Language of document : ECLI:EU:T:2011:362

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

13 ta’ Lulju 2001 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-installazzjoni u tal-manutenzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Manipulazzjoni tas-sejħiet għal offerti – Tqassim tas-swieq – Iffissar ta’ prezzijiet”

Fil-Kawża T‑138/07,

Schindler Holding Ltd, stabbilita f’Hergiswil (l-Isvizzera),

Schindler Management AG, stabbilita f’Ebikon (l-Isvizzera),

Schindler SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

Schindler Deutschland Holding GmbH, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja),

Schindler Sàrl, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),

Schindler Liften BV, stabbilita f’Den Haag (il-Pajjizi l-Baxxi),

irrappreżentati minn R. Bechtold, W. Bosch, U. Soltész u S. Hirsbrunner, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Mojzesowicz u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Simm u G. Kimberley, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 512 finali, tal-21 ta’ Frar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/E-1/38.823 – Liftijiet u eskalejters), jew, sussidjarjament, għal tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro (Relatur), President tal-Awla, N. Wahl u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Settembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Din il-kawża għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 512 (finali), tal-21 ta’ Frar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/E-1/38.823 – Liftijiet u eskalejters) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) li sommarju tagħha huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Marzu 2008 (ĠU C 75, p. 19), jew, sussidjarjament, għal tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti.

2        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkunsidrat illi l-kumpanniji segwenti kisru l-Artikolu 81 KE:

–        Kone Belgium SA (iktar ’il quddiem “Kone Belġju”), Kone GmbH (iktar ’il quddiem “Kone Ġermanja”), Kone Luxembourg Sàrl (iktar ’il quddiem “Kone Lussemburgu”), Kone BV Liften en Roltrappen (iktar ’il quddiem “Kone il-Pajjiżi l-Baxxi”) u Kone Oyj (iktar il-quddiem “KC”) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien jew separatament, “Kone”);

–        Otis SA (iktar ’il quddiem “Otis Belġju”), Otis GmbH & Co. OHG (iktar ’il quddiem “Otis Ġermanja”), General Technic-Otis Sàrl (iktar ’il quddiem “GTO”), General Technic Sàrl (iktar ’il quddiem “GT”), Otis BV (iktar ’il quddiem “Otis il-Pajjiżi l-Baxxi”), Otis Elevator Company (iktar ’il quddiem “OEC”) u United Technologies Corporation (iktar ’il quddiem “UTC”) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien jew separatament, “Otis”);

–        Schindler SA (iktar ’il quddiem “Schindler Belġju”), Schindler Deutschland Holding GmbH (iktar ’il quddiem “Schindler Ġermanja”), Schindler Sàrl (iktar ’il quddiem “Schindler Lussemburgu”, Schindler Liften BV (iktar ’il quddiem “Schindler il-Pajjiżi l-Baxxi”) u Schindler Holding Ltd (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien jew separatament, “Schindler”);

–        ThyssenKrupp Liften Liftijiet NV (iktar ’il quddiem “TKLA”), ThyssenKrupp Aufzüge GmbH (iktar ’il quddiem “TKA”), ThyssenKrupp Fahrtreppen GmbH (iktar ’il quddiem “TKF”), ThyssenKrupp Elevator AG (iktar ’il quddiem “TKE”), ThyssenKrupp AG (iktar ’il quddiem “TKAG”), ThyssenKrupp Liftijiet Luxembourg Sàrl (iktar ’il quddiem “TKAL”) u ThyssenKrupp Liften BV (iktar ’il quddiem “TKL”) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien jew separatament, “ThyssenKrupp”); u

–        Mitsubishi Elevator Europe BV (iktar ’il quddiem “MEE”).

3        Schindler huwa wieħed mill-gruppi ewlenin fid-dinja li jipprovdu liftijiet u eskalejters. Il-kumpannija parent hija Schindler Holding, stabbilita fl-Isvizzera (premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata ). Schindler teżerċità l-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-liftijiet u tal-eskalejters permezz ta’ sussidjarji nazzjonali. Dawn jinsabu, fost l-oħrajn, fil-Belġju, Schindler Belġju, fil-Ġermanja, Schindler Ġermanja, fil-Lussemburgu, Schindler Lussemburgu u, fil-Pajjiżi l-Baxxi, Schindler il-Pajjiżi l-Baxxi (premessi 28 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura amministrattiva

1.     L-investigazzjoni tal-Kummissjoni

4        Matul is-sajf tal-2003, il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni dwar il-possibbiltà tal-eżistenza ta’ akkordju bejn l-erba’ produtturi prinċipali Ewropej tal-liftijiet u tal-eskalejters li kienu jeżerċitaw attivitajiet kummerċjali fl-Unjoni, jiġifieri Kone, Otis, Schindler u ThyssenKrupp (premessi 3 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-Belġju

5        Mit-28 ta’ Jannar 2004 u matul ix-xahar ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 14(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), għamlet spezzjonijiet, b’mod partikolari fl-istabbilimenti tas-sussidjarji ta’ Kone, ta’ Otis, ta’ Schindler u ta’ ThyssenKrupp fil-Belġju (premessi 92, 93, 95 u 97 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Sussegwentement, Kone, Otis, ThyssenKrupp u Schindler ippreżentaw talbiet skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155) (iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002”). Dawn it-talbiet ġew ikkompletati mill-impriżi kkonċernati (premessi 94, 96, 98 u 103 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Fid-29 ta’ Ġunju 2004, Kone ngħatat immunità kkundizzjonata skont il-paragrafu 8(b) ta’ dan l-Avviż (premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Bejn Settembru u Diċembru 2004, il-Kummissjoni bagħtet ukoll talbiet għal informazzjoni, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81[KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), lill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur fil-Belġju, lil diversi klijenti f’dan l-Istat Membru u lill-assoċjazzjoni Belġjana Agoria (premessi 101 u 102 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-Ġermanja

9        Mit-28 ta’ Jannar 2004 u matul ix-xahar ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, għamlet spezzjonijiet, b’mod partikolari fl-istabbilimenti tas-sussidjarji ta’ Otis u ta’ ThyssenKrupp fil-Ġermanja (premessi 104 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Fit-12 u fit-18 ta’ Frar 2004, Kone ffinalizzat it-talba tagħha tat-2 ta’ Frar 2004, skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, fir-rigward tal-Belġju permezz ta’ informazzjoni dwar il-Ġermanja. Bl-istess mod, bejn Marzu 2004 u Frar 2005, Otis iffinalizzat it-talba tagħha fir-rigward tal-Belġju permezz ta’ informazzjoni dwar il-Ġermanja. Fil-25 ta’ Novembru 2004 Schindler ippreżentat talba skont l-imsemmi Avviż li kellha informazzjoni dwar il-Ġermanja, li ġiet iffinalizzata bejn Diċembru 2004 u Frar 2005. Fl-aħħar nett, f’Diċembru 2005, ThyssenKrupp ippreżentat talba lill-Kummissjoni, fir-rigward tal-Ġermanja, skont l-imsemmi Avviż (premessi 105, 107, 112 u 114 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Bejn Settembru u Novembru 2004, il-Kummissjoni bagħtet ukoll talbiet għal informazzjoni, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, lill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur fil-Ġermanja, lil diversi klijenti f’dan l-Istat Membru u lill-assoċjazzjonijiet VDMA, VFA u VMA (premessi 110, 111 u 113 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-Lussemburgu

12      Fil-5 ta’ Frar 2004, Kone ffinalizzat it-talba tagħha tat-2 ta’ Frar 2004, fir-rigward tal-Belġju, permezz ta’ informazzjoni dwar il-Lussemburgu. Otis u ThyssenKrupp għamlu talba verbali fir-rigward tal-Lussemburgu, skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Schindler ippreżentat talba fir-rigward tal-Lussemburgu skont l-istess Avviż (premessi 115, 118, 119 u 124 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Mid-9 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, għamlet spezzjonijiet, b’mod partikolari fl-istabbilimenti tas-sussidjarji ta’ Schindler u ta’ ThyssenKrupp fil-Lussemburgu (premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Fid-29 ta’ Ġunju 2004, Kone ngħatat immunità kkundizzjonata skont il-paragrafu 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-parti tat-talba tagħha li tirrigwarda l-Lussemburgu (premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      F’Settembru u f’Ottubru 2004, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, lill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur fil-Lussemburgu, lil diversi klijenti f’dan l-Istat Membru u lill-Federazzjoni Lussemburgiża tal-kumpanniji tal-liftijiet (premessi 122 u 123 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-Pajjiżi l-Baxxi

16      F’Marzu 2004, Otis għamlet talba skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fir-rigward tal-Pajjiżi l-Baxxi, talba li ġiet iffinalizzata sussegwentement. F’April 2004, saret talba skont dan l-Avviż minn ThyssenKrupp, li ġiet ukoll sussegwentement iffinalizzata f’diversi drabi. Fl-aħħar nett, fid-19 ta’ Lulju 2004, Kone ffinalizzat it-talba tagħha fir-rigward tal-Belġju tat-2 ta’ Frar 2004, permezz ta’ informazzjoni dwar il-Pajjiżi l-Baxxi (premessi 127, 129 u 130 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Fis-27 ta’ Lulju 2004, Otis ingħatat immunità kkundizzjonata skont il-paragrafu 8(a) tal-imsemmi Avviż (premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Mit-28 ta’ April 2004, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, għamlet spezzjonijiet, b’mod partikolari fl-istabbilimenti tas-sussidjarji ta’ Kone, ta’ Schindler, ta’ ThyssenKrupp u ta’ MEE fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll fl-istabbilimenti tal-assoċjazzjoni Boschduin (premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      F’Settembru 2004, il-Kummissjoni bagħtet ukoll talbiet għal informazzjoni, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, lill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi, lil diversi klijenti f’dan l-Istat Membru u lill-assoċjazzjonijiet VLR u Boschduin (premessi 133 u 134 tad-deċiżjoni kkontestata).

2.     Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

20      Fis-7 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li kienet indirizzata b’mod partikolari lill-kumpanniji msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq. Id-destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bagħtu osservazzjonijiet bil-miktub bħala risposta għall-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni (premessi 135 u 137 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Ma saret l-ebda seduta peress illi l-ebda destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma għamel talba f’dan is-sens (premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata).

3.     Id-deċiżjoni kkontestata

22      Fil-21 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li fiha hija kkonstatat illi l-kumpanniji destinatarji ta’ din id-deċiżjoni kienu pparteċipaw f’erba’ ksur uniċi, kumplessi u kontinwi tal-Artikolu 81(1) KE f’erba’ Stati Membri, u dan billi qasmu bejniethom swieq permezz ta’ ftehim u qbil bejniethom dwar l-għoti ta’ sejħiet għal offerti u ta’ kuntratti marbuta mal-bejgħ, l-installazzjoni, il-manutenzjoni u l-modernizzazzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Fir-rigward tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat illi, minbarra s-sussidjarji tal-impriżi kkonċernati fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-kumpanniji parent tal-imsemmija sussidjarji għandhom jinżammu responsabbli in solidum għall-ksur tal-Artikolu 81 KE mwettaq mis-sussidjarji rispettivi tagħhom, minħabba l-fatt illi huma setgħu jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali tagħhom matul it-tul tal-ksur u peress li seta’ jiġi preżunt illi huma użaw dan il-poter (premessi 608, 615, 622, 627 u 634 sa 641 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-kumpanniji parent ta’ MEE ma nżammux responsabbli in solidum għall-aġir tas-sussidjarja tagħhom, minħabba l-fatt illi ma setax jiġi stabbilit jekk kinux eżerċitaw influwenza deċiżiva fuq l-aġir tas-sussidjarja (premessa 643 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-metodu spjegat fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-1998”). Hija evalwat ukoll jekk, u sa liema punt, l-impriżi kkonċernati kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

25      Il-Kummissjoni kklassifikat il-ksur bħala “serju ħafna” fid-dawl tan-natura tagħhom u tal-fatt li kull wieħed minnhom kien ikopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru (il-Belġju, il-Ġermanja, il-Lussemburgu jew il-Pajjiżi l-Baxxi), anki jekk l-impatt reali tagħhom ma setax jitkejjel (premessa 671 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-impriżi kkonċernati li jikkawżaw preġudizzju sinjifikattiv lill-kompetizzjoni, il-Kummissjoni, għal kull pajjiż, qasmet lil dawn l-impriżi f’diversi kategoriji skont id-dħul mill-bejgħ magħmul fis-suq tal-liftijiet u/jew tal-eskalejters, inkluż, jekk ikun il-każ, fis-servizzi tal-manutenzjoni u tal-modernizzazzjoni (premessi 672 u 673 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      F’dak li jirrigwarda l-akkordju fil-Belġju, Kone u Schindler tpoġġew fl-ewwel kategorija, b’ammont inizjali tal-multa, stabbilit skont il-gravità tal-ksur, ta’ EUR 40 000 000. Otis tpoġġiet fit-tieni kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 27 000 000. ThyssenKrupp tpoġġiet fit-tielet kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 16 500 000 (premessi 674 u 675 tad-deċiżjoni kkontestata). Ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 1.7 fuq l-ammont inizjali tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Otis u ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 2 fuq l-ammont inzijali tal-multa ta’ ThyssenKrupp, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali tagħhom, b’tali mod li l-ammont inizjali tal-multi tagħhom żdied għal EUR 45 900 000 u għal EUR 33 000 000 rispettivament (premessi 690 u 691 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li l-ksur dam seba’ snin u tmien xhur (mid-9 ta’ Mejju 1996 sad-29 ta’ Jannar 2004), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għall-impriżi kkonċernati b’75 %. B’hekk l-ammont bażiku tal-multa sar EUR 70 000 000 għal Kone, EUR 80 325 000 għal Otis, EUR 70 000 000 għal Schindler u EUR 57 750 000 għal ThyssenKrupp (premessi 692 u 696 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni qieset li ThyssenKrupp kellha tiġi kkunsidrata bħala reċediva u żiedet l-ammont tal-multa tagħha b’50 % minħabba din iċ-ċirkustanza aggravanti (premessi 697, 698 u 708 sa 710 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ebda ċirkustanza attenwanti ma ġiet applikata favur l-impriżi kkonċernati (premessi 733, 734, 749, 750 u 753 sa 755 tad-deċiżjoni kkontestata). Bis-saħħa tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, Kone bbenefikat minn immunità totali mill-multi. Otis ibbenefikat, minn naħa waħda, minn tnaqqis ta’ 40 % tal-ammont tal-multa fil-faxxa stipulata fl-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż, u min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. ThyssenKrupp ibbenefikat, minn naħa waħda, minn tnaqqis ta’ 20 % tal-ammont tal-multa fil-faxxa stipulata fit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż u, min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. Schindler ibbenefikat minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti (premessi 760 sa 777 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      F’dak li jirrigwarda l-akkordju fil-Ġermanja, Kone, Otis u ThyssenKrupp tpoġġew fl-ewwel kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 70 000 000. Schindler tpoġġiet fit-tieni kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 17 000 000 (premessi 676 sa 679 tad-deċiżjoni kkontestata). Ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 1.7 fuq l-ammont inizjali tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Otis u ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 2 fuq l-ammont inizjali tal-multa ta’ ThyssenKrupp, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali tagħhom, b’tali mod li l-ammont inizjali tal-multi tagħhom żdied għal EUR 119 000 000 u għal EUR 140 000 000 rispettivament (premessi 690 u 691 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li l-ksur imwettaq minn Kone, Otis u ThyssenKrupp dam tmien snin u erba’ xhur (mill-1 ta’ Awwissu 1995 sal-5 ta’ Diċembru 2003), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għal dawn l-impriżi b’80 %. Peress li l-ksur imwettaq minn Schindler dam ħames snin u erba’ xhur (mill-1 ta’ Awwissu 1995 sas-6 ta’ Diċembru 2000), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għal din l-impriża b’50 %. B’hekk l-ammont bażiku tal-multa sar EUR 126 000 000 għal Kone, EUR 214 200 000 għal Otis, EUR 25 500 000 għal Schindler u EUR 252 000 000 għal ThyssenKrupp (premessi 693 u 696 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni qieset li ThyssenKrupp kellha tiġi kkunsidrata bħala reċediva u żiedet l-ammont tal-multa tagħha b’50 % minħabba din iċ-ċirkustanza aggravanti (premessi 697 sa 707 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ebda ċirkustanza attenwanti ma ġiet applikata favur l-impriżi kkonċernati (premessi 727 sa 729, 735, 736, 742 sa 744, 749, 750 u 753 sa 755 tad-deċiżjoni kkontestata). Kone bbenefikat, minn naħa waħda, minn tnaqqis massimu ta’ 50 % tal-ammont tal-multa stipulat fl-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u, min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. Otis ibbenefikat, minn naħa waħda, minn tnaqqis ta’ 25 % tal-ammont tal-multa fil-faxxa stipulata fit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż u, min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. Schindler ibbenefikat, minn naħa waħda, minn tnaqqis ta’ 15 % tal-ammont tal-multa fil-faxxa stipulata fit-tielet inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż u, min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. ThyssenKrupp ibbenefikat minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti (premessi 778 sa 813 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      F’dak li jirrigwarda l-akkordju fil-Lussemburgu, Otis u Schindler tpoġġew fl-ewwel kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 10 000 000. Kone u ThyssenKrupp tpoġġew fit-tieni kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 2 500 000 (premessi 680 sa 683 tad-deċiżjoni kkontestata). Ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 1.7 fuq l-ammont inizjali tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Otis u ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 2 fuq l-ammont inizjali tal-multa ta’ ThyssenKrupp, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali tagħhom, b’tali mod li l-ammont inizjali tal-multi tagħhom żdied għal EUR 17 000 000 u għal EUR 5 000 000 rispettivament (premessi 690 u 691 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li l-ksur dam tmien snin u tliet xhur (mis-7 ta’ Diċembru 1995 sad-9 ta’ Marzu 2004), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għall-impriżi kkonċernati b’80 %. B’hekk l-ammont bażiku tal-multa sar EUR 4 500 000 għal Kone, EUR 30 600 000 għal Otis, EUR 18 000 000 għal Schindler u EUR 9 000 000 għal ThyssenKrupp (premessi 694 u 696 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni qieset li ThyssenKrupp kellha tiġi kkunsidrata bħala reċediva u żiedet l-ammont tal-multa tagħha b’50 % minħabba din iċ-ċirkustanza aggravanti (premessi 697, 698 u 711 sa 714 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ebda ċirkustanza attenwanti ma ġiet applikata favur l-impriżi kkonċernati (premessi 730, 749, 750 u 753 sa 755 tad-deċiżjoni kkontestata). Bis-saħħa tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, Kone bbenefikat minn immunità totali tal-multi. Otis ibbenefikat, minn naħa waħda, minn tnaqqis ta’ 40 % tal-ammont tal-multa fil-faxxa stipulata fl-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż u, min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. Schindler u ThyssenKrupp ibbenefikaw biss minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti (premessi 814 sa 835 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      F’dak li jirrigwarda l-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi, Kone tpoġġiet fl-ewwel kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 55 000 000. Otis tpoġġiet fit-tieni kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 41 000 00. Schindler tpoġġiet fit-tielet kategorija, b’ammont inizjali tal-ammont tal-multa ta’ EUR 24 500 000. ThyssenKrupp u MEE tpoġġew fir-raba’ kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 8 500 000 (premessi 684 u 685 tad-deċiżjoni kkontestata). Ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 1.7 fuq l-ammont inizjali tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Otis u ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 2 fuq l-ammont inizjali tal-multa ta’ ThyssenKrupp, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali tagħhom, b’tali mod li l-ammont inizjali tal-multi tagħhom żdied għal EUR 69 700 000 u għal EUR 17 000 000 rispettivament (premessi 690 u 691 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li l-ksur imwettaq minn Otis u ThyssenKrupp dam ħames snin u għaxar xhur (mill-15 ta’ April 1998 sal-5 ta’ Marzu 2004), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għal dawn l-impriżi b’55 %. Peress li l-ksur imwettaq minn Kone u Schindler dam erba’ snin u disa’ xhur (mill-1 ta’ Ġunju 1999 sal-5 ta’ Marzu 2004), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għal dawn l-impriżi b’45 %. Peress li l-ksur imwettaq minn MEE dam erba’ snin u xahar (mill-11 ta’ Jannar 2000 sal-5 ta’ Marzu 2004), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għal din l-impriża b’40 %. B’hekk, l-ammont bażiku tal-multa sar EUR 79 750 000 għal Kone, EUR 108 035 000 għal Otis, EUR 35 525 000 għal Schindler, EUR 26 350 000 għal ThyssenKrupp u EUR 11 900 000 għal MEE (premessi 695 u 696 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni qieset li ThyssenKrupp kellha tiġi kkunsidrata bħala reċediva u żiedet l-ammont tal-multa tagħha b’50 % minħabba din iċ-ċirkustanza aggravanti (premessi 697, 698 u 715 sa 720 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ebda ċirkustanza attenwanti ma ġiet applikata favur l-impriżi kkonċernati (premessi 724 sa 726, 731, 732, 737, 739 sa 741, 745 sa 748 u 751 sa 755 tad-deċiżjoni kkontestata). Bis-saħħa tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, Otis bbenefikat minn immunità totali mill-multi. ThyssenKrupp ibbenefikat, minn naħa waħda, minn tnaqqis ta’ 40 % tal-ammont tal-multa fil-faxxa stipulata fl-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż u, min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. Schindler et MEE bbenefikaw minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti (premessi 836 sa 855 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

“Artikolu 1

1.      Fir-rigward tal-Belġju, l-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81 [KE], billi ftehmu, b’mod regolari u kollettivament, matul il-perijodi indikati, fil-kuntest ta’ ftehim u prattiki miftiehma fil-livell nazzjonali relatati mal-liftijiet u mal-eskalejters, sabiex jaqsmu s-swieq bejniethom, jaqsmu s-sejħiet għal offerti pubbliċi u privati u kuntratti oħra skont l-ishma miftiehma minn qabel għall-bejgħ u għall-installazzjoni, u sabiex ma jikkompetux kontra xulxin għall-kuntratti ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni:

–        Kone: [KC] u [Kone Belġju]: mid-9 ta’ Mejju 1996 sad-29 ta’ Jannar 2004;

–        Otis: [UTC], [OEC] u [Otis Belġju]: mid-9 ta’ Mejju 1996 sad-29 ta’ Jannar 2004;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler Belġju]: mid-9 ta’ Mejju 1996 sad-29 ta’ Jannar 2004; u

–        ThyssenKrupp: [TKAG], [TKE] u [TKLA]: mid-9 ta’ Mejju 1996 sad-29 ta’ Jannar 2004.

2.      Fir-rigward tal-Ġermanja, l-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81 [KE], billi ftehmu, b’mod regolari u kollettivament, matul il-perijodi indikati, fil-kuntest ta’ ftehim u prattiki miftiehma fil-livell nazzjonali relatati mal-liftijiet u mal-eskalejters, sabiex jaqsmu s-swieq bejniethom, jaqsmu s-sejħiet għal offerti pubbliċi u privati u kuntratti oħra skont l-ishma miftiehma minn qabel għall-bejgħ u għall-installazzjoni:

–        Kone: [KC] u [Kone Ġermanja]: mill-1 ta’ Awwissu 1995 sal-5 ta’ Diċembru 2003;

–        Otis: [UTC], [OEC] u [Otis Ġermanja]: mill-1 ta’ Awwissu 1995 sal-5 ta’ Diċembru 2003;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler Ġermanja]: mill-1 ta’ Awwissu 1995 sas-6 ta’ Diċembru 2000; u

–        ThyssenKrupp: [TKAG], [TKE], [TKA] u [TKF] mill-1 ta’ Awwissu 1995 sal-5 ta’ Diċembru 2003.

3.      Fir-rigward tal-Lussemburgu, l-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81 [KE], billi ftehmu, b’mod regolari u kollettivament, matul il-perijodi indikati, fil-kuntest ta’ ftehim u prattiki miftiehma fil-livell nazzjonali relatati mal-liftijiet u mal-eskalejters, sabiex jaqsmu s-swieq bejniethom, jaqsmu s-sejħiet għal offerti pubbliċi u privati u kuntratti oħra skont l-ishma miftiehma minn qabel għall-bejgħ u għall-installazzjoni, u sabiex ma jikkompetux kontra xulxin għall-kuntratti ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni:

–        Kone: [KC] u [Kone Lussemburgu]: mis-7 ta’ Diċembru 1995 sad-29 ta’ Jannar 2004;

–        Otis: [UTC], [OEC], [Otis Belġju], [GTO] u [GT]: mis-7 ta’ Diċembru 1995 sad-9 ta’ Marzu 2004;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler Lussemburgu]: mis-7 ta’ Diċembru 1995 sad-9 ta’ Marzu 2004; u

–        ThyssenKrupp: [TKAG], [TKE] u [TKAL]: mis-7 ta’ Diċembru 1995 sad-9 ta’ Marzu 2004.

4.      Fir-rigward tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81 [KE], billi ftehmu, b’mod regolari u kollettivament, matul il-perijodi indikati, fil-kuntest ta’ ftehim u prattiki miftiehma fil-livell nazzjonali relatati mal-liftijiet u mal-eskalejters, sabiex jaqsmu s-swieq bejniethom, jaqsmu s-sejħiet għal offerti pubbliċi u privati u kuntratti oħra skont l-ishma miftiehma minn qabel għall-bejgħ u għall-installazzjoni, u sabiex ma jikkompetux kontra xulxin għall-kuntratti ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni:

–        Kone: [KC] u [Kone il-Pajjiżi l-Baxxi]: mill-1 ta’ Ġunju 1999 sal-5 ta’ Marzu 2004;

–        Otis: [UTC], [OEC] u [Otis il-Pajjiżi l-Baxxi]: mill-15 ta’ April 1998 sal-5 ta’ Marzu 2004;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler il-Pajjiżi l-Baxxi]: mill-1 ta’ Ġunju 1999 sal-5 ta’ Marzu 2004;

–        ThyssenKrupp: [TKAG] u [TKL]: mill-15 ta’ April 1998 sal-5 ta’ Marzu 2004; u

–        [MEE]: mill-11 ta’ Jannar 2000 sal-5 ta’ Marzu 2004.

Artikolu 2

1.      Għall-ksur fil-Belġju msemmi fl-Artikolu 1(1), is-segwenti multi huma imposti:

–        Kone: [KC] u [Kone Belġju], in solidum: EUR 0;

–        Otis: [UTC], [OEC] u [Otis Belġju], in solidum: EUR 47 713 050;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler Belġju], in solidum: EUR 69 300 000; u

–        ThyssenKrupp: [TKAG], [TKE] u [TKLA], in solidum: EUR 68 607 000.

2. Għall-ksur fil-Ġermanja msemmi fl-Artikolu 1(2), is-segwenti multi huma imposti:

–        Kone: [KC] u [Kone Ġermanja], in solidum: EUR 62 370 000;

–        Otis: [UTC], [OEC] u [Otis Ġermanja], in solidum: EUR 159 043 500;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler Ġermanja], in solidum: EUR 21 458 250; u

–        ThyssenKrupp: [TKAG], [TKE], [TKA] u [TKF], in solidum: EUR 374 220 000.

3. Għall-ksur fil-Lussemburgu msemmi fl-Artikolu 1(3), is-segwenti multi huma imposti:

–        Kone: [KC] u [Kone Lussemburgu], in solidum: EUR 0;

–        Otis: [UTC], [OEC], [Otis Belġju], [GTO] u [GT], in solidum: EUR 18 176 400;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler Luxembourg], in solidum: EUR 17 820 000; u

–        ThyssenKrupp: [TKAG], [TKE] u [TKAL], in solidum: EUR 13 365 000.

4. Għall-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi msemmi fl-Artikolu 1(4), is-segwenti multi huma imposti:

–        Kone: [KC] u [Kone il-Pajjiżi l-Baxxi], in solidum: EUR 79 750 000;

–        Otis: [UTC], [OEC] u [Otis il-Pajjiżi l-Baxxi], in solidum: EUR 0;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler il-Pajjiżi l-Baxxi], in solidum: EUR 35 169 750;

–        ThyssenKrupp: [TKAG] u [TKL], in solidum: EUR 23 477 850; u

–        [MEE]: EUR 1 841 400.

[…] [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

32      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti Schindler Holding, Schindler Management AG, Schindler Belġju, Schindler Ġermanja, Schindler Lussemburgu u Schindler il-Pajjiżi l-Baxxi ressqu dan ir-rikors.

33      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Lulju 2007, il-Kunsill tal-Unjoni talab biex jiġi awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. B’digriet tat-8 ta’ Ottubru 2007, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqgħa din it-talba għal intervent.

34      Fis-26 ta’ Novembru 2007, il-Kunsill issottometta n-nota ta’ intervent tiegħu. Il-partijiet prinċipali ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-imsemmija nota.

35      Fid-dawl tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet xi domandi bil-miktub lir-rikorrenti u talbet lill-Kummissjoni tipproduċi dokument. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ dawn il-miżuri fit-terminu mogħti.

36      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-17 ta’ Settembru 2009.

37      Ir-rikorrenti jitolbu sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multi imposti;

–        tiddikjara, skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni f’dak li jirrigwarda Schindler Management;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mad-dikjarazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni f’dak li jirrigwarda r-rikors sa fejn dan ġie ppreżentat minn Schindler Management.

38      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

39      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tiddeċiedi kif jixraq fuq l-ispejjeż.

 Fuq it-talba għal dikjarazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni f’dak li jirrigwarda Schindler Management

40      Fil-verżjoni tiegħu preċedenti għall-preżentazzjoni tar-rikors, l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata kien isemmi lil Schindler Management bħala waħda mid-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni.

41      Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Settembru 2007, li ġiet innotifikata lill-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni rrettifikat l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata u nnotifikat din ir-rettifika lil Schindler Holding u lil Schindler Management. L-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, kif irrettifikat, ma għadux isemmi lil Schindler Management.

42      Skont ir-rikorrenti, fid-dawl ta’ din ir-rettifika tad-deċiżjoni kkontestata r-rikors ma għadx għandu skop sa fejn dan ġie ppreżentat minn Schindler Management.

43      Għandu jiġi osservat, b’mod konformi mat-talbiet tar-rikorrenti, li dan ir-rikors, fid-dawl tar-rettifika tad-deċiżjoni kkontestata, ma għadx għandu skop sa fejn dan jikkonċerna lil Schindler Management.

44      Għalhekk, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors sa fejn dan ġie ppreżentat minn Schindler Management.

 Fuq il-mertu

1.     Osservazzjonijiet preliminari

45      Insostenn tar-rikors tagħhom, fl-osservazzjonijiet bil-miktub, ir-rikorrenti ressqu l-argumenti tagħhom fil-kuntest ta’ tlettax il-motiv, li huma ppreżentaw kif ġej. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni, minħabba l-fatt li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali limitata f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-multi. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività fl-applikazzjoni tal-Linji gwida tal-1998 u tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni u fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma għandhiex kompetenza sabiex tadotta l-Linji gwida tal-1998. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, minħabba l-ksur tal-prinċipju nemo tenetur se ipsum accusare, nemo tenetur se ipsum prodere (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, il-“prinċipju nemo tenetur”), tal-prinċipju in dubio pro reo u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri u fuq ir-rekwiżiti ta’ proċedura bbażata fuq ir-rispett tal-prinċipji tal-istat ta’ dritt. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq in-natura konfiskatorja tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti. Is-seba’ u t-tmien motivi huma bbażati fuq ksur tal-Linji gwida tal-1998 fir-rigward tal-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi u fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti. Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Linji gwida tal-1998 u tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ammont tal-multi għall-ksur imwettaq fil-Belġju, fil-Ġermanja u fil-Lussemburgu. L-għaxar motiv huwa bbażat fuq in-natura sproporzjonata tal-ammont tal-multi, il-ħdax-il motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas li d-deċiżjoni kkontestata tiġi nnotifikata b’mod validu lil Schindler Holding. It-tnax-il motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ responsabbiltà ta’ Schindler Holding. Fl-aħħar nett, it-tlettax-il motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

46      Għalkemm ir-rikors imressaq mir-rikorrenti għandu għan doppju, jiġifieri, prinċipalment, talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi, madankollu fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ir-rikorrenti ma speċifikawx it-talbiet sostnuti fl-ilmenti differenti li qajjmu. Matul is-seduta, għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti essenzjalment indikaw li l-ewwel għaxar motivi u t-tlettax-il motiv huma intiżi għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ħdax-il motiv huwa intiż għall-annullament totali tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din kienet indirizzata lill-Schindler Holding, u li t-tnax-il motiv huwa intiż għall-annullament tal-Artikoli 1, 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din kienet indirizzata lill-Schindler Holding.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li diversi lmenti tar-rikorrenti jirrigwardaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fit-totalità tagħha u għalhekk dawn ser jiġu eżaminati l-ewwel. Dan jgħodd ukoll għall-ilment li r-rikorrenti jagħmlu fil-kuntest tal-ħames motiv tagħhom, li huwa essenzjalment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Fost l-ilmenti li jirrigwardaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fit-totalità tagħha hemm ukoll dawk li tqajjmu fil-kuntest tal-ħdax u t-tnax-il motiv, ibbażati rispettivament fuq l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet indirizzata lill-Schindler Holding minħabba nuqqas ta’ notifika valida u fuq l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din invokat ir-responsabbiltà in solidum ta’ Schindler Holding.

48      L-ilmenti li jirrigwardaw il-legalità tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, magħmulin fil-kuntest tal-motivi l-oħra tar-rikors, ser jiġu eżaminati sussegwentement. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li jkun xieraq li l-ilmenti tar-rikorrenti jiġu eżaminati kif ġej. L-ewwel nett ser jiġu eżaminati l-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi, li fil-kuntest tagħhom ir-rikorrenti jqajjmu diversi eċċezzjonijiet ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Linji gwida tal-1998 u tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Wara dan il-Qorti Ġenerali ser teżamina s-sitt motiv, li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata hija ta’ natura konfiskatorja. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ser teżamina s-seba’, it-tmien, id-disa’, l-għaxar u t-tlettax-il motiv, li fil-kuntest tagħhom ir-rikorrenti invokaw diversi lmenti fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi.

2.     Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fit-totalità tagħha

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB

49      Ir-rikorrenti jsostnu li peress li l-ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE li jirrigwardaw id-dritt tal-kompetizzjoni huwa rregolat mid-dritt kriminali, il-proċedura quddiem il-Kummissjoni kellha tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Issa, awtoritajiet amministrattivi jistgħu jimponu sanzjonijiet kriminali biss jekk ikun hemm il-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju, li ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti. Fil-fatt, rikors għall-annullament quddiem il-qrati tal-Unjoni hija biss proċedura amministrattiva ta’ appell fuq punt ta’ liġi, li hija limitata għall-motivi mqajjma b’mod konkret mir-rikorrenti, u dan ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), b’mod partikolari fil-kuntest tas-sentenza Öztürk vs Il-Ġermanja, tal-21 ta’ Frar 1984 (serje A Nru 73). Barra minn hekk, peress li l-proċedura quddiem il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkwalifikata bħala proċedura quddiem qorti indipendenti u imparzjali, il-produzzjoni tal-prova mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, li tikkonsisti f’li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq deskrizzjonijiet ta’ fatti miksuba fil-kuntest ta’ “awto inkriminazzjoni”, tikser ir-rekwiżiti ta’ proċedura ta’ stat ta’ dritt, u dan peress li l-impriżi ma jkollhom ebda possibbiltà li jivverifikaw ir-rilevanza tal-ilmenti billi jagħmlu, pereżempju, mistoqsijiet lix-xhieda kontra.

50      L-Artikolu 6(1) tal-KEDB jipprovdi:

“Fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u ta’ l-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa ntitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi. […]”

51      Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li kull persuna għandha dritt għal smigħ xieraq (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Salzgitter Mannesmann vs Il-Kummissjoni, C‑411/04 P, Ġabra p. I‑959, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, dan il-prinċipju huwa kkonfermat bl-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, stabbilita fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Karta”), huwa ispirat mid-drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiggarantixxi l-osservanza billi tispira ruħha mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet pprovduti b’mod partikolari mill-Qorti EDB (sentenza Salzgitter Mannesmann vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

52      L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li l-proċedura quddiem il-Kummissjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, sabiex l-Artikolu 6 tal-KEDB ikun applikabbli, huwa biżżejjed li l-ksur inkwistjoni jkun ta’ natura kriminali jew ikun espona lill-persuna kkonċernata għal sanzjoni li, min-natura u mill-livell ta’ gravità tagħha, tkun ġeneralment taqa’ taħt il-qasam kriminali (ara s-sentenza tal-Qorti EDB, Jussila vs Il-Finlandja, tat-23 ta’ Novembru 2006, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, 2006‑XIII, § 31, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, billi adottaw interpretazzjoni awtonoma mill-kunċett ta’ “akkuża f’qasam kriminali”, il-korpi tal-KEDB fasslu l-pedamenti għal estensjoni progressiva tal-applikazzjoni tal-aspett kriminali tal-Artikolu 6 għal oqsma li tradizzjonalment ma jifformawx parti mill-kategoriji tad-dritt kriminali, bħas-sanzjonijiet pekunjarji imposti minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Madankollu, fir-rigward tal-kategoriji li ma jifformawx parti mill-qalba tad-dritt penali, il-Qorti EDB speċifikat li l-garanziji offruti mill-aspett kriminali tal-Artikolu 6 ma għandhomx neċessarjament jiġu applikati bl-iktar mod riġoruż possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti EDB Jussila vs Il-Finlandja, iċċitata iktar ’il fuq, § 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni, u kif iddikjarat espliċitament fl-Artikolu 23(5) tar-Regolament Nru 1/2003, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu multi minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma humiex ta’ natura kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T‑83/91, Ġabra p. II‑755, punt 235; tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 717, u tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il‑Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 390).

54      Bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, għandu jiġi kkunsidrat li proċedura li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tikkonstata ksur u li timponi multi u li tista’ sussegwentement tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Għalkemm huwa ċertament minnu li l-Kummissjoni ma hijiex qorti fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB (ara, f’dan is-sens is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il‑Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 81, u tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 7). Madankollu, il-Kummissjoni hija obbligata li tirrispetta l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni matul il-proċedura amministrattiva (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-10 ta’ Marzu 1992, Shell vs Il‑Kummissjoni, T‑11/89, Ġabra p. II‑757, punt 39; Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 718, u HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 391).

55      Barra minn hekk, l-istħarriġ imwettaq mill-qorti tal-Unjoni fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jiggarantixxi li jiġu osservati r-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq, kif stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB (ara l-punt 50 iktar ’il fuq).

56      F’dan ir-rigward, skont il-Qorti EDB, huwa neċessarju li l-impriża tkun tista’ tressaq kull deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha quddiem qorti li għandha ġurisdizzjoni sħiħa, li b’mod partikolari jkollha s-setgħa li tbiddel fuq kull punt, kemm ta’ fatt kif ukoll ta’ liġi, id-deċiżjoni meħuda (ara b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti EDB, Janosevic vs L-Isvezja, tat-23 ta’ Lulju 2002, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2002‑VII, § 81, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, meta l-Qorti Ġenerali tistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE, ir-rikorrenti jistgħu jitolbuha tagħmel eżami eżawrjenti kemm tal-konstatazzjoni materjali tal-fatti kif ukoll tal-evalwazzjoni legali tagħhom magħmula mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-multi, hija għandha ġurisdizzjoni sħiħa skont l-Artikolu 229 KE u skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 719).

57      Fit-tieni lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-impriżi kkonċernati ma kellhomx il-possibbiltà li jivverifikaw ir-rilevanza tal-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni, pereżempju billi jagħmlu mistoqsijiet lill-eventwali xhieda kontra. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, ebda dispożizzjoni u ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tuża, kontra impriża, dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra. Li kieku dan ma kienx hekk, l-oneru li l-Kummissjoni għandha li tipprova l-aġir li jmur kontra l-Artikoli 81 KE u 82 KE jkun insostenibbli u inkompatibbli mal-missjoni ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni korretta ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mogħtija lilha mit-Trattat KE. Madankollu d-dikjarazzjoni ta’ impriża investigata talli ħadet sehem f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn diversi impriżi investigati, ma tistax titqies bħala li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-fatti inkwistjoni jekk ma tkunx sostnuta minn provi oħra (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 285, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, f’kull każ, għandu bilfors jiġi kkonstatat li fil-kawża preżenti r-rikorrenti espliċitament ammettew il-fatti kif esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

58      It-tielet nett, mill-kumplament, għal dak li jirrigwarda l-produzzjoni tal-prova mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, l-ilment tar-rikorrenti ma jiddistingwixxix ruħu mill-ilment tagħhom ibbażat fuq l-illegalità tal-imsemmi Avviż minħabba ksur tal-principji nemo tenetur u in dubio pro reo, li għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet esposti fil-punti 146 sa 164 iktar ’il quddiem.

59      Għaldaqstant il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din hija indirizzata lill-Schindler Holding, minħabba n-nuqqas ta’ notifikazzjoni valida

60      Ir-rikorrenti jammettu li d-deċiżjoni kkontestata ġiet ikkomunikata lill-Schindler Holding, stabbilita fl-Isvizzera. Madankollu, din ma ġietx innotifikata skont l-Artikolu 254(3) KE. Il-mod ta’ kif taġixxi l-Kummissjoni jikser id-dritt kriminali Svizzeru u jmur kontra d-dritt internazzjonali. Fil-fatt, in-notifika fl-Isvizzera tippreżupponi l-eżistenza ta’ konvenzjoni mal-Isvizzera rregolata mid-dritt internazzjonali, konvenzjoni li ma teżistix, b’tali mod li, fin-nuqqas ta’ notifika, id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija indirizzata lill-Schindler Holding, ma hijiex valida u, għaldaqstant, hija ġuridikament ineżistenti.

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-irregolaritajiet fil-proċedura ta’ notifika ta’ deċiżjoni huma distinti mill-att u għaldaqstant ma jistgħux jivvizzjawh (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punt 39). Tali irregolaritajiet jistgħu biss, f’ċerti ċirkustanzi, jipprekludu milli jibda jiddekorri t-terminu, previst fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, għall-preżentata ta’ rikors. Fil-kawża preżenti, huwa paċifiku li Schindler Holding kienet saret taf bil-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u użat id-dritt għal rikors tagħha fit-terminu previst fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

62      Għaldaqstant, il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din żammet lil Schindler Holding responsabbli in solidum

63      Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw ir-responsabbiltà in solidum ta’ Schindler Holding, il-kumpannija parent tal-grupp Schindler, għall-aġir antikompetittiv tas-sussidjarji tagħha fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi.

64      Fir-rigward tar-responsabbiltà in solidum ta’ kumpannija parent għall-aġir tas-sussidjarja tagħha, għandu jitfakkar li l-fatt li sussidjarja għandha personalità ġuridika distinta ma huwiex biżżejjed sabiex titwarrab il-possibbiltà li l-aġir tagħha jiġi imputat lill-kumpannija parent (sentenza Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 132).

65      Fil-fatt, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jikkonċerna l-attivitajiet tal-impriżi u l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ dik l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Il-qrati tal-Unjoni spjegaw ukoll illi l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il‑kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau, 170/83, Ġabra p. 2999, punt 11, u Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara ukoll, f’dan is-sens is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-29 ta’ Ġunju 2000, DSG vs Il‑Kummissjoni, T‑234/95, Ġabra p. II‑2603, punt 124). Huma b’hekk enfasizzaw li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, is-separazzjoni formali bejn żewġ kumpanniji, li tirriżulta mill-personalità ġuridika distinta tagħhom, ma hijiex determinanti, peress li dak li huwa deċiżiv huwa l-unità jew le tal-aġir tagħhom fis-suq. Għalhekk jista’ jkun neċessarju li jiġi stabbilit jekk żewġ kumpanniji li għandhom personalitajiet ġuridiċi distinti jiffurmawx jew jaqgħux taħt l-istess impriża jew entità ekonomika waħda li għandha aġir uniku fis-suq (sentenza Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 140, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il-Kummissjoni, T‑325/01, Ġabra p. II‑3319, punt 85).

67      Meta tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, tirrispondi għal dan il-ksur (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandu inekwivokament jiġi imputat fuq persuna ġuridika li fil-konfront tagħha jkunu jistgħu jiġu imposti multi u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tkun indirizzata lil din il-persuna. Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha wkoll tindika taħt liema kwalità l-persuna ġuridika tkun qegħdha tiġi akkużata bil-fatti allegati (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jiffurmaw impriża waħda fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 65 u 66 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-fatt li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE jippermetti li l-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 59).

71      Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent ikollha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja, u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu tas-sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex tippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm din il-kumpannija parent, li għandha l-oneru li taqleb din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li fil-punti 28 u 29 tas-sentenza tagħha tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925), il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet, minbarra l-fatt li l-kumpannija parent ikollha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja, ċirkustanzi oħra, bħan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza li l-kumpannija parent teżerċita fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u r-rappreżentazzjoni komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija ċirkustanzi ssemmew biss bil-għan li jiġu esposti l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti Ġenerali kienet ibbażat ir-raġunament tagħha u mhux sabiex l-implementazzjoni tal-preżunzjoni msemmija fil-punt 71 iktar ’il fuq tiġi suġġetta għall-produzzjoni ta’ indizji addizzjonali fir-rigward tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza tal-kumpannija parent (sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 62).

74      Il-motiv preżenti għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-prinċipji mfakkra iktar ’il fuq.

75      Fil-premessa 627 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li Schindler Holding kellha tinżamm responsabbli in solidum għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarji tagħha Schindler Belġju, Schindler Ġermanja u Schindler il-Pajjiżi l-Baxxi, minħabba li “inkwantu proprjetarja unika u kumpannija parent aħħarija, [hija] setgħet teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali ta’ kull waħda mis-sussidjarji tagħha matul il-perijodu tal-ksur u seta’ jiġi preżunt li hija kienet użat din is-setgħa”.

76      Fil-premessi 628 u 629 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-argument ta’ Schindler Holding li jgħid li l-imsemmija sussidjarji kienu jwettqu l-attivitajiet tagħhom fis-suq bħala entitajiet ġuridiċi indipendenti li kienu jiddeterminaw waħedhom il-parti l-kbira tal-politika kummerċjali tagħhom, kif ukoll l-argument li jgħid li hija ma kellha ebda influwenza fuq l-attivitajiet kompetittivi tal-imsemmija sussidjarji kienu “insuffiċjenti sabiex tinqaleb il-preżunzjoni li tgħid li s-sussidjarji ta’ Schindler Holding ma kinux jiddeterminaw l-aġir tagħhom fis-suq b’mod kompletament awtonomu”.

77      Il-Kummissjoni osservat ukoll, fil-premessa 630 tad-deċiżjoni kkontestata, li “matul il-proċedura amministrattiva [Schindler Holding] setgħet ipproduċiet provi li juru li hija ma kinitx eżerċitat influwenza deċiżiva fuq is-sussidjarji tagħha […]”. Skont il-Kummissjoni, “[Schindler Holding] u s-sussidjarji tagħha madankollu ma [pprovdewlha] ebda prova li titfa dawl fuq ir-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji, l-istruttura ġerarkika u l-obbligi ta’ rappurtar sabiex tkun tista’ tinqaleb il-preżunzjoni [li tgħid li] [Schindler Holding], inkwantu proprjetarja unika tas-sussidjarji tagħha, destinatarji tad-deċiżjoni [kkontestata], kienet eżerċitat id-drittijiet ta’ kontroll tagħha u użat il-mezzi l-oħra kollha sabiex teżerċita l-influwenza deċiżiva li kien jistħoqilha.”

78      Fil-premessa 631 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li “il-fatt biss li jeżisti programm ta’ konformizzazzjoni mar-regoli tal-kompetizzjoni fi ħdan Schindler ma [kienx] jippermetti li jiġi ddeterminat jekk [Schindler Holding] [kinitx] jew le tagħat istruzzjonijiet dwar il-ksur”. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, “[i]l-preżunzjoni tibqa li s-sussidjarja 100 % ta’ [Schindler Holding] ma kinitx tiddetermina b’mod awtonomu l-politika kummerċjali tagħha fis-suq”.

79      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, fil-premessa 632 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonkludiet li “[Schindler Holding] u s-sussidjarji 100 % tagħha ma [kinux] qalbu l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà għall ksur imwettaq fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi [u li], [k]onsegwentement, [Schindler Holding] [kellha] tinżamm responsabbli in solidum mas-sussidjarji kkonċernati għall-ksur tal-Artikolu 81 KE li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni [kkontestata]”.

80      Fl-ewwel lok, huwa paċifiku li, matul il-perijodu tal-ksur, Schindler Holding kellha direttament 100 % tal-kapital ta’ Schindler Belġju, Schindler Ġermanja u Schindler il-Pajjiżi l-Baxxi u, indirettament, permezz ta’ Schindler Belġju, 100 % tal-kapital ta’ Schindler Lussemburgu. Għalhekk kienet teżisti preżunzjoni li tgħid li Schindler Holding kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarji tagħha (ara l-punt 72 iktar ’il fuq).

81      Schindler ma tistax tippretendi li l-Kummissjoni kellha tipprova li l-attivitajiet operazzjonali tal-imsemmija sussidjarji, inkluż l-aġir tagħhom li jmur kontra l-Artikolu 81 KE, kienu realment ġew influwenzati minn Schindler Holding u li din tal-aħħar kienet l-oriġini jew kienet sostniet il-ksur.

82      Fil-fatt, sabiex l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarja jkun jista’ jiġi imputat fuq il-kumpannija parent ma huwiex meħtieġ li tiġi prodotta l-prova li l-kumpannija parent tinfluwenza l-politika tas-sussidjarja tagħha fil-qasam speċifiku li kien is-suġġett tal-ksur. Min-naħa l-oħra, ir-rabtiet organizzazzjonali, ekonomiċi u ġuridiċi li jeżistu bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ influwenza min-naħa ta’ din tal-ewwel fuq l-istrateġija tat-tieni u, għaldaqstant, jiġġustifikaw li dawn jiġu meqjusa bħala entità ekonomika waħda (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑112/05, Ġabra p. II‑5049, punt 83). Għalhekk, jekk il-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum minn kumpannija parent hija tkun f’pożizzjoni li żżomm lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, ħlief jekk il-kumpannija parent tipprova li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara l-punt 72 iktar ’il fuq). Għandu wkoll jiġi osservat li la hija r-relazzjoni ta’ instigazzjoni għall-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha u lanqas, iktar u iktar, l-implikazzjoni ta’ din tal-ewwel fl-imsemmi ksur, iżda l-fatt li huma jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE li jawtorizza lill-Kummissjoni tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

83      Ir-rikorrenti lanqas ma jistgħu jibbażaw ruħhom fuq allegat ksur tal-prinċipju nulla poena sine culpa (Schuldprinzip) jew fuq l-esklużjoni tal-prinċipju ta’ konfutazzjoni tar-responsabbiltà tal-azzjonist ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata għad-dejn tal-kumpannija u għall-atti tal-management tagħha. F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li tali argumentazzjoni hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li tgħid li ma ġie kkonstatat ebda ksur fir-rigward tal-kumpannija parent, li ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti għaliex mill-premessa 632 u mill-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Schindler Holding ġiet personalment ikkundannata għal ksur li hija ġiet ikkunsidrata li wettqet hija nnifisha minħabba r-rabtiet ekonomiċi u ġuridiċi stretti li kienu jgħaqqduha mas-sussidjarji tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il‑Kummissjoni, C‑294/98 P, Ġabra p. I‑10065, punti 28 u 34, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il‑Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punt 74).

84      Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti, intiżi sabiex tiġi maqluba l-preżunzjoni esposta fil-punt 71 iktar ’il fuq, li jgħidu li s-sussidjarji ta’ Schindler Holding kienu jiddeterminaw il-politika kummerċjali tagħhom b’mod awtonomu.

85      L-ewwel nett, il-fatt, invokat mir-rikorrenti, li Schindler Holding ma kinitx tat istruzzjonijiet lis-sussidjarji tagħha li kienu, fil-kawża preżenti, ippermettew jew inkoraġġixxew kuntatti li jmorru kontra l-Artikolu 81 KE u li, anki jekk jitqies li dawn il-kuntatti seħħew, hija ma kinitx taf dwarhom, ma jikkostitwixxix element li jista’ juri l-awtonomija tas-sussidjarji. Kif tfakkar fil-punt 82 iktar ’il fuq, sabiex l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarja jkun jista’ jiġi imputat fuq il-kumpannija parent ma huwiex effettivament meħtieġ li l-kumpannija parent tinfluwenza l-politika tas-sussidjarja tagħha fil-qasam speċifiku li kien is-suġġett tal-ksur.

86      It-tieni nett, l-argument li jgħid li s-sussidjarji ta’ Schindler Holding kienu dejjem joperaw b’mod awtonomu fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, mingħajr ma kienu suġġetti għall-influwenza ta’ Schindler Holding fir-rigward tal-attivitajiet ta’ kuljum tagħhom, tal-“ksib ta’ kuntratti”, tal-konklużjoni ta’ kuntratti jew tal-politika tal-prezzijiet tagħhom, u li Schindler Holding kienet tiġi informata biss bil-kuntratti li jistgħu jikkawżaw telf, għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti kkonċernati ma pproduċewx provi insostenn ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, f’kull każ, anki li kieku tali dikjarazzjonijiet jitqiesu bħala pprovati, xorta jibqa l-fatt li ma humiex biżżejjed sabiex tiġi maqluba l-preżunzjoni esposta fil-punt 71 iktar ’il fuq, peress li mill-ġurisprudenza jirriżulta li għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE fir-rigward tal-kumpannija parent hemm elementi oħra apparti dawk imsemmijin mir-rikorrenti li wkoll jifformaw parti mill-kunċett ta’ politika kummerċjali ta’ sussidjarja. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-analiżi tal-eżistenza ta’ entità ekonomika unika komposta minn diversi kumpanniji li jiffurmaw parti minn grupp, il-qorti tal-Unjoni eżaminat jekk kumpannija parent setgħetx tinfluwenza l-politika tal-prezzijiet, l-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni, l-għanijiet tal-bejgħ, il-marġni gross, l-ispejjeż tal-bejgħ, il-“cash flow”, l-istoks u l-kummerċjalizzazzjoni. Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li huma biss dawn l-aspetti li jaqgħu taħt il-kunċett tal-politika kummerċjali ta’ sussidjarja għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE fir-rigward tal-kumpannija parent tagħha (ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 82 iktar ’il fuq, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      It-tielet nett, lanqas il-fatt li s-sussidjarji ta’ Schindler Holding kienu ħadu sehem, fl-erba’ pajjiżi kkonċernati mill-ksur, fi ksur distinti u ta’ natura differenti, ħaġa li tixhed kontra l-eżistenza ta’ influwenza effettiva ta’ din tal-aħħar fuq l-attivitajiet operazzjonali tas-sussidjarji tagħha, ma jista’ jaqleb il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà. Fil-fatt, mill-premessi 627 sa 632 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq eventwali parallelliżmu bejn il-ksur ikkonstatat fl-erba’ pajjiżi kkonċernati sabiex timputa fuq Schindler Holding ir-responsabbiltà għall-aġir tas-sussidjarji tagħha. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-ksur kienu ta’ natura differenti hija żbaljata peress li s-sussidjarji ta’ Schindler Holding kienu, fl-erba’ pajjiżi kkonċernati u matul perijodi li fil-parti l-kbira jikkoinċidu (mid-9 ta’ Mejju 1996 sad-29 ta’ Jannar 2004 fil-Belġju, mill-1 ta’ Awwissu 1995 sas-6 ta’ Diċembru 2000 fil-Ġermanja, mis-7 ta’ Diċembru 1995 sad-9 ta’ Marzu 2004 fil-Lussemburgu u mill-1 ta’ Ġunju 1999 sal-5 ta’ Marzu 2004 fil-Pajjiżi l-Baxxi), ħadu sehem fi ksur li kellhom għan simili, li kienu jikkonsistu fi “ftehim sigriet bejn kompetituri sabiex jaqsmu bejniethom is-swieq jew jiffriżaw l-ishma tas-suq billi jaqsmu bejniethom il-proġetti ta’ bejgħ u ta’ installazzjoni ta’ liftijiet u/jew ta’ eskalejters ġodda, u sabiex ma jikkompetux kontra xulxin f’dak li jirrigwarda l-manutenzjoni u l-modernizzazzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters (ħlief fil-Ġermanaja, fejn l-attività ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni ma kinitx is-suġġett ta’ diskussjonijiet bejn il-membri tal-akkordju)” (premessa 658 tad-deċiżjoni kkontestata).

88      Ir-raba’ nett, il-fatt li Schindler Holding għamlet dak kollu li kien possibbli sabiex tipprevjeni aġir min-naħa tas-sussidjarji tagħha li jmur kontra l-Artikolu 81 KE, b’mod partikolari permezz tal-adozzjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta intiż sabiex jipprevjeni lill-dawn tal-aħħar milli jiksru d-dritt tal-kompetizzjoni u tal-linji gwida relatati miegħu, minn naħa, ma jbiddel xejn mir-relatà tal-ksur ikkonstatat fir-rigward tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 373) u, min-naħa l-oħra, ma jippermettix li jintwera li l-imsemmija sussidjarji kienu jiddeterminaw il-politika kummerċjali tagħhom b’mod awtonomu. Bil-kontra ta’ dan, l-implementazzjoni, fi ħdan is-sussidjarji ta’ Schindler Holding, tal-imsemmi kodiċi ta’ kondotta donnha iktar turi li l-kumpannija parent kellha kontroll effettiv fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarji tagħha, sa fejn ir-rikorrenti nnifishom iddikjaraw li l-osservanza tal-kodiċi ta’ kondotta kienet ikkontrollata permezz ta’ verifiki regolari u ta’ miżuri oħra meħuda mill-compliance officer ta’ Schindler Holding.

89      Il-ħames nett, f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet fi ħdan il-grupp, l-istruttura ta’ amministrazzjoni u l-linji gwida dwar ir-rapporti li għandhom jintbgħatu fi ħdan Schindler Holding, il-Kummissjoni tiddikjara, fil-premessa 630 tad-deċiżjoni kkontestata, li Schindler Holding u s-sussidjarji tagħha ma pproduċewx informazzjoni li tiċċara r-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji. Għalkemm huwa ċertament minnu li mill-fajl jirriżulta li matul il-proċedura amministrattiva r-rikorrenti kienu effettivament ipproduċew ċerta informazzjoni lill-Kummissjoni fuq ir-relazzjonijiet fi ħdan il-grupp, fuq l-istruttura ta’ amministrazzjoni u fuq il-linji gwida dwar ir-rapporti li għandhom jintbgħatu (reporting lines).

90      Madankollu, din l-informazzjoni ma kinitx tippermetti li jiġi konkluż li s-sussidjarji ta’ Schindler kienu jaġixxu b’mod awtonomu. Fil-fatt, l-informazzjoni pprovduta, li apparti kollox ma hijiex akkompanjata minn provi, tibqa’ mimlija b’lakuni li essenzjalment jikkonċernaw ir-responsabbiltajiet u l-obbligi ta’ rappurtar (reporting obligations) ta’ wħud mid-diretturi ta’ Schindler Lussemburgu u ta’ Schindler Belġju kif ukoll ir-responsabbiltajiet ta’ impjegat ta’ Schindler Ġermanja, u dan mingħajr ma tikkjarifika iktar fil-fond ir-relazzjonijiet bejn Schindler Holding u s-sussidjarji tagħha attivi fil-pajjiżi kkonċernati jew saħansitra l-influwenza ta’ Schindler Holding fuq dawn tal-aħħar.

91      Fir-rigward tal-preżunzjoni ta’ responsabbiltà esposta fil-punt 72 iktar ’il fuq u tal-fatt li, kif jirriżulta mill-punti 84 sa 90 iktar ’il fuq, din il-preżunzjoni ma ġietx maqluba mir-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li timputa l-ksur imwettaq mis-sussidjarji ta’ Schindler Holding fuq din tal-aħħar.

92      Għaldaqstant il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq it-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju nulla poena sine lege

93      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali limitata f’dak li jirrigwarda l-iffissar tal-ammont tal-multi, ħaġa li tmur kontra l-prinċipju nulla poena sine lege, iddefinit fl-Artikolu 7(1) tal-KEDB, li jirriżulta wkoll mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li fuqhom huma bbażati t-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri.

94      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar il-kliem tal-Artikolu 7(1) tal-KEDB:

“Ħadd ma għandu jitqies li jkun ħati ta’ reat kriminali minħabba f’xi att jew ommissjoni li ma kinux jikkostitwixxu reat kriminali skont liġi nazzjonali jew internazzjonali fil-ħin meta jkun sar. Lanqas ma għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta r-reat kriminali jkun sar.”

95      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju nulla poena sine lege huwa korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u jeżiġi, b’mod partikolari, li kull leġiżlazzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari meta timponi jew tippermetti l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, għandha tkun ċara u preċiża, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu isiru jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minnha u jkunu jistgħu jaġixxu skont il-każ (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punt 66, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punt 71, u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Il-prinċipju nulla poena sine lege, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li fuqhom huma bbażati t-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri, ġie wkoll ikkonfermat permezz ta’ diversi trattati internazzjonali, u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tal-KEDB. Dan il-prinċipju jeżiġi li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u l-pieni li jikkastigaw dan il-ksur. Dan ir-rekwiżit ikun sodisfatt meta l-individwu jista’ jkun jaf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u jekk meħtieġ bl-għajnuna tal-interpretazzjoni li l-qrati taw ta’ din id-dispożizzjoni, liema atti jew ommissjonijiet jagħtu lok għar-responsabbiltà kriminali tiegħu. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, il-livell ta’ ċarezza tal-liġi għandu jiġi evalwat mhux biss fid-dawl tal-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti iżda wkoll fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet magħmula minn ġurisprudenza stabbilita u ppubblikata (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni u Il-Kunsill, C‑266/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 38 sa 40, u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Dan il-prinċipju japplika kemm fir-rigward tar-regoli ta’ natura kriminali kif ukoll fir-rigward ta’ strumenti amministrattivi speċifiċi li jimponu jew jippermettu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena et, 137/85, Ġabra p. 4587, punt 15, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan japplika mhux biss għar-regoli li jistabbilixxu l-elementi kostituttivi ta’ ksur, iżda wkoll għal dawk li jiddefinixxu l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-ksur ta’ dawn tal-ewwel (ara s-sentenzi Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 67, u Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Barra minn hekk hija ġurisprudenza stabbilita li d-drittijiet fundamentali jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li tagħhom il-qorti Komunitarja għandha tiggarantixxi l-osservanza (opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 2/94, tat-28 ta’ Marzu 1996, Ġabra p. I‑1759, punt 33, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Mejju 1997, Kremzow, C‑299/95, Ġabra p. I‑2629, punt 14). Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jispiraw ruħhom mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-istrumenti internazzjonali rigward il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li kkooperaw għalihom u aderew magħhom l-Istati Membri. F’dan ir-rigward, il-KEDB tassumi rwol sinjifikanti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C‑94/00, Ġabra p. I‑9011, punti 23, u Kremzow, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(2) UE, “[l]-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji fundamentali, kif garantiti mill-[KEDB] u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-[Unjoni]”.

99      Kif diġà fakkret il-Qorti Ġenerali (sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 71), l-Artikolu 7(1) tal-KEDB ma jeżiġix li t-termini tad-dispożizzjonijiet li permezz tagħhom huma imposti dawn is-sanzjonijiet ikunu preċiżi sal-punt li l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw mill-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijet ikunu prevedibbli b’ċertezza assoluta. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, il-fatt li d-dritt jikkonferixxi setgħa diskrezzjonali ma jipprekludix fih innifsu l-eżiġenza tal-prevedibbiltà, sakemm il-portata u l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa jkunu ddefiniti suffiċjentement b’mod ċar, fid-dawl tal-għan leġittimu inkwistjoni, sabiex l-individwu jingħata protezzjoni xierqa kontra deċiżjonijiet arbitrarji (ara l-Qorti EDB, is-sentenza Margareta u Roger Andersson vs L-Iżvezja, tal-25 ta’ Frar 1992, serje A Nru 226, punt 75). F’dan ir-rigward, minbarra t-test innifsu tal-liġi, il-Qorti EDB tieħu inkunsiderazzjoni l-kwistjoni ta’ jekk il-kunċetti ġeneriċi użati kinux ippreċiżati minn ġurisprudenza stabbilita u ppubblikata (ara l-Qorti EDB, is-sentenza G vs Franza, tas-27 ta’ Settembru 1995, serje A Nru 325-B, punt 25).

100    It-teħid inkunsiderazzjoni tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri ma jwassalx sabiex il-prinċipju nulla poena sine lege, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jingħata interpretazzjoni differenti minn dik li tirriżulta mill-argumenti esposti iktar ’il fuq (sentenza Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 73). Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, fuq livell nazzjonali, ma teżisti ebda awtorizzazzjoni paragunabbli li tippermetti lill-awtorità li timponi multi b’mod “kważi mingħajr limiti”, għandu jiġi miċħud.

101    Fil-kawża preżenti, fir-rigward tal-legalità tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 fid-dawl tal-prinċipju nulla poena sine lege, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma tax lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali eċċessiva jew arbitrarja għall-iffissar tal-multi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 74).

102    Fil-fatt, qabel kollox, għandu jiġi osservat li, għalkemm l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa, madankollu dan jillimita l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa billi jistabbilixxi kriterji oġġettivi li għandhom jiġu osservati mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta huwa suġġett għal limitu ċifrat u assolut, ikkalkolat skont kull impriża, għal kull każ ta’ ksur, b’tali mod li l-ammont massimu tal-multa li tista’ tiġi imposta fuq impriża partikolari jista’ jiġi ddeterminat minn qabel. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni timponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li f’kull każ individwali hija tiffissa l-multa billi tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-gravità tal-ksur u kif ukoll it-tul tiegħu (sentenza Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni u Il-Kunsill, punt 96 iktar ’il fuq, punt 50, u sentenza Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 75).

103    Ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li s-sentenza Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq (punti 66 sa 88), jew is-sentenza Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq (punti 69 sa 92), fejn l-interpretazzjoni tal-prinċipju nulla poena sine lege li ġiet adottata tikkorrispondi għal dik adottata fis-sentenza Degussa vs Il‑Kummissjoni (punt 95 iktar ’il fuq), huma bbażati fuq “preżunzjoni legali żbaljata”. Fil-fatt, fis-sentenza Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni u Il-Kunsill, punt 96 iktar ’il fuq (punti 36 sa 63), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat fl-appell l-interpretazzjoni li l-Qorti Ġenerali tat tal-prinċipju nulla poena sine lege fis-sentenza Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq.

104    Huwa ċertament minnu li s-sentenzi msemmija fil-punt preċedenti jirrigwardaw l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 filwaqt li l-bażi legali tal-multi imposti fid-deċiżjoni kkontestata hija l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Madankollu, peress li l-kriterji u l-limitu għall-impożizzjoni tal-multi huma identiċi f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti tista’ tiġi trasposta għall-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

105    It-tieni nett, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dak li jirrigwarda l-multi imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, kif żviluppati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali (sentenza Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni u Il-Kunsill, punt 96 iktar ’il fuq, punt 51, u sentenza Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 77).

106    It-tielet nett, sabiex tiġi żgurata l-prevedibbiltà u t-trasparenza tal-azzjoni tagħha, l-eżerċizzju min-naħa tal-Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha huwa wkoll limitat mir-regoli ta’ kondotta li hija stabbiliet għaliha stess fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u fil-Linji gwida tal-1998. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-imsemmi avviż u l-imsemmija linji gwida, minn naħa, jistabbilixxu regoli ta’ kondotta li ma jistgħux jiġu injorati mill-Kummissjoni mingħajr din ma tiġi ssanzjonata għal ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u, min-naħa l-oħra, jiggarantixxu ċ-ċertezza legali tal-impriżi kkonċernati billi jiddeterminaw il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni u Il-Kunsill, punt 96 iktar ’il fuq, punti 52 u 53, u tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punt 60; sentenza Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punti 78 u 82). Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, l-adozzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-Linji gwida tal-1998, u sussegwentement fl-2006 l-adozzjoni tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU C 210, p. 2), sa fejn dawn jiffurmaw parti mill-kuntest legali impost mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, ikkontribwiet biss sabiex jiġu speċifikati l-limiti tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li diġà tirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet, mingħajr ma minn dan jista’ jiġi dedott li inizjalment il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kienx iddetermina b’mod suffiċjenti l-kompetenzi tal-Kummissjoni fil-qasam inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 44).

107    Ir-raba’ nett, għandu jingħad ukoll li, skont l-Artikolu 229 KE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jiddeċiedu b’ġurisdizzjoni sħiħa r-rikorsi ppreżentati kontra deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jiffissaw multa u għalhekk jistgħu kemm jannullaw dawn id-deċiżjonijiet kif ukoll ineħħu, inaqqsu jew iżidu l-multa imposta. Għalhekk, il-prassi amministrattiva magħrufa u aċċessibbli tal-Kummissjoni hija suġġetta għall-istħarriġ sħiħ tal-qrati tal-Unjoni. Dan l-istħarriġ ippermetta, permezz ta’ ġurisprudenza stabbilita u ppubblikata, li jiġu speċifikati l-kunċetti mhux stabbiliti li setgħu kienu jinsabu fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u sussegwentement fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni u Il-Kunsill, punt 96 iktar ’il fuq, punt 54, u s-sentenza Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 79).

108    Għalhekk, fid-dawl tad-diversi elementi esposti iktar ’il fuq, operatur informat jista’, jekk ikun hemm bżonn bl-għajnuna ta’ konsulent legali, jipprevedi b’mod suffiċjentement preċiż il-metodu ta’ kalkolu u d-daqs tal-multi li jistgħu jiġu imposti kontrih minħabba aġir partikolari. Il-fatt li dan l-operatur ma jistax, minn qabel, ikun jaf bi preċiżjoni l-livell tal-multi li l-Kummissjoni ser timponi f’kull każ individwali ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju nulla poena sine lege (sentenza Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni u Il-Kunsill, punt 96 iktar ’il fuq, punt 55, u s-sentenza Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 83).

109    Għalhekk ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li t-test tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jiggarantix il-livell ta’ prevedibbiltà meħtieġ mill-prinċipji fundamentali tad-dritt kriminali u mill-istat tad-dritt. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tippermetti li jiġi previst, b’mod suffiċjentement preċiż, il-metodu ta’ kalkolu u l-livell tal-multi imposti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni u Il-Kunsill, punt 96 iktar ’il fuq, punt 58).

110    It-tieni nett, bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni fil-qasam tal-multi ma żviluppatx b’mod imprevedibbli u inċert.

111    L-ewwel nett, waqt il-perijodu li matulu ġew ikkonstatati l-erba’ ksur fid-deċiżjoni kkontestata, kien hemm biss riorganizzazzjoni tal-metodu ta’ determinazzjoni tal-multi, permezz tal-pubblikazzjoni tal-Linji gwida tal-1998, li ġiet meqjusa raġonevolment prevedibbli mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 231).

112    It-tieni nett, fir-rigward taż-żieda fil-livell tal-multi wara l-adozzjoni tal-Linji gwida tal-1998, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni tista’, f’kull waqt, tadatta l-livell tal-multi jekk dan ikun meħtieġ fid-dawl tal-applikazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punt 109, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 237), peress li tali bidla fi prassi amministrattiva tista’ titqies li hija oġġettivament iġġustifikata mill-għan tal-prevenzjoni ġenerali tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Għalhekk, iż-żieda riċenti tal-livell tal-multi li hija allegata u kkontestata mir-rikorrenti ma tistax, fiha nnfisha, titqies bħala illegali fid-dawl tal-prinċipju nulla poena sine lege, peress li hija tibqa’ fil-kuntest legali kif iddefinit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kif interpretati mill-qrati tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 81, u Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 43).

113    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li, billi adotta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kunsill naqas mill-obbligu tiegħu li jindika b’mod ċar il-limiti tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni u, fil-fatt, huwa ttrasferixxa lill-Kummissjoni kompetenza li huwa għandu skont it-Trattat KE, bi ksur tal-Artikolu 83 KE, dan għandu jitqies bħala infondat.

114    Min-naħa l-oħra, kif ġie espost iktar ’il fuq, għalkemm l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, jagħtu lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa, madankollu huma jillimitaw l-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni billi jistabbilixxu kriterji oġġettivi li l-Kummissjoni għandha tosserva. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 17 u r-Regolament Nru 1/2003 ġew adottati abbażi tal-Artikolu 83(1) KE li jipprovdi li “[r]-regolamenti jew id-direttivi xierqa għall-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 81 [KE] u 82 [KE] għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill, […] fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.” Dawn ir-regolamenti jew direttivi, skont l-Artikolu 83(2)(a) u (d) KE, huma maħsuba, b’mod partikolari, sabiex “jassiguraw l-osservanza tal-projbizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 81(1)[KE] u fl-Artikolu 82[KE], bl-istituzzjoni ta’ multi jew penali perjodiċi”, u sabiex “jispeċifikaw il-kompiti rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu”. Għandu jitfakkar ukoll li, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 211 KE, il-Kummissjoni “tissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat u tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità bis-saħħa tagħhom” u li, skont it-tielet inċiż ta’ dan l-istess artikolu, hija tgawdi minn “kompetenza indipendenti ta’ deċiżjoni” (sentenzi Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 86, u Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 48).

115    Isegwi li s-setgħa li jiġu imposti multi f’każ ta’ ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE ma tistax titqies li, oriġinarjament, hija setgħa tal-Kunsill, u li sussegwentement ittrasferieha jew iddelega l-eżekuzzjoni tagħha lill-Kummissjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 202 KE. Skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE ċċitati iktar ’il fuq, effettivament din is-setgħa taqa’ taħt il-kompitu li l-Kummissjoni għandha li tiżgura l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni; peress li dan il-kompitu ġie ppreċiżat, imqiegħed f’kuntest u fformalizzat, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, mir-Regolamenti Nru 17 u 1/2003. Għalhekk, is-setgħa li timponi multi mogħtija lill-Kummissjoni minn dawn ir-regolamenti tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE stess u hija intiża sabiex tippermetti l-applikazzjoni effettiva tal-projbizzjonijiet pprovduti fl-imsemmija Artikoli (sentenzi Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 87, u Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 49).

116    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajjma kontra l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju nulla poena sine lege, għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Linji gwida tal-1998, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività

117    Ir-rikorrenti jfakkru li att tal-Unjoni ma jistax jibda jiġi applikat qabel ma jiġi ppubblikat u li t-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta jipprovdi li ma għandha tiġi applikata ebda sanzjoni li tkun iktar ħarxa minn dik li kienet applikabbli meta twettaq il-ksur. Fil-kawżi preżenti l-Linji gwida tal-1998 jiksru l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività minħabba li dawn imorru lil hinn mil-limiti tal-prevedibbiltà. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti jenfasizzaw li kienet il-Kummissjoni u mhux il-leġiżlatur li ħarrxet il-politika deċiżjonali fil-qasam tal-multi.

118    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġijiet kriminali, li jinsab fl-Artikolu 7 tal-KEDB, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi osservat meta jiġu imposti multi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u li dan il-prinċipju jeżiġi li s-sanzjonijiet imposti jkunu jikkorrispondu għal dawk li kienu stabbiliti fiż-żmien meta twettaq il-ksur (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 202; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali LR AF 1998 vs Il‑Kummissjoni, punt 112 iktar ’il fuq, punti 218 sa 221, u tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punti 39 sa 41).

119    Diġà ġie deċiż ukoll li l-adozzjoni ta’ linji gwida li jistgħu jbiddlu l-politika ġenerali tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-multi tista’, bħala prinċipju, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 222).

120    Fil-fatt, minn naħa, il-Linji gwida tal-1998 jista’ jkollhom effetti legali. Dawn l-effetti legali jirriżultaw mhux minn natura legali tal-Linji gwida tal-1998, iżda mill-adozzjoni u mill-pubblikazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni. Din l-adozzjoni u din il-pubblikazzjoni tal-Linji gwida tal-1998 twassal għal awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni, li ma tistax tinjorahom mingħajr ma tiġi ssanzjonata, skont il-każ, għal ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-ugwaljanza fit-trattament, il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ċ-ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punti 209 sa 212).

121    Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 7(1) tal-KEDB, din id-dispożizzjoni tipprekludi l-applikazzjoni retroattiva, kontra l-akkużat, ta’ interpretazzjoni ġdida ta’ regola li tistabbilixxi ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti EDB, S.W. vs Ir‑Renju Unit, tat-22 ta’ Novembru 1995, serje A Nru 335 B, § 34 sa 36; C.R. vs Ir-Renju Unit, tat-22 ta’ Novembru 1995, serje A Nru 335 C, § 32 sa 34; Cantoni vs Franza, tal-15 ta’ Novembru 1996, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet, 1996 V, § 29 sa 32, u Coëme et vs Il-Belġju, tat-22 ta’ Ġunju 2000, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet, 2000 VII, § 145). Skont din il-ġurisprudenza, dan huwa partikolarment il-każ meta jirrigwarda l-interpretazzjoni ġurisprudenzjali fejn ir-riżultat ma huwiex raġonevolment prevedibbli fil-mument meta jitwettaq il-ksur, b’mod partikolari fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża fil-ġurisprudenza relattiva għad-dispożizzjoni legali inkwistjoni. Madankollu għandu jiġi speċifikat li minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li l-portata tal-kunċett ta’ prevedibbiltà tiddependi ħafna mill-kontenut tat-test inkwistjoni, tal-qasam li hija tkopri kif ukoll in-numru u l-kwalità tad-destinatarji tagħha. Għalhekk, il-prevedibbiltà tal-liġi ma tipprekludix li l-persuna inkwistjoni jkollha tirrikorri għal parir ta’ kjarifika biex tevalwa, sa grad raġonevoli skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att partikolari. B’mod partikolari, skont is-sentenza Cantoni vs Franża, iċċitata iktar ’il fuq (§ 35), dan jgħodd b’mod partikolari għall-professjonisti, li huma mdorrijin jagħtu prova li jimxu bi prudenza kbira fl-eżerċizzju tas-sengħa tagħhom. F’dan ir-rigward huma mistennija jagħtu attenzjoni partikolari biex jevalwaw ir-riskji li jista’ jkun hemm.

122    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, sabiex tiġi kkontrollata l-osservanza tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, għandu jiġi vverifikat jekk il-modifika inkwistjoni, li tikkostitwixxi l-adozzjoni tal-Linji gwida tal-1998, kinitx raġonevolment prevedibbli fil-mument meta twettaq il-ksur inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 224).

123    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li l-allegata żieda fil-livell tal-multi minħabba l-applikazzjoni tal-Linji gwida tal-1998 tibqa’ fil-kuntest legali stabbilita mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 sa fejn fil-punt 5(a) il-linji gwida jipprovdu espliċitament li l-multi imposti ma għandhom fl-ebda każ jaqbżu l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ previst mill-imsemmija dispożizzjonijiet.

124    Wara dan għandu jiġi kkonstatat li l-element ġdid prinċipali fil-Linji gwida tal-1998 jikkonsisti fit-teħid bħala punt inizjali għall-kalkolu ammont bażiku li jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ faxxex previsti f’dan ir-rigward mill-imsemmija Linji gwida; dawn il-faxxex jirriflettu d-diversi gradi ta’ gravità tal-ksur, iżda, bħala tali, ma għandhomx x’jaqsmu mad-dħul mill-bejgħ rilevanti. Dan il-metodu huwa essenzjalment ibbażat fuq bażi tariffarja għall-multi, li madankollu hija relattiva u flessibbli (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 225 u Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, punt 106 iktar ’il fuq, punt 61).

125    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-fatt li fl-imgħoddi l-Kummissjoni applikat multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti indikati fir-Regolamenti Nru 17 u Nru 1/2003, jekk jirriżulta li dan huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, iżda li, bil-kontra ta’ dan, l-applikazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tirrikjedi li l-Kummissjoni tkun tista’ f’kull mument tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punt 109; tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il‑Kummissjoni, C‑196/99 P, Ġabra p. I‑11005, punt 81, u Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 227; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑12/89, Ġabra p. II‑907, punt 309, u tal-14 ta’ Mejju 1998, Europa Carton vs Il‑Kummissjoni, T‑304/94, Ġabra p. II‑869, punt 89 ).

126    Minn dan jirriżulta li l-impriżi involuti fi proċedura amministrattiva li tista’ twassal għal multa la jistgħu jiksbu aspettattivi leġittimi fil-fatt li l-Kummissjoni ma hijiex ser tmur lil hinn mil-livell ta’ multi li kien jiġi applikat preċedentement u lanqas f’metodu ta’ kalkolu ta’ dawn tal-aħħar (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 228).

127    Konsegwentement, l-imsemmija impriżi għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-possibiltà li, f’kull mument, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tgħolli l-livell tal-ammont tal-multi meta mqabbel ma’ dak applikat fl-imgħoddi. Dan ma jgħoddx biss meta l-Kummissjoni tgħolli l-livell tal-ammont tal-multi billi tħabbar multi f’deċiżjonijiet individwali, iżda wkoll jekk din iż-żieda ssir permezz tal-applikazzjoni, għal każijiet speċifiċi, ta’ regoli ta’ kondotta li għandhom portata ġenerali bħalma huma l-Linji gwida tal-1998 (sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punti 229 u 230, u Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, punt 106 iktar ’il fuq, punt 59).

128    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma humiex iġġustifikati meta jqisu li l-Linji gwida tal-1998 jiksru l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività sa fejn dawn wasslu għall-impożizzjoni ta’ multi ogħla minn dawk imposti fl-imgħoddi jew li f’din il-kawża nqabżu l-limiti ta’ prevedibbiltà. Il-Linji gwida u, b’mod partikolari, il-metodu l-ġdid għall-kalkolu tal-multi li dawn jipprovdu, jekk jitqies li dan tal-aħħar għandu effett aggravanti fuq il-livell ta’ multi imposti, kienu effettivament raġonevolment prevedibbli minn impriżi bħalma huma r-rikorrenti fiż-żmien ta’ meta twettaq il-ksur ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 231). Għall-istess raġunijiet, il-Kummissjoni kienet obbligata biss li tesponi, fil-Linji gwida tal-1998, li ż-żieda tal-livell tal-multi kien neċessarju sabiex tiġi żgurata l-impelmentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni Komunitarja.

129    Fir-rigward tal-argument li jgħid li kienet il-Kummissjoni u mhux il-leġiżlatur li ħarrxet il-politika deċiżjonali fil-qasam tal-multi, dan ma huwiex differenti mill-argument invokat fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ illegalità bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u huwa eżaminat fil-punti 131 sa 137 iktar ’l isfel.

130    Min dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li anki din l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Linji gwida tal-1998, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u, sussidjarjament, fuq in-nuqqas ta’ trasparenza u previdibbiltà tagħhom.

131    Ir-rikorrenti jsostnu li s-setgħa diskrezzjonali kunsiderevoli li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-Kummissjoni tirrikjedi konkretizzazzjoni astratta u ġenerali, jiġifieri regola sostantiva tad-dritt. Issa, kuntrarjament għall-Kunsill, il-Kummissjoni ma hijiex kompetenti sabiex tadotta tali regola. Barra minn hekk, anki jekk il-konkretizzazzjoni tal-“kuntest tal-multa” mill-Kummissjoni kien legali, il-Linji gwida tal-1998 huma f’kull każ ineffettivi, ladarba dawn ma jistgħux jiggarantixxu l-livell minimu ta’ trasparenza u ta’ prevedibbiltà meħtieġa fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa.

132    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, ir-rikorrenti ma ppreċiżawx id-dispożizzjoni li allegatament inkisret mill-Kummissjoni matul l-adozzjoni tal-Linji gwida tal-1998. Mistoqsija dwar dan matul is-seduta, ir-rikorrenti indikaw li, skont il-prinċipju nulla poena sine lege kien il-Kunsill li kellu jadotta r-regoli astratti għall-kalkolu tal-multi.

133    Issa, l-adozzjoni tal-Linji gwida tal-1998 min-naħa tal-Kummissjoni, sa fejn din kienet taqa’ taħt il-kuntest legali impost mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, u sussegwentement mill-Artikolu23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kull ma għamlet kien li kkontribwiet sabiex jiġu ppreċiżati l-limiti tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li kienet diġà tirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 44). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni biex tadotta l-Linji gwida għandu jiġi miċħud.

134    Fit-tieni lok, anki l-argumenti bbażati fuq nuqqas ta’ trasparenza u ta’ prevedibbiltà tal-Linji gwida tal-1998 għandhom jiġu miċħuda.

135    Fil-fatt, minn naħa, kien bil-għan li żżid it-transparenza u sabiex tkattar iċ-ċertezza legali tal-impriżi kkonċernati li l-Kummissjoni ppubblikat l-imsemmija Linji gwida u li fihom ħabbret il-metodu ta’ kalkolu li hija imponiet fuqa nnifisha f’kull każ individwali. F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja min-naħa l-oħra kkunsidrat li, billi adottat tali regoli ta’ kondotta u billi fihom ħabbret, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li minn issa l-quddiem kienet ser tapplikhom għall-każijiet ikkonċernati minnhom, il-Kummissjoni llimitat lilha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tinjora dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, minħabba ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament u l-protezzjoni tal-aspettativi leġittimi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Linji gwida jiddeterminaw, b’mod ġenerali u astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqa nnifisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi u konsegwentement dawn jiżguraw iċ-ċertezza legali tal-impriżi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punti 211 u 213; ara wkoll, is-sentenza Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, punt 106 iktar ’il fuq, punt 60).

136    Min-naħa l-oħra, operatur avżat jista’, jekk ikun meħtieġ bl-għajnuna ta’ konsulent legali, jipprevedi b’mod suffiċjentement preċiż il-metodu ta’ kalkolu u d-daqs tal-multi li huwa jista’ jaffaċja għal aġir partikolari (sentenza Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni u Il-Kusill, punt 96 iktar ’il fuq, punt 55). Huwa ċertament minnu li operatur ma jistax jipprevedi, fid-dawl tal-Linji gwida tal-1998, l-ammont preċiż tal-multa li l-Kummissjoni ser timponi f’kull każ individwali. Madankollu, minħabba l-gravità tal-ksur li l-Kummissjoni hija msejjħa tissanzjona, l-għanijiet ta’ repressjoni u ta’ dissważjoni jiġġustifikaw li jiġi evitat li l-impriżi jkunu f’pożizzjoni li jevalwaw il-benefiċċji li jistgħu jiksbu mill-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur billi jieħdu inkunsiderazzjoni, minn qabel, l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta fuqhom minħabba dan l-aġir illegali (sentenza Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 83).

137    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Linji gwida tal-1998, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u, sussidjarjament, fuq in-nuqqas ta’ trasparenza u ta’ prevedibbiltà tagħhom, ma hijiex fondata.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

138    Ir-rikorrenti jsostnu li l-applikazzjoni, fil-kawża preżenti, tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, filwaqt li l-parti l-kbira tal-fatti kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, tikser il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni messha applikat l-Avviż dwar in-nuqqas ta’ impożizzjonijiet ta’ multi u ta’ tnaqqis tal-ammont tagħhom f’kawżi li jirrigwardaw akkordji (ĠU 1996 C 207, p. 4) (iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996), applikazzjoni li kienet tippermettilhom li jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ bejn 10 % u 50 % abbażi tan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti minflok it-tnaqqis simboliku ta’ 1 % li huma bbenefikaw minnu fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 777, 806, 835 u 854 tad-deċiżjoni kkontestata ). Barra minn hekk, billi applikat l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

139    Għandu jitfakkar li fil-punt D l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996 jipprovdi li impriża setgħet tibbenefika “minn tnaqqis ta’ bejn 10 u 50 % tal-ammont tal-multa li kieku kienet tiġi imposta fuqha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni [...] jekk [...] wara li tkun irċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, [hija] tinforma lill-Kummissjoni li ma kinitx qed tikkontesta l-materjalità tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-akkużi tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, min-naħa tiegħu, ma jsemmix dan in-nuqqas ta’ kontestazzjoni bħala raġuni għal tnaqqis tal-ammont tal-multa.

140    Fir-rigward tal-allegata retroattività tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, għandu jiġi kkonstatat li l-paragrafu 28 tal-imsemmi Avviż jipprovdi li, “[m]ill-14 ta’ Frar 2002, dan l-Avviż għandu jieħu post l-Avviż [dwar il-kooperazzjoni] tal-1996 għall-kawżi kollha fejn ebda impriża ma tkun għamlet użu minn din tal-aħħar”. Fir-rigward tal-fatt li l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ġie ppubblikat fid-19 ta’ Frar 2002, huwa paċifiku li l-imsemmi Avviż jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom ikollhom applikazzjoni retroattiva, li madankollu għandha tkun limitata għall-perijodu ta’ bejn l-14 ta’ Frar 2002 u t-18 ta’ Frar 2002 inklużi. Peress li ebda waħda mill-parteċipanti fl-akkordju ma għamlet talba abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 qabel it-2 ta’ Frar 2004 (premessi 94, 105, 115 u 127 tad-deċiżjoni kkontestata ), l-illegalità eventwali li tirriżulta mill-imsemmija retroattività tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma setgħetx taffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

141    Madankollu, fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti jikkontestaw l-applikazzjoni immedjata tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-finijiet tal-kalkolu tal-multi għal fatti li seħħew, parzjalment, qabel is-sena 2002.

142    L-ewwel nett, kif jirriżulta mill-fajl, għandu jiġi kkonstatat li, minn tal-inqas sitt darbiet matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti espliċitament talbu l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

143    It-tieni nett, f’kull każ, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-linji gwida li għandhom, b’mod ipotetiku, effett aggravanti fir-rigward tal-livell tal-multi imposti għal ksur imwettaq qabel l-adozzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni li l-politika li dawn jimplementaw tkun raġonevolment prevedibbli fiż-żmien meta twettaq il-ksur inkwistjoni (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punti 202 sa 232; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punt 233; ara wkoll is-sentenza Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, punt 106 iktar ’il fuq, punt 66). Issa, ir-rikorrenti ma jallegawx li l-bidla li seħħet bl-adozzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma kinitx prevedibbli.

144    Fir-rigward tal-allegat ksur tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għal-ksur li twettaq, parzjalment, qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux ikollhom aspettativi leġittimi fir-rigward taż-żamma tas-sitwazzjoni eżistenti li tista’ tinbidel mill-istituzzjonijiet fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑280/93, Ġabra p. I‑4973, punt 80, u tat-30 ta’ Ġunju 2005, Alessandrini et vs Il‑Kummissjoni, C‑295/03 P, Ġabra p. I‑5673, punt 89, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, f’kull każ, l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996 setgħet tinbeda f’kull mument mir-rikorrenti billi jippreżentaw talba abbażi ta’ din il-komunikazzjoni quddiem il-Kummissjoni qabel id-dħul fis-seħħ tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Minn dan isegwi li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

145    Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, u l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt nemo tenetur, in dubio pro reo u ta’ proporzjonalità kif ukoll fuq użu abbużiv tas-setgħa diskrezzjonali

146    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 huwa illegali minħabba l-fatt li jikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt u jmur lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Kummissjoni. Għalhekk, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jikser il-prinċipju nemo tenetur, il-prinċipju in dubio pro reo u l-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-adozzjoni tiegħu tikkostitwixxi abbuż tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni u għaldaqstant ma huwiex applikabbli għall-kawża preżenti, b’tali mod li l-provi prodotti fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma jistgħux jintużaw peress li l-użu ta’ provi miksubin b’mod illegali huwa pprojbit.

147    Hemm lok li d-diversi lmenti mqajjma fil-kuntest ta’ din l-eċċezzjoni jiġu eżaminati separatament.

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju nemo tenetur

148    Ir-rikorrenti jfakkru li, skont il-prinċipju nemo tenetur, ħadd ma jista’ jiġi mġiegħel jakkuża lilu nnifsu jew jixhed kontrih stess. L-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jikser dan il-prinċipju peress li, fil-prattika, huwa jġiegħel lill-impriżi jikkooperaw mal-Kummissjoni u jagħmlu ammissjonijiet. Fil-fatt, minn naħa, hija biss l-ewwel impriża li tipproduċi provi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-paragrafu 8(a) jew (b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 li tista’ tippretendi n-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multa, b’tali mod li l-impriżi kollha, fit-“tiġrija għall-ewwel post”, jipproduċu ammissjonijiet kompleti (u xi kultant eżaġerati) lill-Kummissjoni, mingħajr ma jkunu jistgħu jqabblu l-utilità ta’ kooperazzjoni li għandha l-forma ta’ tnaqqis tal-multa mal-iżvantaġġi li tali kooperazzjoni timplika. Min-naħa l-oħra, billi tikkoopera fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, impriża ċċaħħad lilha nnifisha mill-possibbiltà li tikkontesta ċerti fatti, anki jekk żbaljati, ippreżentati minn impriżi oħra, għaliex il-Kummissjoni tikkunsidra kull kontestazzjoni ta’ fatti bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni fis-sens tal-paragrafi 11 u 23 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, u dan jimplika riskju serju li ma tibbenefikax minn tnaqqis tal-multa abbażi ta’ dan l-Avviż.

149    Mill-ġurisprudenza jirriżulta, minn naħa, li abbażi tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jinkludu d-drittijiet fundamentali u li fid-dawl tagħhom għandhom jiġu interpretati t-testi kollha tad-dritt tal-Unjoni, l-impriżi għandhom id-dritt li ma jiġux mġiegħla mill-Kummissjoni li jammettu l-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il‑Kummissjoni, 374/87, Ġabra p. 3283, punt 35, u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 273).

150    Min-naħa l-oħra, għalkemm il-Kummissjoni ma tistax iġġiegħel impriża tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fi ksur, hija ma hijiex, b’dan, prekluża milli tieħu inkunsiderazjoni, meta tiffissa l-ammont tal-multa, l-għajnuna li din l-impriża, minn jeddha, tkun tatha sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Lulju 2005, Acerinox vs Il‑Kummissjoni, C‑57/02 P, Ġabra p. I‑6689, punt 87, u ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, C‑65/02 P u C‑73/02 P, Ġabra p. I‑6773, punt 50).

151    Ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 149 u 150 iktar ’il fuq hija “skaduta”. Bil-kontra ta’ dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat espliċitament, wara li ħadet konjizzjoni tal-iżviluppi li seħħew fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, b’mod partikolari s-sentenza Funke vs Franza, tal-25 ta’ Frar 1993 (Serje A Nru 256 A) u s-sentenza Saunders vs Ir-Renju Unit, tas-17 ta’ Diċembru 1996 (Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, 1996-VI), li għalihom jirreferu r-rikorrenti (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 149 iktar ’il fuq, punti 273 sa 280).

152    Għalhekk, il-legalità tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fir-rigward tal-prinċipju nemo tenetur għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 149 u 150 iktar ’il fuq.

153    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kooperazzjoni abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 hija ta’ natura purament volontarja min-naħa tal-impriża kkonċernata. Fil-fatt l-imsemmija impriża bl-ebda mod ma hija mġiegħla tipproduċi provi dwar l-allegat akkordju. Għalhekk, il-livell ta’ kooperazzjoni li l-impriża tixtieq toffri matul il-proċedura amministrattiva jiddependi esklużivament fuq l-għażla libera tagħha u ma hija, fl-ebda każ, imposta mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, punt 150 iktar ’il fuq, punt 52, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Léger għal din is-sentenza, Ġabra p. I‑6777, punt 140).

154    L-argument li jgħid li, billi tikkoopera, impriża ċċaħħad lilha nnifisha mill-possibbiltà li tikkontesta l-fatti, anki jekk żbaljati, ippreżentati minn impriżi oħra, huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

155    Minn naħa, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, la l-paragrafu 11 ta’ dan l-Avviż, li jeżiġi mingħand l-impriża kkonċernata “kooperazzjoni totali, permanenti u malajr matul il-proċedura amministrattiva kollha [traduzzjoni mhux uffiċjali]”, u lanqas il-punt 23 tiegħu, li jipprovdi li l-Kummissjoni “tista’ [...] tieħu inkunsiderazzjoni l-portata u l-kontinwità tal-kooperazzjoni pprovduta mill-impriża sa mid-data tal-kontribuzzjoni tagħha [traduzzjoni mhux uffiċjali]”, ma jeżiġu li l-impriża kkonċernata tastjeni ruħha milli tikkontesta jew tikkoreġi fatti żbaljati ppreżentati minn impriża oħra. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li tgħid li dikjarazzjonijiet unilaterali żbaljati ta’ impriża waħda li pparteċipat f’akkordju, mhux ikkonfermati minn provi, huma biżżejjed sabiex jiġi stabbilit ksur.

156    Min-naħa l-oħra, bil-kontra tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996, l-Avviż tal-2002 ma jipprevedi ebda tnaqqis tal-multa abbażi tan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. Għalhekk, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li “jobbliga” lill-impriżi li jixtiequ jibbenefikaw mill-applikazzjoni tiegħu sabiex ma jikkontestawx il-fatti ppreżentati minn impriżi oħra.

157    F’kull każ, l-allegat obbligu li impriża għandha li ma tikkontestax fatti li ma joriġinawx mingħandha huwa bbażat fuq l-ipoteżi purament teoretika ta’ impriża li takkuża lilha nnifisha bi ksur li hija ma wettqitx, bl-isperanza li tibbenefika minn tnaqqis tal-multa li hija tibża’ li ser tiġi madankollu imposta fuqha. Tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux iservu ta’ bażi għal argument ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju nemo tenetur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Novembru 2000, Finnboard vs Il‑Kummissjoni, C‑298/98 P, Ġabra p. I‑10157, punt 58).

158    Minn dan isegwi li l-ewwel ilment imqajjem fil-kuntest tal-eċċezzjoni tal-illegalità tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju in dubio pro reo

159    Ir-rikorrenti jsostnu li, skont il-prinċipju in dubio pro reo jew skont il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, hija l-Kummissjoni li għandha l-oneru li tipprova l-aġir li jikkostitwixxi ksur u l-ħtija tal-impriża. L-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jikser il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza sa fejn dan fil-prattika jwassal sabiex ikunu l-impriżi li jipproduċu l-prova tal-ksur li huma stess wettqu u tal-ħtija tagħhom kif ukoll il-prova tal-ksur imwettaq mill-impriżi l-oħra u tal-ħtija ta’ dawn tal-aħħar.

160    Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-KEDB, jifforma parti mid-drittijiet fundamentali li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija wkoll ikkonfermata mill-Artikolu 6(2) UE kif ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta, huma rikonoxxuti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ severità tas-sanzjonijiet li huma marbutin magħhom, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza huwa applikabbli b’mod partikolari għall-proċeduri li jirrigwardaw ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalita (ara s-sentenza Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 115, u l-ġurisprudenza ċċitata).

161    Bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma jiksirx il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

162    L-ewwel nett, kif tfakkar fil-punt 153 iktar ’il fuq, il-kooperazjoni abbażi ta’ din il-komunikazzjoni hija ta’ natura purament volontarja min-naħa tal-impriża kkonċernata. Din bl-ebda mod ma tobbliga lil impriża tipproduċi provi tal-ksur li għalih hija allegatament ipparteċipat.

163    It-tieni nett, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma jaffettwax l-obbligu tal-Kummissjoni, li għandha l-oneru li tipprova l-ksur li hija tikkonstata, li tipproduċi provi li jistgħu jistabbilixxu, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur. Madankollu, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq kull element utli li hija għandha. Għalhekk, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, hija tista’ tibbaża ruħha mhux biss fuq dokumenti li hija ġabret matul l-ispezzjonijiet abbażi tar-Regolamenti Nri 17 u 1/2003 jew li hija rċeviet b’risposta għal talbiet għall-informazzjoni abbażi tal-imsemmija regolamenti, iżda wkoll fuq provi li impriża tkun ipproduċiet volontarjament abbażi ta’ dan l-Avviż.

164    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li lanqas l-ilment ibbażat fuq l-illegalità tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, sa fejn dan jikser il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, ma jista’ jiġi milqugħ.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

165    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 la huwa neċessarju u lanqas ma huwa xieraq u, għaldaqstant, jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan ma huwiex neċessarju peress li r-Regolament Nru 1/2003, b’mod partikolari l-Artikoli 18 sa 21 tiegħu, jipprovdu lill-Kummissjoni b’mezzi suffiċjenti sabiex tinvestiga l-akkordji. Dan lanqas ma huwa xieraq jew proporzjonat. Fil-fatt, anki li kieku l-imsemmi Avviż kellu jippermetti li tiġi stabbilita aħjar l-eżistenza ta’ akkordji, ħaġa li tippromwovi l-interess Komunitarju, dan jikkumpensa lill-impriżi li kisru l-Artikolu 81 KE u jiżvantaġġa lill-impriżi onesti, għaliex hija tipprekludi li jiġu imposti multi fuq impriżi li pparteċipaw f’akkordju u li ħadu vantaġġ minnu. L-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jaffettwa wkoll l-interess Komunitarju li jikkonsisti f’li jiġu ssanzjonati l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

166    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jmorrux lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettieq tal-għanijiet leġittimi mfittxa mil-leġizlazzjoni inkwistjoni, fejn huwa sottointiż li meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tingħażel l-inqas miżura stretta, u li l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxa (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, Ġabra p. I‑5689, punt 81, u l-ġurisprudenza ċċitata).

167    Għandu wkoll jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita l-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tar-Regolament Nru 17, marġini ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex torjenta l-komportament tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens is-sentenza Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punt 134, u l-ġurisprudenza ċċitata). Peress li l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jifforma parti mill-politika tal-Kummissjoni dwar l-iffissar ta’ multi għall-akkordji orizzontali li jiksru l-Artikolu 81 KE, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-ilment ibbażat fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

168    Issa, għandu bilfors jiġi kkonstatat li l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 donnu huwa strument xieraq u indispensabbli sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-akkordji orizzontali sigrieti u, għaldaqstant, sabiex jorjenta l-aġir tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni.

169    Fil-fatt, anki jekk l-instrumenti previsti fl-Artikoli 18 sa 21 tar-Regolament Nru 1/2003, jiġifieri t-talbiet għall-informazzjoni u l-ispezzjonijiet, jikkostitwixxu miżuri indispensabbli fil-kuntest ta’ teħid ta’ miżuri kontra ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, għandu jiġi osservat li ta’ spiss ikun diffiċli li l-akkordji sigrieti jiġu skoperti u investigati mingħajr il-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati. Għalkemm għal parti f’akkordju dejjem hemm ir-riskju li xi darba tinqabad, b’mod partikolari wara li jiġi ppreżentat ilment mal-Kummissjoni jew ma’ awtorità nazzjonali, madankollu, parti li tkun tixtieq ittemm il-parteċipazzjoni tagħha tista’ tiġi dissważa milli tinforma lill-Kummissjoni minħabba l-multa għolja li tista’ tiġi imposta fil-konfront tagħha. Billi jipprevedi l-għoti ta’ immunità mill-multi jew tnaqqis sinjifikattiv tal-multi favur dawk l-impriżi li jipprovdu lill-Kummissjoni bi provi tal-eżistenza ta’ akkordju orizzontali, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 huwa intiż sabiex jevita li tali parti tirrinunċja milli tinforma lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ akkordju.

170    L-argument li jgħid li l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jippermetti li jiġu kkumpensati ċerti impriżi li pparteċipaw f’akkordji pprojbiti bl-Artikolu 81 KE għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni fil-paragrafu 4 tal-imsemmi Avviż “[i]l-benefiċċju li l-konsumaturi u ċ-ċittadini jiksbu mill-garanzija li l-akkordji sigrieti jinkixfu u jkunu pprojbiti huwa ikbar mill-interess li jista’ jkun hemm li jiġu ssanzjonati pekunjarjament impriżi li jippermettulha tiskopri u tissanzjona tali prattiki [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

171    Għalhekk, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma jmurx lil hinn b’mod manifest mil-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettieq tal-għan leġittimu mfittex minnu.

172    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq l-illegalità tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, sa fejn dan jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa infondat.

 Fuq ir-raba’ ilment, ibbażat fuq abbuż tas-setgħa diskrezzjonali

173    Skont ir-rikorrenti, billi adottat l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha mill-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003. Din id-dispożizzjoni timponi fuq il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa, l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur, ħaġa li ma tkunx possibbli fil-każ ta’ “maħfra totali mill-pieni”. Għaldaqstant, it-Titolu A tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 huwa illegali u għaldaqstant iġib miegħu l-illegalità ta’ dan l-Avviż.

174    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, “[i]l-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża […] meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza[,] […] jiksru l-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 [KE]”. Isegwi li mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni tista’, iżda ma hijiex obbligata, timponi multa fuq impriża awtriċi ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE.

175    Barra minn hekk, l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jelenkax b’mod eżawrjenti l-kriterji li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiffissa l-ammont tal-multa. L-aġir tal-impriża matul il-proċedura amministrattiva jista’ għalhekk jifforma parti mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni matul dan l-iffissar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Finnboard vs Il‑Kummissjoni, punt 157 iktar ’il fuq, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

176    Għalhekk, il-Kummissjoni ma marritx lil hinn mis-setgħa mogħtija lilha mir-Regolament Nru 1/2003 meta stabbiliet ir-regoli ta’ kondotta, previsti fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, intiżi sabiex iservuha ta’ gwida fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-qasam tal-iffissar tal-multi, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-aġir tal-impriżi matul il-proċedura amministrattiva u għalhekk sabiex tiggarantixxi aħjar l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Finnboard vs Il‑Kummissjoni, punt 157 iktar ’il fuq, punt 57).

177    Minn dan isegwi li lanqas dan l-ilment ma huwa fondat.

178    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq in-natura konfiskatorja, bi ksur tad-dritt internazzjonali, tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ammissibbiltà

179    Il-Kummissjoni tenfasizza li l-motiv ibbażat fuq in-natura konfiskatorja, bi ksur tad-dritt internazzjonali, tad-deċiżjoni kkontestata ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura u huwa konsegwentement inammissibbli. Mill-perspettiva fattwali, ir-rikors huwa sieket fir-rigward ta’ kif il-multi imposti għandhom effettivament riperkussjonijiet drammatiċi fuq il-kapaċità tas-sussidjarji ta’ Schindler Holding li jkomplu jeżistu ekonomikament. Mill-perspettiva legali, ir-rikorrenti ma jindikawx it-trattati applikabbli jew ir-regoli li nkisru.

180    Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, kif ukoll skont l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu b’mod partikolari jkun jinkludi espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex il-konvenuta tkun tista’ tipprepara d-difiża tagħha u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat jirriżultaw, minn tal-inqas sommarjament, iżda b’mod koerenti u li jinftihem, mill-kliem tar-rikors innifsu (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ Mejju 1997, Guérin automobiles vs Il‑Kummissjoni, T‑195/95, Ġabra p. II‑679, punt 20; tal-25 ta’ Mejju 2004, Distilleria Palma vs Il‑Kummissjoni, T‑154/01, Ġabra p. II‑1493, punt 58, u tat-12 ta’ Marzu 2008, European Service Network vs Il‑Kummissjoni, T‑332/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 229).

181    Fil-kawża preżenti, fir-rikors tagħhom ir-rikorrenti esponew b’mod suffiċjentement ċar u preċiż li l-impożizzjoni tal-multi fuq Schindler permezz tad-deċiżjoni kkontestata hija konfiskatorja u tikser id-dritt internazzjonali.

182    Il-Kummissjoni ma tistax tikkritika l-fatt li r-rikors ma jidentifikax it-trattati applikabbli. Fil-fatt, fir-rikors tagħhom ir-rikorrenti ma invokaw ebda ksur ta’ ftehim bilaterali jew multilaterali dwar il-protezzjoni tal-investiment. Huma sempliċement jirreferu għall-eżistenza ta’ tali ftehim sabiex juru l-eżistenza ta’ regola tad-dritt konswetudinarju internazzjonali li nkisret fil-kawża preżenti. Għalhekk, fir-rikors tagħhom ir-rikorrenti jispjegaw li għalkemm huwa minnu li ma teżisti ebda konvenzjoni ġenerali ta’ protezzjoni tal-investiment bejn il-Komunità Ewropea u l-Isvizzera, madankollu ma jistax serjament jiġi kkontestat il-fatt li fid-dritt konswetudinarju internazzjonali teżisti projbizzjoni ta’ esproprjazzjoni mingħajr kumpens ta’ investituri barranin. Bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, ir-regola miksura, jiġifieri regola tad-dritt konswetudinarju internazzjonali, hija għalhekk indikata b’mod ċar fir-rikors.

183    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jispjegaw li n-natura konfiskatorja tal-multi imposti tirrigwarda l-iżvalutazzjoni kunsiderevoli tal-investimenti ta’ Schindler fil-Belġju, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi. Skont ir-rikorrenti, il-gravità tal-ħsara għall-valuri patrimonjali ta’ Schindler Holding tirriżulta meta l-multi jiġu mqabbla mal-fondi propji, mad-dħul mill-bejgħ annwali u mar-riżultat tal-operat ta’ Schindler Belġju, ta’ Schindler Lussemburgu u ta’ Schindler il-Pajjiżi l-Baxxi.

184    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li dan il-motiv jissodisfa l-kriterji tad-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt 180 iktar ’il fuq. Għaldaqstant il-motiv preżenti huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

185    Ir-rikorrenti josservaw li l-protezzjoni tal-investimenti barranin hija stabbilita f’diversi ftehim bilaterali u multilaterali ta’ protezzjoni tal-investiment. Abbażi ta’ dawn il-konvenzjonijiet, iż-żamma transkonfinali ta’ ishma f’impriża ta’ Stat ieħor hija inkluża fil-kunċett ta’ investiment u tibbenefika minn protezzjoni li, minn naħa, tippermetti esproprjazzjoni biss permezz tal-osservanza ta’ rekwiżiti stretti ħafna u, min-naħa l-oħra, teżiġi li l-investituri barranin jiġu trattati b’mod leali u ekwu fl-Istat fejn huma jwettqu investimenti. Tali protezzjoni hija rikonoxxuta wkoll mid-dritt konswetudinarju internazzjonali.

186    Il-multi imposti fuq Schindler Holding, kumpannija rregolata mid-dritt Svizzeru, huma ekwivalenti, mill-perspettiva tal-effett ekonomiku tagħhom, għal esproprjazzjoni, li tmur kontra d-dritt internazzjonali, tal-investimenti ta’ Schindler Holding fil-Belġju, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi. Għalkemm il-kundanna għal ħlas ta’ multa ma tikkostitwixxix esproprjazzjoni formali, din madankollu tikkostitwixxi esproprjazzjoni materjali, sa fejn l-investimenti ta’ Schindler Holding fil-Belġju, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi jsofru minn żvalutazzjoni kunsiderevoli. Il-gravità tal-ħsara għall-valuri patrimonjali ta’ Schindler Holding tirriżulta partikolarment meta l-multi jiġu mqabbla mal-fondi propji, mad-dħul mill-bejgħ annwali u mar-riżultat tal-operat ta’ Schindler Belġju, ta’ Schindler Lussemburgu u ta’ Schindler il-Pajjiżi l-Baxxi.

187    Għandu jitfakkar li l-kompetenzi tal-Kummissjoni għandhom jiġu eżerċitati fl-osservanza tad-dritt internazzjonali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 291, u l-ġurisprudenza ċċitata).

188    Id-dritt ta’ proprjetà ma huwiex protett biss mid-dritt internazzjonali, iżda jifforma wkoll parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 187 iktar ’il fuq, punt 355, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, peress li t-teħid ta’ preċedenza tad-dritt internazzjonali fuq id-dritt tal-Unjoni ma jestendix għad-dritt primarju u, b’mod partikolari, għall-prinċipji ġenerali li minnhom jiffurmaw parti d-drittijiet fundamentali (sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 187 iktar ’il fuq, punt 308), hemm lok li fil-kuntest tal-preżenti motiv jiġi eżaminat jekk il-multi imposti fuq Schindler Holding humiex ta’ ħsara għad-dritt fundamentali tar-rispett tal-proprjetà.

189    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma jidhirx li d-dritt ta’ proprjetà huwa prerogattiva assoluta, iżda għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta mqabbel mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà. Konsegwentement, jista’ jkun hemm restrizzjonijiet fuq l-użu tad-dritt ta’ proprjetà, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet ikunu effettivament jirrispondu għal għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Komunità u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan imfittex, intervent żmiżurat u intollerabbli li jikkawża ħsara għas-sustanza nnifisha tad-dritt hekk iggarantit (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter, 265/87, Ġabra p. 2237, punt 15; Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, punt 144 iktar ’il fuq, punt 78, u Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 187 iktar ’il fuq, punt 355).

190    L-Artikolu 3(1)(g) KE jipprovdi li, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Komunità, l-azzjoni tagħha tinkludi “sistema li tiggarantixxi li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx deformata”. Minn dan isegwi li l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE tikkostitwixxi wieħed mill-aspetti ta’ interess pubbliku Komunitarju. Konsegwentement, jistgħu jiġu imposti restrizzjonijiet, skont dawn l-artikoli, għall-użu tad-dritt tal-proprjetà, sakemm dawn ma jkunux żmiżurati u ma jkunux ta’ ħsara għas-sustanza nnifisha ta’ dan id-dritt (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il‑Kummissjoni, T‑65/98, Ġabra p. II‑4653, punt 170).

191    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-multi imposti fuq Schindler Holding jikkostitwixxux intervent żmiżurat u intollerabbli li jikkawża ħsara għas-sustanza nnifisha tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-proprjetà.

192    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma taffettwax l-istruttura ta’ proprjetà fi ħdan Schindler.

193    It-tieni nett, għalkemm huwa ċertament minnu li l-ħlas tal-multa jaffettwa l-valur patrimonjali tal-kumpannija debitriċi, ma jistax jiġi kkunsidrat li fil-kawża preżenti l-multi imposti fuq Schindler Holding u s-sussidjarji tagħha eżawrew il-valur kollu ta’ dawn il-kumpanniji. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li l-multi kollha imposti fuq il-kumpanniji tal-grupp Schindler fid-deċiżjoni kkontestata ma jilħqux il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ konsolidat li Schindler Holding għamlet matul is-sena finanzjarja ta’ qabel id-data tal-addozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Issa l-limitu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa b’mod partikolari intiż sabiex jipproteġi lill-impriżi kontra livell eċċessiv ta’ multi li jistgħu jeqirdu s-sustanza ekonomika tagħhom (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-ġabra, punt 389).

194    It-tielet nett, sa fejn ir-rikorrenti jikkritikaw l-impożizzjoni ta’ multa eċċessiva fuq is-sussidjarji fl-erba’ pajjiżi kkonċernati, għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata Schindler Holding ġiet ikkundannata, għal kull ksur, in solidum mas-sussidjarja kkonċernata għall-ħlas tal-multa (ara wkoll il-punti 63 sa 91 iktar ’il fuq). Kif tenfasizza l-Kummissjoni, huma l-kumpanniji li jiffurmaw parti mill-istess grupp, li nżammew responsabbli in solidum għall-ħlas tal-istess multa li għandhom jiddeterminaw il-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata mhux neċessarjament taffettwa l-valur tal-investimenti li Schindler Holding għandha fis-sussidjarji tagħha.

195    Ir-raba’ nett, sa fejn ir-rikorrenti jikkritikaw l-impożizzjoni ta’ multi għal ksur li huma eċċessivi meta dawn jitqabblu mad-dħul mill-bejgħ u mal-profitt annwali tas-sussidjarji kkonċernati, tali argument ma jiddistingwix ruħu mill-motiv ibbażat fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din żammet lil Schindler Holding responsabbli in solidum. Fil-fatt, huwa biss jekk jirriżulta li s-sussidjarji nazzjonali ma jikkostitwixxux, flimkien ma Schindler Holding, impriża fis-sens ta’ entità ekonomika responsabbli mill-ksur issanzjonat, li l-multi imposti fil-kawża preżenti jistgħu jkunu ta’ ħsara għad-dritt ta’ proprjetà. Tali multi jkunu, f’kull każ, illegali peress li jkunu jiksru l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Issa, mill-punti 63 sa 91 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata li timputa l-ksur tas-sussidjarji nazzjonali kkonċernati fuq Schindler Holding.

196    Għaldaqstant il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Linji gwida tal-1998 u tal-obbligu ta’ motivazzjoni fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi

 Osservazzjonijiet preliminari

197    Preliminarjament, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi. Dan il-metodu, hekk kif spjegat mil-Linji gwida tal-1998, fih diversi elementi ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il‑Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punt 112, u l-ġurisprudenza ċċitata).

198    Il-gravità tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ għadd kbir ta’ elementi bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod obbligatorju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punt 72, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 54).

199    Kif ġie espost fil-punt 24 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, f’din il-kawża, iddeterminat l-ammont tal-multa billi applikat il-metodu stabbilit fil-Linji gwida tal-1998.

200    Għalkemm il-Linji gwida tal-1998 ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala regola ta’ dritt li l-amministrazzjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, dawn madankollu jikkostitwixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita u li, f’każ partikolari, l-amministrazzjoni ma tistax titbiegħed minnha mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar ’il fuq, punt 209, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, T-73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 70).

201    Kif ġie indikat fil-punt 135 iktar ’il fuq, billi tadotta tali regoli ta’ kondotta u billi tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma twettaq ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tal-ugwaljanza fit-trattament jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 211, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 200 iktar ’il fuq, punt 71).

202    Barra minn hekk, il-Linji gwida tal-1998 jistabbilixxu, b’mod ġenerali u fl-astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-impriżi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punti 211 u 213).

203    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Linji gwida tal-1998 jipprovdu, l-ewwel nett, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur bħala tali, li abbażi tagħha jista’ jiġi stabbilit ammont inizjali ġenerali (it-tieni paragrafu tal-punt 1 A). It-tieni nett, il-gravità hija analizzata abbażi tan-natura tal-ksur imwettaq u tal-karatteristiċi tal-impriża kkonċernata, b’mod partikolari, id-daqs tagħha u l-pożizzjoni tagħha fis-suq rilevanti, li tista’ tagħti lok għall-kalkolu tal-ammont inizjali, għall-klassifikazzjoni tal-impriżi f’kategoriji u għall-iffissar ta’ ammont inizjali speċifiku (it-tielet u s-seba’ paragrafi tal-punt 1 A).

 Id-deċiżjoni kkontestata

204    Fl-ewwel lok, fit-taqsima tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-gravità tal-ksur (taqsima 13.6.1), il-Kummissjoni teżamina b’mod parallel l-erba’ ksur ikkonstatati fl-Artikolu 1 tagħha, minħabba li “jippreżentaw karatteristiċi komuni” (premessa 657 tad-deċiżjoni kkontestata). Din it-taqsima hija maqsuma fi tliet sotto-taqsimiet, l-ewwel waħda intitolata “Natura tal-ksur” (sotto-taqsima 13.6.1.1), it-tieni waħda intitolata “Portata tas-suq ġeografiku kkonċernat” (sotto-taqsima 13.6.1.2) u t-tielet waħda intitolata “Konklużjoni dwar il-gravità tal-ksur” (sotto-taqsima 13.6.1.3).

205    Fis-sotto-taqsima intitolata “Natura tal-ksur”, il-Kummissjoni tispjega, fil-premessi 658 u 659 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

“658      Il-ksur suġġett ta’ din id-deċiżjoni kien jikkonsisti prinċipalent f’kollużjoni sigrieta bejn kompetituri sabiex jaqsmu bejniethom is-swieq jew jiffriżaw l-ishma tas-suq billi jaqsmu bejniethom il-proġetti ta’ bejgħ u ta’ installazzjoni ta’ liftijiet u/jew ta’ eskalejters ġodda, u sabiex ma jikkompetux bejniethom f’dak li jirrigwarda l-manutenzjoni u l-modernizzazzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters (ħlief fil-Ġermanja, fejn l-attività ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni ma kinitx is-suġġett ta’ diskussjonijiet bejn il-membri tal-akkordju). Tali restrizzjonijiet orizzontali huma, min-natura tagħhom, fost il-ksur l-iktar serju tal-Artikolu 81 [KE]. Il-ksur f’din il-kawża artifiċjalment ipprivaw lill-klijenti mill-vantaġġi li huma setgħu jittamaw li jiksbu bi proċess ta’ offerta kompetittiva. Huwa interessanti wkoll li jingħad li wħud mill-proġetti magħmula bil-qerq kienu kuntratti pubbliċi ffinanzjati mit-taxxi u magħmula proprju bil-għan li jintlaqgħu offerti kompetittivi, u b’mod partikolari, li jippreżentaw relazzjoni tajba ta’ kwalità mal-prezz.

659      Sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur, l-elementi relatati mal-għan tiegħu huma ġeneralment iktar sinjifikattivi minn dawk relatati mal-effetti tiegħu, b’mod partikolari meta ftehim, bħal f’din il-kawża, jirrigwardaw ksur serji ħafna, bħall-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq. L-effetti ta’ ftehim huma ġeneralment kriterju mhux konklużiv sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur”.

206    Il-Kummissjoni tiddikjara li “hija ma pprovatx turi l-effetti speċifi[ċ]i tal-ksur, għaliex [kien] impossibbli li tistabbilixxi b’ċertezza suffiċjenti l-parametri kompetittivi applikabbli (prezz, kundizzjonijiet kummerċjali, kwalità, innovazzjoni u oħra) fin-nuqqas ta’ ksur” (premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, hija tqis li “[h]uwa [...] evidenti li l-ksur kellhom impatt reali” u għal dan il-għan tispjega li “[i]l-fatt li diversi arranġamenti antikompetittivi ġew implementati minn membri tal-akkordju jissuġġerixxi fih innifsu impatt fuq is-suq, anki jekk l-effett reali huwa diffiċli li jitkejjel, għaliex ma huwiex magħruf, b’mod partikolari, jekk u kemm proġetti oħra kienu s-suġġett ta’ qerq fl-offerti, u lanqas kemm proġetti kienu s-suġġett ta’ tqassim bejn il-membri tal-akkordju mingħajr ma kienu meħtieġa kuntatti bejniethom” (premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-istess premessa, il-Kummissjoni żżid li “[l]-ishma konġunti għoljin fis-suq tal-kompetituri juru effetti antikompetittivi probabbli u [li] l-istabbilità relattiva ta’ dawn l-ishma tas-suq matul it-tul tal-ksur kollu tikkonferma dawn l-effetti”.

207    Fil-premessi 661 sa 669 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrispondi l-argumenti mressqa mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva intiżi sabiex juru l-impatt imnaqqas tal-ksur fuq is-suq.

208    Fis-sub-taqsima intitolata “Portata tas-suq ġeografiku kkonċernat”, il-Kummissjoni ssostni, fil-premessa 670 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[l]-akkordji suġġett tad-deċiżjoni [kkontestata] jkopru t-territorji kollha tal-Belġju, tal-Ġermanja, tal-Lussemburgu u tal-Pajjiżi l-Baxxi, rispettivament”, u li “[m]ill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar li suq ġeografiku nazzjonali li jkopri Stat Membru sħiħ diġà jirrappreżenta fih innifsu parti sostanzjali tas-suq komuni”.

209    Fis-sub-taqsima intitolata “Konklużjoni dwar il-gravità tal-ksur”, il-Kummissjoni tindika, fil-premessa 671 tad-deċiżjoni kkontestata, li kull destinatarju wettaq ksur wieħed jew diversi ksur serji ħafna tal‑Artikolu 81 KE, “[f]id-dawl tan-natura tal-ksur u tal-fatt li kull ksur kien ikopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru (il-Belġju, il-Ġermanja, il-Lussemburgu jew il-Pajjiżi l-Baxxi)”. Hija tikkonkludi li “dawn il-fatturi huma tali li l-ksur għandu jiġi kkunsidrat bħala serju ħafna anki jekk l-impatt reali tagħhom ma jistax jitkejjel”.

210    Fit-tieni lok, fit-taqsima tad-deċiżjoni kkontestata intitolata “Trattament divrenzjat” (taqsima 13.6.2), il-Kummissjoni tiffissa ammont inizjali tal-multa għal kull impriża li pparteċipat fid-diversi akkordji (ara l-punti 27 sa 30 iktar ’il fuq) li jieħu inkunsiderazzjoni, skont il-premessa 672 tad-deċiżjoni kkontestata, “il-kapaċità ekonomika effettiva ta’ min jikkometti l-ksur li jikkawża dannu sinjifikattiv lill-kompetizzjoni”. Il-Kummissjoni tispjega, fil-premessa 673 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “[g]ħal dan il-għan, l-impriżi [tqassmu] f’diversi kategoriji skont id-dħul mill-bejgħ magħmul mil-liftijiet u/jew l-eskalejters, inkluż, jekk ikun il-każ, fis-servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni”.

 Fuq il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna”

211    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-gravità tal-ksur hija żbaljata. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni adottat approċċ globali fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna”, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-fatt li l-ftehim fl-Istati Membri kkonċernati kienu strutturati b’mod tabilħaqq varjat u, min-naħa l-oħra, l-impatt konkret tal-ksur. Issa, dan l-impatt kien minimu.

212    Għalhekk, ir-rikorrenti jirreferu għat-tnaqqis fil-prezzijiet li kien hemm fis-swieq tal-Ġermanja u tal-Lussemburgu, għall-varjazzjonijiet fl-ishma tas-suq fil-Ġermanja, fil-Belġju u fil-Lussemburgu, għan-nuqqas ta’ effettività jew għan-nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim fis-swieq tal-Ġermanja, tal-Belġju, tal-Lussemburgu u tal-Pajjiżi l-Baxxi jew saħansitra għall-fatt li l-akkordji fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi kienu jikkonċernaw biss ċerti proġetti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li fil-Ġermanja Schindler kienet l-unika waħda attiva fil-qasam tal-eskalejters. Fl-aħħar nett, l-akkordju fil-Lussemburgu għandu, skont il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, jiġi kklassifikat bħala “serju” fid-dawl tal-fatt li dan kien jikkonċerna biss Stat Membru ta’ daqs żgħir.

213    Għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-Linji gwida tal-1998 jindikaw, fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tal-punt 1 A, dan li ġej:

“L-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura stess tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan jista’ jitkejjel u l-portata tas-suq ġeografiku kkonċernat.

Il-ksur se jinqasam għalhekk fi tliet kategoriji: ksur ftit serju, ksur serju u ksur serju ħafna.”

214    Skont l-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida tal-1998, il-Kummissjoni għandha għalhekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, teżamina l-impatt konkret fuq is-suq biss meta jidher li dan l-impatt jista’ jitkejjel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 198 iktar ’il fuq, punt 74, u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenzi Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 118 iktar ’il fuq, punt 143, u Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 112 iktar ’il fuq, punt 216).

215    Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat l-impatt konkret ta’ ksur fuq is-suq, hija l-Kummissjoni li għandha tirreferi għall-kompetizzjoni li kieku normalment kienet teżisti fin-nuqqas ta’ ksur (ara s-sentenza Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 200 iktar ’il fuq, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata).

216    Fil-kawża preżenti l-Kummissjoni, fil-premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata, tiddikjara li “[hija] ma pprovatx turi l-effetti speċifiċi tal-ksur, għaliex [kien] impossibbli li jiġu stabbiliti b’ċertezza suffiċjenti l-parametri kompetittivi applikabbli (prezz, kundizzjonijiet kummerċjali, kwalità, innovazzjoni u oħra) fin-nuqqas tal-ksur”. Anki jekk fil-premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li huwa evidenti li l-akkordji kellhom impatt reali, minn meta ġew implementati, li fih innifsu jissuġġerixxi impatt fuq is-suq u anki jekk, fil-premessi 661 sa 669, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti tal-impriżi kkonċernati li kienu intiżi li juru l-effetti mnaqqsa tal-akkordji, għandu jiġi kkonstatat illi, fid-deċiżjoni kkontestata, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-impatt eventwali tagħhom fuq is-suq.

217    Huwa b’hekk li l-Kummissjoni, fil-premessa 671 tad-deċiżjoni kkontestata, tibbaża l-konklużjoni tagħha dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur biss fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tal-imsemmija ksur u tal-portata ġeografika tagħhom. Fil-fatt, il-Kummissjoni, fl-imsemmija premessa, tikkonkludi li “fid-dawl tan-natura tal-ksur u tal-fatt li kull ksur kien ikopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru (il-Belġju, il-Ġermanja, il-Lussemburgu jew il-Pajjiżi l-Baxxi) għandu jiġi kkunsidrat li kull destinatarju wettaq ksur wieħed jew diversi ksur serji ħafna tal-Artikolu 81 KE.”

218    Għandu bilfors jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jurux li l-impatt konkret tal-akkordji seta’ jitkejjel f’dan il-każ, huma jillimitaw ruħhom li jenfasizzaw, fir-replika tagħhom, li jeżistu diversi metodi xjentifiċi li jippermettu li jiġi kkalkolat l-impatt ekonomiku ta’ akkordju, iżda jillimitaw ruħhom li jiddikjaraw li l-effetti kienu neċessarjament imnaqqsa. F’dan ir-rigward, anki jekk jitqies li ċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti, relatati mat-tnaqqis tal-prezzijiet, mal-varjazzjonijiet fl-ishma tas-suq jew man-nuqqas ta’ effettivita jew man-nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim (ara l-punt 212 iktar ’il fuq), tabilħaqq seħħew, madankollu dawn ma jippermettux li jiġi konkluż li l-effetti tal-akkordji setgħu jitkejjlu fis-swieq ikkonċernati, peress li r-rikorrenti ma jikkontestawx d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li ma kienx possibbli, fil-kawża preżenti, li jiġu determinati b’ċertezza suffiċjenti l-parametri kompetittivi applikabbli fin-nuqqas tal-ksur.

219    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma wrewx li, fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni kienet obbligata, skont il-Linji gwida tal-1998 u l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 214 iktar ’il fuq, li tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-ksur għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tagħhom.

220    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-impatt konkret tal-ksur seta’ jitkejjel u li l-argumenti tar-rikorrenti esposti fil-punti 211 u 212 iktar ’il fuq huma fondati sa fejn dawn juru li l-akkordji kellhom impatt imnaqqas fuq is-swieq ikkonċernati, xorta jibqa’ l-fatt li għandu jiġi kkonstatat li l-klassifikazzjoni tal-preżenti ksur bħala “serji ħafna” xorta waħda tibqa’ valida.

221    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, indipendentement mill-istruttura allegatament varjata tal-akkordji, min-natura tagħhom stess, il-ksur ikkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata huma fost il-ksur l-iktar serju tal-Artikolu 81 KE peress li dawn kellhom bħala għan “ftehim sigriet bejn kompetituri sabiex jaqsmu bejniethom is-swieq jew jiffriżaw l-ishma tas-suq billi jaqsmu bejniethom il-proġetti ta’ bejgħ u ta’ installazzjoni ta’ liftijiet u/jew ta’ eskalejters ġodda, u sabiex ma jikkompetux kontra xulxin f’dak li jirrigwarda l-manutenzjoni u l-modernizzazzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters (ħlief fil-Ġermanaja, fejn l-attività ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni ma kinitx is-suġġett ta’ diskussjonijiet bejn il-membri tal-akkordju)” (premessa 658 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, il-Linji gwida tal-1998 jesponu li l-ksur “serju ħafna” jikkonsisti essenzjalment f’restrizzjonijiet orizzontali tat-tip ta’ kartelli fuq il-prezzijiet u fuq kwoti ta’ tqassim tas-swieq jew prattiċi oħra li jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Dawn il-ksur jidhru wkoll fost l-eżempji ta’ akkordji li huma ddikjarati espressament bħala inkompatibbli mas-suq komuni fl-Artikolu 81(1)(c) KE. Minbarra li dawn ibiddlu b’mod gravi l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, dawn l-akkordji, billi jobbligaw lill-partijiet sabiex jirrispettaw swieq distinti, ta’ spiss delimitati mill-fruntieri nazzjonali, jagħtu lok għal iżolament ta’ dawn is-swieq u għaldaqstant jikkontrobattu l-għan prinċipali tat-Trattat KE li huwa l-integrazzjoni tas-suq Komunitarju. Barra minn hekk, il-ksur ta’ dan it-tip, b’mod partikolari meta jkun jikkonsisti f’akkordji orizzontali, huwa kklassifikat mill-ġurisprudenza bħala “partikolarment serji” jew bħala “ksur manifest” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ April 1995, Tréfilunion vs Il-Kummissjoni, T‑148/89, Ġabra p. II‑1063, punt 109; tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 136, u tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il‑Kummissjoni, T‑241/01, Ġabra p. II‑2917, punt 85).

222    It-tieni nett, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-effett ta’ prattika antikompetittiva ma huwiex kriterju determinanti fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur. Elementi li jifformaw parti mill-aspett intenzjonali jistgħu jkunu iktar importanti minn dawk relatati mal-imsemmija effetti, speċjalment meta l-ksur ikunu intrinsikament gravi bħat-tqassim tas-swieq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 118, u Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, punt 198 iktar ’il fuq, punt 96; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat‑13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 199, u Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 251).

223    Huwa għalhekk li n-natura tal-ksur għandha rwol ewlieni, b’mod partikolari, sabiex il-ksur jiġi kkwalifikat bħala “serju ħafna”. F’dan ir-rigward, mid-deskrizzjoni tal-ksur serju ħafna fil-Linji gwida tal-1998 jirriżulta li ftehim jew prattiċi miftiehma li, bħal f’dan il-każ, ikunu b’mod partikolari intiżi sabiex ikun hemm tqassim tas-swieq jistgħu jiġu kkwalifikati, abbażi tan-natura tagħhom stess, bħala “serji ħafna” mingħajr ma jkun neċessarju li tali mġiba tkun ikkaratterizzata minn impatt partikolari jew portata ġeografika partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, punt 198 iktar ’il fuq, punt 75). Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, filwaqt li d-deskrizzjoni tal-ksur serju tirreferi espliċitament għall-impatt fuq is-suq u għall-effetti fuq żoni wiesgħa tas-suq komuni, dik ta’ ksur serju ħafna, min-naħa tagħha, ma ssemmi l-ebda rekwiżit la ta’ impatt konkret fuq is-suq u lanqas tal-effetti fuq żona ġeografika partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 171, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-kuntest, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li f’dan il-każ ma kienx hemm tqassim tas-swieq iżda “prinċipalment ftehim fuq il-kwoti” għandu jiġi miċħud peress li ffriżar tal-ishma tas-suq neċessarjament jimplika tqassim minn qabel tas-swieq ikkonċernati.

224    Għaldaqstant, fid-dawl tal-għan tagħhom, il-ksur ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata huma, min-natura tagħhom stess, serji ħafna, anki jekk ikollu jiġi stabbilit li l-akkordji ma kinux jikkonċernaw is-suq kollu tal-prodotti kkonċernati u ma kinux ipproduċew l-effetti mixtieqa.

225    Barra minn hekk, peress li prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il‑Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punti 201 u 205, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punt 60; sentenza Carbone-Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 200 iktar ’il fuq, punt 92) u, f’kull każ, fid-dawl tal-eżami mwettaq fil-punti 221 sa 224 iktar ’il fuq, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, li jgħid li l-ksur fil-Lussemburgu kellu jiġi kklassifikat bħala “serju” fid-dawl tad-daqs żgħir ta’ dan l-Istat Membru, għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat, barra minn hekk, li huwa b’mod partikolari t-teħid inkunsiderazzjoni tad-“[d]aqs tas-suq Lussemburgiż meta mqabbel ma dak ta’ Stati Membri oħra” (premessa 666 tad-deċiżjoni kkontestata ) li wassal sabiex il-Kummissjoni tiffissa ammont inizjali ġenerali għal dan il-ksur li jirrapreżenta nofs il-livell minimu ta’ EUR 20 miljun li huwa normalment previst mil-linji gwida għal dan it-tip ta’ ksur serju ħafna (ara t-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida tal-1998).

226    Fl-aħħar nett, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni riedet tieħu inkunsiderazzjoni dan l-element fakultattiv kostitwit mill-impatt tal-ksur fuq is-suq u li għalhekk fid-deċiżjoni kkontestata hija kellha tipprovdi indikazzjonijiet konkreti, kredibbli u suffiċjenti li jippermettu li tiġi evalwata l-influwenza effettiva li l-ksur seta’ kellu fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-suq (sentenza Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, punt 198 iktar ’il fuq, punt 82), għandu jiġi kkunsidrat li hija, f’kull każ, issodisfat dan l-obbligu.

227    Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fir-rigward tal-ksur fil-Belġju, il-Kummissjoni b’mod partikolari kkonstatat li l-ftehim antikompetittivi kienu jirrigwardaw it-taqsimiet kollha tas-suq tal-liftijiet u tal-eskalejters, indipendentement mill-ammont tal-proġett, u li fid-dawl tas-sehem tas-suq globali għoli tal-impriżi kkonċernati (premessa 50 tad-deċiżjoni kkontestata), ma kienx hemm wisq riskju li dawn jiltaqgħu ma’ restrizzjonijiet kompetittivi min-naħa ta’ impriżi ta’ liftijiet u ta’ eskalejters iżgħar, li kienu jostakolawhom milli jiffissaw prezzijiet kompetittivi ħafna li jkollhom impatt fuq is-suq (premessa 662 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk hija osservat li rappreżentanti tal-erba’ impriżi kienu jiltaqgħu regolarment (premessi 153 u 160 tad-deċiżjoni kkontestata), kienu regolarment iċemplu lill-xulxin fir-rigward ta’ proġetti speċifiċi (premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata) u kienu fasslu mekkaniżmu ta’ kumpens fil-każ ta’ differenzi bejn l-ishma tas-suq miftiehma u l-ishma tas-suq reali (premessi 162 u 175 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, ġew stabbiliti listi ta’ proġetti, li kienu jippermettu li l-impriżi kkonċernati jivverifikaw u jiżguraw ruħhom b’mod permananti li kull wieħed kien qed jirrispetta l-impenji tiegħu u li jwettqu l-bidliet neċessarji meta dak li kien ġie miftiehem minn qabel ma kienx ġie osservat b’mod sħiħ (premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata). Kienu ttieħdu wkoll miżuri partikolarment elaborati sabiex il-ftehim jibqgħu moħbija (premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata).

228    F’dak li jirrigwarda l-ksur fil-Ġermanja, il-Kummissjoni b’mod partikolari osservat li l-parteċipanti fl-akkordju kellhom, bħala valur, iktar minn 60 % tal-liftijiet u madwar 100 % tas-suq tal-eskalejters (premessi 51 u 232 tad-deċiżjoni kkontestata) u li l-għan tal-akkordju kien li l-ishma tas-suq rispettivi tal-impriżi kkonċernati jiġu ffriżati (premessi 236 et seq tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll il-frekwenza tal-laqgħat (premessi 217 u 218 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-prekawzjonijiet li l-parteċipanti ħadu sabiex jaħbu l-kuntatti tagħhom (premessi 219 sa 221 tad-deċiżjoni kkontestata).

229    F’dak li jirrigwarda l-ksur fil-Lussemburgu, il-Kummissjoni kkonstatat li fl-2003 l-impriżi kkonċernati mill-akkordji kienu wettqu madwar 100 % tal-bejgħ globali ta’ liftijiet u ta’ eskalejters, filwaqt li osservat li s-sussidjarji lokali ta’ Kone, ta’ Otis, ta’ Schindler u ta’ ThyssenKrupp kienu l-uniċi fornituri stabbiliti fil-Lussemburgu li kienu joffru l-eskalejters (premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija enfasizzat ukoll il-frekwenza tal-laqgħat (premessa 302 tad-deċiżjoni kkontestata), il-prekawzjonijiet li l-parteċipanti ħadu sabiex jaħbu l-laqgħat u l-kuntatti (premessi 304 sa 307 tad-deċiżjoni kkontestata ) u l-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens (premessi 317 u 336 tad-deċiżjoni kkontestata).

230    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni osservat is-sehem tas-suq għoli li l-parteċipanti għall-akkordju kellhom (premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija enfasizzat ukoll il-frekwenza tal-laqgħat bejn il-parteċipanti (premessi 383 u 397 sa 401 tad-deċiżjoni kkontestata), il-proċess ta’ tqassim imfassal mill-parteċipanti (premessi 411 et seq tad-deċiżjoni kkontestata), il-prekawzjonijiet meħuda sabiex jaħbu l-kuntatti bejn il-parteċipanti (premessa 391 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll l-eżistenza de facto ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens (premessa 434 tad-deċiżjoni kkontestata).

231    Għalhekk, fil-premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonkludiet li l-fatt li d-diversi arranġamenti antikompetittivi kienu ġew implementati jissuġġerixxi, fih innifsu, effett fuq is-suq, anki jekk l-effett reali kien diffiċli li jitkejjel għaliex la kien possibbli li jiġi stabbilit, b’mod partikolari, jekk u kemm-il proġett ieħor kienu s-suġġett ta’ offerti mittiefsa, u lanqas kemm-il proġett setgħu kienu s-suġġett ta’ tqassim bejn il-membri tal-akkordju mingħajr ma kien meħtieġ kuntatt bejniethom. Hija kompliet tgħid li l-ishma tas-suq globali għolja tal-kompetituri kienu jindikaw effetti antikompetittivi probabbli u li l-istabbiltà relattiva ta’ dawn l-ishma tas-suq matul it-tul kollu tal-ksur tikkonferma dawn l-effetti.

232    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti esposti fil-punti 211 u 212 iktar ’il fuq ma humiex tali li jaffettwaw il-legalità tal-klassifikazzjoni “serju ħafna” mogħtija lill-ksur ikkonstatati fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

233    It-tieni nett, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni tinjora l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza billi tpoġġi fuq l-impriżi kkonċernati l-oneru li jippruvaw in-nuqqas ta’ effett tal-akkordju tagħhom.

234    Għandu bilfors jiġi kkonstatat li, skont il-punt 1 A tal-Linji gwida tal-1998, hija l-Kummissjoni li għandha turi l-effett konkret ta’ akkordju meta dan jista’ jitkejjel. Madankollu, fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-effett konkret ma setax jitkejjel, u dan mingħajr ma r-rikorrenti kkontestaw b’mod validu din l-evalwazzjoni (ara punti 211 sa 232 iktar ’il fuq).

235    F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-effett konkret tal-ksur ma setax jammonta għal ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, peress li, fil-kawża preżenti, il-gravità tal-ksur setgħet, skont il-punt 1 A tal-Linji gwida tal-1998, tiġi ddeterminata mingħajr il-ħtieġa li tali effett jiġi stabbilit.

236    Għalhekk, lanqas l-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza ma jista’ jiġi milqugħ.

237    Għaldaqstant, l-ilmenti kollha relatati mal-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serji ħafna” għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-allegata illegalità tal-ammonti inizjali tal-multi

238    Ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-Kummissjoni kisret il-punt 1 A tal-Linji gwida tal-1998, peress li fid-deċiżjoni kkontestata hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq ikkontrollat mill-impriżi inkwistjoni u kkonċernati mill-ftehim għall-finijiet tal-iffissar tal-ammonti bażiċi tal-multi. Ir-rikorrenti jinvokaw, barra minn hekk, in-nuqqas ta’ proporzjonalità u ta’ koerenza tal-ammonti bażiċi tal-multi meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ tas-sussidjarji ta’ Schindler. Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti sostnew ukoll li, indipendentement mill-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serji ħafna”, l-argumenti ppreżentati fil-punti 211 u 212 iktar ’il fuq jiġġustifikaw tnaqqis tal-ammont inizjali tal-multi. Huma jqisu wkoll li l-Kummissjoni ma għamlitx differenzjazzjoni suffiċjenti bejn l-impriżi kkonċernati. Mistoqsija waqt is-seduta dwar il-portata tal-motiv tagħhom, ir-rikorrenti speċifikaw li, bil-kontra ta’ dak li kienu indikaw fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-ilmenti tagħhom ma kinux jikkonċernaw l-ammonti bażiċi tal-multi iżda l-ammonti iniżjali ta’ dawn il-multi.

239    B’mod partikolari, fir-rigward tal-ksur fil-Lussemburgu, ir-rikorrenti jqisu li l-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 10 miljun huwa sproporzjonat, peress li dan jirrappreżenta madwar terz tal-volum tas-suq Lussemburgiż ikkonċernat mill-akkordju. Ir-rikorrenti jkomplu jgħidu li dan l-ammont [kunfidenzjali] (1). Fir-rigward tal-akkordju fil-Ġermanja, l-ammont inizjali speċifiku kien [kunfidenzjali]. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi, ir-rikorrenti jenfasizzaw l-ammont eċċessiv tal-ammont inizjali speċifiku tal-multa, li jirrappreżenta [kunfidenzjali], filwaqt li Schindler kellha biss parti żgħira tas-suq fil-Pajjiżi l-Baxxi.

240    Kif imfakkar fil-punt 203 iktar ’il fuq, il-Linji gwida tal-1998 jipprovdu, l-ewwel nett, l-evawazzjoni tal-gravità tal-ksur bħala tali, li abbażi tagħha jista’ jiġi stabbilit “ammont inizjali ġenerali” (it-tieni paragrafu tal-punt 1 A). It-tieni nett, il-gravità hija analizzata abbażi tal-karatteristiċi tal-impriża kkonċernata, b’mod partikolari, id-daqs tagħha u l-pożizzjoni tagħha fis-suq rilevanti, li tista’ tagħti lok għall-kalkolu tal-ammont inizjali, għall-klassifikazzjoni tal-impiżi f’kategoriji u għall-iffissar ta’ “ammont inizjali speċifiku” (it-tielet u s-seba’ paragrafu tal-punt 1 A) (sentenza Carbone-Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 200 iktar ’il fuq, punt 73).

241    F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi kkunsidrat li l-ilmenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-ksur tal-Linji gwida tal-1998 jew tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fir-rigward tan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs tas-swieq ikkonċernati mill-ftehim, u fuq in-nuqqas ta’ koerenza tal-ammonti inizjali tal-multi fir-rigward tad-daqs tas-swieq inkwistjoni fir-rigward tal-ammonti inizjali ġenerali tal-multi, peress li dawn jikkonċernaw il-gravità intrinsika tal-ksur. Dan jgħodd ukoll għall-ilmenti bbażati fuq l-istruttura tal-ftehim u tal-impatt limitat tagħhom, li, għalkemm imqajma sabiex jikkontestaw il-klassifikazzjoni bħala “serji ħafna” tal-ksur, jiġġustifikaw, skont ir-rikorrenti, tnaqqis tal-ammonti inizjali tal-multi. Wara dan, l-ilmenti tar-rikorrenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ proporzjonalità tal-ammonti inizjali tal-multi u tan-nuqqas ta’ koerenza tagħhom fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ tas-sussidjarji ta’ Schindler jew fuq in-nuqqas ta’ differenzjazzjoni suffiċjenti bejn l-impriżi kkonċernati jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-ammonti inizjali speċifiċi tal-multi, għaliex dawn jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-impriżi f’kategoriji. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jressqu motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammonti inizjali tal-multi.

–       Fuq l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni

242    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ir-rikorrenti sostnew li l-ammonti bażiċi tal-multi li ġew deċiżi fid-deċiżjoni kkontestata ma humiex motivati. Madankollu, kif ġie indikat fil-punt 238 iktar ’il fuq, mill-ispjegazzjonijiet li huma taw matul is-seduta jirriżulta li l-iment tagħhom jirrigwarda n-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-ammonti inizjali tal-multi. Ir-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jivverifikaw abbażi ta’ liema prinċipji u bażijiet sostantivi ġew iddeterminati dawn l-ammonti inizjali. Peress li l-ammonti inizjali tal-multi jikkostitwixxu l-punt tat-tluq tal-kalkoli sussegwenti, il-metikolożità li biha l-Kummissjoni tikkalkola ż-żidiet u t-tnaqqis tal-ammont inizjali titlef kull utilità jekk dan l-ammont jiġi ffissat b’mod arbitrarju.

243    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni, li huwa wieħed mir-rekwiżiti proċedurali sostanzjali, huwa sodisfatt meta fid-deċiżjoni l-Kummissjoni tindika l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur, mingħajr ma hija obbligata li tipprovdi, fl-istess deċiżjoni, raġunijiet iktar fid-dettall jew iċ-ċifri relatati mal-metodu tal-kalkolu tal-multa (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il‑Kummissjoni, C‑279/98 P, Ġabra p. I‑9693, punt 44, u Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 149 iktar ’il fuq, punti 463 u 464; sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 131).

244    Issa, fil-premessi 657 sa 671 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni qabel kollox esponiet li l-ammonti inizjali tal-multi ġew iddeterminati billi ttieħdu inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur u l-portata tas-suq ġeografiku kkonċernat. Barra minn hekk, mill-premessi 672 sa 685 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni analizzat il-gravità tal-ksur fir-rigward tal-karatteristiċi tal-parteċipanti billi għamlet, għall kull ksur, differenzjazzjoni tal-impriżi kkonċernati skont id-dħul mill-bejgħ tagħhom għall-prodotti li huma s-suġġett tal-akkordju fil-pajjiżi kkonċernati mill-ksur.

245    Għalhekk, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettew lill-Kummissjoni tkejjel il-gravità tal-ksur ikkonstatati ġew suffiċjentement esposti fid-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 253 KE għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-ammonti inizjali ġenerali tal-multi

246    L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-legalità tal-metodoloġija spjegata fil-punt 1 A tal-Linji gwida tal-1998 dwar l-iffissar tal-ammonti inizjali ġenerali tal-multi. L-imsemmija metodoloġija tissodisfa loġika stabbilita, li tgħid li l-ammont inizjali ġenerali tal-multa, stabbilit skont il-gravità tal-ksur, huwa kkalkolat skont in-natura u l-portata ġeografika tal-ksur kif ukoll skont l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq meta jkun jista’ jitkejjel (sentenzi tal-Qorti Ġenerali BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 243 iktar ’il fuq, punt 134, u tas-6 ta’ Mejju 2009, Wieland-Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑116/04, Ġabra p. II‑1087, punt 62).

247    Barra minn hekk, id-daqs tas-suq ikkonċernat ma huwiex, bħala prinċipju, element obbligatorju, iżda sempliċement element rilevanti fost oħrajn, għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, peress li l-Kummissjoni, barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, ma hijiex obbligata tiddelimita s-suq ikkonċernat jew tevalwa d-daqs tiegħu meta l-ksur inkwistjoni jkollu għan antikompetittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 198 iktar ’il fuq, punti 55 u 64). Għalhekk sabiex jiġi ffissat l-ammont inizjali ġenerali tal-multa, il-Kummissjoni tista’, mingħajr madankollu ma tkun obbligata tagħmel dan, tieħu inkunsiderazzjoni l-valur tas-suq li huwa s-suġġett tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi BASF vs Il-Kummissjoni, punt 243 iktar ’il fuq, punt 134, u Wieland‑Werke vs Il-Kummissjoni, punt 246 iktar ’il fuq, punt 63). Fil-fatt, il-Linji gwida tal-1998 ma jipprovdux li l-ammont tal-multi għandu jiġi kkalkolat skont id-dħul mill-bejgħ globali jew skont id-dħul mill-bejgħ li l-impriżi għamlu fis-suq ikkonċernat. Madankollu huma lanqas ma jipprekludu li tali dħul mill-bejgħ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-iffissar tal-ammont tal-multa sabiex jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u meta ċ-ċirkustanzi hekk jitolbu (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 118 iktar ’il fuq, punt 187).

248    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda sa fejn dawn jinvokaw l-allegat karattru eċċessiv tal-ammonti inizjali tal-multi li ġew iffissati għall-ksur fil-Lussemburgu. Fil-fatt, id-dħul mill-bejgħ magħmul fuq il-livell ta’ dan l-Istat Membru ttieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-impriżi kkonċernati f’kategoriji u, għaldaqstant, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammonti inizjali speċifiċi għall-imsemmija impriżi (premessi 680 u 684 tad-deċiżjoni kkontestata). F’kull każ, kif indikat fil-punt 225 iktar ’il fuq, huwa b’mod partikolari t-teħid inkunsiderazzjoni tad-“[d]aqs tas-suq Lussemburgiż meta mqabbel ma’ dak ta’ Stati Membri oħra” (premessa 666 tad-deċiżjoni kkontestata) li wassal sabiex il-Kummissjoni tiffissa ammont inizjali ġenerali għal dan il-ksur li jirrapreżenta nofs il-livell minimu ta’ EUR 20 miljun li huwa normalment previst mil-linji gwida għal dan it-tip ta’ ksur serju ħafna (ara t-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida tal-1998).

249    It-tieni nett, ir-rikorrenti josservaw li l-iffissar tal-ammonti inizjali ġenerali għad-diversi akkordji ma huwiex koerenti u jispeċifikaw li l-ammont inizjali huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-volum tas-suq fil-Lussemburgu.

250    Bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, dan l-argument jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, permezz ta’ dan l-argument ir-rikorrenti jenfasizzaw li, jekk jitqies li d-diversi ksur għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jixxiebħu, il-Kummissjoni kellha tapplika, b’mod partikolari fir-rigward tal-ksur fil-Lussemburgu, ammont inizjali simili, espress f’perċentwali tad-daqs tas-suq, għall-ammonti inizjali użati għall-ksur l-oħra.

251    Għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-loġika fissa li fuqha huwa bbażat il-metodu espost fil-punt 1 A tal-Linji gwida tal-1998, meta tiffissa l-ammont inizjali ġenerali tal-multa, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq afettwat (ara l-punti 246 u 247 iktar ’il fuq).

252    Anki jekk jitqies li l-Kummissjoni, meta tikkonstata diversi ksur serji ħafna f’deċiżjoni waħda, għandha tirrispetta ċerta koerenza bejn l-ammonti inizjali ġenerali u d-daqs tad-diversi swieq affettwati, madankollu, fil-kawża preżenti xejn ma jindika li l-ammonti inizjali ġenerali ffissati għall-ksur fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi huma neqsin minn koerenza.

253    Għalhekk, il-Kummissjoni ffissat ammonti inizjali ġenerali ikbar skont kemm kien ikbar is-suq, madankollu hija għamlet dan mingħajr ma użat formola matematika preċiża, ħaġa li hija ma kinitx, f’kull każ, obbligata li tagħmel. Fir-rigward tal-ikbar suq, dak Ġermaniż, li jirrapprezenta EUR 576 miljun, l-ammont inizjali ġenerali ġie ffissat għal EUR 70 miljun; għaż-żewġt iswieq li jiġu t-tieni mid-daqs, dawk tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Belġju, li jirrappreżentaw rispettivament EUR 363 miljun u EUR 254 miljun, l-ammont inizjali ġenerali ġie ffissat, rispettivament, għal EUR 55 miljun u EUR 40 miljun; fl-aħħar nett, fir-rigward tas-suq Lussemburgiż, ta’ daqs manifestament iżgħar, li jirrappreżenta EUR 32 miljun, il-Kummissjoni, għalkemm il-Linji gwida tal-1998 jipprevedu, għal ksur serju ħafna, l-iffissar ta’ ammont abbażi tal-gravità li jkun “ta’ iktar minn EUR 20 miljun”, qieset li kien jixraq li dan l-ammont jiġi limitat għal EUR 10 miljun.

254    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti sostnew li l-impatt minimu tal-ksur kien jiġġustifika l-iffissar ta’ ammont inizjali iżgħar. Anki dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punti 213 sa 219 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha għalhekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, teżamina l-impatt konkret fuq is-suq biss meta jidher li dan l-impatt jista’ jitkejjel, li ma kienx il-każ fil-kawża preżenti. Barra minn hekk kif ġie osservat fil-punti 220 sa 224 iktar ’il fuq, anki jekk jitqies li l-impatt konkret tal-ksur seta’ jitkejjel fil-kawża preżenti, il-klassifikazzjoni tal-preżenti ksur bħala “serju ħafna” xorta waħda tibqa xierqa. Issa, ir-rikorrenti ma jressqux argumenti oħra li jippermettu li jiġi ġġustifikat, minkejja l-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna”, tnaqqis tal-ammont inizjali ġenerali tal-multi imposti mill-Kummissjoni.

–       Fuq l-ammonti inizjali speċifiċi tal-multi

255    Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, trattament differenzjat bejn l-impriżi kkonċernati huwa inerenti għall-eżerċizzju tas-setgħat li l-Kummissjoni għandha skont din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, il-Kummissjoni hija msejħa tindividwalizza s-sanzjoni skont l-aġir u l-karatteristiċi partikolari għall-impriżi kkonċernati sabiex tiggarantixxi, f’kull każ, l-effikaċja sħiħa tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenzi Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punt 109, u Britannia Alloys & Chemicals vs Il‑Kummissjoni, punt 225 iktar ’il fuq, punt 44).

256    Huwa għalhekk li l-Linji gwida tal-1998 jipprovdu li, għal ksur ta’ gravità speċifika, jista’ jkun xieraq, f’każijiet li jinvolvu diversi impriżi bħal kartelli, li l-ammont inizjali ġenerali jiġi ppiżat sabiex jiġi stabbilit ammont inizjali speċifiku li jieħu inkunsiderazzjoni l-piż, u għalhekk l-impatt reali, tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta ikun hemm differenza kbira fid-daqs tal-impriżi awturi ta’ ksur tal-istess natura (is-sitt paragrafu tal-punt 1 A). B’mod partikolari, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li jikkawżaw dannu kunsiderevoli lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi (ir-raba paragrafu tal-punt 1 A).

257    Il-Linji gwida tal-1998 jispeċifikaw ukoll li l-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-pieni għall-istess aġir jista’ jwassal, meta ċ-ċirkustanzi jeżiġu dan, għall-applikazzjoni ta’ ammonti differenzjati għall-impriżi kkonċernati mingħajr ma dan id-differenzjar ma jkun ir-riżultat ta’ kalkolu aritmetiku (is-seba’ paragrafu tal-punt 1 A).

258    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Linji gwida tal-1998 ma jipprevedux li l-ammont tal-multi jiġi kkalkolat skont id-dħul mill-bejgħ li l-impriżi għamlu fis-suq ikkonċernat. Madankollu, dawn lanqas ma jopponu li tali dħul mill-bejgħ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multa sabiex jiġu rrispettati l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u meta ċ-ċirkustanzi jeżiġu dan (sentenzi tal-Qorti Ġenerali LR AF 1998 vs Il‑Kummissjoni, punt 112 iktar ’il fuq, punt 283; tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, T-220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 82, u Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punt 157). Barra minn hekk il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li ma għandux ikun hemm relazzjoni strettament proporzjonali bejn id-daqs ta’ kull impriża u l-ammont tal-multa li tiġi imposta fuqha (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 534).

259    Fil-kawża preżenti, mill-premessi 672 sa 685 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni applikat, għal kull ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, “trattament divrenzjat għall-impriżi sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċita ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li jikkawżaw dannu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni” (premessa 672 tad-deċiżjoni kkontestata). Għall kull ksur hija wettqet tqassim f’kategoriji tal-impriżi għall-finijiet tal-iffissar tal-ammonti inizjali speċifiċi tal-multi, skont id-dħul mill-bejgħ li huma għamlu f’kull suq nazzjonali tal-prodotti kkonċernati (premessi 673 sa 685 tad-deċiżjoni kkontestata). Ħlief għad-determinazzjoni tal-ammont inizjali speċifiku għal Schindler minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur fil-Ġermanja, il-Kummissjoni bbażat ruħa, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammonti inizjali speċifiċi tal-impriżi l-oħra, għal kull ksur, fuq id-dħul mill-bejgħ tal-2003, li hija, skont il-Kummissjoni, l-iktar sena reċenti li matulha l-imsemmija impriżi kienu membri attivi tal-akkordji kkonċernati (premessi 674, 676, 680 u 684 tad-deċiżjoni kkontestata).

260    Madankollu, ir-rikorrenti jsostnu li, f’dak li jirrigwarda l-ksur fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi, id-determinazzjoni tal-ammont inizjali speċifiku tal-multi għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur ikkonċernat hija msejsa fuq applikazzjoni żbaljata tal-Linji gwida tal-1998 u hija sproporzjonata. Huma jsostnu wkoll li ma kienx hemm differenzjar suffiċjenti bejn l-impriżi kkonċernati.

261    L-ewwel nett, fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-Linji gwida tal-1998 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità [kunfidenzjali].

262    Issa, minn naħa, kif jirriżulta mill-punt 244 iktar ’il fuq, l-ammont inizjali ġenerali tal-multi ġie ddeterminat fid-dawl tan-natura tal-ksur u tal-portata tas-suq ġeografiku kkonċernat. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ li l-impriżi inkwistjoni għamlu fis-suq Ġermaniż biss fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ trattament differenzjat fir-rigward tal-impriżi kkonċernati, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs relattiv tagħhom fis-suq ikkonċernat u l-kapaċità ekonomika effettiva tagħhom li jikkawżaw dannu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni (premessa 672 tad-deċiżjoni kkontestata), u dan huwa, barra minn hekk, ikkonfermat mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 255 u 258 iktar ’il fuq. Il-paragun magħmul mir-rikorrenti bejn id-dħul mill-bejgħ li huma għamlu fis-swieq ikkonċernati u l-ammont inizjali tal-multi ma jistax, għalhekk, jiġi aċċettat.

263    Għaldaqstant, u peress li, f’kull każ, id-dritt tal-Unjoni ma jinkludix prinċipju ta’ applikazzjoni ġenerali li jipprovdi li s-sanzjoni għandha tkun proporzjonata mad-daqs tal-impriża fis-suq tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, punt 118 iktar ’il fuq , punt 75), l-argument ibbażat fuq in-natura eċċessiva tal-ammonti inizjali speċifiċi imposti fuq Schindler għall-ksur fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi għandu jiġi miċħud.

264    It-tieni nett, fir-rigward tal-ksur fil-Lussemburgu, ir-rikorrenti jenfasizzaw li Schindler ġiet ikklassifikata fl-istess kategorija bħal Otis, filwaqt li, bi dħul mill-bejgħ ta’ EUR 9 sa EUR 13-il miljun magħmul fil-Lussemburgu u b’sehem tas-suq ta’ 35 % sa 40 %, din tal-aħħar kellha saħħa ekonomika ferm ikbar.

265    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex tivverifika jekk it-tqassim tal-membri ta’ akkordju f’kategoriji huwiex konformi mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li l-Kummissjoni għandha f’dan il-qasam, għandha madankollu tillimita ruħha li tistħarreġ jekk dan it-tqassim huwiex koerenti u oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il‑Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punti 406 u 416; BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 243 iktar ’il fuq, punt 157, u Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 184). Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 257 iktar ’il fuq, skont il-Linji gwida tal-1998, il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-pieni għall-istess aġir jista’ jwassal għall-applikazzjoni ta’ ammonti differenzjati għall-impriżi kkonċernati mingħajr ma dan id-differenzjar ma jkun ir-riżultat ta’ kalkolu aritmetiku (is-seba’ paragrafu tal-punt 1 A). F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 258 iktar ’il fuq, ma għandux ikun hemm relazzjoni strettament proporzjonali bejn id-daqs ta’ kull impriża u l-ammont tal-multa li tiġi imposta fuqha.

266    Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-premessa 680 tad-deċiżjoni kkontestata, fl-2003, id-dħul mill-bejgħ ta’ Schindler u ta’ Otis fis-suq Lussemburgiż kien relattivament simili u kienu, it-tnejn li huma, tliet jew erba’ darbiet ikbar mid-dħul mill-bejgħ ta’ Kone jew ta’ ThyssenKrupp f’dan is-suq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma marritx lil hinn b’mod manifest mill-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta kklassifikat lil Schindler u lil Otis fl-ewwel kategorija u lil Kone u lil ThyssenKrupp fit-tieni kategorija, peress li jidher li din il-klassifikazzjoni hija koerenti u oġġettivament iġġustifikata.

267    It-tielet nett, fir-rigward tal-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi, ir-rikorrenti jiddikjaraw li s-sehem żgħir tas-suq li huma kellhom f’dan l-Istat Membru “ma tteħidx inkunsiderazzjoni b’mod evidenti”. L-ammont inizjali kien jirrappreżenta [kunfidenzjali], minkejja s-sehem tagħha tas-suq [kunfidenzjali].

268    Għandu bilfors jiġi kkonstatat li, fid-dawl tad-differenza kbira li teżisti bejn id-dħul mill-bejgħ li l-parteċipanti fl-akkordju għamlu fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni ma marritx lil hinn b’mod manifest mill-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta qassmet lil dawn tal-aħħar f’erba kategoriji għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammonti inizjali speċifiċi tal-multi u meta kklassifikat lil Schindler, inkwantu t-tielet l-ikbar operatur fis-suq Olandiż tal-prodotti kkonċernati, fit-tielet kategorija.

269    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ilmenti kollha li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-ammonti inizjali speċifiċi tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

270    Għaldaqstant, il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Linji gwida tal-1998, tal-prinċipju ta’ bbilanċjar bejn l-aġir skorrett u l-piena, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-obbligu ta’ motivazzjoni fit-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti

271    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-Linji gwida tal-1998, il-prinċipji ta’ bbilanċjar bejn l-aġir skorrett u l-piena u dak ta’ proporzjonalità kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni billi rrifjutat, żbaljatament, li tieħu inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanzi attenwanti, l-ewwel nett, it-tmiem volontarju antiċipat tal-ksur fil-Ġermanja fl-2000, u t-tieni nett, l-isforzi intensivi ta’ Schindler sabiex tevita kull ksur tal-Artikolu 81 KE.

272    L-ewwel nett, fir-rigward tat-tmiem volontarju antiċipat tal-ksur, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonstatat li “Schindler temmet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju Ġermaniż fis-sena 2000” [traduzzjoni mhux uffiċjali], iżda kkunsidrat li “[i]l-fatt li impriża volontarjament ittemm il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur qabel ma l-Kummissjoni tiftaħ l-investigazzjoni tagħha huwa meħud inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti fil-kalkolu tat-tul tal-ksur u ma jikkostitwixxix ċirkustanza attenwanti” (premessa 742 tad-deċiżjoni kkontestata).

273    Ir-rikorrenti jfakkru li l-punt 3 tal-Linji gwida tal-1998 jipprovdi għat-tnaqqis tal-ammont bażiku meta jkun hemm ċirkustanzi attenwanti partikolari bħal, b’mod partikolari, it-tmiem tal-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni. Din iċ-ċirkustanza attenwanti għandha, a fortiori, tapplika meta t-tmiem tal-ksur illegali jseħħ qabel l-imsemmija interventi, bħal fil-kawża preżenti.

274    Dan ir-raġunament ma jistax jiġi aċċettat. F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ikkonfermat li ma jistax jingħata l-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti skont it-tielet inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida tal-1998 fil-każ fejn il-ksur diġà ntemm qabel id-data tal-ewwel interventi tal-Kummissjoni (sentenza Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, punt 198 iktar ’il fuq, punt 105). Fil-fatt jista’ loġikament ikun hemm ċirkustanza attenwanti, fis-sens tal-punt 3 tal-Linji gwida tal-1998, biss jekk l-impriżi inkwistjoni kienu mħeġġa jtemmu l-imġiba antikompetittiva tagħhom permezz tal-interventi tal-Kummissjoni. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li l-impriżi jitħeġġu jtemmu l-imġiba antikompetittiva tagħhom immedjatament hekk kif il-Kummissjoni tibda investigazzjoni f’dan ir-rigward, b’tali mod li ma jistax jingħata tnaqqis tal-multa, abbażi ta’ dan, fis-sitwazzjoni fejn il-ksur ikun intemm qabel id-data ta’ meta l-Kummissjoni tintervjeni għall-ewwel darba. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ tnaqqis f’sitwazzjonijiet bħal dawn tkun tammonta għal teħid inkunsiderazzjoni doppju tat-tnaqqis tat-tul għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra p. II‑2395, punti 328 sa 330, u Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 200 iktar ’il fuq, punt 227).

275    Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-għoti ta’ tali tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa huwa neċessarjament marbut maċ-ċirkustanzi tal-każ, li jistgħu jwasslu lill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi li impriża li tipparteċipa fi ftehim illegali ma għandhiex tibbenefika minnu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-9 ta’ Lulju 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑511/06 P, Ġabra p. I‑5843, punt 104). F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-Linji gwida favur impriża tkun partikolarment xierqa f’sitwazzjoni fejn in-natura antikompetittiva tal-aġir inkwistjoni ma hijiex manifesta. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tagħha tkun inqas xierqa, bħala prinċipju, f’sitwazzjoni fejn din hija ċertament antikompetittiva, jekk din tiġi stabbilita (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmanröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T-44/00, Ġabra p. II-2223, punt 281; tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 497, u Carbone-Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 200 iktar ’il fuq, punt 228). Għalhekk, jekk jiġi rikonoxxut il-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti f’sitwazzjonijiet fejn impriża hija parti minn ftehim manifestament illegali, li hija kienet taf bih jew li ma setgħetx ma tkunx taf li kien jikkostitwixxi ksur, dan jista’ jħeġġeġ lill-impriżi sabiex jidħlu fi ftehim sigriet għall-itwal żmien possibbli, bit-tama li l-aġir tagħhom ma jinkixef qatt, filwaqt li jkunu jafu li jekk l-imġiba tagħhom tinkixef, huma jistgħu jkollhom il-multa mnaqqsa billi jwaqqfu l-ksur. Tali rikonoxximent ineħħi kull effett dissważiv tal-multa imposta u jkun ta’ ħsara għall-effett utli tal-Artikolu 81(1) KE (ara sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 1105, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-kawża preżenti, fid-deċiżjoni kkontestata, lanqas it-tmiem immedjat tal-ksur minn impriża oħra, jiġifieri Kone, wara l-intervent tal-Kummissjoni, ma ġie kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti, fid-dawl tan-natura manifesta u intenzjonali tal-ksur tal-Artikolu 81 KE (premessa 744 tad-deċiżjoni kkontestata).

276    Għalhekk, anki jekk jitqies li l-Linji gwida tal-1998 jipprovdu li t-tmiem volontarju tal-ksur qabel kull intervent tal-Kummissjoni jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti, xorta jibqa’ l-fatt li kien permissibbli li jiġi kkunsidrat li anki n-natura manifesta u intenzjonali tal-ksur, li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti, u l-fatt li skont il-fajl Schindler ma baqgħetx tipparteċipa fl-akkordju biss minħabba nuqqas ta’ qbil mal-parteċipanti l-oħra minħabba li dawn kienu qed jirrifjutaw li jatuha sehem ikbar tas-suq, jipprekludu li jingħata tnaqqis tal-ammont bażiku għal din ir-raġuni. Għalhekk, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti u f’kull każ, ma hemmx lok li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 274 iktar ’il fuq tiġi kkonfutata.

277    Fil-fatt, ir-rikorrenti jirreferu għall-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, li fil-kuntest tagħha hija kienet ikkunsidrat li t-tmiem volontarju ta’ ksur qabel kull intervent tagħha kien jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.

278    F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 225 iktar ’il fuq, id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni invokati mir-rikorrenti ma humiex rilevanti, peress li l-politika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala bażi legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni.

279    L-ewwel ilment imqajjem fil-kuntest tal-motiv preżenti għandu għalhekk jiġi miċħud.

280    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, u lanqas ma eżaminat, il-programm ta’ konformizzazzjoni mar-regoli tal-kompetizzjoni ta’ Schindler bħala ċirkustanza attenwanti, u dan jikkostitwixxi nuqqas ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jqisu li miżuri ta’ konformizzazzjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-multi, għaliex, minn naħa, billi ħadu miżuri interni r-rikorrenti għamlu dak kollu possibbli għalihom sabiex jevitaw ksur u, min-naħa l-oħra, tali miżuri kellhom l-effett sekondarju li jkun iktar diffiċli li l-ksur ikun magħruf internament, għaliex il-kollaboraturi kienu jirriskjaw li jiġu ssanzjonati. Ir-rikorrenti jerġgħu jirreferu għal ċerti deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, fejn l-eżistenza ta’ programm ta’ konformizzazzjoni mar-regoli tal-kompetizzjoni kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti.

281    Fir-rigward tal-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li fil-premessa 754 tad-deċiżjoni kkontestata hemm espost li, “[g]ħalkemm il-Kummissjoni tilqa’ favorevolment il-miżuri adottati mill-impriżi sabiex jevitaw ksur sussegwenti marbut mal-akkordji, tali miżuri ma jistgħux ibiddlu r-realtà tal-ksur u l-ħtieġa li jiġu ssanzjonati f’din id-deċiżjoni”, u li “[i]s-sempliċi fatt li, f’uħud mid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni tali miżuri bħala ċirkustanzi attenwanti ma jfissirx li hija hija obbligata tagħmel l-istess f’kull każ”. Għalkemm il-premessa 754 tad-deċiżjoni kkontestata hija tweġiba għal argument ta’ Otis espost fil-premessa 753, madankollu dan jippermetti wkoll li r-rikorrenti jkunu jafu r-raġunijiet għaliex il-programm ta’ konformizzazzjoni ta’ Schindler, l-istess bħal dak ta’ Otis, ma setax jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti u jippermetti lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-multi imposti fuq il-kumpanniji tal-grupp Schindler. Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63).

282    Fir-rigward tal-fondatezza tal-approċċ tal-Kummissjoni, diġà ġie deċiż li l-adozzjoni ta’ programm ta’ konformizzazzjoni min-naħa tal-impriża kkonċernata ma jobbligax lill-Kummissjoni tagħti tnaqqis tal-multa minħabba din iċ-ċirkustanza (sentenza BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, punt 143 iktar ’il fuq, punt 52). Barra minn hekk, għalkemm huwa ċertament importanti li impriża tadotta miżuri sabiex tipprevjeni lill-membri tal-persunal tagħha milli jwettqu, fil-ġejjieni, ksur ġdid tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, madankollu, it-teħid ta’ tali miżuri ma jbiddel xejn mir-realtà tal-ksur ikkonstatat. Għalhekk il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni tali element bħala ċirkustanza attenwanti, iktar u iktar meta l-ksur ikkonstatati fid-deċiżjoni kkonstatata jikkostitwixxu, bħal fil-kawża preżenti, ksur manifest tal-Artikolu 81 KE (sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 373, u Carbone-Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 200 iktar ’il fuq, punt 231). Minn dan jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni injorat in-neċessita li l-ammont tal-multa jiġi ddeterminat individwalment billi ma tatx tnaqqis tal-multi lil Schindler fid-dawl tal-eżistenza tal-programm tagħha ta’ konformizzazzjoni, ma jistax jiġi milqugħ.

283    Fl-aħħar nett, l-argument ibbażat fuq il-prassi preċedenti tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet esposti fil-punt 278 iktar ’il fuq.

284    Għaldaqstant, lanqas it-tieni lment mqajjem fil-kuntest ta’ dan il-motiv ma jista’ jiġi milqugħ.

285    Peress li r-rikorrenti qajmu l-ilmenti bbażati fuq l-ibbilanċjar bejn l-aġir skorrett u l-piena u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità biss minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti kollha, dawn l-ilmenti għandhom, fid-dawl tar-raġunamenti esposti fil-punti 272 sa 284 iktar ’il fuq, jiġu miċħudin.

286    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-motiv preżenti għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu ta’ motivazzjoni fl-għoti tat-tnaqqis tal-ammont tal-multi

287    Ir-rikorrenti jfakkru li huma għamlu talbiet sabiex jibbenefikaw mill-immunità mill-multi jew minn tnaqqis mill-ammont tagħhom abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fir-rigward tal-Belġju, tal-Ġermanja u tal-Lussemburgu. Madankollu l-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Avviż meta evalwat il-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni tagħhom. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-evalwazzjoni tat-tnaqqis tal-multa applikabbli abbażi ta’ dan l-Avviż. Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002

288    Għandu jiġi rrilevat li fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-Kummissjoni ddefinixxiet il-kundizzjonijiet li taħthom l-impriżi li jikkooperaw magħha sabiex jiġi stabbilit akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li kieku kien ikollhom iħallsu.

289    L-ewwel nett, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi, fil-paragrafu 8 tiegħu, taħt it-Titolu A:

“Il-Kummissjoni ser tagħti lil impriża immunità minn kull multa li kieku kienet tkun imposta jekk:

a)      l-impriża hija l-ewwel waħda li tressaq provi li fl-opinjoni tal-Kummissjoni jistgħu jippermettulha tieħu deċiżjoni biex twettaq investigazzjoni fis-sens tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, b’konnessjoni ma’ kartell allegat li qiegħed jaffetwa l-Komunità;

b)      l-impriża hija l-ewwel waħda li tressaq provi li fl-opinjoni tal-Kummissjoni jistgħu jippermettuha ssib ksur ta’ l-Artikolu 81 KE b’konnessjoni ma’ kartell allegat li jaffettwa l-Komunità.”

290    Sussegwentement, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi, fil-paragrafu 20 tiegħu, taħt it-Titolu B, li “[i]mpriżi li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet [għal eżenzjoni mill-multi] taħt is-sezzjoni A hawn fuq jistgħu jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ kull multa li kieku kienet tkun imposta” u, fil-paragrafu 21 tiegħu li, “[b]iex tikkwalifika, impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrappreżentaw valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġà tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għanda twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi”.

291    Fir-rigward tal-kunċett tal-valur miżjud, fil-paragrafu 22 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 huwa spjegat li:

“Il-kunċett ta’ ‘valur miżjud’ jirreferi għall-punt sa fejn il-provi pprovduti jinforzaw, bin-natura tagħhom u/jew bil-livell ta’ detall, l-abilità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti msemmija. F’din l-istima, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra l-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu ta’ żmien li miegħu jirrelataw il-fatti biex ikollhom valur ikbar mill-provi stabbiliti wara. Bl-istess mod, provi li huma direttament rilevanti għall-fatti msemmija ġeneralment jiġu kkunsidrati li għandhom valur akbar minn dawk b’rilevanza indiretta biss”.

292    L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi klassifikazzjoni fi tliet kategoriji għat-tnaqqis tal-multi:

“ –      [l]-ewwel impriża li tissodisfa l-p[aragrafu] 21: tnaqqis ta’ 30-50 %;

–      [i]t-tieni impriża li tissodisfa l-p[aragrafu] 21: tnaqqis ta’ 20-30 %;

–      [i]mpriżi oħra li jissodisfaw il-p[aragrafu] 21: tnaqqis sa 20 %.”

293    It-tieni subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi:

“Biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis f’kull waħda minn dawn il-faxex, il-Kummissjoni ser tieħu kont taż-żmien li fih ġew mressqin il-provi li jissodisfaw il-p[aragrafua] 21 u l-punt sa fejn jirrappreżentaw valur miżjud. Tista’ wkoll tieħu kont tal-miżura u tal-kontinwità ta’ kull kooperazzjoni pprovduta mill-impriża wara d-data tas-sottomissjoni tagħha.”

294    Fl-aħħar nett, l-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi:

“[B]arra dan, jekk impriża tipprovdi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kienux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspettat, il-Kummissjoni ma hijiex ser tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi.”

 Fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni

295    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li jikkostitwixxi l-bażi legali għall-impożizzjoni tal-multi fil-każ ta’ ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, jagħti lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T‑229/94, Ġabra p. II‑1689, punt 127) li huwa, b’mod partikolari, funzjoni tal-politika ġenerali tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni (sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punti 105 u 109). Huwa f’dan il-kuntest li, biex tiżgura t-trasparenza u n-natura oġġettiva tad-deċiżjonijiet tagħha fil-qasam tal-multi, il-Kummissjoni adottat u ppubblikat l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Dan huwa strument intiż li jippreċiża, fl-osservanza tad-dritt ta’ livell superjuri, il-kriterji li l-Kummissjoni tixtieq tapplika fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Minnu tirriżulta awtolimitazzjoni ta’ din is-setgħa (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, T‑214/95, Ġabra p. II‑717, punt 89), sa fejn hija l-Kummissjoni li għandha tikkonforma ruħha mar-regoli indikattivi li hija imponiet fuqha nnifisha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T‑380/94, Ġabra p. II‑2169, punt 57).

296    L-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta bl-adozzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 madankollu ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 275 iktar ’il fuq, punt 224).

297    L-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fih, fil-fatt, diversi elementi ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 275 iktar ’il fuq, punt 224).

298    Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta hija msejħa tevalwa jekk provi prodotti minn impriża li esprimiet ix-xewqa tagħha li tibbenefika mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għandhomx valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-paragrafu 21 tal-imsemmi Avviż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, punt 296 iktar ’il fuq, punt 88). Fir-rigward tal-paragrafu 8(a) u (b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, għandu jiġi kkonstatat li dan il-marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali jirriżulta mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li tirreferi espressament għall-produzzjoni ta’ provi li “fl-opinjoni tal-Kummissjoni”, huma ta’ natura li jippermettulha tadotta deċiżjoni li tordna investigazzjonijiet jew li jippermettulha tikkonstata ksur rispettivament. L-evalwazzjoni tal-kwalità jew tal-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn impriża fil-fatt timplika evalwazzjonijiet fattwali kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 296 iktar ’il fuq, punt 81, u Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 200 iktar ’il fuq, punt 271).

299    Bl-istess mod, il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonstatat li xi provi għandhom valur miżjud sinjifikattiv skont il-paragrafu 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, għandha marġni ta’ diskrezzjoni meta hija msejħa tistabbilixxi l-livell eżatt tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li għandu jingħata lill-impriża kkonċernata. Fil-fatt, l-ewwel subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi faxex għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa għad-diversi kategoriji ta’ impriżi msemmija filwaqt li t-tieni subparagrafu tal-punt 23(b) tal-istess Avviż jistabbilixxi l-kriterji li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiddefinixxi l-livell ta’ tnaqqis fil-limiti ta’ dawn il-faxxex.

300    Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha sabiex tevalwa l-kooperazzjoni ta’ impriża bis-saħħa tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, huwa biss eċċess manifest ta’ dan il-marġni li jista’ jiġi kkundannat mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 296 iktar ’il fuq, punti 81, 88 u 89).

 Fuq il-kooperazzjoni ta’ Schindler għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ksur fil-Belġju

301    Schindler, li kienet ir-raba’ impriża li ppreżentat talba abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur fil-Belġju (premessa 775 tad-deċiżjoni kkontestata), ma bbenefikatx minn tnaqqis tal-ammont tal-multa fir-rigward tal-imsemmi ksur (premessa 776 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, fil-premessa 776, il-Kummissjoni tispjega dan li ġej:

“776               Għalkemm Schindler ipproduċiet provi kontemporanji fil-forma ta’ listi tal-akkordju mis-sena 2000 sas-sena 2003, dawn ma kinux jippermettu li jiġi sostnut il-fajl tal-Kummissjoni peress li hija diġà kellha listi tal-akkordju għall-dan l-istess perijodu. Schindler ippreżentat it-talba tagħha [abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002] fil-21 ta’ Jannar 2005, jiġifieri sena wara li seħħet l-ewwel spezzjoni fil-Belġju, fi żmien meta l-Kummissjoni kienet diġà wettqet żewġ serje ta’ investigazzjonijiet fil-Belġju u kienet irċeviet tliet talbiet korroboranti (abbażi tal-imsemmi Avviż]. Barra minn hekk, in-natura tal-informazzjoni limitata ħafna pprovduta minn Schindler għall-parti l-kbira tal-listi tal-akkordju fis-snin 2000-2003 ma saħħaħx, b’mod sinjifikattiv, il-kapaċità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti inkwistjoni. Konsegwentement, ir-rekwiżiti tal-paragrafu 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni ma humiex sodisfatti. Wara t-talba tagħha […] Schindler kompliet tikkoopera mall-Kummissjoni, madankollu mingħajr ma kkontribwiet ebda valur miżjud sinjifikattiv.”

302    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jallegaw li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tinjora l-fatt li l-listi ta’ proġetti prodotti minn Schindler matul il-proċedura amministrattiva kellhom effettivament valur miżjud fis-sens tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. L-ewwel nett, l-imsemmija listi ma għandhomx l-istess dati bħal dawk ikkomunikati minn Kone u minn Otis. It-tieni nett, il-listi ta’ Schindler jsemmu diversi proġetti li ma jissemmewx fuq il-listi kkomunikati minn Kone u minn Otis. It-tielet nett, fil-premessa 164 (nota ta’ qiegħ il-paġna 176) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi espliċitament għal-listi ta’ proġetti kkomunikati minn Kone, minn Otis u minn Schindler. Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tibbaża konklużjonijiet fuq paragun bejn il-listi ta’ proġetti li allegatament ġew ikkomunikati mid-diversi impriżi, li juri, minn naħa, li l-listi kollha ta’ proġetti kkomunikati jikkostitwixxu provi importanti fil-livell tal-istabbiliment tal-ksur u, min-naħa l-oħra, li kien biss bis-saħħa tal-listi ta’ proġetti ta’ Kone, ta’ Otis u ta’ Schindler li hija kienet f’pożizzjoni li tipprova l-eżistenza tal-akkordju. Issa, skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, Schindler kellha, inkwantu r-raba’ impriża li kkooperat, dritt għal tnaqqis tal-multa li seta’ jammonta għal mhux iktar minn 20 %.

303    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 300 iktar ’il fuq, jekk il-Kummissjoni marritx manifestament lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta kkonstatat li l-provi prodotti minn Schindler ma kellhomx valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi li hija diġà kellha meta l-imsemmija impriża għamlet it-talba tagħha abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

304    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi osservat li r-rikorrenti, li ma jikkritikawx l-għoti ta’ immunità mill-multi lil Kone, ma jikkontestawx il-konstatazzjoni, magħmula fil-premessa 761 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li “l-informazzjoni diġà pprovduta minn Kone ppermettew lill-Kummissjoni tikkonstata ksur fil-Belġju”. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet diġà rċeviet provi suffiċjenti sabiex tikkonstata ksur fil-Belġju meta Schindler għamlet it-talba tagħha abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

305    Wara dan, għandu jiġi kkonstatat li sabiex juru l-valur miżjud sinjifikattiv tal-kooperazzjoni ta’ Schindler ir-rikorrenti jirreferu biss għal-listi ta’ proġetti għall-perijodu ta’ bejn is-sena 2000 u s-sena 2003 li din l-impriża bagħtet lill-Kummissjoni fil-kuntest tat-talba tagħha abbażi tal-imsemmi Avviż.

306    Madankollu, għalkemm il-listi prodotti minn Schindler kellhom dati differenti minn ta’ dawk prodotti minn Kone u minn Otis u għalkemm dawn jirreferu wkoll għal xi proġetti li ma kinux inklużi fil-listi prodotti minn Kone u minn Otis, madankollu dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li saħħew b’mod sinjifikattiv il-kapaċità tal-Kummissjoni li tikkonstata l-ksur fil-Belġju.

307    Fil-fatt, għandu l-ewwel nett jiġi enfasizzat li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni stabbiliet l-implementazzjoni tal-akkordju fir-rigward tal-liftijiet u tal-eskalejters ġodda fil-Belġju mhux biss billi rreferiet għal-listi ta’ proġetti prodotti minn Kone, minn Otis u minn Schindler, iżda wkoll billi bbażat ruħha fuq l-osservazzjonijiet tal-parteċipanti fl-akkordju fil-Belġju fil-kuntest tat-talbiet tagħhom abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u fuq ir-risposti ta’ impriżi għal talbiet għal informazzjoni magħmula mill-kummissjoni (ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna relatati mal-premessi 163 sa 168 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, il-listi ta’ proġetti jikkostitwixxu biss prova fost provi oħra fil-kuntest tal-istabbiliment tal-implementazzjoni tal-akkordju fil-Belġju.

308    It-tieni nett, huwa paċifiku li, meta Schindler bagħtet lill-Kummissjoni l-listi ta’ proġetti għas-snin 2000 sa 2003, din tal-aħħar diġà kellha listi ta’ proġetti tal-istess perijodu, li kienu ntbgħatu preċedentement minn Kone u minn Otis (premessi 164 u 776 tad-deċiżjoni kkontestata).

309    Issa, dikjarazzjoni li sempliċement tikkonferma, sa ċertu punt, dikjarazzjoni li l-Kummissjoni diġà kellha ma tiffaċilitax b’mod sinjifikattiv ix-xogħol ta’ din tal-aħħar u hija, għaldaqstant, insuffiċjenti sabiex tiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punt 455).

310    Fid-dawl kemm ta’ dak li ġie kkonstatat fil-punt preċedenti kif ukoll tal-fatt li r-rikorrenti ma jikkontestawx li l-kooperazzjoni ta’ Kone kienet diġà tippermetti lill-Kummissjoni tikkonstata l-ksur fil-Belġju, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li kien biss bis-saħħa tal-listi ta’ proġetti kollha msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, inklużi dawk prodotti minn Schindler, li l-Kummissjoni setgħet tipprova l-eżistenza tal-akkordju fil-Belġju.

311    Barra minn hekk il-Kummissjoni ma kisritx b’mod manifest il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta kkunsidrat li l-provi prodotti minn Schindler ma kellhomx valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-paragrafu 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq il-valur miżjud sinjifikattiv tal-listi ta’ proġetti li Schindler bagħtet lill-Kummissjoni fil-kuntest tat-talba tagħha abbażi tal-imsemmi Avviż, għandu jiġi miċħud.

312    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li minn paragun bejn it-trattament ta’ Otis u dak ta’ ThyssenKrupp jirriżulta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta rrifjutat li tagħti tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 lill-Schindler. F’dan ir-rigward hija tispjega li Kone pproduċiet biżżejjed provi li jippermettu lill-Kummissjoni tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE. Otis ipproduċiet provi li kien fihom biss ftit informazzjoni ġdida u bbenefikat minn tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 40 %. ThyssenKrupp ipprovdiet biss informazzjoni addizzjonali fir-rigward ta’ numru żgħir ta’ proġetti ta’ manutenzjoni u l-Kummissjoni kkonstatat li ebda waħda mill-provi prodotti ma kienet tikkonċerna fatti li hija ma kinitx taf dwarhom preċedentement u li l-informazzjoni mibgħuta ma kinitx taż-żmien ta’ meta seħħ l-akkordju. ThyssenKrupp ibbenefikat minn tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 20 %. Min-naħa tagħha Schindler ikkomunikat listi dwar il-perijodu ta’ bejn is-sena 2000 u s-sena 2003, li l-Kummissjoni ma kinitx taf dwarhom preċedentement u li kienu taż-żmien ta’ meta seħħ il-ksur. Għaldaqstant, Schindler għandha dritt għal tnaqqis tal-ammont tal-multa li għandu jilħaq l-20 %.

313    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni pprovduta mill-membri ta’ akkordju l-Kummissjoni ma tistax tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 394, u l-ġurisprudenza ċċitata).

314    Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li l-kooperazzjoni pprovduta minn Otis u minn ThyssenKrupp kienet differenti ħafna minn dik ipprovduta minn Schindler.

315    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-valur miżjud ta’ kooperazzjoni ssir abbażi tal-provi li l-Kummissjoni diġà għandha. Issa, peress li l-kooperazzjoni ta’ Otis u dik ta’ ThyssenKrupp ġew qabel dik ta’ Schindler (premessi 96, 98 u 103 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni iktar kellha provi meta Schindler għamlet it-talba tagħha abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 milli hija kellha meta saru t-talbiet ta’ Otis u ta’ ThyssenKrupp.

316    It-tieni nett, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kooperazzjoni ta’ ThyssenKrupp u ta’ Otis kellha valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-paragrafu 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

317    Fil-fatt, fir-rigward tal-kooperazzjoni ta’ Otis, din l-impriża pprovdiet lill-Kummissjoni bi “provi dokumentarji kontemporanji” (premessa 766 tad-deċiżjoni kkontestata) u dawn il-provi kienu jipprovdu informazzjoni, għalkemm limitata, “fuq fatti li ma kinux magħrufa preċedentement” (premessa 766 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni ta’ ThyssenKrupp, din ukoll kellha valur miżjud sinjifikattiv, “għaliex din [kienet] tipprovdi informazzjoni addizzjonali fuq proġetti ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni kif ukoll spjegazzjonijiet fid-dettall fuq is-sistema użata għall-iffissar tal-prezzijiet tal-kuntratti ta’ manutenzjoni” (premessa 771 tad-deċiżjoni kkontestata).

318    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kooperazzjoni ta’ Schindler, mill-analiżi magħmula fil-punti 303 sa 311 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li din ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

319    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li s-sitwazzjonijiet tad-diversi impriżi ma kinux paragunabbli, il-Kummissjoni ma wettqitx ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta tat tnaqqis tal-ammont tal-multi lil Otis (40 %) u lil ThyssenKrupp (20 %) u meta rrifjutat li tagħti lil Schindler il-benefiċċju ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

320    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ilmenti kollha ta’ Schindler dwar l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-kooperazzjoni tagħha għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ksur fil-Belġju għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-kooperazzjoni ta’ Schindler għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ksur fil-Ġermanja

321    Fil-premessa 805 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ddeċidiet li “tagħti lil Schindler tnaqqis tal-multa ta’ 15 % fil-faxxa prevista [fit-tielet inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 23(b)] tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni [tal-2002]” abbażi tal-kooperazzjoni tagħha fl-istabbiliment tal-ksur fil-Ġermanja.

322    Fil-premessa 803 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega li l-għoti ta’ immunità mill-multi abbażi tal-paragrafu 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jew tnaqqis 100 % tal-ammont tal-multa abbażi tal-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 23(b), tal-imsemmi Avviż kienet eskluża peress li meta Schindler għamlet it-talba tagħha abbażi ta’ dan l-Avviż, “[i]l-Kummissjoni diġà kellha serje ta’ provi li jippermettulha tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 [KE], b’mod partikolari għall-perijodu ta’ bejn is-sena 1995 u s-sena 2000”.

323    Fil-premessa 804 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tkompli tgħid:

“Sa fejn kien biss wara l-25 ta’ Novembru 2004 li Schindler issodisfat kompletament ir-rekwiżit previst fil-punt 21, jiġifieri tmien xhur wara l-ewwel talbiet [abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002], dan id-dewmien għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-tnaqqis, fil-kuntest tal-faxxa prevista. Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjonijiet ta’ Schindler kellhom valur miżjud sinjifikattiv li saħħaħ il-kapaċità tal-Kummissjoni li tipprova l-ksur. Madankollu l-valur miżjud tat-talba ta’ Schindler [abbażi tal-imsemmi Avviż] jibqa limitat sa fejn hija essenzjalment irripetiet d-dikjarazzjonijiet tagħha stess, ma kienet tinkludi ebda prova dokumentarja u kienet prinċipalment tikkonferma l-provi li l-Kummissjoni diġà kellha.”

324    Preliminarjament ir-rikorrenti jfakkru li Schindler ipparteċipat biss f’akkordji dwar installazzjonijiet ta’ eskalejters bejn is-sena 1995 u s-sena 2000, b’tali mod li huma biss l-akkordji li kien hemm matul l-imsemmi perijodu li huma determinanti fl-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ Schindler. Dan il-ksur jikkostitwixxi ksur awtonomu, li għandu jiġi kkunsidrat b’mod distint mill-ksur li jikkonċernaw l-eskalejters u l-liftijiet mwettqa minn impriżi oħra wara s-sena 2000. Schindler la kienet ipparteċipat f’dawn il-ksur u lanqas ma kienet taf dwarhom.

325    L-ewwel nett, Schindler issostni li hija għandha tiġi kkunsidrata bħala l-ewwel impriża li pprovdiet, skont il-paragrafu 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, provi li jistgħu jippermettu lill-Kummissjoni tikkonstata ksur u għalhekk tibbenefika minn maħfra totali mill-multa tagħha.

326    Għalkemm huwa ċertament minnu li l-Kummissjoni kienet irċeviet talbiet abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fir-rigward tal-akkordji fil-Ġermanja mingħand Kone u mingħand Otis qabel ma hija rċeviet dik ta’ Schindler. Madankollu, dawn it-talbiet ma kinux ta’ natura li jipprovaw l-eżistenza tal-ksur tal-Artikolu 81 KE li għalih kienet ipparteċipat Schindler, jiġifieri ftehim dwar l-eskalejters konklużi bejn is-sena 1995 u s-sena 2000. Fin-nuqqas tal-provi prodotti minn Schindler, il-Kummissjoni ma kinitx tkun f’pożizzjoni li tikkonstata l-ksur tal-Artikolu 81 KE. Fit-talba tagħha u fid-dokumenti annessi magħha Schindler stabbiliet l-eżistenza ta’ 33 laqgħa li nżammew fil-Ġermanja bejn id-29 ta’ April 1994 u s-6 ta’ Diċembru 2000. Otis kienet żvelat biss tliet laqgħat fis-sena 1999 (fl-20 ta’ Jannar, fit-28 ta’ Ottubru u fit-22 ta’ Diċembru 1999) u ħames laqgħat fis-sena 2000 (fl-20 ta’ Jannar, fit-18 ta’ Frar, fit-3 ta’ April, fis-6 ta’ Ġunju u fis-6 ta’ Diċembru 2000). Lanqas id-dikjarazzjonijiet ta’ Kone ma kienu jippermettu li jiġu stabbiliti l-laqgħat sistematiċi dwar il-proġetti marbutin mal-eskalejters fil-Ġermanja matul il-perijodu ta’ bejn is-sena 1995 u s-sena 2000.

327    It-tieni nett, sussidjarjament, ir-rikorrenti jsostnu li Schindler ma kellhiex, f’kull każ, tiġi suġġetta għal multa, skont l-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, peress li hija kienet l-unika waħda li pprovdiet biżżejjed provi sabiex jiġi stabbilit il-ksur fil-Ġermanja matul il-perijodu ta’ bejn is-sena 1995 u s-sena 2000. Il-provi prodotti minn Kone u minn Otis jkopru l-perijodu ta’ wara s-sena 2000. Barra minn hekk, sa fejn fil-premessa 803 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tiddikjara li hija diġà kellha provi qabel it-talba ta’ Schindler, madankollu mingħajr ma tispeċifika l-provi inkwistjoni, ir-rikorrenti jinvokaw nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

328    Għandu qabel kollox jiġi osservat li bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, il-fatt li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-klassifikazzjoni tal-akkordju fil-Ġermanja bħala ksur uniku, ma jaffetwax l-ammissibbiltà tal-argument tagħhom.

329    Fil-fatt, il-Kummissjoni nnifisha tiddistingwi, fid-deċiżjoni kkontestata, żewġ partijiet fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja, waħda li kienet tkopri l-perijodu ta’ bejn Awwissu 1995 u Diċembru 2000 u li kienet tirrigwarda biss l-eskalejters u l-oħra li kienet tkopri l-perijodu ta’ bejn Diċembru 2000 u Diċembru 2003 u li kienet tikkonċerna simultanjament kemm l-eskalejters kif ukoll il-liftijiet (premessi 213, 277 u 278 tad-deċiżjoni kkontestata), mingħajr ma din id-distinzjoni ma taffetwa l-klassifikazzjoni ta’ dan l-akkordju bħala ksur uniku, peress li l-arranġamenti kollha kellhom l-istess għanijiet u kienu jwasslu għall-istess riżultat (premessa 568 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk huwa paċifiku li Schindler ipparteċipat biss għal dik il-parti tal-ksur, ikkonstatat fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, li tikkonċerna l-eskalejters peress li Schindler ħarġet mill-akkordju fis-sena 2000 (premessa 213 tad-deċiżjoni kkontestata).

330    Issa, jekk kif jallegaw ir-rikorrenti, Schindler kienet l-ewwel impriża li pproduċiet provi determinanti li jippermettu lill-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza tal-akkordju fil-Ġermanja għall-perijodu ta’ bejn Awwissu 1995 u Diċembru 2000, hija tkun intitolata, skont l-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u indipendentement minn eventwali applikazzjoni tal-paragrafu 8(b) tal-imsemmi Avviż, għal tnaqqis ta’ 100 % tal-ammont tal-multa, peress li l-kooperazzjoni tagħha kellha effett dirett fuq it-tul tal-akkordju preżunt, ekwivalenti għat-tul kollu tal-parteċipazzjoni ta’ Schindler għal dan il-ksur.

331    Madankollu, mill-premessi 214 u 803 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kellha, meta Schindler għamlet it-talba tagħha fil-25 ta’ Novembru 2004, biżżejjed provi li jippermettulha li tikkonstata l-ksur fil-Ġermanja għall-perijodu ta’ bejn is-sena 1995 u s-sena 2000.

332    Għalhekk, fit-talba tagħha abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, tat-12 ta’ Frar 2004, Kone pproduċiet data konkreta fuq l-akkordju fil-Ġermanja, kemm għall-perijodu ta’ qabel kif ukoll għal dak ta’ wara t-tluq ta’ Schindler mill-akkordju. Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ksur, id-dikjarazzjoni ta’ Kone b’hekk infurmat lill-Kummissjoni li akkordju dwar it-tqassim tas-suq tal-eskalejters diġà kien jeżisti fl-1 ta’ Awwissu 1995, dwar il-lista tal-parteċipanti għall-akkordju, dwar il-prinċipji li kienu jirregolaw l-għoti tal-proġetti u dwar elementi oħra dwar l-implementazzjoni tal-akkordju. Fit-talba tagħha Kone kienet indikat ukoll b’mod ċar li Schindler kienet telqet mill-akkordju “fi tmiem is-sena 2000”.

333    Fl-osservazzjonijiet tagħha ta’ April 2004, li jikkompletaw t-talba tagħha ta’ Marzu 2004, Otis ikkonfermat l-eżistenza ta’ akkordju fil-Ġermanja fuq it-tqassim tas-suq tal-eskalejters, il-lista tal-parteċipanti fl-akkordju, il-prinċipji li jirregolaw l-għoti tal-proġetti u informazzjoni oħra dwar l-implementazzjoni tal-akkordju kif ukoll it-tluq ta’ Schindler mill-akkordju fis-sena 2000. Fl-osservazzjonijiet addizzjonali tagħha ta’ April 2004, Otis barra minn hekk indikat li l-akkordju fis-suq tal-eskalejters kien ilu jeżisti sa mis-snin 80.

334    Għaldaqstant, meta Schindler għamlet it-talba tagħha abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, fil-25 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni diġà kellha żewġ dikjarazzjonijiet konkordanti li kienu jippermettulha tikkonstata l-parti tal-akkordju fil-Ġermanja li għalih kienet ipparteċipat Schindler.

335    Għalkemm huwa ċertament minnu li fit-talba tagħha tal-25 ta’ Novembru 2004 u fid-dokumenti addizzjonali tas-7 ta’ Diċembru 2004, Schindler ipprovdiet lill-Kummissjoni informazzjoni li ma kinitx magħrufa minn din tal-aħħar, b’mod partikolari d-dati ta’ ċerti laqgħat bejn il-parteċipanti fl-akkordju li seħħew bejn id-29 ta’ April 1994 u s-6 ta’ Diċembru 2000. Madankollu, fid-dawl ta’ dak li ġie kkonstatat fil-punt 334 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li dawn kienu provi li kellhom valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-paragrafu 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, li jagħtu dritt għal tnaqqis tal-multa, u mhux għal immunità totali mill-multa abbażi tal-paragrafu 8(b), jew għal tnaqqis totali tal-ammont tal-multa abbażi tal-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 23(b) tal-imsemmi Avviż. Fil-fatt, il-provi kkonċernati ma kinux determinanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-akkordju fil-Ġermanja matul it-tul kollu tal-parteċipazzjoni ta’ Schindler għal dan l-akkordju iżda kienu jsaħħu l-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-ksur billi tikkonferma l-provi li hija diġà kellha.

336    Wara dan, fid-dawl tal-fatt li Schindler kienet it-tielet impriża li għamlet talba abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, it-tnaqqis tal-multa applikabbli kien dak previst fit-tielet inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 23(b) ta’ dan l-Avviż. Issa, peress li l-provi li għandhom valur miżjud sinjifikattiv ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni biss tmien xhur wara l-ewwel żewġ talbiet abbażi tal-imsemmi Avviż u peress li huwa paċifiku li Schindler ma pproduċietx provi dokumentarji kontemporanji, il-Kummissjoni ma marritx manifestament lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta ffissat it-tnaqqis tal-ammont tal-multa għal Schindler għal 15 %.

337    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 253 KE, għandu jiġi kkonstatat li l-premessa 803 tad-deċiżjoni kkontestata tesponi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li l-provi prodotti minn Schindler fit-talba tagħha abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma jagħtux dritt għal immunità mill-multa. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tirreferi għall-fatt li, “meta saru l-osservazzjonijiet ta’ Schindler, [hija] diġà kellha serje ta’ provi li jippermettulha tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 [KE]” (premessa 803 tad-deċiżjoni kkontestata). Imqegħdin fil-kuntest tagħhom, dawn il-motivi jirreferu neċċesarjament għas-serje ta’ provi li jinsabu fit-talbiet ta’ Kone u ta’ Otis, li l-valur miżjud tagħhom ġie ddeterminat fil-premessi 792 u 799 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, il-premessi msemmija iktar ’il fuq jippermettu li l-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet għar-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti lill-Schindler immunità mill-multi għall-kooperazzjoni tagħha fl-istabbiliment tal-ksur fil-Ġermanja u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità. Għaldaqstant l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 253 KE għandu jiġi miċħud.

338    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ilmenti kollha ta’ Schindler dwar l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-kooperazzjoni taħgha għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ksur fil-Ġermanja għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-kooperazzjoni ta’ Schindler għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ksur fil-Lussemburgu

339    Schindler, li kienet ir-raba’ impriża li ressqet talba abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fir-rigward tal-akkordju fil-Lussemburgu (premessa 830 tad-deċiżjoni kkontestata), ma bbenefikatx minn tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 f’dak li jikkonċerna l-imsemmi ksur (premessa 834 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, fil-premessi 831 sa 833 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega:

“831      It-talba [abbazi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002] ta’ Schindler hija prinċipalment komposta minn dikjarazzjoni bil-miktub tal-impriża u dokumenti interni li jmorru lura għas-sena 2002 li, skont Schindler, tfasslu fil-kuntest tal-attività normali tal-impriża. It-talba […] ta’ Schindler ma pprovdiet lill-Kummissjoni ebda element ġdid li għandu valur miżjud qawwi. L-informazzjonijiet il-ġodda fil-verità jkopru deskrizzjonijiet tas-settur fiż-żmien ta’ meta seħħ il-ksur u dettalji oħra ta’ importanza iżgħar. Apparti din l-informazzjoni, it-talba […] ta’ Schindler essenzjalment tikkonferma l-informazzjoni diġà magħrufa mill-Kummissjoni.

832      Barra minn hekk, Schindler tiddikjara li l-ftehim dwar il-proġetti l-ġodda ta’ installazzjoni, ta’ modernizzazzjoni, ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters kienu diġà stabbiliti fis-sena 1993, u li hija kienet telqet mill-akkordju fis-sena 1994 u kienet ġiet lura biss fis-sena 1999. Il-Kummissjoni ma siebet ebda indikazzjoni li ssostni din id-dikjarazzjoni. Il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjoni unilaterali u mhux sostnuta ta’ waħda mill-partijiet fir-rigward ta’ kwistjoni kruċjali, li tista’ twassal għal konsegwenzi ġuridiċi serji għall-parteċipanti l-oħra.

833      Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li l-osservazzjonijiet ta’ Schindler ma fihom ebda element ġdid li għandu valur sinjifikattiv iżda li dawn essenzjalment jikkonfermaw il-fatti li kienu diġà magħrufa minnha. L-informazzjoni pprovduta minn Schindler, mqabbla mal-provi li l-Kummissjoni kellha meta saret it-talba […] ta’ Schindler, ma saħħitx b’mod kunsiderevoli l-kapaċità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti inkwistjoni. Konsegwentement, ir-rekwiżiti tal-[paragrafu] 21 tal-Avviż dwar il-Kooperazzjoni [tal-2002] ma humiex sodisfatti. Wara li għamelt it-talba tagħha […], Schindler ma pproduċiet ebda dokument addizzjonali ħlief għall-informazzjoni mibgħuta fuq talba tal-Kummissjoni.”

340    Ir-rikorrenti jsostnu li Schindler hija intitolata li tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ bejn 20 % u 30 %, abbażi tal-paragrafi 21 u 23 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Fil-fatt, Schindler ipproduċiet provi ta’ valur miżjud kunsiderevoli fir-rigward ta’ ftehim fil-qasam tal-attivitajiet ta’ manutenzjoni. Fin-nuqqas tat-talba ta’ Schindler, tal-4 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni ma kinitx tkun f’pożizzjoni li tistabbilixi l-eżistenza ta’ ftehim fl-imsemmi qasam, ftehim li fir-rigward tagħhom ftit li xejn hemm informazzjoni fit-talbiet ta’ Kone u ta’ ThyssenKrupp. Barra minn hekk, Otis ma ammettietx espliċitament il-parteċipazzjoni tagħha għal ftehim f’dan il-qasam.

341    L-importanza tat-talba ta’ Schindler, abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, fir-rigward tal-produzzjoni tal-prova min-naħa tal-Kummissjoni tirriżulta wkoll mill-frekwenza tar-riferimenti għal din it-talba li jsiru fid-deċiżjoni kkontestata, meta mqabbla mar-riferimenti għat-talbiet ta’ Kone u ta’ ThyssenKrupp. Għaldaqstant, fil-premessa 831 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ċaħdet l-argument ta’ Schindler mingħajr madankollu ma rrispondiet għall-argumenti tagħha esposti fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u dan jikkostitwixxi motivazzjoni insuffiċjenti fis-sens tal-Artikolu 253 KE.

342    Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 300 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni marritx manifestament lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta kkonstatat li l-provi prodotti minn Schindler ma kellhomx valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbel mal-provi li hija diġà kellha meta l-imsemmija impriża għamlet it-talba tagħha abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

343    F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li r-rikorrenti, li ma jikkritikawx l-għoti ta’ immunità mill-multi lill-Kone abbażi tal-paragrafu 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, ma jikkontestawx li l-informazzjoni pprovduta minn Kone kienet diġà tippermetti lill-Kummissjoni tikkonstata ksur fil-Lussemburgu (premessa 816 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk meta Schindler għamlet it-talba tagħha abbażi ta’ dan l-Avviż, il-Kummissjoni diġà kellha provi suffiċjenti sabiex tikkonstata ksur fil-Lussemburgu. Barra minn hekk, preċedentement għat-talba ta’ Schindler, il-Kummissjoni kienet diġà rċeviet, f’Marzu 2004, talba abbażi tal-imsemmi Avviż min-naħa ta’ Otis, li wasslet għal tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 40 % (premessi 118 u 823 tad-deċiżjoni kkontestata).

344    It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk, skont il-paragrafi 21 u 22 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-provi prodotti minn Schindler kellhomx valur miżjud sinjifikattiv sa fejn dawn saħħew ħafna l-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-ksur fil-Lussemburgu, għandu jiġi kkonstatat li l-provi li, skont ir-rikorrenti, kellhom valur miżjud sinjifikattiv jikkonċernaw biss waħda miż-żewġ partijiet tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri t-tqassim tas-swieq li jikkonċernaw il-kuntratti ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni (ara wkoll il-premessi 293 u 830 tad-deċiżjoni kkontestata).

345    Issa, mit-talba ta’ Kone tal-5 ta’ Frar 2004, kif ikkompletata bl-informazzjoni tad-19 ta’ Frar 2004, jirriżulta li din diġà kienet tinkludi deskrizzjoni ċara tal-parti tal-akkordju li ġiet sussegwentement deskritta minn Schindler.

346    It-tielet nett, ir-rikorrenti ma jistgħux jibbażaw argument fuq in-numru ta’ riferimenti li jsiru fid-deċiżjoni kkontestata għat-talba tagħhom abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Fil-fatt, il-fatt li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni użat il-provi kollha li hija kellha, u għalhekk anki l-informazzjoni prodotta minn Schindler fit-talba tagħha tal-4 ta’ Novembru 2004, ma jurix li din l-informazzjoni tal-aħħar kellha valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi li l-Kummissjoni kellha f’din id-data.

347    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma marritx manifestament lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta kkunsidrat li l-provi pprovduti minn Schindler ma kellhomx valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-paragrafu 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

348    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 253 KE, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha li l-persuni kkonċernati jqajmu quddiemha, iżda li huwa biżżejjed li hija tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni, T‑349/03, Ġabra p. II‑2197, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-premessi 831 sa 833 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom hija qieset li l-provi prodotti minn Schindler fit-talba tagħha tal-4 ta’ Novembru 2004 ma kellhomx valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-paragrafu 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Dawn il-premessi jippermettu li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet għar-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti lil Schindler tnaqqis tal-ammont tal-multa għall-kooperazzjoni tagħha fl-istabbiliment tal-ksur fil-Lussemburgu u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità. Għaldaqstant l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 253 KE għandu jiġi miċħud.

349    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ilmenti kollha ta’ Schindler dwar l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-kooperazzjoni tagħha għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ksur fil-Lussemburgu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u tal-Linji gwida tal-1998, minħabba tnaqqis insuffiċjenti tal-ammont tal-multi abbażi tan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti

350    Fil-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kienet ħabbret li hija kien “bi ħsiebha tagħti tnaqqis [tal-multa] minħabba l-kooperazzjoni barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni [tal-2002], b’mod partikolari meta kumpannija ma tikkontestax jew meta din tagħti għajnuna addizzjonali li tippermetti li jiġu kkjarifikati jew ikkompletati l-fatti kkonstatati mill-Kummissjoni.”

351    Fil-premessa 758 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega li, “sa fejn il-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kien joħloq aspettattivi f’din il-kawża, [hija] ddeċidiet li tinterpreta dan il-punt favur l-impriżi li, fuq din il-bażi, ikkontribwixxew sabiex jiġu stabbiliti l-fatti tal-ksur imsemmija fid-deċiżjoni [kkontestata], billi ma jikkontestawx il-fatti jew billi jagħtu informazzjoni oħra jew dettalji addizzjonali”.

352    Il-Kummissjoni għalhekk tat lill-parteċipanti kollha tal-erba’ ksur, bl-eċċezzjoni, minn naħa, tal-impriżi li bbenefikaw minn immunità mill-multi (premessi 762, 817 u 839 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, ta’ Kone fil-kuntest tal-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi (premessa 851 tad-deċiżjoni kkontestata), tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 1 % għall-kooperazzjoni tagħhom barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (premessi 768, 774, 777, 794, 801, 806, 813, 824, 829, 835, 845, 854, 855 u 856 tad-deċiżjoni kkontestata).

353    Ir-rikorrenti jqisu, l-ewwel nett, li huma setgħu jippretendu tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ mill-inqas 10 % minflok tal-1 % mogħti abbażi tal-kooperazzjoni tagħhom lil hinn mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, u dan huwa kkonfermat mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni f’kawżi oħra. It-tieni nett, minkejja talba f’dan is-sens, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti kienu kkooperaw magħha f’livell li jmur bil-ħafna lil hinn mis-sempliċi nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti, u dan jintitolahom għal tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ mill-inqas 10 %, abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, jew għal tnaqqis abbażi tas-sitt inċiż tat-Titolu 3 tal-Linji gwida tal-1998.

354    Preliminarjament, hemm lok li jitfakkar li tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva huwa ġġustifikat biss jekk l-aġir tal-impriża inkwistjoni ppermetta lill-Kummissjoni tikkonstata l-ksur b’inqas diffikultà u, jekk huwa l-każ, li ttemmu (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T‑327/94, Ġabra p. II‑1373, punt 156; u Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 222 iktar ’il fuq, punt 270 u Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punt 449).

355    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li impriża li tiddikjara espliċitament li ma hijiex qed tikkontesta l-allegazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-ilmenti tagħha tista’ tiġi kkunsidrata bħala li kkontribwiet sabiex tiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-konstatazzjoni u r-repressjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il‑Kummissjoni, T‑352/94, Ġabra p. II‑1989, punt 395, u SCA Holding vs Il‑Kummissjoni, punt 354 iktar ’il fuq, punt 157).

356    Għalkemm huwa ċertament minnu li l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma jipprovdi, bil-kontra tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996, għal ebda tnaqqis tal-ammont tal-multa favur impriżi li ma jikkontestawx il-materjalità tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-akkużi tagħha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Madankollu, fil-premessa 758 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tammetti li l-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ħoloq fi ħdan l-impriżi l-aspettattivi leġittimi li n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti għandu jwassal għal tnaqqis tal-ammont tal-multa lil hinn mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Fl-istess premessa, hija osservat ukoll li “[i]l-portata tat-tnaqqis għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kooperazzjoni offerta wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, meta l-Kummissjoni tkun diġà stabbiliet l-elementi kollha tal-ksur, f’mument meta l-impriża tkun diġà taf l-elementi kollha tal-investigazzjoni u kellha aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni, tista’ biss, fl-aħjar ipoteżi, tgħin lill-Kummissjoni b’mod marġinali fl-investigazzjoni tagħha”. Il-Kummissjoni speċifikat ukoll li “[ġ]eneralment, l-ammissjoni tal-fatti f’dawn iċ-ċirkustanzi huwa l-iktar l-iktar prova li tikkonferma fatt li l-Kummissjoni normalment tikkunsidra bħala suffiċjentement ippruvati minn provi oħra li jinsabu fil-fajl”.

357    Fl-ewwel lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni dderogat mill-prassi preċedenti tagħha, fejn impriża li ma kinitx tikkontesta l-materjalità tal-fatti allegati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet tibbenefika minn tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta fuqha, skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996.

358    Għalkemm huwa ċertament minnu li l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996 kien jipprovdi, fit-tieni inċiż tal-punt D(2), li impriża setgħet tibbenefika “[…] minn tnaqqis ta’ bejn 10 % u 50 % tal-ammont tal-multa li kieku kienet tiġi imposta fuqha fin-nuqqas ta’ kooperazzji […] jekk […] wara li tirċievi d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, [hija] tinforma lill-Kummissjoni li ma kinitx qed tikkontesta l-materjalità tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-akkużi tagħha”, madankollu l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma għadux jipprovdi tnaqqis tal-ammont tal-multa għal din ir-raġuni. Issa, kif diġà jirriżulta mill-punti 142 u 143 iktar ’il fuq, huwa biss l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 li japplika għat-talbiet tar-rikorrenti peress li dawn, barra minn hekk, saru abbażi ta’ dan l-Avviż.

359    F’kull każ, kif tfakkar fil-punt 225 iktar ’il fuq, il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni.

360    It-tieni nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li Schindler kienet, matul il-proċedura kollha, pprovdiet lill-Kummissjoni informazzjoni dwar il-ksur, li ġiet iċċitata fis-siltiet ewlenin tad-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jallegawx li din il-kollaborazzjoni marret lil hinn minn dak li huwa meħtieġ fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, b’tali mod li l-ilment tagħhom għandu jiġi miċħud. Dan jgħodd ukoll għall-motiv tagħhom, imqajjem fir-replika, li jgħid li l-imsemmija kooperazzjoni tiġġustifika li Schindler tibbenefika minn ċirkustanza attenwanti abbażi tal-Linji gwida tal-1998.

361    Minn dan isegwi li l-motiv għandu jiġi miċħuda kollu kemm hu.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003

362    Ir-rikorrenti jsostnu li l-multi imposti fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għal kull ksur jiksru l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 inkwantu l-Kummissjoni bbażat ruħha, sabiex tiddetermina l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriżi inkwistjoni, fuq id-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji parent tal-gruppi ta’ kumpanniji kkonċernati, pjuttost milli fuq id-dħul mill-bejgħ tas-sussidjarji li pparteċipaw direttament fil-ksur.

363    Ir-rikorrenti jsostnu li ma huwiex possibbli li l-ksur imwettaq mis-sussidjarji jiġi imputat fuq il-kumpanniji parent u li, għaldaqstant, il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ tal-imsemmija sussidjarji.

364    Madankollu, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti ma jallegawx li l-multi imposti fid-deċiżjoni kkontestata jaqbżu l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ li Schindler Holding għamlet matul is-sena finanzjarja preċedenti, għandu bilfors jiġi kkonstatat li dan l-ilment ma jiddistingwixxix ruħu mill-ilmenti eżaminati fil-punti 63 sa 91 iktar ’il fuq, li jirrigwardaw l-imputazzjoni tal-aġir tas-sussidjarji tagħha fuq Schindler Holding. Issa, mill-argumenti żviluppati f’dan ir-rigward jirriżulta li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata li timputa fuq Schindler Holding l-aġir tas-sussidjarji tagħha, li magħhom hija tifforma unità ekonomika. Għalhekk dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kalkolu tal-ammont finali tal-multi

365    Ir-rikorrenti jsostnu li l-ammont finali tal-multi li ġew imposti fuqhom huwa sproporzjonat, sa fejn dan la huwa neċessarju u lanqas ma huwa xieraq sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija, jiġifieri r-repressjoni tal-aġiri illegali u l-prevenzjoni tar-reċidiva. Fil-kawża preżenti, inkwistjoni hemm erba’ ksur iżolati mwettqa minn erba’ kumpanniji differenti, b’tali mod li l-multi imposti ma għandhomx jaqbżu l-10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ kull kumpannija. Ir-rikorrenti jqisu wkoll li, jekk jiġi aċċettat l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li multa ma hijiex sproporzjonata meta ma taqbiżx il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata, dan ikun prattikament ifisser l-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-kawża preżenti, fuq Schindler Belġju u Schindler Lussemburgu ġew imposti multi li jikkorrispondu għal [kunfidenzjali] % tad-dħul mill-bejgħ medju kkonsolidat ta’ Schindler Belġju u ta’ Schindler Lussemburgu [kunfidenzjali]. Fir-rigward ta’ Schindler il-Pajjiżi l-Baxxi, il-multa tikkorrispondi [kunfidenzjali].

366    F’dan ir-rigward għandu preliminarjament jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxa mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, filwaqt li huwa mifhum li, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C‑180/96, Ġabra p. I‑2265, punt 96, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, T‑30/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 223).

367    Minn dan isegwi li l-multi ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxa, jiġifieri meta mqabbla mal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni, u li l-ammont tal-multa imposta fuq impriża minħabba ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jkun proporzjonat mal-ksur, ikkunsidrat globalment, billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tiegħu (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 366 iktar ’il fuq, punt 224). Barra minn hekk, fl-iffissar tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni hija korretta li tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li tiggarantixxi li l-multi jkollhom effett suffiċjentement dissważiv (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punt 108, u s-sentenza Europa Carton vs Il‑Kummissjoni, punt 125 iktar ’il fuq, punt 89).

368    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-akkordji f’din il-kawża kienu jikkonsistu prinċipalment f’kollużjoni sigrieta bejn kompetituri sabiex jaqsmu s-swieq jew jiffriżaw l-ishma tas-suq billi jaqsmu bejniethom il-proġetti ta’ bejgħ u ta’ installazzjoni ta’ liftijiet u/jew ta’ eskalejters ġodda, u sabiex ma jikkompetux bejniethom fir-rigward tal-manutenzjoni u tal-modernizzazzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters (ħlief fil-Ġermanja, fejn l-attività ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni ma kinitx is-suġġett ta’ diskussjonijiet bejn il-membri tal-akkordju). Tali ksur jaqgħu, min-natura tagħhom stess, fost il-ksur l-iktar serju tal-Artikolu 81 KE (premessa 658 tad-deċiżjoni kkontestata).

369    It-tieni nett, il-Kummissjoni, matul il-kalkolu tal-ammont tal-multi, tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-daqs u s-saħħa ekonomika tal-unità ekonomika li taġixxi bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Madankollu, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, l-impriża rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kawża preżenti ma hijiex kull sussidjarja li pparteċipat fil-ksur ikkonstatati fl-Artikolu 1(1), (3) u (4) tad-deċiżjoni kkontestata. Bil-kontra ta’ dan, mill-analiżi preċedenti jirriżulta li l-ksur allegati fil-konfront ta’ Schindler twettqu minn Schindler Holding u s-sussidjarji tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti li jillimitaw ruħhom li jistabbilixxu sproporzjon bejn l-ammont tal-multi imposti mill-Kummissjoni u d-dħul mill-bejgħ magħmul mill-imsemmija sussidjarji, bl-esklużjoni tal-kumpannija parent tagħhom, għandhom jiġu miċħuda.

370    It-tielet nett, fir-rigward tal-proporzjonalità tal-multi meta mqabbla mad-daqs u s-saħħa ekonomika tal-unitajiet ekonomiċi kkonċernati, għandu jitfakkar li mill-argumenti preċedenti jirriżulta li dawn ma jaqbżux il-limitu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li għandu l-għan li jevita li l-multi jkunu sproporzjonati meta mqabbla mal-importanza tal-impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punt 119, u s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, punt 366 iktar ’il fuq, punt 229). F’dan ir-rigward, barra minn hekk mill-fajl jirriżulta li l-ammont totali tal-multi imposti fuq Schindler bid-deċiżjoni kkontestata jirrappreżenta madwar 2 % tad-dħul mill-bejgħ konsolidat li Schindler Holding għamlet matul is-sena finanzjarja preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u dan ma jistax jiġi kkunsidrat bħala sproporzjonat meta mqabbel mad-daqs ta’ din l-impriża.

371    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti hawn fuq, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kalkolu tal-ammont finali tal-multi għandu jiġi miċħud.

372    Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

373    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 87(6) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi liberament dwar l-ispejjeż.

374    Għandu jiġi kkonstatat li dan ir-rikors, sa fejn ġie ppreżentat minn Schindler Management, sar mingħajr suġġett wara li l-Kummissjoni rrettifikat id-deċiżjoni kkontestata. Fid-dawl tal-fatt li l-motivi kollha tar-rikors tqajjmu indistintament mir-rikorrenti kollha, kif ukoll tal-fatt li Schindler Holding, Schindler Belġju, Schindler Ġermanja, Schindler Lussemburgu u Schindler il-Pajjiżi l-Baxxi tilfu, hemm lok li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż tal-Kummissjoni. Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors sa fejn dan ġie ppreżentat minn Schindler Management AG.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Schindler Holding Ltd, Schindler SA, Schindler Deutschland Holding GmbH, Schindler Sàrl u Schindler Liften BV huma kkundannati għall-ispejjeż.

4)      Schindler Management għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

5)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Martins Ribeiro          Wahl                                     Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Lulju 2011.

Firem

Werrej


Il-proċedura amministrattiva

1.  L-investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-Belġju

Il-Ġermanja

Il-Lussemburgu

Il-Pajjiżi l-Baxxi

2.  Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

3.  Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq it-talba għal dikjarazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni f’dak li jirrigwarda Schindler Management

Fuq il-mertu

1.  Osservazzjonijiet preliminari

2.  Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fit-totalitŕ tagħha

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB

Fuq il-motiv ibbażat fuq l-illegalitŕ tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din hija indirizzata lill-Schindler Holding, minħabba n-nuqqas ta’ notifikazzjoni valida

Fuq il-motiv ibbażat fuq l-illegalitŕ tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din żammet lil Schindler Holding responsabbli in solidum

3.  Fuq it-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju nulla poena sine lege

Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Linji gwida tal-1998, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattivitŕ

Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Linji gwida tal-1998, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u, sussidjarjament, fuq in-nuqqas ta’ trasparenza u previdibbiltŕ tagħhom.

Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattivitŕ u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt nemo tenetur, in dubio pro reo u ta’ proporzjonalitŕ kif ukoll fuq użu abbużiv tas-setgħa diskrezzjonali

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju nemo tenetur

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju in dubio pro reo

Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

Fuq ir-raba’ ilment, ibbażat fuq abbuż tas-setgħa diskrezzjonali

Fuq il-motiv ibbażat fuq in-natura konfiskatorja, bi ksur tad-dritt internazzjonali, tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq il-mertu

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Linji gwida tal-1998 u tal-obbligu ta’ motivazzjoni fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi

Osservazzjonijiet preliminari

Id-deċiżjoni kkontestata

Fuq il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna”

Fuq l-allegata illegalità tal-ammonti inizjali tal-multi

–  Fuq l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni

–  Fuq l-ammonti inizjali ġenerali tal-multi

–  Fuq l-ammonti inizjali speċifiċi tal-multi

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Linji gwida tal-1998, tal-prinċipju ta’ bbilanċjar bejn l-aġir skorrett u l-piena, tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ u tal-obbligu ta’ motivazzjoni fit-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu ta’ motivazzjoni fl-għoti tat-tnaqqis tal-ammont tal-multi

Fuq l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002

Fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni

Fuq il-kooperazzjoni ta’ Schindler għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ksur fil-Belġju

Fuq il-kooperazzjoni ta’ Schindler għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ksur fil-Ġermanja

Fuq il-kooperazzjoni ta’ Schindler għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ksur fil-Lussemburgu

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u tal-Linji gwida tal-1998, minħabba tnaqqis insuffiċjenti tal-ammont tal-multi abbażi tan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti.

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ fil-kalkolu tal-ammont finali tal-multi

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


1 – Data kunfidenzjali mħollija barra.