Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ April 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberster Gerichtshof - l-Awstrija) – T-Mobile Austria GmbH vs Verein für Konsumenteninformation

(Kawża C-616/11) 1

(Direttiva 2007/64/KE– Servizzi ta’ ħlas – Punt 23 tal-Artikolu 4 – Kunċett ta’ strument ta’ ħlas – Ordnijiet ta’ trasferiment mogħtija online u bl-għajnuna ta’ formola stampata – Artikolu 52(3) – Dritt ta’ min jitħallas li jitlob lil min iħallas tariffi għall-użu ta’ strument ta’ ħlas – Setgħa tal-Istati Membri li jadottaw projbizzjoni ġenerali – Kuntratt bejn operatur ta’ telefonija ċellulari u individwi)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: T-Mobile Austria GmbH

Konvenut: Verein für Konsumenteninformation

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Oberster Gerichtshof - Interpretazzjoni tal-punt 23 tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 52(3) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU L 319, p. 1) - Kamp ta’ applikazzjoni - Kunċett ta’ “strument ta’ ħlas”- Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ spejjeż amministrattivi għall-użu ta’ strument ta’ ħlas - Kuntratt bejn operatur ta’ telefonija ċellulari u individwi - Ħlas permezz ta’ formola ta’ trasferiment ta’ ħlas iffirmata fuq il-karta, permezz ta’ sistema ta’ trasferiment ta’ ħlas fuq il-karta jew permezz ta’ sistema ta’ trasferiment ta’ ħlas bl-online banking

Dispożittiv

L-Artikolu 52(3) tad-Direttiva 2007/64 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-użu ta’ strument ta’ ħlas fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali bejn operatur ta’ telefonija ċellulari, bħala min jitħallas, u l-klijent tiegħu, bħala min iħallas.

Il-punt 23 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64 għandu jiġi interpretat fis-sens li kemm il-proċedura tal-ħruġ ta’ ordni tat-trasferiment permezz ta’ formola tat-trasferiment ta’ ħlas iffirmata bl-idejn ta’ min iħallas kif ukoll il-proċedura sabiex tinħareġ ordni ta’ trasferiment ta’ ħlas permezz tal-online banking jikkostitwixxu strumenti ta’ ħlas fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

L-Artikolu 52(3) tad-Direttiva 2007/64 għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jipprojbixxu b’mod ġenerali lil min jitħallas milli jimponi tariffi fuq min iħallas, għall-użu ta’ kull strument ta’ ħlas, sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali, fl-intier tagħha, tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jiġu inkoraġġuti l-kompetizzjoni u l-użu ta’ strumenti ta’ ħlas effiċjenti, liema fatt huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

____________

1 ĠU C 73, 10.03.2012.