Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Székesfehérvári Törvényszék (l-Ungerija) fit-2 ta’ Novembru 2017 – Hochtief Solutions AG Magyarországi Fióktelepe vs Fővárosi Törvényszék

(Kawża C-620/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Székesfehérvári Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Hochtief Solutions AG Magyarországi Fióktelepe

Konvenut: Fővárosi Törvényszék

Domandi preliminari

1)    Il-prinċipji fundamentali u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) TUE, u r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni uniformi), kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni, b’mod partikolari fis-sentenza mogħija fil-kawża Köbler, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà minn qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru permezz ta’ sentenza li tikser id-dritt tal-Unjoni, tista’ tkun ibbażata esklużivament fuq id-dritt nazzjonali jew fuq il-kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali? F’każ li r-risposta tkun waħda negattiva, il-prinċipji fundamentali u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari t-tliet kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni fil-kawża Köbler għall-finijiet ta’ dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-“Istat”, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-evalwazzjoni mill-qrati tal-imsemmi Stat Membru dwar jekk ġewx issodisfati r-rekwiżiti għar-responsabbiltà tal-Istat Membru għal ksur tad-dritt tal-Unjoni għandha ssir abbażi tad-dritt nazzjonali?

2)    Il-prinċipji fundamentali u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) TUE, u r-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva), b’mod partikolari s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-Istat Membru mogħtija inter alia, fil-kawżi Francovich, Brasserie du pêcheur u Köbler, għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-saħħa ta’ res judicata ta’ sentenzi li jiksru d-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-qrati tal-aħħar istanza tal-Istat Membru teskludi d-dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà għad-danni kontra l-Istat Membru?

3)    Fid-dawl tad-Direttiva 89/665/KEE, kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE, 1 u tad-Direttiva 92/13/KEE, huma rilevanti għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni l-proċedura ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ valur li jeċċedi l-limiti Komunitarji u l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni amministrattiva adottata fl-imsemmija proċedura? F’każ li r-risposta tkun waħda pożittiva, huma rilevanti għad-dritt tal-Unjoni u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (inter alia, is-sentenzi mogħtija fil-kawżi Kühne & Heitz, Kapferer u speċjalment Impresa Pizzarotti) fir-rigward tan-neċessità ta’ reviżjoni, bħala proċedura straordinarja, li tirriżulta mid-dritt nazzjonali marbut mal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni amministrattiva adottata fl-imsemmija proċedura ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku?

4)    Id-direttivi dwar il-proċedura tal-appell fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (jiġifieri, id-Direttiva 89/665/KEE, kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE, u d-Direttiva 92/13/KEE) għandhom jiġu interpretati fis-sens li hija konformi magħhom dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi li l-qrati nazzjonali aditi bil-kawża principali jistgħu ma jieħdux inkunsiderazzjoni fatt li għandu jiġi eżaminat fid-dawl ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ― mogħtija fi proċedura għal deċiżjoni preliminari fl-ambitu ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ―, fatt li barra minn hekk lanqas ma jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qrati nazzjonali meta jiddeċiedu kawża li tinbeda wara li tkun inbdiet proċedura għal reviżjoni kontra deċiżjoni adottata fil-kawża prinċipali?

5)    Id-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) u (3) tagħha u d-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 1 u 2 tagħha ― b’mod partikolari, fid-dawl tas-sentenzi mogħtija fil-kawżi Willy Kempter, Pannon GSM u VB Pénzügyi Lízing, kif ukoll Kühne & Heitz, Kapferer u Impresa Pizzarotti―, għandhom jiġu interpretati fis-sens li hija konformi mal-imsemmija direttivi u mar-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u mal-prinċjipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, dispożizzjoni nazzjonali, jew applikazzjoni tagħha, li skontha, minkejja li tkun ngħatat sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mogħtija fi proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari qabel l-għoti ta’ sentenza fil-proċedura tat-tieni istanza tkun tistabbilixxi interpretazzjoni rilevanti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti adita bil-kawża tiċħadha bħala intempestiva u sussegwentement il-qorti adita bil-proċedura ta’ reviżjoni ma tilqax ir-reviżjoni?

6)    Jekk, skont id-dritt nazzjonali, għandha tintlaqa’ r-reviżjoni sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-kostituzzjonalità permezz ta’ deċiżjoni ġdida tal-qorti kostituzzjonali, ma għandiex allura tintlaqa’ r-reviżjoni, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ ekwivalenza u l-prinċipju sanċit fis-sentenza Transportes Urbanos, f’każ li ma setgħtex tittieħed inkunsiderazzjoni sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża prinċipali minħabba d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar it-termini proċedurali?

7)    Id-Direttiva tal-Kunsill 89/665/CEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, b’mod partikolari l-Arikolu 1(1) u (3), u d-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 1 u 2 tagħha, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea C-2/06, Willy Kempter, li skontha parti fil-kawża ma hijiex obbligata tinvoka b’mod speċifiku l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi rregolati mill-imsemmija direttivi jistgħu jinbdew biss permezz ta’ rikors li jkun jinkludi deskrizzjoni espressa tal-ksur marbut mal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi invokat u, barra minn hekk, li jindika b’mod preċiż ir-regola tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi li tkun ġiet miksura, billi jispeċifika n-numru tal-artikolu u tal-paragrafu u li, fi proċedura ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jista’ jiġi eżaminat biss dak il-ksur tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti li jkun ġie indikat mir-rikorrent b’riferiment għad-diżpożizzjoni miksura billi jindika n-numru tal-artikolu u tal-paragrafu, filwaqt li f’kull proċedura oħra, amministrattiva jew ċivili, ikun biżżejjed li l-parti fil-kawża tippreżenta l-fatti u l-provi li jsostnuhom, u l-awtorità jew qorti kompetenti tiddeċiedi r-rikors skont il-kontenut tiegħu?

8)    Ir-rekwiżit ta’ “ksur suffiċjentement serju”, żviluppat fis-sentenzi Köbler u Traghetti, għandu jitqies bħala li ma hemmx tali ksur meta l-qorti tal-aħħar istanza, bi ksur manifest tal-ġurisprudenza stabbilita u deskritta b’mod preċiż ħafna mill-Qorti tal-Ġustizzja – li barra minn hekk ġiet approvata minn diversi opinjonijiet legali – tiċħad it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn parti fil-kawża marbuta man-neċessità li tintlaqa’ r-reviżjoni minħabba r-raġuni assurda li d-dritt tal-Unjoni – b’mod partikolari id-Direttiva 89/665/KEE u d-Direttiva 92/13/CEE – ma jinkludi l-ebda regola fuq ir-reviżjoni, minkejja li din in-neċessità ġiet ukoll murija bl-ikbar dettall fil-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż fis-sentenza Impresa Pizzarotti, li ġustament tiddikjara n-neċessità ta’ reviżjoni marbuta mal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku? Liema huwa l-grad ta’ preċiżjoni, fid-dawl tas-sentenza Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335), li għandu jkollha l-motivazzjoni tal-qorti nazzjonali meta din ma’ tilqax ir-reviżjoni, filwaqt li ma tosservax interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ natura vinkolanti?

9)    Il-prinċipji ta’ rimedju effettiv u ta’ ekwivalenza, fis-sens tal-Artikolu 19 TUE u 4(3) TUE, kif ukoll il-libertà ta’ stabbiliment u li jiġu pprovduti servizzi sanċiti fl-Artikolu 49 TFUE, u d-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi, kif ukoll id-Direttivi 89/665/KE, 92/13/KE u 2007/66/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jippermettu li awtoritajiet u qrati aditi jiċħdu sistematikament, filwaqt li jinjoraw b’mod manifest id-dritt tal-Unjoni applikabbli, l-appelli ppreżentati mir-rikorrent wara li dan ma tħallhiex jipparteċipa fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, meta dawn l-appelli jirrikjedu, skont il-każ, il-produzzjoni ta’ diversi noti b’investiment kbir ta’ ħin u ta’ flus, u l-parteċipazzjoni f’seduti, u li, anki jekk fit-teorija teżisti l-possibbiltà li tiġi stabbilita r-responsabbiltà minħabba danni kkawżati fl-eżerċizzju ta’ funzjoni ġudizzjarja, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tostakola lir-rikorrent milli jitob mingħand il-qorti l-ħlas tad-danni subiti minnu minħabba miżuri illegali?

10)    Il-prinċipji żviluppati fis-sentenzi Köbler, Traghetti u Saint Giorgio għandhom jiġu interpreatti fis-sens li ma jistgħux jiġu rriżaċiti d-danni kkawżati mill-fatt li l-qorti tal-aħħar istanza, bi ksur tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma laqgħetx ir-reviżjoni miltuba f’ħin utli minn parti u li fil-kuntest tagħha l-imsemmija parti setgħet titlob ir-rimbors tal-ispejjeż sostuni minnha?

____________

1  Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ĠU 2007, L 335, p.31).