Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom fl-20 ta’ Ottubru 2017 – Peter Bosworth, Colin Hurley vs Arcadia Petroleum Limited et

(Kawża C-603/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Supreme Court of the United Kingdom

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Peter Bosworth, Colin Hurley

Konvenuti: Arcadia Petroleum Limited et

Domandi preliminari

Liema huma l-kriterji t-tajba sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni mressqa minn persuna li timpjega kontra ħaddiem jew ex ħaddiem (iktar ’il quddiem “ħaddiemˮ) hijiex “kwistjoni li tirrigwardaˮ kuntratt individwali tax-xogħol fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 tat-Titolu II (Artikoli 18 sa 21), tal-Konvenzjoni ta’ Lugano 1 ?

Sabiex azzjoni mressqa minn persuna li timpjega kontra ħaddiem tkun taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 sa 21 [tal-Konvenzjoni ta’ Lugano], huwa biżżejjed li l-aġir li l-imsemmi ħaddiem ġie kkritikat bih seta’ wkoll ikun is-suġġett ta’ azzjoni tal-persuna li timpjega bbażata fuq il-ksur, mill-ħaddiem, tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt individwali tax-xogħol tiegħu – anki jekk l-azzjoni effettivament mibdija mill-persuna li timpjega ma hijiex ibbażata fuq, ma tikkritikax u ma tinvokax ksur ta’ tali kuntratt iżda hija bbażata (per eżempju) fuq wieħed jew iktar mill-ilmenti msemmija fil-punti 26 u 27 tal-Espożizzjoni tal-Fatti u tal-Kwistjonijiet?

Sussidjarjament, il-kriterju t-tajjeb huwa li azzjoni mressqa minn persuna li timpjega kontra ħaddiem taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 sa 21 [tal-Konvenzjoni ta’ Lugano] biss jekk l-obbligu li fuqu hija effettivament ibbażata l-azzjoni huwa obbligu li jirriżulta mill-kuntratt tax-xogħol? Jekk ir-risposta tkun fl-affermattiv, minn dan ikun isegwi li azzjoni bbażata unikament fuq il-ksur ta’ obbligu tnissel indipendentement mill-kuntratt tax-xogħol (u li, jekk ikun il-każ, ma huwiex obbligu “ikkonsentit b’mod liberuˮ mill-ħaddiem) ma taqax taħt id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima 5?

Jekk ebda wieħed minn dawn il-kriterji ma huwa tajjeb, allura liema huwa l-kriterju t-tajjeb?

Jekk kumpannija u persuna fiżika jikkonkludu “kuntrattˮ (fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano), sa fejn għandha tkun teżisti relazzjoni ta’ subordinazzjoni bejn din il-kumpannija u din il-persuna fiżika sabiex l-imsemmi kuntratt ikun “kuntratt individwali tax-xogħolˮ għall-finijiet tat-Taqsima 5 [tal-imsemmija konvenzjoni]? Tali relazzjoni tista’ teżisti meta din il-persuna fiżika tkun f’pożizzoni li tiddeċiedi (u effettivament tiddeċiedi) il-klawżoli tal-kuntratt tagħha ma’ din il-kumpannija, u jkollha kontroll u awtonomija fuq l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ kuljum tal-kumpannija u fuq l-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħha stess iżda l-azzjonist/i ta’ din il-kumpannija jkollhom is-setgħa li jtemmu din ir-relazzjoni?

Jekk id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Lugano huma applikabbli biss għall-azzjonijiet li, li kieku ma teżistix it-Taqsima 5, ikunu jaqgħu taħt l-Artikolu 5(1) ta’ din il-konvenzjoni, liema huma l-kriterji t-tajba sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni taqax taħt l-imsemmi Artikolu 5(1)?

Il-kriterju t-tajjeb huwa li azzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 5(1) jekk l-aġir kontenzjuż jista’ jitqies bħala li jikkostitwixxi ksur ta’ obbligu kuntrattwali, anki jekk l-azzjoni effettivament mibdija mill-persuna li timpjega ma tinvokax, ma tikkritikax u ma tallegax ksur tal-obbligi kuntrattwali?

Sussidjarjament, il-kriterju t-tajjeb huwa li azzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 5(1) [tal-Konvenzjoni ta’ Lugano] biss jekk l-obbligu li jservi effettivament ta’ bażi għall-azzjoni jkun obbligu kuntrattwali? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, minn dan ikun isegwi li azzjoni bbażata unikament fuq il-ksur ta’ obbligu li tnissel indipendentement mill-kuntratt (u li, jekk ikun il-każ, ma huwiex obbligu “kkonsentit b’mod liberuˮ mill-konvenut) ma taqax taħt l-Artikolu 5(1)?

Jekk l-ebda wieħed minn dawn il-kriterji ma huwa tajjeb, allura liema huwa l-kriterju t-tajjeb?

F’ċirkustanzi fejn:

il-kumpanniji A u B jagħmlu parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji;

il-konvenut X jeżerċita de facto l-funzjonijiet ta’ Uffiċjal Kap Eżekuttiv (CEO) ta’ dan il-grupp ta’ kumpanniji (kif kien jagħmel P. Bosworth għall-grupp Arcadia: Espożizzjoni tal-Fatti, punt 14); X huwa impjegat minn kumpannija tal-grupp, il-kumpannija A (u għaldaqstant huwa ħaddiem tal-kumpannija A) (kif kien P. Boswarth minn żmien għall-ieħor fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Espożizzjonijiet tal-Fatti, punt 15), u ma huwiex, mill-perspettiva tad-dritt nazzjonali, impjegat tal-kumpannija B;

il-kumpannija A tibda azzjoni kontra X, u dik l-azzjoni taqa’ taħt l-Artikoli 18 sa 21 [tal-Konvenzjoni ta’ Lugano]; u

il-kumpannija l-oħra tal-istess grupp, il-kumpannija B, ukoll tibda azzjoni kontra X għall-istess ilmenti bħal dawk li jservu ta’ bażi għall-azzjoni mibdija mill-kumpannija A;

liema huma l-kriterji t-tajba sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjoni mibdija mill-kumpannija B taqax taħt it-Taqsima 5 [tal-Konvenzjoni ta’ Lugano]? B’mod partikolari:

ir-risposta għad-domanda tiddependi fuq l-eżistenza ta’ “kuntratt individwali tax-xogħolˮ fis-sens tat-Taqsima 5 [tal-Konvenzjoni ta’ Lugano] bejn X u l-kumpannija B u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, liema huma l-kriterji t-tajba li jippermettu li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tali kuntratt tax-xogħol?

Il-kumpannija B għandha titqies li hija l-“persuna li timpjegaˮ lil X għall-finijiet tat-Taqsima 5 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Lugano, u/jew l-azzjoni li hija bdiet kontra X (ara l-punt 4(4) hawn fuq) taqa’ taħt l-Artikoli 18 sa 21 [tal-Konvenzjoni ta’ Lugano] bl-istess mod bħalma dik mibdija mill-kumpannija A kontra X taqa’ taħt dawn l-istess dispożizzjonijiet? B’mod partikolari:

a)    L-azzjoni mibdija mill-kumpannija B taqa’ taħt l-Artikolu 18 [tal-Konvenzjoni ta’ Lugano] biss jekk l-obbligu li fuqu hija effettivament ibbażata huwa obbligu li jirriżulta mill-kuntratt tax-xogħol konkluż bejn il-kumpannija B u X?

b)    Sussidjarjament, din l-azzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 18 [tal-Konvenzjoni ta’ Lugano] jekk l-ilmenti allegati fl-azzjoni kienu jikkostitwixxu ksur ta’ obbligu li jirriżulta mill-kuntratt tax-xogħol bejn il-kumpannija A u X?

(3)    Jekk ebda wieħed minn dawn il-kriterji ma huwa tajjeb, allura liema huwa l-kriterju t-tajjeb?

____________

1 Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata f’Lugano fit-30 ta’ Ottubru 2007 (ĠU 2007, L 339, p. 3)