Language of document : ECLI:EU:C:2014:2317

Kawżi magħquda C‑359/11 u C‑400/11

Alexandra Schulz

vs

Technische Werke Schussental GmbH und Co. KG

u

Josef Egbringhoff

vs

Stadtwerke Ahaus GmbH

(talbiet għal domanda preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttivi 2003/54/KE u 2003/55/KE — Protezzjoni tal-konsumaturi — Suq intern tal-elettriku u tal-gass naturali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddetermina l-kontenut tal-kuntratti magħmula mal-konsumaturi li jirriżultaw mill-obbligu ġenerali ta’ provvista — Tibdila unilaterali mill-bejjiegħ tal-prezz tas-servizz — Informazzjoni, fi żmien xieraq qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din it-tibdila, tar-raġunijiet, tal-kundizzjonijiet u tal-portata ta’ din”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-23 ta’ Ottubru 2014

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Miżuri ta’ approssimazzjoni — Regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku u tal-gass naturali — Direttivi 2003/54 u 2003/55 — Għan ta' protezzjoni tal-konsumaturi — Rekwiżit ta’ trasparenza tal-kundizzjonijiet kuntrattwali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddetermina l-kontenut tal-kuntratti tal-provvista tal-elettriku u tal-gass magħmula mal-konsumaturi li jirriżultaw mill-obbligu ġenerali ta’ provvista — Possibbiltà ta’ tibdila unilaterali mill-bejjiegħ tat-tariffa ta’ din il-provvista — Obbligu ta’ informazzjoni lill-konsumaturi, fi żmien xieraq qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din it-tibdila, tar-raġunijiet, tal-kundizzjonijiet u tal-portata ta’ din

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/54, Artikolu 3(5) u Anness A, u 2003/55, Artikolu 3(3) u Anness A)

2.        Domandi preliminari — Interpretazzjoni — Effetti ratione temporis tas-sentenzi ta’ interpretazzjoni — Effett retroattiv — Limiti — Konsegwenzi finanzjarji tas-sentenza — Konsegwenzi li ma jiġġustifikawx il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis tas-sentenza

(Artikolu 267 TFUE)

1.        L-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2003/54 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku, moqri flimkien mal-Anness A ta’ din, u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/55, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali, moqri flimkien mal-Anness A ta’ din, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddetermina l-kontenut tal-kuntratti tal-provvista tal-elettriku u tal-gass magħmula mal-konsumaturi li jirriżultaw mill-obbligu ġenerali ta’ provvista u li jipprovdu l-possibbiltà ta’ bidla fit-tariffa ta’ din il-provvista, iżda li ma jiggarantixxux li l-konsumaturi jkunu informati fi żmien xieraq qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din it-tibdila, tar-raġunijiet, tal-kundizzjonijiet u tal-portata ta’ din.

Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jobbligaw lill-Istati Membri li jiggarantixxu livell ta’ protezzjoni għoli tal-konsumaturi f’dak li jikkonċerna t-trasparenza tal-kundizzjonijiet kuntrattwali. Minbarra d-dritt tagħhom li jxolju l-kuntratt ta’ provvista, stabbilit fil-punt (b) tal-Anness A ta’ kull waħda mid-direttivi 2003/54 u 2003/55, il-klijenti għandhom ukoll jingħataw is-setgħa li jikkontestaw it-tibdil tal-prezz tal-provvista. Sabiex igawdu b’mod sħiħ u effettiv minn dawn id-drittijiet u jieħdu, b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, deċiżjoni dwar it-terminazzjoni possibbli tal-kuntratt jew sabiex jikkontestaw it-tibdil tal-prezz tal-provvista, il-klijenti għandhom ikunu informati, fi żmien xieraq qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din it-tibdila, tar-raġunijiet, tal-kundizzjonijiet u tal-portata ta’ din.

(ara l-punti 45-47, 53 u d-dispożittiv)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 57-64)