KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
PAOLO MENGOZZI
ppreżentati fis-27 ta’ April 2017 (1)
Kawża C‑648/15
Ir-Repubblika tal-Awstrija
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
“Artikolu 273 TFUE – Tilwima bejn Stati Membri mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont ftehim ta’ kompromess – Ġurisdizzjoni – Tassazzjoni – Interpretazzjoni ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja – Tassazzjoni ta’ ċerti titoli jew strumenti finanzjarji (Genussscheine) – Interessi minn kreditu – Kunċett ta’ ‘dħul li ġej minn drittijiet jew minn krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti’ – Bonds li jipparteċipaw fil-profitti – Self li jipparteċipa fil-profitt – Soċju passiv”
I – Introduzzjoni
1. Din il-kawża tikkostitwixxi l-ewwel waħda li biha Stat Membru, f’dan il-każ ir-Repubblika tal-Awstrija, adixxa lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 273 TFUE, b’tilwima “konness[a] ma’ l-għanjiet tat-Trattati” u “skond it-termini ta’ ftehim ta’ kompromess” kontra Stat Membru ieħor, jiġifieri r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
2. Din it-tilwima tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Ftehim, tal-24 ta’ Awwissu 2000, bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar ħelsien minn taxxa doppja fir-rigward tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital (2) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Ġermaniż-Awstrijak”), għall-finijiet tal-intaxxar ta’ interessi minn titoli rreġistrati msejħa “Genussscheine”, akkwistati minn UniCredit Bank Austria AG (iktar ’il quddiem “Bank Austria”), kumpannija stabbilita fl-Awstrija, minn bank Ġermaniż, Westdeutsche Landesbank Girozentrale Düsseldorf und Münster, li sar Landesbank NRW (iktar ’il quddiem “WestLB”).
3. Essenzjalment, filwaqt li r-Repubblika tal-Awstrija tikkunsidra li, bħala l-Istat Membru fejn jirrisjedi l-benefiċjarju effettiv tal-interessi mħallsa, hija biss tista’ tintaxxa dak id-dħul, skont l-Artikolu 11(1) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tippretendi wkoll id-dritt li tintaxxa dak l-istess dħul, bħala l-Istat Membru tas-sors tal-imsemmija interessi, minħabba l-fatt li dawn tal-aħħar għandhom ikunu kklassifikati bħala “dħul li ġej minn drittijiet jew minn krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti” fis-sens tal-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak. Dan il-kunflitt ta’ interpretazzjoni wassal għal tassazzjoni doppja fuq l-interessi rċevuti minn Bank Austria, ħaġa li wasslet għat-tilwima mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
4. Barra mir-riżoluzzjoni ta’ din it-tilwima ta’ natura teknika, din il-kawża preżenti toffri b’mod iktar ġenerali l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja li tippreċiża l-limiti tal-ġurisdizzjoni li hija għandha skont l-Artikolu 273 TFUE kif ukoll, fid-dawl tan-natura tal-kwistjoni li hija għandha quddiemha, ir-regoli tal-proċedura, ta’ interpretazzjoni u tad-dritt sostantiv li japplikaw f’dan il-kuntest.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni u d-dritt internazzjonali
5. L-Artikolu 273 TFUE jippreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi kull tilwim bejn l-Istati Membri konness mal-għanijiet tat-Trattati, jekk dan it-tilwim jitressaq quddiemha skont it-termini ta’ ftehim ta’ kompromess.
6. L-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969 (3), jipprevedi li trattat għandu jiġi interpretat in bona fide skont is-sinjifikat ordinarju tat-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u l-iskop tiegħu.
7. L-Artikolu 31(3)(ċ) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati jippreċiża li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, fl-istess ħin mal-kuntest, kull regola rilevanti tad-dritt internazzjonali applikabbli bejn il-partijiet.
8. L-Artikolu 11(1) tal-mudell ta’ konvenzjoni dwar it-taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital magħmul mill-Organizzazzjoni ta’ kooperazzjoni u ta’ żvilupp ekonomiċi (iktar ’il quddiem il-“mudell ta’ konvenzjoni OCDE”) fil-verżjoni tiegħu tal-1998, jipprovdi li l-interessi li joriġinaw minn Stat kontraent u mħallsa lil resident tal-Istat kontraent l-ieħor huma taxxabbli f’dan l-Istat l-ieħor.
9. L-Artikolu 11(2) tal-mudell ta’ konvenzjoni OCDE jipprovdi madankollu li “dawn l-interessi huma taxxabbli wkoll fl-Istat kontraenti minn fejn dawn joriġinaw u skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, iżda jekk il-benefiċjarju effettiv tal-interessi jkun resident tal-Istat kontraent l-ieħor, it-taxxa hekk imposta ma tistax teċċedi l-10 % tal-ammont gross tal-interessi”.
10. L-Artikolu 11(3) tal-mudell ta’ konvenzjoni OCDE fih definizzjoni tal-kunċett ta’ “interess”. Din il-kelma tfisser id-dħul minn krediti ta’ kull tip, kemm jekk mogħnija b’garanziji ipotekarji jew le jew bi klawżola ta’ parteċipazzjoni fil-profitti tad-debitur, u b’mod partikolari d-dħul minn fondi pubbliċi u minn bonds, inklużi l-premiums u bonuses marbutin ma’ dawn it-titoli.
B – Il-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak
11. Skont l-Artikolu 11(1) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak, id-dħul fil-forma ta’ “interessi” huma taxxabbli fl-Istat ta’ residenza tal-benefiċjarju effettiv tagħhom.
12. B’deroga mill-Artikolu 11(1) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li d-dħul li joriġina minn drittijiet u minn krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti, inkluż id-dħul irċevut minn soċju passiv mill-parteċipazzjoni tiegħu ta’ soċju passiv jew id-dħul minn self u minn bonds li jipparteċipaw fil-profitti jistgħu, madankollu, jiġu ntaxxati wkoll fl-Istat li jkun parti mill-ftehim, li minnu joriġinaw, skont id-dritt ta’ dak l-Istat.
13. L-Artikolu 11(3) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak jiddefinixxi l-kunċett ta’ “interessi” bħala li jfisser id-dħul minn krediti ta’ kull tip, kemm jekk mogħnija b’garanziji ipotekarji jew le, jew b’parteċipazzjoni fil-profitti tad-debitur.
14. Sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja fuq dan id-dħul, iż-żewġ Stati kontraenti għażlu l-metodu magħruf “tal-imputazzjoni”, iddefinit fl-Artikolu 23 tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak. Għaldaqstant, huwa l-Istat ta’ residenza jew ta’ stabbiliment tal-benefiċjarju tal-interessi li għandu jimputa fuq l-ammont ta’ taxxa li għandha tinġabar fuq id-dħul tal-imsemmi benefiċjarju t-taxxa miġbura diġà mill-Istat tas-sors.
15. L-Artikolu 25 tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak jorganizza proċedura ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati li jkunu parti fil-ftehim fuq l-inizjattiva ta’ persuna li tqis li ġiet affettwata minn tassazzjoni li ma tkunx konformi ma’ dak il-ftehim. Skont l-Artikolu 25(5) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak, f’każ ta’ diffikultajiet jew ta’ dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim, li ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni għalihom fil-kuntest tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti organizzata skont il-paragrafi preċedenti tal-Artikolu 25, u dan f’terminu ta’ tliet snin b’effett mill-ftuħ tal-imsemmija proċedura, l-Istati li jkunu parti fih huma obbligati, fuq talba tal-persuna li tkun tat bidu għall-proċedura, iressqu t-tilwima quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 239 KE (li sar l-Artikolu 273 TFUE).
16. L-Artikolu 30 tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak jippreċiża li l-protokoll tiegħu jifforma parti integrali minn dan tal-aħħar.
17. Il-punt 16 ta’ dan il-protokoll jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak, li huma fformulati skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-mudell ta’ konvenzjoni OCDE, ġeneralment għandhom l-istess tifsira bħal dawk li jinsabu fil-kummenti fuq l-artikoli tal-mudell ta’ konvenzjoni OCDE (4). Dan l-isess punt tal-protokoll jindika li s-sentenza preċedenti ma tkunx tapplika għal dak li jikkonċerna l-kwistjonijiet li ġejjin:
– il-kummenti kollha magħmula miż-żewġ Stati kontraenti dwar il-mudell ta’ konvenzjoni OCDE jew għall-kummenti fuq l-artikoli tal-imsemmi mudell;
– kull interpretazzjoni kunfliġġenti fil-protokoll;
– kull interpretazzjoni kunfliġġenti, magħmula minn wieħed miż-żewġ Stati kontraenti f’dikjarazzjoni ppubblikata li tkun ġiet iddepożitata mal-awtorità kompetenti tal-Istat kontraent l-ieħor qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak;
– kull interpretazzjoni kunfliġġenti li tkun ġiet maqbula mill-awtoritajiet kompetenti taż-żewġ Stati kontraenti wara d-dħul fis-seħ tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak.
18. Il-punt 16 tal-protokoll jindika wkoll li l-kummenti fuq l-artikoli tal-mudell ta’ konvenzjoni OCDE jikkostitwixxu mezz ta’ interpretazzjoni tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati.
19. Il-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2003.
III – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali
20. Bejn is-sena 1996 u s-sena 1998, Bank Austria, li hija kumpannija li għandha s-sede tagħha fl-Awstrija u suġġetta għat-taxxa mingħajr limitu f’dan l-Istat Membru, akkwistat titoli rreġistrati msejħa “Genussscheine” mingħand stabbiliment bankarju Ġermaniż, WestLB.
21. Skont l-affermazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija, li ma humiex ikkontestati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-karatteristiċi ta’ dawn it-titoli, li joħorġu mill-kundizzjonijiet tal-ħruġ tagħhom, jistgħu jinġabru fil-qosor bil-mod li ġej:
– it-titoli jagħtu dritt għal ħlas annwali ta’ ammont li jikkorrispondi għal perċentwali fiss tal-valur nominali tagħhom;
– fejn il-ħlas annwali jkun jista’ jagħti lok għal telf fil-kontabbiltà, l-ammont tiegħu jitnaqqas proporzjonalment;
– it-titoli jagħtu d-dritt, madankollu, matul l-eżistenza tagħhom, għall-ħlas ta’ arretrati matul is-snin sussegwenti, sakemm din ir-regolarizzazzjoni ma twassalx għal telf fil-kontijiet;
– il-ħlas tal-interessi u l-ħlas tal-arretrati jieħdu prijorità fuq l-allokazzjoni għar-riżervi u fuq il-ħlasijiet lill-garanti;
– l-ammont tal-kapital għad-dispożizzjoni tal-emittent bħala korrispettiv tat-titoli jitħallas lura bil-valur nominali tagħhom;
– jekk il-karta tal-bilanċ turi telf, l-ammont tal-kreditu li jrid jitħallas lura jitnaqqas bl-istess ammont. F’dan il-każ ukoll, id-differenza mal-valur nominali tat-titolu titħallas matul is-snin sussegwenti sakemm dan ma jwassalx għal telf fil-kontijiet;
– it-titoli ma jagħtux dritt għal parteċipazzjoni fir-rikavat tal-likwidazzjoni tal-kumpannija emittenti;
– l-emittent għandu d-dritt għal xoljiment jekk it-titoli ma jibqgħux jagħtu dritt għat-tnaqqis fiskali.
22. Skont il-kundizzjonijiet tal-ħruġ, l-ammont tal-ħlas annwali kien, skont it-tliet kategoriji tat-titoli kkonċernati, imsejħa T1, T2 u T3, u, skont is-snin ikkonċernati, ta’ perċentwali tal-valur nominali tat-titolu ta’ bejn 4.36 % u 7.36 % (5).
23. Huwa paċifiku li l-emittent għamel profitti matul iż-żmien kollu tal-eżistenza tat-titoli u minħabba f’hekk l-interessi dejjem tħallsu bir-rata fissa annwali prevista fil-kundizzjonijiet tal-ħruġ.
24. Għalkemm lanqas ma huwa kkontestat li d-dħul minn dawn it-titoli huma “interessi” fis-sens tal-Artikolu 11 tal-Ftehim Ġermaniż‑Awstrijak (u mhux dividendi fis-sens tal-Artikolu 10 ta’ dan il-ftehim), ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jaqblux fuq il-punt dwar jekk dan id-dħul jaqax taħt l-ewwel jew it-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu 11. B’mod iktar preċiż, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li r-remunerazzjoni tat-titoli inkwistjoni ma twassalx għal “parteċipazzjoni fil-profitti” tal-emittent, fis-sens ta’ dan it-tieni paragrafu, filwaqt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tgħid bil-kontra.
25. Din id-diverġenza wasslet lil dawn iż-żewġ Stati Membri sabiex jinvokaw id-dritt li jintaxxaw l-interessi rċevuti mill-Bank Austria, u dan wassal għal tassazzjoni doppja fuq din il-kumpannija għas-snin fiskali mill-2003 sal-2009.
26. Skont l-Artikolu 25 tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak, Bank Austria ppreżentat talba għal ftuħ ta’ proċedura ta’ konċiljazzjoni mal-awtoritajiet Awstrijaċi. Din il-proċedura nbdiet mir-Repubblika tal-Awstrija, iżda spiċċat bla suċċess fi tmiem is-sena 2011.
27. Bank Austria allura talab lir-Repubblika tal-Awstrija sabiex it-tilwima titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 25(5) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak.
IV – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
28. Ir-Repubblika tal-Awstrija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiddikjara li d-dħul mit-titoli li huma s-suġġett tat-tilwima ma għandux jiġi kklassifikat bħala “talba għall-parteċipazzjoni fil-profitt” fis-sens tal-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak u li għalhekk, ir-Repubblika tal-Awstrija għandha, bħala l-Istat ta’ residenza tal-benefiċjarju effettiv, id-dritt esklużiv li tintaxxa d-dħul mit-titoli akkwistati minn Bank Austria;
– tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tastjeni milli tintaxxa d-dħul mit-titoli li huma s-suġġett tat-tilwima u għandha tħallas lura t-taxxa diġà miġbura fir-rigward ta’ dan id-dħul;
– tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.
29. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiddikjara li d-dħul mit-titoli li huma s-suġġett tat-tilwima ma għandux jiġi kklassifikat bħala “talba għall-parteċipazzjoni fil-profitt” fis-sens tal-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak u li għalhekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha, bħala l-Istat tas-sors ta’ dan id-dħul, id-dritt esklużiv li tintaxxa d-dħul mill-imsemmija titoli;
– tiddikjara li r-Repubblika tal-Awstrija għandha għaldaqstant tevita t-tassazzjoni doppja tad-dħul mit-titoli li huma s-suġġett tat-tilwima permezz tal-imputazzjoni tagħhom u tirrimborsa t-taxxa li diġà nġabret fuq l-imsemmi dħul;
– tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.
30. Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet fit-tilwima nstemgħu fis-seduta tad‑9 ta’ Diċembru 2016.
V – Analiżi
31. Qabel kull analiżi tal-mertu, jidhirli li għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni biex taqta’ t-tilwima li għandha quddiemha. Fil-fatt, minkejja li l-partijiet jaqblu biex jgħidu li t-tilwima tissodisfa l-kundizzjonijiet biex japplika l-Artikolu 273 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika li dan huwa tabilħaqq il-każ. Mill-bqija, il-prinċipju li qorti għandha tkun awtorizzata tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess huwa inerenti għall-funzjonijiet ġudizzjarji u arbitrali (6). Barra minn hekk, l-eżami li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi din it-tilwima għandu, fil-fehma tiegħi, jinkludi wkoll il-punt dwar jekk, kif titlob kull waħda mill-partijiet fit-tilwima fit-tieni kap tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex l-awtorità tagħmel xi ordnijiet lill-partijiet.
A – Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
32. Kif indikajt fl-ewwel kummenti introduttivi, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għadha qatt ma kellha quddiemha tilwima skont l‑Artikolu 273 TFUE.
33. Dan l-artikolu jelenka tliet kundizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
34. Fl-ewwel lok, it-tilwima mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun esklużivament bejn “Stati Membri”, kundizzjoni li ma hemmx dubju li hija ssodisfatta f’din il-kawża.
35. Fit-tieni lok, it-tilwima għandha titressaq quddiem il-Qorti “skont it-termini ta’ ftehim ta’ kompromess”.
36. Fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‐370/12, EU:C:2012:756, punt 172), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li minkejja r-riferiment għall-kunċett ta’ “kompromess”, xejn ma jipprekludi, fid-dawl tal-għan imfittex mill-Artikolu 273 TFUE, li tali ftehim jingħata minn qabel, b’riferiment għal kull kategorija ta’ tilwim iddefinit minn qabel, u dan permezz ta’ klawżola ta’ arbitraġġ jew ta’ kompromess. Fil-fatt, peress li l-Istati Membri kkonċernati jixtiequ jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja ġurisdizzjoni bħala arbitru jew ta’ kompromess, ftit li xejn huwa rilevanti li l-kunsens tagħhom jingħata qabel jew wara li tqum it-tilwima.
37. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita skont klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fl-Artikolu 25(5) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak. Din il-klawżola tgħid, b’mod partikolari, li “f’każ ta’ diffikultajiet jew ta’ dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni jew tal-applikazzjoni tal-[Ftehim Ġermaniż-Awstrijak], li ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni għalihom fil-kuntest ta’ proċedura ta’ konċiljazzjoni […], l-Istati li jkunu parti fih huma obbligati […] iressqu t-tilwima quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu [273 TFUE]”.
38. Peress li, min-naħa waħda, huwa paċifiku li l-kundizzjonijiet formali previsti fl-Artikolu 25 tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak, li għandhom ikunu ssodisfatti qabel ma tiġi adita l-Qorti tal-Ġustizzja b’mod obbligatorju, kienu ssodisfatti u peress li, min-naħa l-oħra, id-diffikultajiet jew id-dubji li jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-imsemmi ftehim ma nstabitx soluzzjoni bonarja għalihom, it-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 273 TFUE hija ssodisfatta wkoll.
39. Fit-tielet, lok, l-Artikolu 273 TFUE jeżiġi li t-“tilwima” mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tkun “konness[a] ma’ l-għanijiet tat-Trattati” (7).
40. Din il-kundizzjoni sostantiva, minkejja l-formulazzjoni ġenerika tagħha, għandha tkun, fil-fehma tiegħi, iddelimitata b’mod preċiż biżżejjed. Fil-fatt, jekk dan ma jkunx il-każ, l-Istati Membri li jiddeċiedu jirrikorru għall-metodu ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim tagħhom skont l-Artikolu 273 TFUE jistgħu jkunu esposti għal riskju doppju.
41. Min-naħa waħda, ir-riskju huwa li l-qasam li fuqu jiftiehmu l-Istati Membri biex jirregolaw it-tilwim tagħhom skont l-Artikolu 273 TFUE jkun jista’, fir-realtà, jaqa’ taħt il-materji li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni esklużiva skont dispożizzjonijiet oħra tat-TFUE. Dan ikun allura tilwim li jirrigwarda l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tat-trattati, fis-sens tal-Artikolu 344 TFUE (8). Għaldaqstant, huwa ċar li, kif tammetti r-Repubblika tal-Awstrija, l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jirrikorru għall-Artikolu 273 TFUE biex jirregolaw tilwim li jkunu jaqgħu taħt il-proċedura prevista fl-Artikolu 259 TFUE li jawtorizza Stat Membru sabiex jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huwa jkun jidhirlu li Stat Membru ieħor naqas milli jwettaq xi wieħed mill-obbligi li huwa għandu skont it-trattati. Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha madankollu tkun adita b’tali tilwima abbażi tal-Artikolu 273 TFUE, hija jkollha tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha biex taqtagħha minħabba li l-bażi legali tal-azzjoni mibdija quddiemha tkun żbaljata.
42. Minn dan isegwi li l-Artikolu 273 TFUE jippermetti, abbażi ta’ kompromess, li tiġi estiża l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal tilwim li jirrigwarda mhux id-dritt tal-Unjoni, li f’dak il-każ huwa jaqa’ taħt il-ġurisprudenza esklużiva tagħha msemmija fl-Artikolu 344 TFUE, imma d-dritt internazzjonali, sakemm il-qasam tad-dritt internazzjonali kkonċernat ikollu rabta ta’ konnessjoni mal-għan tat-trattati.
43. Din l-aħħar preċiżazzjoni twassalni, min-naħa l-oħra, sabiex insemmi t-tieni riskju li għalih jistgħu jkunu esposti l-Istati Membri, jiġifieri dak li tingħata ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 273 TFUE li ma tissodisfax ir-rabta ta’ konnessjoni meħtieġa mal-għan tat-Trattati. Ċertament, il-kriterju ta’ “konness” ma għandux ikun interpretat b’mod ristrett wisq. Fil-fatt, min-naħa waħda, diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 273 TFUE jirreferu sempliċiment għall-kunċetti ta’ “rabta” jew ta’ “relazzjoni” mal-għan tat-trattati (9), ħaġa li turi l-idea ta’ rapport li jista’ jkun iktar estiż, inqas strett, ma’ dak l-għan li ma titnibbitx mill-kelma “konness” (10). Min-naħa l-oħra, peress li d-dritt tal-Unjoni huwa ta’ natura evoluttiva, l-evalwazzjoni magħmula fuq ir-rabta li jkollha tilwima mal-għan tat-trattati għandha, fil-fehma tiegħi, tkun suffiċjentement ġeneruża biex tagħti effett utli lill-Artikolu 273 TFUE.
44. Dan premess, it-triq tal-Artikolu 273 TFUE ma tistax tintuża biex tirregola kwistjonijiet inter-Statali li jkunu estranji jew eċċessivament imbiegħda mill-għan tat-trattati. Huwa b’dan il-mod li l-għażla ta’ żewġ Stati Membri li jirrikorru għal din id-dispożizzjoni biex jirregolaw tilwima li tirrigwarda s-sovranità territorjali, marittima jew insulari rispettiva tagħhom, tiltaqa’, fil-fehma tiegħi, ma’ diffikultajiet mill-ikbar biex tissodisfa l-kundizzjoni tal-konnessjoni mal-għan tat-trattati.
45. Biex jiġu evitati dawn l-ostakoli, għaldaqstant, irid ikun hemm rabta suffiċjenti u oġġettivament identifikabbli bejn it-tilwima, fis-sens tal-Artikolu 273 TFUE, u l-azzjoni jew l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea.
46. Dan huwa l-każ, fil-fehma tiegħi, fil-kawża preżenti.
47. Fil-fatt, mingħajr ma taqa’ taħt l-għan tat-trattati, tilwima li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ ftehim fiskali bilaterali dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja, bħalma hija dik li wasslet għal din il-kawża, għandha rabta evidenti mal-għan tat-trattati.
48. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li, fin-nuqqas ta’ miżuri Komunitarji ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni (11), l-Istati Membri jibqa’ jkollhom il-kompetenza sabiex jiddeterminaw, permezz ta’ ftehim jew unilateralment, il-kriterji ta’ tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni tagħhom, sabiex, partikolarment, tiġi eliminata t-taxxa doppja, u li huma l-Istati Membri li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimpedixxu sitwazzjonijiet ta’ tassazzjoni doppja, u dan billi japplikaw, b’mod partikolari, il-kriterji segwiti fil-prattika fiskali internazzjonali (12). Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni, fl-istat attwali tiegħu u f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ma jipprovdix kriterji ġenerali għat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-ħelsien minn taxxa doppja ġewwa l-Unjoni (13).
49. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja siltet il-konsegwenza proċedurali li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni, fil-kuntest tar-rinviju preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, sabiex tiddeċiedi dwar il-ksur eventwali, minn Stat Membru kontraenti, tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet bilaterali konklużi mill-Istati Membri sabiex jiġu eliminati jew imnaqqsa l-effetti negattivi li jirriżultaw mill-koeżistenza ta’ sistemi fiskali nazzjonali (14).
50. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li hija lanqas ma tista’ teżamina r-relazzjoni bejn miżura nazzjonali u d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bilaterali bl-għan li tiġi evitata taxxa doppja, peress li din il-kwistjoni li ma taqax taħt l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (15).
51. Għalkemm ma taqax taħt l-għan tat-trattati, tilwima li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja bejn Stati Membri xorta waħda tibqa’ marbuta mal-għan tal-ħolqien tas-suq intern, kif previst fl-Arikolu 3(3) TUE, peress li t-tneħħija jew il-ħelsien mit-taxxa doppja permezz ta’ ftehim hija ddestinata sabiex tiffaċilita t-twettiq ta’ dan tal-aħħar (16) u l-eżerċizzju tal-libertajiet tal-moviment.
52. Din il-konstatazzjoni tibqa’ valida, fil-fehma tiegħi, anki wara t-tħassir, mit-Trattat ta’ Lisbona, tat-tieni inċiż tal-Artikolu 293 KE, li kien jistieden lill-Istati Membri sabiex, sakemm ikun hemm bżonn, jibdew negozjati bejniethom biex jiżguraw, favur iċ-ċittadini tagħhom, it-tneħħija tat-taxxa doppja fi ħdan il-Komunità.
53. Fil-fatt, peress li dak l-artikolu lanqas ma kellu l-għan li jimponi regola legali li tapplika bħala tali (17), it-tħassir tiegħu ma jaffettwax il-konstatazzjoni li t-twettiq tas-suq intern ikun megħjun bil-konklużjoni, bejn żewġ Stati Membri, ta’ ftehim għall-ħelsien mit-taxxa doppja peress li tali strument huwa intiż sabiex jelimina jew itaffi l-effetti negattivi tal-eżerċizzju mhux koordinat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn dawn l-Istati Membri li jillimitaw, jiskoraġġixxu jew irendu inqas attraenti l-użu tal-libertajiet ta’ moviment previsti mit-Trattat FUE.
54. Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita validament abbażi tal-Artikolu 273 TFUE.
55. Jibqa’ biex jiġi eżaminat jekk, kif semmejt fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fil-kuntest tal-Artikolu 273 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja, kif inhi mitluba tagħmel miż-żewġ Stati partijiet fit-tieni kap tat-talbiet rispettivi tagħhom, hijiex permessa tagħti ordnijiet lil dawn tal-aħħar, jiġifieri, fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li tieqaf tintaxxa l-interessi inkwistjoni u tirrimborsa t-taxxa żejda miġbura, kif talbet ir-Repubblika tal-Awstrija, jew, fir-rigward ta’ din tal-aħħar, li teħles dawn lil dawn l-interessi mit-taxxa doppja u li tirrimborsa t-taxxa żejda miġbura, kif talbet ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
56. Fil-fehma tiegħi, ma hemmx dubju li, bil-fatt li għażlu li jissuġġettaw ir-riżoluzzjoni tat-tilwim marbut mal-interpretazzjoni u mal-applikazzjoni tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 273 TFUE, iż-żewġ Stati partijiet aċċettaw ukoll li din tal-aħħar tapplika, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet oħra f’dan il-ftehim, id-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-għoti tal-ġurisdizzjoni tagħha kif ukoll il-proċeduri tagħha.
57. Issa, apparti l-ipoteżi tal-miżuri provviżorji preskritti mill-Imħallef għal miżuri provviżorji skont l-Artikolu 279 TFUE, li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li dawn jistgħu jinkludu l-ordnijiet xierqa lill-parti l-oħra (18), inkluż meta, mingħajr ma tkun ippreġudikata jew innewtralizzata d-deċiżjoni li tkun trid tingħata sussegwentement fir-rigward tal-mertu, dawn ikunu aċċessorji għal rikors li jkun intiż li jiġi kkonstatat li Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont it-Trattati (19), ebda dispożizzjoni tat-trattati ma tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ġurisdizzjoni li tordna lil Stat Membru jadotta jew jieqaf milli jadotta aġir partikolari.
58. Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tikkonstata nuqqas ta’ Stat Membru milli jwettaq obbligu li huwa għandu skont it-trattati (Artikoli 258 u 259 TFUE) jew li tannulla att ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni (Artikolu 263 TFUE), l-Artikoli 260 u 266 TFUE jipprovdu rispettivament li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni kkonċernati huma marbutin li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jimxu mas-sentenza mogħtija. Din il-konstatazzjoni twassal għaldaqstant lill-qorti tal-Unjoni sabiex tafferma li, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tat-trattati ma jippermettulhiex tagħti ordnijiet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew lill-Istati Membri (20).
59. Ċertament, l-Artikolu 273 TFUE ma huwiex ifformulat f’termini analogi għal dawk tal-Artikoli 260 u 266 TFUE. Madankollu, fil-fehma tiegħi ma jistax jingħad bil-kontra u, fid-dawl tas-silenzju tal-Artikolu 273 TFUE li l-Partijiet Kontraenti Għolja riedu jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja s-setgħa li tagħti ordnijiet fil-kuntest tar-riżoluzzjoni tat-tilwim imsemmija fl-Artikolu 273 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja, l-istess bħal kull istituzzjoni tal-Unjoni, hija rregolata mill-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi, kif inhu essenzjalment imfakkar fl-Artikolu 13(2) TUE. Is-setgħa, li hija mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja, li tordna lil Stat Membru sabiex jadotta aġir partikolari għandha, fil-fehma tiegħi, toħroġ mingħajr ambigwità mid-dispożizzjonijiet tat-trattati. Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.
60. Ċertament, ma neskludix li, b’mod eċċezzjonali, skont l-Artikolu 273 TFUE, l-Istati Membri partijiet fil-kompromess li fuqu huma adixxew lill-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu, bi ftehim bejniethom, jagħtu s-setgħa lil din il-qorti sabiex tagħti ordnijiet. Madankollu, f’dan il-każ, ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak li dan hu l-każ jew li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li, infakkar, testendi mhux biss għall-interpretazzjoni imma wkoll għall-“applikazzjoni” ta’ dan il-ftehim, tista’ tinkludi tali setgħa ta’ għoti ta’ ordnijiet.
61. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tordna lil Stat Membru wieħed jew l-ieħor li huma parti fil-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak biex jadottaw aġir partikolari. Dawn l-Istati Membri għandhom, skont l-ispirtu tal-kompromess tagħhom u l-prinċipju ta’ bona fide, jisiltu l-konsegwenzi kollha mis-sentenza li ser tingħata u jadottaw il-miżuri li jwasslu għall-eżekuzzjoni tagħha.
B – Fuq il-mertu
62. Kif indikat fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-tilwima ta’ bejn l-Istati Membri li huma partijiet fil-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-portata tal-espressjoni “dħul li ġej minn […] krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti [tad-debitur]” li tinsab fl-Artikolu 11(2) ta’ dan il-ftehim. F’każ li d-dħul li wassal għat-tilwima jaqa’ taħt il-kategorija tal-“interessi” msemmija fl-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak, dawn ikunu taxxabbli “wkoll” fl-Istat Membru tas-sors tagħhom, jiġifieri fil-Ġermanja. Fil-każ inverż, dan id-dħul ikun jaqa’ taħt il-kategorija ġenerika tal-“interessi” msemmija fl-Artikolu 11(1) ta’ dan il-ftehim u jkun taxxabbli fl-Istat Membru ta’ residenza tal-benefiċjarju tagħhom, jiġiferi fl-Awstrija.
63. Loġikament, ir-Repubblika tal-Awstrija tiddefendi għaldaqstant dak li wieħed jista’ jikkwalifika, fil-lingwa komuni, bħala interpretazzjoni “stretta” tal-espressjoni “dħul li ġej […] minn krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti [tad-debitur]”, li tinsab fl-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak, filwaqt li r-Repubblika tal-Ġermanja tiddefendi interpretazzjoni “wiesgħa” ta’ din l-espressjoni.
64. Qabel ma neżamina f’iktar dettall l-argumenti mressqa miż-żewġ Stati Membri, li huma parti fit-tilwima, insostenn tat-teżijiet rispettivi tagħhom, għandu jitfakkar li dawn iż-żewġ Stati Membri jaqblu fuq il-fatt li t-titoli inkwistjoni (Genussscheine), li wasslu għall-kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jixbhu obbligazzjonijiet u mhux parteċipazzjoni fil-kapital azzjonarju tal-kumpannija emittenti. Għaldaqstant, din il-kawża ma tirrigwardax kunflitt ta’ klassifikazzjoni legali tar-remunerazzjoni tal-istrumenti finanzjarji li wasslu għat-tilwima skont jekk dik ir-remunerazzjoni tiġix ittrattata minn wieħed mill-Istati li huma parti fil-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak bħala “dividendi” filwaqt li l-Istat l-ieħor iqisha bħala “interessi”.
65. Għaldaqstant, huwa paċifiku li d-dħul li jirriżulta mit-titoli li wasslu għat-tilwima għandhom jiġu kklassifikati mhux bħala “dividendi”, fis-sens tal-Artikolu 10 tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak, imma bħala “interessi”, fis-sens tal-Artikolu 11(3) ta’ dan il-ftehim, peress li dawn jirrappreżentaw ir-remunerazzjoni minn kreditu, jiġifieri t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi, suġġetti għal rimbors (21).
66. Il-konsegwenzi li jirriżultaw minn din il-konstatazzjoni diġà, fil-fehma tiegħi, għandhom ċerta effett fuq wieħed mill-punti ta’ diffikultà tat-tilwima, jiġifieri l-punt dwar jekk, kif issostni r-Repubblika tal-Awstrija, wieħed għandux jirrikorri, b’mod preponderanti, għal interpretazzjoni awtonoma tal-espressjoni “dħul li ġej […] minn krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti [tad-debitur]” jew, min-naħa l-oħra, jiddefinixxix din l-espressjoni prinċipalment b’riferiment għad-dritt intern tal-Istat Membru tas-sors tad-dħul, kif jidher li qed issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
67. L-Artikolu 11(3) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak jiddefinixxi l-“interessi” bħala li jfissru, b’mod partikolari, id-dħul minn krediti ta’ kull tip, mogħnija jew le bi dritt għall-parteċipazzjoni fil-profitti tad-debitur.
68. Din id-definizzjoni hija simili għal dik li tinsab fl-Artikolu 11(3) tal-mudell ta’ konvenzjoni OCDE. Fil-fatt, fiż-żewġ lingwi li fiha nkiteb, il-Franċiż u l-Ingliż, il-mudell ta’ konvenzjoni OCDE jiddefinixxi l-“interessi” bħala “les revenus de créances de toute nature, assorties ou non […] d’une clause de participation aux bénéfices du débiteur” (bil-lingwa Ingliża: “income from debt-claims of every kind, whether or not […] carrying a right to participate in the debtor’s profits”).
69. Id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 11(3) tal-mudell ta’ konvenzjoni OCDE hija rilevanti għal dik li tinsab fl-Artikolu 11(3) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak. Fil-fatt, skont il-punt 16 tal-protokoll ta’ dan il-ftehim id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak ifformulati skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-mudell ta’ konvenzjoni OCDE, għandhom, sakemm ma jkunx hemm indikazzjoni kuntrarja min-naħa tal-Istati partijiet għall-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak, l-istess tifsira bħal dik li tinsab fil-kummentarji fuq l-artikoli tal-mudell ta’ konvenzjoni OCDE (22).
70. Il-punt 21 tal-imsemmija kummentarji jindika li d-definizzjoni tal-interessi adottata fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(3) tal-mudell ta’ konvenzjoni OCDE hija ta’ natura eżawrjenti u li deher aħjar li mat-test ma tiżdiedx formula ta’ riferiment sussidjarju għal-leġiżlazzjonijiet interni. Ir-raġunijiet li ssemmew huma: a) li din id-definizzjoni tkopri prattikament it-tip kollha ta’ dħul li d-diversi leġiżlazzjonijiet interni jikkunsidraw bħala interessi; b) li l-formula użata toffri ċertezza legali ikbar u tipproteġi lill-konvenzjonijiet mit-tibdil sussegwenti li jsir lil-leġiżlazzjoni interna, u ċ) li, fil-mudell ta’ konvenzjoni OCDE, ir-riferimenti għal-leġiżlazzjonijiet interni għandhom jiġu evitati kemm jista’ jkun possibbli.
71. Dan il-fatt diġà jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, fattur li jimmilita favur it-teżi tar-Repubblika tal-Awstrija fejn din issostni li l-kunċett ta’ “interessi” użat fl-Artikolu 11 tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak, u b’mod iktar partikolari l-espressjoni “dħul li ġej […] minn krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti [tad-debitur]” li tinsab fl-Artikolu 11(2) u (3) tiegħu, għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu, indipendentement mill-interpretazzjoni li tiġi adottata eventwalment mil-leġiżlazzjoni interna ta’ Stat wieħed jew l-ieħor li huma partijiet fl-imsemmi ftehim.
72. Din il-konstatazzjoni hija kkonfortata min-natura tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak li, kif jammettu ż-żewġ Stati Membri li huma parti fit-tilwima, huwa trattat internazzjonali, li r-regoli għall-interpretazzjoni tiegħu jsegwu l-prinċipji kkodifikati fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati. Issa, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati jippreċiża li trattat għandu jiġi interpretat in bona fide, skont is-sinjifikat ordinarju li għandu jingħata lill-kliem użat fih fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u l-iskop tiegħu (23), filwaqt li l-paragrafu 3(ċ) ta’ dan l-artikolu jipprovdi li l-interpretazzjoni ta’ trattat għandha ssir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha rilevanti tad-dritt internazzjonali applikabbli fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet għal dan it-trattat (24).
73. F’dan il-kuntest, indipendentement mill-kwistjoni dwar x’valur ġenerali għandhom, fid-dritt internazzjonali, il-kummentarji fuq l-artikoli tal-mudell ta’ konvenzjoni OCDE, għandu jiġi rilevat li, skont l-aħħar sentenza tal-punt 16 tal-protokoll tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak, l-Istati li huma parti f’dak il-ftehim riedu jqisu l-imsemmija kummentarji bħala li jikkostitwixxu waħda mir-regoli ta’ interpretazzjoni tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak, fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati.
74. Għaldaqstant, dawn il-kunsiderazzjonijiet jidhirli li jmorru favur it-teżi li l-kunċett ta’ “interessi”, inkluż l-espressjoni “dħul li ġej […] minn krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti [tad-debitur]” għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu, fil-kuntest tar-regoli ta’ interpretazzjoni xierqa għat-trattati internazzjonali u indipendentement mid-dritt intern tal-Istati Membri li jkunu partijiet fit-tilwima (25).
75. Ir-riferiment magħmul mill-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Ġermaniż‑Awstrijak “għad-dritt” tal-Istat tas-sors, f’dan il-każ id-dritt tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma jistax, fil-fehma tiegħi, jibdel din il-konstatazzjoni. Wara kollox, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tatx l-appoġġ tagħha għall-għoti ta’ tali portata lil dak ir-riferiment għad-dritt nazzjonali tal-Istat tas-sors tal-interessi msemmija fl-Artikolu 11(2) ta’ dan il-ftehim.
76. Fil-fatt, l-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak jipprovdi, fis-sustanza, li d-“dħul li ġej minn drittijiet jew minn krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti […] jista’ […] jiġi ntaxxat fl-Istat kontraenti li minnu jkun ġej, skont id-dritt ta’ dak l-Istat” (26). L-għan tal-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak huwa intiż mhux li jipprovdi definizzjoni tal-kelma “interessi” jew tal-espressjoni “dħul li ġej […] minn krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti [tad-debitur]”, imma li jippreċiża t-tqassim tal-kompetenzi fiskali bejn iż-żewġ Stati Membri li huma parti f’dan il-ftehim.
77. Għaldaqstant, l-espressjoni “skont id-dritt” tal-Istat tas-sors tad-dħul tirreferi biss għall-għażla (“jista’ jiġi ntaxxat”) ta’ dak l-Istat li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu li tikkonsisti filli jintaxxa jew ma jintaxxax id-dħul inkwistjoni. Fil-fatt, l-Istat tas-sors jista’ perfettament jirrinunzja milli jiġbor tali taxxa fuq dak id-dħul kollu jew parti minnu li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak.
78. Bl-istess mod, il-fatt li l-Istati li huma parti fil-ftehim Ġermaniż‑Awstrijak għażlu li jqassmu b’mod differenti s-setgħa ta’ tassazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-Artikolu 11(1) u (2) ta’ dak il-ftehim meta mqabbel mat-tqassim li jirriżulta mill-Artikolu 11(1) u (2) tal-mudell ta’ konvenzjoni OCDE ma jaffettwax id-definizzjoni tal-“interessi”, li hija komuni għal dawn iż-żewġ strumenti.
79. Il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni awtonoma tal-espressjoni “dħul li ġej […] minn krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti [tad-debitur]”, indipendenti mid-dritt tal-Istati li huma partijiet fil-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak, lanqas ma hija mxejna mill-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażat fuq l-Artikolu 3(2) ta’ dan il-ftehim.
80. Skont l-Artikolu 3(2) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak, “għall-applikazzjoni tal-ftehim f’mument partikolari minn Stat kontraent, kull kelma jew espressjoni li ma hijiex iddefinita hemmhekk, ħlief jekk il-kuntest jeżiġi interpretazzjoni differenti, għandha t-tifsira li jagħtiha, f’dak il-mument id-dritt ta’ dak l-Istat li jikkonċerna t-taxxi li għalihom japplika l-ftehim” (27).
81. Issa, kif għadni kif enfasizzajt, bil-fatt li jagħmel riferiment għall-mudell ta’ konvenzjoni OCDE u għall-kummentarji fuq l-artikoli tiegħu, kummentarji li juru preċiżament il-ħtieġa li tingħata definizzjoni eżawrjenti, indipendenti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, tal-kelma “interessi”, il-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak ried, tal-inqas fir-rigward tad-definizzjoni ta’ din il-kelma, inkluża l-espressjoni “dħul li ġej […] minn krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti [tad-debitur]”, li tinsab fl-Artikolu 11(2) u (3) ta’ dan il-ftehim, ma joqgħodx mat-tifsira li jista’ jagħtiha d-dritt intern tal-Istat tas-sors ta’ dak id-dħul.
82. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak jiġu interpretati fis-sens li jimplikaw li d-definizzjoni u l-portata tal-kelma “interessi” jaqgħu taħt id-dritt intern tal-Istati li huma parti f’dak il-ftehim jikkuntrasta, fil-fehma tiegħi, mar-rieda komuni ta’ dawn tal-aħħar, li tinsab espressa fil-punt 16 tal-Protokoll, b’riferiment għall-mudell ta’ konvenzjoni OCDE u għall-kummentarji tiegħu, li jiddistakkaw l-imsemmi kunċett, inkluż id-“dħul li ġej […] minn krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti [tad-debitur]” mit-tifsira li jagħtih id-dritt nazzjonali ta’ dawn l-Istati (28).
83. Din il-konklużjoni hija fl-aħħar nett ikkonfortata, a contrario, mid-definizzjoni tad-“dividendi” mogħtija fl-Artikolu 10(3) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak li, l-istess bħall-Artikolu 10(3) tal-mudell ta’ konvenzjoni OCDE, jirreferi għal-leġiżlazzjoni tal-Istat tas-sors, jiġifieri għad-dritt tal-Istat ta’ residenza tal-kumpannija distributriċi.
84. Dan premess, għandu issa jiġi eżaminat il-pern tat-tilwima mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-espressjoni “dħul li ġej […] minn krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti [tad-debitur]” li tinsab fl-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak.
85. L-istess bħall-espressjoni ekwivalenti li tinsab fl-Artikolu 11(3) tal-mudell ta’ konvenzjoni OCDE, din l-espressjoni ma hijiex iddefinita fil-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak.
86. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li ż-żewġ Stati Membri jaqblu biex jgħidu li, sabiex interessi jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak, il-frott tal-krediti għandu jiddependi mill-profitti.
87. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jaqblux dwar l-intensità tar-rabta ta’ dipendenza.
88. Filwaqt li tindika li jkun hemm parteċipazzjoni fil-profitti meta persuna tipparteċipa fir-riżultati tal-operat pożittiv ta’ persuna oħra, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li huwa biżżejjed, biex ir-rabta ta’ dipendenza tkun issodisfatta, li l-ħlas tal-interessi miftiehma jkun dipendenti fuq il-fatt li d-debitur ikollu likwidità suffiċjenti jew jagħmel profitt suffiċjenti. Fil-kawża li wasslet għat-tilwima, il-fatt li jitħallsu biss interessi b’rata fissa kkalkolati skont il-valur nominali tat-titoli ma jfissirx, skont dak l-Istat Membru, li dawk l-interessi ma jiddependux mill-profitti tad-debitur peress li, skont il-kundizzjonijiet tal-ħruġ tat-titoli inkwistjoni, ir-remunerazzjoni miftiehma hija kkundizzjonata mir-riżultat tal-operat tal-emittent jew l-eżistenza ta’ profitt suffiċjenti mid-debitur li jawtorizza l-ħlas tal-imsemmija interessi, fejn dawn l-interessi ma jitħallsux f’każ ta’ telf fil-kontijiet.
89. Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, min-naħa l-oħra, li trid tkun issodisfatta kundizzjoni supplementari u determinanti, jiġifieri li r-rabta ta’ dipendenza għandha tkun ikkonkretizzata, tal-inqas, permezz tal-ħlas ta’ interess addizzjonali, li jiddependi fuq il-profitt tad-debitur, għall-interess fiss previst mill-kundizzjonijiet tal-ħruġ tat-titolu. Fil-kawża li wasslet għat-tilwima, ir-remunerazzjoni miftiehma b’rata ta’ interess fissa hija marbuta biss mat-telf eventwali, peress li l-ħlas tal-interess ikun sospiż f’każ ta’ telf fil-kontijiet jew debitament imnaqqas jekk huwa stess ikun jista’ jipproduċi telf fil-kontijiet u jkun akkumpanjat bi dritt għall-ħlas tal-arretrati fis-snin sussegwenti. Għaldaqstant, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, din ma hijiex sitwazzjoni li hija kkaratterizzata b’“parteċipazzjoni fil-profitti”, fis-sens tal-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak, imma l-iktar l-iktar “parteċipazzjoni fit-telf” li taqa’ taħt l-Artikolu 11(1) ta’ dan il-ftehim.
90. Kif diġà ġie indikat, l-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati jipprovdi li trattat għandu jiġi interpretat in bona fide, skont is-sens ordinarju tat-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u l-iskop tiegħu.
91. Fil-kuntest tal-eżami tas-sinjifikat ordinarju tal-espressjoni “dħul li ġej […] minn krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti”, għandu jiġi rilevat l-ewwel nett li din l-espressjoni kienet ippreferuta minn dawk li, fil-fehma tiegħi, kellhom portata iktar wiesgħa, bħal “dħul […] minn krediti b’dipendenza fir-rigward tal-profitti” jew bħal “dħul […] minn krediti b’parteċipazzjoni fir-riżultati”.
92. Kif sostniet ir-Repubblika tal-Awstrija, li d-definizzjonijiet tagħha, skont is-sens ordinarju tal-espressjoni inkwistjoni, esposti fir-rikors tagħha ma ġewx, f’dan ir-rigward, ikkontestati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, id-dritt għall-“parteċipazzjoni fil-profitti” jirreferi għall-idea tad-dritt li wieħed jikseb parti jew sehem mill-profitti tal-impriża (29).
93. Din l-idea hija kkonfortata, fil-fehma tiegħi, minn tnejn mill-eżempji ta’ strumenti finanzjarji elenkati fl-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak.
94. Huwa b’dan il-mod li, kif essenzjalment sostniet ir-Repubblika tal-Awstrija, il-bonds li jipparteċipaw fil-profitti (“Gewinnobligationen” u, bil-lingwa Ingliża, “profit-sharing bonds”) jiġu ddefiniti ġeneralment bħala bonds li jagħtu dritt, barra mill-interess fiss li joffru, għal sehem mill-profitti tal-emittent (30).
95. Bl-istess mod, is-“self parteċipattiv fil-profitti” (bil-lingwa Ġermaniża, “partiarischen Darlehen” u, bil-lingwa Ingliża “profit‑participating loans”), huwa spiss ikkaratterizzat minn interess bażiku, li jista’ jkun fissi jew varjabbli, miżjud b’interessi marbuta mal-ammont tal-profitti tad-debitur (31).
96. Min-naħa l-oħra, huwa iktar diffiċli li wieħed jieħu xi tagħlim partikolari mir-riferiment għall-parteċipazzjoni tas-“soċju passiv” (bil-lingwa Ġermaniża “stiller Gesellschafter” u, bil-lingwa Ingliża “silent partnership”), peress li dan l-istitut ġuridiku jidher li jeżisti fid-dritt nazzjonali taż-żewġ Stati Membri li huma parti fil-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak. Barra minn hekk jidher li, tal-inqas għal dak li jikkonċerna d-dritt Ġermaniż, dan jiddistingwi fi ħdan stess dan l-istitut ġuridiku, is-soċju passiv tipiku (“typischer stiller Gesellschafter”) mis-soċju passiv atipiku (“atypischer stiller Gesellschafter”) li d-differenzi prinċipali tagħhom jidhru li huma marbutin mal-grad ta’ assoċjazzjoni u mal-intensità tal-komunità ta’ interessi, bejn il-persuna li tipprovdi l-fondi (is-soċju passiv) u l-entità li tiġbor dawn il-fondi, fejn il-klassifikazzjoni xierqa tiddependi miċ-ċirkustanzi kollha ta’ kull każ (32). B’mod skematiku, għalkemm is-soċju passiv tipiku għandu status li jixbah lil dak tal-kreditur, huwa jipparteċipa fil-profitti tad-debitur, u saħansitra fil-profitti u t-telf ta’ dan tal-aħħar, filwaqt li jaqsam miegħu ċertu numru ta’ riskji. Is-soċju passiv atipiku jista’, min-naħa tiegħu, jingħata setgħa li jiddeċiedi fi ħdan l-impriża debitriċi u jipparteċipa, b’mod ġenerali, fir-riżervi moħbija u fil-qligħ kapitali latenti wkoll, ħaġa li tagħmlu jixbah lil ko-imprenditur (33).
97. L-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak isemmi biss, b’mod ġeneriku, is-soċju passiv, mingħajr ma jikkunsidra l-forma tipika jew atipika tiegħu. Madankollu, ma jidhirx li jqajjem dubju li s-soċju passiv, indipendentement mill-forma tipika jew atipika tiegħu, jipparteċipa, tal-inqas, fil-profitti tad-debitur, kif sostniet ir-Repubblika tal-Awstrija, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
98. Fl-aħħar nett, l-eżami tal-espressjoni “dħul li ġej […] minn krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti”, prevista fl-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-istrumenti finanzjarji li huma intiżi li juru dan, iwassal, fil-fehma tiegħi, sabiex jipprivileġġja t-teżi li l-parteċipazzjoni fil-profitti tikkonkretizza ruħha b’remunerazzjoni tal-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tad-debitur li tvarja, anki jekk parzjalment, skont l-ammont tal-profitti ta’ dan tal-aħħar.
99. Din l-interpretazzjoni stretta tal-espressjoni inkwistjoni, li tiddetermina wkoll il-portata tal-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Ġermaniż‑Awstrijak, jidhirli li hija koerenti mal-istruttura tal-Artikolu 11 ta’ dan il-ftehim u t-tqassim tal-kompetenzi fiskali miftiehma bejn iż-żewġ Stati partijiet għal dak li jikkonċerna l-kategorija tal-“interessi”.
100. Fil-fatt, l-Artikolu 11(1) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak jistabbilixxi l-prinċipju li l-“interessi” jiġu ntaxxati fl-Istat ta’ residenza tal-benefiċjajru effettiv tagħhom, mentri l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jaċċetta biss, b’mod derogatorju (“madankollu”), it-tassazzjoni mill-Istat tas-sors tad-“dħul li ġej […] minn krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti”. Dan it-tqassim tal-kompetenza fiskali bejn iż-żewġ Stati Membri għal din il-kategorija ta’ dħul huwa differenti minn dak li jirriżulta mill-Artikolu 11(1) u (2) tal-mudell ta’ konvenzjoni OCDE, u dan minn żewġ aspetti. Min-naħa waħda, il-mudell ta’ konvenzjoni OCDE jagħti dritt ta’ tassazzjoni kemm lill-Istat ta’ residenza kif ukoll lill-Istat tas-sors għall-kategorija kollha tad-dħul ikklassifikat bħala “interessi” fis-sens tal-mudell, filwaqt li l-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak jillimita d-dritt tal-Istat tas-sors għall-interessi li jirrappreżentaw parteċipazzjoni fil-profitti tad-debitur. Min-naħa l-oħra, filwaqt li l-mudell ta’ konvenzjoni OCDE jillimita d-dritt ta’ tassazzjoni tal-Istat tas-sors għal 10 % tal-ammont gross tal-interessi, ebda limitu ma jinsab indikat fl-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak.
101. Interpretazzjoni wiesgħa jew estensiva tal-espressjoni “parteċipazzjoni fil-profitti” li tinsab fl-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak tippermetti lill-Istat tas-sors sabiex jimponi, mingħajr limitu ppreċiżat f’dan il-ftehim, taxxa fuq interessi mħallsa lil persuna taxxabbli stabbilita fl-Istat l-ieħor li huwa parti fih, mingħajr ma tkun tvarja r-rata ta’ dawn l-interessi, anki jekk parzjalment, skont il-profitti tad-debitur. Tali interpretazzjoni tippermetti għaldaqstant indħil fuq il-kompetenza tal-Istat ta’ residenza tal-benefiċjarju effettiv tal-interessi, kif l-imsemmija kompetenza hija prevista fl-Arikolu 11(1) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak. Iktar minn hekk, inkwantu r-rata ta’ tassazzjoni li tista’ tinġabar mill-Istat tas-sors ma hijiex limitata bl-Artikolu 11 tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak imma tiddependi biss fuq id-dritt intern ta’ dak l-Istat, l-Istat Membru ta’ residenza jista’ jsib ruħu fl-inkapaċità li jelimina ħafna mit-taxxa doppja bl-applikazzjoni tal-metodu ta’ tassazzjoni previst fl-Artikolu 23(2)(b) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak.
102. Fil-fehma tiegħi, minn dan isegwi li, fid-dawl tas-sinjifikat ordinarju tagħha, il-kuntest li fih l-espressjoni “dħul li ġej […] minn krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti” hija użata u l-għan imfittex mill-Artikolu 11 tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak, din l-espressjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett u tkun limitata għas-sitwazzjonijiet li fihom ir-remunerazzjoni mill-kreditu tkun tvarja, tal-inqas parzjalment, skont l-ammont tal-profitti tad-debitur.
103. Fil-kawża li wasslet għat-tilwima, huwa paċifiku li, skont il-kundizzjonijiet tal-ħruġ, it-titoli T1, T2 u T3 jagħtu dritt għall-ħlas ta’ interessi annwali b’rata fissa kkalkolata fuq il-valur nominali tal-imsemmija titoli u determinata minn qabel, fil-mument tas-sottoskrizzjoni għall-imsemmija titoli. Il-kundizzjonijiet tal-ħruġ ma jipprovdu mkien li r-rata ta’ interess hija, tal-inqas, mogħnija b’element ta’ varjazzjoni li jirrappreżenta parti jew sehem mill-profitti magħmula mid-debitur. Għaldaqstant, jekk il-profitti magħmula mid-debitur ikunu miljun jew għaxar miljun ewro, ir-rata ta’ interess imħallsa bħala remunerazzjoni għall-bond li jkun inxtara tkun dik iffissata mill-kundizzjonijiet tal-ħruġ u bbażata biss fuq il-valur nominali tat-titoli.
104. Ċertament, kif tammetti r-Repubblika tal-Awstrija, ir-rata ta’ interess tista’, skont il-kundizzjonijiet tal-ħruġ, titnaqqas sakemm tilħaq iż-0 % jekk id-debitur iġarrab telf.
105. Madankollu, fl-assenza ta’ telf matul is-snin sussegwenti, il-kreditur jikseb id-dritt għall-ħlas tal-arretrati matul dawn is-snin, fejn id-differenza mal-valur nominali tat-titoli – u mhux, anki jekk parzjalment, skont l-ammont tal-profitti magħmula sussegwentement mid-debitur – jagħmlu tajjeb għaliha fl-imsemmija snin sussegwenti. Għaldaqstant, din hija klawżola ta’ differiment tal-interessi f’każ ta’ telf iktar milli klawżola ta’ parteċipazzjoni fil-profitti tad-debitur.
106. Ċertament, ma jistax jiġi miċħud li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-ħruġ, is-sottoskrivent tat-titoli jintrabat li jġorr ċertu riskju, jiġifieri dak li l-emittent isofri xi telf fuq xi sena jew diversi snin. Madankollu, tali assimetrija fir-remunerazzjoni mit-titoli, jiġiferi interess li r-rata tiegħu tista’ tvarja f’każ ta’ telf, iżda li huma indipendenti mill-ammont tal-profitti magħmula mid-debitur, ma tistax titqies, fil-fehma tiegħi, bħala remunerazzjoni, li kollha jew parti minnha tagħti lill-kreditur parti jew sehem mill-profitti tad-debitur. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan ma huwiex “dħul li ġej […] minn krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti [tad-debitur]” fis-sens tal-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak.
107. Il-fatt, li fuqu bbażat ruħha ħafna r-Repubblika Federali tal-Ġermanja fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li huwa li l-Bundesfinanzhof (Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) waslet għal konklużjoni kuntrarja f’sentenza tas-26 ta’ Awwissu 2010 (34), ma jistax jibdel din il-konklużjoni. Fil-fatt, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 273 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tkun marbuta mal-evalwazzjonijiet magħmula minn qorti ta’ wieħed mill-Istati Membri parti fit-tilwima, taħt riskju li jiġi mxejjen kull effett utli tal-klawżola ta’ arbitraġġ li biha dawk l-Istati jkunu għażlu li jafdawlha f’idejha r-riżoluzzjoni ta’ dik it-tilwima. F’dan il-każ, peress li din il-klawżola tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim Ġermaniż‑Awstrijak, il-Qorti tal-Ġustizzja hija sewwasew kompletament libera li tinterpreta dan il-ftehim fid-dawl tal-prinċipji ta’ interpretazzjoni li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati.
108. Għal dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jidhirli li t-talbiet tar-Repubblika tal-Awstrija għandhom jiġu milqugħa. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-espressjoni “dħul li ġej minn drittijiet jew minn krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti” prevista fl-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Ġermaniż-Awstrijak, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tinkludi d-dħul li jagħti lill-kreditur parti jew sehem mill-profitti tad-debitur, bl-esklużjoni ta’ dak id-dħul li jista’ jvarja biss f’każ ta’ telf min-naħa tal-imsemmi debitur.
VI – Fuq l-ispejjeż
109. L-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura jippreċiża li d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlqu l-istanza. Barra minn hekk, l-Artikolu 138 ta’ dawn l-istess regoli jipprovdi li l-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.
110. Peress li, fil-fehma tiegħi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha titlef fit-talbiet tagħha u r-Repubblika tal-Awstrija talbet li hija tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tilqa’ t-talba tar-Repubblika tal-Awstrija.
VII – Konklużjoni
111. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara:
– l-espressjoni “dħul li ġej minn drittijiet jew minn krediti b’parteċipazzjoni fil-profitti” prevista fl-Artikolu 11(2) tal-Ftehim, tal-24 ta’ Awwissu 2000, bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dwar ħelsien minn taxxa doppja fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tinkludi dħul li jagħti lill-kreditur parti jew sehem mill-profitti tad-debitur, bl-esklużjoni ta’ dak id-dħul li jista’ jvarja biss f’każ ta’ telf min-naħa tal-imsemmi debitur.
– Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż.