Language of document : ECLI:EU:C:2014:2394

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fl-20 ta’ Novembru 2014 (1)

Kawża C‑507/13

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

vs

Il-Parlament Ewropew

u

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment — Rikors għal annullament — Direttiva 2013/36/UE — Artikoli 94(1)(g) u 94(2) u l-Artikolu 162(1) u (3) — Iffissar ta’ proporzjonijiet bejn il-komponenti fissi u varjabbli tar-remunerazzjoni pagabbli lil impjegati ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni — Regolament 575/2013 — Artikoli 450(1)(d)(i) u (j) u 521(2) — Żvelar ta’ ċerta informazzjoni li tirrigwarda r-remunerazzjoni — Għażla tal-bażi legali — Prinċipji ta’ proporzjonalità, sussidjarjetà u ċertezza legali — Ultra vires — Protezzjoni tad-data personali — Dritt internazzjonali konswetudinarju — Effett extraterritorjali tal-UE, Artikolu 94(1)(g) tad-Direttiva 2013/36/UE”





I –    Introduzzjoni

1.        F’dawn il-kawżi, ir-Renju Unit qed jitlob l-annullament ta’ numru limitat ta’ dispożizzjonijiet ta’ ċerti atti leġiżlattivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem it-“TFUE”). Ir-rikors għal annullament jirrigwarda l-“Pakkett DRK-IV”, li daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Lulju 2013. Il-pakkett jikkonsisti f’Direttiva tar-Rekwiżiti tal-Kapital ġdida, jiġifieri d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (2) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva DRK IV”) u Regolament tar-Rekwiżiti tal-Kapital ġdid, jiġifieri r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (3) (iktar ’il quddiem imsejjaħ ir-“Regolament RK”).

2.        Ir-Renju Unit qiegħed jikkontesta l-Artikoli 94(1)(g), 94(2) u 162(1) u (3) tad-Direttiva DRK IV, u l-Artikoli 450(1)(d), 450(1)(i), 450(1)(j) u 521(2) tar-Regolament RK.

3.        Essenzjalment, ir-Renju Unit joġġezzjona għad-Direttiva DRK IV sa fejn fiha, fl-Artikolu 94(1)(g), dispożizzjonijiet li jagħmlu indiċi tar-remunerazzjoni varjabbli mar-remunerazzjoni fissa fir-rigward ta’ individwi li l-attivitajiet professjonali tagħhom jolqtu l-profil tar-riskju ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment (4) (iktar ’il quddiem imsejħin “istituzzjonijiet finanzjarji”) li magħhom huma impjegati. Sabiex jiġu solvuti l-kwistjonijiet legali preżenti, fil-fehma tiegħi dan l-arranġament għandu jiġi deskritt bħala “maximum fixed ratio for variable remuneration [proporzjon fiss massimu għal remunerazzjoni varjabbli]” pjuttost milli “cap on bankers bonuses [limitu fuq il-bonuses tal-bankiera]” (5). Kif ser nuri fl-analiżi li ġejja, dan huwa kruċjali għall-evalwazzjoni tal-legalità tal-proporzjon tal-perċentwali li qiegħed fil-qofol tal-kontestazzjoni tar-Renju Unit.

4.        L-Artikolu 94(1)(g)(i) tad-Direttiva DRK IV jgħid li l-komponent varjabbli ta’ remunerazzjoni ma għandux jaqbeż il-100 % tal-komponent fiss tar-remunerazzjoni totali għal kull individwu, u jżid xi regoli addizzjonali, inkluża l-għażla li tippermetti lill-Istati Membri li jħallu lill-azzjonisti li jżidu l-proporzjon sa 200 %, taħt ċerti kundizzjonijiet, u awtorizzazzjoni għall-Istati Membri li jistabbilixxu perċentwali massima iktar baxxa (l-Artikolu 94(1)(g)(ii) tad-Direttiva DRK IV).

5.        Fir-rigward tar-Regolament RK, ir-Renju Unit jikkontesta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 450(1)(d) u (i) tiegħu, li jistabbilixxu, rispettivament, l-iżvelar obbligatorju minn istituzzjonijiet finanzjarji tal-proporzjonijiet bejn ir-remunerazzjoni varjabbli stabbilita skont l-Artikolu 94(1)(g) tad-Direttiva DRK IV u n-numru ta’ individwi rremunerati iktar minn ċertu limitu. Ir-Renju Unit jikkontesta wkoll il-validità tal-Artikolu 450(1)(j) li jeħtieġ l-iżvelar mill-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ informazzjoni dwar ir-remunerazzjoni, wara talba mill-Istat Membru jew awtorità kompetenti, dwar ir-remunerazzjoni totali għal kull membru tal-korp ta’ amministrazzjoni jew tal-amministrazzjoni għolja.

6.        L-azzjoni tar-Renju Unit hija maqsuma f’sitt motivi. Skont l-ewwel motiv, il-bażi legali għal kull waħda mill-miżuri kkontestati hija skorretta, ħlief għall-Artikolu 162(1) u (3) tad-Direttiva DRK IV u l-Artikolu 521(2) tar-Regolament RK. It-tieni motiv jikkontesta l-validità tal-Artikolu 94(1)(g) tad-Direttiva DRK IV u l-Artikolu 450(1)(i) u (j) tar-Regolament RK b’riferiment għall-prinċipju ta’ proporzjonalità u/jew il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, filwaqt li t-tielet motiv huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali u huwa ristrett għall-kontestazzjoni tal-Artikolu 162(3) tad-Direttiva DRK IV. Skont ir-raba’ motiv, l-għoti ta’ setgħat lill-Awtorità Bankarja Ewropea (l-“ABE”) skont l-Artikolu 94(2) tad-Direttiva DRK IV jingħad li huwa ultra vires. Skont il-ħames motiv, ir-Renju Unit jgħid li l-Artikolu 450(1)(j) tar-Regolament RK jikser id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u l-prinċipji legali dwar il-protezzjoni tad-data personali. Skont is-sitt motiv, sa fejn l-Artikolu 94(1)(g) tad-Direttiva DRK IV huwa meħtieġ li jiġi applikat fil-konfront ta’ impjegati ta’ istituzzjonijiet barra ż-ŻEE, dan jikser il-prinċipju kontra l-extraterritorjalità skont id-dritt internazzjonali konswetudinarju.

7.        Il-motivi kollha msemmijin iktar ’il fuq huma kkontestati bil-qawwa mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni bħala intervenjenti.

8.        L-argumenti mressqin mir-Renju Unit għandhom merti varjabbli, bl-ewwel wieħed minnhom jipprovdi raġunijiet konvinċenti biex tiġi ddubitata l-validità tal-miżuri kkontestati. Billi dan huwa l-każ, ser nittratta l-ewwel il-ħames motivi li fihom inqas mertu, nibda bis-sitt wieħed u nispiċċa bit-tieni, u ser nindirizza l-ewwel motiv fl-aħħar.

II – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

9.        Ir-Renju Unit, b’rikors li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Settembru 2013, għamlet kawża kontra l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 263 TFUE fejn talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-Artikoli 94(1)(g), 94(2) u 162(1) u (3) tad-Direttiva DRK IV, u l-Artikoli 450(1)(d), 450(1)(i), 450(1)(j) u 521(2) tar-Regolament RK, u tordna lill-konvenut iħallas l-ispejjeż tar-rikors.

10.      Fid-difiża tagħhom, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jsostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu għal raġunijiet sostantivi u tikkundanna lir-Renju Unit għall-ispejjeż. Ir-Renju Unit irrisponda lill-istituzzjonijiet konvenuti li min-naħa tagħhom ippreżentaw repliki għar-risposta tar-Renju Unit.

11.      Il-Kummissjoni Ewropea intervjeniet insostenn tal-Parlament u l-Kunsill. Ir-Renju Unit għamel osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni.

12.      Ir-Renju Unit, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li nżammet fit-8 ta’ Settembru 2014.

III – Osservazzjonijiet Preliminari

A –    Sfond tad-Direttiva DRK IV u tar-Regolament RK

13.      Il-kriżi finanzjarja globali, li kienet marbuta mal-kollass tal-Bank tal-Investiment Lehman Brothers f’Settembru 2008, esponiet id-dgħufiji fis-sistema legali tal-UE għar-regolazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Sabiex tinġieb lura l-istabbiltà finanzjarja, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha adottaw firxa wiesgħa ta’ miżuri mingħajr preċedent, sabiex jiġu indirizzati kemm il-bżonnijiet għal żmien qasir kif ukoll l-iżviluppi fit-tul. Dan kien jinkludi, għal żmien qasir, l-approvazzjoni ta’ iktar minn EUR 5 triljun f’għajnuna lil istituzzjonijiet finanzjarji sa Ottubru 2012 (6). Għal żmien fit-tul, saret ukoll riforma tal-qafas regolatorju dwar istituzzjonijiet finanzjarji. Din kellha l-għan li tistabbilixxi qafas komprensiv u sensittiv għar-riskju fir-rigward ta’ rekwiżiti tal-kapital għal istituzzjonijiet finanzjarji u biex tkattar il-ġestjoni iktar effettiva tar-riskju tagħhom.

14.      Qabel dan, l-hekk imsejjaħ “Pakkett DRK” kien jikkonsisti minn riformulazzjoni kemm tad-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (7) u d-Direttiva 93/6/KEE tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 1993, fuq l-adekwatezza ta’ kapital ta’ ditti tal-investiment u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (8). Dan seħħ permezz tal-promulgazzjoni tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-eżerċizzju tagħhom (riformulazzjoni) (9) u d-Direttiva 2006/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, dwar l-adegwatezza tal-kapital tad-ditti ta’ investiment u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (riformulazzjoni) (10).

15.      Madankollu, l-ewwel snin tal-kriżi finanzjarja raw żewġ bidliet importanti fil-Pakkett DRK I. L-ewwel nett, fl-2009, ġiet ippromulgata direttiva ġdida, li saret magħrufa bħala d-“Direttiva DRK II” (11) u li kellha l-għan li ttejjeb il-ġestjoni ta’ espożizzjonijiet kbar, il-kwalità tal-kapital tal-banek, il-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità u l-ġestjoni tar-riskju għall-prodotti ttitolizzati. Dawn kienu l-oqsma li ġew ikkunsidrati mil-leġiżlatura tal-UE li huma rilevanti għall-kawżi tal-kriżi. Barra minn dan, ġiet adottata direttiva oħra fl-2010 mill-Unjoni, l-hekk imsejħa “Direttiva DRK III” (12), biex issaħħaħ ir-regoli fuq il-kapital bankarju u r-remunerazzjoni fis-settur bankarju. Iż-żewġ miżuri saru fuq il-bażi tal-Artikolu 53 TFUE.

16.      Id-Direttiva DRK III rat l-adozzjoni ta’ prinċipji ta’ remunerazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-inċentivi jkunu allinjati mal-interessi fit-tul tal-istituzzjonijiet finanzjarji (13). Il-bżonn għal dawn il-miżuri ġie spjegat fil-premessa (4) fil-preambolu tad-Direttiva DKR III b’riferiment għall-proposta li “teħid tar-riskji eċċessiv u imprudenti jista’ jimmina s-saħħa finanzjarja tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew impriża ta’ investiment u jiddestabbilizza s-sistema bankarja”.

17.      Id-Direttiva DRK III imponiet ċerti prinċipji fuq il-politiki ta’ remunerazzjoni. B’mod partikolari, hija ħtieġet li l-komponenti fissi u varjabbli tar-remunerazzjoni totali jkunu bbilanċjati b’mod adatt u l-komponent fiss ikun jirrappreżenta proporzjon għoli biżżejjed tar-remunerazzjoni totali sabiex jippermetti t-tħaddim ta’ politika kompletament flessibbli dwar il-komponenti varjabbli tar-remunerazzjoni, inkluża l-possibbiltà li ma jitħallas l-ebda komponent varjabbli tar-remunerazzjoni. Madankollu, il-proporzjon speċifiku bejn il-komponent varjabbli u dak fiss tar-remunerazzjoni jista’ jintgħażel mill-istituzzjonijiet finanzjarji nnifishom, fil-qafas ipprovdut mid-dispożizzjonijiet ta’ remunerazzjoni li hemm fid-Direttiva DRK III.

18.      Fl-2011, il-Kummissjoni pproponiet iktar leġiżlazzjoni sabiex jiġu implementati l-istandards regolatorji globali żviluppati mill-Basel Committee on Banking Supervision [Kumitat ta’ Basel fuq is-Superviżjoni Bankarja]. Dan irriżulta fl-adozzjoni tad-Direttiva DRK IV, li ġiet adottata taħt l-Artikolu 53 TFUE, u r-Regolament RK, li ġie bbażat fuq l-Artikolu 114 TFUE. Dawn il-miżuri saru magħrufa kollettivament bħala l-Pakkett DRK IV.

19.      Il-proposta inizjali tal-Kummissjoni kellha numru ta’ dispożizzjonijiet li ttrattaw ir-remunerazzjoni ta’ min jieħu riskju materjali u, b’mod partikolari, il-parti varjabbli ta’ dik ir-remunerazzjoni. Fil-preparazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kienet ħarġet Green Paper fuq il-governanza korporattiva f’istituzzjonijiet finanzjarji u l-politiki ta’ remunerazzjoni (14), li tat bidu għal proċess konsultattiv estensiv mal-partijiet interessati. Din kienet tinkludi l-kwistjoni ta’ jekk kinux meħtieġa miżuri addizzjonali dwar l-istruttura u l-governanza ta’ politiki ta’ remunerazzjoni fis-servizzi finanzjarji.

20.      Fil-proċess leġiżlattiv sussegwenti, il-Parlament Ewropew issuġġerixxa numru ta’ emendi għall-proposta tal-Kummissjoni. F’rapport ippubblikat fit-30 ta’ Mejju 2012 (15), il-Parlament ippropona li jiġi llimitat l-ammont varjabbli ta’ remunerazzjoni għall-komponent fiss tar-remunerazzjoni totali. F’negozjati sussegwenti, il-koleġiżlaturi qablu li jgħollu l-ammont varjabbli permissibbli għal darbtejn il-komponent fiss tar-remunerazzjoni totali, jekk quorum definit tal-azzjonisti japprovaw tali żieda (16).

21.      F’dawn il-proċeduri, ir-Renju Unit qed jikkontesta prinċipalment l-adozzjoni ta’ dan il-proporzjon fiss massimu għar-remunerazzjoni varjabbli. Għalhekk, il każ tar-Renju Unit huwa mmirat lejn emenda proposta oriġinarjament mill-Parlament Ewropew u li, skont ir-Renju Unit, tiffissa l-livell ta’ ħlas tal-persuni li jaqgħu taħtha (17).

B –    Ir-relazzjoni bejn ir-remunerazzjoni varjabbli u l-ġestjoni tar-riskju ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu

22.      Skont in-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni, il-problemi speċifiċi marbutin mal-politiki ta’ remunerazzjoni fis-settur finanzjarju ħarġu fid-deher biss wara l-kriżi finanzjarja. Id-disinn tal-iskemi ta’ remunerazzjoni, li ta’ spiss jinkludu ħlasijiet kbar ta’ bonuses b’paragun mal-komponenti fissi tas-salarji, kien, skont il-Kummissjoni, wieħed mill-ixpruni ewlenin tal-kriżi. Intqal li inċentivi mhux xierqa wasslu lill-impjegati biex jaggravaw ir-riskju ta’ medda ta’ żmien qasir, billi l-impjegati li bbenefikaw minnhom ipparteċipaw fil-profitti għal żmien qasir tal-bank, imma mhux fl-ispiża tal-falliment tiegħu. Fl-agħar xenarju, it-telf ġarrewh, fl-aħħar mill-aħħar, dawk li jħallsu t-taxxa. Għaldaqstant, l-assimetrija bejn il-benefiċjarji ta’ profitti eventwali u dawk li jbatu t-telf eventwali setgħet ħolqot inċentivi għat-teħid ta’ riskju eċċessiv meta l-profitti jwasslu għal ħlasijiet ta’ bonuses lil dawk li jkunu ħadu r-riskju. In-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni tgħid ukoll li l-istruttura tar-remunerazzjoni għalhekk saret parti kruċjali mill-aġenda regolatorja ta’ wara l-kriżi tal-UE (18).

23.      Jidher li hemm qbil bejn ir-Renju Unit, minn naħa, u l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, fuq il-bżonn li wieħed jikkumbatti t-teħid ta’ riskju eċċessiv li jista’ jiddistabbilizza s-swieq finanzjarji u l-istituzzjonijiet finanzjarji. Dak li r-Renju Unit jopponi huwa li tiġi speċifikata perċentwali massima għall-proporzjon tar-remunerazzjoni varjabbli fil-konfront tar-remunerazzjoni fissa ta’ min jieħu r-riskju materjali, u li din tiġi imposta f’miżuri tal-UE legalment vinkolanti.

IV – Analiżi

24.      Kif ġie nnotat iktar ’il fuq, it-talbiet ser jiġu diskussi f’ordni invers. Għalhekk ser nindirizza s-sitt motiv l-ewwel.

A –    Is-sitt motiv dwar il-ksur tad-dritt internazzjonali konswetudinarju

25.      L-Artikolu 94(1)(g) tad-Direttiva DRK IV għandu l-isem “Elementi varjabbli tar-rimunerazzjoni”. L-Artikolu 94(1)(g)(i) jgħid li istituzzjonijiet għandhom jiffissaw il-proporzjonijiet xierqa bejn il-komponent fiss u varjabbli tar-remunerazzjoni totali, fejn il-komponent varjabbli ma għandux jaqbeż il-100 % tal-komponent fiss tar-remunerazzjoni totali għal kull individwu, u li l-Istati Membri jistgħu jiffissaw perċentwali massima iktar baxxa. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 94(1)(g)(ii) tad-Direttiva DRK IV, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-azzjonisti jew proprjetarji jew membri tal-istituzzjoni japprovaw livell massimu ogħla tal-proporzjon bejn il-komponenti fissi u varjabbli ta’ remunerazzjoni iżda l-livell globali tal-komponent varjabbli ma għandux jaqbeż il-200 % tal-komponent fiss tar-remunerazzjoni totali għal kull individwu. Anki hawnhekk, l-Istati Membri jistgħu jiffissaw perċentwali massima iktar baxxa.

26.      Ir-Renju Unit ifformula s-sitt motiv kif ġej: “ksur tal-prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju kontra l-extraterritorjalità”. Ir-Renju Unit jikkontendi li, bħala propożizzjoni ġenerali, il-prinċipju ta’ territorjalità fid-dritt internazzjonali konswetudinarju jiddetta li Stat ma għandux jilleġiżla fir-rigward tal-aġir ta’ ċittadini stabbiliti fi Stat ieħor fin-nuqqas ta’ ness b’saħħtu biżżejjed biex isir dan. F’din il-kawża, ir-Renju Unit jgħid li l-Artikolu 94(1)(g) tad-Direttiva DRK IV jikser dak il-prinċipju meta jiġi applikat lil “grupp, kumpannija prinċipali u kumpannija sussidjarja” stabbiliti barra mill-UE għal kollox, li jingħad li dan huwa l-effett tal-Artikolu 92(1) tad-Direttiva DRK IV moqri mal-Artikolu 109(2) tagħha, għalkemm l-ebda waħda minn dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet ma huma qed jiġu kkontestati.

27.      Bis-saħħa tal-Artikolu 92(1) tad-Direttiva DRK IV, l-applikazzjoni, inter alia, tal-Artikolu 94 tad-Direttiva DRK IV għandha tiġi żgurata mill-awtoritajiet kompetenti għal istituzzjonijiet fil-livelli ta’ grupp, kumpannija prinċipali u sussidjarja, inklużi dawk stabbiliti f’ċentri finanzjarji offshore. L-Artikolu 109(2) tad-Direttiva DRK IV jgħid, inter alia, li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li impriżi prinċipali u sussidjarji suġġetti għal dik id-direttiva jimplementaw arranġamenti, proċessi u mekkaniżmi msemmijin fit-Taqsima II tal-Kapitolu II tad-Direttiva fis-sussidjarji tagħhom li ma humiex suġġetti għad-Direttiva. Dawn l-arranġamenti, proċessi u mekkaniżmi għandhom ikunu wkoll konsistenti u ferm integrati u dawk is-sussidjarji għandhom ukoll ikunu jistgħu jipproduċu kwalunkwe data u informazzjoni rilevanti għall-finijiet ta’ superviżjoni.

28.      Qed jiġi sostnut li din l-istruttura tikser prinċipju konswetudinarju tad-dritt internazzjonali pubbliku dwar it-territorjalità. Skont ir-Renju Unit, “huwa ferm stabbilit li l-prinċipju ta’ sovranità jinkludi l-kompetenza esklużiva ta’ Stat li jadotta leġiżlazzjoni sabiex jirregola l-aġir li jiġri fit-territorju tiegħu stess; mhux biss biex dik il-leġiżlazzjoni tiġi inforzata” (enfasi miżjuda minni) (19).

29.      Qabel ma niddiskuti l-merti ta’ dan il-motiv, infakkar li fis-sentenza tagħha, Air Transport Association of America et, C-366/10, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li “peress li prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju ma għandux l-istess grad ta’ preċiżjoni li jkollha dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu neċessarjament jasal biss sal-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta adottaw l-att inkwistjoni, wettqux żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji” (20) (enfasi miżjuda minni).

30.      Is-sitt motiv iqajjem żewġ kwistjonijiet separati li huma ta’ natura kompletament differenti. L-ewwel waħda tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-validità ta’ dispożizzjoni tistax tiġi affettwata bil-fatt li potenzjalment tapplika għal suġġetti u/jew atti barra l-Unjoni Ewropea minħabba l-impatt ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-leġiżlazzjoni tal-UE, li l-annullament tagħhom mhux qed jintalab mir-rikorrent. Dan huwa l-każ għaliex, kif semmejt iktar ’il fuq, il-każ tar-Renju Unit huwa ristrett għall-kontestazzjoni tal-Artikolu 94(1)(g) tad-Direttiva DRK IV mingħajr ma qed jintalab l-annullament tal-Artikoli 92(1) jew 109(2) tad-Direttiva.

31.      It-tieni kwistjoni hija dwar jekk is-suppost prinċipju ta’ dritt internazzjonali kontra l-extraterritorjalità li jistrieħ fuqu r-Renju Unit jeżistix fil-forma deskritta mill-Istat Membru, u jekk dak il-prinċipju ġiex manifestament miksur mil-leġiżlatura tal-UE.

1.      Konsegwenzi min-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-Artikolu 92(1) u l-Artikolu 109(2) tad-Direttiva DRK IV

32.      Dwar l-ewwel kwistjoni, għandi nfakkar li r-Renju Unit irrestrinġa l-kontestazzjoni tiegħu taħt is-sitt motiv għall-Artikolu 94(1)(g) tad-Direttiva DRK IV biss. Fl-opinjoni tiegħi, dan ifisser li s-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala inoperattiv. Fil-fatt, huwa diffiċli li anki timmaġina xi lment fid-dritt internazzjonali kontra din id-dispożizzjoni sa fejn għandha x’taqsam l-applikabbiltà tagħha fi ħdan l-UE. Minn dan isegwi li s-sitt motiv ma jistax jaffettwa l-validità tal-Artikolu 94(1)(g) tad-Direttiva DRK IV fil-kuntest ta’ applikazzjoni primarja tiegħu.

33.      Fil-fatt, l-illegalità allegata fid-dritt internazzjonali pubbliku tal-Artikolu 94(1)(g) tad-Direttiva DRK IV, skont ir-Renju Unit, tirriżulta mill-Artikolu 92(1) u l-Artikolu 109(2) tad-Direttiva DRK IV. Għalhekk, fil-fehma tiegħi r-rikorrent kellu jitlob l-annullament tagħhom sa fejn dawn taw xi effett extraterritorjali illegali lill-Artikolu 94(1)(g) u mhux tad-dispożizzjoni msemmija l-aħħar.

34.      Għall-finijiet ta’ kompletezza, nissottometti li ma huwiex konvinċenti l-argument tal-Kunsill imsejjes fuq il-fatt li skont il-kliem tal-Artikolu 92(1) tad-Direttiva DRK IV, l-applikazzjoni tal-Artikoli 92(2), 93 u 95 għandha tiġi żgurata mill-“awtoritajiet kompetenti” għall-istituzzjonijiet fil-livelli ta’ grupp, ta’ kumpannija prinċipali u sussidjarja, inklużi dawk stabbiliti f’ċentri finanzjarji offshore. Skont l-Artikolu 4(40) tar-Regolament RK, “awtorità kompetenti” tfisser “awtorità pubblika jew korp rikonoxxut uffiċjalment mid-dritt nazzjonali, li jingħataw is-setgħa mid-dritt nazzjonali li jissorveljaw istituzzjonijiet bħala parti mis-sistema ta’ superviżjoni li tkun operattiva fl-Istat Membru kkonċernat” (21). Għalhekk, skont il-Kunsill xejn ma huwa ċar kif awtorità kompetenti tista’ tikser il-“prinċipju konswetudinarju tad-dritt internazzjonali pubbliku” sempliċement bl-operazzjoni fil-kuntest disponibbli diġà għaliha skont il-leġiżlazzjoni prudenzjali nazzjonali rilevanti.

35.      Huwa veru li l-Istati Membri jiddefinixxu l-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tad-Direttiva DRK IV u r-Regolament RK. Madankollu, dawn l-awtoritajiet huma skont id-dritt tal-UE obbligati li jeżerċitaw kontroll prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE fuq bażi kkonsolidata li tinkludi, għall-finijiet tal-politiki ta’ remunerazzjoni, bis-saħħa tal-Artikoli 92 u 109(2) tad-Direttiva DRK IV, il-kumpanniji ta’ grupp tagħhom barra mill-UE. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom obbligu, skont id-dritt tal-UE, li jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom setgħat suffiċjenti għal dan il-għan.

2.      Id-dritt internazzjonali jinkludi prinċipju kontra l-extraterritorjalità kif invokat mir-Renju Unit u dan ġie manifestament miksur?

36.      Fir-rigward tat-tieni kwistjoni, fl-opinjoni tiegħi, miżura leġiżlattiva tal-UE ma tistax tkun invalida sempliċement għaliex għandha effetti fuq aġir f’territorju li jinsab barra mill-UE. Il-każ tar-Renju Unit ma jagħmel riferiment għall-ebda każ tal-Qorti tal-Ġustizzja biex isostni din il-kontenzjoni, u lanqas jidher li jeżisti tali preċedent. Għall-kuntrarju, ilu li ġie stabbilit li aġir li jseħħ barra mill-UE li jkollu effett intern fuqha jista’ jiġi rregolat mid-dritt tal-UE (22).

37.      Barra minn hekk, dan l-aspett tas-sitt motiv jinjora s-sentenza Lotus tal-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali (23), fejn ġie deċiż li d-dritt internazzjonali konswetudinarju ma kienx fih projbizzjoni ġenerali fuq l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni leġiżlattiva ta’ Stat (“ġurisdizzjoni biex jippreskrivi”) lil hinn mit-territorju tiegħu. F’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon f’Wood Pulp (24) baqgħu attwali sal-lum. Hemmhekk kien innota li “anki għalkemm, għal raġunijiet oħrajn, saret il-mistoqsija ‘l-Lotus għadu jbaħħar’”, wieħed jista’ jibbaża ruħu fuq dik is-sentenza biex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni ta’ Stat jew suġġett paragunabbli ieħor biex jippreskrivi, fi kliem ieħor sabiex il-fatti u l-aġir jiġu ssuġġettati għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tiegħu, f’kontradistinzjoni mal-ġurisdizzjoni biex jeżegwixxi l-poter tiegħu fi kwalunkwe forma fit-territorju ta’ Stat ieħor (25).

38.      Fl-opinjoni tiegħi, ir-Renju Unit ikun sempliċement żbaljat jekk jipprova jgħid li l-ġurisdizzjoni territorjali biex issir leġiżlazzjoni biss hija permessa skont id-dritt internazzjonali. Min-naħa l-oħra, jekk huwa jaċċetta l-prinċipju ta’ personalità kif ukoll id-duttrina tal-effetti bħala bażijiet alternattivi għal ġurisdizzjoni, kif donnu huwa l-każ, huwa naqas milli juri li d-dritt internazzjonali jeħtieġ xi ħaġa iktar speċifika f’termini ta’ “ness suffiċjenti” (26), u li dan ir-rekwiżit ma ġiex sodisfatt mid-dispożizzjoni kkontestata fid-Direttiva DRK IV.

39.      Fil-fehma tiegħi, is-sentenza Lotus stabbilixxiet forma ta’ regola ta’ oneru tal-prova li teħtieġ li r-rabta invokata mill-Istat biex jiġġustifika l-ġurisdizzjoni leġiżlattiva tiegħu tkun biżżejjed, fin-nuqqas ta’ regola tad-dritt internazzjonali li tgħid il-kuntrarju. Madankollu, id-dritt internazzjonali neċessarjament jimponi xi limiti fuq l-affermazzjoni ta’ ġurisdizzjoni mill-Istati, sabiex kwalunkwe pretensjoni ta’ ġurisdizzjoni universali għandha tkun ibbażata fuq regola pożittiva tad-dritt internazzjonali (27). Din il-ġurisdizzjoni universali ma hijiex imfittxija mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva DRK IV imma biss is-suġġettar ta’ kumpanniji ta’ grupp barranin ta’ istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE għall-qafas regolatorju tal-UE.

40.      Fl-aħħar nett, il-ġurisprudenza tad-dritt internazzjonali li fuqha jibbaża ruħu r-Renju Unit ma ssostnix l-kontenzjonijiet tiegħu. Id-deċiżjoni tal-arbitru fil-każ Island of Palmas (28) kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk it-territorju inkwistjoni kienx jappartjeni lill-Pajjiżi l-Baxxi jew lill-Istati Uniti. Ma kienet tal-ebda rilevanza għall-kwistjoni ġurisdizzjonali li allegatament qamet f’din il-kawża. L-istess konklużjoni tapplika għar-riferiment mir-Renju Unit għall-każ Anglo-Norwegian fisheries (29) li kien jikkonċerna d-delimitazzjoni ta’ żona tas-sajd Norveġiża. Il-każ Nottebohm (30) ukoll ma huwiex utli; il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-kriterji ta’ ċittadinanza effettiva għall-finijiet ta’ protezzjoni diplomatika. Il-każ Arrest Warrant (31) ġie interpretat bħala konferma taċita mill-ġdid tas-sentenza Lotus, għalkemm is-sentenza, b’differenza mill-opinjonijiet separati tal-imħallfin, ma ddiskutietx id-diversi kapijiet ta’ ġurisdizzjoni possibbli, imma pjuttost iffokat fuq il-kwistjoni tal-immunità mill-prosekuzzjoni. Bl-istess mod, kif osserva l-Avukat Ġenerali Darmon fil-każ Wood Pulp, (32) l-opinjoni separata ta’ Sir Gerald Fizmaurice fil-każ Barcelona Traction kienet stqarrija mill-ġdid u definizzjoni mill-ġdid tas-sentenza Lotus fil-linja msemmija fil-punt 39 iktar ’il fuq.

41.      Fl-aħħar nett, ir-Renju Unit jibbaża ruħu fuq ksur tal-Artikolu 3(5) TUE bħala bażi għall-invalidazzjoni tal-Artikolu 94(1)(g) tad-Direttiva DRK IV. L-Artikolu 3(5) jirreferi għal obbligu fuq l-UE biex tikkontribwixxi, inter alia, “għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali”. Madankollu, ma jistax ikun hemm ksur tal-Artikolu 3(5) TEU billi ma jeżisti l-ebda prinċipju bħal dan tad-dritt internazzjonali kontra l-extraterritorjalità kif deskritt fir-rikors tar-Renju Unit.

3.      Konklużjoni fuq is-sitt motiv.

42.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, ma għandix dubju nikkonkludi li r-Renju Unit naqas milli jipprova li fl-adozzjoni tal-Artikolu 94(1)(g) tad-Direttiva DRK IV, il-Kunsill u l-Parlament għamlu żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni dwar prinċipju tad-dritt internazzjonali pubbliku. Għaldaqstant is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

B –    Il-ħames motiv dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 450(1)(j) tar-Regolament RK mad-dritt għar-rispett tal-ħajja private u mad-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data

43.      L-Artikolu 450 tar-Regolament RK għandu t-titolu “Politika ta’ rimunerazzjoni”. L-Artikolu 450(1) jgħid li istituzzjonijiet finanzjarji “għandhom jiddivulgaw tal-anqas l-informazzjoni li ġejja, dwar il-politika ta’ rimunerazzjoni u l-prattiki tal-istituzzjoni għal dawk il-kategoriji ta’ persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom ikollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tagħha”. Imbagħad ikompli jispeċifika fil-punt (d) “il-proporzjon bejn ir-remunerazzjoni fissa u varjabbli stabbilita f’konformità mal-Artikolu 90(1)(g)” tad- Direttiva DRK IV; fil-punt (i) “l-għadd ta’ individwi li jingħataw rimunerazzjoni ta’ EUR 1 miljun jew aktar f’sena finanzjarja, għal rimunerazzjoni ta’ bejn EUR 1 miljun u EUR 5 miljun maqsuma f’faxex ta’ pagamenti ta’ EUR 500000 u għal remunerazzjoni ta’ EUR 5 miljun u aktar maqsuma f’faxex ta’ pagamenti ta’ EUR 1 miljun”; fil-punt (j) “fuq talba mill-Istat Membru jew l-awtorità kompetenti, ir-remunerazzjoni totali għal kull membru tal-korp amministrattiv jew l-amministrazzjoni għolja”.

44.      Ir-Renju Unit jikkontendi li l-Artikolu 450(1)(j) tar-Regolament RK jikser l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iktar ’il quddiem imsejħa l-“Karta”, li jindirizzaw rispettivament ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u l-protezzjoni tad-data personali, flimkien mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (33). L-Artikolu 450(1)(j) tar-Regolament RK jippermetti lill-Istat Membru jew lill-awtoritajiet kompetenti li jeħtieġu l-iżvelar ta’ informazzjoni iktar ddettaljata fuq ir-remunerazzjoni milli minn dik meħtieġa bl-Artikolu 450(1)(i) tar-Regolament, fil-forma tar-remunerazzjoni totali għal kull membru tal-korp amministrattiv jew l-amministrazzjoni għolja. Il-Kunsill u l-Parlament ma jikkontestawx li l-iżvelar ta’ informazzjoni ta’ remunerazzjoni skont id-dispożizzjoni kkontestata tammonta għall-pussess ta’ data personali, u b’hekk tidħol fil-kuntest tad-dritt dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE.

45.      Fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 450(1)(j) tar-Regolament RK, moqri flimkien mal-preambolu 99 tiegħu, jikkonforma mal-prinċipji elaborati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert (34). Il-preambolu 99 tar-Regolament RK jgħid li kemm id-Direttiva 95/46 kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data (35) “għandhom ikunu applikabbli b’mod sħiħ għall-ipproċessar tad-data personali għall-fini ta’ dan ir-Regolament”.

46.      Fil-kawża Volker und Markus Schecke u Eifert ġie deċiż li l-istituzzjonijiet kienu naqsu milli jibbilanċjaw b’mod xieraq l-għanijiet tad-dispożizzjoni kkontestata f’dik il-kawża mad-drittijiet li persuni fiżiċi huma rrikonoxxuti li għandhom skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta fir-rigward tal-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data (36).

47.      Fil-kawża li għandna quddiemna, huwa rilevanti li d-dispożizzjoni kkontestata ma tapplikax għal, l-hekk imsejħa, dawk li jieħdu riskju materjali imma għall-amministrazzjoni jew l-amministrazzjoni għolja, u ma twassal għall-ebda żvelar awtomatiku ta’ data personali protetta. Fil-fatt, l-Artikolu 450(1)(j) tar-Regolament RK ma jimponi l-ebda obbligu awtomatiku fuq l-awtoritajiet kompetenti sabiex jeżiġu dan l-iżvelar. Dan sempliċement jagħti lill-Istati Membri jew lill-awtorità kompetenti d-diskrezzjoni li jagħmlu hekk. Kif intqal iktar ’il fuq, il-premessa 99 tar-Regolament torbot lill-Istati Membri li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data tal-UE meta jikkunsidraw kwalunkwe talba għal din l-informazzjoni. Ma’ dan inżid l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta peress li talba għal iktar informazzjoni msemmija fl-Artikolu 450(1)(j) tar-Regolament RK bla dubju tammonta għal implementazzjoni tad-dritt tal-UE fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta (37). Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, u kuntrarjament għat-tħassib apparenti tar-Renju Unit, l-Artikolu 450(1)(j) tar-Regolament RK ma jimponi l-ebda preminenza awtomatika tal-għan ta’ trasparenza fuq il-protezzjoni ta’ data personali li tkun f’kunflitt mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija iktar ’il fuq.

48.      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 450(2) tar-Regolament RK, l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-artikolu mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 95/46. Għalhekk, ma hemmx dubju li l-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti jistgħu ma jeħtieġu l-ebda żvelar f’kontradizzjoni mad-dritt tal-protezzjoni tad-data tal-UE.

49.      Huwa veru li wara li l-iżvelar ikun ġie meħtieġ mill-Istat Membru jew l-awtorità kompetenti, dak ir-rekwiżit jikkostitwixxi għall-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata obbligu legali kif imsemmi fl-Artikolu 7(c) tad-Direttiva 95/46. Dan jirrendi l-ipproċessar tad-data kkonċernata leġittimu. Madankollu, l-istituzzjoni finanzjarja tista’, naturalment, tikkontesta l-legalità ta’ kwalunkwe deċiżjoni li timponi obbligu ta’ żvelar bħal dan quddiem awtorità ġudizzjarja kompetenti, bħal kwalunkwe deċiżjoni nazzjonali oħra li tapplika d-dritt tal-UE u li taffettwa d-drittijiet fundamentali ta’ individwi.

50.      Għal dawn ir-raġunijiet nikkunsidra li l-ħames motiv għandu jiġi miċħud ukoll.

C –    Ir-raba’ motiv dwar jekk l-għoti ta’ setgħat lill-ABE u lill-Kummissjoni skont id-Direttiva DRK IV huwiex “ultra vires”

51.      Ir-raba’ motiv jidher li huwa kemxejn ambigwu billi hemm taħlita inkoerenti ta’ oġġezzjoni għas-setgħat mogħtija lill-ABE skont l-Artikolu 94(2) u dawk eżerċitabbli mill-Kummissjoni. Billi tal-aħħar hija ristretta għal oġġezzjoni fuq il-“wisa’” tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni, mingħajr ma tiġi inkluża l-ebda kontestazzjoni bbażata fuq id-duttrina Meroni (38) jew fuq in-nuqqas li jiġu osservati l-parametri ffissati mid-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat, jiġifieri l-Artikoli 290 u 291 TFUE, fil-fehma tiegħi l-kontestazzjoni tas-setgħat tal-ABE biss hija elaborata b’dettall suffiċjenti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tevalwa l-legalità tagħhom.

52.      L-Artikolu 94(2) tad-Direttiva DRK IV jgħid li l-ABE “għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tal-klassijiet ta’ strumenti li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fil-punt (l)(ii) tal-paragrafu 1 u fir-rigward tal-kriterji kwalitattivi u l-kriterji kwantitattivi xierqa biex jiġu identifikati kategoriji ta’ persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 92(2)”. Id-dispożizzjoni żżid tgħid li l-ABE għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2014, u l-Kummissjoni tiġi ddelegata b’setgħa biex tadotta standards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (39) (iktar ’il quddiem imsejjaħ ir-“Regolament ABE”).

53.      Ir-Renju Unit isostni li l-għoti ta’ dawn is-setgħat għandu jikkonforma mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament ABE, flimkien mal-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-għoti ta’ setgħa lill-Kummissjoni. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament ABE jgħid li l-“istandards tekniċi regolatorji għandhom ikunu tekniċi, m’għandhomx jinvolvu deċiżjonijiet strateġiċi jew għażliet ta’ politika u l-kontenut tagħhom għandu jkun delimitat mill-atti leġislattivi li fuqhom huma bbażati”.

54.      Ir-Renju Unit jikkontendi li l-Artikolu 94(2) tad-Direttiva DRK IV għandu jiġi annullat għaliex, l-ewwel nett, l-impenji li ngħataw lill-ABE eċċedew il-qafas ta’ setgħat mogħtija skont ir-Regolament ABE, b’mod partikolari peress li dawn l-impenji jġibu magħhom “it-teħid ta’ deċiżjoni strateġiċi jew għażliet ta’ politika” bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament ABE.

55.      Ir-Renju Unit isostni, it-tieni nett, li billi l-ABE ġiet stabbilita skont l-Artikolu 114 TFUE, din ma tistax legalment tkun meħtieġa li tindirizza kwistjonijiet li huma rregolati mill-Artikolu 114(2) TFUE. Din id-dispożizzjoni teskludi, inter alia, dispożizzjonijiet “li għandhom x’jaqsmu mad-drittijiet u l-interessi ta’ l-impjegati” mill-kuntest tal-Artikolu 114(1) TFUE. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 114(1) TFUE ma jistax ikun il-bażi legali għal miżuri ta’ dan it-tip.

56.      Nibda billi ninnota li l-Artikolu 94(2) tad-Direttiva DRK IV, moqri flimkien mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament ABE, jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta att iddelegat fis-sens tal-Artikolu 290(1) TFUE. L-att iddelegat, li permezz tiegħu jiġi adottat standard regolatorju, għandu jkun ibbażat fuq abbozz ta’ standard tekniku regolatorju ppreparat mill-ABE. Madankollu, l-Artikolu 94(2) tad-Direttiva DRK IV ma jagħti l-ebda setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet lill-ABE. Infakkar ukoll li meta l-leġiżlatura tal-UE tagħti lill-Kummissjoni, f’att leġiżlattiv, setgħa ta’ delega, il-Kummissjoni tkun qiegħda tintalab tadotta miżuri li jikkomplementaw jew jimmodifikaw elementi mhux essenzjali ta’ dan l-att (40).

57.      Dwar l-ewwel linja ta’ argument fir-rigward tar-Regolament ABE, diffiċli wieħed jifhem kif jista’ jingħad li l-leġiżlatura tal-UE aġixxiet ultra vires jew wara li, bis-saħħa tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, adottat dispożizzjoni waħda, f’dan il-każ l-Artikolu 10 tar-Regolament ABE, imbagħad, bis-saħħa tal-istess proċedura adottat it-tieni dispożizzjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 92(4) tad-Direttiva DRK IV, anki jekk il-kontenut jew il-portata tal-ewwel dispożizzjoni huwa idjaq minn dak tat-tieni waħda. Il-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet suppost jistabbilixxu ċertu kompitu għal aġenzija tal-UE ma jibdel xejn minn dan.

58.      Fl-opinjoni tiegħi, ir-Regolament ABE ma jista’ jinvalida l-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva DRK IV għaliex din tal-aħħar tista’ legalment tidderoga minn tal-ewwel. Dan ikun il-każ ukoll meta d-Direttiva DRK IV tagħti lill-ABE kompetenza sabiex tieħu deċiżjonijiet strateġiċi jew ta’ politika. F’dan il-każ tal-aħħar, l-għoti ta’ setgħat ikun, mingħajr dubju, antikostituzzjonali skont id-duttrina Meroni imma mhux minħabba l-Artikolu 10 tar-Regolament ABE (41).

59.      B’mod iktar ġenerali, kunflitt potenzjali bejn dispożizzjonijiet ta’ żewġ atti leġiżlattivi, kif qed jiġi allegat bejn l-Artikolu 94(2) tad-Direttiva DRK IV u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament ABE, u li jappartjenu għall-istess livell fil-ġerarkija ta’ regoli ma jistabbilixxi jew jimplika l-ebda nuqqas ta’ kompetenza mil-leġiżlatura, l-eżistenza ta’ raġuni oħra għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263(2) TFUE jew anki possibbiltà ta’ indikazzjoni ta’ kwalità baxxa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell leġiżlattiv. Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal din, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet kunfliġġenti ma tista’ tiġi annullata għal din ir-raġuni. Madankollu, li jiġi stabbilit liema waħda tieħu preċedenza fuq l-oħra hija kwistjoni ta’ applikazzjoni ta’ prinċipji bħal lex posterior jew lex specialis, sakemm ma jingħatawx interpretazzjoni li telimina l-kunflitt potenzjali. Fi kliem ieħor, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet ma hija lex superior fir-rigward tal-oħra.

60.      Dan japplika anki f’ċirkustanzi meta l-leġiżlatura ma tkunx riedet tidderoga mill-ewwel dispożizzjoni bl-adozzjoni tat-tieni li, kif jispjegaw il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, hija s-sitwazzjoni f’din il-kawża, wara li jitqies il-fatt li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 94(2) tad-Direttiva DRK IV, is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni għall-adozzjoni tal-istandard tekniku regolatorju inkwistjoni skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament ABE.

61.      Madankollu, l-Artikolu 94(2) tad-Direttiva DRK IV jagħti biss is-setgħa lill-Kummissjoni biex tlesti l-elementi mhux essenzjali ta’ atti leġiżlattivi. Id-Direttiva DRK IV tistabbilixxi l-elementi essenzjali għall-istandards tekniċi regolatorji inkwistjoni billi tipprovdi li tapplika għal ċerti kategoriji tal-persunal tal-istituzzjonijiet, jiġifieri dawk, hekk imsejħin, li jieħdu riskju materjali fis-sens definit fid-dettall fl-Artikolu 92(2) tad-Direttiva DRK IV.

62.      Fil-fatt, l-Artikolu 94(2) tad-Direttiva DRK IV jawtorizza lill-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ abbozz elaborat mill-ABE, li tadotta standards regolatorji tekniċi “fir-rigward tal-kriterji kwalitattivi u l-kriterji kwantitattivi xierqa biex jiġu identifikati kategoriji ta’ persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 92(2)”. Għalhekk, id-Direttiva għandha l-għan li jiġu adottati “regoli li jagħmlu parti mill-qafas regolatorju kif iddefinit fl-att leġiżlattiv bażiku” (42). Għaldaqstant, saru għażliet strateġiċi u politiċi fl-att leġiżlattiv bażiku pjuttost milli fil-miżuri elaborati mill-ABE u adottati mill-Kummissjoni.

63.      Fir-rigward tat-tieni linja ta’ argument tar-Renju Unit fis-sens li s-setgħat mogħtija lil ABE huma illegali għaliex jistgħu jaffettwaw id-drittijiet u l-interessi ta’ ħaddiema b’salarju kif inhu maħsub fl-Artikolu 114(2) TFUE, f’ċirkustanzi fejn l-aġenzija kienet stabbilita fuq il-bażi tal-Artikolu 114(1) TFUE, fl-opinjoni tiegħi, il-kompiti u l-kompetenzi ta’ aġenzija tal-UE jista’ jkollhom bażi legali li hija differenti minn dik li fuqha l-att leġiżlattiv li jistabbilixxi l-aġenzija kien ibbażat. Il-kompiti u l-kompetenzi ta’ aġenzija tal-UE jistgħu, pereżempju, ikunu bbażati parzjalment fuq dispożizzjonijiet tal-erba’ libertajiet, bit-twaqqif tagħha inizjali jkun ibbażat fuq dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern jew l-Artikolu 352 TFUE (43). Meta tirrikorri għal bażi legali partikolari għat-twaqqif ta’ aġenzija tal-UE, il-leġiżlatura ma tkunx, minħabba f’hekk, prekluża milli tagħtiha kompiti oħrajn b’riferiment għal bażi legali differenti. Jekk din tal-aħħar hijiex bażi legali xierqa jiddependi mill-kontenut tal-kompiti u s-setgħat ġodda mogħtija lill-aġenzija kkonċernata, u tkun irrilevanti l-bażi legali li fuqha l-aġenzija kienet ġiet stabbilita oriġinarjament.

64.      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-ABE għandha s-setgħa li telabora abbozzi ta’ miżuri li ma jsirux liġi sakemm ma jiġux adottati mill-Kummissjoni. Mid-definizzjoni tiegħu stess, abbozz ta’ leġiżlazzjoni ma jistax jammonta għal miżuri “li għandhom x’jaqsmu mad-drittijiet u l-interessi ta’ l-impjegati” “li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern” fis-sens tal-Artikolu 114(1) u (2) TFUE. Dawn l-abbozzi ta’ miżuri ma għandhomx effetti legali li jmorru lil hinn mill-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet intern tal-Kummissjoni, fejn il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li taċċettahom, tirrifjutahom jew timmodifikahom skont il-każ. Għalhekk, abbozzi ta’ miżuri proposti mill-ABE, jew kwalunkwe aġenzija oħra tal-UE, fihom innifishom ma jistgħux jarmonizzaw kull dispożizzjoni nazzjonali jew jaffettwaw id-drittijiet u l-obbligi ta’ individwi.

65.      Għal dawn ir-raġunijiet, ir-raba’ motiv għandu wkoll jiġi miċħud.

D –    It-tielet motiv dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

66.      L-Artikolu 162(1) tad-Direttiva DRK IV jipprovdi, inter alia, li l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex ikunu konformi mad-Direttiva sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013 u li l-Istati Membri għandhom japplikawhom minn dik id-data.

67.      L-Artikolu 162(3) tad-Direttiva DRK IV jgħid li l-“liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għal konformità mal-Artikolu 94(1)(g) għandhom jesiġu li l-istituzzjonijiet japplikaw il-prinċipji stabbiliti fih għar-rimunerazzjoni mogħtija għal servizzi pprovduti jew għall-prestazzjoni mis-sena 2014 ’il quddiem, kemm jekk dovuta abbażi ta’ kuntratti konklużi qabel jew wara 31 ta’ Diċembru 2013”.

68.      L-Artikolu 521(1) tar-Regolament RK jgħid li r-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, bl-Artikolu 521(2) jipprovdi li r-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

69.      Skont ir-Renju Unit, l-Artikolu 162(1) u (3) tad-Direttiva DRK IV u l-Artikolu 521(2) tar-Regolament RK jiksru l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

70.      Ir-Renju Unit jikkontendi li l-miżuri ddelegati meħtieġa għad-determinazzjoni ta’ kwistjonijiet bħal kif ser jiġu applikati fil-prattika r-regoli l-ġodda, x’ser tkun ir-rata ta’ skont applikabbli għal bonuses iddifferiti, u l-kriterji għad-determinazzjoni ta’ dawk li ħadu r-riskju materjali ma kinux disponibbli fil-ħin. Dan ġara għaliex l-ABE ma kinitx obbligata li tibgħat abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2014 (ara l-Artikolu 94(2) tad-Direttiva DRK IV). Dan ipprekluda lill-Kummissjoni milli tadotta l-istandard tekniku regolatorju sakemm irċeviet il-proposta mill-ABE. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma adottatx l-istandards tekniċi regolatorji pprovduti fid-Direttiva RKD IVqabel l-4 ta’ Marzu 2014.

71.      Ir-Renju Unit isostni li l-implementazzjoni xierqa tal-Artikolu 94(1)(g) tad-Direttiva DRK IV u l-Artikolu 450(1)(d)(i) u (j) tar-Regolament RK tiddependi fuq l-identifikazzjoni minn qabel ta’ dawk li jieħdu riskju materjali. Għaldaqstant, ir-Renju Unit qed jitlob l-annullament tal-Artikoli 162(1) u 162(3) tad-Direttiva DRK IV, u tal-Artikolu 521(2) tar-Regolament RK, għaliex l-istituzzjonijiet tal-UE kellhom jistabbilixxu data differenti għall-implementazzjoni tas-sett ta’ miżuri li jinsabu fil-Pakkett RKD IV sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

72.      It-tielet motiv huwa intitolat “id-dispożizzjonijiet kkontestati jiksru l-prinċipju ta’ ċertezza legali” u jidher li huwa kkostitwit mit-tliet partijiet li ġejjin.

73.      Fl-ewwel lok, ir-Renju Unit isostni li l-Artikolu 162(3) tad-Direttiva DRK I jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali għaliex huwa “retrospettiv fl-effett tiegħu”. Ir-Renju Unit isostni li dan huwa hekk għaliex l-Artikolu 162(1) jeħtieġ li l-Istati Membri japplikaw id-Direttiva DRK IV mill-1 ta’ Jannar 2014, u dan ikollu impatt fuq ir-remunerazzjoni li għandha tingħata “abbażi ta’ kuntratti konklużi qabel” dik id-data.

74.      Fil-fehma tiegħi, ma hemmx bażi li fuqha wieħed jista’ jikkontendi li d-Direttiva DRK IV hija retroattiva. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura retroattiva hija waħda li tidħol fis-seħħ minn mument fiż-żmien li jiġi qabel il-pubblikazzjoni tagħha (44). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet espressament li l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-UE “għal kuntratt ta’ impjieg konkluż qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, ma tistax titqies li taffettwa sitwazzjoni li qamet qabel dik id-data” (45).

75.      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 162(3) tad-Direttiva DRK IV, l-Artikolu 94(1)(g) tagħha japplika biss għal servizzi pprovduti jew prestazzjoni mis-sena 2014 ’il quddiem. Għalhekk, id-Direttiva DRK IV ma taffettwax id-drittijiet li akkumulaw qabel li huma marbutin ma’ servizzi jew prestazzjoni, jew fi kliem ieħor drittijiet li akkumulaw u prestazzjoni qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva DRK IV. Id-dritt attwali tal-impjegat li jirċievi r-remunerazzjoni jirriżulta biss, l-iktar kmieni, meta jipprovdi s-servizzi jew juri prestazzjoni li tkun timmerita bonus, u mhux meta kien hemm ftehim li jsir dan.

76.      Huwa veru li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi ċertu protezzjoni għall-aspettattivi leġittimi tal-kummerċjanti li diġà kkonkludew kuntratti li huma affettwati bil-leġiżlazzjoni tal-UE li jkollha effetti immedjati, imma l-aspettattivi leġittimi jistgħu jinħolqu f’dan il-kuntest f’sett ristrett ta’ ċirkustanzi.

77.      Filwaqt li “l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa fost il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-UE, u kwalunkwe operatur ekonomiku, li l-istituzzjoni tkun, billi tagħtih assigurazzjonijiet preċiżi, tatu x’jifhem li għandu aspettatttivi ġġustifikati, jista’ jistrieh fuq dak il-prinċipju” (46), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li l-“kummerċjanti ma jistgħux jippretendu li għandhom aspettattiva leġittima li sitwazzjoni eżistenti li tista’ tinbidel mill-istituzzjonijiet tal-Komunità fl-eżerċizzju tas-setgħat diskrezzjonali tagħhom se tinżamm” (47). Fl-isfond tad-Direttiva DRK IV riprodotta iktar ’il fuq fit-taqsima bl-isem “Osservazzjonijiet preliminari” kwalunkwe “kummerċjant prudenti u diliġenti” (48) seta’ jobsor li l-UE tista’ tintroduċi regoli ġodda fuq il-proporzjon bejn remunerazzjonijiet fissi u varjabbli ta’ impjegati ta’ istituzzjonijiet finanzjarji.

78.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk istituzzjoni tal-UE tkun tat lil istituzzjonijiet finanzjarji “tama ġġustifikata” li mhux ser jiġi introdott l-ebda proporzjon fiss, seta’ jkun hemm każ għal oġġezzjoni għal din il-parti tad-Direttiva DRK IV, fuq il-bażi ta’ ksur ta’ aspettattivi leġittimi (49). Madankollu dan ma huwiex il-każ.

79.      Dan iwassalni għat-tieni parti tar-rikors tar-Renju Unit, jiġifieri, jekk l-iskop tal-partijiet ikkontestati tad-Direttiva DRK IV rrikjediex ir-retroattività, u jekk l-aspettattivi leġittimi tal-kummerċjanti affettwati ġewx irrispettati, fis-sens tal-linja ta’ “retroattività” tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, fil-fehma tiegħi, ma huwiex meħtieġ għall-Qorti tal-Ġustizzja li tikkunsidra dan l-aspett tal-każ tar-Renju Unit, peress li l-miżuri kkontestati ma humiex retroattivi. Għaldaqstant, ser nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin fl-eventwalità biss li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi mod ieħor.

80.      Ir-rikors tar-Renju Unit jikkontendi li l-proporzjon stabbilit mid-Direttiva DRK imur kontra ċ-ċertezza legali fis-sens li l-miżuri ddelegati meħtieġa għad-determinazzjoni ta’ kwistjonijiet dwar kif ir-regoli ġodda ser jiġu applikati fil-prattika, x’ser tkun ir-rata ta’ skont applikabbli għall-bonuses iddiferiti, u l-kriterji għad-determinazzjoni ta’ jekk impjegat huwiex persuna li tieħu riskju materjali, ma kinux ser jiġu adottati qabel ma jgħaddu diversi xhur wara li l-“limitu” speċifiku fuq remunerazzjoni varjabbli kellu jiġu applikat fil-livell nazzjonali. Kif ġie nnotat iktar ’il fuq, dan kellu jseħħ fl-1 ta’ Jannar 2014, imma bis-saħħa tal-Artikolu 94(2) tad-Direttiva DRK IV, l-ABE ma kinitx marbuta li tissottometti abbozz ta’ standards regolatorji tekniċi sal-31 ta’ Marzu 2014. Dawn ġew adottati mill-Kummissjoni fl-4 ta’ Marzu 2014. L-oġġezzjoni tar-Renju Unit testendi wkoll għad-dispożizzjonijiet fuq il-vot tal-azzjonisti u l-proporzjon diskrezzjonali tal-200 % stabbilit fl-Artikolu 94(1)(g)(ii) tad-Direttiva DRK IV. Għaldaqstant, ir-Renju Unit isostni li l-istituzzjonijiet tal-UE kellhom jippromulgaw leġiżlazzjoni ulterjuri li tipposponi d-data ta’ applikazzjoni tal-miżuri kkontestati sakemm is-sett sħiħ ta’ dispożizzjonijiet skont il-Pakkett DRK IV ikun lest għall-implementazzjoni fit-totalità tiegħu.

81.      Biex isostni obbligu għall-“implementazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li hija preċiża u ċerta biżżejjed” ir-Renju Unit jistrieħ fuq l-Artikolu 17 tal-Karta tal-UE, l-Artikolu 1 tal-Protokoll A tal-KEDB, u l-kawżi Hentrich vs Franza (50), Spacek vs Ir-Repubblika Ċeka (51) u C‑409/04 Teleos (52).

82.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet reċentement li l-“prinċipju ta’ ċertezza legali, li l-korollarju tiegħu huwa l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jeżiġi li leġiżlazzjoni li jkollha konsegwenzi sfavorevoli għall-individwi għandha tkun ċara u preċiża u li l-applikazzjoni tagħha għandha tkun prevedibbli għall-individwi” (53).

83.      Fir-rigward tan-nuqqas ta’ eżistenza ta’ standards tekniċi regolatorji sal-4 ta’ Marzu 2014, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 92(2) tad-Direttiva DRK IV jispjega b’mod awtonomu u ddettaljat liema impjegati tal-istituzzjonijiet huma koperti mid-dispożizzjonijiet ta’ remunerazzjoni (54).

84.      Kif jindika l-Kunsill fid-difiża tiegħu, id-Direttiva DRK III diġà kienet stabbilixxiet l-elementi kostituttivi għat-twaqqif ta’ proporzjon bejn il-parti fissa u varjabbli tar-remunerazzjoni. Dan inkluda l-kuntest personali tal-politika ta’ remunerazzjoni tal-UE ddefinit fl-Anness I tad- Direttiva DRK III li kien iħaddan il-“maniġment ta’ livell għoli, dawk li jieħdu r-riskji persunal fil-karigi ta’ kontroll, u kwalunkwe impjegat li r-rimunerazzjoni totali tiegħu tieħdu fl-istess kategorija ta’ rimunerazzjoni bħall-maniġment ta’ livell għoli u dawk li jieħdu r-riskji, u li l-attivitajiet professjonali tagħhom ikollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tagħhom”. Din id-dispożizzjoni daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2010, u kellha tiġi trasposta fid-dritt nazzjonali mill-Istati Membri sal-aħħar tal-2011. Għalhekk, mill-2011 l-istituzzjonijiet finanzjarji kienu qed japplikaw il-kunċett tad-dritt tal-UE ta’ dak li jieħu riskju materjali.

85.      Għalhekk, id-Direttiva DRK IV tuża, fil-fehma tiegħi, regoli speċifiċi biżżejjed dwar ir-remunerazzjoni varjabbli, li ilhom fis-seħħ għal xi żmien. Barra minn hekk, ninnota li l-miżuri kkontestati tad-Direttiva DRK IV ġew ippubblikati f’Ġunju 2013, daħlu fis-seħħ f’Lulju 2013, u saru applikabbli mill-31 ta’ Diċembru 2013. Għaldaqstant, wieħed jista’ jassumi li r-regoli ġodda fuq remunerazzjoni varjabbli debitament tqiesu fin-negozjati kuntrattwali li saru bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-persunal rilevanti tagħhom għas-sena 2014.

86.      Imma iżjed importanti minn hekk, bħala kwistjoni tad-dritt tal-UE, il-kriterji kwalitattivi jew kwantitattivi tal-Artikolu 92(2) tad-Direttiva DRK IV ma setgħux jinbidlu mill-istandards tekniċi regolatorji li ġew fl-aħħar nett adottati mill-Kummissjoni fl-4 ta’ Marzu 2014. Għalhekk, ma hemmx kwistjoni li ċ-ċertezza legali kienet fil-perikolu.

87.      Fi kwalunkwe każ, anki jekk ir-regoli dwar ir-remunerazzjoni varjabbli tqiesu li huma retroattivi fl-effett, ma jkunx hemm ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura tal-UE jista’ jkollha effett retroattiv sakemm l-għan li għandu jintlaħaq jeħtieġ hekk, u l-aspettattivi leġittimi ta’ dawk ikkonċernati jkunu ġew debitament irrispettati (55).

88.      L-għan tal-miżuri kkontestati huwa li jinħoloq sett omoġenju ta’ regoli applikabbli għar-remunerazzjoni varjabbli mogħtija għal servizzi ta’ dawk li jieħdu riskju materjali li ngħataw matul is-sena 2014. Għaldaqstant, l-għan leġittimu tal-Artikolu 162(3) tad-Direttiva DRK IV huwa li jiġi żgurat li l-miżuri li hemm fiha jiġu applikati mill-istess data madwar l-UE.

89.      Barra minn hekk, ġew debitament irrispettati l-aspettattivi leġittimi ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ individwi kkonċernati. Il-partijiet kkonċernati rċevew l-ewwel avviż li leġiżlazzjoni addizzjonali fuq ir-remunerazzjoni kienet prevista fil-Green Paper (56) u l-proposta inizjali għall-Pakkett DRK IV (57). Meta, fit-30 ta’ Mejju 2012, il-Parlament Ewropew ippubblika l-emendi tiegħu fejn ġie propost proporzjon massimu fiss ta’ 100 % għall-parti varjabbli ta’ remunerazzjoni, (58) inizjattiva ta’ dan it-tip ma setgħetx kienet tmur lil hinn mill-aspettattivi leġittimi ta’ dawk ikkonċernati. F’Diċembru 2012, il-kompromess li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fir-rigward tar-remunerazzjoni ta’ dawk li jieħdu riskju materjali, u li ppropona li jiġi stabbilit proporzjon ta’ 200 % ta’ salarju fiss, kiseb attenzjoni kbira mill-midja. Barra minn hekk, bil-pubblikazzjoni tad-Direttiva DRK IV fil-Ġurnal Uffiċjali fis-27 ta Ġunju 2013, kien hemm disponibbli regoli ċari biżżejjed fuq remunerazzjoni varjabbli li seta’ jarahom kulħadd u kien hemm żmien biżżejjed biex wieħed jipprepara għad-dħul fis-seħħ tagħhom fil-bidu tal-2014.

90.      Għal dawn ir-raġunijiet it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

E –    It-tieni motiv dwar il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà u l-kontestazzjoni tal-Artikolu 94(1)(g) tad-Direttiva DRK IV u l-Artikolu 450(i) u (j) tar-Regolament RK

91.      Dan il-motiv huwa espress u sostnut f’termini pjuttost kumplessi, imma jista’ jinqasam f’żewġ temi ewlenin, jiġifieri; (i) ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità (59) u ta’ sussidjarjetà (60) bl-adozzjoni tal-proporzjon fiss massimu obbligatorju ta’ 100 % ta’ salarju fiss għal remunerazzjoni varjabbli u (ii) proporzjonalità tar-rekwiżiti tal-iżvelar. Jiena ser nindirizza dawn it-temi b’mod separat. (61)

1.      Proporzjon fiss massimu għal remunerazzjoni varjabbli

92.      Skont ir-Renju Unit, il-miżuri kkontestati ma jikkonformawx mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi ma humiex idoneji għall-finijiet li jintlaħaq l-għan tal-politika pubblika mixtieq. Lanqas ma huma meħtieġa biex jintlaħaq l-għan ta’ interess pubbliku mistqarr tal-leġiżlazzjoni billi d-dispożizzjonijiet (mhux ikkontestati) li jifdal tad-Direttiva DRK IV u tar-Regolament RK jipprovdu biżżejjed superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu f’dan il-qasam, mingħajr il-bżonn addizzjonali għall-impożizzjoni tal-“limitu tal-bonus” allegat. Qed jiġi sostnut ukoll li l-proporzjonalità tal-miżuri emendati baqgħet ma ġietx ittestjata mil-leġiżlatura. Ġie argumentat li dan imur kontra l-gwida tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (62). Ir-Renju Unit jikkontendi li anki meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-istituzzjonijiet tal-UE meta jilleġiżlaw għall-preservazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja, il-miżuri kkontestati huma manifestament sproporzjonati, u barra minn dan, jiksru l-prinċipju ta’ sussidjarjetà billi l-bżonn tagħhom li jirranġaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fil-libertà ta’ stabbiliment baqa’ ma ġiex sostanzjat (63).

93.      Infakkar li hemm prinċipju kostituzzjonali tad-dritt tal-UE li għid li, fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja tal-Unjoni Ewropea, il-koleġiżlaturi għandhom il-kompetenza li jagħmlu emendi għal kwalunkwe proposta leġiżlattiva sa fejn jibqgħu fil-portata tal-att kif iddefinit fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni (64). Dan huwa dak li ġara fir-rigward tal-emenda għall-Artikolu 94(1)(g) tad-Direttiva DRK IV li introduċiet regola iktar stretta minn dik li ressqet il-Kummissjoni fil-proposta tagħha. Madankollu, l-Artikolu 94(1)(g) tad-Direttiva DRK IV ma ħariġx mill-portata u l-għanijiet tagħha, billi baqa’ jirrigwarda s-suġġett tar-regolazzjoni tal-elementi varjabbli ta’ remunerazzjoni sabiex jiġi missielet it-teħid ta’ riskju eċċessiv mill-maniġment u l-impjegati ta’ istituzzjonijiet finanzjarji. Dan is-suġġett diġà ġie indirizzat fid-Direttiva DRK III.

94.      Kif il-Kunsill ifakkar ġustament, il-koleġiżlaturi jistgħu jintroduċu miżuri li ma kinux previsti fil-proposta leġiżlattiva inizjali, mingħajr ma jkunu neċessarjament marbutin li jagħmlu evalwazzjoni tal-impatt ġdida u ddettaljata. Dan huwa minnu għaliex l-evalwazzjonijiet tal-impatt li għamlet il-Kummissjoni ma jorbtux la lill-Kunsill u lanqas lill-Parlament billi t-tnejn huma intitolati li jagħmlu emendi għal proposta tal-Kummissjoni (65).

95.      Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li s-“setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-leġiżlatur komunitarju, li timplika stħarriġ ġudizzjarju limitat tal-eżerċizzju tiegħu, ma tikkonċernax esklużivament in-natura u l-portata tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati, iżda wkoll, f’ċerta miżura, il-konstatazzjoni tad-data bażika” (66). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li għalkemm l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat, l-istituzzjonijiet Komunitarji li adottaw l-att inkwistjoni għandhom “ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-att kien ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, li jippresupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha u taċ-ċirkustanzi rilevanti tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż sabiex jirregola” (67). L-informazzjoni li l-istituzzjonijiet jistgħu jistrieħu fuqha meta jeżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom tinkludi, imma ma hijiex limitata għal informazzjoni fid-dominju pubbliku, workshops mill-Parlament u dokumenti xjentifiċi użati mill-Istati Membri fil-laqgħat tal-Kunsill, mingħajr ma jkollhom bżonn ikunu dokumenti uffiċjali tal-Kunsill (68).

96.      Wieħed għandu jiftakar li meta jingħata marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni u jinvolvi għażliet ekonomiċi u politiċi, rikorrent li jrid dikjarazzjoni ta’ invalidità għandu juri li l-miżura kkonċernata hija manifestament mhux xierqa, (69) fid-dawl tal-għan imfittex mill-istituzzjonijiet kompetenti. Madankollu, il-fatturi u ċ-ċirkustanzi kollha għandhom jiġu kkunsidrati, inklużi “il-fatti bażiċi” (70). Id-diskrezzjoni tal-leġiżlatura tal-UE hija ristretta wkoll fil-qasam tad-drittijiet fundamentali “skont ċertu numru ta’ elementi, fosthom, b’mod partikolari, il-qasam ikkonċernat, in-natura tad-dritt inkwistjoni ggarantit mill-Karta, in-natura u l-gravità tal-inġerenza kif ukoll l-għan tagħha.” (71).

97.      Fil-fehma tiegħi, hemm iddokumentat ċar fid-difiżi tal-Parlament u tal-Kunsill, u fl-intervent tal-Kummissjoni, li l-kwistjoni tar-regolazzjoni tal-parti varjabbli ta’ remunerazzjoni ta’ dawk li jieħdu riskju materjali ġiet iddibattuta ħafna mill-bidu tal-kriżi finanzjarja, kemm fil-letteratura akkademika kif ukoll minn diversi elementi li jsawru l-politika. Matul il-proċess li wassal għall-adozzjoni tad-Direttiva DRK IV, u b’mod partikolari l-Artikolu 94(1)(g) tagħha, kien hemm bosta informazzjoni fid-dominju pubbliku, workshops li saru mill-Parlament u dokumenti diskussi mill-Istati Membri fil-laqgħat tal-Kunsill. Dawn jiżvelaw l-inċertezzi empiriċi dwar ir-remunerazzjoni ta’ dawk li jieħdu riskju materjali u jirriflettu politiki differenti u approċċi regolatorji possibbli.

98.      Madankollu, il-materjal li kellhom disponibbli għalihom dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet wera biċ-ċar li l-inċentivi ta’ restrizzjoni a priori għat-teħid ta’ riskju eċċessiv mill-maniġment u l-persunal ta’ istituzzjonijiet finanzjarji x’aktarx kienu jnaqqsu dan it-teħid ta’ riskji u, bħala konsegwenza, kwalunkwe riskju għall-istabbiltà ta’ swieq finanzjarji li jirriżulta minnu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni fejn u minn min il-limiti konkreti għal dawn l-inizjattivi kellhom jiġu stabbiliti tirrigwarda, fil-fehma tiegħi, il-grad ta’ regolazzjoni li kien xieraq. Dan involva b’mod ċar għażliet ekonomiċi u politiċi. Madankollu, dawn l-għażliet riedu jkunu manifestament mhux xierqa qabel ma l-miżuri leġiżlattivi kkonċernati jistgħu jiġu annullati.

99.      Fid-dawl ta’ dan kollu, fil-fehma tiegħi ma huwiex il-każ li la jkun ta’ għajnuna u lanqas meħtieġ għall-Qorti tal-Ġustizzja li tindirizza d-diversi dettalji fl-intier tagħhom inklużi fil-każ tar-Renju Unit fuq dan il-punt. Fil-fatt, dawn id-dettalji sempliċement juru li l-kwistjoni kienet kontroversjali, u li l-Parlament Ewropew ikkunsidra qabel l-istituzzjonijiet l-oħrajn li kien deżiderabbli li jkun hemm regolazzjoni iktar intensa tal-parti varjabbli tar-remunerazzjoni ta’ dawk li jieħdu r-riskju materjali ta’ istituzzjonijiet finanzjarji. Il-Kunsill, kif ukoll il-Kummissjoni, aċċettaw dan meta l-marġni tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ġie miżjud għall-istituzzjonijiet finanzjarji.

100. Fil-fehma tiegħi, żewġ punti oħra biss għandhom jiġu indirizzati fir-rigward ta’ dan il-motiv ta’ kontestazzjoni. L-ewwel nett, skont l-aħħar inċiż tal-Artikolu 94(1)(g)(ii) tad-Direttiva DRK IV, il-membri tal-persunal li huma direttament ikkonċernati mill-eżerċizzju tal-għażla ta’ livelli massimi ogħla tar-remunerazzjoni varjabbli skont din id-dispożizzjoni ma għandhomx jivvotaw bħala azzjonisti, proprjetarji jew membri tal-istituzzjoni meta istituzzjoni finanzjarja tiddeċiedi li tagħmel użu minnha, u tgħolli l-livell tal-komponent varjabbli ta’ remunerazzjoni għal 200 % tal-komponent fiss. Fl-opinjoni tiegħi, din hija restrizzjoni normali u ġġustifikata fit-teħid ta’ deċiżjonijiet minn kumpannija, bl-għan li jiġu evitati kunflitti ta’ interess fil-kuntest tal-ġestjoni tar-riskju tajba tal-istituzzjoni finanzjarja inkwistjoni.

101. It-tieni nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, infakkar li l-proporzjon fiss massimu tal-komponent varjabbli ta’ remunerazzjoni fl-Artikolu 94(1)(g) tad-Direttiva DRK IV jikkostitwixxi miżura obbligatorja ta’ armonizzazzjoni minima fi ħdan is-suq intern sabiex b’hekk l-Istat Membru jkollu libertà ta’ azzjoni għal regoli nazzjonali iktar stretti. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perċentwali massima iktar baxxa minn 100 % tal-komponent fiss.

102. Kif ġie indikat fid-difiża u fil-kontroreplika tal-Kunsill, kien hemm differenzi fl-opinjonijiet dwar dan il-proporzjon kemm fost l-Istati Membri kif ukoll l-istituzzjoni finanzjarji; l-idea li jiġi introdott proporzjon massimu u/jew li r-remunerazzjoni varjabbli tiġi llimitata kienet parti mid-dibattitu pubbliku għal diversi snin qabel l-adozzjoni tal-miżuri kkontestati. Madankollu, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà ta’ provvista ta’ servizzi f’dan is-settur huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ kontroll tal-pajjiż domiċiljarju. Għalija dan ifisser li kien hemm perikolu ta’ kompetizzjoni regolatorja ’l isfel u riskju li awtoregolazzjoni mill-istituzzjonijiet finanzjarji ma tkunx biżżejjed biex toħloq il-politiki ta’ remunerazzjoni meħtieġa għall-prevenzjoni tat-teħid ta’ riskju eċċessiv. Barra minn dan, huwa evidenti li l-għan ta’ ħolqien ta’ qafas regolatorju uniformi għall-ġestjoni tar-riskju tal-partijiet rilevanti tal-politiki ta’ remunerazzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji ma setax jintlaħaq aħjar b’miżuri meħudin fil-livell nazzjonali.

103. Fl-aħħar nett, infakkar li l-proposti tal-Parlament Ewropew għal emendi ġew analizzati b’mod intensiv u diskussi fil-korpi preparatorji tal-Kunsill. Barra minn hekk, il-Kunsill li ltaqa’ fil-5 ta’ Marzu 2013 indirizza speċifikament il-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-limiti fuq ir-remunerazzjonijiet varjabbli. Għaldaqstant, naqbel mal-Parlament u l-Kunsill li r-rekwiżiti proċedurali kollha dwar l-evalwazzjoni tal-konformità tal-proposta mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà ġew debitament osservati mil-leġiżlatura tal-UE. Bla ħsara għall-osservanza tar-rekwiżiti proċedurali, il-leġiżlatura għandha marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni meta tevalwa jekk miżura tal-Unjoni tikkonformax mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà (72).

2.      Il-proporzjonalità tal-iżvelar meħtieġ mill-Artikolu 450(1), (i) u (j) tar-Regolament RK

104. Qabel ma tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-legalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet b’riferiment għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa importanti li jiġi ċċarat x’jeħtieġu attwalment dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, l-Artikolu 450(1)(i) tar-Regolament RK sempliċement jeħtieġ l-identifikazzjoni ta’ numru ta’ individwi li jkunu rremunerati ’l fuq minn livelli speċifikati, u biex dan jinqasam f’faxex ta’ ħlas. Id-dispożizzjoni ma tirriżultax inevitabbilment fl-identifikazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ persuni individwali.

105. Għalhekk, kif indikat fir-risposta tal-Parlament, lanqas l-Artikolu 450(1) (i) jew (j) tar-Regolament RK ma jirrikjedi żvelar lill-pubbliku tad-data tal-persuni li jieħdu riskju sostantiv. Il-punt  (i) jirrikjedi biss l-iżvelar tan-numru ta’ individwi li jaqgħu taħt ċerti kategoriji ta’ pagi, filwaqt li punt (j) ikopri biss il-membri tal-korp amministrattiv jew tal-amministrazzjoni anzjana. Barra minn hekk, inżid ngħid li dan isir mingħajr ma tiġi żvelata l-identità tal-impjegat individwali jew is-salarju tiegħu jew tagħha. Dan ifisser ukoll li l-Artikolu 450(1)(i) u (j) ma jaffettwax id-drittijiet jew l-interessi tal-impjegati fis-sens tal-Artikolu 114(2) TFUE peress li, bħall-Artikolu 450(1)(i) u (j), hija indirizzata lill-istituzzjonijiet finanzjarji u mhux lill-impjegat individwali. . (73)

106. Għalhekk, fir-rigward tal-obbligi ta’ pubblikazzjoni li jirriżultaw direttament mill-Artikolu 450(1)(d) u (i), fil-fehma tiegħi, dawn ma jirriżultawx fl-iżvelar ta’ salarji individwali, iżda ta’ aggregati biss. Dan jaqa’ fil-marġni ta’ evalwazzjoni tal-leġiżlatura u ma huwiex problematiku mil-lat tal-protezzjoni tad-data (74).

107. Barra minn hekk, kif ġie indikat fid-difiża bil-miktub tal-Kunsill, l-Artikolu 450(1)(j) tar-Regolament RK sempliċement jippermetti lill-Istat Membru li jeżiġi l-iżvelar ta’ informazzjoni iktar iddettaljata fuq ir-remunerazzjoni, minn dak meħtieġ mill-Artikolu 450(l)(i), fil-forma tar-remunerazzjoni totali għal kull membru tal-korp ta’ amministrazzjoni jew amministrazzjoni għolja. Bl-ebda mod ma huwa meħtieġ mill-Istat Membru li jagħmel hekk, u l-Artikolu 450(l)(j) lanqas ma jimponi obbligu ta’ pubblikazzjoni ġenerali. Kif spjegajt fil-kuntest tal-ħames motiv, meta jiddeċiedu jagħmlux talba ta’ żvelar, l-Istati Membri jkunu marbutin mill-Karta u mid-dritt dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE.

108. Bħala konklużjoni għall-analiżi tiegħi dwar it-tieni motiv, billi r-rikorrent ma weriex li kien hemm ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità jew sussidjarjetà, it-tieni motiv għandu wkoll jiġi miċħud.

F –    L-ewwel motiv li jikkontesta l-bażijiet legali tal-miżuri kkontestati

109. Fir-rigward tal-oġġezzjoni tar-Renju Unit għall-Artikolu 53(1) TFUE bħala l-għażla tal-bażi fit-Trattat għall-Artikoli 94(1)(g) u 94(2) tad-Direttiva DRK IV, nibda billi ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li miżuri mmirati lejn il-promozzjoni tal-iżvilupp armonjuż ta’ attivitajiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu ġewwa l-UE bl-eliminazzjoni ta’ kwalunkwe restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, filwaqt li jżidu l-istabbiltà tas-sistema bankarja u l-protezzjoni ta’ min ifaddal, jistgħu jkunu bbażati fuq l-Artikolu 53(1) TFUE (75).

110. Billi, minn naħa, il-komponent varjabbli tar-remunerazzjoni ta’ dawk li jieħdu riskju materjali jista’ jinkoraġġixxi li jittieħed riskju eċċessiv min-naħa tal-istituzzjonijiet finanzjarji u, min-naħa l-oħra, dawn tal-aħħar joperaw fis-suq intern fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni waħda skont il-prinċipju tad-dritt tal-UE tal-kontroll tal-pajjiż domiċiljarju (76), l-UE tista’, fil-fehma tiegħi, fuq il-bażi tal-Artikolu 53(1) TFUE, tistabbilixxi għal kull kategorija ta’ persuni, proporzjon obbligatorju bejn il-komponent fiss u l-komponent varjabbli tar-remunerazzjoni tagħhom. Peress li din il-parti tar-remunerazzjoni tolqot direttament il-profil tar-riskju ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, din tista’ taffettwa l-istabbiltà ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u, bħala konsegwenza, dik tas-swieq finanzjarji tal-UE. Fi kliem ieħor, il-miżuri kkontestati mir-Renju Unit fid-Direttiva DRK IV huma relatati mal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal u t-twettiq ta’ attivitajiet ta’ istituzzjonijiet finanzjarji fis-suq intern.

111. Madankollu, skont ir-Renju Unit, dawn id-dispożizzjonijiet kellhom jiġu adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 153(2) TFUE. Barra minn hekk, ir-Renju Unit iżid li, peress li l-Artikolu 153(5) TFUE jipprekludi miżuri marbuta ma’ “pagi”, ma jistax isir użu mill-Artikolu 153 bħala l-bażi tat-Trattat għall-Artikoli 94(1)(g) u 94(2) tad-Direttiva DRK IV.

112. L-Artikolu 153(5) TFUE ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li l-iffissar ta’ livelli ta’ remunerazzjoni jidħol fil-qasam tal-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali, għalhekk dik il-kompetenza hija tal-Istati Membri (77). Billi dan huwa l-każ, fil-fehma tiegħi, huwa essenzjali li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 153(5) TFUE, dispożizzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett (78), japplikax meta l-miżura kkontestata ma twettaqx għan ta’ politika soċjali, kif inhu l-każ hawnhekk. Dan huwa importanti għaliex l-Artikolu 153(5) TFUE jidderoga biss minn “dan l-Artikolu”, u l-Artikolu 153 jirrigwarda l-politika soċjali biss tal-UE, kwistjoni ddefinita mill-Artikolu 151 TFUE, fejn isir riferiment għall-Karta Soċjali Ewropea tal-1962 u l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tal-1989.

113. Huwa evidenti li l-limiti fuq ir-remunerazzjoni ta’ dawk li jieħdu riskju materjali ma humiex immirati biex jagħtu lil dawn l-impjegati xi forma ta’ protezzjoni soċjali. Il-premessi 62 u 65 fil-preambolu tad-Direttiva DRK IV juru li d-direttiva għandha l-għan li ma tħallix lil dawn l-impjegati jiġu inkoraġġiti milli jieħdu riskji eċċessivi, mhux biss bl-għan li tiġi limitata l-espożizzjoni ta’ kull istituzzjoni finanzjarja għal dawn ir-riskji, imma wkoll mill-perspettiva ġenerali tal-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tal-UE. Il-premessa 62 tgħid, inter alia, li l-politiki ta’ remunerazzjoni “li jinkoraġġixxu mġiba ta’ teħid eċċessiv ta’ riskju jistgħu jimminaw il-ġestjoni valida u effikaċi tar-riskju” ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. Il-premessa 65 tgħid, inter alia li “sabiex ikunu evitati riskji eċċessivi, għandu jkun stabbilit proporzjon massimu bejn il-komponent fiss u dak varjabbli tar-rimunerazzjoni totali”.

114. Madankollu, fil-fehma tiegħi, anki ladarba ssir din l-analiżi, il-kontestazzjoni tar-Renju Unit ma tistax tiġi miċħuda sempliċement fuq il-bażi li l-miżuri kkontestati ma jsegwux għan ta’ politika soċjali. Dan huwa hekk għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-“determinazzjoni tal-livell ta’ ħlas tad-diversi partijiet li jikkostitwixxu r-remunerazzjoni ta’ ħaddiem toħroġ barra mill-kompetenza tal-leġiżlatura tal-Unjoni Ewropea” u hija fdata f’idejn l-Istati Membri (79). Għaldaqstant, ma jistax isir użu mill-Artikolu 53(1) TFUE bħala bażi legali tad-Direttiva DRK IV sabiex tiġi evitata l-limitazzjoni imposta mill-Artikolu 153(5) TFUE.

115. Jiena ninsab konxju wkoll mill-fatt li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet varjabbli ta’ salarju jifformaw parti mir-remunerazzjoni ta’ dak is-salarju (80). Għalhekk, dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni qabel ma tittieħed xi konklużjoni definittiva dwar ir-rwol tal-Artikolu 153(5) TFUE sabiex tiġi solvuta din il-kwistjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlatura tal-UE fir-realtà ffissatx il-ħlas ta’ dawk li jieħdu riskju materjali fis-sens tal-Artikolu 153(5) TFUE.

116. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 153(5) TFUE hija l-bażi tar-regola li “d-determinazzjoni tal-livell ta’ l-elementi differenti li jikkostitwixxu l-paga ta’ ħaddiem [...] tinsab inkontestabbilment fir-riżultat tal-qrati kompetenti fid-diversi Stati Membri” (81), u li l-eċċezzjoni li hemm fl-Artikolu 153(5) “għandha tinftiehem bħala li tirrigwarda l-miżuri li, bħall-uniformità ta’ parti minn, jew ta’ l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-pagi u/jew tal-livell tagħhom fl-Istati Membri jew inkella l-iffissar ta’ salarju Komunitarju minimu, jkunu jinvolvu interferenza diretta mil-liġi Komunitarja fid-determinazzjoni tal-pagi fi ħdan il-Komunità” (82).

117. Mingħajr dubju, il-projbizzjoni fl-Artikolu 153(5) TFUE tapplika biss għad-determinazzjoni tal-“livell” ta’ ħlas (83). Kif ġie indikat fir-rikors tar-Renju Unit, l-Avukat Ġenerali Kokott esprimiet il-fehma, fil-kawża Impact li l-UE ma jkollux kompetenza, pereżempju, “jistabbilixxi limitu għaż-żieda annwali tal-pagi u lanqas jiffissa l-paga għas-sahra jew għax-xogħol bix-xift, xogħol fil-vaganzi jew xogħol ta’ bil-lejl” (84). Barra minn dan, l-Artikolu 153(5) TFUE għandu l-għan li jipprekludi standardizzazzjoni mal-UE kollha mil-leġiżlatura tal-UE ta’ livelli ta’ paga applikabbli f’kull Stat Membru, billi dan il-livellar jirrappreżenta interferenza sinjifikattiva fil-kompetizzjoni bejn impriżi li joperaw fis-suq intern (85). L-ebda kwistjoni minn dawn ma hija affettwata mill-Artikoli 94(1)(g) u 94(2) tad-Direttiva DRK IV.

118. Madankollu, kif ġie indikat fid-difiża tal-Kunsill, ir-regoli stabbiliti permezz tal-Artikoli 92 sa 94 tad-Direttiva DRK IV, jistgħu, l-iktar, jitqiesu li għandhom rabta mal-ħlas, filwaqt li l-Kunsill iżid jgħid, bl-appoġġ tal-Parlament, li l-ammont tal-komponent fiss jitħalla għan-negozjati tar-remunerazzjoni bejn il-persunal u l-istituzzjoni finanzjarja. Kif indikat fir-risposti tal-Kunsill u tal-Parlament, ir-Renju Unit sostna li r-rispons probabbli għall-Pakkett DRK IV huwa żieda fl-ammont ta’ remunerazzjoni fissa sabiex jinżamm livell għoli globali tar-remunerazzjoni totali. Għalhekk, il-proporzjon bħala tali jista’ ma jiġix ikkunsidrat li huwa parti kostitwenti tal-ħlas. Kif jgħid il-Kunsill fir-risposta tiegħu, dan l-aġġustament ma jkunx possibbli kieku l-Unjoni Ewropea lleġiżlat fuq parti kostitwenti tal-ħlas u, kif indikat fil-kontroreplika tal-Parlament, proporzjon fih innifsu ma huwiex suffiċjenti sabiex jistabbilixxi xi ħaġa.

119. Kif semmejt diġà, u kuntrarjament għall-argumenti li saru fir-rikors tar-Renju Unit, l-Artikolu 94(1)(g) ma jimponix “limitu” fuq ir-remunerazzjoni varjabbli. Dan huwa evidenti mill-fatt li l-ebda limitu ma huwa impost fuq l-ammont ta’ remunerazzjoni fissa li individwi jistgħu jaqilgħu, sabiex il-proporzjon ta’ 100 % li introduċa l-Artikolu 94(1)(g)(i) tad-Direttiva DRK IV jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe somma flus li istituzzjoni finanzjarja tkun ippreparata tħallas bħala salarju fiss. In-nuqqas ta’ kwalunkwe effett ta’ “limitazzjoni” li jirriżulta mill-proporzjon għar-remunerazzjoni varjabbli huwa enfasizzat ukoll mill-Artikolu 94(1)(g)(ii) tad-Direttiva DRK IV, li fi kwalunkwe każ jipprovdi mekkaniżmu biex il-proporzjon jiżdied għall-200 %, u fl-istess ħin jippermetti l-Istati Membri li jiffissaw proporzjon massimu f’livell ta’ perċentwali massimu iktar baxx.

120. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 94(1)(g) tad-Direttiva DRK IV, u l-limitu fuq remunerazzjoni varjabbli li fih, ma jolqotx direttament il-livell ta’ ħlas ta’ persuni li jidħlu fil-kuntest tiegħu. Dik id-dispożizzjoni sempliċement tistabbilixxi proporzjon bejn element fiss u varjabbli mingħajr ma taffettwa l-livell ta’ remunerazzjoni bħala tali. Dak il-livell huwa funzjoni tal-komponent fiss ta’ ħlas miftiehem bejn min iħaddem u l-impjegat meta jiżdied mal-komponent varjabbli. Billi ma hemmx limitu legali għall-komponent fiss għaldaqstant lanqas ma hemm limitu bħal dak għal-livell totali ta’ ħlas (86).

121. Bħala konklużjoni nissottometti li l-Artikolu 94(1)(g) tad-Direttiva DRK IV ma jimponi l-ebda limitu fuq il-livell ta’ ħlas. Dan jistabbilixxi biss struttura għar-remunerazzjoni fil-forma ta’ proporzjon bejn il-livell fiss ta’ remunerazzjoni u r-remunerazzjoni varjabbli sabiex jiġi evitat it-teħid ta’ riskju eċċessiv. Dan jikkostitwixxi għan leġittimu biex jiġi żgurat li l-libertà ta’ stabbiliment ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u l-libertà ta’ provvista ta’ servizzi finanzjarji fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni waħda u l-kontroll tal-pajjiż domiċiljarju jkunu jistgħu jiffunzjonaw mingħajr perikolu fis-suq intern tal-UE (87). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja approvat il-kompatibbiltà mal-liġi tat-Trattat tal-UE ta’ miżuri li għandhom biss rabta indiretta mal-livell ta’ ħlas (88).

122. Fir-rigward tal-Artikolu 114 TFUE bħala l-bażi legali tal-Artikolu 450(1)(d), (i) u (j) tar-Regolament RK, ir-Renju Unit jgħid li l-użu tal-Artikolu 114(1) TFUE huwa eskluż minħabba l-eċċezzjoni li hemm fl-Artikolu 114(2) TFUE.

123. Fid-dawl tal-analiżi tiegħi tal-ħames motiv, huwa diffiċli għalija nara kif l-obbligi tal-iżvelar li hemm fl-Artikolu 450(1) tar-Regolament RK jistgħu jiġu kkunsidrati li jikkostitwixxu dispożizzjonijiet li huma rilevanti għad-“drittijiet u l-interessi ta’ l-impjegati” fis-sens tal-Artikolu 114(2) TFUE billi d-dispożizzjoni torbot biss istituzzjonijiet finanzjarji u mhux l-impjegati tagħhom li jibqgħu protetti mill-Karta u mid-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 114(2) sostnuta mir-Renju Unit tipprekludi li tittieħed kwalunkwe azzjoni mill-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 114 TFUE li taffettwa l-qasam tax-xogħol. Dan jikkontradixxi l-paragrafi (4) u (5) tal-Artikolu 114 TFUE li jippermettu r-regolazzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-ambjent tax-xogħol fuq il-bażi tal-Artikolu 114 TFUE.

124. Għal dawn ir-raġunijiet, l-ewwel motiv ta’ annullament għandu wkoll jiġi miċħud.

V –    Spejjeż

125. Billi, skont is-soluzzjoni proposta tiegħi, ir-Renju Unit tilef il-kawża u l-Kunsill u l-Parlament Ewropew talbu l-ispejjeż, ir-Renju Unit għandu jiġi kkundannat iħallas l-ispejjeż skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, bħala parti intervenjenti, għandha tħallas l-ispejjeż tagħha skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

VI – Konklużjoni

126. Fid-dawl tal-osservazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad il-kawża, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tħallas l-ispejjeż tagħha, u tordna li r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq iħallas l-ispejjeż tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – ĠU 2013 L 176, p. 338.


3 – ĠU 2013 L 176, p.1.


4 – Fit-test segwenti ser jintuża l-kliem “dawk li jieħdu riskju materjali” biex jiġu deskritti dawn l-impjegati. Iżda ninnota li l-leġiżlazzjoni ma hijiex uniformi għal kollox meta tiġi biex tuża l-forma tal-kliem biex tidentifikahom. Hawnhekk qed nirreferi għall-Artikoli 92(2) u 94(2) tad-Direttiva DRK IV u l-Artikolu 450(1) tar-Regolament RK.


5 – Dan huwa l-kliem li ntuża fil-midja li tuża l-ilsien Ingliż biex tiddeskrivi l-arranġament. Ninnota li d-Direttiva DKR IV ma tirrappreżentax l-ewwel darba li l-leġiżlatura tal-UE pprovat tirregola l-bonuses jew is-supplimenti tal-paga. Ara, pereżempju, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 ĠU 2006 L 102, p. 1.


6 – Ara COM(2012) 778 finali, punt 3.1. Bejn l-2008 u l-2011, l-ammont ta’ għajnuna globali użat f’termini ta’ garanziji, miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni, assi suġġetti għal telf fil-valur u miżuri ta’ likwidità, kienu jammontaw għal EUR 1.6 triljun li jikkorrispondi għal 12.8 % tal-PDG tal-UE.


7 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 272.


8 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 16.


9 – ĠU 2006 L 177, p. 1.


10 – ĠU 2006 L 177, p. 201.


11 – Direttiva 2009/111/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li temenda d-Direttivi 2006/48/KE, 2006/49/KE u 2007/64/KE dwar banek affiljati ma’ istituzzjonijiet ċentrali, ċerti elementi ta’ fondi proprji, espożizzjonijiet kbar, arranġamenti superviżorji u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU L 302, p. 97).


12 – Direttiva 2010/76/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar ir-rekwiżiti kapitali għall-kotba tal-kummerċ u għar-rititolizzazzjonijiet, u r-reviżjoni superviżorja tal-politika dwar ir-rimunerazzjoni (ĠU L 329, p. 3).


13 – Skont premessa (3) fil-preambolu tad-Direttiva DRK III, sabiex “jiġi indirizzat l-effett detrimentali potenzjali ta’ strutturi ta’ rimunerazzjoni mfassla ħażin fuq l-immaniġġar tajjeb tar-riskji u l-kontroll tal-imġiba tat-teħid tar-riskju mill-individwi, ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2006/48/KE għandhom jiġu ssupplimentati minn obbligu ċar għall-istituzzjonijiet tal-kreditu u l-impriżi ta’ investiment sabiex jistabbilixxu u jżommu, għal dawk il-kategoriji ta’ ħaddiema li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tagħhom, il-politika u prattiċi tar-rimunerazzjoni li jkunu konsistenti ma’ mmaniġġar effikaċi tar-riskji. Dawk il-kategoriji tal-persunal għandhom jinkludu tal-anqas lill-maniġment ta’ livell għoli, lil dawk li jieħdu r-riskji u persunal fil-karigi ta’ kontroll, u kwalunkwe impjegat li r-rimunerazzjoni totali tiegħu, inklużi l-provvedimenti diskrezzjonarji għall-pensjoni, teħodhom fl-istess kategorija ta’ rimunerazzjoni bħall-maniġment ta’ livell għoli u ta’ dawk li jieħdu r-riskji”.


14 – KUMM(2010) 284 finali, b’mod partikolari punt 5.7 intitolat “Ir-remunerazzjoni”.


15 – Ara l-Artikolu 90(1)(f) fir-Rapport dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment u li temenda d-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-superviżjoni supplementari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, impriżi ta’ assigurazzjoni u ditti tal-investiment f’konglomerat finanzjarju (A 7‑0170/2012) tat-30 ta’ Mejju 2012,.


16 – Ara l-aġenda provviżorja tat-3227 laqgħa tal-Kunsill tal-1 ta’ Marzu 2013 (doc 6864/13) u s-sommarju ppubblikat sussegwentement fuq id-dibattitu fil-Kunsill tal-5 ta’ Marzu 2013.


17 – Ir-Renju Unit ma jikkontesta l-ebda dispożizzjoni relatata ma’ ħlas tad-Direttiva DRK IV ħlief l-Artikolu 94(1)(g) u l-Artikolu 94(2). Filwaqt li l-Artikolu 94(1)(g)(iii) huwa kopert mit-talbiet imressqin, dan ma huwiex diskuss fid-dettall fil-kawża.


18 – Ara wkoll ir-rapport Liikanen tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar ir-riforma tal-istruttura tas-settur bankarju tal-UE, Brussell, it-2 ta’ Ottubru 2012, punt 4.2.5.


19 – Hawnhekk, ir-Renju Unit qed jirreferi għal R. Jennings, u A. Watts (edituri) Oppenheim’s International Law, id-9 Edizzjoni, Longman, Harlow, Vol. 1 “Peace” [Paċi], f’p. 456, li, madankollu fl-opinjoni tiegħi, ma jagħti l-ebda sostenn għal argument fis-sens li l-ġurisdizzjoni leġiżlattiva tal-Istati tkun limitata għal aġir li jiġri fit-territorju tagħhom stess. Għall-kuntrarju, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 ta’ dik il-paġna, l-awturi jirreferu għas-sentenza Lotus tal-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali fejn jintqal li d-dritt internazzjonali ġeneralment iħalli f’idejn l-Istati “marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni” fl-applikazzjoni tal-liġijiet tagħhom għal atti li jseħħu barra mill-pajjiż, li jkunu limitati f’ċerti każijiet b’regoli projbittivi.


20 – Sentenza Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 110.


21 – Ara wkoll l-Artikolu 3(36) tad-Direttiva DRK IV, li jgħid li “awtorità kompetenti” “tfisser awtorità kompetenti kif definita fil-punt (40) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013”.


22 – Ara s-sentenza Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, 48/69, EU:C:1972:70 u s-sentenza Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C­­89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, EU:C:1988:447.


23 – Sentenza tal-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali (PCIJ) tas-7 ta’ Settembru 1927 f’Lotus (Franza vs It-Turkija), Pubblikazzjonijiet PCIJ 1927, Serje A, Nru 10, p. 25.


24 – Konklużjonijiet fil-Kawża Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, 89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, EU:C:1988:258 punti 27 sa 30.


25 – Skont id-duttrina, il-qalba tad-dictum tal-PCIJ f’Lotus għadu validu. Ara, pereżempju, il-Każ dwar il-Mandat ta’ Arrest tal-11 ta’ April 2000 (sentenza Dem. Rep. Congo vs Belgium), Rapporti I.C.J. 2002, p. 3, Opinjoni Separata tal-President Guillaume, punti 13 sa 16; Legalità tad-Theddida ta’ Armi Nukleari (Parir Konsultattiv) Rapporti I.C.J. 1996, p. 226, Dikjarazzjoni tal-President Bedajaoui, punti 13 sa 15. Għal diskussjoni ara P. Juillard, L’application extraterritoriale de la loi économique in L’application extraterritoriale du droit economique, Bazex, M et Al (eds) (1986) u Koziel T., “Extraterritorial Application of EU Environmental Law-Implications of the ECJ’s Judgment in Air Transport Association of America” The Columbia Journal of European Law 19(2012) F1; P. Pazartis, “Judicial Activism and Judicial Self-Restraint: the PCIJ’s Lotus Case” f’C.J. Tams, u M. Fitzmaurice, Legacies of the Permanent Court of International Justice, Tams, C.J., u Fitzmaurice M., Martinus Nijhoff, Leiden, 2013, p. 319.


26 – Hemm kunsens apparenti fost ħafna kittieba li d-dritt internazzjonali kontemporanju jkun warrab il-preżunzjoni stabbilita fil-każ Lotus dwar il-libertà tal-Istati li jiddeċiedu fuq l-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni tagħhom fil-konfini tar-regoli tad-dritt internazzjonali obbligatorju u jkun hemm bżonn ta’ rabta jew ness “suffiċjenti” qabel l-aġir extraterritorjali ta’ dawk li ma humiex ċittadini u ta’ Stat qabel ma’ dan tal-aħħar ikun jista’ jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu biex jippreskrivi. Għal kontribuzzjoni influwenti ara F. A. Mann, The Doctrine of Jurisdiction in International Law, Recueil des Cours 1964:1, Vol. 111.


27 – Fuq il-ġurisdizzjoni universali ara R. O’Keefe, “Universal Jurisdiction Clarifying the Basic Concept” Journal of International Criminal Justice 2 (2004), p. 735.


28 – Każ Island of Palmas (jew Miangas), USA v. Netherlands, deċiżjoni tal-4 ta’ April 1928 (II RIAA 829).


29 – Każ Anglo-Norwegian Fisheries (UK v. Norway), Sentenza, Rapporti I.C.J. 1951, p. 116.


30 – Każ Nottebohm (Liechtenstein v. Guatemala), Sentenza, Rapporti I.C.J. 1955, p. 4.


31 – Każ li Jirrigwarda l-Mandat ta’ Arrest tal-11 ta’ April 2000 (Democratic Republic of Congo v. Belgium), Sentenza, Rapport I.C.J 2002, p.1.


32 – Konklużjonijiet fil-Kawża Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, EU:C:1988:258, punt 24.


33 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355.


34 – C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662.


35 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102.


36 – Sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert, EU:C:2010:662, punt 86.


37 – Sentenza NS, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865.


38 – Sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja, 10/56, EU:C:1958:8.


39 – ĠU 2010 L 331, p. 12.


40 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 38.


41 – Sentenza Meroni vs L-Awtorità Għolja, EU:C:1958:8, punti 171 u 172.


42 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 38.


43 – Ara d-diskussjoni fuq dan is-suġġett fil-Konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill u Il-Parlament, C‑270/12, EU:C:2013:562.


44 –      Sentenzi Racke, 98/78, EU:C:1979:14 punt 20 u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kunsill, C‑110/97, EU:C:2001:620, punt 151.


45 – Sentenza Pokrzeptowicz-Meyer, C‑162/00, EU:C:2002:57, punt 52. Ara wkoll is-sentenzi Saldanha u MTS, C‑122/96, EU:C:1997:458, punt 14; u Elektrownia Pątnów II, C‑441/08, EU:C:2009:698, punt 32. Ara wkoll is-sentenza Gemeinde Altrip et, C‑72/12, EU:C:2013:712 fejn ġie deċiż fil-punt 22 li għandu “jiġi mfakkar li, bħala prinċipju, dispożizzjoni legali ġdida tapplika sa mid-dħul fis-seħħ tal-att li joħloqha. Jekk hija ma tapplikax għas‑sitwazzjonijiet ġuridiċi maħluqa u miksuba b’mod definittiv taħt is-sistema legali preċedenti, hija tapplika għall-effetti futuri tagħhom, kif ukoll għas‑sitwazzjonijiet ġuridiċi [...]. Dan ikun differenti, u suġġett għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti ġuridiċi, jekk ir-regola l-ġdida jkollha magħha dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ratione temporis tagħha.” B’riferiment għas-sentenza Monsanto Technology, C-428/08, EU:C:2010:402, punt 66 u s-sentenza Stichting Natuur en Milieu et, C‑266/09, EU:C:2010:779, punt 32).


46 – Ara, bħala eżempju, is-sentenza Kone et vs Il-Kummissjoni, C‑510/11 P, EU:C:2013:696, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata.


47 – Pereżempju s-sentenza Accrington Beef et, C‑241/95, EU:C:1996:496, punt 33.


48 – Ibid punt 36.


49 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑86/03, EU:C:2005:769, punt 71. Dan seħħ b’mod klassiku meta l-UE naqset milli tieħu miżuri biex takkomoda merkanzija fi tranżitu affettwata minn bidliet immedjati fil-liġi doganali tal-UE. Ara, bħala eżempju, is-sentenza Sofrimport vs Il-Kummissjoni, C‑152/88, EU:C:1990:259.


50 – Sentenza tal-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-22 ta’ Settembru 1994 (§42, Serje A Nru 296-A).


51 – Sentenza tal-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem tad-9 ta’ Novembru 1999 (Nru 26449/95, §54, 9 November 1999).


52 – Sentenza Teleos et, C‑409/04, EU:C:2007:548.


53 – Sentenza Test Claimants in the Franked Investment Income Group Litigation, C‑362/12, EU:C:2013:834, punt 44.


54 – Id-dispożizzjoni tirriferi, pereżempju, għall-amministrazzjoni għolja, dawk li jieħdu r-riskju, persunal impenjat fil-funzjonijiet ta’ kontroll u kwalunkwe impjegat li jirċievi remunerazzjoni totali li toħodhom fl-istess kategorija ta’ remunerazzjoni bħall-amministrazzjoni għolja u dawk li jieħdu riskju li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil ta’ riskju tagħhom. Ara wkoll l-Anness I tad-Direttiva DRK III, diskussa fil-punt 84.


55 – Sentenzi Racke, 98/78, EU:C:1979:14, punt 20; Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kunsill, C‑110/97, EU:C:2001:620, punt 151.


56 – Ara KUMM(2010) 0284 finali, Taqsima 5.7., intitolata “Ir-Remunerazzjoni”.


57 – Ara inter alia l-premessa 71 dwar ir-Regolament propost KUMM(2011) 0452 finali, kif ukoll il-premessi (49), (61) u l-Artikoli 74, 88 sa 91 tad-direttiva proposta f’KUMM(2011) 0453 finali.


58 – Ara r-Rapport: A7-0170/2012.


59 – Artikolu 5(1) u (4) TFUE.


60 – Artikolu 5(1) u (3) TFUE.


61 – L-osservazzjonijiet bil-miktub tar-Renju Unit jirreferu għall-kompatibbiltà tar-rekwiżiti tal-iżvelar mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Madankollu, ladarba l-osservazzjonijiet bil-miktub ma jiżviluppawx iktar dan l-aspett tal-kontestazzjoni tar-Renju Unit, ser nillimita l-analiżi tiegħi tal-obbligi tal-iżvelar għall-kompatibbiltà tagħhom mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.


62 – ĠU 2003 C 321, p. 1.


63 – Ir-Renju Unit jibbaża ruħu fuq is-sentenza Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑176/09, EU:C:2011:290 f’dan ir-rigward.


64 – Sentenzi Eurotunnel et, C‑408/95, EU:C:1997:532, punti 37 sa 39, u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 355/87, EU:C:1989:220, punti 42 sa 44.


65 – Sentenza Afton Chemical, C‑343/09, EU:C:2010:419, punti 30 u 57.


66 – Ibid punt 33.


67 – Ibid punt 34.


68 – Ara wkoll, f’dan is-sens, ibid punti 35 sa 41.


69 – Sentenza Vodafone et, C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 52.


70 – Sentenza Spanja vs Il-Kunsill, C‑310/04, EU:C:2006:521, punti 121 sa 123.


71 – Ara s-sentenza Digital Rights Ireland, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata.


72 – Ara s-sentenzi Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C‑84/94, EU:C:1996:431, punt 58; British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 123.


73 – Ser niġi lura għat-tħassib tar-Renju Unit fir-rigward tal-Artikolu 114(2) TFUE fl-analiżi tiegħi sussegwenti dwar l-ewwel motiv.


74 – Din l-informazzjoni aggregata ma hijiex analoga mal-informazzjoni ddettaljata fuq il-ħlas ta’ individwi msemmijin, u l-kompatibbiltà tagħha mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data, li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat fil-kawżi Österreichischer Rundfunk et (C-465/00, C-138/01 and C‑139/01, EU:C:2003:294) Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, EU:C:2008:727).


75 – Sentenza Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑233/94, EU:C:1997:231, punti 13 u 15.


76–      Skont l-Artikolu 33 u l-Artikolu 34 tad-Direttiva DRK IV, istituzzjonijiet finanzjarji awtorizzati jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom ġewwa t-territorji ta’ Stati Membri oħrajn fuq il-bażi tal-awtorizzazzjoni tagħhom fl-Istat Membru Domiċiljarju.


77 – Sentenzi Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punti 40 u 46; Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 123; u Bruno u Pettini, C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 36.


78 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Maduro fil-Kawża Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:3, punt 39 u l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Impact, C‑268/06, EU:C:2008:2, punt 122.


79 – Pereżempju, is-sentenza Bruno u Pettini, C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 39; Ara wkoll is-sentenza Impact, EU:C:2008:223, punt 129.


80 – Sentenza Lock, C‑539/12, EU:C:2014:351, punti 29 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata.


81 – Sentenza Del Cerro Alonso, EU:C:2007:509, punt 46.


82 – Sentenza Impact, EU:C:2008:223, punt 124.


83 – Sentenzi Bruno u Pettini, EU:C:2010:28, punti 36 u 37; Del Cerro Alonso, EU:C:2007:509, punti 40, 44 sa 46; Impact, EU:C:2008:223, punti 123 sa 124 u 130, u l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Impact, EU:C:2008:2, punt 173.


84 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Impact, EU:C:2008:2, punt 174.


85 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Impact, EU:C:2008:2, punt 173.


86 – Dan l-eżitu ma jinbidilx mill-konsegwenzi fattwali allegati tal-introduzzjoni ta’ proporzjon fiss li jikkonsisti minn komponenti fissi miżjudin ta’ ħlas jew remunerazzjonijiet totali mnaqqsin għal dawk li jieħdu riskju materjali.


87 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 76 iktar ’il fuq.


88 – Eżempji ta’ dawn il-miżuri tal-UE huma dawk li jirrigwardaw in-nondiskriminazzjoni, ħaddiema ppustjati u l-ħin tax-xogħol. Għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ara, pereżempju, is-sentenzi Del Cerro Alonso, EU:C:2007:509, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 41 li l-eċċezzjoni tal-“ħlas” “ma tistax għaldaqstant tiġi estiża għal kull kwistjoni li tippreżenta kwalunkwe konnessjoni mal-pagi, taħt piena li tiġi invalidata parti kbira mis-sustanza ta’ ċerti oqsma msemmija fl-Artikolu 137(1) KE”, u s-sentenza Impact, EU:C:2008:223, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja qalet fil-punt 125 li din “ma tistax tiġi estiża għal kull kwistjoni li tippreżenta xi tip ta’ rabta mal-paga, inkella wħud mill-oqsma msemmija fl-Artikolu 137(1) KE jiġu mċaħħda minn parti kbira mis-sustanza tagħhom”, filwaqt li ċċitat, inter alia, is-sentenza Del Cerro Alonso EU:C:2007:509, punt 41.