Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hessisches Finanzgericht (il-Ġermanja) fis-16 ta’ Jannar 2018 – Federal Express Corporation, Deutsche Niederlassung vs Hauptzollamt Frankfurt am Main

(Kawża C-26/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Hessisches Finanzgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Federal Express Corporation, Deutsche Niederlassung

Konvenut: Hauptzollamt Frankfurt am Main

Domandi preliminari

Importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) u tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 tippreżupponi li l-merkanzija introdotta fit-territorju tal-Unjoni tidħol fis-sistema ekonomika tal-Unjoni jew huwa suffiċjenti li jeżisti sempliċi riskju li din il-merkanzija tidħol f’din is-sistema?

Fil-każ fejn importazzjoni tippreżupponi d-dħul tal-merkanzija fis-sistema ekonomika tal-Unjoni:

Merkanzija introdotta fit-territorju tal-Unjoni tidħol awtomatikament fis-sistema ekonomika tal-Unjoni fil-każ fejn, minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, din ma titqiegħed taħt l-ebda skema fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tad-Direttiva 2006/112 jew, għalkemm tkun ċertament inizjalment tqiegħdet taħt tali skema, minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, sussegwentement ma tibqax suġġetta għal din l-iskema, jew, fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali, id-dħul fis-sistema ekonomika tal-Unjoni jista’ jkun suġġett għall-kundizzjoni li jista’ jiġi preżunt li, minħabba dan il-ksur, il-merkanzija tkun daħlet fis-sistema ekonomika tal-Unjoni fit-territorju fiskali tal-Istat Membru li fih twettaq il-ksur u setgħet kienet is-suġġett ta’ konsum jew ta’ użu?

____________

1 ĠU 2006, L 347, p. 1.