Language of document : ECLI:EU:C:2017:544

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

13 ta’ Lulju 2017 (*)(i)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Eżenzjonijiet tal-provvisti ta’ servizzi li għandhom rabta mill qrib mal-prattika tal-isport – Artikolu 133 – Esklużjoni tal-eżenzjoni fil-każ ta’ riskju ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-impriżi kummerċjali suġġetti għall-VAT – Provvisti ta’ servizzi mwettqa minn korpi li ma għandhomx skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku”

Fil-Kawża C-633/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) [qorti tal-ewwel istanza (awla tat-taxxa) ir-Renju Unit], permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura

London Borough of Ealing

vs

Commissioners for her Majesty’s Revenue and Customs

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász, C. Vajda, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ottubru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal London Borough of Ealing, minn F Mitchell, barrister, mogħtija s-setgħa minn H. Grantham, solicitor,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, bħala aġent, assistit minn R. Hill u P. Mantle, barristers,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Diċembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (d) tal-ewwel paragrafu u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, u r-rettifika ĠU 2007, L 335, p. 60).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-London Borough of Ealing (muniċipalità f’Londra ta’ Ealing, ir-Renju Unit) u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (amministrazzjoni fiskali u doganali tar-Renju Unit, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali”) dwar l-issuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-ħlasijiet tad-dħul fi stabbilimenti sportivi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Konformement mal-Artikolu 28(3)(a) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1 p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), moqri flimkien mal-punt 4 tal-Anness E ta’ din id-direttiva, l-Istati Membru kienu jistgħu, matul il-perijodu tranżizzjonali msemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, ikomplu japplikaw il-VAT għat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13A(1)(m) tal-imsemmija direttiva.

4        Id-Direttiva 2006/112, skont l-Artikoli 411 u 413 tagħha, ħassret u ssostitwixxiet, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-VAT, b’mod partikolari s-Sitt Direttiva.

5        L-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112, li jinsab fil-Kapitolu 2, intitolat “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”, tat-Titolu IX ta’ din id-direttiva, jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jeżentaw:

“il-provvista ta’ ċertu servizzi marbuta mill-qrib ma’ sport u edukazzjoni fiżika minn organizzazzjoniet li ma jagħmlux profitt lill persuni li jieħdu parti fl-isport jew fl-edukazzjoni fiżika;”.

6        Skont l-Artikolu 133 tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri jistagħu jagħmlu l-għoti lil korpi għajr dawk regolati mid-dritt pubbiku ta’ kull eżenzjoni pprovduta fil-punti (b), (g), (h), (i), (l), (m) u (n) ta’ l-Artikolu 132(1) soġġett għal kull każ individwali għal wieħed jew iżjed mill-kondizzjonijet li ġejjin:

[…]

(d)      l-eżenzjonijiet m’għandhomx joħoolqu l-possibbiltà ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni bi żvantaġġ għal impriżi kummerċjali soġġetti għall-VAT.

L-Istati Membri li, skond l-Anness E [tas-Sitt Direttiva], fl-1 ta’ Jannar 1989 applikaw VAT għat-transazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 132(1)(m) […] jistgħu japplikaw ukoll il-kondizzjonijiet previsti fil-punt (d) ta’ l-ewwel paragrafu meta din il-provvista ta’ merkanzija jew servizzi minn korpi irregolati mid-dritt pubbliku tingħata eżenzjoni.”

 Id-dritt tar-Renju Unit

7        Matul il-perijodu tranżitorju previst fl-Artikolu 28(3) tas-Sitt Direttiva, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kompla jintaxxa l-provvisti ta’ servizzi li għandhom rabta mill-qrib mal-prattika tal-isport jew tal-edukazzjoni fiżika, imsemmija fl-Artikolu 13A(1)(m) ta’ din id-direttiva, huma biss tnejn minn dawn il-provvisti ta’ servizzi li kienu eżentati mill-VAT relatati mad-dritt ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjoni skont il-kategorija 10 tal-Iskeda 6 tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud tal-1983.

8        L-Anness 9, kategorija 10 tal-Value Added Tax Act 1994 (liġi tal-1994 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud) jipprevedi l-eżenzjoni tal-VAT fuq il-provvisti li ġejjin:

“1.      L-għoti tad-dritt ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjoni sportiva jew f’attività fiżika ta’ mistrieħ meta l-korrispettiv ta’ dan id-dritt ikun somma flus intiża kollha kemm hi għall-finanzjament ta’ premju jew premjijiet mogħtija f’din il-kompetizzjoni.

2.      L-għoti, minn korp eliġibbli maħluq għal raġunijiet ta’ sport jew ta’ attività fiżika ta’ mistrieħ, tad-dritt ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjoni f’tali qasam.

3.      Il-provvista, minn korp eliġibbli, lil individwu ta’ servizzi li għandhom rabta mill-qrib u essenzjali mal-isport jew l-edukazzjoni fiżika pprattikati minn dan tal-aħħar, bl-eċċezzjoni, meta dan il-korp jaġixxi fil kuntest ta’ sistema ta’ sħubija, ta’ dawk mogħtija lil individwu li ma huwiex imsieħeb fiha.”

9        In-nota interpretattiva 2A fil-kuntest tal grupp 10 tiddefinixxi “korp eliġibbli” bħala korp mingħajr skop ta’ lukru li jissodisfa ċerti kundizzjonijiet.

10      Skont in-nota interpretattiva 3 fil-kuntest tal-grupp 10:

“Ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “korp eliġibbli” fis-sens tal-punt 3 tal-kategorija 10 tal-Anness 9 tal-liġi dwar it taxxa fuq il-valur miżjud tal-1994:

a)      l-awtoritajiet lokali

b)      il-ministeri […]; jew

c)      [il korpi u l-entitajiet pubbliċi minbarra l-ministeri].”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Il-muniċipalità f’Londra ta’ Ealing hija awtorità lokali li topera ċertu numru ta’ stabbilimenti sportivi, bħal ċentri sportivi u pixxini. Matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Ġunju 2009 u l-31 ta’ Awwissu 2012, hija ħallset il-VAT irċevuta fuq il-ħlasijiet tad-dħul għal dawn l-istabbilimenti sportivi.

12      Matul is-sena 2013, l-imsemmija muniċipalità talbet ir-rimbors ta’ din it-taxxa lill-amministrazzjoni tat-taxxa, billi argumentat li dawn il-ħlasijiet misshom ġew eżentati bis-saħħa tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112. Hija ġiet miċħuda minħabba l-leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-eżenzjoni tal-provvista ta’ servizzi sportivi msemmija f’din id-dispożizzjoni, meta dawn huma pprovduti minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku, bħal awtorità lokali, b’applikazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu (d) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 ta’ din id-direttiva.

13      Il-muniċipalità f’Londra ta’ Ealing ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) [tribunal tal-ewwel istanza (awla tat-taxxa), ir-Renju Unit]. Quddiem din il-qorti, hija sostniet li r-Renju Unit ma setax jinvoka t-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tal-imsemmija direttiva, minħabba li dan l-Istat Membru ma kienx issuġġetta għall-VAT, fl-1 ta’ Jannar 1989, il-provvisti ta’ servizzi sportivi kollha, sa fejn, b’mod partikolari, id-drittijiet biex wieħed jipparteċipa f’kompetizzjoni sportiva kienu eżentati. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-imsemmi tieni paragrafu tal-Artikolu 133, fir-rigward tal-provvisti ta’ servizzi li għandhom rabta stretta mal-prattika tal-isport jew mal-edukazzjoni fiżika, ma jippermettix li jiġi eskluż il-benefiċċju tal-eżenzjoni tal-VAT il-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku, mingħajr ma jiġu esklużi wkoll minn dan il-benefiċċju l-korpi mingħajr skop ta’ lukru oħrajn barra minn dawk irregolati mid-dritt pubbliku. Finalment, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tal-istess direttiva ma kienx jawtorizza l-Istati Membri li jċaħdu, b’mod ġenerali, l-awtoritajiet lokali kollha mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni, peress li jeħtieġ li jiġi ddeterminat “każ b’każ” jekk l-imsemmija eżenzjoni tistax tipprovoka d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. L-amministrazzjoni tat-taxxa opponiet għal din l-argumentazzjoni.

14      Skont l-indikazzjonijiet li jidhru fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-muniċipalità ta’ Londra ta’ Ealing għandha tiġi kkunsidrata bħala korp mingħajr skop ta’ lukru, li l-provvisti tagħha jippreżentaw rabta stretta mal-parteċipazzjoni fl-isport jew fl-edukazzjoni fiżika u huma intiżi għall-persuni li jipprattikaw l-isport jew l-edukazzjoni fiżika, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112.

15      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) [qorti tal-ewwel istanza (awla tat-taxxa)] iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Ir-Renju Unit huwa awtorizzat, skont l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112, jimponi fuq korpi rregolati mid-dritt pubbliku l-kundizzjoni prevista fil-punt (d) ta’ dan l-Artikolu [minn naħa] f’ċirkustanzi meta t-tranżazzjonijiet inkwistjoni kienu taxxabbli [għal VAT] fir-Renju Unit fl-1 ta’ Jannar 1989, iżda meta servizzi sportivi oħrajn kienu eżentati f’dik l-istess data u [min-naħa l-oħra] f’ċirkustanzi meta t-tranżazzjonijiet inkwistjoni ma kinux eżentati skont id-dritt nazzjonali qabel ma r-Renju Unit applika l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 133[l-ewwel paragrafu] (d) [ta’ din id-direttiva]?

2)      F’każ ta’ risposta pożittiva għad-domanda 1), ir-Renju Unit huwa awtorizzat jimponi fuq korpi li ma għandhomx skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku l-kundizzjoni prevista fil-punt d) tal-Artikolu 133 [l-ewwel paragrafu] tad-Direttiva 2006/112, mingħajr ma japplika wkoll din il-kundizzjoni għal korpi li ma għandhomx skop ta’ lukru li ma humiex irregolati mid-dritt pubbliku?

3)      F’każ ta’ risposta pożittiva għad-domanda 2), ir-Renju Unit huwa awtorizzat jeskludi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(m) [tad-Direttiva 2006/112] il-korpi pubbliċi kollha li ma għandhomx skop ta’ lukru mingħajr ma jkun ivverifika fuq bażi ta’ każ b’każ jekk l-għoti ta’ din l-eżenzjoni tistax toħloq distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-impriżi kummerċjali suġġetti għall-VAT?”

 Fuq id-domandi preliminari

16      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont l-indikazzjonijiet li jidhru fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-provvisti tas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2006/112, għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni previsti fl-Artikolu 132(1)(m) ta’ din id-direttiva u ġew ipprovduti minn korp irregolat mid-dritt pubbliku li jaġixxi mingħajr skop ta’ lukru fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Peress li dawn il-provvista ta’ servizzi ġew suġġetti għall-VAT bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw biss l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien ma’ l-ewwel paragrafu tiegħu punt (d) li jippermetti li jiġi eskluż, taħt ċerti kundizzjonijiet, mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni l-imsemmija provvisti ta’ servizzi meta dawn huma pprovduti minn korpi irregolati mid-dritt pubbliku.

 Fuq l-ewwel domanda

17      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk it-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-osservanza tal-kundizzjoni prevista fl-ewwel paragrafu punt (d) ta’ din id-direttiva, l-għoti tal-eżenzjoni mill-VAT lill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jipprovdu provvisti ta’ servizzi li għandhom rabta stretta mal-prattika tal-isport jew tal-edukazzjoni fiżika, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(m) tal-imsemmija direttiva, minkejja li, minn naħa, fl-1 ta’ Jannar 1989, dan l-Istat Membru ma kienx jissuġġetta dawn il-provvisti ta’ servizzi kollha għall-VAT u li, min-naħa l-oħra, il-provvisti ta’ servizzi inkwistjoni ma ġewx eżentati mill-VAT qabel ma l-osservanza tal-imsemmija kundizzjoni ma ġiet imposta.

18      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-provvisti ta’ servizzi li għandhom rabta stretta mal-prattika tal-isport jew tal-edukazzjoni fiżika kien ikollhom jiġu suġġetti għall-VAT fl-1 ta’ Jannar 1989 sabiex Stat Membru jista’ jinvoka t-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112, għandu jiġi rrilevat li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jinkludux tali kundizzjoni. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tapplika għall-Istati Membri li kienu jimponu din it-taxxa fuq tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 132(1)(m) ta’ din id-direttiva, mingħajr ma kienu jeżiġu suġġettar ta’ dawn il-provvisti ta’ servizzi kollha.

19      Tali rekwiżit, barra minn hekk, imur kontra l-kliem ta’ dan l-Artikolu 132(1)(m) li għalih jirreferi l-imsemmi tieni paragrafu tal-Artikolu 133 li jsemmi “ċerti” provvisti ta’ servizzi li għandhom rabta stretta mal-prattika tal-isport jew tal-edukazzjoni fiżika.

20      Għaldaqstant, Stat Membru, bħar-Renju Unit, li kien japplika, fl-1 ta’ Jannar 1989, il-VAT mhux għal dawn il-provvisti ta’ servizzi kollha iżda għall-uħud minnhom, jista’ jinvoka l-fakoltà li jagħti lill-Istati Membri t-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tiegħu, punt (d).

21      It-tieni parti tal-ewwel domanda tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-aħħar espressjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tal-istess direttiva, jiġifieri “meta din il-provvista ta’ merkanzija jew servizzi minn korpi irregolati mid-dritt pubbliku tingħata eżenzjoni.”

22      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-kwistjoni jekk, kif issostni l-muniċipalità ta’ Londra ta’ Ealing, din il-formulazzjoni timplika li r-Renju Unit kien obbligat, inizjalment, jeżenta l-provvisti ta’ servizzi li għandhom rabta stretta mal-prattika tal-isport jew mal-edukazzjoni fiżika pprovduti mill-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku, qabel ma jista’ japplika, fit-tieni stadju, il-kundizzjoni prevista fl-ewwel paragrafu punt (d) tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 għal tali provvisti.

23      Issa, tali rekwiżit ma jistax jiġi dedott mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’din id-dispożizzjoni, il-verb “eżenta” tintuża fil-preżent, jiġifieri “huma eżentati” u mhux fil-passat “kienu eżentati”. L-imsemmija dispożizzjoni ma teħtieġx għalhekk li l-imsemmija provvisti ta’ servizzi jkunu ġew eżentati mill-VAT qabel ma l-kundizzjoni prevista fl-ewwel paragrafu punt (d) tal-istess direttiva ma tkun applikata.

24      L-għan li għandu jintlaħaq mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 isostni wkoll favur din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija intiża mhux biex teżenta l-provvisti ta’ servizzi li għandhom rabta stretta mal-prattika tal-isport jew tal-edukazzjoni fiżika, iżda, bil-kontra, kif jirriżulta mill-kliem ta’ dan it-tieni paragrafu tal-Artikolu 133, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu punt (d) tiegħu, li tippermetti lill-Istati Membri li japplikaw il-VAT għall-imsemmija provvisti ta’ servizzi pprovduti mill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku u suġġetti għal din it-taxxa fl-1 ta’ Jannar 1989.

25      B’hekk jirriżulta li, b’applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tal-imsemmija direttiva, l-eżenzjoni tal-provvisti ta’ servizzi li għandhom rabta stretta mal-prattika tal-isport jew tal-edukazzjoni fiżika, imwettqa mill-korpi tad-dritt pubbliku, jista’ jkun suġġett għall-kundizzjoni prevista fl-ewwel paragrafu punt (d) ta’ dan l-artikolu, anki jekk dawn il-provvisti ta’ servizzi ma kinux is-suġġett minn qabel ta’ eżenzjoni fl-Istat Membru kkonċernat.

26      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippreludix il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-osservanza tal-kundizzjoni prevista fl-ewwel paragrafu punt (d) ta’ din id-direttiva, l-għoti tal-eżenzjoni mill-VAT lill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jipprovdu provvisti ta’ servizzi li għandhom rabta stretta mal-prattika tal-isport jew tal-edukazzjoni fiżika, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(m) tal-imsemmija direttiva, minkejja li, minn naħa, fl-1 ta’ Jannar 1989, dan l-Istat Membru ma kienx jissuġġetta dawn il-provvisti ta’ servizzi kollha għall-VAT u li, min-naħa l-oħra, il-provvisti ta’ servizzi inkwistjoni ma ġewx eżentati mill-VAT qabel ma l-osservanza tal-imsemmija kundizzjoni ma ġiet imposta.

 Fuq it-tieni domanda

27      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk it-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-osservanza tal-kundizzjoni prevista fl-ewwel paragrafu punt (d) ta’ din id-direttiva, l-għoti tal-eżenzjoni mill-VAT lill-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku li jipprovdu provvisti ta’ servizzi li għandhom rabta stretta mal-prattika tal-isport jew tal-edukazzjoni fiżika, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(m) tal-imsemmija direttiva, mingħajr ma tiġi applikata din il-kundizzjoni lill-korpi mingħajr skop ta’ lukru minbarra dawk irregolati mid-dritt pubbliku li jwettqu tali provvisti ta’ servizzi.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112 li jgħid li l-Istati Membri jeżentaw ċerti provvisti ta’ servizzi li jkollhom rabta mal-prattika tal-isport jew tal-edukazzjoni fiżika pprovduti minn korpi mingħajr skop ta’ lukru, tindirizza, mingħajr distinzjoni, il-korpi kollha mingħajr skop ta’ lukru (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-25 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑22/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:118, punt 43).

29      Għalkemm l-Artikolu 133 ta’ din id-direttiva jawtorizza lill-Istati Membri li jissuġġettaw l-għoti ta’ din l-eżenzjoni għall-osservanza tal-kundizzjonijiet supplimentari, jirriżulta mill-kliem tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu li l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw il-kundizzjonijiet li jsemmi dan il-paragrafu punti (a) sa (d), ħlief għall-korpi minbarra dawk irregolati mid-dritt pubbliku. Fir-rigward tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku, it-tieni paragrafu tal-imsemmi artikolu jippermetti biss li jiġi impost fuqhom il-kundizzjoni prevista fl-ewwel paragrafu punt (d) tal-istess artikolu li hija intiża li tevita distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-impriżi kummerċjali, u dan, għall-Istati Membri biss li kienu japplikaw, fl-1 ta’ Jannar 1989, il-VAT għall-provvisti ta’ servizzi msemmija fl-Artikolu 132(1)(m) tal-imsemmija direttiva.

30      Għaldaqstant, il-possibbiltà li tħalliet lill-Istati Membri li jeskludu l-għoti tal-eżenzjoni mill-VAT għall-provvisti ta’ servizzi li jkollhom rabta stretta mal-prattika tal-isport jew tal-edukazzjoni fiżika, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(m) tad-Direttiva 2006/112, fuq il-bażi tal-Artikolu 133 tagħha, huwa rregolat b’mod iktar strett għall-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku milli għall-korpi l-oħrajn mingħajr skop ta’ lukru. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni tal-aħħar hija intiża għalhekk li tiffavorixxi l-korpi rregolati mid-dritt pubbliku meta mqabblin mal-korpi l-oħra fir-rigward tal-eżenzjoni tal-provvisti ta’ servizzi li għandhom rabta stretta mal-prattika tal-isport jew tal-edukazzjoni fiżika li jipprovdu.

31      Fir-rigward ta’ dan l-għan, hemm lok li tiġi interpretata l-kelma “ukoll” li tidher fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 bħala li tfisser li Stat Membru ma jistax jimponi fuq il-korpi rregolati mid-dritt pubbliku l-osservanza tal-kundizzjoni prevista fl-ewwel paragrafu punt (d) ta’ dan l-artikolu ħlief jekk jimponi wkoll fuq korpi oħrajn minbarra dawk irregolati mid-dritt pubbliku.

32      Issa, din l-interpretazzjoni tipprekludi li leġizlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, teskludi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT għall-provvisti ta’ servizzi li għandhom rabta stretta mal-prattika tal-isport jew tal-edukazzjoni fiżika, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(m) tal-imsemmija direttiva, biss il-provvisti ta’ servizzi pprovduti mill-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku, mingħajr ma tissuġġetta wkoll għall-VAT, skont l-ewwel paragrafu punt (d) tal-istess direttiva, il-provvisti ta’ servizzi pprovduti mill-korpi l-oħra mingħajr skop ta’ lukru.

33      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din tissuġġetta l-osservanza tal-kundizzjoni prevista fl-ewwel paragrafu punt (d) tal-Artikolu 133 ta’ din id-direttiva, l-għoti tal-eżenzjoni mill-VAT lill-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku li jipprovdu provvisti ta’ servizzi li għandhom rabta stretta mal-prattika tal-isport jew tal-edukazzjoni fiżika, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(m) tal-imsemmija direttiva, mingħajr ma tiġi applikata din il-kundizzjoni lill-korpi mingħajr skop ta’ lukru minbarra dawk irregolati mid-dritt pubbliku li jwettqu tali provvisti ta’ servizzi.

 Fuq it-tielet domanda

34      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

35      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippreludix il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-osservanza tal-kundizzjoni prevista fl-ewwel paragrafu punt (d) tal-Artikolu 133 ta’ din id-direttiva, l-għoti tal-eżenzjoni mill-VAT lill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jipprovdu provvisti ta’ servizzi li għandhom rabta stretta mal-prattika tal-isport jew tal-edukazzjoni fiżika, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(m) tal-imsemmija direttiva, minkejja li, minn naħa, fl-1 ta’ Jannar 1989, dan l-Istat Membru ma kienx jissuġġetta dawn il-provvisti ta’ servizzi kollha għall-VAT u li, min-naħa l-oħra, il-provvisti ta’ servizzi inkwistjoni ma ġewx eżentati mill-VAT qabel ma l-osservanza tal-imsemmija kundizzjoni ma ġiet imposta.

2)      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 133 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din tissuġġetta l-osservanza tal-kundizzjoni prevista fl-ewwel paragrafu punt (d) tal-Artikolu 133 ta’ din id-direttiva, l-għoti tal-eżenzjoni mill-VAT lill-korpi mingħajr skop ta’ lukru rregolati mid-dritt pubbliku li jipprovdu provvisti ta’ servizzi li għandhom rabta stretta mal-prattika tal-isport jew tal-edukazzjoni fiżika, fis-sens tal-Artikolu 132(1)(m) tal-imsemmija direttiva, mingħajr ma tiġi applikata din il-kundizzjoni lill-korpi mingħajr skop ta’ lukru minbarra dawk irregolati mid-dritt pubbliku li jwettqu tali provvisti ta’ servizzi.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


iFil-punt 33 u fit-tieni paragrafu tad-Dispożittiv ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.