Language of document : ECLI:EU:C:2018:21

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

18 ta’ Jannar 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Vettura bil-mutur meħuda b’leasing minn persuna residenti fi Stat Membru minn kumpannija leasing stabbilta fi Stat Membru ieħor – Taxxa ta’ reġistrazzjoni kkalkulata fuq bażi prorata tal-perijodu ta’ użu tal-vettura – Neċessità ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet fiskali nazzjonali qabel it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni – Ġustifikazzjoni – Prevenzjoni ta’ evażjoni tar-regoli fiskali kif ukoll tal-applikazzjoni frawdolenti jew abbużiva tagħhom – Salvagwardja tal-kompetenza fiskali tal-Istat – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C-249/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċużjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Mejju 2015, fil-proċeduri

Wind 1014 GmbH,

Kurt Daell

vs

Skatteministeriet,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn C. Vajda (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Lulju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Wind 1014 GmbH u M. Kurt Daell, minn P. Lambert, advokat,

–        għas-Skatteministeriet, minn D. Auken, advokat,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning, bħala aġent, assistit minn D. Auken, advokat,

–        għall-Irlanda, minn L. Williams u E. Creedon kif ukoll minn A. Joyce u D. McDonald, bħala aġenti, assistiti minn M. Collins, SC, N. O’Driscoll, BL, u S. Kingston, BL,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier u L. Grønfeldt, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn Wind 1014 GmbH (iktar ’il quddiem “Wind”) u Kurt Daell u Skatteministeriet (il-Ministeru għall-Finanzi, id-Danimarka) dwar, fir-rigward tal-ewwel kawża, ir-rifjut tal-awtoritajiet fiskali li jawtorizzaw t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni, ġewwa d-Danimarka, ta’ vettura bil-mutur suġġetta għal kuntratt ta’ leasing sottoskritt minn K. Daell mingħand Wind, stabbilita fi Stat Membru ieħor, qabel ma l-imsemmija awtoritajiet ikunu laqgħu t-talba ta’ Wind u ta’ K. Daell intiża sabiex it-taxxa ta’ reġistrazzjoni marbuta ma’ fin il-vettura tiġi kkalkulata fuq bażi prorata tal-perijodu ta’ użu ta’ din tal-aħħar fit-territorju Daniż, u, fir-rigward tat-tieni kawża, dwar ir-rifjut minn dawn l-istess awtoritajiet tal-imsemmija talba.

 Id-dritt Daniż

3        Il-lov om registrering af køretøjer (il-liġi dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi), li verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, tipprovdi, fl-Artikolu 2 tagħha, li l-vetturi bil-mutur “għandhom jiġu rreġistrati fir-reġistru tal-vetturi u għandhom jingħataw pjanċi ta’ reġistrazzjoni qabel it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tal-vettura fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-[færdselsloven (kodiċi tat-triq)], bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 3 u 5 u tal-Artikolu 7(5)”.

4        L-Artikolu 1(1) tal-lov om registreringsafgift af motorkøretøjer (il-liġi dwar it-taxxa ta’ reġistrazzjoni fuq il-vetturi bil-mutur, iktar ’il quddiem “il-liġi dwar it-taxxa ta’ reġistrazzjoni”), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Għandha titħallas lill-Istat taxxa fuq il-vetturi bil-mutur li għandhom jiġu rreġistrati fir-registru tal-vetturi skont il-liġi dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, kif ukoll fuq it-trailers u semi-trailers ta’ tali vetturi. Għall-kuntrarju, ma għandha titħallas l-ebda taxxa fuq il-vetturi li huma rreġistrati bi pjanċi “esportazzjoni” jew pjanċi “prova”. It-taxxa hija dovuta fil-mument tal-ewwel reġistrazzjoni ta’ vettura, bla ħsara għal kull dispożizzjoni kuntrarja f’din il-liġi.

[…]”

5        L-Artikolu 3b tal-liġi dwar it-taxxa ta’ reġistrazzjoni huwa redatt kif ġej:

“1.      L-amministrazzjoni doganali u fiskali tista’, fuq talba, tawtorizza li l-ħlas tat-taxxa marbuta mal-vetturi suġġetti għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni, meħuda b’leasing u rreġistrati bil-ħsieb li jintużaw temporanjament fid-Danimarka, jitwettaq skont il-paragrafi 2 u 3 jekk il-vettura tkun tappartjeni lil impriża jew lil stabbiliment stabbilit fid-Danimarka jew barra minnu u jekk il-vettura tingħata b’leasing, matul perijodu ddeterminat, lil persuna fiżika jew legali residenti fid-Danimarka skont kuntratt bil-miktub. Dan il-kuntratt għandu jinkludi indikazzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-perijodu tal-leasing li jkunu ġew miftiehma. It-talba għandha titressaq jew mill-impriża tal-leasing jew mill-persuna li tieħu l-karozza b’leasing.

2.      Għandha titħallas taxxa fuq il-vetturi li għandhom jiġu rreġistrati skont il-liġi dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi. L-obbligu ta’ reġistrazzjoni u, għaldaqstant, l-obbligu tal-ħlas tat-taxxa marbuta magħha jitnissel fid-data li fiha l-vettura tintuża fid-Danimarka minn persuna residenti. It-taxxa għandha titħallas għall-perijodu kollu tal-leasing li jkun ġie stabbilit fil-kuntratt. It-taxxa tammonta

1)      fir-rigward tal-vetturi li jkollhom bejn 0 u 3 xhur ikkalkulati mill-ewwel reġistrazzjoni jew mid-data tat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni, fid-Danimarka jew barra minnha, għal 2 fil-mija tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni kkalkulata fuq il-bażi ta’ kull xahar mibdi wara l-ewwel reġistrazzjoni jew tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni matul l-ewwel tliet xhur,

2)      fir-rigward tal-vetturi li, fid-data li fiha jitnissel l-obbligu ta’ reġistrazzjoni, ikollhom iktar minn tliet xhur ikkalkulati mill-ewwel reġistrazzjoni jew mid-data ta’ tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni, fid-Danimarka jew barra minnha, għal 1 fil-mija tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni kkalkulata fuq il-bażi ta’ kull xahar mibdi matul it-33 xahar suċċessiv, u

3)      fir-rigward tal-vetturi li, fid-data li fiha jitnissel l-obbligu ta’ reġistrazzjoni, ikollhom iktar minn 36 xahar ikkalkulati mill-ewwel reġistrazzjoni jew mid-data ta’ tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni, fid-Danimarka jew barra minnha, għal 1/2 fil-mija tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni kkalkulata fuq il-bażi ta’ kull xahar mibdi matul ix-xhur suċċessivi.

3.      Waqt il-ħlas għandhom jiżdiedu wkoll l-interessi fuq il-parti mit-taxxa ta’ reġistrazzjoni kkalkulata li tissussisti wara l-ħlas. Dawn l-interessi għandhom jiġu kkalkulati bir-rata medja tas-self mogħtija mill-istabbilimenti bankarji lil kumpanniji mhux finanzjarji, ippubblikata l-aħħar, fl-1 ta’ Jannar jew fl-1 ta’ Lulju, mid-Danmarks Statistik fid-data tal-kalkolu tat-taxxa.

[…]

9.      Il-vetturi meħuda b’leasing li fuqhom għandha titħallas it-taxxa skont il-paragrafi 2 u 3 għandhom ikunu suġġetti għal kuntratt ta’ leasing bil-miktub. Il-kuntratt għandu jkun isemmi l-vettura fil-forma li fiha din tkun ġiet mikrija u għandu jinkludi informazzjoni ddettaljata li tippermetti li tiġi identifikata l-vettura, l-isem u l-indrizz tal-impriża ta’ leasing u tal-kerrej, kif ukoll l-ammont tal-leasing. Il-kuntratt għandu jkun jinkludi informazzjoni fuq il-punt dwar jekk hemm ftehim dwar il-possibbiltà jew l-obbligazzjoni ta’ xiri, kif ukoll il-kundizzjonijiet li jirregolawhom. Il-kuntratt ta’ leasing għandu jikludi indikazzjoni speċifika tal-perijodu tal-leasing. L-utenti kollha għandhom jissemmew fil-kuntratt ta’ leasing. Għandhom jiġu annessi mal-kuntratt in-natura u t-tagħmir tal-vettura.”

6        Fil-kuntest ta’ din il-leġiżlazzjoni, il-prassi amministrattiva Daniża, kif deskritta f’nota ta’ informazzjoni amministrattiva tal-awtoritajiet fiskali Daniżi tat-13 ta’ Jannar 2011, tikkonsisti fis-subordinament tal-awtorizzazzjoni tal-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni kkalkulata skont l-Artikolu 3b(2) u (3) tal-liġi dwar it-taxxa ta’ reġistrazzjoni, jiġifieri prorata għall-perijodu ta’ użu tal-vettura kkonċernata fit-territorju Daniż (iktar ’il quddiem it-“taxxa ta’ reġistrazzjoni proporzjonali”) għall-eżami, minn dawn l-awtoritajiet fiskali, tal-osservanza tal-kundizzjonijiet formali u sostantivi relattivi għall-kuntratt ta’ leasing li jikkonċerna din il-vettura. Skont din il-prassi amministrattiva, vettura li fir-rigward tagħha tkun tressqet talba għall-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni proporzjonali ma tistax titqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni fid-Danimarka matul il-perijodu tal-eżami ta’ din it-talba mill-awtoritajiet fiskali, dment li ma tkunx tħallset min qabel it-taxxa ta’ reġistrazzjoni, f’liema każ it-taxxa żejda li tkun tħallset mill-persuna taxxabbli, miżjuda bl-interess, titħallas lura sussegwentement, jekk, u fil-mument li l-imsemmija awtoritajiet fiskali jkunu awtorizzaw il-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni proporzjonali.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7        K. Daell, li huwa ddomiċiljat fid-Danimarka, ikkonkluda kuntratt ta’ leasing li jikkonċerna vettura bil-mutur (iktar ’il quddiem il-“vettura inkwistjoni”) għall-perijodu ta’ bejn il-15 ta’ Ġunju u l-15 ta’ Novembru 2010. Dan il-kuntratt ġie konkluż ma’ Wind, kumpannija leasing stabbilita fil-Ġermanja, li l-unika attività tagħha tikkonsisti fil-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt ma’ K. Daell.

8        Preċedentement, K. Daell kien ikkonkluda, ukoll ma’ Wind, kuntratt ta’ leasing li jirrigwarda l-vettura inkwistjoni, iżda biss għan-nom ta’ Harald Nyborg A/S u għall-perijodi ta’ bejn is-27 ta’ Awwissu u s-27 ta’ Ottubru 2008 kif ukoll ta’ bejn l-1 ta’ Lulju u t-3 ta’ Novembru 2009. F’dawn iż-żewġ każijiet, l-awtoritajiet fiskali kienu laqgħu it-talba ta’ K. Daell u ta’ Wind intiżi għall-benefiċċju tal-ħlas, għall-perijodi kkonċernati, tat-taxxa relattiva għall-vettura inkwistjoni taħt l-iskema tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni proporzjonali. Għaldaqstant, din il-vettura kienet ġiet irreġistrata, matul l-imsemmija perijodi, fid-Danimarka.

9        Fid-9 ta’ Ġunju 2010, Wind talbet mill-ġdid il-benefiċċju tal-ħlas tat-taxxa relattiva għall-vettura inkwistjoni taħt l-imsemmija skema. Fil-mument li tressqet it-talba, din il-vettura ma kienet għadha rreġistrata fl-ebda Stat Membru.

10      Fit-12 ta’ Lulju 2010, filwaqt li din l-ewwel talba kienet għadha tiġi eżaminata mill-awtoritajiet fiskali, peress li dawn tal-aħħar talbu ċertu informazzjoni addizzjonali mingħand Wind, K. Daell ressaq it-tieni talba quddiem dawn l-awtoritajiet, bil-għan li jibbenefika minn skema li tippermettilu li juża l-vettura inkwistjoni matul l-ipproċessar tal-ewwel talba.

11      Peress li l-awtoritajiet fiskali rrifjutaw din it-tieni talba, K. Daell u Wind fetħu kawża kontra l-Ministeru għall-Finanzi. Din kienet l-ewwel kawża li hija dita biha l-qorti tar-rinviju, l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant).

12      Fil-frattemp, b’deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2010, l-awtoritajiet fiskali ċaħdu l-ewwel talba, intiża sabiex jinkiseb il-benefiċċju tal-ħlas tat-taxxa marbuta mal-vettura inkwistjoni taħt l-iskema tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni proporzjonali. Fil-fatt, skont dawn l-awtoritajiet, il-kundizzjonijiet sostanzjali li jippermettu l-benefiċċju ta’ tali skema fiskali ma kinux f’dan il-każ issodisfatti għal raġunijiet marbuta mar-realtà tar-relazzjoni ta’ leasing.

13      B’deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2011, il-Landsskatteretten (il-Kummissjoni Fiskali, id-Danimarka) ikkonfermat il-validità tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-awtoritajiet fiskali tal-21 ta’ Ottubru 2010.

14      K. Daell u Wind ikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju u din tal-aħħar iddeċidiet li tgħaqqad flimkien iż-żewġ kawżi li hija ġiet b’hekk adita bihom.

15      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel relattiva għar-reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur meħuda b’leasing, kif din tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3b tal-liġi dwar it-taxxa ta’ reġistrazzjoni u tal-prassi amministrattiva Daniża, li skonthom vettura meħuda b’leasing tista’ titħalla tiċċirkola temporanjament fit-territorju Daniż biss jekk, u unikament sa minn meta, l-awtoritajiet fiskali jkunu taw l-awtorizzazzjoni tagħhom fir-rigward tal-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni proporzjonali (iktar ’il quddiem l-“awtorizzazzjoni minn qabel”), dment li ma jkunx tħallas l-ammont tat-taxxa kollha minn qabel, f’liema każ il-persuna taxxabbli titħallas lura l-ammont imħallas żejjed tat-taxxa, miżjud bl-interessi, jekk it-talba tagħha tkun ntlaqgħet.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-Artikolu 56 TFUE, li vettura li tkun is-suġġett ta’ kuntratt ta’ leasing bejn kumpannija leasing iddomiċiljata fi Stat Membru u kerrej iddomiċiljat jew stabbilit fi Stat Membru ieħor (ara t-tieni domanda iktar ’il quddiem) essenzjalment ma tistax tintuża fit-toroq ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar filwaqt li l-awtoritajiet ikunu qiegħdin jipproċessaw applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni pro rata fir-rigward ta’ din il-vettura għall-perijodu ta’ użu mixtieq tal-vettura f’dan l-Istat Membru?

2)      Huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-Artikolu 56 TFUE, li miżura nazzjonali tissuġġetta għall-awtorizzazzjoni preliminari r-reġistrazzjoni/il-ħlas tat-taxxa pro rata fir-rigward tal-vettura biss għal użu temporanju, u mhux għal użu permanenti, jew li tali miżura timplika

(i)      li l-awtoritajiet jissuġġettaw l-użu immedjat tal-vettura għall-ħlas sħiħ tat-taxxa tar-reġistrazzjoni Daniża, u li d-differenza bejn l-ammont tat-taxxa sħiħ u l-ammont tat-taxxa pro rata li jkun ġie kkalkolat tiġi rrimborsata, flimkien mal-interessi, jekk l-awtorizzazzjoni tingħata sussegwentement u/jew

(ii)      li l-awtoritajiet jissuġġettaw l-użu immedjat tal-vettura għall-ħlas sħiħ tar-reġistrazzjoni tat-taxxa, u li din ma tkunx aġġustata, u li l-kumplament ma jiġix irrimborsat meta jintemm l-użu temporanju, fil-każ li ma tingħatax l-awtorizzazzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

17      Permezz tad-domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni u prassi amministrattiva ta’ Stat Membru, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skonthom

–        it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ vettura meħuda b’leasing minn persuna residenti ta’ dan l-Istat Membru mingħand kumpannija leasing stabbilita fi Stat Membru ieħor, bil-ħsieb li din tintuża temporanjament fl-ewwel Stat Membru, permezz tal-ħlas ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni kkalkulata fuq bażi prorata tal-perijodu ta’ dan l-użu, huwa ssubordinat, sa fejn huwa kkonċernat dan il-ħlas, għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet fiskali ta’ dan l-aħħar imsemmi Stat Membru, li mingħajrha l-imsemmija vettura ma tistax, bħala prinċipju, titqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni fit-territorju tiegħu, u

–        il-fakultà li tali vettura titqiegħed immedjatament fiċ-ċirkulazzjoni f’dan l-ewwel Stat Membru, matul l-eżami tat-talba tal-persuna taxxabbli intiża sabiex tikseb il-benefiċċju tal-ħlas ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni relattiva għall-imsemmija vettura kkalkulata prorata tat-tul tal-użu tagħha fl-ewwel imsemmi Stat Membru, hija ssubordinata għall-ħlas minn qabel tal-ammont sħiħ tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni, bla ħsara għall-ħlas lura tal-ammont tat-taxxa mħallas żejjed, miżjud bl-interessi, jekk u meta l-persuna taxxabbli tkun ġiet awtorizzata, mill-imsemmija awtoritajiet fiskali, tħallas it-taxxa ta’ reġistrazzjoni kkalkulata skont din il-prorata.

18      Hemm lok li jiġi vverifikat jekk tali leġiżlazzjoni u tali prassi amministrattiva jamontawx għal restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u jekk dan huwa minnu, jekk tali restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata.

 Fuq ir-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

19      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet mhux rilevanti fil-kawżi prinċipali, it-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur ma ġietx armonizzata fuq livell tal-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri huma għalhekk liberi li jeżerċitaw il-kompetenza fiskali tagħhom f’dan il-qasam, bil-kundizzjoni li jeżerċitawha b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-552/15, EU:C:2017:698, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Hemm lok li jiġi speċifikat li l-leasing jikkostitwixxi “servizz”, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen, C-451/99, EU:C:2002:195, punt 18).

21      Skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jitqiesu bħala restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE l-miżuri kollha li jipprojbixxu, jimpedixxu jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-66/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:5, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      F’dan il-każ, skont il-leġiżlazzjoni Daniża, il-vetturi bil-mutur għandhom jiġu rreġistrati u għandhom jingħataw pjanċi ta’ reġistrazzjoni qabel it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tagħhom fid-Danimarka. Ir-reġistrazzjoni ta’ vettura f’dan l-Istat Membru hija ssubordinata għall-ħlas ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni.

23      Fir-rigward tal-vetturi meħuda b’leasing minn residenti Daniżi, bil-ħsieb li jużawhom temporanjament fid-Danimarka, l-awtoritajiet fiskali jistgħu, fuq talba, jawtorizzaw il-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni proporzjonali.

24      Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont il-prassi amministrattiva Daniża, din l-awtorizzazzjoni tinħareġ mill-awtoritajiet fiskali fi tmiem proċedura intiża sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-kundizzjonijiet sostanzjali u formali stabbiliti f’dan ir-rigward mil-liġi dwar it-taxxa ta’ reġistrazzjoni. It-tul tal-proċedura huwa ta’ madwar xahar f’każ ta’ każijiet sempliċi, iżda jista’ jkun itwal f’każijiet iktar kumplessi.

25      Barra minn hekk, skont din l-istess prassi amministrattiva, fil-pendenzi ta’ dan l-eżami, il-vettura kkonċernata ma tistax titqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni fid-Danimarka, dment li ma tkunx tħlasset minn qabel it-taxxa ta’ reġistrazzjoni kollha, f’liema każ l-ammont ta’ taxxa mħallas żejjed, miżjud bl-interessi, jitħallas lura lill-persuna taxxabbli jekk u meta jkun ingħatalha l-benefiċċju tal-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni proporzjonali.

26      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk previsti fil-punti 22 sa 24 tas-sentenza odjerna, l-awtorizzazzjoni minn qabel tammontax għal restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, qabel ma jiġi eżaminat imbagħad fit-tieni lok, jekk il-kundizzjonijiet li fihom tali vettura tista’ titqiegħed immedjatament fiċ-ċirkulazzjoni, bħal dawk previsti fil-punt preċedenti, iwasslux ukoll għal tali restrizzjoni.

 Fuq l-iskema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel

27      Kif intqal fil-punti 22 sa 24 tas-sentenza odjerna, jirriżulta mil-leġiżlazzjoni u mill-prassi amministrattiva Daniżi li t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ vettura meħuda b’leasing minn persuna residenti fid-Danimarka mingħand kumpannija leasing stabbilita fi Stat Membru ieħor, bil-ħsieb li tintuża temporanjament fid-Danimarka, permezz tal-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni proporzjonali, huwa suġġett, sa fejn huwa kkonċernat dan il-ħlas, għal awtorizzazzjoni minn qabel, maħsuba sabiex tippermetti lill-awtoritajiet fiskali jivverifikaw l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi dwar it-taxxa ta’ reġistrazzjoni.

28      Ċertament, l-iskema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tapplika wkoll meta persuna residenti fid-Danimarka tkun tixtieq tqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni bl-istess kundizzjonijiet vettura meħuda b’leasing mingħand kumpannija leasing stabbilita fid-Danimarka.

29      Madankollu, jista’ jiġi kkunsidrat li l-iskema derogatorja prevista fl-Artikolu 3b tal-liġi dwar it-taxxa ta’ reġistrazzjoni tintuża iktar għall-vetturi meħuda b’leasing mingħand kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra, peress li l-imsemmija vetturi bħala prinċipju jkunu maħsuba li jintużaw biss temporanjament fid-Danimarka, milli għall-vetturi meħuda b’leasing minn residenti Daniżi mingħand kumpanniji Daniżi u mqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni fid-Danimarka, li bħala prinċipju huma maħsuba li jintużaw essenzjalment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru b’mod permanenti u li, għaldaqstant, ikunu ġew irreġistrati fl-imsemmi Stat Membru wara li tkun tħallset it-taxxa kollha ta’ reġistrazzjoni.

30      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni fl-Istat Membru fejn jintużaw il-vetturi meħuda b’leasing mingħand impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor għandu l-effett li jirrendi iktar diffiċli l-attivitajiet ta’ leasing transkonfinali, b’tali mod li tali obbligu jikkostitwixxi restrizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen, C-451/99, EU:C:2002:195, punti 37 u 38).

31      Din l-istess konstatazzjoni tgħodd ukoll għal skema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, f’dan il-każ, fin-nuqqas ta’ tali awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet fiskali, vettura meħuda b’leasing minn resident mingħand kumpannija leasing stabbilita fi Stat Membru ieħor la tista’ tiġi rreġistrata u lanqas mqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni ġewwa d-Danimarka, dment li ma tkunx tħlasset it-taxxa kollha minn qabel. Barra minn hekk, l-imsemmija konstatazzjoni tapplika ikar u iktar meta l-awtorizzazzjoni minn qabel ma tistax titqies bħala sempliċi formalità, prinċipalment minħabba t-terminu għall-kisba tagħha, jiġifieri xahar jew iktar.

32      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li leġiżlazzjoni u prassi ta’ Stat Membru, bħal dawk deskritti fil-punti 22 sa 24 ta’ din is-sentenza, huma ta’ natura li jostakolaw u li jirrendu inqas attrajenti l-eżerċizzju ta’ attivitajiet, fit-territorju ta’ dan l-Istat, ta’ għoti ta’ servizzi minn kumpanniji leasing stabbiliti fi Stati Membri oħra, kif ukoll li jiddisswadu lir-residenti tal-ewwel Stat Membru milli jirrikorru għas-servizzi ta’ tali operaturi. Għaldaqstant, tali leġiżlazzjoni u tali prassi jikkostitwixxu restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li hija pprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 56 TFUE.

 Fuq il-kundizzjonijiet ta’ tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni immedjata ta’ vettura meħuda b’leasing minn persuna residenti fi Stat Membru mingħand kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, bil-ħsieb li din tintuża temporanjament

33      Mil-leġiżlazzjoni u mill-prassi amministrattiva Daniżi, li l-portati rispettivi tagħhom tfakkru, essenzjalment, fil-punti 22 sa 25 tas-sentenza odjerna, jirriżulta li l-fakultà ta’ persuna residenti fid-Danimarka, li tqiegħed immedjatament fiċ-ċirkulazzjoni ġewwa d-Danimarka vettura meħuda b’leasing mingħand kumpannija leasing stabbilta fi Stat Membru ieħor, sakemm jitlesta l-eżami tat-talba tal-persuna taxxabbli intiża sabiex tikseb il-benefiċċju tal-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni proporzjonali, hija ssubordinata għall-ħlas minn din il-persuna taxxabbli tal-ammont kollu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni marbuta mal-imsemmija vettura, bla ħsara għall-ħlas lura tal-ammont tat-taxxa mħallas żejjed, miżjud bl-interessi, jekk u meta din il-persuna taxxabbli tkun ġiet awtorizzata, mill-awtoritajiet fiskali, tħallas it-taxxa ta’ reġistrazzjoni proporzjonali.

34      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punti 77 u 78 tas-sentenza tagħha tad-19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑552/15, EU:C:2017:698), li l-obbligu impost fuq il-persuni residenti jew stabbiliti fi Stat Membru li jieħdi b’kiri jew b’leasing vettura fi Stat Membru ieħor, anki jekk għal perijodu limitat u magħruf minnn qabel, li jħallsu ammont ta’ taxxa identiku għal dak applikabbli f’każ ta’ importazzjoni definittiva ta’ vettura, jista’ jirrendi t-teħid b’kiri jew b’leasing ta’ vetturi mingħand kumpannija stabbilita f’dan l-Istat Membru ieħor iktar oneruż meta mqabbel mas-sitwazzjoni li fiha l-kuntratt ta’ kiri jew ta’ leasing jiġi konkluż ma’ kumpannija stabbilita fl-ewwel Stat Membru, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura diskriminatorja ta’ tali obbligu rigward id-diprezzament tat-taxxa għad-detriment tal-impriżi ta’ kiri jew ta’ leasing stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-ħlas minn qabel tat-taxxa kollha ta’ reġistrazzjoni kienet tapplika wkoll għar-residenti ċittadini li kienu jieħdu b’kiri jew b’leasing vettura mingħand kumpannija stabbilita fit-territorju nazzjonali.

35      Tali kunsiderazzjonijiet japplikaw iktar u iktar għal sitwazzjoni li fiha t-tqegħid immedjat fiċ-ċirkulazzjoni ta’ tali vettura huwa ssubordinat għall-ħlas minn qabel tal-ammont kollu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni.

36      F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li, skont il-prassi amministrattiva Daniża, l-ammont imħallas żejjed tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni jitħallas lura kif miżjud bl-interessi, jekk u meta jiġi awtorizzat il-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni proporzjonali.

37      Fil-fatt, fid-dawl tal-ammont għoli ħafna tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni dovut fl-okkażjoni tal-ewwel reġistrazzjoni ta’ vettura fid-Danimarka, li, skont l-ispeċifikazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Daniż, jammonta għal 105 % tal-valur taxxabbli tal-vettura fuq l-ewwel parti ta’ 81 700 kroni Daniżi (DKK) (madwar EUR 10 980) u għal 180 % tal-valur taxxabbli tal-vettura lil hinn minn din l-ewwel parti, l-obbligu tal-ħlas minn qabel tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni kollha tinvolvi ffriżar ta’ riżorsi finanzjarji kbar u b’hekk jirrappreżenta żvantaġġ kunsiderevoli, f’termini finanzjarji, għall-persuna taxxabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-552/15, EU:C:2017:698, punti 80 u 81).

38      Il-fatt li t-tqegħid immedjat fiċ-ċirkulazzjoni ta’ vettura meħuda b’leasing mir-residenti ta’ Stat Membru mingħand kumpannija leasing stabbilta fi Stat Membru ieħor huwa ssobordinat għall-ħlas minn qabel tat-taxxa kollha ta’ reġistrazzjoni, għaldaqstant jista’ jiddiswadi kemm lir-residenti tal-ewwel Stat Membru milli jirrikorru għas-servizzi ta’ leasing ta’ vetturi offruti minn operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra, kif ukoll lil dawn l-operaturi milli joffru s-servizzi tagħhom lill-imsemmija residenti. Tali obbligu jikkostitwixxi għaldaqstant restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ipprojbita, bħala prinċipju, bl-Artikolu 56 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-552/15, EU:C:2017:698, punt 82).

 Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

39      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista’ tiġi ammessa biss bħala waħda mill-miżuri derogatorji previsti espressament fl-Artikolu 52 TFUE, applikabbli f’dan il-qasam skont l-Artikolu 62 TFUE, jew dment li din tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sa fejn, anki f’dan il-każ, din tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiqa tal-għan segwit u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen, C-451/99, EU:C:2002:195, punti 31 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40      Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tat-taxxi ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Stat Membru jista’ jissuġġetta għal taxxa ta’ reġistrazzjoni vettura mpoġġija għad-dispożizzjoni ta’ persuna residenti minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, meta din il-vettura tkun intiża li tintuża essenzjalment fit-territorju tal-ewwel Stat Membru b’mod permanenti jew hija, fil-fatt, użata b’dan il-mod (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-552/15, EU:C:2017:698, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Min-naħa l-oħra, jekk l-kundizzjonijiet elenkati fil-punt preċedenti ma humiex issodisfatti, ir-rabta mat-territorju tal-ewwel Stat Membru hija inqas, b’mod li hija meħtieġa ġustifikazzjoni oħra għat-tassazzjoni (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-552/15, EU:C:2017:698, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Anki jekk jiġi preżunt li teżisti tali ġustifikazzjoni, ibbażata fuq raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, xorta jeħtieġ li t-taxxa tkun tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-552/15, EU:C:2017:698, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Fil-kawża odjerna, l-ebda waħda mill-persuni kkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas il-qorti tar-rinviju ma jqisu li r-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi inklużi fil-leġiżlazzjoni u l-prassi amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħu jiġu ġġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.

44      Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi eżaminat sa liema punt dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu ġġustifikati, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

45      Il-Gvern Daniż jinvoka, minn naħa, l-għan marbut mas-salvagwardja tal-kompetenza fiskali tal-Istat Daniż u, min-naħa l-oħra, dak marbut man-neċessità li tiġi evitata l-evażjoni tar-regoli fiskali, kif ukoll l-applikazzjoni frawdolenti jew abbużiva tagħhom.

46      F’dan ir-rigward, dan il-Gvern isostni li l-Artikolu 3b tal-liġi dwar it-taxxa ta’ reġistrazzjoni, marbuta mat-taxxa ta’ reġistrazzjoni proporzjonali, jidderoga mir-regoli ġenerali li jeżiġu, skont il-kompetenza fiskali li għandu dan l-Istat Membru f’dan il-qasam, il-ħlas tat-taxxa kollha ta’ reġistrazzjoni qabel it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ vettura fit-territorju Daniż. L-awtorizzazzjoni minn qabel għandha l-għan li tippermetti lill-awtoritajiet fiskali li jiżguraw ruħhom, qabel tali tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni, li huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex ikun jista’ jinkiseb il-benefiċċju tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni proporzjonali, u, għaldaqstant, li jiżguraw l-osservanza tas-setgħa tal-Istat Daniż li jimponi t-taxxa. Din is-sistema għandha l-għan ukoll li tevita li r-residenti, billi jikkonkludu kuntratti ta’ leasing fattizji, li jikkonċernaw vetturi li huma, fattwalment, maħsuba li jintużaw għal żmien twil fid-Danimarka u/jew li, fir-realtà, huma proprejtà tagħhom, jevitaw il-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni fl-intier tagħha. F’dan ir-rigward, il-Gvern Daniż jenfasizza li l-verifika tal-perijodu tal-użu u tar-realtà tar-relazzjoni ta’ leasing, punti li jiġu mistħarrġa fl-eżamiu marbut mal-awtorizzazzjoni minn qabel, hija inerenti għall-prinċipju ta’ ħlas ta’ taxxa, bħat-taxxa ta’ reġistrazzjoni proporzjonali, li l-ammont tagħha jiġi kkalkulat fuq bażi prorata ta’ dan il-perijodu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen, C-451/99, EU:C:2002:195, punt 69).

47      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom vettura meħuda b’leasing minn persuna residenti fid-Danimarka mingħand kumpannija stabbilta fi Stat Membru ieħor, bil-ħsieb li tużaha temporanjament fid-Danimarka, tista’ titpoġġa immedjatament fiċ-ċirkulazzjoni f’dan l-aħħar imsemmi Stat Membru, il-Gvern Daniż isostni li l-projbizzjoni ta’ tali tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni dment li l-persuna taxxabbli ma tkunx ġiet awtorizzata tħallas it-taxxa ta’ reġistrazzjoni proporzjonali hija riżultat naturali tal-leġiżlazzjoni Daniża li skontha, minn naħa, il-vetturi mqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru għandhom jiġu rreġistrati fih u, min-naħa l-oħra, il-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni proporzjonali, fir-rigward ta’ vetturi meħuda b’leasing, huwa ssubordinat għall-awtorizzazzjoni minn qabel. Dan il-Gvern isostni li l-għan segwit minn din l-awtorizzazzjoni, kif dan jirriżulta mill-punt preċedenti, jiġi mxejjen jekk vettura meħuda b’leasing tkun tista’ titqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni fid-Danimarka, permezz tas-sempliċi ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni proporzjonali, mingħajr ma jkun mistenni l-eżitu tal-proċedura intiża sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-ħlas ta’ din it-taxxa, u b’hekk jiġi evitat il-ħlas tat-taxxa kollha ta’ reġistrazzjoni relattiva għall-imsemmija vettura.

48      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-għan marbut mas-salvagwardja tal-kompetenza fiskali tal-Istat Daniż, li jirriżulta mill-punt 19 tas-sentenza odjerna, għalkemm l-Istati Membri huma liberi li jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom fil-qasam tat-tassazzjoni tal-vetturi, dawn ma humiex b’inqas obbligati li jeżerċitawha b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

49      Il-fatt li t-tassazzjoni tal-vetturi taqa’ taħt il-kompetenza fiskali tal-Istat Daniż ma jistax għaldaqstant jiġġustifika r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-552/15, EU:C:2017:698, punt 87).

50      Fit-tieni lok, fir-rigward tan-neċessità li tiġi evitata l-evażjoni tar-regoli fiskali, kif ukoll l-applikazzjoni frawdolenti jew abbużiva tagħhom, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista’ tiġi ġġustifikata min-neċessità li jiġu pprevenuti prattiki abbużivi, meta din tkun tindirizza speċifikament l-iskemi purament artifiċjali, mingħajr realtà ekonomika, li l-għan tagħhom huwa li jittieħed benefiċċju indebitu minn vantaġġ fiskali (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Tankreederei I, C‑287/10, EU:C:2010:827, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Fir-rigward tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, kif jirriżulta mill-punti 45, 46 u 50 ta’ din is-sentenza, din l-aħħar imsemmija skema hija intiża li tipprevjeni l-evażjoni tar-regoli fiskali, fatt li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxi għan li jista’ jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà li jiġi pprovduti servizzi.

52      Hemm lok li jiġi rrilevat li skema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ titqies bħala ta’ natura li tiżgura t-twettiq tal-għan previst fil-punt preċedenti. Fil-fatt, fil-kawża odjerna, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li tagħti lok, fejn xieraq, għal awtorizzazzjoni minn qabel, l-awtoritajiet fiskali jivverifikaw jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tat-taxxa proporzjonali, u b’mod partikolari t-tul tal-kuntratt ta’ leasing kif ukoll l-identità tal-proprjetarju veru tal-vettura kkonċernata. Tali verifika tippermetti li jiġi ddeterminat l-ammont ta’ din it-taxxa skont it-tul tal-kirja inkwistjoni u, għaldaqstant, ta’ dik tal-użu previst ta’ din il-vettura fit-territorju Daniż. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sabiex tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddefinixxi l-modalitajiet tal-kalkolu ta’ tali taxxa għandha tiġi inkunsiderazzjoni t-tul tal-użu, fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni, ta’ vettura meħuda b’leasing mingħand kumpannija stabbilta fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-552/15, EU:C:2017:698, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Madankollu, bħala tali, iċ-ċirkustanza li persuna residenti Daniża tuża temporanjament fit-territorju Daniż vettura meħuda b’leasing mingħand kumpannija leasing stabbilta fi Stat Membru ieħor, ma tistax isservi bħala bażi għall-preżunzjoni ġenerali tal-eżistenza ta’ prassi abbużiva u tiġġustifika miżura li tippreġudika l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2008, Jobra, C-330/07, EU:C:2008:685, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-awtorizzazzjoni minn qabel tapplika għal kull vettura meħuda b’leasing minn persuna residenti Daniża mingħand kumpannija leasing stabbilta fi Stat Membru ieħor, bil-ħsieb li jużawha temporanjament fit-territorju Daniż u dan minkejja l-assenza ta’ elementi oġġettivi li jistgħu juru l-eżistenza ta’ skema purament artifiċjali.

55      Fir-rigward tal-fakultà li titqiegħed immedjatament fiċ-ċirkulazzjoni vettura meħuda b’leasing minn persuna residenti Daniża mingħand kumpannija stabbilta fi Stat Membru ieħor, bil-ħsieb li tużaha temporanjament fit-territorju Daniż, kif jirriżulta mill-punt 25 tas-sentenza odjerna, din il-fakultà hija ssubordinata, skont il-leġiżlazzjoni u l-prassi amministrattiva Daniżi, għall-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni kollha, bla ħsara għall-ħlas lura tal-ammont tat-taxxa mħallas żejjed, miżjud bl-interessi.

56      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li din il-faklutà prevista mil-leġiżlazzjoni u mill-prassi amministrattiva Daniżi ma jiħdux inkunsiderazzjoni t-tul tal-użu tal-vettura kkonċernata fid-Danimarka.

57      Issa, jeħtieġ li jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Kummissjoni waqt is-seduta, li miżura nazzjonali li skontha t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi meħuda b’leasing minn residenti tal-Istat Membru kkonċernat mingħand kumpannija leasing stabbilta fi Stat Membru ieħor, bil-ħsieb li jużawha temporanjament fl-ewwel Stat Membru, jiġi awtorizzat dment li titħallas taxxa kkalkulata fuq bażi prorata tat-tul ta’ użu ta’ tali vettura f’dan l-ewwel imsemmi Stat Membru, permezz ta’ notifika ta’ kuntratt ta’ leasing lill-awtoritajiet fiskali, liema kuntratt għandu jinkludi, fejn xieraq, l-indikazzjonijiet, bħal dawk rikjesti skont l-Artikolu 3b(9) tal-liġi dwar it-taxxa ta’ reġistrazzjoni, u b’riżerva għal verifika ex post mill-imsemmija awtoritajiet tal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmija taxxa, tikkostitwixxi miżura inqas restrittiva minn dawk li jirriżultaw minn leġiżlazzjoni u minn prassi amministrattiva ta’ Stat Membru, bħal dik deskritta fil-punti 22 sa 25 tas-sentenza odjerna. Fil-każ ta’ tali miżura, l-Istat Membru kkonċernat jista’ wkoll jillimita l-validità tar-reġistrazzjoni għat-tul tal-kuntratt ta’ leasing. Tali miżuri, fejn xieraq, akkumpanjati, f’każijiet ipprovati ta’ evażjoni tar-regoli fiskali jew ta’ abbuż, minn obbligu tal-persuna residenti Daniża waħidha jew, fejn xieraq, in solidum mal-kumpannija leasing ikkonċernata, li tħallas id-differenza bejn l-ammont tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni proporzjonali u u dak tat-taxxa kollha ta’ reġistrazzjoni, kif ukoll sanzjonijiet kriminali adegwati, għandhom jagħtu, fl-istess ħin, lill-Istat Membru kkonċernat mezz sabiex jipprevjeni u jiġġieled ir-riskju previst fil-punt 46 tas-sentenza odjerna.

58      Fir-rigward tat-tħassib tal-Gvern Daniż li, fi tmiem il-kuntratt ta’ leasing, il-vettura tiġi esportata mingħajr ma jiġi effettivament imħallas l-ammont tat-taxxa ta’ reġistrazzjonidue, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-punt preċedenti, li, f’każijiet ipprovati ta’ evażjoni tar-regoli fiskali jew ta’ abbuż, l-Istat ikollu dritt jeżiġi mill-persuna residenti fih, waħidha jew, fejn xieraq, in solidum mal-kumpannija leasing ikkonċernata, il-ħlas tal-ammont kollu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni, u li jimponi sanzjonijiet kriminali adatti.

59      Għaldaqstant, jeħieġ li jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni u prassi amministrattiva ta’ Stat Membru, bħal dawk deskritti fil-punti 22 sa 25 tas-sentenza odjerna, imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti minn dawn il-leġiżlazzjoni u prassi.

60      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi magħmula li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni u prassi amministrattiva ta’ Stat Membru, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jistabbilixxu li

–        it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ vettura meħuda b’leasing minn persuna residenti ta’ dan l-Istat Membru mingħand kumpannija leasing stabbilita fi Stat Membru ieħor, bil-ħsieb li din tintuża temporanjament fl-ewwel Stat Membru, permezz tal-ħlas ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni kkalkulata fuq bażi prorata tal-perijodu ta’ dan l-użu, huwa ssubordinat, sa fejn huwa kkonċernat dan il-ħlas, għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet fiskali ta’ dan l-aħħar imsemmi Stat Membru, li mingħajrha l-imsemmija vettura ma tistax, bħala prinċipju, titqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni fit-territorju tiegħu, u

–        il-fakultà li tali vettura titqiegħed immedjatament fiċ-ċirkulazzjoni f’dan l-ewwel Stat Membru, matul l-eżami tat-talba tal-persuna taxxabbli intiża sabiex tikseb il-benefiċċju tal-ħlas ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni relattiva għall-imsemmija vettura kkalkulata prorata prorata tat-tul tal-użu tagħha fl-ewwel imsemmi Stat Membru, hija ssubordinata għall-ħlas minn qabel tal-ammont sħiħ tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni, bla ħsara għall-ħlas lura tal-ammont tat-taxxa mħallas żejjed, miżjud bl-interessi, jekk u meta l-persuna taxxabbli tkun ġiet awtorizzata, mill-imsemmija awtoritajiet fiskali, tħallas it-taxxa ta’ reġistrazzjoni kkalkulata skont din il-prorata.

 Fuq l-ispejjeż

61      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni u prassi amministrattiva ta’ Stat Membru, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jistabbilixxu li

–        it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ vettura meħuda b’leasing minn persuna residenti ta’ dan l-Istat Membru mingħand kumpannija leasing stabbilita fi Stat Membru ieħor, bil-ħsieb li din tintuża temporanjament fl-ewwel Stat Membru, permezz tal-ħlas ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni kkalkulata fuq bażi prorata tal-perijodu ta’ dan l-użu, huwa ssubordinat, sa fejn huwa kkonċernat dan il-ħlas, għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet fiskali ta’ dan l-aħħar imsemmi Stat Membru, li mingħajrha l-imsemmija vettura ma tistax, bħala prinċipju, titqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni fit-territorju tiegħu, u

–        il-fakultà li tali vettura titqiegħed immedjatament fiċ-ċirkulazzjoni f’dan l-ewwel Stat Membru, matul l-eżami tat-talba tal-persuna taxxabbli intiża sabiex tikseb il-benefiċċju tal-ħlas ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni relattiva għall-imsemmija vettura kkalkulata prorata tat-tul tal-użu tagħha fl-ewwel imsemmi Stat Membru, hija ssubordinata għall-ħlas minn qabel tal-ammont sħiħ tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni, bla ħsara għall-ħlas lura tal-ammont tat-taxxa mħallas żejjed, miżjud bl-interessi, jekk u meta l-persuna taxxabbli tkun ġiet awtorizzata, mill-imsemmija awtoritajiet fiskali, tħallas it-taxxa ta’ reġistrazzjoni kkalkulata skont din il-prorata.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: id-Daniż.