Language of document :

Appell ippreżentat fit-2 ta’ Mejju 2017 minn Holistic Innovation Institute, S.L.U. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fis-16 ta’ Frar 2017 fil-Kawża T-706/14, Holistic Innovation Institute vs REA

(Kawża C-241/17 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellanti: Holistic Innovation Institute, S.L.U. (rappreżentant: J.J. Marín López, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA)

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tas-16 ta’ Frar 2017, Holistic Innovation Institute vs REA, T-706/14, EU:T:2017:89.

tannulla d-deċiżjoni tad-Direttur tal-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka tal-24 ta’ Lulju 2014 [ARES(2014) 2461172], li biha ntemmu n-negozjati ma’ Holistic Innovation Institute S.L.U. u ġiet miċħuda l-parteċipazzjoni tagħha fil-proġetti Ewropej Inachus u ZONeSEC.

tordna li jingħata kumpens lil Holistic Innovation Institute S.L.U. skont it-termini spjegati fil-punt 177 tal-att ta’ appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

1.    Żball ta’ liġi li jikkonsisti f’li s-sentenza appellata ssostni li r-REA kellha kompetenza, u ma qabżitx il-limiti tal-kompiti li kienu assenjati lilha fir-rigward tal-ġestjoni tas-Seba’ Programm Qafas, sabiex tevalwa l-kapaċità ta’ Holistic Innovation Institute u teskludiha min-negozjati fil-kuntest tal-proġetti Inachus u ZONeSEC (punt 39 tas-sentenza appellata).

2.    Żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tat-Taqsima 2.2.2, tal-Anness tad-Deċiżjoni 2012/838 fis-sens li tippermetti lir-REA tiċħad lil Holistic Innovation Institute milli tipparteċipa fin-negozjati fil-kuntest tal-proġetti Inachus u ZONeSEC (punt 126 tas-sentenza appellata).

3.    Żball ta’ liġi li jikkonsisti f’li s-sentenza appellata kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata hija motivata (punt 67 tas-sentenza appellata) għalkemm id-deċiżjoni kkontestata tirreferi bħala parti integrali mill-motivazzjoni tagħha, minn naħa, għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Marzu 2014 [ARES (2014) 710158], li permezz tagħha teskludi l-parteċipazzjoni tal-appellanti mill-proġett eDIGIREGION (punti 57 u 60 sa 62 tas-sentenza appellata) u, min-naħa l-oħra, għar-rapporti finali tal-verifiki 11-INFS-025 u 11-BA119-016 (punti 63 u 64 tas-sentenza appellata), kif ukoll għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Marzu 2014 [ARES (2014) 710158], iktar ʼil fuq, peress li r-rapporti finali tal-verifiki 1-INFS-025 u 11-BA119-016 kienu suġġetti għal rikors ta’ annullament.

4.    Żball ta’ liġi li jikkonsisti f’li s-sentenza appellata żnaturat l-evalwazzjoni tal-provi prodotti billi ddikjarat li r-REA talbet lir-rikorrenti “f’diversi okkażjonijiet” informazzjoni speċifika (punt 75 tas-sentenza appellata) li “tenniet it-talba tagħha” permezz tal-ittra tal-14 ta’ Mejju 2014 (punt 78 tas-sentenza appellata) u li ġew “skambjati diversi ittri bejn ir-REA u r-rikorrenti” (punt 118 tas-sentenza appellata).

5.    Żball ta’ liġi li jikkonsisti f’li s-sentenza appellata żnaturat l-evalwazzjoni tal-provi prodotti, meta rreferiet, fil-punti 8, 77 u 78, għal dokument ineżistenti li ma jinsabx fil-proċess.

6.    Żball ta’ liġi li jikkonsisti f’li s-sentenza appellata qieset fondata d-deċiżjoni kkontestata (punti 80, 84, 94, 108 u 127 tas-sentenza appellata) li d-deċiżjoni kkontestata tikser it-Taqsima 2.2.2 tal-Anness għad-Deċiżjoni 2012/838 meta ma mxietx mal-evalwazzjoni pożittiva tal-evalwaturi esterni indipendenti dwar il-kapaċità operattiva tal-appellanti mingħajr “argumenti solidi u fondati”.

7.    Żball ta’ liġi li jikkonsisti fin-nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata meta ddikjarat li “r-rikorrenti ma pprovdiet ebda informazzjoni li tinvalida r-raġunament tagħha [REA]” (punt 58 tas-sentenza appellata) u li l-ittra tagħha tat-2 ta’ Ġunju 2014, prodotta bħala Anness A26 tat-talba, “kienet tirriproduċi parti mill-informazzjoni li kienet tinsab fid-dokument ta’ spjegazzjoni msemmi fil-paragrafu 8 iktar ʼil fuq, mingħajr madankollu ma tipprovdi l-informazzjoni speċifika mitluba mir-REA, imsemmija fil-paragrafi 7, 9 u 10 iktar ʼil fuq” (punt 78 tas-sentenza appellata).

8.    Żball ta’ liġi li jikkonsisti f’li s-sentenza appellata tikkunsidra li l-kalendarju previst fil-mandati tan-negozjati kien jikkontempla t-tlestija tan-negozjati “b’mod indikattiv” (punt 130 tas-sentenza appellata).

9.    Żball ta’ liġi li jikkonsisti f’li s-sentenza appellata tqis b’mod inkorrett li ma għandu jingħata la l-kumpens għad-dannu materjali u lanqas dak morali kkawżat mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (punti 147, 148 u 150 tas-sentenza appellata).

____________