Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein oikeus (il-Finlandja) fit-22 ta’ Diċembru 2017 – Vantaan kaupunki vs Skanska Industrial Solutions Oy, NCC Industry Oy, Asfaltmix Oy

(Kawża C-724/17)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Vantaan kaupunki

Konvenuti: Skanska Industrial Solutions Oy, NCC Industry Oy, Asfaltmix Oy

Domandi preliminari

Id-determinazzjoni tal-entitajiet marbuta li jikkumpensaw dannu kkawżat minn aġir li jmur kontra l-Artikolu 101 TFUE għandha ssir fuq il-bażi ta’ applikazzjoni diretta ta’ din id-dispożizzjoni, jew fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali.

Fil-każ li l-entitajiet responsabbli għandhom jiġu ddeterminati direttament fuq il-bażi tal-Artikolu 101 TFUE, l-entitajiet marbuta li jikkumpensaw id-dannu huma dawk li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “impriża” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni? Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-entitajiet responsabbli għall-kumpens tad-danni, għandhom jiġu applikati l-istess prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-entitajiet responsabbli fil-kuntest tas-sanzjonijiet pekunjarji u li skonthom ir-responsabbiltà tista’ b’mod partikolari tkun ibbażata fuq l-appartenenza għall-istess unità ekonomika jew fuq il-kontinwità ekonomika?

Fil-każ li l-entitajiet responsabbli għandhom jiġu ddeterminati fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt tal-Istati Membri, għandha titqies li tmur kontra r-rekwiżit ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha kumpannija li, wara li tkun kisbet il-kapital azzjonarju kollu ta’ kumpannija li pparteċipat f’akkordju pprojbit mill-Artikolu 101 TFUE, xoljiet il-kumpannija inkwistjoni u assumiet l-attività tagħha, ma tkunx marbuta tikkumpensa d-dannu kkawżat mill-aġir antikompetittiv tal-kumpannija inkwistjoni, anki jekk ikun prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jinkiseb kumpens mill-kumpannija xolta? Ir-rekwiżit ta’ effettività jipprekludi interpretazzjoni tad-dritt intern tal-Istat Membru li jissuġġetta r-responsabbiltà għad-danni għall-kundizzjoni li operazzjoni ta’ trasformazzjoni tat-tip hawn fuq deskritta tkun twettqet b’mod illegali jew artifiċjali, sabiex jiġi evitat l-obbligu tal-kumpens tad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, jew għal skopijiet frawdolenti oħra, jew, tal-inqas, għall-kundizzjoni li l-kumpannija kienet taf jew kellha tkun taf bil-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni fil-mumenet li hija wettqet din l-operazzjoni ta’ trasformazzjoni?

____________