Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Justice de paix du troisième canton de Charleroi (il-Belġju) fis-27 ta’ Frar 2018 – André Moens vs Ryanair Ltd

(Kawża C-159/18)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Justice de paix du troisième canton de Charleroi

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: André Moens

Konvenuta: Ryanair Ltd

Domandi preliminari

[It-]talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 1 [hija] fformulata kif ġej:

Il-fatt inkwistjoni fit-tilwima preżenti, jiġifieri t-tixrid ta’ petrol fuq runway li wassal għall-għeluq ta’ din ir-runway, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “avvenimentˮ fis-sens tal-punt 22 tas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C-549/07, EU:C:2008:771), jew taħt dak ta’ “ċirkustanza straordinarjaˮ, fis-sens tal-premessa 14 tal-imsemmi regolament, kif interpretat mis-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C-12/11, EU:C:2013:43), jew dawn iż-żewġ kunċetti huma l-istess ħaġa?

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li avveniment bħal dak inkwistjoni fit-tilwima preżenti, jiġifieri t-tixrid ta’ petrol fuq runway li wassal għall-għeluq ta’ din ir-runway, għandu jitqies bħala avveniment inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ trasportatur bl-ajru u, konsegwentement, ma jistax jiġi kkwalifikat bħala “ċirkustanza straordinarjaˮ li tista’ teżenta lit-trasportatur bl-ajru mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens lill-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien twil ta’ titjira operata minn dan l-ajruplan?

Jekk l-avveniment bħal dak inkwistjoni fit-tilwima preżenti, jiġifieri t-tixrid ta’ petrol fuq runway li wassal għall-għeluq ta’ din ir-runway, għandu jitqies bħala li jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarjaˮ, minn dan għandu jiġi dedott li għat-trasportatur bl-ajru dan jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarjaˮ li ma setgħetx tiġi evitata anki li kieku kienu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.