Language of document :

Appell ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2017 minn Trasta Komercbanka AS, Ivan Fursin, Igors Buimisters, C & R Invest SIA, Figon Co. Ltd, GCK Holding Netherlands BV, Rikam Holding SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-12 ta’ Settembru 2017 fil-Kawża T-247/16, Trasta Komercbanka AS et vs Il-Bank Ċentrali Ewropew

(Kawża C-669/17 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Trasta Komercbanka AS, Ivan Fursin, Igors Buimisters, C & R Invest SIA, Figon Co. Ltd, GCK Holding Netherlands BV, Rikam Holding SA (rappreżentanti: O.H. Behrends, L. Feddern, M. Kirchner, Rechtsanwälte)

Parti oħra fil-proċedura: il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tad-digriet, jiġifieri d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ma hemmx ħtieġa li tiddeċiedi r-rikors għal annullament ta’ Trasta Komercbankea AS (iktar ’il quddiem “TKB”);

tiddikjara li r-rikors għal annullament ta’ TKB ma huwiex mingħajr skop;

tiddikjara li r-rikors għal annullament huwa ammissibbli;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddetermina r-rikors għal annullament, u

tordna lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iħallas l-ispejjeż tal-appellanti u l-ispejjeż tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta assumiet li r-rimedju ta’ TKB huwa fdat lil-likwidatur. L-appellanti jsostnu li din il-pożizzjoni hija irikonċiljabbli mal-Artikolu 263 TFEU u l-garanzija ta’ rimedju effettiv u kif ukoll numru ta’ prinċipji relatati.

Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta assumiet li r-rikors tal-azzjonisti jissostitwixxi l-abbiltà tal-azzjonisti li jddefendu l-liċenzja ta’ TKB permezz ta’ rikors ta’ TKB innifisha.

Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu numru ta’ żbalji sostantivi ulterjuri inkluż in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju nemo auditur minħabba l-indħil tal-BĊE fir-rimedju ta’ TKB.

Permezz tar-raba’ aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti (inklużi rekwiżiti ta’ forma) għal revoka valida ta’ prokura oriġinalment maħruġa minn TKB.

Permezz tal-ħames aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta applikat l-Artikolu 51(1) minflok l-Artikolu 131 tar-Regoli tal-Proċedura kif ukoll numru ta’ żbalji proċedurali ulterjuri.

____________