Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Portugall) fit-13 ta’ Ottubru 2016 – Meo – Serviços de Comunicações e Multimédia S.A. vs Autoridade da Concorrência

(Kawża C-525/16)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Meo – Serviços de Comunicações e Multimédia S.A.

Konvenuta: Autoridade da Concorrência

Parti oħra: GDA - Cooperativa de Gestão dos Direitos dos Artistas Intérpretes ou Executantes, CRL

Domandi preliminari

i.    Fil-każ li jiġu pprovati jew ikun hemm indikazzjonijiet, f’kawża li tinvolvi sanzjoni, ta’ fatti relatati mal-effetti ta’ prattika ta’ tariffi diskriminatorji min-naħa ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti fir-rigward ta’ waħda mill-impriżi li jbigħu bl-imnut u li jippreġudikawha meta mqabbla mal-kompetituri tagħha, il-kwalifika tal-aġir bħala li jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv skont is-subparagrafu (c) [tat-tieni paragrafu] tal-Artikolu 102 TFUE hija suġġetta għal evalwazzjoni ulterjuri tal-gravità, rilevanza jew importanza ta’ dawn l-effetti fil-pożizzjoni kompetittiva u/jew fil-kapaċità kompetittiva tal-impriża kkonċernata, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità li tiġi assimilata d-differenza tal-ispejjeż sostnuti fl-ambitu tas-servizz bl-ingrossa?

ii.    Fil-każ li jiġi pprovat jew ikun hemm indikazzjoni, f’kawża li tinvolvi sanzjoni, ta’ piż sinjifikattivament imnaqqas fl-ispejjeż sostnuti, il-profitti magħmula u l-vijabbiltà miksuba mill-impriża li tbigħ bl-imnut ikkonċernata, li jirriżulta minn prattika ta’ tariffi diskriminatorji min-naħa ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, l-interpretazzjoni skont is-subparagrafu (c) [tat-tieni paragrafu] tal-Artikolu 102 TFUE u l-ġurisprudenza tas-sentenzi British Airways 1 u Clearstream 2 hija kompatibbli ma’ deċiżjoni li tikkonkludi li ma jeżistux indikazzjonijiet ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u ta’ prattiki pprojbiti?

iii.    Jew, għall-kuntrarju, dan ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-kwalifika tal-aġir bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti u bħala prattika pprojbita skont is-subparagrafu (c) [tat-tieni paragrafu] tal-Artikolu 102 TFUE, fejn huwa rilevanti biss għall-konstatazzjoni tal-ammont ta’ responsabbiltà jew tas-sanzjoni tal-impriża li twettaq il-ksur?

iv.    Il-frażi li jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv tas-subparagrafu (c) [tat-tieni paragrafu] tal-Artikolu 102 TFUE għandha tiġi interpretata fis-sens li tikkorrispondi mar-rekwiżit li l-vantaġġ li jirriżulta skont id-diskriminazzjoni għandu jikkorrispondi, min-naħa tiegħu, għal perċentwali minima tal-istruttura tal-ispejjeż tal-impriża kkonċernata?

v.    Il-frażi li jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv tas-subparagrafu (c) [tat-tieni paragrafu] tal-Artikolu 102 TFUE għandha tiġi interpretata fis-sens li tikkorrispondi mar-rekwiżit li l-vantaġġ li jirriżulta skont id-diskriminazzjoni għandu jikkorrispondi, min-naħa tiegħu, għal differenza minima bejn l-ispejjeż medji sostnuti mill-impriżi kompetituri fis-servizz bl-ingrossa inkwistjoni?

vi.    Il-frażi li jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv tas-subparagrafu (c) [tat-tieni paragrafu] tal-Artikolu 102 TFUE tista’ tiġi interpretata fis-sens li tikkorrispondi mar-rekwiżit li l-vantaġġ li jirriżulta skont id-diskriminazzjoni għandu jikkorrispondi, fil-kuntest tas-suq u tas-servizzi inkwistjoni, ma valuri superjuri għad-differenzi indikati fit-tabelli 5, 6 u 7 imsemmija u għall-finijiet tal-kwalifika tal-aġir bħala prattika pprojbita?

vii.    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal waħda mid-domandi (iv) sa (vi), kif għandu jiġi ddefinit dan il-limitu minimu ta’ rilevanza tal-iżvantaġġ fir-rigward tal-istruttura ta’ spejjeż jew tal-ispejjeż medji sostnuti mill-impriżi kompetituri fis-servizz bl-imnut inkwistjoni?

viii.    Fil-mument li dan il-limitu minimu jiġi ddefinit, il-fatt li dan ta’ kull sena ma jintlaħaqx jippermetti li tiġi eskluża l-preżunzjoni tas-sentenza Clearstream li għandu jitqies li “l-applikazzjoni fir-rigward ta’ parti oħra ta’ prezzijiet differenti għal servizzi ekwivalenti, u dan b’mod kontinwu matul ħames snin u minn impriża li għandha monopolju fis-suq upstream, ma tistax ma tipproduċix żvantaġġ kompetittiv għal din l-istess parti”? 3

____________

1 C-95/04 P, EU:C:2007:166.

2 C-301/04, EU:T:2009:317.

3 Punti 194 u 195.