Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ Diċembru 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Corte costituzionale - l-Italja) – Proċeduri kriminali kontra M.A.S., M.B.

(Kawża C-42/17) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 325 TFUE – Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C-105/14, EU:C:2015:555) – Proċedura kriminali li tikkonċerna reati fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi termini ta’ preskrizzjoni li jistgħu jwasslu għall-impunità tar-reati – Preġudizzju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Obbligu li titħalla mhux applikata kull dispożizzjoni tad-dritt intern li tista’ tippreġudika l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri mid-dritt tal-Unjoni – Prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte costituzionale

Partijiet fil-proċeduri kriminali prinċipali

M.A.S., M.B.

fil-preżenza ta’: Presidente del Consiglio dei Ministri

Dispożittiv

L-Artikolu 325(1) u (2) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qorti nazzjonali tħalli mhux applikati, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali fir-rigward ta’ reati marbuta mat-taxxa fuq il-valur miżjud, dispożizzjonijiet interni fil-qasam tal-preskrizzjoni li jaqgħu taħt id-dritt sostantiv nazzjonali u li jipprekludu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali effettivi u dissważivi f’numru kunsiderevoli ta’ każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea jew li jipprevedu termini ta’ preskrizzjoni iqsar għall-każijiet ta’ frodi gravi li jippreġudikaw l-imsemmija interessi minn dawk previsti għall-każijiet li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm tali nuqqas ta’ applikazzjoni ma jwassalx għal ksur tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege minħabba nuqqas ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli jew minħabba l-applikazzjoni retroattiva ta’ leġiżlazzjoni li timponi kundizzjonijiet ta’ inkriminazzjoni iktar iebsa minn dawk fis-seħħ fil-mument tat-twettiq tar-reat.

____________

1     ĠU C 195, 19.6.2017.