Language of document : ECLI:EU:C:2012:259

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

2 ta’ Mejju 2012 *(1)

“Proprjetà intellettwali — Direttiva 91/250/KEE — Protezzjoni ġuridika ta’ programmi tal-kompjuter — Artikoli 1(2) u 5(3) — Portata tal protezzjoni — Kreazzjoni diretta jew permezz ta’ proċess ieħor — Programm tal-kompjuter protett mid-drittijiet tal-awtur — Tkomplija ta’ funzjonijiet mit-tieni programm mingħajr aċċess għall-kodiċi sors tal-ewwel wieħed — Dekompilazzjoni tal-kodiċi oġġett tal-ewwel programm tal-kompjuter — Direttiva 2001/29/KE — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Artikolu 2(a) — Manwal ta’ użu ta’ programm tal-kompjuter — Riproduzzjoni fi programm ieħor tal-kompjuter — Ksur tad-drittijiet tal-awtur — Kundizzjoni — Espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur tal-manwal ta’ użu”

Fil-Kawża C‑406/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Awwissu 2010, fil-proċedura

SAS Institute Inc,

vs

World Programming Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot, A. Prechal, Presidenti ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, G. Arestis (Relatur), A. Ó Caoimh, L. Bay Larsen, M. Berger u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Settembru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal SAS Institute Inc., minn H. J. Carr, QC, u M. Hicks u J. Irvine, barristers,

–        għal World Programming Ltd, minn M. Howe, QC, R. Onslow u I. Jamal, barristers, inkarigati minn A. Carter-Silk, solicitor,

–        għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth u C. Murrell, bħala aġenti, assistiti minn S. Malynicz, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ Novembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(2) u 5(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal‑14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114), kif ukoll tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn SAS Institute Inc. (iktar ’il quddiem “SAS Institute”) u World Programming Ltd. (iktar ’il quddiem “WPL”), dwar proċedimenti ta’ vjolazzjoni ppreżentati minn SAS Institute għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq il-programmi tal-kompjuter u fuq il-manwali dwar is-sistema informatika tiegħu tad-databases.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni internazzjonali

3        L-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni għall-protezzjoni tax-xogħlijiet letterarji u artistiċi ffirmata f’Berne fid-9 ta’ Settembru 1886 (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berne”), jgħid:

“Il-frażi ‘xogħlijiet letterarji u artistiċi’ tinkludi kull produzzjoni fil-qasam letterarju […] irrispettivament mill-mod jew forma ta’ espressjoni […] [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

4        L-Artikolu 9 tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali relatati mal-kummerċ (iktar ’il quddiem it-“TRIPs”) li jinsab fl-Anness 1 C tal-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li kien ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), jipprevedi:

“1.      Il-Membri għandhom iħarsu lejn l-Artikoli 1 sa 21 tal-[Konvenzjoni ta’ Berne] u l-Appendiċi tagħha […].

2.      Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għandhom jestendu għall-espressjonijiet u mhux għall-ideat, [proċeduri,] metodi ta’ ħidma jew konċetti matematiċi per se.”

5        Skont l-Artikolu 10(1) tat-TRIPs:

“Il-programmi tal-kompjuter, jekk huma fil-kodiċi tas-sors jew tal-oġġett, għandhom ikunu protetti bħal li kieku kienu xogħolijiet letterarji taħt il-[Konvenzjoni ta’ Berne].”

6        L-Artikolu 2 tat-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intelletwali (WIPO) fuq id-dritt tal-awtur, adottat f’Genève fl-20 ta’ Diċembru 1996 u daħal fis-seħħ, f’dak li jikkonċerna l-Unjoni Ewropea, fl-14 ta’ Marzu 2010 (ĠU L 32, p. 1) jistabbilixxi kif ġej:

“Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur tkopri l-espressjoni iżda mhux l-ideja, proċeduri, metodi ta’ operazzjoni jew kunċetti matematiċi bħala tali.”

7        Skont l-Artikolu 4 ta’ dan it-trattat:

“Programmi għall-kompjuter huma protetti bħala xogħlijiet letterarji fis-sens ta’ l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Berne. Din il-protezzjoni tapplika għall-programmi għall-kompjuter, jkunu xi jkunu l-mod u l-għamla ta’ l-espressjoni tagħhom.”

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

 Id-Direttiva 91/250

8        It-tielet, is-seba’, it-tmien, l-erbatax, il-ħmistax, is-sbatax, it-tmintax, il-wieħed u għoxrin u t-tlieta u għoxrin premessa tad-Direttiva 91/250 jipprovdu:

“(3)      Billi programmi tal-kompjuter qegħdin ikollhom parti dejjem aktar importanti fil-firxa wiesa’ ta’ l-industriji u t-teknoloġija programmi tal-kompjuter tista’ f’dan is-sens jiġu kkunsidrati li huma ta’ importanza fundamentali għall-iżvilupp industrijali tal-Komunità;

[…]

(7)      Billi, għall-fini ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘programm tal-kompjuter’ għandu jinkludi programmi f’kull forma, inklużi dawk li jkunu mdaħħla fil-hardware; billi dan it-terminu jinkludi wkoll xogħol preparatorju ta’ disinn li jwassal għall-iżvilupp ta’ programm tal-kompjuter kemm-il darba li n-natura tax-xogħol preparatorju huwa hekk li programm tal-kompjuter jista’ jirriżulta minnu fi stadju aktar ’il quddiem;

(8)      Billi, dwar il-kriterji li għandhom jiġu applikati biex jistabbilixxu jekk programm tal-kompjuter huwiex oriġinali jew le, l-ebda testijiet m’għandhom jiġu applikati dwar il-meriti kwalitattivi jew estetiċi tal-programm;

[…]

(14)       Billi, skond [il-prinċipju li l-espressjoni biss ta’ programm tal-kompjuter hija protetta mid-drittijiet tal-awtur], sal-punt li l-loġika, l-algoritmi u lingwi tal-programmi jinkludu ideat u prinċipji, dawk l-ideat u prinċipji mhumiex protetti skond din id-Direttiva;

(15)      Billi, skond il-leġislazzjoni u ġurisprudenza ta’ l-Istati Membri u l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur, l-espressjoni ta’ dawk l-ideat u l-prinċipji għandha tkun protetta bid-drittijiet ta’ l-awtur;

[…]

(17)      Billi d-drittijiet esklussivi ta’ l-awtur li jipprevjenu r-riproduzzjoni mhux awtorizzata ta’ dan ix-xogħol għandhom ikunu soġġetti għall-eċċezzjoni limitata fil-każ ta’ programm tal-kompjuter li tippermetti r-riproduzzjoni teknika meħtieġa għall-użu ta’ dak il-programm minn min jiksbu legalment; Billi dan ifisser li l-atti li jtellgħu u jħaddmu meħtieġa għall-użu ta’ kopja ta’ programm li jkun inkiseb legalment, u l-att ta’ korrezzjoni ta’ l-iżbalji tiegħu, jistgħu ma jkunux projbiti b’kuntratt; billi, fl-assenza ta’ disposizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi, inkluż meta kopja ta’ programm tkun inbiegħet, kull att ieħor meħtieġ għall-użu tal-kopja ta’ programm jista’ jitwettaq skond l-iskop maħsub tiegħu minn min ikun kiseb legalment dik il-kopja;

(18)      Billi persuna li għandha d-dritt li tuża programm tal-kompjuter m’għandhiex tkun ipprojbita milli twettaq atti meħtieġa biex tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonar tal-programm, kemm-il darba dawn l-atti ma jiksrux id-drittijiet ta’ l-awtur fil-programm;

[…]

(21)      Billi għalhekk għad għandu jiġi kkunsidrat li dawn iċ-ċirkustanzi limitati biss, twettiq ta’ l-atti ta’ riproduzzjoni u traduzzjoni minn jew f’isem persuna li għandha d-dritt li tuża kopja tal-programm hija leġittima u kompatibbli ma’ prattika ġusta u għandha għalhekk titqies li ma jkollhiex bżonn l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt;

[…]

(23)      Billi din l-eċċezzjoni tad-drittijiet esklussivi ta’ l-awtur ma tistax tintuża’ b’mod li tippreġudika l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet jew li tmur kontra l-isfruttar normali tal-programm”.

9        Taħt it-titolu “L-għan tal-protezzjoni”, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 91/250 jipprovdi li:

“1.      Skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu programmi tal-kompjuter, bid-drittijiet ta’ l-awtur, bħala xogħlijiet letterarji bit-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘programmi tal-kompjuter’ għandu jinkludi l-materjal preparatorju tad-disinn tagħhom.

2.      Protezzjoni skond din id-Direttiva għandha tapplika għall-espressjoni f’kull forma ta’ programm tal-kompjuter. Ideat u prinċipji li jservu ta’ bażi għal kull element ta’ programm tal-kompjuter, inklużi dawk li jservu ta’ bażi għall-interfaces tiegħu, mhumiex protetti bid-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva.

3.      Programm tal-kompjuter għandu jkun protett jekk ikun oriġinali fis-sens li jkun il-ħolqien intellettwali ta’ l-awtur stess. L-ebda kriterji oħra ma għandhom jiġu applikati biex tiġi stabbilita l-eliġibilità tiegħu għall-protezzjoni.”

10      L-Artikolu 4(a) u (b) ta’ din id-direttiva, intitolat “Attijiet Ristretti” jipprovdi:

“Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 u 6, id-drittijiet esklussivi tad-detentur tad-drittijiet skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2, għandhom jinkludu d-dritt li jagħmlu jew li jawtorizzaw:

(a)      ir-riproduzzjoni permanenti jew temporanja ta’ programm tal-kompjuter b’kull mezz u f’kull forma, f’parti jew kollha. Inkwantu [Meta] għat-tlugħ [l-loading], wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna tal-programm tal-komputer jinneċessitaw din ir-riproduzzjoni, dawn l-atti għandhom ikunu suġġetti għall-awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet;

(b)      it-traduzzjoni, addattament, arranġament u kull alterazzjoni oħra ta’ programm tal-kompjuter u r-riproduzzjoni tar-riżultati tagħhom, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-persuna li tibdel il-programm”.

11      Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/250, li jipprovdi għal eċċezzjonijiet għall-atti suġġetti għal restrizzjoni:

“1.      Fl-assenza ta’ disposizzjonijiet speċifiċi kuntrattwali, l-atti msemmija fl-Artikolu 4(a) u (b) m’għandhomx jeħtieġu awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet fejn ikunu meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter minn min jiksbu legalment skont il-fini maħsub tiegħu, inkluża l-korrezzjoni ta’ żball.

[…]

3.      Il-persuna li jkollha dritt tuża kopja ta’ programm tal-kompjuter għandha tkun intitolata, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, li tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonament tal-programm sabiex tiddeċiedi l-ideat u l-prinċipji li huma l-bażi ta’ kull element tal-programm jekk hu jagħmel hekk waqt li jkun iwettaq kull att ta’ tlugħ [loading], wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna ta’ programm li hu jkun intitolat li jagħmel.”

12      L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, dwar id-dekompilazzjoni, jgħid:

“1.      L-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet ma għandhiex tkun meħtieġa fejn ir-riproduzzjoni taċ-ċifrarju u t-traduzzjoni tal-forma tiegħu skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 4(a) u (b) huma indispensabbli biex tottjeni l-informazzjoni meħtieġa biex tikseb l-interoperabilità ta’ programm tal-kompjuter maħluq indipendentement minn programmi oħra, kemm-il darba jsiru skond dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      dawn l-atti jitwettqu mill-persuna li tingħatalha l-liċenzja jew minn persuna oħra li jkollha d-dritt li tuża’ kopja ta’ programm, jew f’isimhom minn persuna awtorizzata li tagħmel dan;

(b)      l-informazzjoni meħtieġa biex tikseb l-interoperabilità ma tkunx minn qabel disponibbli għall-persuni msemmija fis-sottoparagrafu (a)

u

(ċ)       dawn l-atti jkunu limitati għall-partijiet tal-programm oriġinali li huma meħtieġa biex jiksbu l-interoperabilità.

2.      Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma għandhomx jippermettu l-informazzjoni miksuba permezz ta’ l-applikazzjoni tiegħu:

(a)      li tintuża għal għanijiet oħra għajr biex tikseb l-interoperabilità tal-programm tal-kompjuter maħluq indipendentement;

(b)       li tingħata lill-oħrajn, għajr meta jkun meħtieġ għall-interoperabilità ta’ programm tal-kompjuter maħluq indipendentement; jew

(ċ)       li tintuża għall-iżvilupp, produzzjoni jew kummerċ ta’ programm tal-kompjuter sostanzjalment simili fl-espressjoni tiegħu, jew għal kull att ieħor li jikser id-drittijiet ta’ l-awtur.

3.      Skond id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jippermettu l-applikazzjoni tiegħu li tintuża b’mod li tippreġudika b’mod mhux raġunat l-interessi ġusti tad-detentur leġittimu jew imorru kontra l-isfruttar normali tal-programm tal-kompjuter.”

13      Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/250, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjoni legali oħra bħal dik dwar id-drittijiet tal-privattivi, marki tal-fabbrika, kompetizzjoni inġusta, sigrieti tas-sengħa, protezzjoni ta’ prodotti semikondutturi jew liġi ta’ kuntratt. Kull dispożizzjoni kuntrattwali kuntrarja għall-Artikolu 6 jew għall-eċċezzjonijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikolu 5(2) u (3), ta’ din id-direttiva għandhom ikunu nulli u bla effett.

 Id-Direttiva 2001/29

14      Skont il-premessa 20 tad-Direttiva 2001/29, din hija bbażata fuq prinċipji u regoli diġà stipulati fid-direttivi preżentement fis-seħħ f’dan il-qasam, u b’mod partikolari d-Direttiva 91/250. Hija tiżviluppa dawk il-prinċipji u regoli u tpoġġihom fil-kuntest tas-soċjetà tal-informazzjoni.

15      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/29/KE jipprovdi:

“1. Din id-Direttiva tirrigwarda l-protezzjoni legali tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern, [b’] enfasi partikolari fuq is-soċjetà ta’ informazzjoni.

2. Ħlief għall-każi msemmija fl-Artikolu 11, din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara u m’għandha bl-ebda mod taffettwa d-disposizzjonijiet eżistenti tal-Komunità dwar:

(a) il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuters;

[…]”

16      Skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a) għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom […]”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

17      Id-Direttivi 91/250 u 2001/29 ġew trasposti fl-ordinament ġuridiku nazzjonali bil-Liġi tal-1988 dwar id-drittijiet tal-awtur, disinni u privattivi (Copyright, Designs and Patents Act 1988), kif emendata bir-Regolament tal-1992 dwar id-drittijiet tal-awtur (programmi tal-kompjuter) [Copyright (Computer Programs) Regulations 1992], kif ukoll bir-Regolament tal-2003 dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati (Copyright and Related Rights Regulations 2003, (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1988”).

18      L-Artikolu 1(1)(a) tal-Liġi tal-1988 jistabbilixxi li d-drittijiet tal-awtur huma drittijiet ta’ proprjetà li jeżistu fuq ix-xogħlijiet oriġinali, letterarji, drammatiċi, mużikali jew artistiċi. Skont l-Artikolu 3(1)(a) sa (d) ta’ din il-liġi, “xogħol letterarju” jfisser kull xogħol, ħlief għal xogħol drammatiku jew mużikali, li jinkiteb, jitkellem jew jitkanta, b’mod partikolari tabella jew kompilazzjoni li ma tkunx database, programm tal-kompjuter, il-materjal ta’ disinn preparatorju għal programm tal-kompjuter, u database.

19      L-Artikolu 16(1)(a) ta’ dik il-liġi jistabbilixxi li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq xogħol għandu d-dritt esklużiv li jikkopja x-xogħol.

20      Skont l-Artikolu 16(3)(a) u (b) tal-Liġi tal-1988 ir-restrizzjoni mid-drittijiet tal-awtur ta’ atti fuq xogħol tgħodd ukoll għax-xogħol kollu kemm hu jew parti sostanzjali tiegħu, kemm direttament kif ukoll indirettament.

21      Skont l-Artikolu 17(2) ta’ dik il-liġi, l-att tal-ikkuppjar ta’ xogħol letterarju, drammatiku, mużikali jew artistiku jfisser il-fatt ta’ riproduzzjoni tax-xogħol taħt kull forma materjali. Dan jinkludi l-ħażna tax-xogħol fi kwalunkwe mezz b’mezzi elettroniċi.

22      L-Artikolu 50BA(1) tal-Liġi tal-1988 jindika li ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tal-awtur għal utent legali ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter li josserva, jistudja jew jittestja l-funzjonament ta’ dan il-programm biex jiddetermina l-ideat u l-prinċipji li huma fil-bażi ta’ kull element ta’ dan il-programm, meta jagħmel kwalukwe att ta’ loading, wiri, tħaddim, trażmissjoni jew ħażna tal-programm tal-kompjuter li l-utent huwa intitolat jagħmel. L‑Artikolu 50BA(2) ta’ din il-liġi jippreċiża li, meta att ikun permess skont il-paragrafu 1, huwa irrilevanti jekk hemmx jew le xi klawżola jew kundizzjoni fi ftehim li l-għan tagħha huwa li tipprojbixxi jew tirrestrinġi l-att inkwistjoni.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23      SAS Institute hija kumpannija li tiżviluppa software analitiku. Hija żviluppat, fuq perijodu ta’35 sena, kumpless integrat ta’ programmi tal-kompjuter li jippermetti lill-utenti li jagħmlu firxa kbira ta’ xogħlijiet ta’ pproċessar u analiżi ta’ data, partikolarment data statistika (iktar ’il quddiem is-“sistema SAS”). Il-komponent essenzjali tas-sistema SAS, li jismu “Base SAS”, jippermetti lill-utenti jiktbu u jħaddmu l-programmi ta’ applikazzjoni tagħhom bl-għan li jadattaw is-sistema SAS biex tiġi pproċessata d-data tagħhom (scripts). Dawn l-iskrittijiet huma miktubin f’lingwa proprja għas-sistema SAS (iktar ’il quddiem il-“lingwa SAS”).

24      WPL qieset li kien hemm suq potenzjali għal softwer alternattiv kapaċi li jeżegwixxi programmi tal-applikazzjoni miktuba fil-lingwa SAS. WPL għalhekk ħolqot il-“World Programming System”, maħsuba sabiex temula mill-iktar qrib possibbli l-funzjonalitajiet tal-komponenti SAS, fis-sens li, minbarra xi eċċezzjonijiet żgħar, hija pprovat tiżgura li l-istess inputs jipproduċu l-istess outputs. Dan jippermetti lill-utenti tas-sistema SAS jużaw taħt il-“World Programming System” l-iskrittijiet li huma żviluppaw għall-użu mas-sistema SAS.

25      Il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, tippreċiża li ma ġiex stabbilit li WPL kellha, biex tagħmel dan, aċċess għall-kodiċi sors tal-komponenti SAS, li hija kkupjat parti kwalunkwe tat-test ta’ dan il-kodiċi jew ukoll li hija kienet kkupjat parti kwalunkwe tal-kunċett strutturali ta’ dan il-kodiċi.

26      Hija tosserva wkoll li żewġ qrati ddeċidew qabel, fil-kuntest ta’ kawżi oħra, li l-fatt li kompetitur tad-detentur ta’ drittijiet tal-awtur jistudja l-mod kif jaħdem il-programm u mbagħad jikteb il-programm tiegħu biex jemula din il-funzjonalità ma kienx jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq il-kodiċi sors ta’ programm tal-kompjuter.

27      Billi SAS Institute tikkontesta dan l-approċċ, hija ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija takkuża, prinċipalment, lil WPL:

–        li kkuppjat il-manwali tas-sistema SAS ippubblikati minn SAS Institute meta ħolqot il-“World Programming System” biex b’hekk kisret id-drittijiet tal-awtur fuq dawn il-manwali;

–        li, b’dan il-fatt, ikkupjat indirettament il-programmi tal-kompjuter li jinkludu l-komponenti SAS biex b’hekk kisret id-drittijiet tal-awtur tagħha fuq dawn il-komponenti;

–        li użat verżjoni tas-sistema SAS bl-isem “Learning Edition” bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-liċenzja li kien hemm f’dik il-verżjoni u tal-impenji meħudin taħtha, kif ukoll tad-drittijiet tal-awtur tagħha fuq dik il-verżjoni, u

–        li kisret id-drittijiet tal-awtur fuq il-manwali tas-sistema SAS meta ħolqot il-manwali tagħha stess.

28      F’dawn ir-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England and Wales) Chancery Division iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Meta programm tal-kompjuter (iktar ’il quddiem l-‘ewwel programm’) huwa protett bi dritt tal-awtur bħala xogħol letterarju, l-Artikolu 1(2) [tad-Direttiva 91/250] għandu jiġi interpretat bħala li jfisser illi ma jkunx hemm ksur tad-dritt tal-awtur fuq l-ewwel programm minħabba l-fatt illi kompetitur tad-detentur tad-dritt tal-awtur, mingħajr aċċess għall-kodiċi sors tal-ewwel programm, direttament jew permezz ta’ proċess bħad-dekumpiljazzjoni tal-object code, joħloq programm ieħor (iktar ’il quddiem it-‘tieni programm’) li jirriproduċi l-funzjonijiet tal-ewwel programm?

2)      Ir-risposta għall-ewwel domanda hija affettwata b’xi wieħed mill-fatturi li ġejjin:

a)      in-natura u/jew il-portata tal-funzjonalità tal-ewwel programm;

b)      in-natura u/jew il-portata tal-kompetenza, tar-riflessjoni u tax-xogħol dedikati mill-awtur tal-ewwel programm sabiex joħloq il-funzjonalità ta’ dan l-ewwel programm;

c)      il-livell ta’ dettall li bih il-funzjonalità tal-ewwel programm ġiet irriprodotta fit-tieni programm;

d)      il-fatt illi l-kodiċi sors tat-tieni programm jirriproduċi aspetti tal-kodiċi sors tal-ewwel programm b’tali mod li jmur lil hinn minn dak li hu strettament meħtieġ sabiex tiġi prodotta l-istess funzjonalità bħall-ewwel programm?

3)      Meta l-ewwel programm jinterpreta u jeżegwixxi programmi ta’ applikazzjoni miktuba minn utenti tal-ewwel programm b’lingwa ta’ ipprogrammar ikkonċepita mill-awtur tal-ewwel programm li tinkludi kliem prinċipali kkonċepiti jew magħżula mill-awtur tal-ewwel programm u sintassi kkonċepita mill-awtur tal-ewwel programm, l-Artikolu 1(2) [tad-Direttiva 91/250] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemmx ksur tad-dritt tal-awtur fuq l-ewwel programm minħabba l-fatt illi t-tieni programm huwa miktub b’tali mod illi jinterpreta u jeżegwixxi l-programmi ta’ applikazzjoni li jużaw l-istess kliem prinċipali u l-istess sintassi?

4)      Meta l-ewwel programm jaqra minn fajls ta’ data f’format partikolari kkonċepit mill-awtur tal-ewwel programm, u jikteb lejn tali fajls ta’ data, l-Artikolu 1(2) [tad-Direttiva 91/250] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemmx ksur tad-dritt tal-awtur fuq l-ewwel programm minħabba l-fatt illi t-tieni programm huwa miktub b’tali mod illi jaqra minn fajls ta’ data tal-istess format u jikteb lejn tali fajls?

5)      Ir-risposta għa[ll-ewwel, it-tielet u r-raba’ domanda] tkun differenti jekk l-awtur tat-tieni programm ħoloq l-imsemmi programm billi:

a)      osserva, studja u ttestja l-funzjonament tal-ewwel programm; jew

b)      qara manwal miktub u ppubblikat mill-awtur tal-ewwel programm li jiddeskrivi l-funzjonijiet ta’ dan l-ewwel programm (iktar ’il quddiem il-‘manwal’); jew

c)      għamel iż-żewġ affarijiet imsemmija fil-punt [a) u b)]?

6)      Meta persuna għandha d-dritt tuża kopja tal-ewwel programm bis-saħħa ta’ liċenzja, l-Artikolu 5(3) [tad-Direttiva 91/250] għandu jiġi interpretat fis-sens illi d-detentur tal-liċenzja għandu dritt, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt tal-awtur, illi jagħmel operazzjonijiet ta’ loading, wiri, tħaddim, trażmissjoni jew ħażna ta’ programm sabiex josserva, jittestja jew jistudja l-funzjonament tal-ewwel programm, sabiex jiddeċiedi l-ideat u l-prinċipji li huma l-bażi ta’ kull element tal-programm, jekk il-liċenzja tippermetti lid-detentur tal-liċenzja li jagħmel operazzjonijiet ta’ loading, wiri, tħaddim, trażmissjoni jew ħażna tal-ewwel programm meta l-imsemmi programm huwa użat għall-finijiet partikolari permessi mill-liċenzja, iżda l-operazzjonijiet magħmula sabiex josserva, jistudja jew jittestja l-ewwel programm imorru lil hinn mill-ambitu tal-finijiet awtorizzati bil-liċenzja?

7)      L-Artikolu 5(3) [tad-Direttiva 91/250] għandu jiġi interpretat illi l-operazzjonijiet ta’ osservazzjoni, studju jew ittestjar tal-funzjonament tal-ewwel programm għandhom jiġu kkunsidrati bħala magħmula sabiex jiġu deċiżi l-ideat jew il-prinċipji li huma l-bażi ta’ kull element tal-ewwel programm, meta dawn isiru:

a)      sabiex jiġi vverifikat il-mod li bih l-ewwel programm jiffunzjona, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dettalji li ma humiex deskritti fil-manwal, bil-għan li jinkiteb it-tieni programm bil-mod imsemmi f[l-ewwel ]domanda iktar ’il fuq;

b)      sabiex jiġi vverifikat kif l-ewwel programm jinterpreta u jeżegwixxi d-dikjarazzjonijiet miktuba bil-lingwa tal-ipprogrammar illi huwa jinterpreta u jeżegwixxi (ara [t-tielet] domanda iktar ’il fuq);

c)      sabiex jiġu vverifikati l-formats tal-fajls ta’ data miktuba lejn l-ewwel programm jew moqrija minn dan l-ewwel programm (ara [r-raba’] domanda iktar ’il fuq);

d)      sabiex jiġi pparagunat ir-rendiment tat-tieni programm mal-ewwel programm bil-għan li jiġu eżaminati r-raġunijiet għalfejn ir-rendiment tagħhom huwa differenti u sabiex jitjieb ir-rendiment tat-tieni programm;

e)      sabiex isiru testijiet paralleli fuq l-ewwel u t-tieni programmi bil-għan li jiġu pparagunati l-outputs tagħhom matul l-iżvilupp tat-tieni programm, b’mod partikolari billi jiġu mgħoddija l-istess skrittijiet ta’ prova kemm mill-ewwel programm kif ukoll mit-tieni programm;

f)      sabiex jiġi vverifikat l-output tal-log fajl iġġenerat mill-ewwel programm bil-għan illi jiġi prodott log fajl identiku jew simili fl-apparenza;

g)      sabiex isir mezz li l-ewwel programm jipproduċi data output (fil-fatt, data li tistabbilixxi korrelazzjoni bejn il-kodiċi postali u stati tal-Istati Uniti) bil-għan li jiġi vverifikat jekk din tikkorrispondix jew le mad-databases uffiċjali ta’ tali data, u jekk dan ma jkunx il-każ, it-tieni programm jiġi pprogrammat b’tali mod illi jirrispondi bl-istess mod bħall-ewwel programm għall-istess input data.

8)      Meta l-manwal huwa protett bi dritt tal-awtur fuq xogħol letterarju, l-Artikolu 2(a) [tad-Direttiva 2001/29] għandu jiġi interpretat fis-sens illi hemm ksur tad-dritt tal-awtur fuq il-manwal minħabba l-fatt illi l-awtur tat-tieni programm jirriproduċi jew jirriproduċi b’mod sostanzjali fit-tieni programm xi wieħed mill-elementi li ġejjin deskritti fil-manwal:

a)      l-għażla ta’ operazzjonijiet ta’ statistika li ġew implementati fl-ewwel programm;

b)      il-formuli matematiċi użati fil-manwal sabiex jiddeskrivu dawn l-operazzjonijiet;

c)      il-kmandi jew kumbinazzjoni ta’ kmandi li permezz tagħhom dawn l-operazzjonijiet jistgħu jiġu invokati;

d)      l-għażliet li l-awtur tal-ewwel programm ippreveda meta mqabbla mad-diversi kmandi;

e)      il-kliem prinċipali u s-sintassi rikonoxxuta mill-ewwel programm;

f)      l-għażla programmata minn qabel li l-awtur tal-ewwel programm għażel li jimplementa f’każ li kmand jew għażla partikolari ma ġewx speċifikati mill-utent;

g)      in-numru ta’ iterazzjonijiet li l-ewwel programm jagħmel f'ċerti ċirkustanzi?

9)      L-Artikolu 2(a) [tad-Direttiva 2001/29] għandu jiġi interpretat fis-sens illi hemm ksur tad-dritt tal-awtur fuq il-manwal minħabba l-fatt illi l-awtur tat-tieni programm jirriproduċi jew jirriproduċi b’mod sostanzjali, f’manwal li jiddeskrivi t-tieni programm, il-kliem prinċipali u s-sintassi rikonoxxuti mill-ewwel programm?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel sal-ħames domanda

29      Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-funzjonalità ta’ programm tal-kompjuter kif ukoll il-lingwa ta’ programmar u l-format tal-fajls ta’ data użati fil-kuntest ta’ programm tal-kompjuter biex jintużaw uħud mill-funzjonijiet tiegħu huma forma ta’ espressjoni ta’ dan il-programm u jistgħu, bħala tali, jiġu protetti bid-drittijiet tal-awtur dwar il-programmi tal-kompjuter fis-sens ta’ din id-direttiva.

30      Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 91/250, il-programmi tal-kompjuter huma protetti bid-drittijiet tal-awtur, bħala xogħlijiet letterarji fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Berne.

31      Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jestendi tali protezzjoni għal kull forma ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter. Huwa jiddikjara, madankollu, li l-ideat u l-prinċipji li jservu ta’ bażi għal kwalunkwe element ta’ programm tal-kompjuter, inklużi dawk li jservu ta’ bażi għall-interfaces tiegħu, ma humiex protetti bid-drittijiet tal-awtur skont dik id-direttiva.

32      L-erbatax-il premessa tad Direttiva 91/250 tikkonferma, f’dan ir-rigward, li, bi qbil mal-prinċipju li l-espressjoni biss ta’ programm tal-kompjuter hija protetta mid-drittijiet tal-awtur, l-ideat u l-prinċipji li huma l-bażi tal-loġika, tal-algoritmi u tal-lingwi ta’ programmar ma humiex protetti taħt din id-direttiva. Il-ħmistax-il premessa tagħha tindika li skont il-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza tal-Istati Membri u l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur, l-espressjoni ta’ dawk l-ideat u dawk il-prinċipji għandha tkun protetta bid-drittijiet tal-awtur.

33      Fir-rigward tad-dritt internazzjonali, kemm l-Artikolu 2 tat-Trattat WIPO fuq id-drittijiet tal-awtur kif ukoll l-Artikolu 9(2), tat-TRIPs jgħidu li l-protezzjoni skont id-drittijiet tal-awtur testendi għall-espressjonijiet u mhux għall-ideat, għall-proċeduri, għall-metodi tal-funzjonament jew għall-kunċetti matematiċi bħala tali.

34      L-Artikolu 10(1) tat-TRIPs jipprovdi li l-programmi tal-kompjuter, li huma espressi f’kodiċi sors jew f’kodiċi oġġett, huma protetti bħala xogħlijiet letterarji taħt il-Konvenzjoni ta’ Berne.

35      F’sentenza mogħtija wara l-preżentata tat-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250 fis-sens li s-suġġett ta’ protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva huwa l-programm tal-kompjuter fil-forom kollha ta’ espressjoni tiegħu, bħall-kodiċi sors u l-kodiċi oġġett, li jippermettu li jirriproduċuh f’lingwi differenti tal-kompjuter (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Bezpečnostní softwarová asociace, C‑393/09, Ġabra p. I‑13971, punt 35).

36      Skont it-tieni sentenza tas-seba’ premessa tad-Direttiva 91/250, it-terminu “programm tal-kompjuter” jinkludi wkoll xogħol preparatorju ta’ disinn li jwassal għall-iżvilupp ta’ programm tal-kompjuter kemm-il darba jkun tali li programm tal-kompjuter jista’ jirriżulta minnu fi stadju sussegwenti.

37      B’dan il-mod, l-għan tal-protezzjoni tad-Direttiva 91/250 ikopri l-forom ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter kif ukoll ix-xogħlijiet preparatorji ta’ disinn li jistgħu jwasslu rispettivament għar-riproduzzjoni jew għall-ħolqien sussegwenti ta’ tali programm (sentenza Bezpečnostní softwarová asociace, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

38      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-kodiċi sors u l-kodiċi oġġett ta’ programm tal-kompjuter huma forom ta’ espressjoni ta’ dan, li ħaqqhom, konsegwentement, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq il-programmi tal-kompjuter skont l-Artikolu 1(2), tad-Direttiva 91/250. B’kuntrast, fir-rigward tal-user interface grafiku, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali interface ma jippermettix li jiġi riprodott il-programm tal-kompjuter, iżda jikkostitwixxi sempliċement element ta’ dan il-programm li permezz tiegħu l-utenti jużaw il-funzjonalitajiet tal-imsemmi programm (sentenza Bezpečnostní softwarová asociace, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 41).

39      Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi kkostatat li, għal dak li jirrigwarda l-elementi ta’ programm tal-kompjuter li huma s-suġġett tal-ewwel sal-ħames domanda, la l-funzjonalità ta’ programm tal-kompjuter u lanqas il-lingwa ta’ programmar u l-format tal-fajls tad-data użati fil-kuntest ta’ programm tal-kompjuter biex jintużaw uħud mill-funzjonijiet tiegħu ma jikkostitwixxu forma ta’ espressjoni ta’ dan il-programm fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250.

40      Fil-fatt, kif indikat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jiġi aċċettat li l-funzjonalità ta’ programm tal-kompjuter tista’ tiġi protetta mid-drittijiet tal-awtur terġa’ toffri l-opportunità li jiġu mmonopolizzati l-ideat għad-detriment tal-iżvilupp teknoloġiku u industrijali.

41      Barra minn hekk, il-punt 3.7 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tad-Direttiva 91/250 [COM (88) 816] jindika li l-protezzjoni tal-programmi tal-kompjuter mid-drittijiet tal-awtur għandha l-vantaġġ prinċipali li tkopri biss l-espressjoni individwali tax-xogħol u tħalli, għalhekk, il-latitudni mixtieqa lill-awturi l-oħrajn biex joħolqu programmi simili jew anki identiċi sakemm ma jikkupjawx.

42      Fir-rigward tal-lingwa ta’ programmar u l-format tal-fajls tad-data użati fil-kuntest ta’ programm tal-kompjuter li jinterpreta u jeżegwixxi programmi tal-applikazzjoni miktuba mill-utenti u għall-qari u kitba tad-data f’format speċifiku ta’ fajls tad-data, dawn huma l-elementi ta’ dan il-programm li permezz tagħhom l-utenti jużaw ċerti funzjonijiet tal-imsemmi programm.

43      Huwa importanti li jiġi nnotat f’dan il-kuntest li, jekk terz jakkwista l-parti tal-kodiċi sors jew tal-kodiċi oġġett li tirrigwarda l-lingwa ta’ programmar jew għall-format tal-fajls ta’ data użati fil-kuntest ta’ programm tal-kompjuter u joħloq, billi juża dan il-kodiċi, elementi simili fil-programm tiegħu tal-kompjuter, din l-imġiba tista’ tikkostitwixxi riproduzzjoni parzjali skont l-Artikolu 4 (a) tad-Direttiva 91/250.

44      Madankollu, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, WPL ma kellha ebda aċċess għall-kodiċi sors tal-programm ta’ SAS Institute, u ma għamlitx id-dekompilazzjoni tal-kodiċi oġġett ta’ dan il-programm. Permezz ta’ osservazzjoni, studju u testjar tal-imġiba tal-programm ta’ SAS Institute, WPL irriproduċiet il-funzjonalità ta’ dan billi użat l-istess lingwa ta’ programmar u l-istess format ta’ fajls ta’ data.

45      Hemm lok, minbarra dan, li jiġi osservat li d-dikjarazzjoni fil-punt 39 tal-preżenti sentenza ma għandhiex teffettwa l-possibbiltà, għal-lingwa SAS u l-format tal-fajls ta’ data ta’ SAS Institute, li jibbenefikaw, bħala xogħlijiet, mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, skont id-Direttiva 2001/29, jekk huma kreazzjoni intellettwali tal-awtur tagħhom stess (ara s-sentenza Bezpečnostní softwarová asociace, iċċitata iktar ’il fuq, punti 44 sa 46).

46      Għalhekk ir-risposta għall-ewwel sal-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250 għandu jiġi interpretat fis-sens li la l-funzjonalità ta’ programm tal-kompjuter u lanqas il-lingwa ta’ programmar u l-format tal-fajls ta’ data użati fil-kuntest ta’ programm tal-kompjuter biex jintużaw uħud mill-funzjonijiet tiegħu ma jikkostitwixxu forma ta’ espressjoni ta’ dan il-programm u ma humiex, bħala tali, protetti mid-drittijiet tal-awtur fuq il-programmi tal-kompjuter fis-sens ta’ din id-direttiva.

 Fuq is-sitt u s-seba’ domanda

47      Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/250 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li kisbet kopja liċenzjata ta’ programm tal-kompjuter tista’, mingħajr il-permess tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur ta’ dan il-programm, tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonament tiegħu sabiex tiddetermina l-ideat u l-prinċipji li jservu ta’ bażi għal kwalunkwe element tal-imsemmi programm, meta twettaq operazzjonijiet koperti minn din il-liċenzja, bi skop li jmur lil hinn mill-ambitu definit minnha.

48      Fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li WPL legalment xtrat kopji tal-verżjoni ta’ tagħlim tal-programm ta’ SAS Institute, li kienu pprovduti taħt liċenzja “permezz ta’ klikk” li taħtha x-xerrej jaċċetta t-termini ta’ din il-liċenzja qabel ma jkun jista’ jaċċessa s-softwer. It-termini tal-imsemmija liċenzja kienu jirrestrinġuha għal finijiet ta’ nuqqas ta’ produzzjoni. Skont il-qorti tar-rinviju, WPL użat id-diversi kopji tal-verżjoni ta’ tagħlim tal-programm ta’ SAS Institute biex twettaq operazzjonijiet li ma jidħlux fl-ambitu tal-liċenzja inkwistjoni.

49      Għalhekk, din il-qorti tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk l-għan tal-istudju jew tal-osservazzjoni tal-funzjonament ta’ programm tal-kompjuter għandux impatt fuq il-possibbiltà, għall-persuna li kisbet il-liċenzja, li tinvoka l-eċċezzjoni tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/250.

50      Wara l-qari tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni hemm lok li jiġi nnutat, min-naħa, li l-persuna li tingħatalha l-liċenza għandha d-dritt li tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonament ta’ programm tal-kompjuter sabiex tiddetermina l-ideat u l-prinċipji li jservu ta’ bażi għal kwalunkwe element tal-programm.

51      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/250 jfittex li jiżgura li l-ideat u l-prinċipji li huma l-bażi ta’ kwalunkwe element ta’ programm tal-kompjuter ma humiex protetti mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur permezz ta’ ftehim ta’ liċenzja.

52      Din id-dispożizzjoni hija għalhekk konformi mal-prinċipju bażiku msemmi fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250 li l-protezzjoni prevista minnha tapplika għal kull forma ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter u li l-ideat u l-prinċipji li jservu ta’ bażi għal kwalunkwe element ta’ programm tal-kompjuter ma humiex protetti bid-drittijiet tal-awtur taħt din id-Direttiva.

53      L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 91/250 jipprovdi wkoll li kull dispożizzjoni kuntrattwali li tmur kontra l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) u (3), ta’ din id-direttiva għandha tkun nulla u bla effett.

54      Min-naħa l-oħra, skont l-imsemmi Artikolu 5(3), il-persuna li tingħatalha l-liċenzja tista’ tiddetermina l-ideat u l-prinċipji li jservu ta’ bażi għal kwalunkwe element tal-programm tal-kompjuter meta twettaq kwalunkwe loading, wiri, tħaddim, trażmissjoni jew ħażna ta’ dan il-programm li hija intitolata tagħmel.

55      Minn dan isegwi li d-determinazzjoni ta’ dawn l-ideat u dawn il-prinċipji tista’ tinkiseb fil-kuntest ta’ operazzjonijiet awtorizzati bil-liċenzja.

56      Barra minn hekk, it-tmintax-il premessa tad-Direttiva 91/250 tgħid li persuna li għandha d-dritt tuża’ programm tal-kompjuter ma tistax tkun ipprojbita milli twettaq l-atti meħtieġa biex tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonament ta’ dan il-programm, kemm-il darba dawk l-atti ma jippreġudikawx id-drittijiet tal-awtur tal-imsemmi programm.

57      Dan jikkonċerna, f’dan ir-rigward, kif indikat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, atti msemmija fl-Artikolu 4(a) u (b) tad-Direttiva 91/250, li jiddefinixxi d-drittijiet esklużivi tad-detentur li jwettaq u jawtorizza, kif ukoll l-Artikolu 5(1), tagħha, fuq l-atti meħtieġa sabiex jippermettu lil min jiksbu legalment li juża’ l-programm tal-kompjuter b’mod konsistenti mal-fini tiegħu, inkluż li jiġu korretti żbalji.

58      Fil-fatt, fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, is-sbatax-il premessa tad-Direttiva 91/250 tispeċifika li l-operazzjonijiet ta’ loading u ta’ tħaddim meħtieġa għal dan l-użu ma jistgħux jiġu pprojbiti b’kuntratt.

59      Għalhekk, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq programm tal-kompjuter ma jistax jipprojbixxi, billi jinvoka l-ftehim ta’ liċenzja, li l-persuna li kisbet din il-liċenzja tiddetermina l-ideat u l-prinċipji li jservu ta’ bażi għall-elementi kollha ta’ dan il-programm meta twettaq l-operazzjonijiet li din il-liċenzja tippermettilha li twettaq u l-operazzjonijiet ta’ loading u ta’ tħaddim meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter u kemm-il darba dan ma jippreġudikax d-drittijiet esklużivi ta’ dan id-detentur fuq dan il-programm.

60      Fir-rigward din l-aħħar kundizzjoni, l-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 91/250 fuq id-dekompilazzjoni jispeċifika, fil-fatt, li din ma tistax tiġġustifika li l-informazzjoni miksuba permezz ta’ applikazzjoni tagħha tintuża għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ programm tal-kompjuter li l-espressjoni tiegħu tkun sostanzjalment simili jew għal kwalunkwe att ieħor li jippreġudika d-drittijiet tal-awtur.

61      Huwa għalhekk importanti li jiġi rrilevat li ma jistgħux jiġu ppreġudikati d-drittijiet tal-awtur tal-programm tal-kompjuter meta, bħal hawnhekk, ix-xerrej leġittimu tal-liċenzja ma kellux aċċess għall-kodiċi sors tal-programm tal-kompjuter li fuqu ngħatat din il-liċenzja, iżda sempliċement studja, osserva u ttestja dan il-programm sabiex jirripproduċi l-funzjonalità tiegħu fit-tieni programm.

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għas-sitt u għas-seba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/250 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li kisbet kopja liċenzjata ta’ programm tal-kompjuter tista’, mingħajr il-permess tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonament ta’ dan il-programm sabiex tiddetermina l-ideat u l-prinċipji li jservu ta’ bażi għal kwalunkwe element tal-imsemmi programm, meta twettaq operazzjonijiet koperti minn din il-liċenzja kif ukoll operazzjonijiet ta’ loading u ta’ tħaddim meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter u kemm-il darba din ma tippreġudikax id-drittijiet esklużivi tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq dan il-programm.

 Fuq it-tmien u d-disa’ domanda

63      Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-riproduzzjoni, fi programm tal-kompjuter jew f’manwal ta’ użu ta’ dan il-programm, ta’ ċerti elementi deskritti fil-manwal ta’ użu ta’ programm ieħor tal-kompjuter protett mid-drittijiet tal-awtur tikkostitwixxi ksur ta’ dawn id-drittijiet fuq dan il-manwal tal-aħħar.

64      Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-manwal ta’ użu tal-programm tal-kompjuter ta’ SAS Institute huwa xogħol letterarju protett taħt id-Direttiva 2001/29.

65      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-diversi partijiet ta’ xogħol huma protetti taħt l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 sakemm dawn ikun fihom ċerti elementi li huma l-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess ta’ dan ix-xogħol (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International, C‑5/08, Ġabra p. I‑6569, punt39).

66      F’dan il-każ, il-kliem prinċipali, is-sintassi, il-kontrolli u l-kumbinazzjonijiet ta’ kontrolli, l-għażliet, il-valuri pprogrammati minn qabel u l-iterazzjonijiet huma komposti minn kliem, numri jew kunċetti matematiċi li, meħudin waħedhom, ma jkunux, bħala tali, kreazzjoni intellettwali tal-awtur tal-programm tal-kompjuter.

67      Huwa biss permezz tal-għażla, l-arranġament u l-kumbinazzjoni ta’ dan il-kliem, ta’ dawn in-numri jew ta’ dawn il-kunċetti matematiċi li l-awtur jista’ jesprimi l-kreattività tiegħu b’mod oriġinali u jwassal għal riżultat, il-manwal ta’ użu tal-programm tal-kompjuter li jikkostitwixxi kreazzjoni intellettwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Infopaq International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

68      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk ir-riproduzzjoni tal-imsemmija elementi tikkostitwixxix riproduzzjoni tal-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess tal-manwal ta’ użu tal-programm tal-kompjuter inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

69      F’dan ir-rigward, l-eżami fid-dawl tad-Direttiva 2001/29, tar-riproduzzjoni ta’ dawn l-elementi tal-manwal ta’ użu ta’ programm tal-kompjuter għandu jkun l-istess, sew jekk jirrigwarda l-kreazzjoni tat-tieni programm jew il-manwal ta’ użu ta’ dan il-programm tal-aħħar.

70      Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tmien u għad-disa’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riproduzzjoni, f’programm ta’ kompjuter jew f’manwal ta’ użu ta’ dan il-programm, ta’ ċerti elementi deskritti fil-manwal ta’ użu ta’ programm ieħor tal-kompjuter protett mid-drittijiet tal-awtur tista’ tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq dan il-manwal tal-aħħar jekk, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, din ir-riproduzzjoni tikkostitwixxi l-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess tal-manwal ta’ użu tal-programm tal-kompjuter protett mid-drittijiet tal-awtur.

 Fuq l-ispejjeż

71      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter, għandu jiġi interpretat fis-sens li la l-funzjonalità ta’ programm tal-kompjuter u lanqas il-lingwa ta’ programmar u l-format tal-fajls tad-data użati fil-kuntest ta’ programm tal-kompjuter biex jintużaw uħud mill-funzjonijiet tiegħu ma jikkostitwixxu forma ta’ espressjoni ta’ dan il-programm u ma humiex, bħala tali, protetti mid-drittijiet tal-awtur fuq il-programmi tal-kompjuter fis-sens ta’ din id-direttiva.

2)      L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/250 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li kisbet kopja liċenzjata ta’ programm tal-kompjuter tista’, mingħajr il-permess tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonament ta’ dan il-programm sabiex tiddetermina l-ideat u l-prinċipji li jservu ta’ bażi għal kwalunkwe element tal-imsemmi programm, meta twettaq operazzjonijiet koperti minn din il-liċenzja kif ukoll operazzjonijiet ta’ loading u ta’ tħaddim meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter u kemm-il darba din ma tippreġudikax id-drittijiet esklużivi tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq dan il-programm.

3)      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riproduzzjoni, f’programm tal-kompjuter jew f’manwal ta’ użu ta’ dan il-programm, ta’ ċerti elementi deskritti fil-manwal ta’ użu ta’ programm ieħor tal-kompjuter protett mid-drittijiet tal-awtur tista’ tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq dan il-manwal tal-aħħar jekk — u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju — din ir-riproduzzjoni tikkostitwixxi l-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess tal-manwal ta’ użu tal-programm tal-kompjuter protett mid-drittijiet tal-awtur.

Firem


1 Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.