Language of document : ECLI:EU:C:2013:514

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ Lulju 2013 (*)

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Artikolu 81 KE u Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju — Iffissar dirett u indirett tal-prezzijiet, tqassim tas-suq u manipulazzjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur lill-entità li tikkontrolla l-azzjonijiet — Kunċett ta’ ‘impriża’ — Preżunzjoni tal-eżistenza effettiva ta’ influwenza determinanti — Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan — Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri — Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi (2006) — Ċirkustanzi attenwanti”

Fil-Kawża C‑440/11 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-25 ta’ Awwissu 2011,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet, S. Noë u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Stichting Administratiekantoor Portielje, stabbilita f’Rotterdam (il-Pajjizi l-Baxxi), irrappreżentata minn D. Van hove, F. Wijckmans, S. De Keer u H. Burez, avukati,

Gosselin Group NV,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, E. Jarašiūnas (Relatur), A. Ó Caoimh, C. Toader u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Ottubru 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gosselin Group u Stichting Administratiekantoor Portielje vs Il‑Kummissjoni (T‑208/08 u T‑209/08, Ġabra p. II‑3639, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha, fil-Kawża T‑209/08, din tal-aħħar annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 926 finali, tal-11 ta’ Marzu 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 – Servizzi ta’ ġarr internazzjonali) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5810 finali, tal-24 ta’ Lulju 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li temenda”) sa fejn din tikkonċerna lil Stichting Administratiekantoor Portielje (iktar ’il quddiem “Portielje”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jiddisponu fl-Artikolu 2 tiegħu li “il-piż tal-prova ta’ ksur ta’ l-Artikolu 81(1) […] [KE] ħa jpoġġi fuq il-parti jew l-awtorità li qed tallega xi ksur”.

3        L-Artikolu 23(2) tal-istess regolament b’mod partikolari jistabbilixxi li “[l]-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża […]”.

4        Il-Linji gwida dwar il-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU 2004, C 101, p. 81, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ”) jippreċiżaw, b’mod partikolari, fil-punt 53:

“[…] il-Kummissjoni tqis li jekk, min-natura tagħhom stess, ftehim jew prattika jkunu jistgħu jkollhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, pereżempju minħabba li jikkonċernaw importazzjonijiet u esportazzjonijiet jew inkella diversi Stati Membri, ikun hemm preżunzjoni pożittiva konfutabbli li dan l-effett fuq il-kummerċ huwa sinjifikattiv, meta d-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-partijiet permezz tal-prodotti kkonċernati mill-ftehim […] jaqbeż l-EUR 40 miljun. Fil-każ ta’ tali ftehim li, min-natura tiegħu stess, jista’ jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, ħafna drabi jista’ jiġi preżunt li l-effett fuq il-kummerċ ikun sinjifikattiv meta s-sehem mis-suq tal-partijiet ikun iktar minn 5 % […]. Madankollu, tali preżunzjoni ma tapplikax meta l-ftehim ikopri biss parti minn Stat Membru […]”

5        Il-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi”) jipprovdu, taħt it-titolu “Ammont bażiku tal-multa”:

“[…]

B.      Ċirkustanzi attenwanti

29.      L-ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti bħal:

[…]

–        meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija sostanzjalment ridotta u b’hekk turi li, matul il-perijodu li matulu hija aderixxiet mal-ftehim li jikkostitwixxi ksur, hija effettivament eskludiet lilha nnifisha mill-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim billi adottat aġir kompetittiv fis-suq; is-sempliċi fatt li impriża pparteċipat fi ksur għal tul iqsar mill-oħrajn ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti, ġaladarba din iċ-ċirkustanza diġà hija riflessa fl-ammont bażiku;

[…]

–        meta l-aġir antikompetittiv ikun ġie awtorizzat jew inkoraġġut mill-awtoritajiet pubbliċi jew mil-leġiżlazzjoni. […]

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u għad-deċiżjoni kontenzjuża

6        Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża, kif jirriżultaw mill-punti 1 sa 19 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu esposti fil-qosor kif ġej.

7        Gosselin Group NV (iktar ’il quddiem “Gosselin”) twaqqfet fl-1983 u ilha topera taħt dan l-isem mill-20 ta’ Diċembru 2007. Mill-1 ta’ Jannar 2002, 92 % tal-azzjonijiet ta’ Gosselin huma miżmuma minn Portielje, ir-rimanenti 8 % huma miżmuma minn Vivet en Gosselin NV, li 99.87 % minnha hija miżmuma minn Portielje. Din tal-aħħar hija fondazzjoni li ma teżerċita l-ebda attività kummerċjali u li “tlaqqa’ flimkien azzjonisti membri tal-istess familja sabiex tiġi żgurata l-għaqda fit‑tmexxija”. Matul is-sena li ntemmet fit-30 ta’ Ġunju 2006, Gosselin kellha dħul mill-bejgħ dinji kkonsolidat ta’ EUR 143 639 000 u Portielje kellha dħul mill-bejgħ dinji kkonsolidat ta’ EUR 0.

8        Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li d-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni, fosthom Portielje u Gosselin, kienu pparteċipaw f’akkordju fis-settur tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju billi ffissaw prezzijiet, qassmu l-klijenti u mmanipulaw il-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ offerti u minħabba f’hekk kienu wettqu ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE, jew għandhom jinżammu responsabbli għall-perijodu kollu minn Ottubru 1984 sa Settembru 2003, jew għal parti minn dan il-perijodu.

9        Is-servizzi kkonċernati mill-ksur jinkludu l-ġarr, minn jew lejn il-Belġju, ta’ oġġetti ta’ persuni fiżiċi, kif ukoll ta’ impriżi jew ta’ istituzzjonijiet pubbliċi. Fid-dawl tal-fatt li l-kumpanniji tal-ġarr internazzjonali inkwistjoni huma kollha stabbiliti fil-Belġju u tal-fatt li l-akkordju kien attwat fit-territorju Belġjan, ġie kkunsidrat li ċ-ċentru ġeografiku tal-akkordju kien jinsab fil-Belġju. Id-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-parteċipanti fl-akkordju għal dawn is-servizzi ta’ ġarr internazzjonali kien stmat mill-Kummissjoni bħala EUR 41 miljun għas-sena 2002. Peress li d-daqs tas-settur ġie stmat bħala EUR 83 miljun, is-sehem mis-suq akkumulat tal-impriżi involuti kien għalhekk iffissat għal madwar 50 % tas-settur ikkonċernat.

10      Fid-deċiżjoni kontenzjuża l-Kummissjoni spjegat li l-akkordju kien intiż b’mod partikolari għall-istabbiliment u għaż-żamma ta’ prezzijiet għoljin, kif ukoll għat-tqassim tas-suq u li dan l-akkordju kien jieħu diversi forom, jiġifieri kien espress fil-forma ta’ ftehim fuq il-prezzijiet (iktar ’il quddiem il-“ftehim fuq il-prezzijiet”), ta’ ftehim fuq it-tqassim tas-suq permezz ta’ sistema ta’ kwotazzjonijiet foloz, imsejħa “kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza” (iktar ’il quddiem il-“ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza”), u ta’ ftehim fuq sistema ta’ kumpens finanzjarju għall-offerti miċħuda jew għall-każijiet fejn ma jsirux offerti, imsejħa “kummissjonijiet” (iktar ’il quddiem il-“ftehim fuq il-kummissjonijiet”).

11      Il-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li, bejn is-sena 1984 u l-bidu tas-snin 90, l-akkordju ffunzjona b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ ftehim bil-miktub dwar l-iffissar tal-prezzijiet, filwaqt li l-prattika ta’ kummissjonijiet u l-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza kienu introdotti b’mod parallel. Skont din l-istess deċiżjoni, il-prattika tal-kummissjonijiet kellha titqies bħala ffissar indirett tal-prezzijiet fir-rigward tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju sa fejn il-membri tal-akkordju, billi jindikaw servizzi fittizji, kienu joħorġu fatturi lil xulxin għal kummissjonijiet fuq l-offerti miċħuda jew fir-rigward ta’ każijiet fejn ikunu astjenew milli jippreżentaw offerta, u dan filwaqt li l-ammont ta’ dawn il-kummissjonijiet kien jiġi ffatturat lill-klijenti.

12      Fir-rigward tal-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, il-Kummissjoni osservat, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li, permezz tal-preżentazzjoni ta’ tali kwotazzjonijiet, il-kumpannija ta’ ġarr li xtaqet tirbaħ il-kuntratt kienet tiżgura li l-klijent li jkun ser iħallas għall-ġarr jirċievi diversi kwotazzjonijiet. Għal dan il-għan, il-kumpannija msemmija kienet tindika lill-kompetituri tagħha l-prezz totali li dawn kellhom jindikaw għall-ġarr ikkunsidrat, li kien ikun ogħla minn dak propost minn din il-kumpannija. Dawn għalhekk kienu simulazzjonijiet ta’ kwotazzjonijiet maħruġa minn kumpanniji li ma kellhomx l-intenzjoni jwettqu l-ġarr. Il-Kummissjoni kkunsidrat li din il-prattika kienet tikkostitwixxi manipulazzjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti li kienet twassal sabiex il-prezz mitlub għall-ġarr ikun ogħla milli kien ikun f’ambjent kompetittiv.

13      Il-Kummissjoni kkonstatat, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li dawn l-arranġamenti kienu implementati sal-2003 u li dawn l-attivitajiet kumplessi kellhom l-istess għan, jiġifieri l-iffissar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-suq u għalhekk id-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

14      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li l-Artikolu 1 tagħha huwa fformulat kif ġej:

“L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81(1) [KE] u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim [dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3)] billi stabilixxew b’mod dirett u indirett il-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, billi qassmu bejniethom parti minn dan is-suq u billi mmanipulaw il-proċedura ta’ sejħiet għal offerti matul il-perijodi indikati:

[…]

c)      [Gosselin], mill-31 ta’ Jannar 1992 sat-18 ta’ Settembru 2002; flimkien ma’ [Portielje], mill-1 ta’ Jannar 2002 sat-18 ta’ Settembru 2002;”

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15      Konsegwentement, fl-Artikolu 2(e) tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 4.5 miljun fuq Gosselin, li EUR 370 000 minnhom huma responsabbli għalihom in solidum Portielje. Din il-multa hija kkalkolata skont il-metodu espost fil-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi.

16      Fl-24 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni adottat l-emenda għad-Deċiżjoni. Permezz ta’ din, il-Kummissjoni tnaqqas b’madwar EUR 600 000 il-valur tal-bejgħ iġġenerat minn Gosselin. Dan il-valur kien serva ta’ bażi għall-kalkolu tal-multa imposta fuq din tal-aħħar, il-Kummissjoni għaldaqstant naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq Gosselin għal EUR 3.28 miljun, li EUR 270 000 minnhom huma responsabbli għalihom in solidum Portielje.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

17      Permezz tar-rikors irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ġunju 2008, Portielje ppreżentat rikors intiż prinċipalment għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tikkonċernaha u sussidjarjament, għall-annullament tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn din tikkonċernaha, kif ukoll konsegwentement għall-annullament tal-multa imposta f’dan l-artikolu.

18      Permezz tad-digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Marzu 2010, il-Kawża T‑209/08 ġiet magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza mal-Kawża T‑208/08, introdotta minn Gosselin kontra l-istess deċiżjoni kontenzjuża.

19      Insostenn tar-rikors tagħha, Portielje ressqet ħames motivi, li minnhom l-ewwel tnejn jirrigwardaw biss lilha stess u t-tlieta l-oħra jikkorrispondu essenzjalment għall-motivi invokati minn Gosselin fil-Kawża T‑208/08. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħat l-ewwel żewġ motivi invokati minn Portielje. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, għamlet il-konklużjonijiet segwenti.

20      Permezz tal-motivazzjoni esposta fil-punti 37 sa 50 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħat l-ewwel motiv ta’ Portielje, li permezz tiegħu hija sostniet li ma kinitx impriża fis-sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni u li konsegwentement ma seta’ jkun hemm l-ebda relazzjoni ta’ kumpannija parent u sussidjarja bejnha u Gosselin. Il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari ddeċidiet, fil-punti 39 sa 42 ta’ din is-sentenza, li l-kumpannija parent ta’ impriża li tkun wettqet ksur tal-Artikolu 81 KE ma tistax tiġi ssanzjonata permezz ta’ deċiżjoni skont dan l-artikolu, jekk din ma tkunx hija stess impriża. F’dan ir-rigward, hija kkunsidrat li l-użu tal-kunċett ta’ unità ekonomika ma jistax jikkumpensa għall-assenza tal-kwalità ta’ impriża tal-kumpannija parent u li kien hemm lok ta’ distinzjoni bejn il-kunċett ta’ impriża u dak tal-impożizzjoni ta’ aġir ta’ sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha.

21      Fir-rigward tal-possibbiltà li Portielje tiġi kklassifikata bħala impriża, u wara li qieset li kien stabbilit li din tal-aħħar ma kinitx teżerċita b’mod dirett l-ebda attività ekonomika, hija ddeċidiet, fil-punti 47 u 48 tas-sentenza appellata u billi bbażat fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, Ġabra p. I‑289), li “s-sempliċi detenzjoni ta’ ishma, anki ta’ kontroll”, ma huwiex biżżejjed sabiex jikkaratterizzaw attività ekonomika indiretta tal-entità li għandha pussess ta’ dawn, iżda li sabiex jiġi vverifikat jekk tali attività ekonomika hijiex eżerċitata, kien meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-entità kinitx tindaħal direttament jew indirettament fit-tmexxija tas-sussidjarja.

22      F’dan ir-rigward, fil-punti 48 sa 50 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-kwistjoni ta’ jekk Portielje kinitx għalhekk involuta fit-tmexxija ta’ Gosselin huwa differenti minn dik jekk Portielje kellhiex influwenza determinanti fuq Gosselin. Il-Qorti Ġenerali indikat li ma kienet ġiet stabbilita l-ebda preżunzjoni fir-rigward tal-possibbiltà li entità tiġi kklassifikata bħala impriża u li konsegwentement kien l-obbligu tal-Kummissjoni li tipprova li Portielje kienet effettivament involuta fit-tmexxija ta’ Gosselin. Peress li l-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li Portielje kienet impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

23      Fil-punti 51 sa 59 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, “sussidjarjament […] jekk wieħed jassumi li Portielje hija impriża”, analizzat it-tieni motiv invokat minn din tal-aħħar. Hija kkonkludiet li Portielje rnexxilha tirribatti l-preżunzjoni dwar l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti li jirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237) u, konsegwentement laqgħat it-tieni motiv.

24      Fil-kuntest tal-analiżi tagħha, il-Qorti Ġenerali qieset fil-punti 54 sa 56 tas-sentenza appellata, l-ewwel nett, li l-eżerċizzju minn Portielje ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha huwa għalhekk eskluż għar-raġuni biss li kemm l-ewwel deċiżjoni bil-miktub meħuda minn Portielje, kif ukoll l-ewwel laqgħa formali tal-bord tad-diretturi ta’ din tal-aħħar seħħew wara t-tmiem tal-ksur; it-tieni nett, il-possibbiltà biss għal Portielje li tinfluwenza l-politika ta’ Gosselin bl-użu tad-drittijiet tagħha li tivvota fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ din tal-aħħar, għalkemm l-ebda laqgħa ġenerali ma nżammet matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2002 sat-18 ta’ Settembru 2002, u, it-tielet nett, li l-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Gosselin diġà kienu diretturi qabel ma’ Portielje kisbet l-azzjonijiet ta’ Gosselin, bħala trustee, li skont il-Qorti Ġenerali juri li l-preżenza tagħhom fil-bord tad-diretturi ta’ Gosselin ma kienx riżultat tal-influwenza ta’ Portielje.

25      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li ma setax jiġi preżunt li t-tliet persuni li jikkostitwixxu l-bord tad-diretturi ta’ Gosselin, iżda li jikkostitwixxu biss nofs il-bord tad-diretturi ta’ Portielje, jeżerċitaw kontroll fuq Gosselin mhux fil-kapaċità tagħhom bħala diretturi ta’ din tal-aħħar, iżda permezz tal-influwenza eżerċitata minn Portielje fil-laqgħa ġenerali ta’ Gosselin. F’dan ir-rigward, b’mod partikolari, ikkunsidrat li anki jekk wieħed jassumi li t-tliet diretturi ta’ Gosselin, li kienu fost il-proprjetarji ta’ Portielje, ma aġixxewx biss bħala diretturi ta’ Gosselin, ikun iktar probabbli li jkunu aġixxew fl-interessi tagħhom stess.

26      Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li kien hemm lok li tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża kif emendata permezz tad-deċiżjoni ta’ emenda (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża kif emendata”) sa fejn din tikkonċerna lil Portielje. Madankollu, il-Qorti Ġenerali analizzat it-tliet motivi l-oħra invokati minn din tal-aħħar, billi dawn kienu diġà ġew invokati minn Gosselin, u ċaħdithom.

 It-talbiet tal-partijiet

27      Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza appellata billi din tannulla, fir-rigward ta’ Portielje, id-deċiżjoni kontenzjuża kif emendata, sabiex tiċħad ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Portielje u sabiex tikkundanna lil din tal-aħħar għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

28      Portielje titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż fiż-żewġ istanzi.

 Fuq l-appell

29      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji, kull wieħed minnhom ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE.

 Fuq l-ewwel motiv, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 81 KE

 L-argumenti tal-partijiet

30      Il-Kummissjoni tikkontesta lill-Qorti Ġenerali, li fil-punti 39 sa 42 tas-sentenza appellata, interpretat b’mod ġuridikament żbaljat il-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Ir-responsabbiltà in solidum tapplika bejn entitajiet legali u tirriżulta mill-fatt li dawn l-entitajiet jikkostitwixxu unità ekonomika u li għalhekk hija impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Għalhekk, qabel ma jista’ jkun attribwit ksur tal-Artikolu 81 KE lil persuna ġuridika partikolari, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi li din il-persuna tappartjeni lill-impriża li tkun wettqet il-ksur. Madankollu, hija ma għandhiex neċessarjament turi li din il-persuna nnifisha għandha l-kwalità ta’ impriża. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni iċċitata iktar ’il fuq.

31      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ffokat l-analiżi tagħha fuq kwistjoni irrilevanti, jiġifieri dik tal-kwalità ta’ impriża ta’ Portielje bħala tali, u billi għalhekk tapplika kriterju legali żbaljat. Hija fil-fatt kellha teżamina jekk il-Kummissjoni kinitx fondata meta tafferma li Portielje tappartjeni lill-impriża li wettqet il-ksur.

32      Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-konklużjonijiet li l-Qorti Ġenerali wasslet għalihom li jirriżultaw minn premessa żbaljata tagħha jikkostitwixxu wkoll żball ta’ liġi. L-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 48 u 49 tas-sentenza appellata mhux biss huwa kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jeżiġi wkoll li l-Kummissjoni turi darbtejn, iżda b’żewġ modi differenti, li Portielje effettivament wettqet kontroll fuq Gosselin. Minħabba f’dan l-approċċ żbaljat, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li qabel ma l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra lil Portielje bħala responsabbli flimkien ma’ Gosselin għall-ksur inkwistjoni, hija ma setgħetx sempliċement tistrieħ fuq il-preżunzjoni li tirriżulta mill-ġurisprudenza fis-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, iżda barra minn hekk u qabel kollox kellha turi, bl-użu ta’ “prov[i] konkret[i]” li Portielje kienet “indaħlet direttament jew indirettament” fit-tmexxija ta’ Gosselin. Hija kellha barra minn hekk tiċħad tali provi daqstant importanti billi irrilevanti u teskludi l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ prova li tirriżulta mill-pussess tal-azzjonijiet b’mod inkompatibbli mal-prinċipji fformulati minn din is-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni.

33      Portielje tqis li l-kwistjoni dwar jekk hijiex impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni hija fundamentali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u li l-oneru tal-prova li din il-kundizzjoni tkun sodisfatta taqa’ fuq il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003. Iżda, meta tapplika l-preżunzjoni ta’ prova li tirriżulta mis-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, għal sitwazzjoni fejn għadu ma ġiex stabbilit li Portielje hija impriża, il-Kummissjoni ma twettaqx korrettament l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-oneru tal-prova.

34      Fir-rigward tal-argument prinċipali tal-Kummissjoni, Portielje ssostni li jekk id-dispożizzjonijiet sostantivi fil-qasam tal-kompetizzjoni huma relatati mal-kunċett ekonomiku ta’ impriża, id-dispożizzjonijiet penali għandhom neċessarjament jirreferu għal entità legali u konsegwentement ikunu relatati mal-kunċett legali ta’ impriża. Għalhekk, il-kwistjoni tar-responsabbiltà għal ksur għandha tkun distinta minn dik tal-possibbiltà li entità tinżamm responsabbli għaliha. Għalhekk, qabel ma ksur ikun jista’ jiġi attribwit lil kumpannija parent, din tal-aħħar trid tingħata l-opportunità li twieġeb għaliha legalment. Madankollu, dan ma huwiex il-każ jekk din tkun impriża fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kemm minħabba l-attivitajiet ekonomiċi tagħha stess, kif ukoll minħabba l-attivitajiet ekonomiċi ta’ kumpanniji li fihom għandha sehem ta’ kontroll. Madankollu, f’dan l-aħħar każ, ikun neċessarju li hija effettivament teżerċita dan il-kontroll fuqhom billi tindaħal direttament jew indirettament fit-tmexxija tagħhom. Madankollu, huwa stabbilit li dan ma kienx il-każ għal Portielje matul il-perijodu tal-ksur inkwistjoni.

35      Fir-rigward tal-argument sussidjarju tal-Kummissjoni, Portielje temmen li l-prova tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti li tirriżulta mill-preżunzjoni stabbilita b’mod partikolari fis-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tapplika għad-duttrina dwar il-possibbiltà li entità twieġeb għal ksur skont l-Artikolu 81 KE. Li tammetti li l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti huwa kriterju validu li juri li entità għandha tkun ikklassifikata bħala impriża, jista’ skont Portielje, fil-fatt ikollu konsegwenzi sinjifikattivi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ entitajiet li jeżerċitaw kemm attivitajiet ekonomiċi, kif ukoll attivitajiet li jaqgħu fil-prerogattiva ta’ attività pubblika.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36      Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jikkonċerna l-attivitajiet tal-impriżi (sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 59, kif ukoll Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54) u li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 112, kif ukoll Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54). Dan il-kunċett ta’ impriża għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija komposta minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau, 170/83, Ġabra p. 2999, punt 11, kif ukoll Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

37      Meta unità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 145, kif ukoll Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

38      Fir-rigward tal-kwistjoni taħt liema ċirkustanzi persuna ġuridika li ma tkunx l-awtriċi tal-ksur, tista’ xorta tiġi ssanzjonata, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm din ikollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (sentenzi Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Alliance One International et, C‑628/10 P u C‑14/11 P, punt 43).

39      Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u għalhekk jiffurmaw impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE, u għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li fiha timponi multi lill-kumpannija parent mingħajr ma jkollha għalfejn tistabbilixxi l-implikazzjoni personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 59, kif ukoll Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Alliance One International et, punt 44).

40      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fil-każ partikolari fejn kumpannija parent iżżomm l-kapital jew kważi l-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, teżisti preżunzjoni konfutabbli li tgħid li din il-kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha (iktar ’il quddiem il-“preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti”) (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, ENI vs Il‑Kummissjoni, C‑508/11 P, punt 47; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata; tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra p. I‑8947, punti 56 u 63; kif ukoll Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Alliance One International et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital jew kważi l-kapital azzjonarju kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex jiġi preżunt li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tirribatti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 61; Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punti 57 u 63; Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Alliance One International et, punt 47, kif ukoll ENI vs Il‑Kummissjoni, punt 47).

42      Din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq il-premessa li tgħid li entità legali tista’ tinżamm responsabbli għall-aġir ta’ entità legali oħra meta din tal-aħħar ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq. Konsegwentement, il-fatt li l-entità li żżomm il-kapital jew kważi l-kapital azzjonarju kollu ta’ entità oħra jew tikkontrolla l-azzjonijiet jew kważi l-ishma kollha ta’ din l-entità l-oħra (iktar ’il quddiem l-“entità ewlenija”) hija kkostitwita taħt il-forma ġuridika ta’ fondazzjoni u mhux bħala kumpannija, ma huwiex rilevanti.

43      Minn dan isegwi li, hekk kif qieset l-Avukat Ġenerali fil-punti 36 u 37 tal-konklużjonijiet tagħha, meta jiġi ssanzjonat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq minn impriża skont id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 81 KE u 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-kwistjoni dwar jekk kull entità legali li tikkostitwixxi din l-impriża għandhiex attività ekonomika tagħha u għaldaqstant waħedha tissodisfax il-kunċett ta’ impriża msemmi fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, huwa wkoll irrilevanti.

44      L-uniku fattur determinanti għall-finijiet tas-sanzjoni huwa li l-entitajiet legali kollha li huma responsabbli in solidum, b’mod sħiħ jew parzjali, għall-ħlas tal-istess multa jikkostitwixxu, flimkien mal-entità li l-involviment dirett tagħha fil-ksur ġie stabbilit (iktar ’il quddiem l-“awtur tal-ksur”), impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Madankollu, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 38 sa 41 ta’ din is-sentenza, huwa l-eżerċizzju effettiv mill-entità ewlenija ta’ influwenza determinanti fuq l-awtur tal-ksur li huwa importanti f’dan ir-rigward.

45      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li ddeċidiet, minn naħa, fil-punt 39 tas-sentenza appellata li l-kunċett ta’ impriża għandu jinftiehem separatament mill-kunċett ta’ imputazzjoni tal-aġir tal-awtur tal-ksur lill-entità ewlenija tiegħu u, min-naħa l-oħra, fil-punt 42 tal-istess sentenza, “li l-kumpannija parent ta’ impriża li tkun wettqet ksur tal-Artikolu 81 KE ma tistax tiġi ssanzjonata permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 81 KE, jekk din ma tkunx hija stess impriża” u billi konsegwentement tivverifika, fil-punti 43 sa 50 tal-istess sentenza, jekk il-Kummissjoni kinitx stabbilixxiet jekk Portielje, waħedha, kinitx impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

46      L-ewwel aggravju invokat mill-Kummissjoni huwa għalhekk fondat fil-parti prinċipali tiegħu u għaldaqstant għandu jintlaqa’ mingħajr il-ħtieġa li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-parti sussidjarja tagħha.

47      Din il-konstatazzjoni, madankollu, ma hijiex waħedha ta’ natura li twassal għall-annullament tas-sentenza appellata sa fejn tiddeċiedi fuq ir-rikors ippreżentat minn Portielje quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punti 51 sa 59 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali għandha sussidjarjament tibbaża l-pożizzjoni tagħha fuq il-konstatazzjoni li tgħid li Portielje kienet “pprovdiet provi li juru li hija ma kinitx eżerċitat influwenza determinanti fuq Gosselin, li fil-fatt hija ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita tali influwenza” billi hekk tirribatti l-preżunzjoni li tirriżulta mis-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Għalhekk, hemm lok, li jiġi wkoll eżaminat it-tieni aggravju.

 Fuq it-tieni motiv, dwar il-konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta’ prova tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti

 L-argumenti tal-partijiet

48      Il-Kummissjoni ssostni li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, li jinsabu fil-punti 51 sa 59 tas-sentenza appellata, li jgħidu li Portielje pprovdiet provi li juru li hija ma kinitx eżerċitat influwenza determinanti fuq Gosselin u li fil-fatt hija ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita tali influwenza, huma bbażati fuq żball ta’ liġi u/jew żnaturament manifest tal-provi.

49      Fl-ewwel lok, fil-punti 56 u 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali manifestament żnaturat il-provi dwar in-natura u l-portata tar-rabtiet personali bejn Portielje u Gosselin. Hija affermat li dawn ir-rabtiet jikkonċernaw “biss nofs” id-diretturi ta’ Portielje, li jissuġġerixxi li dawn ma setgħux jiddeterminaw il-politika globali ta’ din tal-aħħar. Madankollu, jirriżulta mill-premessi 46 u 446 tad-deċiżjoni kontenzjuża, kif ukoll mill-punti 11, 22 sa 24 tar-risposta u 6 tal-kontroreplika ta’ Portielje, kif ukoll mill-istatuti ta’ din li ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali li dawn ir-rabtiet personali li jinvolvu t-tliet diretturi ewlenin ta’ Portielje, kienu kapaċi li flimkien jistabbilixxu l-politika ta’ din tal-aħħar u flimkien kienu jiffurmaw il-bord tad-diretturi ta’ Gosselin kollu kemm hu.

50      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li peress li Portielje ma kienet ħadet l-ebda deċiżjoni formali ta’ tmexxija matul il-perijodu tal-ksur inkwistjoni hija ma setgħetx teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Gosselin. Naturalment il-Kummissjoni tagħraf li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti bħal din il-preżunzjoni tista’ tiġi rribattuta permezz ta’ provi li juru li s-sussidjarja aġixxiet b’mod awtonomu. Madankollu, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet regola li l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti jkun impossibbli sa kemm il-persuna ġuridika li teżerċita kontroll 100 % ma tkunx ħadet deċiżjoni formali fil-qasam tat-tmexxija. Din hija restrizzjoni ewlenija tal-portata ta’ din il-preżunzjoni li ma tirriżultax mill-ġurisprudenza u hija żbaljata, u dan huwa iktar u iktar il-każ meta jeżistu rabtiet personali ta’ importanza bejn iż-żewġ persuni ġuridiċi kkonċernati. Il-Kummissjoni tenfasizza f’dan ir-rigward li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, hija bbażata fuq ir-realtà ekonomika u ma timponi l-ebda rekwiżit formali għall-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti.

51      It-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li l-punti 55 sa 57 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi. Il-punt 55 jibda mill-premessa żbaljata li tgħid li l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tista’ ssir biss skont ir-rekwiżiti proċedurali previsti mid-dritt tal-kumpanniji, f’dan il-każ matul laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ Gosselin. Din il-kunsiderazzjoni tinjora r-rabtiet personali li jgħaqqdu lil din tal-aħħar u l-Portielje, tindika formaliżmu eċċessiv u ma tistax tiġi rrikonċiljata man-natura funzjonali tal-kunċett ekonomiku ta’ impriża.

52      B’mod iktar partikolari fir-rigward tar-rabtiet personali, it-tliet elementi identifikati mill-Qorti Ġenerali fil-punt 56 tas-sentenza appellata, meħudin waħedhom, ma jippermettux li wieħed jikkonkludi li Portielje ma kinitx tikkostitwixxi unità ekonomika ma’ Gosselin. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li dawn ir-rabtiet personali jikkonċernaw il-persuni li flimkien jikkostitwixxu l-bord tad-diretturi kollu ta’ Gosselin u fl-istess ħin il-maġġoranza tal-voti fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ Portielje. Bl-istess mod, il-kunsiderazzjonijiet fil-punt 57 ta’ din is-sentenza huma żbaljati fil-liġi u ma jaffettwax il-konklużjoni li Gosselin tista’ titqies li kkonformat max-xewqat ta’ Portielje.

53      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi b’mod definittiv fuq it-tilwima u tiċħad ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali minn Portielje.

54      Portielje sostniet li hija rribattiet il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti li tirriżulta mis-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

55      Fir-rigward tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, Portielje tikkunsidra li, minħabba fl-assenza ta’ laqgħa tal-bord tad-diretturi matul il-perijodu tal-ksur inkwistjoni, l-assenza ta’ laqgħa ġenerali tal-azzjonisti matul dan l-istess perijodu, kif ukoll l-assenza ta’ influwenza fuq il-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi ta’ Gosselin, hija wriet li de facto ma eżerċitat l-ebda influwenza determinanti fuq din tal-aħħar. Għalhekk l-argument tal-Kummissjoni ma setax jintlaqa’. Minn naħa, dan għandu l-effett li jirrendi l-preżunzjoni inkonfutabbli, li jkun inkompatibbli mad-dritt tagħha għal smigħ xieraq. Min-naħa l-oħra, dan l-argument imur kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-kumpanniji u ta’ persuni ġuridiċi. Fil-fatt, entità legali bħal fondazzjoni teżisti biss fuq il-bażi tal-korpi statutorji tagħha.

56      Fir-rigward tar-rabtiet personali, Portielje tqis li dawn huma biss determinanti meta jkunu l-espressjoni tal-possibbiltà li jkollha l-kumpannija parent li tinfluwenza l-politika tas-sussidjarja tagħha. Dan kien ikun il-każ meta l-kumpannija parent ħatret diretturi fuq il-bord tad-diretturi tas-sussidjarja tagħha sabiex teżerċita influwenza. Madankollu, dan ma seħħx f’dan il-każ. Barra minn hekk, Portielje ma kinitx maħluqa sabiex teżerċita xi forma ta’ kontroll fuq Gosselin.

57      Barra minn hekk, il-pożizzjoni sostnuta mill-Kummissjoni tikser żewġ prinċipji fundamentali tad-dritt tal-kumpanniji, li jipprekludu lil Portielje milli tinżamm responsabbli għall-aġir adottat minn tlieta mid-diretturi tagħha f’funzjoni li tkun esterna minn kull korp tal-kumpannija. Għalhekk, minn naħa, id-diretturi ta’ kumpannija ma għandhomx individwalment kompetenza. Gosselin u Portielje jaġixxu biss permezz tal-korpi tagħhom stess u huma biss il-bordijiet tad-diretturi rispettivi tagħhom, bħala kulleġġi, li għandhom kompetenzi ġenerali ta’ amministrazzjoni. Min-naħa l-oħra, id-diretturi jistgħu biss jagħmlu użu mill-kompetenzi tagħhom fil-limiti tal-mandat tagħhom u sabiex iservu l-interessi tal-kumpannija tagħhom, u l-ivvizzjar tal-kompetenza tagħhom hija ġeneralment issanzjonata b’nullità. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jkunx arbitrarju li wieħed jassumi li t-tliet diretturi ta’ Gosselin aġixxew biss fil-kapaċità tagħhom ta’ diretturi ta’ din tal-aħħar, u mhux bħala rappreżentanti ta’ Portielje.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

58      Preliminarjament, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel aggravju li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt li tapplika l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv tal-influwenza deċiżiva sabiex jiġi stabbilit, permezz ta’ din, li Portielje u Gosselin jiffurmaw, matul il-perijodu li jmur bejn l-1 ta’ Jannar 2002 u t-18 ta’ Settembru 2002, impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Permezz ta’ dan l-aggravju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk adita biss sabiex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li Portielje pproduċiet provi li jistgħu jirribattu din il-preżunzjoni.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali applikatx il-kriterji legali korretti bħala l-bażi għall-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt suġġett għall-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni, C‑109/10 P, Ġabra p. I‑10329, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa din hija preċiżament il-kwistjoni li l-Kummissjoni tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tat-tieni u tat-tielet parti tat-tieni aggravju tagħha, diretti kontra, rispettivament, il-punt 54 u l-punti 55 sa 57 tas-sentenza appellata.

60      Hekk kif jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel aggravju, sabiex ikun stabbilit jekk l-awtur tal-ksur jiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tiegħu fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi kollha rilevanti li jirrigwardaw ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dan l-awtur mal-entità ewlenija, li jistgħu jvarjaw skont il-każ u għaldaqstant ma jistgħux jiġu elenkati b’mod eżawrjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punti 73 u 74; Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 58, kif ukoll Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Alliance One International et, punt 45).

61      F’din il-kawża, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ Gosselin fil-fondazzjoni kien ġie rreġistrat biss fil-11 ta’ Diċembru 2002, li l-Artikolu 5.2 tal-istatuti ta’ Portielje jippermetti wkoll it-teħid ta’ deċiżjoni bil-miktub u li, skont din tal-aħħar, li l-Qorti Ġenerali tindika li ma ġiex ikkontestat mill-Kummissjoni, dan seħħ darba waħda biss qabel il-laqgħa tal-5 ta’ Novembru 2004, jiġifieri fl-10 ta’ Marzu 2003 għall-preparazzjoni tar-rapport annwali għas-sena 2002. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li Portielje aġixxiet skont l-istatuti tagħha u li kemm il-proċedura bil-miktub tal-10 ta’ Marzu 2003, kif ukoll l-ewwel laqgħa formali tal-5 ta’ Novembru 2004 kienu miżmuma wara t-tmiem tal-ksur. L-istess punt 54 jikkonkludi li “[l]-eżerċizzju minn Portielje ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha huwa għalhekk eskluż għal din ir-raġuni biss”.

62      Madankollu, il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid, l-ewwel nett, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li l-unika attività ta’ Portielje kienet tikkonsisti f’li teżerċita d-drittijiet tal-vot marbutin mal-ishma inkwistjoni fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ Gosselin, “[l]-unika possibbiltà għal Portielje sabiex tinfluwenza l-politika ta’ Gosselin kien […] li tagħmel użu minn dawn id-drittijiet għall-vot fil-laqgħa ġenerali ta’ din tal-aħħar”. Hija indikat li madankollu kien stabbilit li, matul il-perijodu tal-ksur inkwistjoni, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2002 sat-18 ta’ Settembru 2002, ma saret l-ebda laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ Gosselin. Barra minn hekk, fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, hija qieset li matul dan l-istess perijodu Portielje ma bidlitx il-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi ta’ Gosselin u enfasizzat f’dan ir-rigward li “[i]l-bord tad-diretturi ta’ Gosselin kienu diġà diretturi tal-kumpannija qabel Portielje kisbet l-azzjonijiet ta’ Gosselin, bħala trustee” u li “[d]an juri li l-preżenza tagħhom fuq il-bord tad-diretturi ma hijiex espressjoni ta’ influwenza ta’ Portielje”.

63      Fl-aħħar nett, fil-punt 57 tal-istess sentenza, hija qieset li l-affermazzjoni li tgħid li tliet persuni li jikkostitwixxu l-bord tad-diretturi ta’ Gosselin, iżda li jikkostitwixxu biss nofs il-bord tad-diretturi ta’ Portielje, jeżerċitaw kontroll fuq Gosselin “mhux fil-kapaċità tagħhom bħala diretturi iżda permezz tal-influwenza eżerċitata minn Portielje fil-laqgħa ġenerali ta’ Gosselin” għandha tiġi miċħuda, billi f’dan ir-rigward “identiċità parzjali fil-membri tal-bord tad-diretturi ma jimplikax li l-kumpanniji kollha li fihom tliet membri tal-bord ta’ Gosselin f’dan l-istess rwol għandhom jiġu kkunsidrati, għaldaqstant, bħala kumpanniji parent ta’ Gosselin”. Hija wkoll qieset fl-istess punt 57, li f’din il-kawża, “it-tliet diretturi ta’ Gosselin kienu fost il-proprjetarji ta’ Portielje, li kien strument għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ proprjetà” u li “[g]ħaldaqstant, anki jekk wieħed jassumi li dawn it-tlieta min-nies mhux biss aġixxew bħala diretturi ta’ Gosselin, ikun iktar probabbli li jkunu aġixxew fl-interessi tagħhom stess”.

64      Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li “Portielje pprovdiet provi li juru li hija ma kinitx eżerċitat influwenza determinanti fuq Gosselin, li fil-fatt hija ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita tali influwenza” u li Portielje għalhekk irnexxielha tikkonfuta l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti li, b’mod partikolari, tirriżulta mis-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

65      Jirriżulta minn dak li jippreċedi, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li l-assenza ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni formali tat-tmexxija mill-entità ewlenija matul il-perijodu li hija responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa hija minnha nfisha biżżejjed sabiex tirribatti l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti. Hija għalhekk qieset li l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mill-entità ewlenija fuq l-awtur tal-ksur jista’ jsir biss permezz tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ tmexxija minn din l-ewwel entità fir-rispett tar-rekwiżiti proċedurali previsti mid-dritt tal-kumpanniji.

66      Għalhekk, meta ħadet din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Jirriżulta fil-fatt, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, li sabiex ikun stabbilit jekk l-awtur tal-ksur jiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi kollha rilevanti li jirrigwardaw ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dan l-awtur mal-entità ewlenija tiegħu, kif ukoll tar-realtà ekonomika. L-assenza waħedha, ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar tmexxija mill-entità ewlenija fir-rispett tar-rekwiżiti proċedurali previsti taħt id-dritt tal-kumpanniji ma jistax għalhekk ikun suffiċjenti f’dan ir-rigward.

67      It-tieni nett, l-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 55 sa 57 tas-sentenza appellata hija vvizzjata bl-istess żball ta’ liġi. Fil-fatt, jirriżulta mill-fatti mfakkra fil-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza li huwa biss ibbażat fuq analiżi effettwata fid-dawl tad-dritt tal-kumpanniji li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ġiet irribattuta, mingħajr ma tkun ħadet inkunsiderazzjoni qabel ma waslet għal din il-konklużjoni, tal-fatti kollha rilevanti relatati mar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u legali bejn Portielje u Gosselin. B’mod partikolari, fil-punt 57, anki jekk il-Qorti Ġenerali tidher interessata fir-rabtiet personali li jeżistu bejn Portielje u Gosselin, madankollu jirriżulta mill-ifformular ta’ dan il-punt li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tinvestiga dawn ir-rabtiet biss mill-punt tad-dritt tal-kumpanniji. Ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali f’dawn il-punti 55 sa 57, jew f’punti oħra f’din is-sentenza, ma fiha l-ebda kunsiderazzjoni li turi li ħadet inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra sabiex tibbaża l-konklużjoni tagħha li Portielje kien irnexxielha tirribatti din il-preżunzjoni billi tistabbilixxi li Gosselin kienet iddeterminat il-politika kummerċjali tagħha b’mod awtonomu matul il-perijodu inkwistjoni.

68      B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali wkoll naqset milli ssegwi l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, u b’mod partikolari, hekk kif qieset l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet formali minn korpi statutorji mhux neċessarjament meħtieġ sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ unità ekonomika li tikkonsisti mill-awtur tal-ksur u mill-entità ewlenija tagħha u li, għall-kuntrarju, din l-unità tista’ wkoll tirriżulta b’mod informali, partikolarment minħabba l-eżistenza ta’ rabtiet personali eżistenti bejn l-entitajiet legali li jagħmlu parti minn tali unità ekonomika.

69      Konsegwentement, it-tieni aggravju huwa fondat, fuq il-bażi tat-tieni u tat-tielet parti tiegħu, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, li permezz tiegħu l-Kummissjoni tallega żnaturament tal-provi.

70      Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-allegazzjoni ta’ Portielje li approċċ li jeħtieġ it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi li jmorru lil hinn minn dawk ibbażati fuq id-dritt tal-kumpanniji seta’ kellu l-effett li jirrendi inkonfutabbli l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti.

71      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, preżunzjoni tibqa’ fil-limiti aċċettabbli sakemm tkun proporzjonata għall-għan leġittimu mfittex, li teżisti l-possibbiltà li tipprova mod ieħor u li d-drittijiet tad-difiża huma żgurati. Il-fatt li jkun diffiċli li tiġi prodotta l-prova kuntrarja neċessarja sabiex tiġi ribattuta preżunzjoni, jew ukoll is-sempliċi ċirkustanza li entità ma tipproduċix, f’każ speċifiku, provi ta’ natura sabiex tirribatti preżunzjoni, ma jimplikax, fih innifsu, li din hija effettivament inkonfutabbli, b’mod partikolari meta, bħall-preżunzjoni inkwistjoni, l-entitajiet li fir-rigward tagħhom topera l-preżunzjoni huma l-aħjar sabiex issib din il-prova fl-isfera stess tal-attività tagħha (sentenza Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 62, 66 u 70).

72      L-ebda ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jew tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, ma huwa kkonstatat.

73      Peress li l-aggravji huma għalhekk fondati, huwa meħtieġ li dan l-appell jintlaqa’ u li jiġu annullati l-punti 4 u 6 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża kif emendata f’dak li jikkonċerna lil Portielje u kkundannat lill-Kummissjoni għall-ispejjeż relatati mal-Kawża T‑209/08.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

74      B’konformità mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell huwa fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kawża ladarba l-istat tal-atti jippermetti li dan iseħħ. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li dan huwa l-każ f’din il-kawża.

75      Għalhekk, hekk kif jirriżulta mill-punt 19 ta’ din is-sentenza, Portielje invokat ħames motivi quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ewwel wieħed b’mod prinċipali, u l-erbgħa l-oħra sussidjarjament, fejn tenfasizza f’dan ir-rigward li ma tistax tkun ikkunsidrata responsabbli għall-ksur imwettaq minn Gosselin ħlief jekk din tal-aħħar wettqet hija stess ksur tal-Artikolu 81 KE.

 Fuq l-ewwel motiv

76      Permezz tal-ewwel motiv, Portielje sostniet li peress li ma eżerċitatx attività ekonomika, hija ma tistax tiġi kklassifikata bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Konsegwentement, ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma jistgħux jiġu applikati fil-konfront tagħha, u għalhekk il-Kummissjoni ma setgħetx iżżommha responsabbli għall-ksur imwettaq minn Gosselin mingħajr ma tikser dawn id-dispożizzjonijiet.

77      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel aggravju li dan l-ewwel motiv quddiem il-Qorti Ġenerali ma huwiex fondat.

 Fuq it-tieni motiv

78      Permezz tat-tieni motiv, Portielje ssostni li hija wriet li ma eżerċitat l-ebda influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali jew strateġika ta’ Gosselin. Billi qieset il-kuntrarju fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

79      Il-Kummissjoni kkunsidrat li dan il-motiv ma huwiex fondat.

80      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kontenzjuża, mill-1 ta’ Jannar 2002 sat-18 ta’ Settembru 2002, Portielje tikkontrolla l-azzjonijiet jew kważi l-ishma kollha ta’ Gosselin u li, konsegwentement, il-Kummissjoni kienet fondata tippreżumi, hekk kif jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel aggravju, li Portielje kienet effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ Gosselin matul dan il-perijodu u li Portielje u Gosselin hekk ifformaw matul dan il-perijodu, impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Għalhekk hija Portielje li sabiex tirribatti din il-preżunzjoni għandha tipproduċi kull prova li turi li Gosselin kienet aġixxiet b’mod awtonomu fis-suq matul dan il-perijodu.

81      F’din il-kawża, Portielje invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, il-fatt li t-tmexxija tagħha ltaqgħet għall-ewwel darba biss wara t-tmiem tal-ksur. It-tieni nett, hija enfasizzat li l-unika attività tagħha tikkonsisti f’li teżerċita d-drittijiet tal-vot marbutin mal-ishma fil-kwistjoni fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ Gosselin, filwaqt li fid-dritt Belġjan tal-kumpanniji, ma hijiex il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti, iżda l-bord tad-diretturi tal-kumpannija li hija responsabbli mit-tmexxija ta’ din tal-aħħar u li, f’kull każ, ma saret l-ebda laqgħa tal-azzjonisti ta’ Gosselin matul il-perijodu inkwistjoni. It-tielet nett, Portielje ma kellha l-ebda influwenza fuq il-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi ta’ Gosselin, peress li dan kien diġà ġie kkostitwit qabel l-1 ta’ Jannar 2002 u l-kompożizzjoni tiegħu ma ġietx mibdula matul il-perijodu inkwistjoni. Hija tikkonkludi li kien fiżikament impossibbli għaliha li teżerċita xi influwenza fuq Gosselin.

82      Fir-risposta tagħha, Portielje żiedet li l-ħruġ ta’ ċertifikati fil-fondazzjoni ġie rreġistrat biss fil-11 ta’ Diċembru 2002; li mis-sitt persuni li jikkostitwixxu l-bord tad-diretturi tagħha, nofs biss kienu wkoll fuq il-bord ta’ Gosselin; li l-bord tad-diretturi ta’ Portielje biss, u mhux id-diretturi tagħha f’funzjoni li tkun esterna minn kull korp tal-kumpannija, għandhom is-setgħa li jmexxu l-kumpannija u li l-ewwel deċiżjoni meħuda minn Portielje, saret bil-miktub, iżda wkoll wara t-tmiem tal-ksur.

83      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jingħad li hekk kif jirriżulta mill-analiżi tat-tieni aggravju, tali elementi waħidhom, bħala prinċipju u ħlief f’ċirkustanzi partikolari, ma humiex biżżejjed sabiex tistabbilixxi li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti hija ribattuta.

84      Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 451 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li Portielje kienet ikkonfermat li “l-għan tagħha [huwa] li takkwista ishma bearer kontra l-ħruġ ta’ ċertifikati bearer, l-amministrazzjoni tal-ishma akkwistati, l-eżerċizzju tad-drittijiet kollha marbutin mal-ishma, bħall-ġbir tar-remunerazzjoni kollha possibbli u tal-eżerċizzju tad-dritt għall-vot, kif ukoll tal-eżekuzzjoni ta’ kull azzjoni oħra li għandha rabta wiesa’ ma’ dak imsemmi iktar ’il fuq jew li jista’ jikkontribwixxi għalih” u, fil-premessa 452, li Portielje “ma tikkontestax li l-għan tagħha huwa li tiżgura t-tmexxija uniformi ta’ Gosselin u ta’ kumpanniji sussidjarji oħra”.

85      Barra minn hekk, jirriżulta mill-istatuti ta’ Portielje, kif ukoll mill-premessi 46, 446 u 452 tad-deċiżjoni kontenzjuża li, matul il-perijodu inkwistjoni, it-tmexxija ta’ Portielje u dik ta’ Gosselin kienet ipprovduta mill-istess persuni, ħaġa li Portielje kkonfermat fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, it-tliet persuni li għandhom il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ Portielje, fejn id-deċiżjonijiet ġeneralment jittieħdu b’maġġoranza sempliċi, fl-istess ħin huma t-tlieta flimkien jagħmlu l-bord tad-diretturi ta’ Gosselin.

86      Fl-aħħar nett, Portielje ma ressqet l-ebda element konkret, minbarra l-elementi formali msemmija fil-punti 81 u 82 ta’ din is-sentenza, ta’ natura tali li jistabbilixxi li minkejja din il-konfużjoni ta’ interessi li jirriżultaw b’mod partikolari mill-eżistenza ta’ dawn ir-rabtiet personali partikolarment qawwija u tal-għan imfittex minn Portielje, Gosselin aġixxiet b’mod awtonomu fis-suq matul il-perijodu inkwistjoni.

87      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni motiv invokat quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistax jintlaqa’.

 Fuq it-tielet motiv

88      Permezz tat-tielet motiv, Portielje tqis li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE taħt żewġ aspetti. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-aġir imputat lil Gosselin jista’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni lanqas ma stabbiliet li l-ftehim li Gosselin ipparteċipat fih seta’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-fatt li s-servizzi inkwistjoni huma ta’ ġarr internazzjonali ma huwiex biżżejjed f’dan ir-rigward u l-Kummissjoni b’mod żbaljat irreferiet għal-livelli ta’ dħul mill-bejgħ u għas-sehem tas-suq imsemmi fil-punt 53 tal-linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ, b’mod partikolari, minħabba li n-natura tal-ftehim inkwistjoni ma seħħx u minħabba li l-Kummissjoni naqset milli tiddefinixxi s-suq rilevanti.

89      Il-Kummissjoni tqis li dan il-motiv huwa infondat.

90      Preliminarjament, għandu jitfakkar li Gosselin ġiet ikkonstatata responsabbli għall-ksur inkwistjoni mill-31 ta’ Jannar 1992 u li, b’mod partikolari, jirriżulta mill-premessa 307 tad-deċiżjoni kontenzjuża li hija kienet misjuba responsabbli, fil-kuntest tal-ksur uniku u kontinwu stabbilit mill-Kummissjoni, biss fir-rigward tal-ftehim fuq il-kummissjonijiet u l-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, u mhux fuq il-ftehim fuq il-prezzijiet, li ma kienx iktar implementat hekk kif ġie konkluż oriġinarjament fl-akkordju meta ssieħbet f’dan.

91      Fir-rigward tal-argument ta’ Portielje, fl-ewwel lok għandu jitqies li fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni evalwat l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni fil-premessi 346 sa 370 ta’ din id-deċiżjoni. Hija, b’mod partikolari, qieset fil-premessa 349, li “[l]-għan tal-ftehim fuq il-prezzijiet, tal-ftehim fuq il-kummissjonijiet u tal-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza huwa li jistabbilixxu u jżommu livell għoli tal-prezzijiet għall-provvista ta’ servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju u t-tqassim ta’ dan is-suq”.

92      B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-ftehim fuq il-kummissjonijiet, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 351 sa 357 ta’ din id-deċiżjoni, li b’mod partikolari skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ konkret, il-kummissjonijiet jinvolvu ffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ dawn is-servizzi, manipulazzjoni tal-proċedura ta’ ssuġġettar ta’ offerti jew ukoll tqassim tal-klijentela u li għandu bħala riżultat livell ta’ prezzijiet ogħla għal dawn is-servizzi milli kieku kien f’ambjent kompetittiv. Fir-rigward tal-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, huwa indikat li fil-premessi 358 sa 360 tal-istess deċiżjoni, li dan kien jikkonsisti f’manipulazzjoni tal-proċedura tas-sejħa għal offerti għall-issuġġettar tal-offerti, billi jsir distorsjoni tal-għażla tal-klijenti u li tirriżulta f’livell ta’ prezzijiet ogħla milli kieku kien ikun f’ambjent bi prezzijiet kompetittivi.

93      Il-Kummissjoni qieset fil-premessi 361 sa 365 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li kemm l-iffissar dirett u indirett tal-prezzijiet, kif ukoll it-tqassim tas-suq u tal-klijenti huma min-natura tagħhom stess restrittivi għall-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE u li l-manipulazzjoni tal-proċedura ta’ ssuġġettar tal-offerti tikkostitwixxi wkoll tali restrizzjoni. Hija kkonkludiet, fil-premessa 366 ta’ din id-deċiżjoni, li “dan is-sett ta’ ftehim [kellu] l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE”.

94      Barra minn hekk, fir-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, Portielje “[t]ammetti li Gosselin [irċeviet] jew ħall[set] kummissjonijiet fil-kuntest ta’ ġarr internazzjonali speċifiċi, u li tal[bet] jew ħar[ġet] kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza fil-kuntest ta’ ġarr internazzjonali ieħor speċifiku”. Portielje għalhekk ma tikkontestax il-parteċipazzjoni ta’ Gosselin fil-ftehim fuq il-kummissjonijiet u l-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza. Hija sempliċement issostni li dawn ma jistgħux, bħall-ftehim fuq il-prezzijiet, ikunu kklassifikati bħala restrizzjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE, sa fejn, f’dak li jirrigwarda Gosselin, il-fatt li tirċievi jew tikseb kummissjonijiet jew ukoll li titlob jew li tipprovdi kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza ma jseħħx flimkien ma’ kwalunkwe tqassim tal-klijentela jew ta’ kwalunkwe ftehim fuq il-prezzijiet.

95      Madankollu, l-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li l-ftehim li Gosselin ħadet sehem fihom, min-natura tagħhom, u hekk kif il-Kummissjoni ġustament uriet fid-deċiżjoni kontenzjuża, għandhom l-għan li jiffissaw prezz artifiċjalment ogħla mil-livell tal-prezzijiet tas-servizzi tal-ġarr inkwistjoni, kif ukoll tqassim tal-klijentela għal dawn is-servizzi. Għalhekk, dawn jikkostitwixxu forom ta’ kollużjoni li huma partikolarment ta’ ħsara għall-funzjonament normali tal-kompetizzjoni. Il-fatt li skont Gosselin, dan ma kienx il-każ, bħall-fatt li Gosselin ma pparteċipatx fil-ftehim fuq il-prezzijiet huwa irrilevanti f’dan ir-rigward u ma jistax konsegwentement jistabbilixxi l-eżistenza ta’ żball mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ikklassifikar tal-ftehim fuq il-kummissjonijiet u tal-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza bħala ftehim li għandhom l-għan li jirrestrinġu b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

96      Barra minn hekk, l-argument li jgħid li l-Kummissjoni ma kinitx timputa lil Gosselin ir-responsabbiltà tal-ftehim fuq it-tqassim tal-klijentela u tal-ftehim fuq il-prezzijiet huwa bbażat fuq il-premessa li l-ftehim fuq il-kummissjonijiet u l-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, li huwa stabbilit li Gosselin ipparteċipat fih, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala ftehim fuq it-tqassim tal-klijentela jew ftehim fuq il-prezzijiet. Madankollu, jirriżulta mill-punt preċedenti li tali premessa hija żbaljata.

97      Fl-aħħar nett, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim huwa superfluwu meta jidher li l-għan tiegħu jkun ir-restrizzjoni, il-prevenzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern (sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il‑Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, 496, kif ukoll Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 261).

98      Konsegwentement, il-fatt li l-ftehim fuq il-kummissjonijiet u fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza ma kellhomx l-effett li jirrestrinġu b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni, b’mod partikolari fil-mod kif huma kienu implementati minn Gosselin, ma tistax, anki kieku dan huwa stabbilit, twassal għall-illegalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, billi l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li dawn il-ftehim kienu maħsuba biex jirrestrinġu b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punt 95 ta’ din is-sentenza.

99      It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ikun jista’ jkollhom effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, deċiżjoni, ftehim jew prattika miftiehma għandhom, fuq il-bażi ta’ sett ta’ elementi oġġettivi ta’ liġi jew ta’ fatt, jippermettu li jiġi kkunsidrat, b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti, li dawn għandhom influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, u dan b’mod li joħolqu biża’ li jistgħu jimpedixxu t-twettiq ta’ suq uniku bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li din l-influwenza ma tkunx waħda insinjifikattiva (sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 36).

100    F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li akkordju li jkopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru għandu, minħabba n-natura tiegħu stess, l-effett li jikkonsolida diviżjonijiet ta’ natura nazzjonali, b’tali mod li jostakola l-interpenetrazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat FUE u, għalhekk, jista’ jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Frar 2002, Arduino, C‑35/99, Ġabra p. I‑1529, punt 33; Asnef-Equifax u Administración del Estado, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-24 ta’ Settembru 2009 Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38), u li n-natura transkonfinali tas-servizzi kkonċernati hija element rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk hemmx effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1987, Vereniging van Vlaamse Reisbureaus, 311/85, Ġabra p. 3801, punti 18 u 21).

101    Barra minn hekk, id-definizzjoni tas-suq rilevanti, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, hija maħsuba biss sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ftehim inkwistjoni jistax ikollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u jekk għandux l-għan jew l-effett li jostakola, jillimita jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni (digriet tas-16 ta’ Frar 2006, Adriatica di Navigazione vs Il‑Kummissjoni, C‑111/04 P, punt 31).

102    F’din il-kawża, il-Kummissjoni kkonkludiet fil-premessi 372 u 373 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-ftehim inkwistjoni kienu “jistgħu jkollhom effett rilevanti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri”, b’mod partikolari minħabba l-fatt li n-natura tas-servizzi inkwistjoni huwa wieħed transkonfinali u li “s-somma tal-ishma tas-swieq tal-kumpanniji tal-ġarr inkwistjoni taqbeż il-5 % tas-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju […] u s-somma tal-ishma tas-suq tagħhom [kienet] ta’ madwar 50 %”. Il-Kummissjoni barra minn hekk iddeskriviet is-suq inkwistjoni fil-premessi 88 sa 94 tal-istess deċiżjoni, li fiha indikat, b’mod partikolari, li s-servizzi kkonċernati huma “ s-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, jiġifieri s-servizzi ta’ ġarr ‘bieb bieb’ li għandhom l-oriġini tagħhom jew id-destinazzjoni tagħhom fil-Belġju” li s-sehem ta’ dan is-suq miżmum mill-parteċipanti fl-akkordju għall-2002 kien ta’ “madwar 50 %”, li, meta jitqies li “[l]-Belġju tagħmel parti minn ċentri ġeopolitiċi importanti u tikkostitwixxi […] ċentru ta’ attività kummerċjali”, numru ta’ impriżi multinazzjonali għandhom sede jew fergħa fil-Belġju u jagħmlu użu minn kumpanniji internazzjonali tal-ġarr sabiex iġorru l-oġġetti tagħhom u dawk tal-impjegati tagħhom, u li ċ-ċentru ġeografiku tal-akkordju kien fil-Belġju.

103    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta, l-ewwel nett li d-deskrizzjoni tas-suq effettwata fid-deċiżjoni kontenzjuża hija, b’mod konformi mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 101 ta’ din is-sentenza, biżżejjed sabiex jiġi ddeterminat jekk l-akkordju inkwistjoni huwiex probabbli li jkollu rilevanza fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega Portielje, ma huwiex ikkunsidrat li l-Kummissjoni naqset milli tiddefinixxi s-suq rilevanti, peress li, fil-premessi 88 sa 94 tal-istess deċiżjoni kontenzjuża, hija ddefiniet id-daqs tas-suq tal-prodott u tas-suq ġeografiku kkonċernat mill-akkordju, jiġifieri s-suq Belġjan tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali. Tali deskrizzjoni hija għalhekk biżżejjed sabiex tippermettilha li tuża l-limitu tas-sehem tas-suq previst fil-punt 53 tal-Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ.

104    Barra minn hekk, minn naħa, jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti Ġenerali li s-somma tas-sehem tas-suq rilevanti miżmuma mill-parteċipanti fl-akkordju hija ħafna ogħla minn 5 %. Min-naħa l-oħra, meta jitqiesu kemm il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 100 ta’ din is-sentenza, kif ukoll il-karatteristiċi tal-ksur inkwistjoni, identifikati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-kundizzjoni stabbilita fil-punt 53 tal-Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ u li tirrigwarda n-natura tal-akkordju inkwistjoni hija manifestament sodisfatta.

105    F’dawn iċ-ċirkustanzi u, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-fatt li l-limitu tas-sehem tas-suq ta’ 5 % previst f’dan il-punt 53 kien manifestament maqbuż, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tikkonkludi li l-ftehim inkwistjoni kien suxxettibbli li jkollu rilevanza sinjifikattiva fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

106    Fl-aħħar nett, sa fejn, skont il-punt 53 tal-Linji gwida dwar l-effett fuq il-kummerċ, qbiż tal-limitu ta’ 5 % tas-sehem tas-suq jista’, bħala prinċipju, għall-akkordji bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, ikun minnu nnifsu biżżejjed biex juri effett importanti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u fejn dan l-imsemmi limitu huwa, bħal f’dan il-każ, maqbuż sewwa, l-argument ta’ Portielje intiż sabiex jistabbilixxi li l-Kummissjoni ma wrietx li din il-kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE kienet sodisfatta tista’ tiġi miċħuda mingħajr ma jkun meħtieġ għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar l-elementi l-oħra invokati minn Portielje.

107    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tielet motiv invokat minn Portielje fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali għandu jiġi miċħud, peress li ebda waħda miż-żewġ partijiet ma hija fondata.

 Fuq ir-raba’ motiv

108    Permezz tar-raba’ motiv, Portielje ssostni li l-Kummissjoni, fil-kalkolu tal-multa imposta fuq Gosselin, kisret l-Artikolu 23(2)(a) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll il-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi, l-ewwel nett, matul id-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur imwettaq minn Gosselin. Hija wettqet ukoll l-istess ksur meta, it-tieni nett, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Gosselin, ikkunsidrat il-valur tal-bejgħ li sar minn din tal-aħħar matul il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2000 sat-30 ta’ Ġunju 2001, minflok il-bejgħ magħmul bejn l-1 ta’ Lulju 2001 u t-30 ta’ Ġunju 2002, u, it-tielet nett, billi ċaħdet iċ-ċirkustanzi attenwanti invokati minn Gosselin.

109    Il-Kummissjoni tqis li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

110    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-argument ta’ Portielje dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur imwettaq minn Gosselin, taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-kawża, huwa bbażat ukoll fuq il-premessa li tgħid li, minn naħa, il-parteċipazzjoni għall-ftehim fuq il-kummissjonijiet u fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza biss kien kwalitattivament differenti mill-parteċipazzjoni fil-ftehim fuq il-prezzijiet u min-naħa l-oħra, il-ftehim li Gosselin ipparteċipat fihom ma kinux fost ir-restrizzjonijiet l-iktar serji tal-kompetizzjoni. Skont Portielje, għalhekk il-Kummissjoni ma kinitx fondata li tikkunsidra li l-gravità tal-ksur imwettaq minn Gosselin kien identiku għal dak tal-ksur imwettaq mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju inkwistjoni, b’mod partikolari, dawk li ħadu sehem fil-ftehim fuq il-prezzijiet u li għalhekk hija ma setgħetx tiġi kkunsidrata, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa, bl-istess proporzjon ta’ 17 % tal-valur tal-bejgħ għall-parteċipanti kollha.

111    Madankollu, jidher mill-analiżi tal-ewwel parti tat-tielet motiv invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, li din il-premessa hija żbaljata, peress li l-Kummissjoni kienet ġustament ikklassifikat il-ftehim fuq il-kummissjonijiet u fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza bħala ftehim fuq il-prezzijiet u fuq it-tqassim tal-klijentela u dawn il-ftehim, bħall-ftehim fuq il-prezzijiet, manifestament jaqgħu taħt il-kategorija tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar serji. Dan l-argument għandu għalhekk jiġi miċħud, u għall-istess raġuni, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba ta’ Portielje intiża sabiex il-multa imposta fuq Gosselin tkun imnaqqsa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

112    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, permezz tad-deċiżjoni li temenda, il-Kummissjoni emendat id-deċiżjoni kontenzjuża f’dak li jirrigwarda l-valur tal-bejgħ imwettaq minn Gosselin u li ġie użat bħala l-bażi għall-kalkolu tal-multa imposta fuq din tal-aħħar, peress li ġiet ikkalkolata mill-ġdid il-multa għall-valur tal-bejgħ imwettaq minn din il-kumpannija matul il-perijodu tal-1 ta’ Lulju 2001 sat-30 ta’ Ġunju 2002 u peress li konsegwentement emendat il-multa lilha imposta. Għalhekk it-tieni parti tal-argument ta’ Portielje ma għadx għandu suġġett.

113    It-tielet lok, fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti, Portielje essenzjalment qieset li l-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti li jirriżulta mill-parteċipazzjoni mnaqqsa tagħha fil-ksur u mir-rwol minuri tagħha f’dan, li essenzjalment jikkorrispondu għaċ-ċirkustanza attenwanti skont it-tielet inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi, kif ukoll il-benefiċċju tal-ċirkustanza attenwanti prevista fil-ħames inċiż tal-istess punt 29.

114    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li skont dan it-tielet inċiż tal-punt 29, “meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija sostanzjalment ridotta u b’hekk turi li, matul il-perijodu li matulu hija ħadet sehem fil-ftehim li ta lok għall-imsemmi ksur, hija effettivament baqgħet lura milli timplementah billi adottat aġir kompetittiv fis-suq”, il-Kummissjoni tista’ tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanza attenwanti u tnaqqas l-ammont bażiku tal-multa.

115    Madankollu, is-sempliċi fatt li Gosselin ma pparteċipatx fil-ftehim fuq il-prezzijiet u ma pparteċipat fl-ebda laqgħa tal-akkordju, dan minnu nnifsu ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet previsti f’dan it-tielet inċiż jiġu sodisfatti, jew li Gosselin kellha rwol imnaqqas fl-akkordju inkwistjoni, b’mod partikolari, minħabba li hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 90 ta’ din is-sentenza, din il-kumpannija ma kinitx ikkunsidrata responsabbli għall-parteċipazzjoni fil-ftehim fuq il-prezzijiet u li matul il-perijodu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, din ħadmet mingħajr il-ħtieġa għall-parteċipanti li jorganizzaw laqgħat.

116    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li minkejja li, kif allegat minn Portielje, il-Kummissjoni ma setgħetx, sabiex tirrifjuta l-benefiċċju ta’ din iċ-ċirkustanza attenwanti, tirreferi għall-fatt li Gosselin kien responsabbli għal ksur uniku u kontinwu, jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 280 tad-deċiżjoni kontenzjuża li l-Kummissjoni kellha bosta provi diretti tal-parteċipazzjoni ta’ Gosselin fil-ftehim fuq il-kummissjonijiet u fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza. F’kull każ, dawn il-provi kienu diġà biżżejjed fihom infushom sabiex tiġi skartata kull allegazzjoni ta’ parteċipazzjoni mnaqqsa fl-akkordju.

117    F’dawn iċ-ċirkustanzi, Portielje ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni wettqet żball meta fid-deċiżjoni kontenzjuża rrifjutat li tagħti lil Gosselin il-benefiċċju taċ-ċirkustanzi attenwanti dwar il-parteċipazzjoni mnaqqsa tagħha fl-akkordju u r-rwol minuri tagħha f’dan.

118    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-allegazzjoni li l-aġir antikompetittiv adottat minn Gosselin kien awtorizzat mill-awtoritajiet pubbliċi, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li Portielje ma invokat l-ebda element, ħlief sempliċi allegazzjonijiet mhux issostanzjati, li juru li l-Kummissjoni bħala istituzzjoni kienet awtorizzat jew ħeġġet il-konklużjoni ta’ ftehim fuq il-kummissjonijiet jew fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza fis-sens tal-ħames inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi. Konsegwentement, ma huwiex stabbilit li l-Kummissjoni rrifjutat b’mod żbaljat li tagħti lil Gosselin il-benefiċċju ta’ din iċ-ċirkustanza attenwanti.

119    Minn dan isegwi li r-raba’ motiv invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn għad għandu suġġett, ma huwiex fondat.

 Fuq il-ħames motiv

120    Portielje ssostni li, anki jekk it-tielet u r-raba’ motivi jiġu miċħuda, ikun hemm lok li tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża għall-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, minn naħa, peress li l-aġir ta’ Gosselin huwa oġġettivament u kwalitattivament differenti minn dak tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju inkwistjoni, b’din tal-aħħar ma tipparteċipax fi ftehim fuq il-prezz jew fuq it-tqassim tal-klijentela, u, min-naħa l-oħra, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat, sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa, il-valur tal-bejgħ imwettaq minn Gosselin matul is-sena preċedenti għat-tmiem tal-ksur.

121    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, minn naħa, li jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel parti tat-tielet motiv invokat quddiem il-Qorti Ġenerali li l-ftehim li fihom Gosselin ipparteċipat ġustament ġew ikklassifikati mill-Kummissjoni bħala ftehim fuq il-prezzijiet u fuq it-tqassim tal-klijentela u li, għalhekk, l-aġir ta’ Gosselin ma kienx differenti essenzjalment minn dak adottat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju. Min-naħa l-oħra, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 112 ta’ din is-sentenza, it-tieni parti tal-argument ta’ Portielje ma għadx għandu suġġett minħabba fl-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni ta’ emenda. Dan il-motiv għalhekk ma jistax jintlaqa’.

122    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ebda wieħed mill-motivi tar-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali minn Portielje ma huwa fondat, u għaldaqstant dan ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

123    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli fl-appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dan, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

124    F’din il-kawża, peress li Portielje tilfet kemm l-appell, kif ukoll fil-kuntest tar-rikors għal annullament tagħha fil-Kawża T‑209/08, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati ma’ din il-kawża, kif ukoll mal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, skont it-talbiet tal-Kummissjoni f’dawn iż-żewġ istanzi.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punti 4 u 6 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gosselin Group u Stichting Administratiekantoor Portielje vs Il‑Kummissjoni (T‑208/08 u T‑209/08), huma annullati.

2)      Ir-rikors ta’ Stichting Administratiekantoor Portielje fil-Kawża T‑209/08 huwa miċħud.

3)      Stichting Administratiekantoor Portielje hija kkundannata għall-ispejjeż kemm tal-proċeduri fl-ewwel istanza fil-Kawża T‑209/08, kif ukoll għal dawk tal-appell.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.