Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja) fis-7 ta’ Marzu 2018 – Club de Variedades Vegetales Protegidas vs Adolfo Juan Martínez Sanchís

(Kawża C-176/18)

Lingwa tal-kawża: Spanja

Qorti tar-rinviju

Tribunal Supremo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Club de Variedades Vegetales Protegidas

Konvenut: Adolfo Juan Martínez Sanchís

Domandi preliminari

Meta bidwi jixtri pjanti ta’ varjetà ta’ pjanti minn mixtla (stabbiliment li jappartjeni lil terzi) u jħawwilhom qabel ma’ jkunu daħlu fis-seħħ l-effetti tal-għoti tal-protezzjoni ta’ din il-varjetà, sabiex l-attività mwettqa sussegwentement mill-bidwi, konsistenti fil-ħsad suċċessiv tas-siġar, tkun koperta mill-ius prohibendi previst fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 1 , għandhom jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu sa fejn dan jitqies li huwa “materjal maħsud”? Jew inkella din l-attività tal-ħsad tikkostitwixxi att ta’ produzzjoni jew ta’ riproduzzjoni tal-varjetà li jagħti lok għall-“materjal maħsud”, li l-projbizzjoni tagħha mill-proprjetarju tal-varjetà ta’ pjanti ma tirrikjedix l-osservanza tar-rekwiżiti tal-paragrafu 3 ?

Hija konformi mal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 , interpretazzjoni li s-sistema ta’ protezzjoni kumulattiva tikkonċerna l-atti kollha previsti fil-paragrafu 2 li jikkonċerna l-“materjal maħsud”, inkluż il-ħsad innifsu, jew inkella unikament l-atti sussegwenti għall-produzzjoni ta’ dan il-materjal maħsud, bħal fil-każ tad-detenzjoni jew tal-kummerċjalizzazzjoni tagħha?

Fil-kuntest tal-applikazzjoni għall-“materjal maħsud” tas-sistema ta’ estensjoni tal-protezzjoni kumulattiva prevista fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 2100/94, huwa neċessarju, sabiex jiġi ssodisfatt l-ewwel rekwiżit, li x-xiri tal-pjanti jkun twettaq wara li l-proprjetarju jkun kiseb il-protezzjoni Komunitarja tal-varjetà ta’ pjanti, jew huwa suffiċjenti li dan ikun ibbenefika, sa dakinhar, minn protezzjoni provviżorja, minkejja l-xiri jkun twettaq matul il-perijodu ta’ bejn il-pubblikazzjoni tat-talba għall-protezzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-effetti tal-għoti tal-protezzjoni tal-varjetà ta’ pjanti?

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390).