Language of document :

Appell ippreżentat fil-31 ta' Diċembru 2012 minn Ellinika Nafpigeia AE, u 2. Hoern Beteilingungs GmbH kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba' Awla) tad-19 ta' Ottubru 2012 fil-Kawża T-466/11, Ellinika Nafpigeia u 2. Hoern Beteiligungs GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-616/12 P)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellanti: Ellinika Nafpigeia AE, 2. Hoern Beteilingungs GmbH (rappreżentanti: K. Chrysogonos u A. Kaïdatzis, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Ottubru 2012;

tilqa' l-appell propost skont l-aggravji esposti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti Ġenerali interpretat b'mod żbaljat l-att promotur, bil-konsegwenza li bidlet b'mod inammissibbli s-suġġett tal-kawża, peress li kkunsidrat bħala atti kkontestati konġuntament, jew bħala parti mill-att ikkontestat, id-dokumenti u l-provi l-oħra li jinsabu fil-proċess dwar id-deċiżjoni tal-1 ta' Diċembru 2010, li fil-verità hija l-uniku att kkontestat.

Il-Qorti Ġenerali qed tapplika b'mod żbaljat l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, billi ddeċidiet li l-att ikkontestat ma ġiex identifikat fl-intier tiegħu, għaliex ma ġewx individwati d-dokumenti u l-provi l-oħra li jinsabu fil-proċess dwar id-deċiżjoni tal-1 ta' Diċembru 2010, li madankollu, fil-verità la jifformaw parti mill-att ikkontestat u lanqas mill-atti kkontestati konġuntament. Bħala konsegwenza ta' din id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, seħħew limitazzjoni inammissibbli tad-dritt ta' protezzjoni ġurisdizzjonali u ksur tal-prinċipju fundamentali ta' smigħ xieraq.

Il-Qorti Ġenerali qed tapplika b'mod żbaljat is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE billi mhux qed tilqa', għaliex ippreżentat wara l-iskadenza tat-terminu, l-appell kontra d-deċiżjoni tal-1 ta' Diċembru 2010, li dwarha però l-appellanti ma kellhomx - u għad ma għandhomx - għarfien sħiħ u, għalhekk, meta ppreżentaw l-appell it-terminu ta' xahrejn għall-preżentata tal-appell ma kienx għadu beda jiddekorri. Bħala konsegwenza ta' din id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, seħħew limitazzjoni inammissibbli tad-dritt ta' protezzjoni ġurisdizzjonali u tad-dritt għal rikors effettiv quddiem korp ġurisdizzjonali.

Il-Qorti Ġenerali qed tapplika b'mod żbaljat l-Artikoli 64 u 65 tar-Regoli tal-Proċedura, billi mhux qed tilqa' t-talba għal miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, għaliex iddeċidiet li d-dokumenti u l-provi fil-proċess dwar id-deċiżjoni tal-1 ta' Diċembru 2010, li ntalbet li tiġi prodotta, kienu jifformaw parti mill-att ikkontestat, meta fil-verità dawn kienu jikkostitwixxu biss elementi tal-motivazzjoni tagħha. Bħala konsegwenza ta' din id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, seħħew limitazzjoni inammissibbli tad-dritt ta' protezzjoni ġurisdizzjonali u ksur tal-prinċipju fundamentali ta' smigħ xieraq.

____________