Language of document : ECLI:EU:C:2006:197

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

tat-23 ta' Marzu 2006(*)

"Għajnuna mogħtija mill-Istat − Artikoli 87 KE u 88 KE − Kunċett ta' "għajnuna" – Żamma ta' ishma f'impriża privata minn impriża pubblika – Dritt ta' rtirar bil-kundizzjoni li jiġi rrinunzjat minn qabel kull dritt fuq l-assi tal-kumpannija"

Fil-kawża C-237/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale di Cagliari (l-Italja), permezz ta' deċiżjoni ta' l-14 ta' Mejju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta' Ġunju 2004, fil-kawża

Enirisorse SpA

vs

Sotacarbo SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Schintgen (Relatur), R. Silva de Lapuerta, P. Kūris u G. Arestis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas 27 ta' Ottubru 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Enirisorse SpA, minn G. Dore u C. Dore, avvocati,

–       għal Sotacarbo SpA, minn F. Angioni, D. Scano, G. M. Roberti u I. Perego, avvocati,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Di Bucci u E. Righini, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta' Jannar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 43 KE, 44 KE, 48 KE, 49 KE et seq dwar il-libertà ta' l-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif ukoll l-Artikolu 87 KE.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Enirisorse SpA (iktar 'il quddiem "Enirisorse") u Sotacarbo SpA (iktar 'il quddiem "Sotacarbo") dwar ir-rifjut ta' din ta' l-aħħar li tħallas lura lil Enirisorse l-valur ta' l-ishma li din kellha f'Sotacarbo meta rtirat il-kapital minn Sotacarbo.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

3       L-Artikolu 2437 tal-Kodiċi Ċivili Taljan jipprovdi li:

"Il-membri li jopponu deċiżjoni dwar tibdil fl-għanijiet jew it-tip tal-kumpannija, jew it-trasferiment ta' l-uffiċċju rreġistrat barra mill-pajjiż, għandhom id-dritt li jirtiraw mill-kumpannija u li jiksbu l-fidwa ta' l-ishma tagħhom skond il-prezz medju ta' l-aħħar semestru, jekk dawn huma kkwotati fil-borża, jew fil-każ kuntrarju, approporzjon ta' l-assi tal-kumpannija skond il-kontabilità ta' l-aħħar sena finanzjarja.

Id-dikjarazzjoni ta' l-irtirar għandha tiġi kkomunikata, permezz ta' ittra reġistrata, mill-azzjonisti li jkunu ħadu sehem fil-laqgħa mhux aktar tard minn tlett ijiem minn meta tkun intemmet din il-laqgħa, u mill-azzjonisti li ma jkunux ħadu sehem mhux aktar tard minn ħmistax-il ġurnata mid-data tar-reġistrazzjoni tad-deċiżjoni fir-reġistru tal-kumpanniji.

Kull ftehim li jeskludi d-dritt ta' l-irtirar jew jagħmlu aktar oneruż huwa null"

4       Skond l-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 351 tas-27 ta' Ġunju 1985 (GURI Nru 166 tas-16 ta' Lulju 1985, p. 5019, iktar 'il quddiem il-"Liġi Nru 351/1985"):

"1. L-ENI, l-ENEL u l-ENEA huma awtorizzati jiffurmaw kumpannija pubblika ta' responsabbilità limitata li għandha bħala għan l-iżvilupp ta' teknoloġiji innovativi u avvanżati fl-użu tal-faħam (arrikkiment, tekniki ta' kombustjoni, gassifikazzjoni, karbokimika, etc.) permezz ta':

         a) l-ftuħ, f'Sardinja, taċ-ċentru ta' riċerka msemmi fl-Artikolu 1(m) tal-Liġi Nru 110 tad-9 ta' Marzu 1985;

         b) l-ippjanar u l-ikkompletar ta' impjanti li jippermettu innovazzjonijiet teknoliġiċi fl-użu tal-faħam;

         c) l-ikkompletar ta' impjanti industrijali għall-użu tal-faħam għal finijiet differenti mill-kombustjoni.

2. L-ispejjeż biex tiġi ffurmata l-kumpannija pubblika ta' responsabbilità limitata msemmija f'dan l-Artikolu huma maqtugħa kontra l-krediti msemmija fl-Artikolu 6 ta' din il-liġi.

[…]

4. L-entitajiet imsemmija fl-ewwel inċiż ta' dan l-Artikolu huma awtorizzati, kemm b'fondi tagħhom stess kemm b'mezzi li jiġu allokati lilhom mil-liġi ta' l-Istat, jikkontribwixxu għall-investiment neċessarju sabiex tiġi kkompletata l-fażi industrijali tal-proġett ta' żvilupp tat-teknoloġiji avanzati għall-użu tal-faħam.

[…]"

5       L-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 351/1985 jipprovdi li "l-ispejjeż derivanti mill-applikazzjoni ta' din il-liġi, li ser ikunu ta' 80 biljun ITL għas-sena 1985, ta' 90 biljun ITL għas-sena 1986 u ta' 100 biljun ITL għas-sena 1987, jitħallsu permezz ta' tnaqqis korrispondenti fil-baġit previst għall-finijiet tal-baġit għat-tliet snin 1985-1987, fil-kapitolu 9001 ta' estimi tal-Ministeru tat-Teżor għas-sena finanzjarja 1985, billi għal dan il-għan tintuża r-riżerva ‘Interventi favur ir-reġjun ta' Sardinja fis-settur ta' l-enerġija minerali b'sostituzzjoni ta' dak tal-programm ġenerali ta' metanizzazzjoni."

6       L-Artikolu 7(4) u (5) tal-Liġi Nru 140 tal-11 ta' Mejju 1999 (GURI Nru 117, tal-21 ta' Mejju 1999, p. 4, iktar 'il quddiem il-"Liġi Nru 140/1999" ) jipprovdi:

"4. L-ENI u l-ENEL huma awtorizzati jirtiraw mill-kumpannija pubblika ta' responsabbiltà limitata msemmija fl-Artikolu 5(1) tal-Liġi Nru 351 tas-27 ta' Ġunju 1985, iffurmata sabiex tiżviluppa teknoloġiji innovattivi u avvanzati fl-użu tal-faħam li jiġi estratt mill-minjiera tal-faħam ta' Sulcis, wara li jitħallas il-bilanċ ta' l-ishma li għadu ma tħallasx.

5. Il-kumpannija msemmija fl-Artikolu 7(4) għandha tippreżenta, fi żmien disgħin ġurnata li jibdew jiddekorru minn meta tidħol fis-seħħ din il-liġi, pjan ġdid ta' attività għat-tkomplija ta' l-attivitajiet tagħha."

7       L-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 273 tat-12 ta' Diċembru 2002 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 293, ta' l-14 ta' Diċembru 2002, iktar 'il quddiem il-"Liġi Nru 273/2002") jipprovdi kif ġej:

"Sabiex jiġu ggarantiti r-riżorsi finanzjarji neċessarji għall-implementazzjoni min-naħa ta' Sotacarbo tal-pjan ta' attività msemmi fl-Artikolu 7(5) tal-Liġi Nru 140 tal-11 ta' Mejju 1999, il-membri tal-kumpannija għandhom iħallsu l-bilanċ ta' l-ishma li għadu ma tħallasx fi żmien 60 ġurnata mid-data tad-dħul fis-seħħ din il-liġi u għandhom id-dritt li jirtiraw minnha sakemm jirrinunzjaw għal kull dritt fuq l-assi tal-kumpannija u sakemm iħallsu l-bilanċ ta' l-ishma li għadu dovut. Id-dikjarazzjonijiet ta' irtirar li diġà ġew kommunikati lil Sotacarbo SpA. skond l-Artikolu 7(4) tal-Liġi Nru 140 ta' l-1999 iċċitata iktar 'il fuq, jistgħu jiġu revokati fi żmien 30 ġurnata mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din il-liġi. Wara li jgħaddi dan it-terminu, l-irtirar jitqies bħala definittiv b'aċċettazzjoni sħiħa tal-kundizzjonijiet isemmija hawn fuq, min-naħa tal-membri li rrinunzjaw."

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8       Il-kumpannija msemmija fl-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 351/1985 ġiet iffurmata bl-isem Sotacarbo. It-tliet membri kienu rispettivament impriżi pubbliċi (Ente nazionali idrocarburi, iktar 'il quddiem l-"ENI" u Enter nazionali per l'energia elettrica, iktar' ilquddiem l-"ENEL") u korp pubbliku (Comitato nazionale per la ricerca e lo sviluppo dell'energia nucleare e delle energie alternative, iktar 'il quddiem l-"ENEA"). Kif jirriżulta mill-Artikolu 6 ta' din il-liġi, l-Istat iffinanzja l-formazzjoni ta' Sotacarbo.

9       Fl-1987, ENI ħallset lil Sotacarbo l-ammont ta' 12 708 900 033 ITL bħala kontribuzzjoni għall-kapital, sabiex jinbena ċentru ta' riċerka fuq il-faħam f'Sardinja.

10     Fl-1992 ENI u ENEL ġew ipprivatizzati u mibdula f'kumpannijji pubbliċi ta' responsabbiltà limitata. L-ENI, li ma kinitx aktar interessata żżomm l-ishma tagħha f'Sotacarbo, ttrasferiethom lill-kumpannija sussidjarja tagħha Enirisorse. Din ta' l-aħħar, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 7(4) tal-Liġi Nru 140/1999, eżerċitat id-dritt tagħha li tirtira minn Sotacarbo u ħallset somma ekwivalenti għall-bilanċ ta' l-ishma li kien għadu ma tħallasx. Hi fl-istess ħin talbet lil Sotacarbo sabiex tirrifondi l-ishma tagħha approporzjon ta' l-assi ta' din ta' l-aħħar.

11     Sotacarbo m'aċċettatx din it-talba u fit-12 ta' Marzu 2001 infurmat lil Enirisorse li waqt il-laqgħa straordinarja tat-12 ta' Frar ta' l-istess sena, ġie deċiż li kellhom jiġu kkanċellati l-ishma ta' Enirisorse mingħajr ma tingħata rifużjoni tal-valur tagħhom .

12     Enirisorse ressqet appell quddiem it-Tribunale di Cagliari sabiex tikseb rifużjoni tal-valur ta' l-ishma in kwistjoni. A sostenn tar-rikors tagħha, hi osservat li l-Artikolu 7(4) tal-Liġi Nru 140/1999 kien irrikonoxxa d-dritt tagħha li tirtira minn Sotacarbo u li, konformement ma' l-Artikolu 2437 tal-Kodiċi Ċivili, din ta' l-aħħar kienet marbuta tirrifondilha l-valur ta' l-ishma in kwistjoni.

13     Id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 273/2002, adottata wara li Enirisorse ppreżentat ir-rikors tagħha, u b'mod partikolari l-Artikolu 33 ta' din il-liġi, wasslet lil Enirisorse sabiex titlob lit-Tribunale di Cagliari biex iġib il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex isir jaf b'mod partikolari jekk miżura bħal dik fl-Artikolu 33 ta' l-imsemmija liġi hijiex għajnuna mogħtija mill-Istat skond l-Artikolu 87 KE.

14     Peress li t-Tribunale di Cagliari minn naħa kkunsidra li Sotacarbo bbenefikat permezz ta' l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 273/2002 minn sussidju li għandu jiġi evalwat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat, u min-naħa l-oħra kellu xi dubji fuq il-kompatibbiltà ta' dan l-Artikolu mal-prinċipju tat-trattament ugwali "f'ekonomija tas-suq", huwa ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      L-Artikolu 33 tal-Liġi Nru [273/2002] jikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat favur Sotacarbo SpA li hija inkompatibbli ma' l-Artikolu 87 KE, u li hija wkoll illegali minħabba li ma ġiex notifikata konformement ma' l-Artikolu 88(3) KE?

2)      L-imsemmi Artikolu huwa kuntrarju għall-Artikoli 43 KE, 44 KE, 48 KE, 49 KE et seq dwar il-libertà ta' l-istabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi?"

 Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi għal deċiżjoni preliminari

 L-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

15     Preliminarjament, Sotacarbo tosserva li fid-dawl tal-kriterji identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ammissibbiltà tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-każ in kwistjoni, għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli. Fil-fatt, fl-ewwel lok, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tagħti l-ebda deskrizzjoni, tan-natura ġuridika speċifika tal-kumpannija Sotacarbo, ta' l-inkarigu ta' interess pubbliku mogħti lil din ta' l-aħħar jew tas-sistema legali partikolari li tirregola din il-kumpannija. Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju ma ddeskrivietx biżżejjed il-kuntest ġuridiku li fih jaqa' l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 273/2002. Fit-tielet lok, id-deċiżjoni tat-rinviju ma tat l-ebda spjegazzjoni dwar ir-rabta li hemm bejn l-Artikoli tat-Trattat li dwarhom tittratta l-ewwel domanda u dawk imsemmija fit-tieni domanda. Għaldaqstant, it-tieni domanda hija nieqsa minn kull rilevanza għall-eżitu tal-kawża prinċipali.

16     Min-naħa tagħhom, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jfakkru li, kif jirriżulta mis-sentenza tas-17 ta' Ġunju 1999, Piaggio (C-295/97, Ġabra p. I-3735, punti 29 sa 33), fil-kuntest ta' rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandiex il-kompetenza li tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà ta' eventwali għajnuna mogħtija mill-Istat mas-suq komuni. B'hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' biss tevalwa jekk id-dispożizzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali tidħolx jew le fil-kunċett ta' "għajnuna mogħtija mill-Istat". F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gvern Taljan josserva li l-parti ta' l-ewwel domanda għal deċiżjoni preliminari magħmula sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżura fil-kawża prinċipali hijiex għajnuna mogħtija mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni hija inammissibbli. Il-Kummissjoni min-naħa tagħha tipproponi li din l-ewwel domanda tiġi riformulata sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tagħti tweġiba utli lill-Qorti nazzjonali. Dwar it-tieni domanda għal deċiżjoni preliminari, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni josservaw li, peress li l-qorti tar-rinviju ma indikatx il-motivi preciżi li wassluha biex tagħmel din id-domanda, din hija inammissibbli.

 It-tweġiba tal-Qorti tal-Ġustizzja

17     Għandu qabel kollox jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun utli għall-qorti nazzjonali tirrikjedi li din ta' l-aħħar tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih iridu jinqraw id-domandi li qiegħda tistaqsi jew li, għall-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta' Settembru 1999, Brentjens’, C-115/97 sa C-117/97, Ġabra p. I-6025, punt 38; tal-11 ta' Settembru 2003, Altair Chimica, C-207/01, Ġabra p. I-8875, punt 24, u tad-9 ta' Settembru 2004, Carbonati Apuani, C-72/03, Ġabra p. I-8027, punt 10).

18     B'hekk, l-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju m'għandhiex biss tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti tweġibiet utli, iżda għandha wkoll tagħti lill-Gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet interessati l-oħra l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skond l-Artikolu 23 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija r-responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li tassigura li din il-possibbiltà tkun salvagwardata, kont meħud tal-fatt li, skond id-dispożizzjoni msemmija qabel, id-deċiżjonijiet tar-rinviju biss huma nnotifikati lill-partijiet interessati (ara b'mod partikolari, id-digrieti tat-30 ta' April 1998, Testa u Modesti, C-128/97 u C-137/97, Ġabra p. I-2181, punt 6; tal-11 ta' Mejju 1999, Anssens, C-325/98, Ġabra p. I-2969, punt 8, kif ukoll is-sentenza Altair Chimica, iċċitata iktar 'il fuq, punt 25).

19     F'dan il-każ, id-deċiżjoni ta' rinviju turi, fil-qosor imma b'mod preċiż, il-kuntest ġuridiku nazzjonali relevanti kif ukoll l-oriġini u n-natura tal-kawża. Minn dan isegwi li l-qorti ta' rinviju ddefiniet adegwatament il-kuntest kemm fattwali kif ukoll ġuridiku li fih hi fformulat it-talba tagħha għal interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u li, hi forniet lill-Qorti tal-Ġustizzja l-informazzjoni kollha neċessarja biex tagħtiha l-possibbiltà li tirrispondi l-imsemmija domanda b'mod utli.

20     Għaldaqstant, l-argument ta' Sotacarbo intiż biex id-domanda għal deċiżjoni preliminari kollha kemm hi tiġi ddikjarata inammissibbli għandu jiġi miċħuda.

21     Barra min hekk, b'mod partikolari fir-rigward tat-tieni domanda għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti spjegazzjoni minima fuq ir-raġunijiet għall-għażla tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li qed tintalab l-interpretazzjoni tagħhom u fuq ir-rabta li hemm bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża (digriet tat-28 ta' Ġunju 2000, Laguillaumie, C‑116/00, Ġabra p. I‑4979, punt 16, u s-sentenza Carbonati Apuani, iċċitata iktar 'il fuq, punt 11).

22     Għandu jiġi kkonstatat li f'dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma tat l-ebda indikazzjoni dwar ir-raġunijiet għall-għażla tagħha tad-dispożizzjonijiet Kommunitarji msemmija fit-tieni domanda tagħha. Għaldaqstant, din ta' l-aħħar għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

23     Fl-aħħar nett, f'dak li jirrigwarda l-ewwel domanda għal deċiżjoni preliminari, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta' miżuri ta' għajnuna, jew ta' skema ta' għajnuna mas-suq komuni taqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li hija suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti Komunitarju (sentenzi tal-21 ta' Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, C-354/90 , Ġabra p. I-5505, punt 14; tal-11 ta' Lulju 1996, SFEI et, C-39/94 , Ġabra p. I-3547, punt 42, kif ukoll Piaggio, iċċittata iktar 'il fuq, punt 31). Konsegwentement, qorti nazzjonali ma tistax, fil-kuntest ta' rinviju għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domandi rigward il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta' għajnuna mogħtija mill-Istat jew ta' skema ta' għajnuna (digriet ta' l-24 ta' Lulju 2003, Sicilcassa et, C-297/01, Ġabra p. I-7849, punt 47).

24     Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddeċidiet li, minkejja li mhijiex kompetenti biex tiddeċiedi, fil-kuntest ta' proċedura ppreżentata skond l-Artikolu 234 KE, fuq il-kompattibbiltà tan-normi tad-dritt nazzjonali mad-dritt Komunitarju, jew li tinterpreta liġijiet jew regolamenti nazzjonali, hija madankollu kompetenti sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta' interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju rilevanti, li jistgħu jippermettulha tevalwa tali kompattibbiltà sabiex taqta' l-kawża li jkollha quddiemha (ara b'mod partikolari s-sentenzi tal-15 ta' Diċembru 1993, Hünermund et, C‑292/92, Ġabra p. I‑6787, punt 8; tat-3 ta' Mejju 2001, Verdonck et, C‑28/99, Ġabra p. I-3399, punt 28; tat-12 ta' Lulju 2001, Ordine degli Architetti et, C‑399/98, Ġabra p. I-5409, punt 48, kif ukoll tas-27 ta' Novembru 2001, Lombardini u Mantovani, C‑285/99 u C‑286/99, Ġabra p. I-9233, punt 27).

25     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel domanda għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli biss sakemm il-qorti nazzjonali qed titlob li jiġi stabbilit jekk miżura nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li, tagħti l-fakultà lill-membri ta' kumpannija kkontrollata mill-Istat, li tidderoga mil-liġi ordinarja, li jiirtiraw minn din il-kumpannija bil-kundizzjoni li jirrinunzjaw għal kull dritt fuq l-assi ta' l-imsemmija kumpannija, għandhiex tiġi kkunsidrata bħala għajnuna mogħtija mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE.

 Fuq l-ewwel domanda

26     Qabel kollox għandu jiġi mfakkar li d-domanda hekk kif riformulata tirrigwarda biss l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 87(1) KE. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni humiex sodissfatti.

27     Fl-ewwel lok għandu jiġi stabbilit jekk Sotacarbo tikkostitwixxix kumpannija skond it-tifsira ta' l-imsemmija dispożizzjoni.

28     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest tad-dritt dwar il-kompetizzjoni, il-kunċett ta' "impriża" jinkludi l-entitajiet kollha li jeżerċitaw attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta' din l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata (ara b'mod partikolari s-sentenzi tat-23 ta' April 1991, Höfner u Elser, C-41/90, Ġabra p. I-1979, punt 21; tal-21 ta' Settembru 1999, Albany, C‑67/96, Ġabra p. I-5751, punt 77; tat-12 ta' Settembru 2000, Pavlov et, C‑180/98 sa C‑184/98, Ġabra p. I-6451, punt 74, kif ukoll ta' l-10 ta' Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C-222/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 107).

29     Kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta' proprjetà jew servizzi f'suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (sentenzi tas-16 ta' Ġunju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 118/85, Ġabra p. 2599, punt 7; tat- 18 ta' Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-35/96, Ġabra p. I-3851, punt 36; Pavlov et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 75, kif ukoll Cassa di Risparmio di Firenze et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 108).

30     F'dan il-każ, għalkemm l-evalwazzjoni definittiva f'dan ir-rigward hija f'idejn il-qorti nazzjonali, għandu jiġi kkonstatat li varji elementi tal-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja juru li jista' jkun li l-attività ta' Sotacarbo hija ta' natura ekonomika.

31     Fil-fatt kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, Sotacarbo għandha b'mod partikolari l-kompitu li tiżviluppa teknoloġiji ġodda fl-użu tal-faħam u li tagħti servizz ta' sostenn speċjalizzat lill-awtoritajiet amministrattivi, korpi pubbliċi u kumpanniji interessati fl-iżvilupp ta' dawn it-teknoloġiji. L-attività ekonomika ta' impriża ġeneralment tikkonsisti proprju f'dan it-tip ta' attività. Barra minn mhuwiex ikkontestat li Sotacarbo għandha l-għan li tagħmel profitt.

32     Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Taljan, m'għandhomx jitqajmu dubji dwar din l-evalwazzjoni minħabba l-fatt li Sotacarbo ġiet iffurmata minn impriżi pubbliċi u ffinanazjata, sabiex teżerċita ċerti attivitajiet ta' riċerka, permezz ta' riżorsi li ġew mill-Istat Taljan.

33     Fil-fatt, minn naħa jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li s-sors ta' ffinanzjar mhuwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk entità teżerċitax attività ekonomika (ara l-punt 28 ta' din is-sentenza).

34     Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li entità tkun ġiet fdata b'ċerti inkarigi fl-interess pubbliku ma jistax jimpedixxi li l-attivitajiet in kwistjoni jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ekonomiċi (ara f'dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta' Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C‑475/99, Ġabra p. I-8089, punt 21).

35     Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni Sotacarbo, il-fatt li nħalqet biex teżerċita ċerti operazzjonijiet ta' riċerka mhuwiex determinanti f'dan ir-rigward.

36     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li Sotacarbo teżerċita attività ekonomika, u, għaldaqstant, hi tista' tiġi kkunsidrata bħala impriża skond it-tifsira ta' l-Artikolu 87(1) KE.

37     Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-elementi differenti li jikkostitwixxu l-kunċett ta' għajnuna mogħtija mill-Istat li hu inkluż fl-imsemmija dispożizzjoni.

38     Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-kwalifika ta' għajnuna mogħtija mill-Istat titlob li l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 87(1) KE jkunu sodisfatti (ara s-sentenzi tal-21 ta' Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala "Tubemeuse", C-142/87, Ġabra p. I-959, punt 25; ta' l-14 ta' Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-278/92 sa C-280/92, Ġabra p. I-4103, punt 20; tas-16 ta' Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, Ġabra p. I‑4397, punt 68, u ta' l-24 ta' Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, Ġabra p. I-7747, punt 74).

39     B'hekk, fl-ewwel lok għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta' riżorsi ta' l-Istat. Fit-tieni lok, dan l-intervent għandu jkun jista' jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fit-tielet lok, l-intervent irid jiffavorixxi lill-benefiċjarju. Fir-raba' lok, irid iwassal għal distorsjoni jew ikun theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni (ara s-sentenzi Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar 'il fuq, punt 75, u tat-3 ta' Marzu 2005, Heiser, C‑172/03, Ġabra p. I-1627, punt 27).

40     F'dan il-każ, minħabba li l-osservazzjonijiet tal-partijiet jittrattaw pronċipalment dwar it-tielet kundizzjonijiet, din għandha tiġi eżaminata l-ewwel.

41     Għalhekk, mentri l-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni li l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 273/2002 jikkostitwixxi vantaġġ skond l-Artikolu 87(1) KE għal Sotacarbo, din ta' l-aħħar, sostnuta mill-Kummissjoni, tikkunsidra li dan mhuwiex il-każ.

42     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li l-kunċett ta' għajnuna jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi imma wkoll interventi li taħt forom differenti, jtaffu l-oneri li normalment huma ta' piż fuq il-baġit ta' impriża u li għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji skond it-tifsira stretta tal-kelma, huma ta' l-istess natura, u għandhom effetti identiċi (ara b'mod partikolari s-sentenzi, tat-8 ta' Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C‑143/99, Ġabra p. I-8365, punt 38, u Heiser, iċċitata iktar 'il fuq, punt 36).

43     F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Liġijiet Nri 140/1999 u 273/2002, li, kif fakkar ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistgħux jiġu kkunsidrati b'mod iżolat, jistabbilixxu deroga mid-dispożizzjonijiet tal-liġi ordinarja li tirregola d-dritt ta' rtirar ta' azzjonisti ta' kumpanniji pubbliċi ta' responsabbiltà limitata li joħroġ, b'mod partikolari, mill-Artikolu 2437 tal-Kodiċi Ċivili. Fil-fatt, dan ta' l-aħħar jagħti dritt lill-azzjonisti li jirtiraw biss jekk jopponu deċiżjonijiet li jikkonċernaw tibdil fl-għanijiet jew it-tip ta' kumpannija, jew it-trasferiment barra mill-pajjiż ta' l-uffiċju reġistrat.

44     Għaldaqstant, il-Liġi Nru 140/1999 toffri lill-azzjonisti tal-kumpannija Sotacarbo l-fakultà eċċezzjonali li jirtiraw mill-kumpannija, jekk iħallsu l-bilanċ dovut fuq l-ishma li għadu ma tħallasx, ħaġa li ma kinux jistgħu jibbenefikaw minnha li kieku din il-liġi ma ġietx adottata, minħabba li fil-kawża prinċipali l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 2437 ma kinux sodisfatti .

45     Barra minn hekk, l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 273/2002 jeskludi l-ħlas lura lill-membri biss fil-każ fejn ikunu għamlu użu minn din il-fakultà, li tidderoga mil-liġi ordinarja.

46     L-imsemmija fakultà m'għandhiex titqies bħala vantaġġ għal Sotacarbo, skond it-tifsira ta' l-Artikolu 87(1) KE.

47     Fil-fatt, kif ġustament osservat il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma toffri l-ebda vantaġġ, la lill-azzjonisti, li eċċezzjonalment jistgħu jirtiraw minn Sotacarbo mingħajr ma jiksbu l-ħlas lura ta' l-ishma tagħhom, u lanqas lill-imsemmija kumpannija, minħabba li l-azzjonisti huma awtorizzati imma mhux obbligati li jirtiraw mill-kumpannija anke meta l-kundizzjonijiet previsti f'dan ir-rigward mil-liġi ordinarja ma jkunux sodisfatti .

48     Minn dan isegwi li kulma tagħmel il-Liġi Nru 273/2002 hu li tevita li fuq il-bilanċ ta' Sotacarbo jaggrava oneru li, f'ċirkustanzi normali, ma kienx jeżisti. Għaldaqstant, din il-liġi tirregola biss il-fakultà ta' rtirar mogħtija eċċezzjonalment lill-azzjonisti ta' l-imsemmija kumpannija mil-Liġi Nru 140/1999 mingħajr ma hija intiża biex tnaqqas xi oneru li din l-istess kumpannija kien normalment ikollha tissapporti.

49     F'dan ir-rigward, għandu jiġi miżjud li kieku l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 273/2002 kien jeskludi d-dritt għall-ħlas lura anke fil-każ ta' irtirar taħt il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 2437 tal-Kodiċi Ċivili, l-imsemmija dispożizzjoni setgħet tikkostitwixxi vantaġġ skond l-Artikolu 87(1) KE. Mid-dokumenti ppreżentati lill-Qorti ma jidhirx li dan huwa l-każ.

50     Peress li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 87(1) KE huma kumulattivi (ara l-punt 38 ta' din is-sentenza) mhemmx lok li jiġi eżaminat jekk f'dan il-każ jeżistux l-elementi l-oħra tal-kunċett ta' għajnuna mogħtija mill-Istat.

51     Għaldaqstant, it-tweġiba għall-ewwel domanda għandha tkun li, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lill-membri ta' kumpannija kkontrollata mill-Istat il-fakultà, li tidderoga mil-liġi ordinarja, ta' rtirar minn din il-kupannija bil-kundizzjoni li jiġi rrinunzjat kull dritt li għandhom fuq assi ta' l-imsemmija kumpannija, ma tistax tikkwalifika bħala għajnuna mogħtija mill-Istat skond it-tifsira ta' l-Artikolu 87 KE.

 Fuq l-ispejjeż

52     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-Qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lill-membri ta' kumpannija kkontrollata mill-Istat il-fakultà, li tidderoga mil-liġi ordinarja, ta' rtirar minn din il-kupannija bil-kundizzjoni li jiġi rrinunzjat kull dritt li għandhom fuq assi ta' l-imsemmija kumpannija, ma tistax tikkwalifika bħala għajnuna mogħtija mill-Istat skond it-tifsira ta' l-Artikolu 87 KE.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.