Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza) fid-19 ta’ Jannar 2018 – Vueling Airlines SA vs Jean-Luc Poignant

(Kawża C-37/18)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Vueling Airlines SA

Konvenut: Jean-Luc Poignant

Domandi preliminari

L-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tagħha A Rosa Flussschiff, C-620/15, lill-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71/KEE 1 , fil-verżjoni emendata u aġġornata tiegħu bir-Regolament (KE) Nru 118/97 2 , kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005 3 , tapplika għal tilwima dwar il-ksur ta’ xogħol mhux iddikjarat li fih iċ-ċertifikati E101 inħarġu skont l-Artikolu 14(1)(a), b’applikazzjoni tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 574/72/KE tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 4 , filwaqt li s-sitwazzjoni kienet taqa’ taħt l-Artikolu 14(2)(a)(i) għall-persuni impjegati li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru li huma ċittadini tiegħu u li fih l-impriża ta’ trasport bl-ajru stabbilita fi Stat Membru ieħor għandha fergħa u s-sempliċi qari taċ-ċertifikat E101 li jsemmi ajruport bħala l-post ta’ attività tal-persuna impjegata u impriża tal-ajru bħala l-persuna li timpjega kien jippermetti li jiġi dedott li dan kien inkiseb b’mod frawdolenti?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali, marbuta b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha bl-awtorità ta’ res judicata minn qorti kriminali fuq il-qorti ċivili, tislet il-konsegwenzi minn deċiżjoni ta’ qorti kriminali mogħtija b’mod inkompatibbli mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea billi tikkundanna ċivilment lil persuna li timpjega tħallas danni lil persuna impjegata minħabba s-sempliċi fatt li din il-persuna li timpjega ġiet ikkundannata kriminalment għal xogħol mhux iddikjarat?

____________

1 Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35).

2 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 li jemenda u jaġġorna r-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3).

3 Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ April 2005 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità u (KEE) Nru. 574/72 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru. 1408/71 (ĠU L 117, p. 1).

4 Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83).