Language of document : ECLI:EU:C:2011:123

OPINJONI 1/09

Opinjoni mogħtija taħt l-Artikolu 218(11) TFUE

“Opinjoni mogħtija taħt l-Artikolu 218(11) TFUE — Abbozz ta’ ftehim — Ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi — Qorti tal-privattiva Ewropea u tal-privattiva Komunitarja — Kompatibbiltà ta’ dan l-abbozz mat-Trattati”

Sommarju tal-opinjoni

1.        Ftehim internazzjonali — Ftehim li joħloq sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi — Opinjoni minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja — Talba għal opinjoni mressqa matul il-fażi preliminari tan-negozjati jew qabel ma jingħata bidu għalihom — Opinjoni mitluba mill-Kunsill mingħajr il-konsultazzjoni tal-Parlament — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikolu 218(11) TFUE)

2.        Ftehim internazzjonali — Ftehim li joħloq sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi — Ħolqien ta’ qorti tal-privattiva Ewropea u tal-privattiva Komunitarja — Kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat

(Artikoli 262 TFUE u 344 TFUE)

3.        Ftehim internazzjonali — Ftehim li joħloq sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi — Ħolqien ta’ qorti tal-privattiva Ewropea u tal-privattiva Komunitarja — Ġurisdizzjoni esklużiva ta’ din il-qorti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjonijiet imressqa minn individwi u sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-privattiva Komunitarja — Inkompatibbiltà mal-qafas istituzzjonali u ġudizzjarju tal-Unjoni

(Artikoli 4(3) TUE u 19(1) TUE; Artikoli 258 TFUE sa 260 TFUE u 267 TFUE)

1.        Skont l-Artikolu 218(11) TFUE, il-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni jew Stat Membru jista’ jikseb l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk ftehim prospettat ikunx kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati. Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tipprekludi l-kumplikazzjonijiet li jirriżultaw minn kontestazzjonijiet legali fir-rigward tal-kompatibbiltà mat-Trattati ta’ ftehim internazzjonali li jinvolvu lill-Unjoni. Fil-fatt, deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata possibbilment, wara l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li jinvolvi lill-Unjoni, li dan huwa, minħabba l-kontenut tiegħu jew il-proċedura adottata għall-konklużjoni tiegħu, inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati ma tonqosx milli toħloq, mhux biss fil-livell intern tal-Unjoni, iżda wkoll f’dak tar-relazzjonijiet internazzjonali, diffikultajiet serji u riskju ta’ preġudizzju lill-partijiet kollha kkonċernati, inklużi l-Istati terzi.

Il-fatt li l-adozzjoni ta’ ftehim internazzjonali tista’ ssir biss wara l-konsultazzjoni, jew l-approvazzjoni, tal-Parlament u li l-adozzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi relatati li jista’ jkun hemm fi ħdan l-Unjoni tkun suġġetta għal proċedura leġiżlattiva li tinvolvi lil din l-istituzzjoni ma għandu ebda effett fuq il-fakultà mogħtija lill-Kunsill, taħt l-Artikolu 218(11) TFUE, li jitlob opinjoni mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja.

Barra minn hekk, il-possibbiltà li tiġi ppreżentata talba għal opinjoni, taħt l-imsemmi artikolu, ma tirrikjedix, bħala kundizzjoni preliminari, ftehim definittiv bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati. Fil-fatt, id-dritt mogħti lill-Kunsill, lill-Parlament, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opinjoni tagħha jista’ jiġi eżerċitat b’mod individwali, mingħajr ebda azzjoni kkoordinata u mingħajr stennija għar-riżultat finali ta’ proċedura leġiżlattiva relattiva. Fi kwalunkwe każ, il-Parlament iżomm id-dritt li jintroduċi hu stess talba għal opinjoni.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiġi adita b’talba għal opinjoni qabel ma jinbdew negozjati fil-livell internazzjonali, meta l-għan tal-ftehim previst ikun magħruf, anki jekk ikun għad hemm numru ta’ alternattivi li jkunu għadhom miftuħa u diverġenzi marbuta mar-redazzjoni tat-testi inkwistjoni, jekk id-dokumenti sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jippermettulha tgħaddi ġudizzju li jkun suffiċjentement ċert fir-rigward tal-kwistjoni mqajma mill-Kunsill. L-ammissibbiltà ta’ talba għal opinjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li l-Kunsill ma jkunx għadu adotta d-deċiżjoni li jagħti bidu għan-negozjati fil-livell internazzjonali.

(ara l-punti 47, 48, 53, 55 u 56)

2.        L-Artikolu 262 TFUE ma jistax jipprekludi l-ħolqien ta’ qorti tal-privattiva Ewropea u tal-privattiva Komunitarja. Minkejja li huwa veru li dan l-artikolu jippermetti li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi fdata b’ċerti kompetenzi previsti li jingħataw lil din il-qorti, il-mod indikat mill-imsemmi artikolu ma huwiex l-uniku mod konċepibbli sabiex tinħoloq qorti unifikata fil-qasam tal-privattivi. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi l-possibbiltà ta’ estensjoni tal-kompetenzi tal-qrati tal-Unjoni għat-tilwim marbut mal-applikazzjoni ta’ atti tal-Unjoni li joħolqu titoli Ewropej ta’ proprjetà intellettwali. Konsegwentement, l-Artikolu 262 TFUE ma jistabbilixxix monopolju tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ikkunsidrat u ma jiddeterminax minn qabel l-għażla tal-qafas ġudizzjarju li jista’ jiġi stabbilit għat-tilwim bejn individwi dwar titoli tal-proprjetà intellettwali.

Il-ħolqien ta’ qorti tal-privattiva Ewropea u tal-privattiva Komunitarja lanqas ma jmur kontra l-Artikolu 344 TFUE, peress li dan l-artikolu sempliċement jipprekludi lill-Istati Membri milli jippreżentaw kwistjoni dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tat-Trattati għal xi metodu ta’ soluzzjoni li ma jkunx wieħed minn dawk previsti fihom. Issa, il-kompetenzi li l-abbozz ta’ ftehim jipprevedi li jattribwixxi lill-qorti tal-privattiva Ewropea u tal-privattiva Komunitarja jinvolvu biss it-tilwim bejn individwi f’dan il-qasam.

(ara l-punti 61-63)

3.        Il-qorti internazzjonali prevista fl-abbozz ta’ ftehim li joħloq sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi, attwalment imsejħa qorti tal-privattiva Ewropea u tal-privattiva Komunitarja, hija mitluba tinterpreta u tapplika mhux biss id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim, iżda wkoll ir-regolament futur dwar il-privattiva Komunitarja kif ukoll strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari regolamenti u direttivi li flimkien magħhom l-imsemmi regolament għandu, fejn applikabbli, jinqara konġuntament, jiġifieri dispożizzjonijiet ta’ korpi oħra ta’ proprjetà intellettwali, kif ukoll ta’ regoli tat-Trattat FUE fir-rigward tas-suq intern u d-dritt tal-kompetizzjoni. Bl-istess mod, din il-qorti tista’ tintalab sabiex tiddeċiedi tilwima pendenti quddiemha fid-dawl tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jew sabiex teżamina l-validità ta’ att tal-Unjoni.

Minkejja li huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex vestita b’ġurisdizzjoni sabiex tippronunzja ruħha fuq azzjonijiet diretti bejn individwi fil-qasam tal-privattivi, peress li din hija l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar ma jistgħux madankollu jattribwixxu l-ġurisdizzjoni għar-riżoluzzjoni ta’ tali tilwim lil qorti maħluqa permezz ta’ ftehim internazzjonali, li jċaħħad l-imsemmija qrati mill-funzjoni tagħhom ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, bħala qrati ta’ “dritt komuni” fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, u, minħabba f’hekk, mill-fakultà prevista fl-Artikolu 267 TFUE, jew, skont il-każ, mill-obbligu li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari, fil-qasam inkwistjoni. Is-sistema stipulata minn dan l-artikolu, essenzjali għaż-żamma tan-natura Komunitarja tad-dritt istitwit mit-Trattati, għandu l-għan li jiżgura għal dan id-dritt, fiċ-ċirkustanzi kollha, l-istess effett fl-Istati Membri kollha u tistabbilixxi, għalhekk, kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li fl-ambitu tagħha dawn tal-aħħar jipparteċipaw mill-qrib fl-applikazzjoni tajba u l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll fil-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija minn dan l-ordinament ġuridiku lill-individwi.

Issa, l-abbozz ta’ ftehim jipprovdi għal mekkaniżmu ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari li jirriżerva għall-qorti tal-privattiva Ewropea u tal-privattiva Komunitarja, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim, il-fakultà li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari filwaqt li l-qrati nazzjonali titneħħielhom din il-fakultà. Barra minn hekk, deċiżjoni tal-qorti tal-privattiva Ewropea u tal-privattiva Komunitarja, li tikser id-dritt tal-Unjoni, ma tistax tkun is-suġġett ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u lanqas ma twassal għal xi forma ta’ responsabbiltà patrimonjali min-naħa ta’ Stat Membru jew diversi Stati Membri minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilhom.

Konsegwentement, peress li jattribwixxi ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tieħu konjizzjoni ta’ numru kbir ta’ azzjonijiet intiżi għal individwi fil-qasam tal-privattiva Komunitarja u kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam lil qorti internazzjonali, li tinsab barra mill-qafas istituzzjonali u ġudizzjarju tal-Unjoni, il-ftehim previst iċaħħad lill-qrati tal-Istati Membri mill-ġurisdizzjoni tagħhom fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-ġurisdizzjoni tagħha li tirrispondi, permezz ta’ deċiżjoni preliminari, għad-domandi mressqa mill-imsemmija qrati u, minħabba f’hekk, jiżnatura l-kompetenzi li t-Trattati jagħtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri li huma essenzjali għaż-żamma tan-natura stess tad-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punti 71, 78, 80, 81, 83, 84, 86, 88 u 89)