Language of document : ECLI:EU:C:2002:462

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

25 ta' Lulju 2002 (*)

“Appell – Regolament (KE) Nru 1638/98 – Organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u tax-xaħmijiet– Rikors għal annullament – Persuna individwalment ikkonċernata – Protezzjoni ġuddizzjarja effettiva – Ammissibbiltà”

Fil-kawża C-50/00 P

Unión de Pequeños Agricultores, stabbilita f’Madrid (Spanja), rappreżentata minn J. Ledesma Bartret u J. Jiménez Laiglesia y de Oñate, Avukati, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

li għandha bħala suġġett appell imressaq kontra d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (It-Tielet Awla) tat-23 ta’ Novembru 1999, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (T-173/98, Ġabra p. II-3357), u li jitlob l-annullament ta’ dan id-digriet

il-partijiet l-oħra fil-kawża

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn I. Díez Parra, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut fl-ewwel istanza

sostnut mill-:

Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Guerra Fernández u minn M. Condou-Durande, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-appell

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G.C. Rodríguez Iglesias, President, P. Jann, F. Macken N. Colneric u S. von Bahr, Presidenti ta’ Awla, C. Gulmann (Relatur), D.A.O. Edward, A. La Pergola, J.-P. Puissochet, M. Wathelet, R. Schintgen, V. Skouris u J.N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: D. Louterman-Hubeau, Kap tad-Diviżjoni,

wara li rat ir-rapport tas-seduta,

wara li semgħet it-trattazjoni tal-partijiet fis-seduta tas-6 ta’ Novembru 2001, fejn l-Unión de Pequeños Agricultores kienet irrappreżentata minn J. Jiménez Laiglesia y de Oñate, il-Kunsill minn I. Díez Parra u l-Kummissjoni minn J. Guerra Fernández u minn M. Condou-Durande,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Marzu 2002,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Frar 2000, l-Unión de Pequeños Agricultores ressaq appell, skond l-Artikoli 49 ta’ l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja, kontra d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Novembru 1999, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (T-173/98, Ġabra p. II-3357, iktar ’il quddiem “id-digriet appellat”), li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja ma laqgħatx ir-rikors tagħha li jitlob l-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1638/98 ta’ l-20 ta’ Lulju 1998 li jemenda r-Regolament Nru 136/66/KEE dwar l-istabbiliment ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet (ĠU L 210, p. 32; iktar ’il quddiem, “ir-regolament ikkontestat”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Fit-22 ta’ Settembru 1966, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 136/66 KEE dwar l-istabbiliment ta’ l-organizzazjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet (ĠU 1966, 172, p. 3025). B’mod partikolari, dan ir-regolament stabbilixxa organizazzjoni komuni tas-swieq taż-żejt taż-żebbuġa, strutturata madwar sistema ta’ prezzijiet garantiti flimkien ma’ għajnuniet għall-produzzjoni. Il-mekaniżżmi mwaqqfa mir-Regolament Nru 136/66 kienu ġew modifikati diversi drabi. L-organiżazzjoni kommuni tas-swieq taż-żejt taż-żebbuġa, kif emendata, kienet tipprovdi sistemi ta’ prezzijiet ta’ intervent, ta’ għajnuna għall-produzzjoni, ta’ għajnuna għall-konsum, ta’ ħżin, kif ukoll ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni.

3        Fl-20 ta’ Lulju 1998, il-Kunsill adotta r-regolament ikkontestat li jirriforma, b’mod partikolari, l-organiżazzjoni komuni tas-swieq taż-żejt taż-żebbuġa. Għal dan il-għan, is-sistema ta’ intervent preċedenti kienet ġiet abolita u mibdula minn sistema ta’ għajnuna għal kuntratti ta’ ħżin privati. L-għajnuna għall-konsum u l-għajnuna speċifika lill-produtturi ż-żgħar tneħħew. Il-mekkaniżżmu ta’ stabbilizzazzjoni ta’ l-għajnuna għall-produzzjoni bbażat fuq kwantita` massima garantita għall-Komunità kollha kien ġie emendat permezz ta’ l-introduzzjoni ta’ tqassim ta’ din il-kwantità massima bejn l-Istati Membri produtturi f’forma ta’ kwantitajiet nazzjonali ggarantiti. Fl-aħħar nett, l-imsaġar tas-siġar taż-żebbuġ imħawla wara l-1 ta’ Mejju 1998 kienu esklużi, b’ċerti eċċezzjonijiet, minn kull sistema ta’ għajnuna futura.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u d-digriet appellat

4        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Ottubru 1998, il-Unión de Pequeños Agricultores, li hija assoċċjazzjoni professjonali li tirrapreżenta u taġġixxi fl-interessi ta’ impriżi agrikoli Spanjoli żgħar u li, skond id-dritt Spanjol, għandha personalità legali, ressqet, abbażi tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 173 tat-Trattat KE (li sar, wara l-emendi, r-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE), rikors intiż għall-annullament tar-regolament ikkontestat, bl-eċċezzjoni tas-sistema ta’ għajnuna għaż-żebbuġ tal-mejda.

5        Permezz ta’ att seperat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-23 ta’ Diċembru 1998, il-Kunsill qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skond l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istnanza.

6        Permezz tad-digriet appellat, l-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, u konsegwentement iddikjarat ir-rikors bħala manifestament inammissibbli.

7         L-ewwel nett, wara li fakkret, fil-punt 34 tad-digriet appellat, li, skond il-ġurisprudenza stabbilita r-raba` paragrafu ta’ l-Artikolu 173 tat-Trattat jagħti lill-individwi d-dritt li jikkontestaw kull deċiżjoni li, għalkhemm tkun ittieħdet taħt forma ta’ regolament, taffettwahom b’mod dirett u individwali, u li l-kriterju sabiex issir distinzjoni bejn regolament u deċiżjoni jiddependi fuq jekk l-att in kwistjoni huwiex ta’ portata ġenerali jew le, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 44 ta’ l-imsemmi digriet, li r-regolament ikkontestat fin-natura u fl-iskop tiegħu għandu karattru leġiżlattiv u ma jikkostitwixix deċiżjoni fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 189 tat-Trattat KE (li sar, wara l-emendi, l-Artikolu 249 KE).

8         Suċċessivament, wara li fil-punt 45 tad-digriet appellat fakkret li, f’ċerti ċirkustanzi, anki att leġiżlattiv li japplika b’mod ġenerali għall-operaturi ekonomiċi ikkonċernati jista’ jikkonċerna individwalment lil xi wħud minnhom u li, għaldaqstant, att Kommunitarju jista’ fl-istess ħin ikollu kemm karattru leġiżlattiv u kif ukoll karattru deċiżjonali fir-rigward ta’ wħud mill-operaturi ekonomiċi ikkonċernati, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet:

–        fil-punt 46 tad-digriet appellat, li “[m]adanakollu sabiex tkun tista’ tistabbilixxi dan, persuna fiżika jew ġuridika għandha turi li hija affettwata mill-att in kwistjoni minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddistingwiha mill-persuni l-oħra kollha […]” u,

–        fil-punt 47 ta’ l-istess digriet li, barra minn dan, rikorsi mressqa minn assoċċjazzjonijiet jistgħu, f’dan il-kutnest, ikunu ammissibbli, minn ta’ l-anqas f’sitwazzjonijiet fejn dispożizzjoni legali tirrikonoxxi espliċitament serje ta’ fakultajiet proċedurali lill-assoċċjazzjonijiet professjonali, fil-każ fejn l-assoċjazzjoni tirrapreżenta l-interessi ta’ impriżi li, min-naħa tagħhom, huma intitolati jressqu l-proċeduri u fil-każ fejn l-assoċċjażżjoni hija individwalizzata minħabba l-impatt ta’ l-att ikkontestat fuq l-interessi tagħha bħala assoċċjazzjoni, b’mod partikolari minħabba li l-pożizzjoni ta’ neġozjatriċi tagħha kienet affettwata mill-att li tiegħu qiegħed jintalab l-annullament.

9        Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet, fil-punt 48 tad-digriet appellat, li r-rikorrenti ma setgħet tinvoka l-ebda waħda minn dawn it-tliet sitwazzjonijiet sabiex tiġġustifika l-ammissibbiltà tar-rikors tagħha.

10      F’dan ir-rigward, fil-punt 50 tad-digriet appellat il-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod partikolari osservat li “ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-membri tagħha huma affettwati mir-regolament ikkontestat minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddistingwihom mill-persuni l-oħra kollha. F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-fatt li meta ġie adottat, ir-regolament ikkontestat affettwa lill-membri ta’ l-assoċċjazzjoni rikorrenti li dak iż-żmien kienu joperaw fis-swieq taż-żejt taż-żebbuġa u, f'ċerti każijiet, wassal sabiex uħud minnhom itemmu l-attività tagħhom, mhuwiex ta’ natura tali li jikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ l-operaturi l-oħra kollha fil-Komunità, peress li huma jinsabu f’sitwazzjoni oġġettivament determinata li hija paragunabbli ma’ dik ta’ kull kummerċjant ieħor li jista’, attwalment jew fil-futur, jidħol f’dawn is-swieq […]. Ir-regolament ikkontestat jikkonċerna lill-membri tar-rikorrenti biss minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom bħala operaturi li joperaw f’dawn is-swieq, bl-istess mod kif dan ir-regolament jaffettwa lill-operaturi l-oħra kollha li joperaw fl-istess swieq.”

11      Fil-punti 53 sa 55 tad-digriet appellat, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat ukoll li r-rikorrenti lanqas ma tista’ targumenta li r-regolament ikkontestat jaffetwa wħud mill-interssi speċifiċi tagħha sabiex tiġġustifika l-amissibbiltà tar-rikors tagħha u, fil-punt 58 ta’ dan id-digriet ikkonkludiet li r-rikorrenti ma kienet individwalizzata abbażi ta’ l-ebda wieħed mill-kriterji stabbiliti mill-ġurispridenza fil-qasam ta’ l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament imressaq minn assoċċjazzjoni.

12      Fl-aħħar nett il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat l-aħħar argument li r-rikorrenti invokat sabiex tipprova li hija kienet individwalment ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat, jiġifieri r-riskju li ma tibbenefikax minn protezzjoni ġuridika effettiva. F’dan ir-rigward hija ddeċidiet is-sussegwenti :

“61      Fir-rigward ta’ l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ protezzjoni ġuridika effettiva, dan jikkonsisti mill-ilment li mhemm l-ebda rimedju legali fid-dritt nazzjonali li jippermetti, jekk ikun hemm bżonn, li tiġi mistħarrġa l-legalità tar-regolament ikkontestat peremezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 177 tat-Trattat [KE (li sar, wara l-emendi, l-Artikolu 234 KE)].

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn l-individwi fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-qrati Komunitarji permezz ta’ rikors għal annullament jeħtieġ li dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux jiddependu fuq iċ-ċirkustanzi partikulari tas-sistema ġuridika ta’ kull Stat Membru. F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi osservat li skond il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali pprovdut fl-Artikolu 5 tat-Trattat KE (li sar, wara l-emendi l-Aritkolu 10 KE), l-Istati Membri huma obbligati li jikkontribwixxu fit-tisħiħ tas-sistema ta’ rimedji legali u tal-proċeduri stabbiliti mit-Trattat KE u li huma intiżi sabiex jagħtu lill-qorti Komunitarja s-setgħa li tistħarreġ il-legalità ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza [tat-23 ta’ April 1986,] les Verts vs il-Parlament [294/83, Ġabra p. 1339], punt 23).

63      Madankollu, dawn l-elementi ma jistgħux jiġġustifikaw il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza tinjora s-sistema ta’ rimedji stabbiliti mir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 173 tat-Trattat KE, kif interpretat mill-ġurisprudenza, u li tmur lil hinn mil-limiti imposti fuq il-kompetenza tagħha minn din id-dispożizzjoni.

64      Barra minn dan, ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tibbaża xi argument fuq l-eventwali tul tal-proċeduri mressqa skond l-Artikolu 177 tat-Trattat. Fil-fatt, ċirkostanza bħal din ma tistax tiġġustifika bidla fis-sistema tar-rimedji u tal-proċeduri stabbiliti mill-Artikoli 173, 177 u 178 tat-Trattat KE (li issa sar l-Artikolu 235 KE) li huma intiżi sabiex jafdaw f’idejn il-Qorti tal-Ġustizza l-istħarriġ tal-legalità ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet. Argument bħal dan, fl-ebda każ ma jippermetti li jiġi ddikjarat ammissibbli rikors għal annulament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati mir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 173 tat-Trattat (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ April 1996, CNPAAP vs il-Kunsill, C-87/95 P, Ġabra p. I-2003, punt 38).”

13       Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, fil-punt 65 tad-digriet appellat il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat li r-rikorrenti ma setgħetx titqies bħala li kienet individwalment ikkonċernata mir-regolament ikkontestat u li peress li hija lanqas ma kienet tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà stabbiliti mir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 173 tat-Trattat KE, ma kienx neċessarju li jkun eżaminat jekk hija kinitx direttament ikkonċernata minn dan ir-regolament.

 L-Appell

14      Peremezz ta’ l-appell tagħha r-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla d-digriet appellat;

–        tiddikjara r-rikors prinċipali tagħha bħala ammissibbli u tirreferi l-kawża lura lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċiedi fuq il-merti tal-kawża.

15       Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiddikjara l-appell manifestament inammissibbli jew, sussidjarjament, manifestament infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

16      Peremzz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Settembru 2000, il-Kummissjoni ġiet ammessa tintervjeni sabiex issostni l-konklużjonijiet tal-Kunsill.

17      In sostenn ta’ l-appell tagħha, ir-rikorrent tinvoka erba’ aggravji.

18      L-ewwel nett, hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 61 tad-digriet appellat, interpretat b’mod żbaljat l-argument tagħha bbażat fuq nuqqas ta’ protezzjoni ġuridika effettiva fil-każ li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli. Effettivament, hija ma bbażatx dan l-argument fuq is-sempliċi nuqqas ta’ rimedji fid-dritt nazzjonali, iżda fuq il-fatt li dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà, fil-kawża preżenti, ma tirrispettax ir-rekwiżit ta’ effettività konnessa mad-dritt fundamentali invokat minnha. It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tad-digriet appellat hija insuffiċjenti minħabba li din ma tagħtix risposta għall-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt invokati fir-rikors tagħha u fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, iżda tillimita ruħha li, fil-punt 63 ta’ dan id-digriet, tagħżel biss wieħed minn dawn l-argumenti u li, barra minn dan, hija tirriproduċi b’mod żbaljat. It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-punt 62 ta’ l-imsemmi digriet huwa kuntradittorju. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, għalkemm il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jeżiġi l-ħolqien ta’ rimedju fid-dritt nazzjonali li jippermetti, fejn dan ikun neċċessarju, li ssir talba għal deċiżjoni preliminari fuq il-kwistjoni tal-validità ta’ l-att Kommunitarju, madankollu għandu jiġi kkonstatat li r-rispett tad-dritt li individwu għandu għal protezzjoni ġuridika effettiva jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi partikolari tas-sistema ġuridika ta’ kull Stat Membru. Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li, billi ma eżaminax jekk il-fatt li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli jammontax, fid-dawl ta’ l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt, għal ksur tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, id-digriet appellat kiser dritt fundamentali li jifforma parti integrali mill-ordinament ġuridiku Kommunitarju.

 Dwar l-ammissibbiltà ta’ l-appell

19      Il-Kunsill, l-istess bħall-Kummissjoni, jeċċepixxi l-inammissibbiltà manifesta ta’ l-appell minħabba li r-rikorrenti m’għandha l-ebda interess ġuridiku. Fil-fatt l-argumenti kollha tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxu obiter dictum, peress li r-raġuni vera għall-inammissibbiltà tar-rikors, kif stipulat fil-punt 65 tad-digriet appellat, huwa l-fatt li r-rikorrenti ma tissodisfax waħda mir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà pprovduti fir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 173 tat-Trattat KE. Anki jekk id-dritt nazzjonali ma jipprovdix għall-possibbiltà li jitressqu proċeduri quddiem il-qrati, il-qorti Komunitarja għandha xorta waħda tkompli tapplika din id-dispożizzjoni tat-Trattat billi tivverifika jekk ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà elenkati fiha humiex sodisfatti jew le.

20      Għaldaqstant, sabiex ir-rikors tagħha jkun jista’ jintlaqa’, ir-rikorrenti kellha tibbaża l-appell tagħha fuq il-fatt li d-digriet appellat kien jikser ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 173 tat-Trattat, u b’mod partikolari, billi juri li hija kienet individwalment ikkonċernata mir-regolament ikkontestat, u mhux fuq l-eventwali nuqqas ta’ protezzjoni ġuridika effettiva, li, fl-istat attwali ta’ l-iżvilupp Komunitarju bl-ebda mod ma jista’ jwassal għall-ammissibbiltà ta’ l-imsemmi rikors.

21      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti jippreżupponi li l-appell, permezz tar-riżultat tiegħu, jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-parti li tressaq ir-rikors (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, il-Parlament vs Richard, C-174/99 P, Ġabra p. I-6189, punt 33).

22      Id-digriet appellat iddikjara bħala inammissibbli r-rikors li r-rikorrenti ressqet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

23      Għaldaqstant jidher li, jekk l-appell jiġi milqugħ, ir-rikorrenti tikseb benefiċċju ċert peress li r-rikors tagħha jkun jista’ jiġi eżaminat fuq il-mertu. Il-kwistjoni dwar jekk l-allegat dritt għal protezzjoni gudizzjarja effettiva jistax jew le, f’ċerti ċirkustanzi, jirrendi ammissibbli rikors għal annulament ta’ regolament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika tirrigwarda l-mertu ta’ l-appell u, f’kull każ, ma tistax tippreġudika l-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti għandiex interess ġuridiku.

24      F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-appell għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

 Fuq il-mertu ta’ l-appell

 L-argumenti tal-partijiet

25      Permezz ta’ l-erba’ aggravji tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li ċ-ċaħda tar-rikors tagħha bħala inammissibbli, safejn din hija bbażata fuq l-argumenti żviluppati fil-punti 61 sa 64 tad-digriet appellat, tikser d-dritt tagħha għal protezzjoni gudizzjarja effettiva għall-ħarsien ta’ l-interessi tagħha u ta’ dawk tal-membri tagħha.

26      Skond ir-rikorrenti d-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-regolament ikkontestat, li jneħħu s-sistema ta’ intervent, l-għajnuna għall-konsum u l-għajnuna lill-produtturi ż-żgħar, ma jirrikjedu l-ebda att ta’ implimentazzjoni nazzjonali u ma jagħtu lok għal ebda att min-naħa ta’ l-awtoritajiet Spanjoli. Konsegwentement, ir-rikorrenti m’għandhiex il-possibbiltà li titlob, fis-sistema legali Spanjola, l-annullament ta’ att nazzjonali relatat ma’ l-imsemmija dispożizzjonijiet, b’tali mod li l-possibbiltà li ssir talba għal deċiżjoni preliminari sabiex tiġi evalwata l-validità ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet hija eskluża. Barra minn dan, ir-rikorrenti u l-membri tagħha lanqas ma jistgħu jiksru dawn id-dispożizzjonijiet sabiex wara jkunu jistgħu jikkontestaw il-validità tas-sanzjoni li tiġi, eventwalment, imposta fuqhom.

27      Ir-rikorrenti ssostni li, billi ma eżaminax il-kwistjoni ta’ jekk id-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors intiż għall annullament parzjali tar-regolament twassalx, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, għal ksur tal-karattru effettiv tad-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni gudizzjarja, id-digriet appellat kiser dritt fundamentali li jifforma parti integrali mill-ordinament ġuridiku Komunitarju.

28      Ir-rikorrenti ssostni li d-dritt għal protezzjoni ġuridika effettiva jimplika evalwazzjoni speċifika taċ-ċirkustanzi partikulari tal-kawża. Ma jistax ikun hemm kwistjoni ta’ effettività reali ta’ dritt mingħajr ma l-karattru effettiv tiegħu jiġi eżaminat konkretament. Fil-verità tali evalwazzjoni neċessarjament timplika li jiġi mfittex jekk fil-kawża in kwistjoni jeżistix xi rimedju ieħor. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi għall-punti 32 u 33 tas-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Greenpeace Council et vs Il-Kummissjoni, (C-321/95 P, Ġabra p. I-1651), li skond ir-rikorrenti tikkonferma li fil-każ fejn mhemmx rimedju nazzjonali, rikors għal annullament skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 173 tat-Trattat għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

29      Il-Kunsill u l-Kummissjoni essenzjalment isostnu li l-appell huwa, f’kull każ, manifestament infondat minħabba li r-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 173 tat-Trattat ma jipprovdi l-ebda dispożizzjoni li tistipola li n-nuqqas ta’ rimedju ġuridiku nazzjonali jikkostitwixxi kriterju jew ċirkustanza li tiġġustifika l-ammissibbiltà ta’ rikors dirett għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att Komunitarju ta’ portata ġenerali. L-uniku kriterju rilevanti huwa li r-rikorrenti tkun direttament u individwalment ikkonċernata mill-att ikkontestat. L-appell ma jinvokax il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti hijiex individwalment u direttament ikkonċernatat, iżda jirreferi biss għall-analiżi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddedikat għall-argumenti invokati fir-rigward tal-protezzjoni ġuridika effettiva.

30      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jfakkru wkoll li t-Trattat ipprovda sistema kompluta ta’ rimedji ġuridiċi intiżi sabiex jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja s-setgħa li tistħarreġ il-legalità jew il-valdità ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet u, b’mod partikulari, ta’ atti ta’ portata ġenerali. Skond il-Kummissjoni, għalkemm huwa minnu li l-fatt li Stat Membru jagħmilha eċċessivament diffiċli, jew saħansitra impossibbli, li tkun tista’ ssir talba għal deċiżjoni preliminari jmur kontra d-dritt fundamentali għal protezzjoni ġuridika effettiva u li għaldaqstant dan l-Istat jonqos milli jwettaq l-obbligu tiegħu ta’ kooperazzjoni leali pprovdut fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Madankollu, anki f’dak il-każ, ksur bħal dan ma jistax jiġi mitmum billi jiġi mġebbed is-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 173 tat-Tratta, iżda billi titressaq proċedura ta’ ksur kontra l-Istat Membru involut, skond l-Artikolu 226 KE.

31      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li hija ma tifhimx kif ir-rikorrenti tista’ tiddikjara li d-dritt Spanjol ma jipprovdi l-ebda rimedju ġuridiku kontra r-regolament ikkontestat. Hija tosserva li r-regolament huwa att li jorbot u li, b’mod dirett, jipproduċi drittijiet u obbligi fuq l-individwi, b’tali mod li kull ksur tad-dispożizzjonijiet tiegħu jista’ jiġi invokat quddiem il-qrati nazzjonali. Fid-dritt Spanjol, u bla dubju ta’ xejn f’xi ordinamenti ġuridiċi ta’ Stati Membri oħra, l-awtoritajiet kompetenti huma meħtieġa li jieħdu deċiżjoni fuq domandi magħmula mill-persuni kkonċernati. Jekk, wara li jgħaddi ċertu terminu, l-awtoritajiet kompetenti jonqsu milli jieħdu deċiżjoni fuq dawn id-domandi, tali silenzju huwa ekwivalenti għal rispsota negattiva, jew bil-kontra ta’ dan, għal risposta pożittiva f’ċerti każijiet, u dan jippermetti li jkun jista’ jitressaq rikors fil-każ li min ikun għamel id-domanda in kwistjoni ma jkunx sodisfatt bir-risposta mogħtija lilu. Ladarba jinbdew il-proċeduri legali, xejn ma jipprekludi lill-imsemmi individwu milli jinvoka r-regoli kollha tad-Dritt Kommunitarju u li jitlob, fejn meħtieġ, li ssir talba għal deċiżjoni prelimari skond l-Artikolu 234 KE dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tal-miżura kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32      Preliminarjament għandu jiġi osservat li r-rikorrent ma kkontestax id-dikjarazzjonijiet li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet fil-punt 44 tad-digriet appellat, dikjarazzjonijiet li jgħidu li r-regolament ikkontestat huwa ta’ portata ġenerali. Barra minn dan hija la kkontestat id-dikjarazzjonijiet, esposti fil-punt 56 tad-digriet appellat, li jgħidu li l-interessi speċifiċi tar-rikorrenti ma kinux affettwati mir-regolament ikkontestat u lanqas ma kkontestat id-dikjarazzjonijiet, esposti fil-punt 50 ta’ l-imsemmi digriet, li jgħidu li l-membri tagħha ma kinux affettwati mir-regolament ikkontestat minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddistingwihom mill-persuni l-oħra kollha.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk, bħala rappreżentanti ta’ l-interessi tal-membri tagħha, ir-rikorrenti hijiex ammessa li tressaq, skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 173 tat-Trattat, rikors għall-annullament tar-regolament ikkontestat biss billi tibbaża ruħha fuq il-motiv li d-dritt għal protezzjoni ġurdika effettiva jeżiġi dan, fid-dawl ta’ l-allegat nuqqas ta’ kull rimedju legali quddiem il-qrati nazzjonali.

34      Għandu jiġi mfakkar li skond it-tieni u t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 173 tat-Trattat, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikorsi li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ kompetenza, ksur tar-rekwiżiti proċedurali essenzjali, ksur tat-Trattat u ta’ kull liġi relatata ma’ l-applikazzjoni tiegħu, jew abbuż ta’ poter imressqa minn Stat Membru, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, jew inkella, meta dawn ikunu jirrigwardaw il-ħarsien tal-prerogattivi tagħhom, rikorsi mressqa mill-Parlament Ewropew, mill-Qorti ta’ l-Awdituri u mill-Bank Ċentrali Ewropew. Skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 173, “Kull persuna fiżika jew legali tista’, taħt l-istess kundizzjonijiet, tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lejn dik il-persuna jew kontra deċiżjoni li għalkemm, fil-forma ta’ rolament jew deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, tirrigwarda direttament u individwalment lil dik il-persuna.”

35      Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 173 tat-Trattat, regolament, peress li huwa miżura ta’ portata ġenerali, jista’ jiġi kkontestat biss mill-Istituzzjonijiet, mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Istati Membri (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il-Kummissjoni, 92/78, p. Ġabra 777, punt 40).

36      Madankollu, att ta’ portata ġenerali bħal mhuwa regolament jista’, f’ċerti ċirkustanzi jirrigwarda individwalment ċerti persuni legali jew fiżiċi u għaldaqstant jista’ jiġi meqjus bħala li għandu n-natura ta’ deċiżjoni fir-rigward tagħhom (ara, b’mod partikulari, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 1991, Extramet Industrie vs Il-Kunsill, C-358/89, Ġabra p. I-2501, punt 13; tat-18 ta’ Mejju 1994, Codorniu vs Il-Kunsill, C-309/89, Ġabra p. I-1853, punt 19 u tal-31 ta’ Mejju 2001, Sadam Zuccherifici et vs Il-Kunsill, C-41/99 P, Ġabra p. I-4239, punt 27). Dan huwa l-każ meta l-att in kwistjoni jaffettwa persuni legali jew fiżiċi speċifiċi minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom, jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizahom meta mqabbla mal-persuni l-oħra kollha u minħabba f’dan tindividwalizzahom bl-istess mod bħad-destinatarju (ara, b’mod partikulari, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, u tat-22 ta’ Novembru 2001, Nederlandse Antillen vs Il-Kunsill, C-452/98, Ġabra p. I-8973, punt 60).

37      Jekk ma tkunx tissodisfa din il-kundizzjoni, l-ebda persuna fiżika jew legali ma tista’, taħt l-ebda ċirkustanza, tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli sabiex tressaq rikors għall-anullament ta’ regolament (ara f’dan ir-rigward, id-digriet CNPAAP vs Il-Kunsill, iċċitat aktar ’il fuq, punt 38).

38      Madankollu, għandu jiġi mfakkar li l-Komunità Ewropea hija Komunità bbażata fuq id-dritt fejn l-istituzzjonijiet tagħha huma suġġetti għall-istħarriġ tal-kompatibbiltà ta’ l-atti tagħhom mat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt li jinkludu d-drittijiet funandamentali.

39      Għaldaqstant, l-individwi huma intitolati għall-protezzjoni ġuridika effettiva tad-drittijiet li huma għandhom abbażi ta’ l-ordinament ġuridiku Komunitarju, peress li d-dritt għal dan it-tip ta’ protezzjoni huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta’ l-Istati Membri. Dan id-dritt ġie kkonfermat ukoll fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 18, u tas-27 ta’ Novembru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Awstria, C-424/99, Ġabra p. I-9285, punt 45).

40      Permezz ta’ l-Artikolu 173 u l-Artikolu 184 (li sar, wara l-emendi, l-Artikolu 241 KE) minn naħa, u permezz ta’ l-Artikolu 177 min-naħa l-oħra, it-Trattat stabbilixxa sistema kompluta ta’ rimedji legali u proċeduri intiża sabiex tiggarantixxi li jkun hemm stħarriġ tal-legalità ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet, u dan l-istħarriġ jiġi fdat f’idejn il-Qrati Komunitarji (ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, 294/83, Ġabra p. 1339, punt 23). Taħt din is-sistema l-persuni fiżiċi jew legali ma jistgħux, minħabba l-kundizzjonijiet ta’ ammisibbiltà pprovduti fir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 173 tat-Trattat, jikkontestaw direttament atti Kommunitarji ta’ portata ġenerali, huma għandhom, skond il-każ, il-possibbiltà li jinvokaw l-invalidità ta’ tali atti jew, b’mod inċidentali abbażi ta’ l-Artikolu 184 tat-Trattat, quddiem il-Qrati Komunitarji, jew inkella li jagħmlu dan quddiem il-qrati nazzjonali u jitolbuhom, peress li huma mhumiex kompetenti, sabiex jiddikjaraw l-invalidità ta’ dawn l-atti (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1987, 314/85, Foto-Frost, Ġabra p. 4199, punt 20), sabiex jagħmlu talba għal deċiżjoni preliminari f'dan ir-rigward lill-Qorti tal-Ġustizzja.

41      Għaldaqstant, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu sistema ta’ rimedji legali u proċeduri li jippermettu li jiġi assigurat ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġurdika effettiva.

42      F’dan il-kutnest, skond il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali pprovdut fl-Artikolu 5 tat-Trattat, il-qrati nazzjonali huma obbligati, safejn dan ikun possibbli, li jinterpretaw u japplikaw ir-regoli proċedurali nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju tar-rimedji b’tali mod li jkun possibbli għal persuni fiżiċi jew legali li jikkontestaw quddiem il-qrati l-legalità ta’ kull deċiżjoni jew ta’ kull miżura nazzjonali oħra relatata ma’ l-applikazzjoni ta’ att Komunitarju ta’ portata ġenerali fir-rigward tagħhom, billi jeċeppixxu l-invalidità ta’ dan l-att.

43      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 50 sa 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, li mhuwiex aċċettabbli li tiġi adottata interpretazzjoni tas-sistema tar-rimedji, bħal dik li qiegħda ssotni r-rikkorenti, li tgħid li rikors dirett għal annullament quddiem il-Qorti Kommunitarja jkun possibbli safejn jista’ jiġi ppruvat, wara li din ta’ l-aħħar teżamina b’mod konkret ir-regoli proċedurali nazzjonali, li dawn ir-regoli ma jippermettux li individwu jressaq rikors sabiex jikkontesta l-validità ta’ l-att Komunitarju kkonċernat. Fil-fatt, tali sistema teżiġi li f’kull każ konkret il-Qorti Komunitarja teżamina u tinterpreta d-dritt proċedurali nazzjonali, u dan ikun imur lil hinn mill-kompetenza tagħha fil-kuntest ta’ l-istħarriġ tal-legalità ta’ l-atti Komunitarji.

44      Fl-aħħar nett għandu jintqal ukoll li skond is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità stabbilita mit-Trattat, persuna fiżika jew legali tista’ tressaq rikors sabiex tikkontesta regolament biss jekk din tkun ikkonċernata mhux biss direttament iżda wkoll individwalment. Għalkemm huwa minnu li din l-aħħar kundizzjoni għandha tkun interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva billi jittieħdu in kunsiderazzjoni d-diversi ċirkustanzi li jistgħu jindividwalizzaw rikorrent (ara, per eżempju, is-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Van der Kooy vs Il-Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punt 14; Extramet Industrie vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13, u Codorniu vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19), interpretazzjoni bħal din ma tistax twassal sabiex titwarrab il-kundizzjoni in kwistjoni, li hija espliċitament ipprovduta mit-Trattat, mingħajr ma tinqabeż il-kompetenza li t-Trattat jagħti lill-Qrati Komunitarji.

45      Għalkemm huwa possibbli li jkun hemm sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ l-atti Komunitarji ta’ portata ġenerali li tkun differenti minn dik stabbilita mit-Trattat oriġinali u li qatt ma ġiet emendata f’dak li jirrigwarda l-prinċipji tagħha, madankollu huma l-Istati Membri li għandhom, jekk dan ikun neċċessarju, bi qbil ma’ l-Artikolu 48 KE, jirriformaw is-sistema li attwalment tinsab fis-seħħ.

46      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, għandu jiġi deċiż li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet l-ebda żball ta’ dritt meta ddikjarat li r-rikors tar-rikorrenti kien inammissibbli mingħajr ma eżaminat jekk, f’dan il-każ, kienx jeżisti rimedju quddiem il-qrati nazzjonali li jippermetti li tiġi eżaminata l-validità tar-regolament ikkontestat.

47      Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud

 Fuq l-ispejjeż

48      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta' appell skond l-Artikolu 118 ta' l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill.

49       Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa wkoll applikabbli għall-proċedura ta' appell skond l-Artikolu 118 ta' l-istess Regoli, l-istituzzjonijiet li intervenew fil-proċeduri għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Skond din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

Taqta’ u tiddeċiedi li

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      L-Unión de Pequeños Agricultores għandha tbati l-ispejjeż.

3)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Rodríguez Iglesias

Jann

Macken

Colneric

von Bahr

Gulmann

Edward

La Pergola

Puissochet

Wathelet

Schintgen

Skouris

 

      Cunha Rodrigues

 

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Lulju 2002.

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol.