Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza) fis-16 ta’ Ottubru 2017 – Apple Sales International, Apple Inc., Apple retail France EURL vs MJA, fil-kwalità tagħha ta’ stralċjarja ta’ eBizcuss.com (eBizcuss)

(Kawża C-595/17)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Apple Sales International, Apple Inc., Apple retail France EURL

Konvenuta: MJA, fil-kwalità tagħha ta’ stralċjarja ta’ eBizcuss.com (eBizcuss)

Domandi preliminari

L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil qorti nazzjonali, adita b’kawża għad-danni ppreżentata minn distributur fil-konfront tal-fornitur tiegħu abbażi tal-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tapplika klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni stabbilita fil-kuntratt li jorbot lill-partijiet?

F’każ li l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil qorti nazzjonali, adita b’kawża għad-danni ppreżentata minn distributur fil-konfront tal-fornitur tiegħu abbażi tal-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tapplika klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkluża fil-kuntratt li jorbot lill-partijiet, anki fil-każ li l-imsemmija klawżola ma tkunx tagħmel riferiment espliċitu għad-diżgwid marbut mar-responsabbiltà mġarrba b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni?

L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil qorti nazzjonali, adita b’kawża għad-danni ppreżentata minn distributur fil-konfront tal-fornitur tiegħu abbażi tal-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li ma tapplikax klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni stabbilita fil-kuntratt li jorbot lill-partijiet fil-każ li l-ebda awtorità nazzjonali jew Ewropea ma tkun ikkonstatat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni?

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).