Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fit-23 ta’ Mejju 2017 – France Télévisions SA vs Playmedia, Conseil supérieur de l’audiovisuel (CSA)

(Kawża C-298/17)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: France Télévisions SA

Konvenuti: Playmédia, Conseil supérieur de l’audiovisuel (CSA)

Domandi preliminari

Impriża li toffri l-istreaming dirett (live streaming) ta’ programmi tat-televiżjoni online għandha, abbażi ta’ dan il-fatt waħdu, titqies bħala impriża li topera netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi użat għat-trażmissjoni lill-pubbliku ta’ xandiriet tar-radju jew tat-televiżjoni fis-sens tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2002/22/KE tas-7 ta’ Marzu 2002 1 ?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, Stat Membru jista’, mingħajr ma jikser id-direttiva jew regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, jipprevedi obbligu ta’ trażmissjoni ta’ servizzi tar-radju jew tat-televiżjoni kemm fuq impriżi li joperaw netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll fuq impriżi li, mingħajr ma joperaw tali netwerks, joffru l-istreaming dirett ta’ programmi tat-televiżjoni online?

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għat-tieni domanda, l-Istati Membri jistgħu jastjenu milli jissuġġettaw l-obbligu ta’ trażmissjoni, sa fejn jikkonċerna lid-distributuri ta’ servizzi li ma joperawx netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, għall-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2002/22/KE, tas-7 ta’ Marzu 2002, minkejja li, skont id-direttiva, dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti mill-operaturi ta’ netwerks?

Stat Membru li stabbilixxa obbligu ta’ trażmissjoni ta’ ċerti servizzi tar-radju jew tat-televiżjoni fuq ċerti netwerks jista’, mingħajr ma jikser id-direttiva, jipprevedi l-obbligu li dawn is-servizzi jaċċettaw li jiġu trażmessi fuq dawn in-netwerks, inkluż, fir-rigward ta’ trażmissjoni fuq sit tal-internet, meta s-servizz inkwistjoni jxandar huwa stess il-programmi proprji tiegħu fuq l-internet?

Il-kundizzjoni li numru sinjifikanti ta’ utenti finali tan-netwerks suġġetti għall-obbligu ta’ trażmissjoni għandhom jużawhom bħala l-mezzi prinċipali tagħhom sabiex jirċievu xandiriet tar-radju jew tat-televiżjoni prevista fl-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2002/22/KE għandha, fir-rigward ta’ trażmissjoni bl-internet, tiġi evalwata fir-rigward tal-utenti kollha li jwettqu streaming dirett tal-programmi tat-televiżjoni online jew biss fir-rigward tal-utenti tas-sit suġġett għall-obbligu ta’ trażmissjoni?

____________

1     Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz

universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet

elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29,

p. 367).