Language of document : ECLI:EU:C:2015:117

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

26 ta’ Frar 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Ażil — Direttiva 2004/83/KE — Artikolu 9(2)(b), (c) u (e) — Livelli minimi tal-kundizzjonijiet li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew li persuni mingħajr stat għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jitolbu l-istatus ta’ refuġjat — Kundizzjonijiet sabiex persuna titqies li hija refuġjat — Atti ta’ persekuzzjoni — Sanzjonijiet kriminali għal suldat tal-Istati Uniti li rrifjuta li jservi fl-Iraq”

Fil-Kawża C‑472/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bayerisches Verwaltungsgericht München (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Awwissu 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Settembru 2013, fil-proċedura

Andre Lawrence Shepherd

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, J.‑C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Shepherd, minn R. Marx, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze kif ukoll minn A. Wiedmann u K. Petersen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Michelogiannaki, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u B. Koopman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Holt, bħala aġent, assistit minn S. Fatima, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u W. Bogensberger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2)(b), (c) u (e), tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat [status] ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96, u rettifika ĠU 2005, L 204, p. 24 u ĠU 2011, L 278, p.13).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A.L. Shepherd, li huwa ċittadin tal-Istati Uniti tal-Amerika, u l-Bundesrepublik Deutschland dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tirrifjutalu l-istatus ta’ refuġjat.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati

3        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1A(2) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951, [Serje tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], u li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954] (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), kif ikkompletata bil-Protokoll dwar l-istatus tar-refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li min-naħa tiegħu daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967, il-kelma “refuġjat” għandha tapplika għal kwalunkwe persuna li “minħabba biża’ fondata li tiġi ppersegwitata għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, sħubija fi grupp soċjali partikolari jew opinjoni politika partikolari, tkun barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha u ma tistax jew, minħabba din il-biża’, ma tixtieqx tinvoka l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż; jew, billi ma jkollhiex nazzjonalità u tkun tinsab barra l-pajjiż fejn qabel kellha r-residenza abitwali, ma tistax, jew minħabba dan il-biża’ ma tkunx trid, tirritorna fih.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-Direttiva 2004/83

4        Id-Direttiva 2004/83 tinkludi l-premessi li ġejjin:

“(1)      Politika komuni dwar kenn [ażil], inkluża Sistema ta’ Kenn [Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil] Komuni Ewropea, hija parti kostitwenti ta’ l-għan ta’ l-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi erja ta’ liberta, sigurta u ġustizzja miftuħa għal dawk li, sfurzati miċ-ċirkostanzi, leġittimament ifittxu protezzjoni fl-[Unjoni].

[...]

(3)      Il-Konvenzjoni ta’ [Genève] […] [tipprovdi] [l-bażi] tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati.”

[...]

(6)      L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa, mill-banda waħda, li jiżgura li Stati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u, mill-banda l-oħra biex jiżgura li livell minimu ta’ benefiċċju huwa disponibbli għal dawn il-persuni fl-Istati Membri kollha.

[...]

(16)      Livelli stabbiliti minimi għad-definizzjoni u l-kontenut ta’ stat ta’ refuġjat għandhom jiġu preskritti sabiex jiggwidaw il-korpi nazzjonali kompetenti ta’ l-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ [Genève].

(17)      Huwa meħtieġ li jiddaħħlu kriterji komuni għall-għarfien ta’ applikanti għal [l-ażil]” bħala refuġjati fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ [Genève].”

5        Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2004/83 għandha bħala għan li tistabbilixxi regoli minimi, minn naħa, li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr stat sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, li jikkonċernaw il-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.

6        Skont l-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva, għal finijiet tagħha “refuġjat ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ bir-raġun [fondata] li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalita, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalita u ma jistax, jew minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż [...]”.

7        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti li l-applikant għandu jissottometti bil-għan li jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali. Dan l-artikolu fil-paragrafu (3) tiegħu jipprovdi:

“L-istima ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi li jitqiesu:

(a)      il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni, inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż tal-oriġini u l-manjiera li biha jiġu applikati;

(b)      id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti presentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi suġġett għal persekuzzjoni [...];

(ċ)      il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali ta’ l-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, sess u eta, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali ta’ l-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikun jammonta għal persekuzzjoni jew periklu serju;

[...]”

8        L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat, “Atti ta’ persekuzzjoni”, jiddefinixxihom b’dan il-mod fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.      Atti ta’ persekuzzjoni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1 A tal-Konvenzjoni ta’ [Genève] jridu:

(a)      jkunu serji biżżejjed fin-natura jew repetizzjoni tagħhom li jikkostitwixxu vjolazzjoni serja ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet minn liema deroga ma tistax issir skont l-Artikolu 15(2) tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali iffirmata iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ‘il quddiem il-“KEDB’).], jew

(b)      ikunu akkumulu ta’ diversi miżuri, inkluż vjolazzjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem li huwa serju biżżejjed li jaffettwa individu f’manjiera simili kif imsemmi f’(a).

2.      Atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikat fil-paragrafu 1, jistgħu, fost ħwejjeġ oħra, jieħdu l-forma ta’:

[...]

(b)      miżuri legali, amministrattivi, ta’ pulizija u/jew ġudizzjarji li huma fihom infushom diskriminatorji jew li huma implimentati f’manjiera diskriminatorja;

(ċ)      prosekuzzjoni jew kastig, li huwa sproporzjonat jew diskriminatorju;

[...]

(e)      prosekuzzjoni jew kastig għar-rifjut li wieħed iwettaq servizz militari f’konflitt, fejn it-twettieq ta’ servizz militarju jkun jinkludi delitti jew atti li jidħlu taħt il-klawsoli ta’ esklużjoni kif dikjarat fl-Artikolu 12(2);

[...]”

9        L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2004/83 jeżiġi l-eżistenza ta’ konnessjoni bejn ir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tagħha u l-atti ta’ persekuzzjoni.

10      L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Esklużjoni”, fil-paragrafi (2) u (3) tiegħu jgħid:

“2.      Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandu jiġi eskluż milli jkun refuġjat meta jkun hemm raġunijiet serja li jitqiesu li:

(a)      huwa jew hija jkunu kommettew delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanita, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti;

(b)      huwa jew hija jkunu kommettew delitt serju mhux politiku barra mill-pajjiż tar-refġjuta qabel id-dħul tiegħu jew tagħha bħala refuġjat; li jfisser il-ħin tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza fuq il-bażi ta’ l-għoti ta’ stat ta’ refuġjat; partikolarment azzjonijiet krudili, anke jekk kommessi b’għan allegatament politiku, jistgħu jiġu klassifikati bħala delitti serji mhux politiċi;

(ċ)      huwa jew hija kienu ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti kif dikjarat fil-Preamblu u l-Artikoli 1 u 2 tal-Kapitolu tan-Nazzjonijiet Uniti.

3.      Paragrafu 2 japplika għal persuni li jinstigaw jew inkella jipparteċipaw fil-kommissjoni tad-delitti jew atti msemmija fih.”

11      Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva, l-Istat Membru għandu jagħti l-istatus ta’ refuġjat lill-applikant jekk dan jissodisfa, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva.

 Id-dritt Ġermaniż

12      Skont l-Artikolu 3(1) u (2) tal-Liġi dwar il-Proċedura ta’ Ażil (Asylverfahrensgesetz) tas-27 ta’ Lulju 1993 (BGBl. 1993 I, p. 1361), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fit-2 ta’ Settembru 2008 (BGBl. 2008 I, p. 1798, iktar ‘il quddiem l-“AsylVfG”), li tirreferi għaliha l-qorti tar-rinviju:

“1.      Barrani huwa refuġjat fis-sens tal-Konvenzjoni [ta’ Genève] jekk, fl-Istat li fih ikollu ċ-ċittadinanza jew li fih, jekk ikun mingħajr ċittadinanza, kellu r-residenza abitwali, ikun espost għat-theddid imsemmi fl-Artikolu 60(1) tal-Liġi dwar ir-Residenza, ix-Xogħol u l-Integrazzjoni tal-Barranin fit-Territorju Federali (Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet) tat-30 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1950, iktar ’il quddiem l-‘Aufenthaltsgesetz’).

2.      Ċittadin barrani jiġi eskluż mill-istatus ta’ refuġjat meta jkun hemm raġunijiet serji li jwasslu x’wieħed jaħseb li:

1)      ikun wettaq delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanità, fis-sens tal-istrumenti internazzjonali mfassla sabiex jipprevedu dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ dawn id-delitti,

2)      ikun wettaq, qabel ma jkun ġie ammess bħala refuġjat, delitt serju mhux politiku barra mit-territorju federali, b’mod partikolari azzjoni partikolarment krudili, anki jekk titwettaq b’għan allegatament politiku, jew

3)      ikun aġixxa bi ksur tal-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti.

L-ewwel sentenza tapplika kemm għall-barranin li jkunu istigaturi tad-delitti jew tal-atti msemmija fl-imsemmi paragrafu, jew li jkunu pparteċipaw fihom b’xi mod ieħor.”

13      Skont l-Artikolu 60(1) tal-Aufenthaltsgesetz, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-25 ta’ Frar 2008 (BGBl. 2008 I, p. 162):

“1.      Skont il-Konvenzjoni [ta’ Genève] [...], ċittadin barrani ma jistax jitkeċċa lejn Stat li fih il-ħajja tiegħu jew il-libertà tiegħu jkunu mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, iċ-ċittadinanza tiegħu, is-sħubija tiegħu fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjonijiet politiċi tiegħu. […] Il-persekuzzjoni fis-sens tal-ewwel sentenza tista’ toriġina

a)      mill-Istat,

b)      minn partiti jew organizzazzjonijiet li jiddominaw l-Istat jew partijiet sostanzjali tat-territorju tal-Istat jew

c)      minn atturi mhux tal-Istat, sa fejn l-atturi msemmija f’(a) u (b), inklużi l-organizzazzjonijiet internazzjonali li jiġi pprovat li ma setgħux jew li ma jixtiqux joffru protezzjoni mill-persekuzzjoni, u dan indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk jeżistix jew le, poter tal-Istat fil-pajjiż,

sakemm ma tkunx teżisti l-possibbiltà ta’ riperkussjoni fuq skala interna. Sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx persekuzzjoni skont l-ewwel sentenza, għandhom jiġu applikati b’mod komplementari l-Artikolu 4(4) u l-Artikoli 7 sa 10 tad-Direttiva 2004/83 [...]. Meta l-barrani jinvoka l-projbizzjoni ta’ tkeċċija skont dan il-paragrafu, il-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge [(uffiċċju federali għall-immigrazzjoni u għar-refuġjati)] [...] jiddetermina fi proċedura ta’ ażil jekk il-kundizzjonijiet mitluba mill-ewwel sentenza humiex sodisfatti u jekk għandux jiġi rrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat lill-barrani. Id-deċiżjoni tal-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge tista’ tiġi kkontestata biss skont id-dispożizzjonijiet tal-[AsylVfG].”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      A.L. Shepherd, li huwa ċittadin tal-Istati Uniti tal-Amerika, ġie rreklutat fix-xahar ta’ Diċembru 2003, f’pajjiżu, sabiex iservi fl-armata Amerikana għal tul ta’ ħmistax-il xahar fit-truppi attivi. Huwa ġie mħarreġ bħala tekniku tal-manutenzjoni tal-ħelikopters u, fix-xahar ta’ Settembru 2004, ġie ttrasferit f’battaljun ta’ sostenn bl-ajru f’Katterbach (il-Ġermanja). F’dak l-istess żmien d-diviżjoni tiegħu kienet diġà impenjata fl-Iraq u, konsegwentement, huwa ġie stazzjonat fil-kamp ta’ Speicher, qrib Tikrit (l-Iraq).

15      Bejn ix-xhur ta’ Settembru 2004 u ta’ Frar 2005, huwa ħadem fuq il- manutenzjoni tal-ħelikopters u ma pparteċipa direttament la f’operazzjonijiet militari u lanqas fi ġlied.

16      Fix-xahar ta’ Frar 2005, id-diviżjoni tiegħu ntbagħtet lura fil-Ġermanja. Huwa estenda t-tul tal-kuntratt tiegħu.

17      Fl-1 ta’ April 2007, huwa rċieva ordni ta’ missjoni sabiex jerġa’ jmur l-Iraq. Qabel it-tluq tiegħu mill-Ġermanja, fil-11 ta’ April 2007, huwa telaq mill-armata, peress li ħass li ma kellux iktar jipparteċipa fi gwerra li huwa qies kienet illegali fl-Iraq u f’delitti tal-gwerra li, fl-opinjoni tiegħu, kienu twettqu hemm. Huwa sab akkomodazzjoni għand konoxxent tiegħu sat-tressiq tal-applikazzjoni għall-ażil quddiem l-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi, fix-xahar ta’ Awwissu. Insostenn tal-applikazzjoni tiegħu, huwa argumenta essenzjalment li minħabba r-rifjut tiegħu li jlesti s-servizz militari tiegħu fl-Iraq, kien ġie mhedded bi prosekuzzjoni kriminali u li peress li d-diżerzjoni hija, mill-perspettiva Amerikana, delitt maġġuri, kien se jaffettwa l-ħajja tiegħu billi jesponiha għal ostraċiżmu soċjali f’pajjiżu.

18      Il-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge ċaħad l-applikazzjoni għall-ażil, permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2011.

19      Il-persuna kkonċernata talbet lill-qorti tar-rinviju l-annullament ta’ din id-deċiżjoni u li jiġi rrikonoxxut lilha l-istatus ta’ refuġjat. Hija bbażat ruħha fuq id-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikolu 3(1) u (4) tal-AsylVfG u tal-Artikolu 60(1) tal-Aufenthaltsgesetz.

20      Għall-qorti tar-rinviju, lil hinn mill-kwistjoni ta’ jekk l-applikant fil-futur hux se jiġi mhedded b’persekuzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu minħabba d-diżerzjoni tiegħu, għandu jiġi ddeterminat, b’mod partikolari, il-grad ta’ involviment fl-operazzjonijiet militari li għandu jieħu sehem fihom membru tal-forzi armati sabiex is-sanzjonijiet li jirriżultaw mid-diżerzjoni tiegħu jiġu kklassifikati bħala “atti ta’ persekuzzjoni”, skont l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83, peress li l-espressjoni “servizz militari [li jippreżumi] t-twettiq ta’ delitti msemmija fl-Artikolu 12(2)” ma hijiex iddefinita b’mod ċar.

21      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bayerisches Verwaltungsgericht München iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-protezzjoni tirrigwarda biss il-persuni li s-settur konkret ta’ attività militari tagħhom jimplika l-parteċipazzjoni diretta f’operazzjonijiet ta’ ġlied, għaldaqstant missjonijiet armati, jew li għandhom is-setgħa li jordnaw tali interventi (l-ewwel parti), jew membri oħra tal-forzi armati jistgħu huma wkoll jiġu protetti permezz ta’ din id-dispożizzjoni meta s-settur ta’ attività tagħhom ikun limitat għas-sostenn loġistiku tekniku tat-truppa, barra mill-ġlied attwali, u jkollu biss effett indirett fuq il-ġlied innifsu (it-tieni parti)?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tingħata fis-sens tat-tieni parti:

L-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizz militari f’każ ta’ kunflitt (nazzjonali jew internazzjonali) għandu, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet jew sistematikament, iwassal għal jew jeżiġi t-twettiq tad-delitti jew tal-atti msemmija fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/83/KE (l-ewwel parti), jew huwa biżżejjed li l-applikant għall-ażil juri li delitti msemmija fl-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2004/83/KE twettqu f’ċerti każijiet, fiż-żona tal-operazzjonijiet fejn ġie ngaġġat, mill-forzi armati li jagħmel parti minnhom, sew minħabba li ċerti ordnijiet ta’ missjoni rriżultaw li huma kriminali f’dan is-sens, jew inkella minħabba li huwa eċċess imwettaq minn individwi (it-tieni parti)?

3)      Jekk ir-risposta għat-tieni domanda għandha tingħata fis-sens tat-tieni parti:

L-istatus ta’ refuġjat jingħata biss meta huwa probabbli, mingħajr l-ebda dubju raġonevoli, li l-ksur tad-dritt internazzjonali umanitarju ser iseħħ, fil-ġejjieni, jew huwa biżżejjed li l-applikant għall-ażil isemmi fatti li juru li tali delitti qed iseħħu (inevitabbilment jew probabbilment) fil-kunflitt inkwistjoni, u li għaldaqstant ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li huwa jista’ jiġi implikat fih?

4)      In-nuqqas ta’ tolleranza jew ir-repressjoni tal-ksur tad-dritt internazzjonali umanitarju mit-tribunali militari jeskludu protezzjoni inkwantu refuġjat skont l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83, jew huwa dan l-element irrilevanti?

Huwa meħtieġ li kien hemm ukoll sanzjoni adottata mill-Qorti Kriminali Internazzjonali?

5)      Il-fatt li t-tqegħid fil-pożizzjoni tat-truppi jew l-istatut ta’ okkupazzjoni ġew approvati mill-Komunità internazzjonali jew huma bbażati fuq mandat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jeskludi kull protezzjoni inkwantu refuġjat?

6)      Huwa meħtieġ, sabiex il-protezzjoni inkwantu refuġjat tingħata lill-applikant għall-ażil skont l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83, li huwa jista’ jiġi kkundannat, jekk iwettaq id-dmirijiet tiegħu, skont l-istatuti tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (l-ewwel parti), jew il-protezzjoni inkwantu refuġjat tingħata meta dan il-limitu ma jintlaħaqx, u l-applikant għall-ażil ma għandux għaldaqstant jibża’ li tiġi imposta fuqu sanzjoni kriminali, iżda madankollu ma jkunx jista’ jirrikonċilja l-obbligi tas-servizz militari mal-kuxjenza tiegħu (it-tieni parti)?

7)      Jekk ir-risposta għas-sitt domanda għandha tingħata fis-sens tat-tieni parti:

Il-fatt li l-applikant għall-ażil ma għamilx użu mill-possibbiltà li jsegwi proċedura normali ta’ objettur tal-kuxjenza, meta kellu l-possibbiltà li jagħmel dan, jeskludi kull protezzjoni inkwantu refuġjat fis-sens tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, jew il-protezzjoni inkwantu refuġjat hija wkoll possibbli fil-każ ta’ deċiżjoni partikolari bbażata fuq il-kuxjenza?

8)      It-tkeċċija infami mill-armata, il-kundanna għal piena ta’ ħabs u l-ostraċiżmu soċjali u l-iżvantaġġi li jirriżultaw minnu jikkostitwixxu att ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(2)(b) jew (ċ), tad-Direttiva 2004/83?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

22      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, mill-premessi 3, 16 u 17 tad-Direttiva 2004/83 jirriżulta li l-Konvenzjoni ta’ Genève tikkostitwixxi l-bażi tas-sistema ġuridika internazzjonali ta’ protezzjoni tar-refuġjati u li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar il-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll dwar il-kontenut ta’ din tal-aħħar ġew adottati sabiex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri japplikaw din il-konvenzjoni billi jibbażaw ruħhom fuq kunċetti u kriterji komuni (sentenza X et, C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:720, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/83 għandha, għaldaqstant, issir fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tagħha, billi jiġu osservati l-Konvenzjoni ta’ Genève u trattati oħra rilevanti msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE. Din l-interpretazzjoni għandha ssir wkoll, kif jirriżulta mill-premessa 10 ta’ din id-direttiva, fir-rispett tad-drittijiet irrikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (sentenza X et, EU:C:2013:720, punt 40).

24      It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83, ir-refuġjat huwa, b’mod partikolari, ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu “minħabba f’biża’ bir-raġun [fondata] li jiġi persegwitat” minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-opinjonijiet politiċi tiegħu jew l-appartenenza tiegħu għal ċertu grupp soċjali, u li ma jistax jew, “minħabba f’din il-biża”, ma jixtieqx jinvoka l-“protezzjoni” ta’ dan il-pajjiż. Iċ-ċittadin ikkonċernat għandu għalhekk, minħabba ċirkustanzi li jeżistu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ikollu biża’ fondata ta’ persekuzzjoni eżerċitata fuq il-persuna tiegħu għal minn tal-inqas wieħed mill-ħames raġunijiet elenkati f’din id-direttiva u fil-Konvenzjoni ta’ Genève (sentenza Salahadin Abdulla et, C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C-179/08, EU:C:2010:105, punti 56 u 57).

25      It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 9 tad-Direttiva jiddefinixxi l-elementi li jippermettu li xi atti jitqiesu li jkunu persekuzzjoni skont l-Artikolu 1A tal-Konvenzjoni ta’ Genève. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(1)(a) ta’ din id-direttiva jispeċifika li l-atti rilevanti għandhom ikunu serji biżżejjed fin-natura jew fir-repetizzjoni tagħhom sabiex jikkostitwixxu ksur serju ta’ drittijiet fundamentali tal-bniedem, b’mod partikolari drittijiet assoluti li fir-rigward tagħhom ebda deroga ma hija possibbli taħt l-Artikolu 15(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Barra minn hekk, l-Artikolu 9(1)(b) tal-imsemmija direttiva jispeċifika li l-akkumulu ta’ diversi miżuri, inklużi ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li huwa serju biżżejjed li jaffettwa individwu b’mod simili għal dak indikat fl-Artikolu 9(1)(a) tal-istess direttiva għandu wkoll jitqies li huwa persekuzzjoni. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, sabiex ksur tad-drittijiet fundamentali jikkostitwixxi persekuzzjoni skont l-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, dan għandu jilħaq ċertu livell ta’ gravità (sentenza X et, EU:C:2013:720, punti 51 sa 53).

26      Ir-raba’ nett, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 4(3)(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2004/83, waqt l-evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti kollha li jikkonċernaw il-pajjiż ta’ oriġini fil-mument li tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti mressqa mill-applikant, kif ukoll l-istatus individwali u s-sitwazzjoni personali tiegħu.

27      Huwa fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li għandhom jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83, kif imsemmija mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel seba’ domandi tagħha, kif ukoll dawk tal-Artikolu 9(2)(b) u (ċ), imsemmija minn din il-qorti fit-tmien domanda tagħha.

28      F’din il-perspettiva, għandu jitfakkar ukoll li skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2004/83, l-“[a]tti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikat fil-paragrafu 1, jistgħu, fost ħwejjeġ oħra, jieħdu l-forma ta’:: [...] (b) miżuri legali, amministrattivi, ta’ pulizija u/jew ġudizzjarji li huma fihom infushom diskriminatorji jew li huma implimentati f’manjiera diskriminatorja; (ċ) prosekuzzjoni jew kastig, li huwa sproporzjonat jew diskriminatorju; [...] (e) prosekuzzjoni jew kastig għar-rifjut li wieħed iwettaq servizz militari f’konflitt, fejn it-twettieq ta’ servizz militarju jkun jinkludi delitti jew atti li jidħlu taħt il-klawsoli ta’ esklużjoni kif dikjarat fl-Artikolu 12(2)”.

29      Barra minn hekk, fir-rigward tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/83, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 39 sa 43 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa biss rilevanti r-riferiment għal “delitti ta’ gwerra”, imsemmi fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

 Fuq l-ewwel seba’ domandi

30      Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ċerti ċirkustanzi li huma relatati, b’mod partikolari, man-natura tal-funzjonijiet eżerċitati mis-suldat ikkonċernat, ma’ dik tar-rifjut li huwa jallega li jopponi, ma’ dik tal-kunflitt inkwistjoni u ma’ dik tad-delitti li dan jimplika, għandhom effett determinanti fl-evalwazzjoni li għandhom jagħmlu l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jivverifikaw jekk sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

31      Għalhekk, qabel ma ssir evalwazzjoni tal-portata ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li ma huwiex ikkontestat li, fil-kawża prinċipali, iċ-ċittadin li japplika għall-istatus ta’ refuġjat jesponi ruħu għal azzjonijiet legali u għal sanzjonijiet fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu billi jkun irrifjuta li jwettaq s-servizz tiegħu f’kunflitt. Konsegwentement, dawn id-domandi, kif jirriżulta barra minn hekk mid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jirrigwardawx ir-raġunijiet tal-persekuzzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/83, iżda biss iċ-ċirkustanzi li huma meħtieġa sabiex dawn l-azzjonijiet legali u sanzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “atti ta’ persekuzzjoni” kif imsemmija fl-Artikolu 9(2)(e) ta’ din id-direttiva.

32      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-għan tad-Direttiva 2004/83 huwa li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 1 u 6 tagħha, jidentifika l-persuni li, peress li jkunu mġiegħla miċ-ċirkustanzi, ikollhom realment u leġittimament bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni. Il-kuntest ta’ din id-direttiva huwa essenzjalment umanitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 93).

33      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83, sa fejn dawn jirrigwardaw ir-rifjut li jitwettaq is-servizz militari fil-każ ta’ kunflitt meta dan is-servizz jippreżumi li jitwettqu delitti ta’ gwerra, ma juru ebda natura restrittiva fir-rigward tal-persuni kkonċernati minn dan is-servizz. Għaldaqstant għandu jiġi ammess li, billi adotta dawn id-dispożizzjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jirrestrinġi l-benefiċċju lil ċerti membri tal-persunal li jkunu qegħdin iwettqu dan is-servizz b’mod partikolari skont il-grad tagħhom fil-ġerarkija militari, ta’ kundizzjonijiet li fihom huma jkunu ġew irreklutati jew ukoll tan-natura tal-attivitajiet li jeżerċitaw. Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn id-dispożizzjonijiet ikopru lill-membri tal-persunal militari kollu, konsegwentement, inklużi l-membri tal-persunal loġistiku jew ta’ sostenn.

34      Madankollu, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2004/83, imfakkar fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, intiż li jidentifika l-persuni li, imġiegħla miċ-ċirkustanzi, ikollhom realment u leġittimament bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni, il-kwalità tal-membri tal-persunal militari tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja iżda mhux suffiċjenti sabiex jibbenefikaw mill-protezzjoni li jimplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2)(e) ta’ din id-direttiva.

35      F’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li din id-dispożizzjoni ssemmi sitwazzjoni ta’ kunflitt. Minn dan jirriżulta li kull rifjut ta’ servizz militari, tkun xi tkun ir-raġuni, ma tistax, barra minn dan il-kunflitt, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni. Iċ-ċirkustanzi li fihom qed jintalab lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-portata sabiex jiġi llimitat il-kamp ta’ applikazzjoni, għandhom għalhekk ikunu direttament relatati ma’ kunflitt speċifiku.

36      It-tieni nett, jirriżulta mit-test innifsu tal-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83 li huwa s-servizz militari nnifsu li jippreżupponi l-kummissjoni ta’ delitti ta’ gwerra. Din id-dispożizzjoni ma ssemmix biss is-sitwazzjoni li fiha l-applikant jitwassal iwettaq personalment dawn id-delitti.

37      Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li jittieħed oġġettivament il-kuntest ġenerali li fih dan is-servizz jiġi eżerċitat. Konsegwentement, ma humiex esklużi, bħala prinċipju, is-sitwazzjonijiet li fihom l-applikant ikun ipparteċipa biss indirettament fil-kommissjoni ta’ dawn id-delitti, għaliex, b’mod partikolari, huwa ma kienx parti mis-suldati tal-ġlied, imma, pereżempju, kien assenjat lil diviżjoni loġistika jew ta’ sostenn. Konsegwentement, iċ-ċirkustanza li l-persuna interessata, minħabba n-natura unikament indiretta ta’ din il-parteċipazzjoni, ma setgħetx tkun suġġetta, fuq bażi personali, għal azzjoni ma tipprekludix il-protezzjoni taħt l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83.

38      Madankollu, anki jekk il-benefiċċju tal-protezzjoni internazzjonali ma huwiex irriżervat għal dawk li setgħu personalment jaslu li jikkommettu atti kklassifikati bħala delitti ta’ gwerra, b’mod partikolari t-truppi tal-ġlied, din il-protezzjoni tista’ tiġi estiża unikament għall-persuni oħra li l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom seta’ jwassalhom b’mod suffiċjentement dirett u bi plawżibbiltà raġonevoli jipparteċipaw f’dawn l-atti.

39      It-tielet nett, l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83 ifittex li jipproteġi l-applikant li jopponi s-servizz militari għaliex ma jkunx irid li dan jesponih jikkommetti, fil-futur, atti tan-natura bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva. Il-persuna interessata tista’ tinvoka, barra min hekk, biss in-natura plawżibbli li atti bħal dawn iseħħu. Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva ma għandhomx jiġu interpretati li jkopru esklużivament is-sitwazzjonijiet li fihom jiġi stabbilit li d-diviżjoni li jkun parti minnha l-applikant ikun ikkommetta delitti ta’ gwerra. Ma jistax jintalab fuq dan li atti ta’ gwerra ta’ din id-diviżjoni jkunu diġà ġew issanzjonati mill-Qorti Kriminali Internazzjonali, jekk dak li jkun jassumi li hija kellha l-ġurisdizzjoni f’dan il-każ.

40      Ir-raba’ u l-aħħar nett, għalkemm, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti li, skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/83, ikunu biss l-awtoritajiet nazzjonali li jkunu jistgħu jwettqu, taħt l-istħarriġ tal-qorti, sabiex jikklassifikaw is-sitwazzjoni tas-servizz inkwistjoni, ċerti avvenimenti bħal, b’mod partikolari, l-aġir passat tad-diviżjoni li tagħha jkun parti l-applikant jew il-kundanni kriminali mogħtija kontra membri ta’ din id-diviżjoni jistgħu jikkostitwixxu wħud mill-indizji li jirrendu probabbli li hija tikkommetti delitti ta’ gwerra ġodda, huma waħedhom ma jistgħux awtomatikament jistabbilixxu, fil-mument tar-rifjut ta’ servizz magħmul mill-applikant għall-istatus ta’ refuġjat, in-natura plawżibbli tal-kommissjoni ta’ dawn id-delitti. L-evalwazzjoni li għandha titwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali tista’ tibbaża ruħha unikament, f’dawn iċ-ċirkustanzi, fuq firxa ta’ indizji, li huma biss tali li jistabbilixxu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi inkwistjoni, li s-sitwazzjoni ta’ dan is-servizz tirrendi plawżibbli l-kommissjoni ta’ dawn l-atti.

41      F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-importanza li għandha tingħata liċ-ċirkustanza li l-Istat ikkonċernat jippersegwxxi d-delitti ta’ gwerra jew lil dik li l-intervent armat kien twettaq fuq il-bażi ta’ mandat tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti jew ukoll fuq il-bażi ta’ kunsens tal-komunità internazzjonali, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li intervent armat immexxi fuq il-bażi ta’ riżoluzzjoni tal-imsemmi Kunsill tas-Sigurtà jagħti, bħala prinċipju, il-garanziji kollha li ma jkunux ser jitwettqu delitti ta’ gwerra waqtu u dan, iktar u iktar, minn operazzjoni li taqa’ taħt kunsens internazzjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk qatt ma jista’ jiġi eskluż li jiġu kommessi atti li jmorru kontra l-istess prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ gwerra, il-fatt li l-intervent armat seħħ f’kuntest bħal dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.

42      Għandu jiġi rrilevat, min-naħa l-oħra, li, konformement mal-Artikolu 4(3)(a) tad-Direttiva 2004/83, din l-importanza għandha tingħata liċ-ċirkustanza li l-Istat jew l-Istati li jmexxu l-operazzjonijiet jippersegwixxu d-delitti ta’ gwerra. L-eżistenza, fl-ordinament ġuridiku ta’ dawn l-Istati, ta’ leġiżlazzjoni li tissanzjona d-delitti ta’ gwerra u ta’ qrati li jiżguraw ir-repressjoni effettiva hija tali li tirrendi ftit plawżibbli t-teżi li tgħid li suldat ta’ wieħed minn dawn l-Istati jista’ jasal jikkommetti dawn id-delitti u din ma tistax, konsegwentement, fl-ebda każ, tintesa.

43      Minn dan jirriżulta li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-persuna li tfittex li lilha jiġi rrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat, bis-saħħa tal-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83, li għandha turi bi plawżibbiltà suffiċjenti li d-diviżjoni li tagħha hija parti tmexxi l-operazzjonijiet assenjati lilha, jew mexxiethom fil-passat, f’ċirkustanzi tali li jkun ħafna probabbli li jkun sar aġir ta’ natura bħal dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

44      Fit-tielet lok, peress li l-atti ta’ persekuzzjoni li jinvoka l-applikant għall-istatus ta’ refuġjat għandhom, skont dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/83, jirriżultaw mir-rifjut tiegħu li jwettaq is-servizz, dan ir-rifjut għandu jikkostitwixxi l-unika raġuni li jippermetti li dan l-applikant jevita l-parteċipazzjoni fid-delitti ta’ gwerra allegati. F’dan ir-rigward, l-evalwazzjoni li għandhom iwettqu l-awtoritajiet nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, konformement mal-Artikolu 4(3)(c) tad-Direttiva 2004/83, il-fatt li, b’mod partikolari, f’dan il-każ, l-imsemmi l-applikant mhux biss daħal volontarjament fil-forzi armati meta huma kienu diġà impenjati fil-kunflitt fl-Iraq imma, wara li wettaq, fi ħdan tagħhom, l-ewwel soġġorn f’dan il-pajjiż, li ġedded l-ingaġġ tiegħu fl-imsemmija forzi.

45      Isegwi li ċ-ċirkustanza, invokata mill-qorti tar-rinviju, fis-seba’ domanda tagħha, li l-applikant għall-istatus ta’ refuġjat astjena milli jirrikorri għal proċedura intiża li jinkiseb l-istatus ta’ obbjettur ta’ kuxjenza teskludi kull protezzjoni taħt l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83, sakemm l-imsemmi applikant ma jipprovax li l-ebda proċedura ta’ tali natura ma kienet disponibbli għalih fis-sitwazzjoni konkreta tiegħu.

46      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel sad-seba’ domandi li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83 għandhom jiġu interpretati fis-sens:

–        li huma jkopru l-persunal militari kollu, inkluż il-persunal loġistiku jew ta’ sostenn;

–        li huma jkopru s-sitwazzjoni li fiha s-servizz militari mwettaq jippreżumi fih innifsu, f’kunflitt iddeterminat, li jiġu kommessi delitti ta’ gwerra, inklużi s-sitwazzjonijiet li fihom l-applikant għall-istatus ta’ refuġjat ikun ipparteċipa biss indirettament fil-kommissjoni ta’ dawn id-delitti filwaqt li, bl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, huwa jkun ipprovda, bi plawżibbiltà raġonevoli, sostenn indispensabbli għall-preparazzjoni jew għall-eżekuzzjoni tagħhom;

–        li huma jkopru mhux biss esklużivament is-sitwazzjonijiet li fihom jiġi stabbilit li delitti ta’ gwerra diġà ġew kommessi jew jistgħu jiġu stabbiliti mill-Qorti Kriminali Internazzjonali, imma wkoll dawk li fihom l-applikant għall-istatus ta’ refuġjat ikun jista’ jipprova li huwa ħafna probabbli li ġew kommessi dawn id-delitti;

–        li l-evalwazzjoni tal-fatti li trid titwettaq unikament mill-awtoritajiet nazzjonali, taħt l-istħarriġ tal-qorti, sabiex tiġi kklassifikata s-sitwazzjoni tas-servizz ikkonċernat, trid tkun ibbażata fuq firxa ta’ indizji tali li juru, fid-dawl taċ-ċirkustanzi inkwistjoni, b’mod partikolari dawk dwar il-fatti rilevanti li jikkonċernaw il-pajjiż tal-oriġini fil-mument li tittieħed deċiżjoni fuq l-applikazzjoni kif ukoll dawk dwar l-istatus individwali u s-sitwazzjoni personali tal-applikant, li s-sitwazzjoni tas-servizz tirrendi plawżibbli l-kommissjoni tad-delitti ta’ gwerra allegati;

–        li ċ-ċirkustanzi li intervent militari twettaq bis-saħħa ta’ mandat tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti jew fuq il-bażi ta’ kunsens tal-komunità internazzjonali u li l-Istat jew l-Istati li jmexxu l-operazzjonijiet jippersegwixxu d-delitti ta’ gwerra, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni li għandha titwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali, u

–        li r-rifjut li jwettaq is-servizz militari għandu jikkostitwixxi l-unika raġuni li tippermetti lill-applikant għall-istatus ta’ refuġjat jevita l-parteċipazzjoni fid-delitti ta’ gwerra allegati, u li, konsegwentement, jekk huwa jkun astjena milli jirrikorri għal proċedura intiża li jinkiseb l-istatus ta’ obbjettur ta’ kuxjenza, tali ċirkustanza teskludi kull protezzjoni taħt l-Artikolu 9(2)(e) tad- Direttiva 2004/83 sakemm l-imsemmi applikant ma jipprovax li l-ebda proċedura ta’ tali natura ma kienet disponibbli għalih fis-sitwazzjoni konkreta tiegħu.

 Fuq it-tmien domanda

47      Bit-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/83 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, man-numru ta’ atti ta’ persekuzzjoni li huma jsemmu, għandhom jiġu ammessi l-miżuri li jiltaqa’ magħhom suldat minħabba r-rifjut tiegħu li jwettaq is-servizz militari, bħall-kundanna għal piena ta’ priġunerija, it-tkeċċija b’infamja mill-armata, kif ukoll l-ostraċiżmu soċjali u l-iżvantaġġi li jirriżultaw minnhom.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li hija għamlet insostenn tad-domandi preċedenti tagħha, il-qorti tar-rinviju għandha titqies li qed torbot id-domanda preżenti mal-unika ipoteżi, li fiha l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-eżami tat-talba tal-applikazzjoni fil-kawża prinċipali jqisu li ma ġiex stabbilit li s-servizz li huwa rrifjuta li jwettaq kien preżunt li jikkommetti delitti ta’ gwerra.

49      Hemm lok, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li jiġi rrilevat, qabel kollox, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/83 ikopru atti meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi u li n-natura diskriminatorja jew sproporzjonata tagħhom għandhom, skont il-paragrafi 1 ta’ dan l-artikolu, ikollhom ċertu livell ta’ gravità, kif inhu mfakkar fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, sabiex jitqies li huwa ksur tad-drittijiet fundamentali li jwassal għal persekuzzjoni fis-sens tat-taqsima A tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

50      Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tagħha, fl-evalwazzjoni dwar jekk prosekuzzjoni jew piena għal diżerzjoni jkunux sproporzjonati huwa meħtieġ li jitqies jekk atti bħal dawn imorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-Istat ikkonċernat biex jeżerċita d-dritt leġittimu tiegħu li jżomm forza armata.

51      Minkejja li l-evalwazzjoni ta’ din in-neċessità tippreżumi li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi ta’ natura differenti, b’mod partikolari politiċi u strateġiċi, li jagħtu l-leġittimità ta’ dan id-dritt u l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tiegħu, l-ebda element tal-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jitqies li dan id-dritt kellu, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, jitqiegħed inkwistjoni, jew li jitqies li l-eżerċizzju tiegħu ma jiġġustifikax li sanzjonijiet kriminali jiġu imposti fuq suldati li jkunu bi ħsiebhom jevadu s-servizz tagħhom, jew li t-tkeċċija mill-armata tiġi ppronunzjata f’dan il-każ.

52      Minkejja li jirriżulta mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jista’ jingħata piena ta’ priġunerija ta’ bejn 100 ġurnata sa’ ħmistax-il xahar, għal deżerzjoni, li tista’ tilħaq ukoll ħames snin, ma hemm xejn fil-proċess li jippermetti li jiġi konkluż li dawn il-miżuri jaqbżu manifestament dak li huwa neċessarju sabiex l-Istat ikkonċernat jeżerċita d-dritt leġittimu tiegħu li jżomm forza armata.

53      Huma, madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom iwettqu eżami tal-fatti kollha li jikkonċernaw lill-pajjiż mnejn joriġina l-applikant għall-istatus ta’ refuġjat, inklużi, hekk kif jipprevedi l-Artikolu 4(3)(a) tad-Direttiva 2004/83, il-liġijiet u r-regolamenti ta’ dan tal-aħħar u l-mod kif jiġu applikati.

54      Wara, fir-rigward tal-istħarriġ ta’ natura diskriminatorja tal-atti inkwistjoni, wieħed ikollu jivverifika jekk, fid-dawl tal-għanijiet imsemmija minn leġiżlazzjoni li taqa’ taħt l-eżerċizzju leġittimu li tinżamm forza armata, is-sitwazzjoni tas-suldati li jirrifjutaw li jagħtu s-servizz tistax titqabbel ma’ dik ta’ persuni oħrajn, sabiex jiġi vverifikat jekk is-sanzjonijiet imposti fuq tal-ewwel jistgħux ikollhom natura manifestament diskriminatorja. Issa, l-elementi tal-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettux li jitqies li f’dan il-każ kien hemm sitwazzjoni komparabbli bħal din. F’kull każ, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jivverifikaw dan.

55      Fl-aħħar nett, “l-ostraċiżmu soċjali u l-iżvantaġġi li jirriżultaw minnu”, evokati fid-domanda tal-qorti tar-rinviju, jidhru biss li huma l-konsegwenzi tal-miżuri, prosekuzzjonijiet jew sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/83 u għaldaqstant ma jistgħux jitqiesu li huma, bħala tali, fost dawn tal-aħħar.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti, hemm lok li tingħata risposta lit-tmien domanda li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/83 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, ma jidhirx li l-miżuri imposti fuq suldat minħabba r-rifjut tiegħu li jwettaq is-servizz tiegħu, bħal kundanna għal piena ta’ priġunerija jew it-tkeċċija mill-armata, jistgħu jitqiesu, fid-dawl tal-eżerċizzju leġittimu, mill-Istat ikkonċernat, tad-dritt tiegħu li jżomm forza armata, huma f’dan il-punt sproporzjonati jew diskriminatorji tant li jitniżżlu fl-atti ta’ persekuzzjoni msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jivverifikaw dan.

 Fuq l-ispejjeż

57      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2)(e) tad‑Direttiva 2004/83/KE tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat [status] ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandhom jiġu interpretati fis-sens:

–        li huma jkopru l-persunal militari kollu, inkluż il-persunal loġistiku jew ta’ sostenn;

–        li huma jkopru s-sitwazzjoni li fiha s-servizz militari mwettaq jippreżumi fih innifsu, f’kunflitt iddeterminat, li jiġu kommessi delitti ta’ gwerra, inklużi s-sitwazzjonijiet li fihom l-applikant għall-istatus ta’ refuġjat ikun ipparteċipa biss indirettament fil-kommissjoni ta’ dawn id-delitti filwaqt li, bl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, huwa jkun ipprovda, bi plawżibbiltà raġonevoli, sostenn indispensabbli għall-preparazzjoni jew għall-eżekuzzjoni tagħhom;

–        li huma jkopru mhux biss esklużivament is-sitwazzjonijiet li fihom jiġi stabbilit li delitti ta’ gwerra diġà ġew kommessi jew jistgħu jiġu stabbiliti mill-Qorti Kriminali Internazzjonali, imma wkoll dawk li fihom l-applikant għall-istatus ta’ refuġjat ikun jista’ jipprova li huwa ħafna probabbli li ġew kommessi dawn id-delitti;

–        li l-evalwazzjoni tal-fatti li trid titwettaq unikament mill-awtoritajiet nazzjonali, taħt l-istħarriġ tal-qorti, sabiex tiġi kklassifikata s-sitwazzjoni tas-servizz ikkonċernat, trid tkun ibbażata fuq firxa ta’ indizji tali li juru, fid-dawl taċ-ċirkustanzi inkwistjoni, b’mod partikolari dawk dwar il-fatti rilevanti li jikkonċernaw il-pajjiż tal-oriġini fil-mument li tittieħed deċiżjoni fuq l-applikazzjoni kif ukoll dawk dwar l-istatus individwali u s-sitwazzjoni personali tal-applikant, li s-sitwazzjoni tas-servizz tirrendi plawżibbli l-kommissjoni tad-delitti ta’ gwerra allegati;

–        li ċ-ċirkustanzi li intervent militari twettaq bis-saħħa ta’ mandat tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti jew fuq il-bażi ta’ kunsens tal-komunità internazzjonali u li l-Istat jew l-Istati li jmexxu l-operazzjonijiet jippersegwixxu d-delitti ta’ gwerra, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni li għandha titwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali, u

–        li r-rifjut li jwettaq is-servizz militari għandu jikkostitwixxi l-unika raġuni li tippermetti lill-applikant għall-istatus ta’ refuġjat jevita l-parteċipazzjoni fid-delitti ta’ gwerra allegati, u li, konsegwentement, jekk huwa jkun astjena milli jirrikorri għal proċedura intiża li jinkiseb l-istatus ta’ obbjettur ta’ kuxjenza, tali ċirkustanza teskludi kull protezzjoni taħt l-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 2004/83 sakemm l-imsemmi applikant ma jipprovax li l-ebda proċedura ta’ tali natura ma kienet disponibbli għalih fis-sitwazzjoni konkreta tiegħu.

2)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/83 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, ma jidhirx li l-miżuri imposti fuq suldat minħabba r-rifjut tiegħu li jwettaq is-servizz tiegħu, bħal kundanna għal piena ta’ priġunerija jew it-tkeċċija mill-armata, jistgħu jitqiesu, fid-dawl tal-eżerċizzju leġittimu, mill-Istat ikkonċernat, tad-dritt tiegħu li jżomm forza armata, huma f’dan il-punt sproporzjonati jew diskriminatorji tant li jitniżżlu fl-atti ta’ persekuzzjoni msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jivverifikaw dan.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.