Language of document : ECLI:EU:C:2013:33

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

24 ta’ Jannar 2013 (*)

“Artikoli 43 u 49 KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi dritt esklużiv biex tmexxi, tamministra, torganizza u topera logħob tal-ażżard lil impriża waħda li għandha l-istruttura ġuridika ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, ikkwotata fil-Borsa — Reklamar tal-logħob tal-ażżard u espansjoni fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea — Kontroll mill-Istat”

Fil-Kawżi magħquda C‑186/11 u C‑209/11,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-21 ta’ Jannar 2011, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fl-20 ta’ April 2011 u fl-4 ta’ Mejju 2011, fil-proċeduri

Stanleybet International Ltd (C‑186/11),

William Hill Organization Ltd (C‑186/11),

William Hill plc (C‑186/11),

Sportingbet plc (C‑209/11)

vs

Ypourgos Oikonomias kai Oikonomikon,

Ypourgos Politismou,

fil-preżenza ta’:

Organismos prognostikon agonon podosfairou AE (OPAP),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J.‑C. Bonichot, C. Toader (Relatur), A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Stanleybet International Ltd, minn G. Dellis, P. Kakouris, u G. Troufakos, dikigoroi, kif ukoll minn R.A. Jacchia, I. Picciano, A. Terranova u D. Agnello, avukati,

–        għal William Hill Organization Ltd u William Hill plc, minn G.A. Antonakopoulos, dikigoros,

–        għal Sportingbet plc, minn S. Alexandris u P. Anestis, dikigoroi,

–        għal Ypourgos Oikonomias kai Oikonomikon u għal Ypourgos Politismou, minn S. Detsis, bħala aġent,

–        għall-Organismos prognostikon agonon podosfairou AE (OPAP), minn G. Gerapetritis u G. Ganotis, dikigoroi,

–        għall-Gvern Grieg, minn G. Papadaki u E.-M. Mamouna kif ukoll minn E. Synoikis u I. Bakopoulos, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck, avukat,

–        għall-Gvern Pollakk, minn D. Lutostańska kif ukoll minn P. Kucharski u M. Szpunar, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn A. Silva Coelho, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Patakia u I. Rogalski, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 49 KE.

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, l-ewwel waħda (C‑186/11), Stanleybet International Ltd (iktar ’il quddiem “Stanleybet”) kif ukoll William Hill Organization Ltd u William Hill plc (iktar ’il quddiem, flimkien, “William Hill”) u, it-tieni waħda (C‑209/11), Sportingbet plc (iktar ’il quddiem “Sportingbet”) u Ypourgos Oikonomias kai Oikonomikon (Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzi) u Ypourgos Politismou (Ministru għall-Kultura), dwar ir-rifjut taċitu mill-awtoritajiet elleniċi għat-talbiet rispettivi fformulati minn Stanleybet, William Hill u Sportingbet sabiex ikunu awtorizzati jipprovdu servizzi ta’ mħatri fil-Greċja, filwaqt li l-Organismos prognostikon agonon podosfairou AE (OPAP) (iktar ’il quddiem l-“OPAP”) kienet parti intervenjenti f’kull waħda minn dawn il-kawżi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Grieg

 Il-Liġi n 2433/1996

3        Mill-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi n 2433/1996 (FEK A’ 180), li stabbilixxiet il-monopolju Statali fis-settur tal-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard, jirriżulta li l-għan prinċipali ta’ dik il-leġiżlazzjoni huwa biex telimina l-imħatri illegali, li “fis-snin reċenti saru epidemija fil-[Greċja]”, filwaqt li l-għan sekondarju huwa l-bżonn li jiżdied id-dħul għall-isport. Barra minn hekk, l-espożizzjoni tal-motivi tenfasizza li “jitqies li huwa neċessarju li kull tip ta’ mħatra tingħata bullettin [...] sabiex tiżdied l-effettività [fil-Greċja] tal-ġlieda kontra l-imħatri illegali, li għandhom, inter alia, l-effett dirett li jesportaw il-munita minħabba li l-kumpanniji li fil-preżent jorganizzaw l-imħatri illegali fil-Greċja jikkooperaw ma’ kumpanniji barranin u jaċċettaw ukoll tali mħatri f’isimhom.”

4        L-Artikoli 2 u 3 ta’ din il-liġi huma fformulati kif ġej:

“Artikolu 2

1. L-impożizzjoni ta’ bullettin għall-imħatri b’‘rebħ fiss jew varjabbli’ fuq kull tip ta’ sports individwali jew ta’ tim u fuq ġrajjiet li jistgħu jwasslu għal imħatri […] għandha tkun awtorizzata b’digriet presidenzjali [...]. L-[OPAP] qiegħda tinħatar bħala amministratur tal-bullettin tal-imħatri kkonċernat [...].

2 Kull min jorganizza mħatra mingħajr ma jkun awtorizzat [...] jista’ jeħel perijodu ta’ priġunerija [...]

Artikolu 3

1.L-ispejjeż annwali għar-reklamar tal-logħob tal-ażżard [...] li l-OPAP torganizza jew tkun ser torganizza fil-futur għandhom jinqasmu proporzjonalment bejn l-OPAP u l-korpi l-oħra li jibbenefikaw mid-drittijiet li jirriżultaw minn kull logħba OPAP [...]

5. L-OPAP tkun intitolata tuża sa 10% mill-ispazju għar-reklamar fi stejdjums u ġimms nazzjonali, muniċipali u tal-komunità, fuq l-istrutturi ta’ reklamar tal-prodotti tagħha mingħajr ma teħtieġ li tħallas [...]”

 Id-Digriet Presidenzjali Nru 228/1999

5        L-Artikoli 1 u 2 tad-Digriet Presidenzjali Nru 228/1999 (FEK A’ 193) jiddisponu:

“Artikolu 1

Ġiet stabbilita kumpannija b’responsabbiltà limitata bl-isem [OPAP]. […] Il-kumpannija għandha topera fl-interess pubbliku abbażi tar-regoli tal-ekonomija privata. […]

Artikolu 2

1. L-[OPAP]. għandha l-għan:

a) torganizza, topera u tmexxi, kemm jekk waħedha jew b’kollaborazzjoni ma’ terzi, PRO-PO […] u kull logħba oħra tal-ażżard li l-bord tad-diretturi jintroduċi fil-futur fil-pajjiż kollu jew barra mill-pajjiż f’isem l-Istat Grieg […];

b) dan il-logħob u l-logħob l-ieħor li jiġi organizzat fil-futur għandu jitmexxa esklużivament mill-kumpannija [OPAP]. OPAP. f’isem l-Istat Grieg […].”

 Il-Liġi Nru 2843/2000

6        L-Artikolu 27 tal-Liġi Nru 2843/2000 (FEK A’ 219), kif emendat bil-Liġi Nru 2912/2001 (FEK A’ 94, iktar ’il quddiem il-“Liġi n 2843/2000”) jipprovdi dan li ġej:

“1. L-Istat jista’, permezz tal-Borża ta’ Ateni, joffri lill-investituri perċentwali li tista’ tammonta sa 49 %) tal-kapital azzjonarju tal-[OPAP].

2. a) Permezz ta’ kuntratt magħmul bejn l-Istat Grieg, irrappreżentat mill-Ministru tal-Finanzi u l-Ministru tal-Kultura responsabbli għall-isport […] u l-OPAP, l-OPAP għandha tingħata d-dritt esklużiv għal għoxrin (20) sena biex tmexxi, tamministra, torganizza u topera l-logħob li għandha bħalissa, skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ, u l-logħob ‘Bingo Lotto’, ‘Kino’ […]

b) Ir-regoli għal kull logħba OPAP, li jirregolaw kwistjonijiet li jirrigwardaw is-suġġett tal-logħob, l-organizzazzjoni u l-operat tagħhom inġenerali u l-kundizzjonijiet finanzjarji li taħthom jintlagħbu l-logħob u, b’mod partikolari, il-perċentwal li jitħallas lill-ġugaturi rebbieħa, il-perċentwal ta’ rebħ għal kull kategorija ta’ rebbieħa, il-prezz għal kull kolonna u l-perċentwal ta’ kummissjoni għall-aġenti, għandhom jinħarġu permezz ta’ deċiżjoni adottata mill-bord tad-diretturi tal-OPAP u approvata mill-Ministru tal-Finanzi u l-Ministru tal-Kultura responsabbli għall-Isport […]

ċ) Il-kuntratt imsemmi fil-paragrafu 2(a) għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju, min-naħa ta’ OPAP, u għat-tiġdid, tad-dritt imsemmi f’dak il-paragrafu, il-korrispettiv għal dak id-dritt, il-metodu tal-ħlas tiegħu, l-obbligi iktar speċifiċi li għandha l-OPAP u b’mod partikolari, il-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-prinċipji tat-trasparenza tal-proċeduri għat-tmexxija tal-logħob u tal-protezzjoni tal-ordni pubbliku u l-ġugaturi [...].

9.a) Jekk il-liġi tippermettilha tmexxi logħba ġdida b’żieda ma’ dawk imsemmija fil-paragrafu 2(a), il-kumitat speċjali għandu jitwaqqaf […] biex jistabbilixxi l-pattijiet u kundizzjonijiet, u l-korrispettiv għad-dritt li jingħata lill-OPAP biex tmexxi l-logħba. [...] Jekk l-OPAP tirrifjuta li tieħu f’idejha t-tmexxija tal-logħba l-Istat jista’ jeħodha f’idejh. Jekk it-tmexxija tal-logħba inkwistjoni tkun permessa li titħalla f’idejn terz, il-korrispettiv ma għandux ikun inqas minn dak propost lill-OPAP Kull logħba futura li tirrigwarda, b’mod partikolari, il-ġrajjiet sportivi jistgħu jitmexxew esklużivament minn O.P.A.P biss.”

 Il-Liġi Nru 3336/2005

7        L-Artikolu 14(1) tal-Liġi Nru 3336/2005 (FEK A’ 96) emenda l-Artikolu 27(1) tal-Liġi Nru 2843/2000 li jipprovdi finalment dan li ġej:

“L-Istat jista’, permezz tal-Borża ta’ Ateni, joffri lill-investituri perċentwali li tista’ tammonta sa 66 % mill-kapital azzjonarju tal-[OPAP]. Il-perċentwali tas-sehem tal-Istat fl-OPAP ma għandha qatt tkun inqas minn 34 %”.

 Il-Liġi Nru 3429/2005

8        Kif jirriżulta mill-Artikolu 20 tal-Liġi Nru 3429/2005 (FEK A’ 314) id-dritt tal-Istat biex jappunta l-maġġoranza tal-membri tal-bord tad-diretturi tħassar.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

9        Stanleybet, William Hill u Sportingbet huma kumpanniji stabbiliti fir-Renju Unit, fejn ingħataw liċenzji biex jorganizzaw logħob tal-ażżard.

10      Kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet tar-rinviju, fil-Greċja, skont il-Liġijiet Nru 2433/1996 u Nru 2843/2000 kif ukoll taħt il-kuntratt konkluż bejn l-OPAP u l-Istat Elleniku fl-2000, l-OPAP ingħatat id-dritt esklużiv għal perijodu ta’ għoxrin sena, jiġifieri sal-2020, biex tmexxi, tamministra, torganizza u topera l-logħob tal-ażżard u bullettini ta’ imħatri b’rebħ fiss jew varjabbli fil-Greċja.

11      L-OPAP, għall-bidu impriża pubblika miżumuma 100 % mill-Istat Grieg, bdiet topera fl-1999 fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata u ġiet ikkwotata fil-Borża ta’ Ateni fl-2001, fejn l-Istat, hekk kif ġiet ikkwotata fil-Borsa, żamm 51 % tal-azzjonijiet tiegħu fl-OPAP.

12      Fl-2005, l-Istat iddeċieda li jiġi ridott għal azzjonist f’minoranza billi jżomm biss 34 % mill-azzjonijiet tal-OPAP Mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 3336/2005, anki jekk l-Istat Grieg kellu biss sehem minoritarju fil-kapital tal-OPAP, madankollu kellu d-dritt jaħtar il-maġġoranza tal-membri tal-bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija. Dak id-dritt li jaħtar il-maġġoranza tal-membri tal-bord tad-diretturi tħassar permezz tal-Artikolu 20 tal-Liġi Nru 3429/2005 inkwantu kien kontra l-Liġi Kodifikata Nru 2190/1920 fuq il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata (FEK A’ 37), liema liġi tipprovdi li l-membri tal-bord tad-diretturi tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata għandhom jiġu eletti esklużivament mil-laqgħa ġenerali.

13      L-Istat Elleniku madankollu kompla jikkontrolla lill-OPAP, speċjalment billi japprova r-regoli li jirregolaw l-attivitajiet tagħha u billi jissorvelja l-proċedura li tiġi applikata biex jitmexxa l-logħob. Minkejja dan, fl-opinjoni tal-maġġoranza tal-membri tal-ġudikatura tal-qorti tar-rinviju, l-OPAP hija kkontrollata biss b’manjiera superfiċjali mill-Istat.

14      L-OPAP espandiet l-attivitajiet tagħha kemm fil-Greċja kif ukoll barra mill-pajjiż. Fil-fatt, l-OPAP kienet diġà waqqfet 206 aġenżija f’Ċipru sal-31 ta’ Marzu 2005, u dan skont ftehim bejn il-Greċja u Ċipru dwar il-kwistjoni. Barra minn hekk, bl-għan li tiżviluppa l-attivitajiet tagħha f’Ċipru, l-OPAP ifformat kumpannija rreġistrata bħala OPAP Kiprou Ltd fl-2003 u kumpannija rreġistrata bħala OPAP International Ltd fl-2004.

15      Huwa paċifiku li l-OPAP tiffissa l-ammont massimu tal-imħatri kif ukoll tar-rebħ għal kull bullettin u mhux għal kull ġugatur u li, għal dak li jirrigwarda r-reklamar għal-logħob tal-ażżard li hija torganizza, hija tibbenefika minn kundizzjonijiet preferenzjali peress li għandha d-dritt li tuża, mingħajr ma teħtieġ li tħallas, sa 10 % mill-ispazju għar-reklamar fl-istejdjums u fil-ġimms nazzjonali, muniċipali u tal-komunità.

16      Fil-25 ta’ Novembru 2004, Stanleybet ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju dwar l-annullament tar-rifjut taċitu mill-awtoritajiet Elleniċi sabiex tilqa’ t-talba tagħha rigward l-awtorizzazzjoni biex torganizza, fuq it-territorju Grieg, imħatri sportivi. Żewġ rikorsi oħra li kellhom suġġett simili kienu ġew ippreżentati quddiem il-qorti tar-rinviju minn William Hill, fit-18 ta’ Lulju 2007, u minn Sportingbet, fil-5 ta’ Jannar 2007, rispettivament, filwaqt li din tal-aħħar talbet ukoll għall-awtorizzazzjoni sabiex torganizza l-logħob tal-ażżard li kien diġà jeżisti fuq is-suq Grieg. L-OPAP ġiet ammessa bħala parti intervenjenti f’dawn il-proċeduri.

17      Skont l-opinjoni tal-maġġoranza tal-membri tal-ġudikatura tal-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi lil OPAP sitwazzjoni ta’ monopolju, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ġġustifikata fid-dawl tal-Artikoli 43 KE u 49 KE. Huma jsostnu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tinsab fl-oriġini ta’ din is-sitwazzjoni ma għandha l-ebda ġustifikazzjoni fir-rigward tan-neċessità li tnaqqas l-offerta tal-logħob tal-ażżard, b’manjiera koerenti u effikaċi u li tillimita l-attivitajiet li huma marbuta magħha. Tali restrizzjoni lanqas ma hija ġġustifikata mill-għan spejgat li tiġġieled il-kriminalità marbuta mal-logħob tal-ażżard, peress li, f’konformità mal-opinjoni tal-maġġoranza tal-membri tal-ġudikatura tal-qorti tar-rinviju, l-espansjoni tas-settur tal-logħob tal-ażżard fil-Ġreċja ma tistax titqies bħala kkontrollata.

18      Skont l-opinjoni tal-minoranza tal-membri tal-ġudikatura tal-qorti tar-rinviju, is-sitwazzjoni ta’ monopolju organizzata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata fid-dawl tal-Artikoli 43 KE u 49 KE, peress li l-għan prinċipali ta’ din il-leġiżlazzjoni ma huwiex in-neċessità li titnaqqas l-offerta tal-logħob tal-ażżard, iżda il-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta ma’ dan tal-aħħar, għan li tixtieq tikseb il-politika ta’ espansjoni kkontrollata tas-settur tal-logħob tal-ażżard.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi s-Symvoulio tis Epikrateias iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex jintlaħaq l-għan li jikkonsisti f’li tiġi limitata l-offerta ta’ logħob tal-ażżard, tagħti d-dritt esklużiv ta’ amministrazzjoni, tmexxija, organizzazzjoni u operat tal-logħob tal-ażżard lil impriża waħda, li għandha l-istruttura ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata u li hija kkwotata fil-Borsa, hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 43 u 49 KE, meta, minbarra dan, din l-impriża tirreklama l-logħob tal-azżard li hija torganizza u li hija għandha l-intenzjoni li torganizza f’pajjiżi barranin, fejn il-ġugaturi jipparteċipaw liberament u li l-ammont massimu ta’ mħatra u ta’ rebħa huwa ffissat skont bullettin u mhux minn ġugatur?

2)      F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda preliminari, leġiżlazzjoni nazzjonali li, intiża esklużivament sabiex tkun miġġielda l-kriminalità permezz tal-eżerċizzju ta’ kontroll fuq l-impriżi li joperaw fis-settur inkwistjoni, b’mod li tagħmel mezz li dawn l-attivitajiet ikunu eżerċitati unikament ġewwa ċirkuwiti kkontrollati, tagħti d-dritt esklużiv ta’ amministrazzjoni, tmexxija, organizzazzjoni u operat tal-logħob tal-ażżard lil impriża waħda hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 43 u 49 KE, anki meta dan l-għoti għandu parallelament bħala effett espansjoni illimitata tal-offerta kkonċernata? Jew inkella huwa meħtieġ, f’kull każ, li, sabiex il-limitazzjoni inkwistjoni tiġi kkunsidrata bħala adegwata sabiex jitwettaq l-għan ta’ ġlieda kontra l-kriminalità, il-portata tal-offerta tkun, bi kwalunkwe mod, ikkontrollata, jiġifieri li hija estiża biss daqskemm huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ dan l-għan? Fil-każ fejn din l-espansjoni għandha assolutament tiġi kkontrollata, tista’ tiġi kkunsidrata bħala kkontrollata, minn din il-perspettiva, jekk dritt esklużiv jingħata fis-settur inkwistjoni lill-uniku korp li għandu l-karatteristiċi deskritti fl-ewwel domanda preliminari? Fl-aħħar nett, fil-każ fejn l-għoti tad-dritt esklużiv inkwistjoni huwa kkunsidrat bħala li jwassal għal espansjoni kkontrollata tal-offerta ta’ logħob tal-ażżard, dan l-għoti li jsir lil impriża waħda u unika jeċċedi dak li huwa neċessarju, fis-sens li l-istess għan jista’ wkoll effettivament jintlaħaq jekk dan id-dritt jingħata lil iktar minn impriża waħda?

3)      Jekk, sussegwentement għaż-żewġ domandi preliminari msemmija iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-għoti, permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti f’dan il-każ, tad-dritt esklużiv ta’ amministrazzjoni, tmexxija, organizzazzjoni u operat tal-logħob tal-ażżard ma huwiex kompatibbli mal-Artikoli 43 u 49:

a) Huwa ammissibbli, fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tat-trattat, li l-awtoritajiet nazzjonali ma jeżaminawx, matul it-tul ta’ perijodu tranżitorju, neċessarju għall-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet kompatibbli mat-Trattat KE, id-domandi magħmula minn persuni legalment stabbiliti fi Stati Membri oħra bil-għan li jiġu eżerċitati l-attivitajiet ikkonċernati?

b) F’każ ta’ risposta affermattiva, fuq il-bażi ta’ liema kriterji, it-tul ta’ dan il-perijodu tranżitorju huwa ffissat?

ċ) Jekk perijodu tranżitorju ma huwiex ammissibbli, fuq il-bażi ta’ liema kriterji, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jevalwaw id-domandi kkonċernati?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

20      Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li jixraq li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhomx ikunu interpretati bħala li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti d-dritt esklużiv biex tmexxi, tamministra, torganizza u topera l-logħob tal-ażżard lil impriża waħda sa fejn, minkejja li l-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali huwa jew li tiġi limitata l-offerta tal-logħob tal-ażżard jew li tiġġieled il-kriminalità li tirrigwarda l-logħob tal-ażżard, l-impriża li ngħatat dan id-dritt esklużiv għandha politika kummerċjali espansjonista.

21      Huwa paċifiku li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik deskritta mill-qorti tar-rinviju, tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 49 KE jew fuq il-libertà ta’ stabbiliment kif iggarantita mill-Artikolu 43 KE inkwantu tagħti lil OPAP monopolju u tipprojbixxi lill-fornituri bħalma huma Stanleybet, William Hill u Sportingbet, li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor, milli joffru logħob tal-ażżard fit-territorju tal-Greċja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Stoß et, C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07, Ġabra p. I‑8069, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Huwa madankollu xieraq li jiġi evalwat jekk tali restrizzjonijiet jistgħux jiġu ammessi bħala miżuri derogatorji, minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika, espressament ipprovduti fl-Artikoli 45 KE u 46 KE, applikabbli bl-istess mod għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 55 KE, jew iġġustifikati, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Garkalns, C‑470/11, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Għaldaqstant, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-restrizzjonijiet għall-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard jistgħu jkunu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħall-protezzjoni tal-konsumaturi u l-prevenzjoni mill-frodi u mill-inkoraġġiment taċ-ċittadini għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob (sentenza Garkalns, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-ażżard tagħmel parti mill-oqsma fejn hemm diverġenzi kunsiderevoli ta’ natura morali, reliġjuża u kulturali bejn l-Istati Membri. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni Komunitarja f’dan ir-rigward, huwa kull Stat Membru li għandu jevalwa, f’dawn l-oqsma, skont l-iskala ta’ valuri partikolari għalih, ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex jiġu protetti l-interessi inkwistjoni (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, Ġabra p. I‑7633, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan il-każ, għal dak li jirrigwarda l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ddikjarat li tixtieq tikseb, jiġifieri t-tnaqqis tal-offerta tal-logħob tal-ażżard u l-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta ma’ dan il-logħob billi jiġbru l-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard f’qafas ta’ espansjoni kkontrollata, hemm lok li jitfakkar li huma fost dawk rikonoxxuti mill-ġurisprudenza bħala li huma ta’ natura li jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali fis-settur tal-logħob tal-ażżard (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Costa u Cifone, C‑72/10 u C‑77/10, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Madankollu, l-identifikazzjoni tal-għanijiet li jridu jintlaħqu b’mod effettiv mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tifforma parti, fil-kuntest ta’ kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, mill-kompetenza tal-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Dickinger u Ömer, C‑347/09, Ġabra p. I‑8185, punt 51).

27      Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li r-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-proporzjonalità tagħhom u għandhom jiġu applikati b’mod mhux diskriminatorju. Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan mixtieq biss jekk verament tirrifletti l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punti 59 sa 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Is-sempliċi fatt li Stat Membru jkun għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat Membru ieħor ma jistax jaffettwa l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati għal dan il-għan. Tali dispożizzjonijiet għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-għanijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat u tal-livell ta’ protezzjoni li dawn ikunu jixtiequ jiżguraw (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, HIT u HIT LARIX, C‑176/11, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Stat Membru li jfittex li jiżgura livell ta’ protezzjoni partikolarment għoli jista’, konsegwentement, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat fil-ġurisprudenza tagħha, ikun intitolat jikkunsidra li huwa biss l-għoti tad-drittijiet esklużivi lil organu wieħed li huwa suġġett għal kontroll strett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi li jista’ jippermettilu jikkontrolla r-riskji marbuta mas-settur tal-logħob tal-ażżard u li jilħaq l-għan ta’ prevenzjoni tal-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u tal-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob b’mod suffiċjentement effettiv (ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, Zeturf, C‑212/08, Ġabra p. I‑5633, punt 41).

30      Sa fejn jirrispettaw ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità msemmi iktar ’il fuq, huwa fil-fatt aċċettat li l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali jikkunsidraw li l-fatt li, fil-kwalità tagħhom bħala kontrollur tal-organu li ngħata l-monopolju, huma jiddisponu minn mezzi addizzjonali li jippermettulhom jinfluwenzaw l-imġiba ta’ dan l-organu lil hinn mill-mekkaniżmi regolatorji u ta’ sorveljanza legali, jista’ jiżguralhom kontroll aħjar tal-offerta ta’ logħob tal-ażżard u garanziji aħjar ta’ effettività fl-implementazzjoni tal-politika tagħhom milli fil-każ tal-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet minn operaturi privati f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni, kieku dawn tal-aħħar kienu suġġetti għal sistema ta’ awtorizzazzjoni u suġġetti għal sistema ta’ kontroll u ta’ sanzjonijiet (sentenza Zeturf, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

31      Fir-rigward tal-ewwel għan dwar il-limitazzjoni tal-offerta tal-logħob tal-ażżard, hekk kif issemma fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura, b’mod partikolari, fid-dawl tal-modalitajiet konkreti ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni restrittiva kkonċernata, li din tirrispondi realment għar-rieda li jitnaqqsu l-okkażjonijiet ta’ logħob u li jiġu limitati l-attivitajiet f’dan is-settur b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Garkalns, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju hija b’mod partikolari intitolata tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi li jikkaratterizzaw il-qafas leġiżlattiv tal-OPAP u l-manjiera kif dan il-korp jaħdem fil-prattika, skont kif dawn l-elementi ġew imsemmija fid-deċiżjoni ta’ rinviju, bħall-fatt li l-OPAP għandha ċerti drittijiet u privileġġi għal dak li jirrigwarda r-reklamar li jsir għal-logħob tal-azżard li hija torganizza jew anki, il-fatt li l-ammont massimu huwa ffissat għal kull bullettin u mhux għal kull ġugatur. Hija madankollu l-imsemmija qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi jekk tali elementi u l-oħrajn kollha li jirriżultaw rilevanti minn din il-perspettiva huma tali li jwasslu għall-konklużjoni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tissodisfax l-eżiġenzi mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

33      Għal dak li jirrigwarda t-tieni għan rigward il-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mal-logħob tal-ażżard, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, fid-dawl b’mod partikolari tal-evoluzzjoni tas-suq tal-logħob tal-ażżard fuq livell nazzjonali, li l-kontroll mill-Istat li fil-prinċipju l-attivitajiet tal-impriża li għandha l-monopolju huma suġġetti għalihom, huwa effettivament implementat fit-tfittxija koerenti u sistematika tal-għanijiet intiżi mill-istabbiliment tas-sistema ta’ esklużività favur tali impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Zeturf, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan ir-rigward, huwa xieraq li jitfakkar li n-natura effettiva ta’ dan il-kontroll mill-Istat għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li miżura tant restrittiva bħalma huwa l-monopolju għandha, fost l-oħrajn, tkun suġġetta għal kontroll strett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Zeturf, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

35      Fil-fatt, għalkemm uħud mill-elementi msemmija fid-deċiżjoni ta’ rinviju, b’mod partikolari, il-fatt li l-OPAP hija kumpannija b’responsabbiltà limitata kkwotata fil-Borża u l-evalwazzjoni li l-OPAP hija biss ikkontrollata b’manjiera superfiċjali mill-Istat Grieg, jidhru li jissuġġerixxu li r-rekwiżiti fil-punti 33 u 34 ta’ din is-sentenza ma jistgħux jiġu sodisfatti, madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija elementi u l-elementi l-oħra kollha li jirriżultaw rilevanti għal dan il-għan.

36      Fid-dawl tat-totalità ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, huwa xieraq li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari tkun li l-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom ikunu interpretati bħala li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti d-dritt esklużiv biex tmexxi, tamministra, torganizza u topera l-logħob tal-ażżard lil impriża waħda meta, minn naħa, din il-leġiżlazzjoni ma tirrispondix realment għar-rieda li jitnaqqsu l-okkażjonijiet ta’ logħob u li jiġu limitati l-attivitajiet f’dan is-settur b’mod koerenti u sistematiku u min-naħa l-oħra, meta kontroll strett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi fuq l-espansjoni tas-settur tal-logħob tal-ażżard, sa fejn huwa neċessarju għall-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta ma’ dan il-logħob, ma jiġix żgurat, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistħarreġ dan.

 Fuq l-ewwel u t-tieni partijiet tat-tielet domanda

37      Permezz tal-ewwel parti tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li tistabbilixxi jekk, fil-każ ta’ inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard mad-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħux ma jeżaminawx, matul it-tul ta’ perijodu tranżitorju, talbiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet fis-settur tal-logħob tal-ażżard.

38      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’dan ir-rigward li, minħabba fis-supremazija tad-dritt tal-Unjoni li huwa direttament applikabbli, leġiżlazzjoni nazzjonali dwar monopolju pubbliku fis-settur tal-logħob tal-ażżard li, skont il-konstatazzjonijiet imwettqa minn qorti nazzjonali, tinkludi restrizzjonijiet inkompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment u mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, billi dawn ir-restrizzjonijiet ma jikkontribwixxux sabiex jiġu llimitati l-attivitajiet ta’ mħatri b’mod koerenti u sistematiku, ma tistax tkompli tapplika matul perijodu tranżitorju (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, C‑409/06, Ġabra p. I‑8015, punt 69).

39      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel parti tat-tielet domanda għandha tkun li, fil-każ ta’ inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard mad-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux ma jeżaminawx, matul il-perijodu tranżitorju, talbiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet fis-settur tal-logħob tal-ażżard.

40      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel parti tat-tielet domanda, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni parti ta’ din id-domanda.

 Fuq it-tielet parti tat-tielet domanda

41      Permezz tat-tielet parti tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li tistabbilixxi, fid-dawl tar-risposti għad-domandi preċedenti, il-kriterji li fuqhom l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jeżaminaw talbiet għall-awtorizzazzjoni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u liema huma l-konsegwenzi li għandhom jirriżultaw minn rifjut eventwali għall-għoti ta’ perijodu tranżitorju għal dak li jirrigwarda r-riżultat tal-proċedura ta’ eżami ta’ dawn it-talbiet għall-awtorizzazzjoni.

42      Ċertament, jirriżulta mill-punt 38 ta’ din is-sentenza li l-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni li huwa direttament applikabbli jipprekludi l-għoti, f’dan il-każ, ta’ perijodu tranżitorju.

43      Madankollu għad hemm il-problema dwar jekk l-eventwali konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mal-Artikoli 43 KE u 49 KE flimkien ma’ rifjut għall-għoti ta’ perijodu tranżitorju humiex tali li jobbligaw lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jagħtu l-awtorizzazzjonijiet mitluba, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fl-aħħar tal-proċedura ta’ eżami.

44      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li f’dan il-qasam partikolari tal-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard, l-awtoritajiet nazzjonali jibbenefikaw minn setgħa diskrezzjonali suffiċjenti sabiex jiddeterminaw ir-rekwiżiti għall-protezzjoni tal-konsumatur u tal-ordni pubbliku u, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jiġu osservati, huwa kull Stat Membru li għandu jevalwa jekk, fil-kuntest tal-għanijiet leġittimi li huwa jrid jilħaq, huwiex neċessarju li jipprekludi totalment jew parzjalment l-attivitajiet marbuta mal-logħob tal-ażżard jew mal-imħatri, jew biss li jillimitahom u li jipprevedi għal dan il-għan regoli ta’ kontroll xi ftit jew wisq stretti (ara s-sentenza Garkalns, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Huwa wkoll paċifiku li, bil-kontra tal-istabbiliment ta’ kompetizzjoni libera u mhux distorta fi ħdan suq tradizzjonali, l-applikazzjoni ta’ tali kompetizzjoni fis-suq speċifiku ħafna tal-logħob tal-ażżard, jiġifieri bejn diversi operaturi li jistgħu jiġu awtorizzati jipprovdu l-istess logħba tal-ażżard, tista’ twassal għall-effett negattiv, li jiġi mill-fatt li dawn l-operaturi jkollhom jikkompetu fuq livell kreattiv biex irendu l-offerta tagħhom iktar attraenti minn dik tal-kompetituri tagħhom u, b’hekk, iżidu l-infiq tal-konsumaturi marbut mal-logħob u r-riskji ta’ dipendenza ta’ dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Sporting Exchange, C‑203/08, Ġabra p. I‑4695, punt 58).

46      Hemm għaldaqstant lok li jiġi kkonstatat li rifjut tal-għoti ta’ perijodu tranżitorju fil-każ ta’ inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikoli 43 KE u 49 KE ma jwassalx neċessarjament għall-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat biex jilliberalizza s-suq fil-logħob tal-ażżard fil-każ fejn huwa jqis li tali liberalizzazzjoni ma hijiex kompatibbli mal-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-ordni pubbliku li dan l-Istat Membru għandu jiżgura. Fil-fatt, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, huwa possibbli għall-Istati Membri li jagħmlu riforma fil-monopolju eżistenti sabiex jagħmluh kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-trattat, billi jissottomettuh b’mod partikolari għall-kontroll effettiv u strett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi.

47      Fi kwalunkwe każ, jekk l-Istat Membru kkonċernat kellu jikkunsidra li riforma fil-monopolju eżistenti sabiex jagħmluh kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-trattat, ma hijiex possibbli u li l-liberazzjoni tas-suq fil-logħob tal-ażżard tissodisfa aħjar il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-ordni pubbliku li dan l-Istat Membru għandu jiżgura, huwa jkun marbut jirrispetta r-regoli fundamentali tat-trattati, b’mod partikolari l-Artikoli 43 KE u 49 KE, il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza kif ukoll l-obbligu konsegwenti ta’ trasparenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Costa u Cifone, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’każ bħal dan, l-introduzzjoni f’dan l-Istat Membru ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel għal dak li jirrigwarda l-offerta ta’ ċertu tip ta’ logħob tal-ażżard għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa minn qabel, b’mod li jiċċirkoskrivi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex din ma tkunx tista’ tiġi użata b’mod arbitrarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2010, Carmen Media Group, C‑46/08, Ġabra p. I‑8149, punt 90, kif ukoll Costa u Cifone, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tielet parti tat-tielet domanda għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jevalwaw it-talbiet għal awtorizzazzjoni tal-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard li jiġu sottomessi lilhom skont il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-ordni pubbliku li huma jixtiequ jiżguraw, iżda abbażi ta’ kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti d-dritt esklużiv biex tmexxi, tamministra, torganizza u topera l-logħob tal-ażżard lil impriża waħda meta, minn naħa, din il-leġiżlazzjoni ma tirrispondix realment għar-rieda li jitnaqqsu l-okkażjonijiet ta’ logħob u li jiġu limitati l-attivitajiet f’dan is-settur b’mod koerenti u sistematiku u, min-naħa l-oħra, meta kontroll strett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi fuq l-espansjoni tas-settur tal-logħob tal-ażżard, sa fejn huwa neċessarju għall-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta ma’ dan il-logħob, ma jiġix żgurat, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistħarreġ dan.

2)      Fil-każ ta’ inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard mad-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux ma jeżaminawx, matul it-tul ta’ perijodu tranżitorju, talbiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet fis-settur tal-logħob tal-ażżard.

3)      Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jevalwaw it-talbiet għal awtorizzazzjoni tal-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard li jiġu sottomessi lilhom skont il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-ordni pubbliku li huma jixtiequ jiżguraw, iżda abbażi ta’ kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.