħajr madankollu ma tat iċ-ċifra tal-ammont bażiku jew iċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti la f’valur assolut u lanqas f’perċentwali. Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda aspett essenzjali tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset milli tindika l-aspetti determinanti tal-evalwazjoni tagħha bi ksur tal-Artikolu 253 KE.

267    It-tieni nett, id-deċiżjoni kkontestata tagħti l-impressjoni li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-ipoteżi ta’ ksur intenzjonali meta fil-fatt, fil-partijiet rilevanti tad-deċiżjoni kkontestata, hija qieset ksur imwettaq “mill-inqas b’negliġenza” (premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata).

268    Fit-tieni lok, iċ-ċirkustanzi aggravanti invokati huma żbaljati mil-lat materjali, japplikaw għall-każijiet kollha ta’ ksur ta’ siġill u jinġabru f’osservazzjonijiet astratti u ġenerali mingħajr l-ebda rabta mal-każ konkret (ara l-premessi 105 sa 108 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandha ssir divrenzjar skont l-importanza u skont l-effetti tal-ksur tas-siġill. Issa, il-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni f’dan il-każ fuq iċ-ċirkustanzi konkreti tal-ksur ta’ siġill. Il-motivi l-oħra mressqa fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri, l-ewwel nett, it-tisħiħ tas-sanzjonijiet għal ksur ta’ siġill fir-Regolament Nru 1/2003 meta mqabbla mas-sistema preċedenti, it-tieni nett, il-fatt li kienet spezzjoni fil-qasam tad-dritt dwar il-kompetizzjoni, it-tielet nett, il-fatt li d-dokumenti mqiegħda fil-bini G.505 ma saritx fotokopja tagħhom u lanqas ġew ikkatalogati, ir-raba’ nett, id-daqs tar-rikorrenti u, fl-aħħar nett, in-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ miżuri sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà tas-siġill inkwistjoni, huma irrilevanti f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

269    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni diversi ċirkustanzi attenwanti favur ir-rikorrenti, li kienu jiġġustifikaw tnaqqis konsiderevoli fl-ammont tal-multa.

270    L-ewwel nett, ksur ta’ siġill b’negliġenza għandu jiġi ssanzjonat b’multa ta’ ammont inqas minn dik imposta għal ksur ta’ siġill intenzjonali. Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-ksur ta’ siġill huwa r-riżultat ta’ għaqda ta’ ċirkustanzi ftit jew wisq aleatorji.

271    It-tieni nett, il-membri tal-grupp ta’ spezzjoni ma informawx lir-rikorrenti bis-sensittività partikolari tal-film ta’ sigurtà, u dan ikkontribwixxa għall-eventwali negliġenza kkostitwita min-nuqqas ta’ miżuri preventivi min-naħa tar-rikorrenti.

272    It-tielet nett, ma kienx possibbli li jiġi kkonstatat li dokumenti tneħħew mill-bini G.505.

273    Ir-raba’ nett, bil-kontra ta’ dak li l-Kummissjoni tafferma fil-premessa 112 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti kkooperat magħha f’miżura li taqbeż dak li hija kienet marbuta għalih, b’mod partikolari billi pprovditilha rapporti ta’ esperti għoljin.

274    Fir-raba’ lok, is-sempliċi rinviju għall-perċentwali tal-multa ffissata skont id-dħul mill-bejgħ globali tar-rikorrenti ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi eskluż ksur tad-dritt fl-istabbiliment tal-ammont tal-multa. L-ammont tal-multa huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-ksur, fid-dawl tad-dubji rigward l-eżistenza effettiva, f’dan il-każ, ta’ ksur ta’ siġill attribwibbli lir-rikorrenti. Effett dissważiv tal-multa lanqas ma huwa meħtieġ. Barra minn hekk, f’applikazzjoni simili tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, in-Nederlandse Mededingingsautoriteit (awtorità tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar il-kompetizzjoni, iktar ’il quddiem, in-“Nma”) reċentement imponiet multa għal ksur ta’ siġill li tammonta għal EUR 269 000 jew 0.0028 % tad-dħul tal-bejgħ globali tal-impriżi li kienet inkwistjoni, minkejja li l-wet houdende nieuwe regels omtrent de economische mededinging (Mededingingswet) (Liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar il-kompetizzjoni) (Stb. 1997, Nru 242), kif emendata, kienet tipperemetti qafas għall-istabbiliment tal-ammont tal-multa li jista’ jilħaq il-1 % tad-dħul mill-bejgħ mondjali [Artikolu 70 b(1) tal-Mededingingswet].

275    Il-Kummissjoni titlob li l-argumenti tar-rikorrenti jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

276    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata suffiċjentement, peress li l-Kummissjoni naqset milli tippreċiża fl-imsemmija deċiżjoni l-kriterji li hija kienet ibbażat ruħha fuqhom sabiex tistabbilixxi l‑ammont tal-multa imposta. Din il-motivazzjoni insuffiċjenti tippreġudika d‑drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

277    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, l-awtur tal-att, b’tali mod li l‑persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u l-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jistgħu jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi fattwali u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu, kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

278    F’dan il-każ, fir-rigward tal-kriterji li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, il-Kummissjoni indikat li l-ammont tal-multa kien, b’mod partikolari, ibbażat fuq il-gravità tal-ksur u ċ‑ċirkustanzi partikolari tal-każ (premessi 104 u 113 tad-deċiżjoni kkontestata).

279    Għalhekk il-Kummissjoni sostniet li, l-ewwel nett, indipendentement mill-każ konkret, ksur ta’ siġill jirrappreżenta ksur serju u multa imposta għal ksur ta’ siġill kellu jkollha effett dissważiv (premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata), b’tali mod li ma kellux ikun iktar vantaġġuż għal impriża li ġiet spezzjonata, li tikser siġill.

280    It-tieni nett, hija enfassizat li l-ispezzjonijiet ma kinux, bħala regola ġenerali, ordnati ħlief fil-każ ta’ indizji ta’ ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u dan kien ukoll il-każ hawnhekk. F’dan ir-rigward, l-ispezzjoni magħmula fil-bini tar-rikorrenti kellha tippermettilha li tivverifika indizji ta’ ksur tar-regoli dwar il‑kompetizzjoni u, barra minn hekk, li dokumenti mhux ikkatalogati, misjuba f’mod partikolari fl-ewwel jum tal-ispezzjoni, kienu jinsabu fil-bini ssiġillat (premessi 107 u 108 tad-deċiżjoni kkontestata).

281    It-tielet nett, hija indikat li kienet ħadet inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, il-fatt li kien l-ewwel każ ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003, filwaqt li kkunsidrat li dan il-fatt ma setax ikollu bħala konsegwenza li l-multa ffissata ma tkunx tista’ tiggarantixxi l-effett dissważiv ta’ din id-dispożizzjoni (premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata).

282    Ir-raba’ nett, hija osservat li, minbarra l-fatt li r-Regolament Nru 1/2003 kien webbes id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-multi għal ksur proċedurali tliet snin qabel l-ispezzjonijiet u li siġilli kienu diġà twaħħlu fil-bini tal-istess grupp xi ġimgħat qabel, ir-rikorrenti kienet waħda mill-ikbar impriżi Ewropej fis-settur tal-enerġija, b’bosta esperti fil-qasam tad-dritt dwar l-akkordji u li l-attenzjoni tagħha kienet inġibdet, fit-twaħħil tal-multi, għall-multi importanti previsti fil-każ ta’ ksur ta’ siġill (premessa 110 tad-deċiżjoni kkontestata).

283    Imbagħad il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti invokati inkwantu ċirkustanzi attenwanti, li jipprovdu li l-Kummissjoni ma ġabitx prova tal-fatt li l‑bieb tal-bini G.505 kien infetaħ jew li kienu nsterqu dokumenti, jew li r‑rikorrenti kkollaborat mal-Kummissjoni f’miżura li taqbeż dak li hija kienet marbuta għalih (premessi 111 u 112 tad-deċiżjoni kkontestata).

284    Minħabba li, fir-rigward tal-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003, il‑Kummissjoni ma adottatx linji gwida li jsemmu l-metodu ta’ kalkolu li hija marbuta li tapplika fil-kuntest tal-iffissar tal-multi skont din id-dispożizzjoni u minħabba li r-raġunament tal-Kummissjoni jidher b’mod ċar u mhux ekwivoku fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kinitx, bil-kontra ta’ dak li ssostni r‑rikorrenti, marbuta li tagħti f’ċifri, f’valur assolut jew f’perċentwali, l-ammont bażiku tal-multi u l-eventwali ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti. Għalhekk l‑ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 253 KE għandu jiġi miċħud. L-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha li jirriżulta minn motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontesta, għandu wkoll jiġi miċħud.

285    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-multa li ġiet imposta fuqha hija sproprozjonata.

286    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jitlob li l‑atti tal-istituzzjonijiet ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintuża dik l-inqas restrittiva u l‑inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C-180/96, Ġabra p. I‑2265, punt 96, u s-sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, T‑30/05, li għadha mhix ippubblikata fil-Ġabra, punt 223).

287    Għalhekk il-multi ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti, jiġifieri meta mqabbla mal-osservanza tar-regoli dwar il‑kompetizzjoni, u l-ammont tal-multa imposta fuq impriża minħabba ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jkun proporzjonat mal-ksur, evalwat b’mod globali, billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tiegħu (sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 286 iktar ’il fuq, punt 224). F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, il-gravità ta’ ksur hija stabbilita billi jittieħdu inkunsiderazzjoni bosta elementi, li fir-rigward tagħhom il‑Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑328/05 P, Ġabra p. I‑3921, punt 43; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 240 sa 242).

288    L-ewwel nett, fil-premessi 105 sa 108 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet, ġustament, ir-raġunijiet li għalihom il-ksur ikkostitwit mill-ksur ta’ siġill kien, inkwantu tali, ksur partikolarment serju, billi rreferiet b’mod prinċipali għall-iskop tas-siġilli, li huwa li jipprevjenu l-provi milli jisparixxu waqt l‑ispezzjoni, u n-neċessità li jiżguraw effett dissważiv biżżejjed tal-multa imposta. F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi enfassizat li, minn naħa, fir-rigward tal-ksur ikkostitwit minn ksur ta’ siġill, fir-Regolament Nru 1/2003, il-leġiżlatur iffissa sanzjonijiet iktar severi minn dawk li kienu previsti taħt is-sistema preċedenti, sabiex jieħu inkunsiderazzjoni n-natura partikolarment serja ta’ dan il-ksur. Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni n-neċessità li jiġi ggarantit effett dissważiv biżżejjed ta’ dawn il-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 249 iktar ’il fuq, punt 108), u dan huwa iktar u iktar importanti fil-kuntest ta’ ksur ikkostitwit minn ksur ta’ siġill, sabiex impriżi ma jkunux jistgħu jqisu li huwa iktar vantaġġuż għalihom li jiksru siġill fil-kuntest ta’ spezzjoni (premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata). Fid-dawl ta’ dak li ntqal, u bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma qisitx ċirkustanzi aggravanti fir-rigward tagħha, iżda semmiet ċirkustanzi li kienu jiġġustifikaw multa dissważiva biżżejjed għal kull ksur ikkostitwit minn ksur ta’ siġill.

289    It-tieni nett, fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti li l-Kummissjoni ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni, qabel kollox, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-ksur ta’ siġill b’negliġenza jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti għall-impriża kkonċernata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq l‑ipoteżi ta’ ksur intenzjonali, għaliex hija qieset li, f’dan il-każ, kellu jiġi ammess li “mill-inqas” kien hemm ksur ta’ siġill b’negliġenza (premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003, il-ksur ikkostitwit mill-ksur ta’ siġill jista’ jitwettaq intenzjonalment jew b’mod negliġenti. Fil-fatt, kif tosserva l-Kummissjoni, is-sempliċi fatt tal-ksur ta’ siġill ineħħi l-effett ta’ salvagwardja tiegħu u huwa għalhekk biżżejjed sabiex jikkostitwixxi l-ksur.

290    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha tinformaha bis-sensittività partikolari tal-film ta’ sigurtà, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-analiżi tal-ħames u s-sitt motivi, din l-allegata sensittività ma ġietx ipprovata fir-rigward tas-siġilli uffiċjali tal-Kummissjoni u, f’kull każ, ir‑rikorrenti ma stabbilixxietx li din setgħet twassal għas-seħħ ta’ “reazzjonijiet pożittivi foloz” tas-siġill. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-eżami tat-tmien motiv, kienet ir-rikorrenti li kellha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tipprekludi kull manipulazzjoni tas-siġill inkwistjoni.

291    Fit-tielet lok, il-fatt li ma kienx possibbli li jiġi kkonstatat li dokumenti tneħħew mill-bini G.505 ma huwiex rilevanti, għaliex l-għan tat-twaħħil ta’ siġill huwa preċiżament li tiġi evitata kull manipulazzjoni tad-dokumenti mqiegħda fil-bini ssiġillat fin-nuqqas tal-gruppi ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni. F’dan il-każ, kif osservat il-Kummissjoni fil-premessi 11 u 111 tad-deċiżjoni kkontestata, id‑dokumenti mqiegħda fil-bini G.505 ma ġewx ikkatalogati, b’mod partikolari minħabba n-numru kbir tagħhom. Għaldaqstant il-grupp ta’ spezzjoni ma setax jivverifika jekk dokumenti mqiegħda f’dan il-bini kinux nieqsa.

292    Fir-raba’ lok, l-allegati sforzi għoljin li r-rikorrenti qablet għalihom sabiex isiru r‑rapporti ta’ esperti tal-istitut jew inkella l-interrogazzjonijiet tal-kollaboraturi u tal-possessuri taċ-ċwievet ma jistgħux jitqiesu bħala kjarifika tal-fatti, li jmorru lil hinn minn dak li hija kienet marbuta għalih u li jiġġustifikaw tnaqqis tal-ammont tal-multa, peress li dawn l-isforzi saru fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u ma għinux fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

293    It-tielet nett, għandu jiġi osservat li, f’kull każ, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ksur ta’ siġill inkwistjoni kien jikkostitwixxi l-ewwel każ ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament Nru 1/2003 (premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li ppreċiżat li, indipendentement minn dan il-fatt, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti kellha bosta esperti ġuridiċi fil-qasam tad-dritt dwar l-akkordji, fit-tieni lok, l-emenda tar-Regolament Nru 1/2003 kienet saret iktar minn tliet snin qabel l-ispezzjonijiet li hija ġiet suġġetta għalihom, fit-tielet lok, ir-rikorrenti kienet ġiet informata bil-konsegwenzi ta’ ksur ta’ siġill u, fir-raba’ lok, siġilli oħra kienu diġà twaħħlu fil-bini ta’ kumpanniji oħra tal-grupp tar-rikorrenti xi ġimgħat qabel.

294    Ir-raba’ nett, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, multa li tammonta għal EUR 38 miljun ma tistax titqies bħala sproporzjonata meta mqabbla mal-ksur, fid-dawl tan-natura partikolarment serja ta’ ksur ta’ siġill, tad-daqs tar-rikorrenti u tan-neċessità li jiġi żgurat effett dissważiv biżżejjed tal-multa, sabiex ma jkunx iktar vantaġġuż għal impriża li tikser siġill imwaħħal mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ spezzjonijiet.

295    F’dan ir-rigward, l-argument ibbażat fuq il-prassi deċiżjonali tan-NMa fil-Pajjiżi l‑Baxxi ma jistax jintlaqa’. Minbarra l-fatt li l-Kummissjoni ma tistax, f’kull każ, tkun marbuta bil-prassi deċiżjonali ta’ awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li t-tqabbil magħmul mir-rikorrenti bejn, minn naħa, il‑perċentwali tal-multa imposta min-NMa meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-perċentwali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti f’dan il-każ meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ tagħha ma huwiex rilevanti, peress li dan it-tqabbil sar, għall-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi, fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp ta’ kumpanniji kkonċernat u, f’din il-kawża, fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti biss, u mhux fir-rigward ta’ dak tal-grupp E.ON meħud b’mod globali.

296    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill-Kummissjoni, li tikkorrispondi għal madwar 0.14 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha, ma hijiex sproporzjonata.

297    Għalhekk il-motiv għandu jiġi miċħud u l-istess għandu jsir għar-rikors kollu kemm hu, mingħajr ma huwa meħtieġ li jintlaqgħu t-talbiet għal miżuri istruttorji magħmula mir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni, C‑260/05 P, Ġabra p. I‑10005, punti 77 sa 79, u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-ispejjeż

298    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

299    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      E.ON Energie AG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Wahl

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Diċembru 2010.

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli dwar l-oneru tal-prova

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-“prinċipju tal-inizjattiva ex officio”

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-preżunzjoni allegatament żbaljata ta’ twaħħil regolari tas-siġill

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-preżunzjoni allegatament żbaljata tal-“istat evidenti” tas-siġill inkwistjoni l-jum wara l-ispezzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-preżunzjoni allegatament żbaljata tan-natura adattata tal-film ta’ sigurtŕ mat-twaħħil uffiċjali tas-siġilli mill-Kummissjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni injorat “sitwazzjonijiet possibbli alternattivi” li setgħu taw lok għall-istat tas-siġill inkwistjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1/2003

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 253 KE u tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ fl-iffissar tal-ammont tal-multa

L-argumenti tar-rikorrenti

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.